This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0419
Judgment of the Court (Second Chamber), 26 April 2012.#Wolfgang Hofmann v Freistaat Bayern.#Reference for a preliminary ruling from the Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.#Directive 2006/126/EC — Mutual recognition of driving licences — Refusal by a Member State to recognise, in favour of a person whose driving licence was withdrawn on its territory, the validity of a driving licence issued by another Member State.#Case C‑419/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta̕ April 2012.
Wolfgang Hofmann vs Freistaat Bayern.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.
Direttiva 2006/126/KE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Rifjut ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi, lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha ġiet irtirata fit-territorju tiegħu, il-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor.
Kawża C-419/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta̕ April 2012.
Wolfgang Hofmann vs Freistaat Bayern.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.
Direttiva 2006/126/KE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Rifjut ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi, lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha ġiet irtirata fit-territorju tiegħu, il-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor.
Kawża C-419/10.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:240
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
26 ta’ April 2012 ( *1 )
“Direttiva 2006/126/KE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Rifjut ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi, lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha ġiet irtirata fit-territorju tiegħu, il-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor”
Fil-Kawża C-419/10,
li għadha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura
Wolfgang Hofmann
vs
Freistaat Bayern,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal W. Hofmann, minn W. Säftel, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Freistaat Bayern, minn M. Niese, Oberlandesanwalt fl-uffiċċju legali tal-Freistaat Bayern, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u N. Yerrell, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Novembru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (Tfassil mill-Ġdid) (ĠU L 403, p. 18). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn W. Hoffman, ċittadin Ġermaniż detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa mir-Repubblika Ċeka, u l-Freistaat Bayern, dwar deċiżjoni li tirrifjutalu d-dritt li juża l-liċenzja tas-sewqan tiegħu fit-territorju tar-Repubblika Federali Ġermaniża. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 |
Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2006/126: “Ir-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan huma essenzjali fl-implementazzjoni tal-politika tat-trasport komuni, jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq, u jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ persuni li jkunu sejrin jagħmlu r-residenza tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun inħarġet il-liċenzja. Fid-dawl ta’ l-importanza tat-trasport fuq il-bażi ta’ mezzi individwali, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan debitament rikonoxxuta mill-Istat Membru ospitanti tippromovi l-moviment liberu u l-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ persuni. […]” |
4 |
Skont il-premessa 8 ta’ din id-direttiva, għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan. |
5 |
Il-premessa 15 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi: “Għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom fir-rigward ta’ l-irtirar, tas-sospensjoni, tat-tiġdid tal-kanċellazzjoni ta’ liċenzji tas-sewqan lid-detenturi kollha ta’ liċenzja li jkunu kisbu r-residenza normali fit-territorju tagħhom.” |
6 |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126, “[i]l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku”. |
7 |
L-Artikolu 7(1) u (5) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi: “1. Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:
[...]
[...]
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, Stat Membru li joħroġ liċenzja għandu japplika d-diliġenza dovuta sabiex jiżgura li l-persuna tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar il-kanċellament jew l-irtirar tad-dritt tas-sewqan jekk jiġi stabbilit li liċenzja ġiet maħruġa mingħajr ma ġew sodisfatti r-rekwiżiti.” |
8 |
L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 huwa redatt kif ġej: “Stat Membru għandu jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ristretta, sospiża jew irtirata fi Stat Membru ieħor. Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet ristretta, sospiża jew irtirata fit-territorju ta’ l-Istat preċedenti. Stat Membru jista’ wkoll jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu kanċellata fi Stat Membru ieħor.” |
9 |
