Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0454

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-17 ta' Novembru 2011.
    Oliver Jestel vs Hauptzollamt Aachen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
    Kodiċi Doganali tal-Komunità - It-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) - Ħolqien ta’ dejn doganali wara l-introduzzjoni kontra l-liġi ta’ merkanzija - Kunċett ta’ ‘debitur’ - Parteċipazzjoni fl-introduzzjoni kontra l-liġi - Persuna li aġixxiet bħala intermedjarju fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-merkanzija introdotta kontra l-liġi.
    Kawża C-454/10.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:752

    Kawża C-454/10

    Oliver Jestel

    vs

    Hauptzollamt Aachen

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

    “Kodiċi Doganali tal-Komunità — It-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) — Ħolqien ta’ dejn doganali wara l-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija — Kunċett ta’ ‘debitur’ — Parteċipazzjoni fl-introduzzjoni irregolari — Persuna li aġixxiet bħala intermedjarju fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-merkanzija introdotta irregolarment”

    Sommarju tas-sentenza

    Unjoni doganali — Ħolqien ta’ dejn doganali wara l-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija — Kunċett ta’ debitur

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 202(3))

    It-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kkunsidrata debitriċi tad-dejn doganali kkawżat mill-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea l-persuna li, mingħajr ma pprovdiet direttament l-għajnuna tagħha għal din l-introduzzjoni, ipparteċipat fiha bħala intermedjarju għall-konklużjoni tal-kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw din il-merkanzija, sakemm din il-persuna kienet taf, jew kellha raġonevolment tkun taf, li din l-introduzzjoni kienet irregolari, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-formulazzjoni “raġonevolment kellha tkun taf”, li tinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, tirreferi għall-imġiba ta’ operatur kawt u diliġenti. Barra minn hekk, huwa rilevanti li jiġi kkunsidrat jekk l-intermedjarju ħax il-passi kollha raġonevolment mistennija minnu sabiex jiżgura li l-merkanzija inkwistjoni ma tiġix introdotta irregolarment, b’mod partikolari jekk informax lill-fornitur bl-obbligu tiegħu li jiddikjara din il-merkanzija lid-dwana. Għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li kienet għad-dispożizzjoni tal-intermedjarju jew li tagħha huwa kellu raġonevolment ikollu għarfien, b’mod partikolari minħabba l-obbligi kuntrattwali tiegħu. F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jiġi stabbilit jekk id-dazji dovuti fuq l-importazzjoni kinux indikati fuq il-kuntratti ta’ bejgħ jew fuq dokumenti oħra li kienu għad-dispożizzjoni tal-intermedjarju, li jissuġġerixxi għalhekk li l-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni saret skont il-liġi. Fl-aħħar nett, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu li fih l-intermedjarju pprovda s-servizzi tiegħu lill-bejjiegħ tal-merkanzija inkwistjoni.

    (ara l-punti 22, 24-27 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    17 ta’ Novembru 2011 (*)

    “Kodiċi Doganali tal-Komunità – It-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) – Ħolqien ta’ dejn doganali wara l-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija – Kunċett ta’ ‘debitur’ – Parteċipazzjoni fl-introduzzjoni irregolari – Persuna li aġixxiet bħala intermedjarju fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-merkanzija introdotta irregolarment”

    Fil-Kawża C‑454/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura

    Oliver Jestel

    vs

    Hauptzollamt Aachen,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u K. Havlíčková, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u L. Bouyon, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-14 ta’ Lulju 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn O. Jestel u l-Hauptzollamt Aachen (uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Aix-la-Chapelle, iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) fir-rigward tal-ħlas ta’ dejn doganali kkawżat mill-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità.

     Il-kuntest ġuridiku

    3        L-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “1.      Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

    (a)      l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni

    […]

    Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 177.

    2.      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji tiġi introdotta kontra l-liġi.

    3.      Id-debituri għandhom ikunu:

    –        il-persuna li tkun introduċiet dawk l-merkanziji kontra l-liġi,

    –        kull persuna li tkun ipparteċipat fl-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanziji u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li tali introduzzjoni kienet kontra l-liġi,

    –        kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li dawn kienu ġew introdotti kontra l-liġi.”

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    4        Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bejn ix-xahar ta’ April tas-sena 2004 u x-xahar ta’ Mejju tas-sena 2006, O. Jestel qiegħed għall-bejgħ bl-irkant oġġetti li joriġinaw miċ-Ċina fuq il-pjattaforma tal-internet eBay, fejn huwa jopera żewġt iħwienet online. Huwa aġixxa bħala intermedjarju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ din il-merkanzija u ġabar il-ħlas tal-bejgħ. L-iffissar tal-prezzijiet u l-provvista ta’ din il-merkanzija ġew żgurati mill-fornitur Ċiniż tagħha. Fil-fatt, huwa dan tal-aħħar li bagħatha, bil-posta, direttament lix-xerrejja stabbiliti fil-Ġermanja.

    5        Il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntbagħtet lil dawn ix-xerrejja mingħajr ma ġiet ippreżentata fid-dwana u mingħajr ma nġabru d-dazji fuq l-importazzjoni, apparentement minħabba indikazzjonijiet żbaljati kkomunikati minn dan il-fornitur fir-rigward tal-kontenut u l-valur tal-oġġetti mibgħuta.

    6        Il-Hauptzollamt ħareġ avviż ta’ ħlas ta’ taxxa fil-konfront ta’ O. Jestel għal ammont ta’ madwar EUR 10 000 bħala dazji doganali kif ukoll għal ammont ta’ madwar EUR 21 000 bħala t-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta fuq l-importazzjoni. Huwa sostna, b’mod partikolari, li O. Jestel ipparteċipa fl-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2002(3) tal-Kodiċi Doganali. L-ilment amministrativ imressaq kontra dan l-avviż ma ntlaqax.

    7        Il-Finanzgericht Düsseldorf ċaħad l-appell ippreżentat minn O. Jestel mid-deċiżjoni tal-Hauptzollamt. Mill-proċess jirriżulta li dik il-qorti ddeċidiet, fl-ewwel lok, li l-introduzzjoni tal-merkanzija inkwistjoni kienet irregolari fis-sens tal-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, inkwantu, minn naħa, din saret bi ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 38 sa 41 ta’ dan il-kodiċi u, min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni, għal kunsinni postali, mill-obbligu li jgħaddu mid-dwana ma kinitx tapplika għal din il-merkanzija peress li l-valur reali tagħha kien jeċċedi l-limitu preskritt ta’ EUR 22. Fit-tieni lok, O. Jestel kien debitur tad-dejn doganali, partikolarment skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-istess kodiċi.

    8        Adita bl-appell ta’ “Reviżjoni” minn din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont O. Jestel, il-konklużjoni tal-kuntratti ta’ bejgħ fuq l-eBay kif ukoll it-trażmissjoni tal-ismijiet u tal-indirizzi tax-xerrejja lill-fornitur Ċiniż, operazzjonijiet li seħħew ferm qabel ma ntbagħtet l-istess merkanzija u li huma relatati biss mat-tranżazzjoni kawżali, ma kinux jikkostitwixxu parteċipazzjoni f’din l-introduzzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali.

    9        Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kwistjoni ta’ jekk O. Jestel kienx jistenna li l-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ser ikunu irregolari jew jekk, kif huwa jsostni, issuponiex li dawn kienu ser isiru b’mod regolari, minkejja ċerti dubji li kellu f’dan ir-rigward, għadha ma ġietx deċiża. Madankollu, dik il-qorti tqis li huwa dubjuż li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, persuna tkun debitriċi ta’ dejn doganali taħt l-imsemmija dispożizzjoni, u dan anki fil-każ fejn hija tipprevedi, jew anki tistenna, li l-bejjiegħ ikun ser jintroduci irregolarment fit-territorju doganali tal-Unjoni l-merkanzija inkwistjoni.

    10      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Dejn doganali li jirriżulta mill-‘parteċipazzjoni’ għall-introduzzjoni kontra l-liġi [irregolari] fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea ta’ merkanzija, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jiġi inkors minn persuna li, mingħajr ma tipprovdi direttament l-għajnuna tagħha għall-introduzzjoni, isservi bħala intermedjarju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-merkanzija inkwistjoni u tipprevedi, f’dan il-kuntest, li l-bejjiegħ jista’ jikkunsinna l-merkanzija jew parti minnha mingħajr ma jħallas id-dazji fuq l-importazzjoni?

    2)      Huwa biżżejjed skont il-każ jekk din il-persuna tqis dan il-fatt possibbli, jew hija ssir debitur biss jekk tistenna li dan ser iseħħ?”