L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi: “1. Bil-kunsens tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ekwivalenzi bejn id-drittijiet miksuba qabel l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-kategoriji definiti fl-Artikolu 4. Wara li jikkonsultaw il-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kull aġġustament fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li jkun meħtieġ bil-għan li jimplementaw id-dispożizzjoniiet ta’ l-Artikolu 11(4), (5) u (6). 2. Kull dritt ta’ sewqan mogħti qabel 19 ta’ Jannar 2013 ma għandux jitneħħa jew bi kwalunkwe mod kwalifikat bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.” |
10 |
L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin fl-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jiskambjaw tagħrif dwar il-liċenzji li jkunu ħarġu, skambjaw, issostitwixxu, ġeddu jew ikkanċellaw. Huma għandhom jużaw in-network ta’ liċenzji tas-sewqan ta’ l-UE stabbilit għal dawn il-finijiet, hekk kif dan in-network isir operattiv.” |
11 |
L-Artikolu 16(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux aktar tard minn 19 ta’ Jannar 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), (2), (3) u (4)(b) sa (k), l-Artikolu 6(1), (2)(a), (ċ), (d) u (e), l-Artikolu 7(1)(b), (ċ) u (d), (2), (3) u (5), l-Artikolu 8, l-Artikolu 10, l-Artikolu 13, l-Artikolu 14, l-Artikolu 15, u l-Annessi I, punt 2, II, punt 5.2 dwar il-Kategoriji A1, A2 u A, IV, V u VI. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjoniet. 2. Huma għadhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn 19 ta’ Jannar 2013.” |
12 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/126 jistabbilixxi: “Id-Direttiva 91/439/KEE [tal-Kunsill, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 137)] hija b’dan imħassra b’effett minn 19 ta’ Jannar 2013, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-iskadenzi indikati fil-Parti B ta’ l-Anness VII għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva fil-liġi nazzjonali.” |
13 |
L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/126 huwa redatt b’dan il-mod: “Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(2)(b), l-Artikolu 7(1)(a), l-Artikolu 9, l-Artikolu 11(1), (3), (4), (5) u (6), l-Artikolu 12 u l-Annessi I, II u III għandhom japplikaw minn 19 ta’ Jannar 2009.” |
14 |
Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/439, “[i]l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu rrikonoxxuti reċiprokament”. |
15 |
L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi: “1. Il-liċenzji tas-sewqan għandhom, barra minn hekk, jinħarġu biss lil dawk l-applikanti :
|
16 |
L-Artikolu 8(2) u (4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “2. Bla ħsara għat-tħaris tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istati Membri tar-residenza normali jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan fuq il-possessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u, jekk meħtieġ, jibdlu l-liċenzja b’dan il-għan. [...] 4. Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-persuna li tkun, fit-territorju ta’ l-Istat ta’ qabel, bla ħsara għal waħda mill-miżuri riferiti fil-paragrafu 2. Stat Membru jista’ l-istess jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkun bla ħsara għal din il-miżura fi Stat Membru ieħor.” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
17 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-Liġi dwar l-aċċess tal-persuni għas-sewqan fit-toroq [Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straßenverkehr (Fahrerlaubnis-Verordnung)], tat-18 ta’ Awwissu 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2214), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi tas-7 ta’ Jannar 2009 (BGBl. 2009 I, p. 29), tistabbilixxi: “Id-detenturi ta’ liċenzja ta’ sewqan valida tal-[Unjoni Ewropea] jew taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] li għandhom ir-residenza normali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 7(1) jew (2) fil-Ġermanja huma awtorizzati — bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 4 — li jsuqu vetturi f’dan il-pajjiż sa fejn id-drittijiet tagħhom jippermettulhom. [...]” |
18 |
L-Artikolu 28(4) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi: “L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tapplikax għad-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan tal-[Unjoni] jew taż-ŻEE, [...] 3. li l-liċenzja tas-sewqan tagħhom kienet, fil-Ġermanja, is-suġġett ta’ miżura ta’ rtirar provviżorja jew definittiva meħuda minn qorti, jew ta’ miżura ta’ rtirar immedjatament eżekuttiva jew definittiva meħuda minn awtorità amministrattiva, jew li l-liċenzja tas-sewqan tagħhom ġiet irrifjutata b’deċiżjoni li saret definittiva jew li l-liċenzja tas-sewqan tagħhom ma ġietx irtirata biss minħabba l-fatt li fil-frattemp huma rrinunzjaw għaliha, [...] Fil-każijiet imsemmija fl-ewwel sentenza, punti 2 u 3, l-awtorità kompetenti tista’ tadotta att li jikkonstata n-nuqqas ta’ dritt. L-ewwel sentenza tal-punti 3 u 4 tapplika biss meta l-miżuri li hija tirrigwarda jitniżżlu fir-reġistru ċentrali tas-sewqan u meta ma jkun sar l-ebda tħassir abbażi tal-Artikolu 29 tal-Liġi dwar is-sewqan fit-toroq (Straßenverkehrsgesetz).” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
19 |
Permezz ta’ digriet kriminali tat-8 ta’ Mejju 2007, li sar definittiv, W. Hofmann ġie kkundannat mill-Amtsgericht Memmingen (Qorti Distrettwali ta’ Memmingen) għal multa minħabba sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol. Barra minn hekk, il-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet irtirata u fil-konfront tiegħu ttieħdet id-deċiżjoni li permezz tagħha huwa ġie pprojbit milli japplika għal liċenzja ġdida għal perijodu ta’ 15-il xahar, jiġifieri sas-7 ta’ Awwissu 2008. F’dan ir-rigward, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, qabel ma jkun jista’ jikseb lura din il-liċenzja tas-sewqan wara dan il-perijodu ta’ projbizzjoni, W. Hofmann kellu japplika għall-ħruġ ta’ permess ġdid mingħand l-awtorità Ġermaniża kompetenti, li kellha tiddeċiedi jekk kienx hemm lok li tissuġġetta l-għoti lura tal-liċenzja għal eżami ġdid tas-sewqan, sabiex tistabbilixxi l-kapaċità tas-sewqan tal-persuna kkonċernata, jew għal test mediku-psikoloġiku obbligatorju, sabiex tivverifika l-kapaċità tiegħu li jsuq vetturi bil-mutur. |
20 |
Matul kontroll tat-traffiku mwettaq fis-17 ta’ Marzu 2009, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonstataw li W. Hofmann kien fil-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan Ċeka maħruġa fid-19 ta’ Jannar 2009 u li tirreferi għal Lazany (ir-Repubblika Ċeka) bħala l-post ta’ residenza tad-detentur tagħha. Din il-liċenzja ġiet sekwestrata mill-pulizija Ġermaniża matul kontroll ieħor tat-traffiku mwettaq fil-25 ta’ Marzu 2009. L-imsemmija liċenzja ntbagħtet lill-awtorità Ġermaniża kompetenti fil-qasam tal-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan. |
21 |
Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2009, din l-awtorità informat lil W. Hofmann li l-liċenzja tas-sewqan Ċeka tiegħu ma tawtorizzahx isuq vetturi bil-mutur fil-Ġermanja. Fil-każ li huwa ma jaċċettax li jiġi annotat dan il-fatt fuq dan id-dokument, att dikjarattiv kien ser jiġi adottat. |
22 |
Peress illi W. Hofmann irrifjuta din l-annotazzjoni, l-imsemmija awtorità kkonstatat, permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2009, li l-liċenzja tas-sewqan Ċeka tiegħu ma tawtorizzahx isuq vetturi bil-mutur fit-territorju Ġermaniż u ordnat li jiġi annotat fuq dan id-dokument il-fatt li l-imsemmija liċenzja ma hijiex valida fl-imsemmi territorju. |
23 |
Fit-13 ta’ Awwissu 2009, W. Hofmann adixxa lill-Verwaltungsgericht Augsburg (Qorti Amministrattiva ta’ Augsbourg) b’rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. |
24 |
Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2009, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan ma huwiex ta’ ostakolu għall-fatt li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ dritt ta’ W. Hoffman li juża, fil-Ġermanja, il-liċenzja tas-sewqan Ċeka tiegħu, sa fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jidderoga mill-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439, li tirriżulta mis-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk (C-329/06 u C-343/06, Ġabra p. I-4635), u Zerche et (C-334/06 sa C-336/06, Ġabra p. I-4691), dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 ma għandux ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva. Il-fatt li jiġu aċċettati eċċezzjonijiet ta’ oriġini ġurisprudenzjali jmur kontra r-rifjut strett ta’ rikonoxximent tal-validità ta’ liċenzja tas-sewqan li issa huwa impost mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. Issa, l-effikaċità tal-ġlieda kontra t-“turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan”, li tikkostitwixxi waħda mill-għanijiet tal-imsemmija direttiva, timponi l-ħtieġa li jiġi pprojbit kull evitar tad-dispożizzjonijiet dwar il-kapaċità, komparittivament stretti, li japplikaw fil-Ġermanja wara li tiġi rtirata liċenzja tas-sewqan Ġermaniża. |
25 |
Permezz ta’ appell awtorizzat mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Bayern), W. Hofmann essenzjalment talab l-annullament tas-sentenza tal-Verwaltungsgericht Augsburg u tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan tal-15 ta’ Lulju 2009, billi sostna li, fl-ewwel stadju, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 kienx japplika għal liċenzji tas-sewqan barranin maħruġa, bħal f’din il-kawża, fid-19 ta’ Jannar 2009, jew f’data sussegwenti. Huwa biss fit-tieni stadju li tqum il-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza kinitx applikabbli għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar 2009. |
26 |
Peress li kellha dubji fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikoli 1(2) u 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 tistax tiġi applikata għall-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sospensjoni applikabbli għaliha meta l-liċenzja ta’ din il-persuna kienet ġiet irtirata fit-territorju tal-ewwel Stat Membru u meta din il-persuna, fiż-żmien tal-ħruġ tal-liċenzja, kellha r-residenza normali tagħha fit-territorju tal-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja?” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