     Fuq id-domandi preliminari

    11      Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kkunsidrata bħala li pparteċipat fl-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni persuna li, mingħajr ma pprovdiet direttament l-għajnuna tagħha għal din l-introduzzjoni, serviet ta’ intermedjarju għall-konklużjoni tal-kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw din il-merkanzija. Fil-każ ta’ tweġiba fl-affermattiv, l-istess qorti tixtieq tkun taf jekk tali persuna ssirx debitriċi tad-dejn doganali taħt din id-dispożizzjoni biss kemm-il darba hija tistenna li l-introduzzjoni tal-merkanija kkonċernata tkun ser issir irregolarment jew jekk huwiex suffiċjenti, sabiex tiġi kkunsidrata bħala tali, li hija tqis biss li tali introduzzjoni hija konċepibbli.

    12      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien bi ħsiebu, sa mid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali, jistabbilixxi b’mod komplet il-kundizzjonijiet sabiex jiġu ddeterminati l-persuni debituri tad-dejn doganali (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2004, Spedition Ulustrans, C‑414/02, Ġabra p. I‑8633, punt 39; tat-3 ta’ Marzu 2005, Papismedov et, C‑195/03, Ġabra p. I‑1667, punt 38, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2005, United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, C‑140/04, Ġabra p. I‑8245, punt 30). Fil-każ ta’ dejn doganali kkawżat mill-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 202 tal-imsemmi kodiċi, il-persuni li jistgħu jkunu debituri huma elenkati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

    13      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kliem ta’ dan il-pargrafu tal-aħħar jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-persuni li jistgħu jiġu kkunsidrati debituri tad-dejn doganali, fil-każ ta’ introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija suġġetta għad-dazji fuq l-importazzjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Spedition Ulustrans, punt 25, kif ukoll Papismedov et, punt 38).

    14      Għandu issa jiġi kkonstatat li persuna bħalma hija O. Jestel, sa fejn l-attività tagħha hija limitata għall-intervent tagħha fil-konklużjoni tal-kuntratti ta’ bejgħ tal-merkanzija, għall-ġbir tal-ħlas għal dan il-bejgħ u kif ukoll għall-komunikazzjoni tal-ismijiet u l-indirizzi tax-xerrejja lill-fornitur ta’ din il-merkanzija, ma tistax tkun debitriċi tad-dejn doganali taħt l-ewwel u t-tielet inċiżi tal-imsemmi paragrafu 3. Fil-fatt, dawn l-inċiżi jirrigwardaw, rispettivament, il-persuna li introduċiet b’mod konkret il-merkanzija mingħajr ma ddikjarata (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Viluckas u Jonusas, C‑238/02 u C‑246/02, Ġabra p. I‑2141, punt 29, kif ukoll Papismedov et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39) u l-persuni li akkwistaw jew żammew din il-merkanzija wara l-introduzzjoni tagħha.

    15      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, huma debituri tad-dejn doganali l-persuni li pparteċipaw fl-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju tal-Unjoni meta kienu jafu, jew kellhom raġonevolment ikunu jafu, li tali introduzzjoni kienet irregolari. Minn dan jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ persuna bħala debitur, taħt din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet, li minnhom l-ewwel waħda hija oġġettiva, jiġifieri l-parteċipazzjoni fl-imsemmija introduzzjoni, u t-tieni waħda hija suġġettiva, jiġifieri li l-persuni pparteċipaw xjentement f’operazzjonijiet ta’ introduzzjoni irregolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Papismedov et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

    16      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni oġġettiva li tinsab f’din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kienu pparteċipaw fl-introduzzjoni irregolari l-persuni li ħadu kwalunkwe parti f’din l-introduzzjoni (sentenza Spedition Ulustrans, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

    17      F’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur ma speċifikax li l-persuni previsti minn din l-istess dispożizzjoni huma biss dawk li kkontribwixxew b’mod dirett għall-introduzzjoni irregolari. Għalhekk, jistgħu jiġu inklużi wkoll dawk il-persuni li huma involuti f’atti marbuta ma’ din l-introduzzjoni.

    18      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li kemm il-konklużjoni tal-kuntratti ta’ bejgħ inkwistjoni kif ukoll il-kunsinna tal-merkanzija li hija s-suġġett ta’ dawn il-kuntratti jikkostitwixxu elementi ta’ operazzjoni waħda, jiġifieri l-bejgħ ta’ din il-merkanzija. Għalhekk, persuna, bħalma hija O. Jestel fil-kawża prinċipali, li, mingħajr ma pprovdiet direttament l-għajnuna tagħha għall-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni, serviet bħala intermedjarju għall-konklużjoni tal-kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw din il-merkanzija għandha tiġi kkunsidrata li pparteċipat f’din l-introduzzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali.

    19      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni suġġettiva li tinsab f’din id-dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex din il-kundizzjoni tkun sodisfatta, huwiex neċessarju li l-parteċipanti previsti minn din l-istess dispożizzjoni jistennew li l-introduzzjoni tkun irregolari jew jekk huwiex suffiċjenti li dawn jikkunsidrawha biss konċepibbli. Din il-kwistjoni taqa’ taħt iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali fejn l-introduzzjoni irregolari seħħet wara l-att ta’ parteċipazzjoni.

    20      Issa, il-kundizzjoni suġġettiva li tinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali hija bbażata fuq il-fatt li l-persuni li pparteċipaw f’din l-introduzzjoni kienu jafu jew kellhom raġonevolment ikunu jafu li din kienet irregolari, u dan jimplika li huma kellhom, jew kellu raġonevolment ikollhom, l-għarfien dwar l-eżistenza ta’ irregolarità jew ta’ diversi irregolaritajiet.

    21      Ladarba din il-kundizzjoni tinvolvi kunsiderazzjonijiet ta’ natura fattwali, huwa l-kompitu, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni Ewropea u l‑qrati nazzjonali, tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk din hijiex sodisfatta fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Papismedov et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tagħti deċiżjoni fuq rinviju preliminari, tista’, jekk ikun opportun, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti fl-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Severi, C‑446/07, Ġabra p. I‑8041, punt 60, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, Ġabra p. I‑11405), punt 34).

    22      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkunsidrat li l-formulazzjoni “raġonevolment kellha tkun taf”, li tinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, tirreferi għall-imġiba ta’ operatur kawt u diliġenti.

    23      Min-naħa l-oħra, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tagħmel evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

    24      Għalhekk, b’mod partikolari, għandu jiġi kkunsidrat li persuna li sservi ta’ intermedjarju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ għandha tkun taf li l-kunsinna ta’ merkanzija li toriġina minn Stat terz u ddestinata għall-Unjoni toħloq l-obbligu ta’ ħlas ta’ dazji fuq l-importazzjoni. Huwa għalhekk rilevanti li jiġi kkunsidrat jekk l-intermedjarju ħax il-passi kollha raġonevolment mistennija minnu sabiex jiżgura li l-merkanzija inkwistjoni ma tiġix introdotta irregolarment, b’mod partikolari jekk informax lill-fornitur bl-obbligu tiegħu li jiddikjara din il-merkanzija lid-dwana.

    25      Għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li kienet għad-dispożizzjoni tal-intermedjarju jew li tagħha huwa kellu raġonevolment ikollu għarfien, b’mod partikolari minħabba l-obbligi kuntrattwali tiegħu. F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jiġi stabbilit jekk id-dazji dovuti fuq l-importazzjoni kinux indikati fuq il-kuntratti ta’ bejgħ jew fuq dokumenti oħra li kienu għad-dispożizzjoni tal-intermedjarju, li jissuġġerixxi għalhekk li l-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni saret skont il-liġi.

    26      Barra minn hekk, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu li fih l-intermedjarju pprovda s-servizzi tiegħu lill-bejjiegħ tal-merkanzija inkwistjoni. Fil-fatt, jekk l-intermedjarju pprovda s-servizzi tiegħu matul perijodu twil, ftit jista’ jidher li huwa probabbli li huwa ma kellux l-okkażjoni li jkun jaf bil-prattiki ta’ dan il-bejjiegħ fir-rigward tal-kunsinna ta’ din il-merkanzija.

    27      Fid-dawl tal-premess, għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li t-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kkunsidrata debitriċi tad-dejn doganali kkawżat mill-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni l-persuna li, mingħajr ma pprovdiet direttament l-għajnuna tagħha għal din l-introduzzjoni, ipparteċipat fiha bħala intermedjarju għall-konklużjoni tal-kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw din il-merkanzija, sakemm din il-persuna kienet taf, jew kellha raġonevolment tkun taf, li din l-introduzzjoni kienet irregolari, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa.

     Fuq l-ispejjeż

    28      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    It-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kkunsidrata debitriċi tad-dejn doganali kkawżat mill-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea l-persuna li, mingħajr ma pprovdiet direttament l-għajnuna tagħha għal din l-introduzzjoni, ipparteċipat fiha bħala intermedjarju għall-konklużjoni tal-kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw din il-merkanzija, sakemm din il-persuna kienet taf, jew kellha raġonevolment tkun taf, li din l-introduzzjoni kienet irregolari, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top