27 |
B’ittra li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Settembru 2011, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li W. Hoffman kien is-suġġett ta’ miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ April 2011 tal-Amtsgericht Memmingen, li saret definittiva, u li l-għoti lura tal-imsemmija liċenzja kien ġie eskluż għal perijodu ta’ sena u sitt xhur. Għalhekk, għalkemm skont l-imsemmija qorti ma għadx hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq il-konstatazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan tal-15 ta’ Lulju 2009, li tipprovdi li l-liċenzja tas-sewqan Ċeka ta’ W. Hoffman ma kinitx tawtorizzah isuq vetturi bil-mutur fit-territorju Ġermaniż, xorta għad hemm il-ħtieġa li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq id-domanda preliminari. |
28 |
Fil-fatt, minn naħa, il-mandatarju ad litem ta’ W. Hoffman issa qed jitlob, b’reazzjoni għall-kundanna kriminali tal-klijent tiegħu, li s-sentenza tal-Verwaltungsgericht Augsburg tiġi rriformata u li din id-deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2009 tiġi kkonstatata bħala illegali. Sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija deċiżjoni kinitx illegali, hemm bżonn li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domanda preliminari. Min-naħa l-oħra, il-proċedura mibdija minn W. Hoffman hija biss waħda mid-diversi proċeduri li l-eżitu tagħhom jiddependi mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda. |
Fuq id-domanda preliminari
29 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu, lil hinn minn kull perijodu ta’ projbizzjoni għal applikazzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida imposta fuq id-detentur tal-liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor u meta saħansitra l-kundizzjoni ta’ residenza normali fit-territorju ta’ dan tal-aħħar ġiet osservata, jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ din il-liċenzja tas-sewqan, meta d-detentur tal-imsemmija liċenzja kien is-suġġett, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, ta’ miżura ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan preċedenti. |
Osservazzjonijiet preliminari
30 |
Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 humiex applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
31 |
W. Hoffman iqis li mill-Artikolu 16(2) u mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/126, li jipprovdi li ebda dritt ta’ sewqan mogħti qabel id-19 ta’ Jannar 2013 ma għandu jitneħħa jew jiġi bi kwalunkwe mod ikkwalifikat bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, jirriżulta li d-data tad-dħul fis-seħħ tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tagħha kienet iffissata għad-19 ta’ Jannar 2013. |
32 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ġermaniż huma tal-fehma li l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 japplikaw għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li din id-direttiva daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar 2007 u li l-element determinanti, fil-kuntest ta’ din il-kawża, huwa l-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan Ċeka fid-19 ta’ Jannar 2009. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva ma jipprekludix l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din l-istess direttiva fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa qabel id-19 ta’ Jannar 2013. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li din l-aħħar dispożizzjoni tapplika, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/126, mid-19 ta’ Jannar 2009. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 16(1) u (2) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva japplika biss mid-19 ta’ Jannar 2013. Ir-Repubblika Federali Ġermaniża lanqas ma ttrasponiet b’mod antiċipat l-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva. |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-Direttiva 91/439 mhux ser tiġi mħassra qabel id-19 ta’ Jannar 2013, l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 japplikaw mid-19 ta’ Jannar 2009, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tagħha (ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, Akyüz, C-467/10, punt 31). |
34 |
Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-liċenzja tas-sewqan Ċeka ta’ W. Hoffman, miksuba fid-19 ta’ Jannar 2009, ġiet issekwestrata mill-pulizija Ġermaniża fil-25 ta’ Marzu 2009 u li huwa ġie informat mill-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti fil-qasam tal-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan, b’ittra tal-20 ta’ April 2009, li l-imsemmija liċenzja ma tawtorizzahx isuq vetturi bil-mutur fil-Ġermanja. Sussegwentement, l-imsemmija awtorità ordnat, b’deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2009, li dan d-dokument jiġi annotat b’referenza li ssemmi n-nuqqas ta’ validità tiegħu fit-territorju Ġermaniż. |
35 |
Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 japplikaw ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
36 |
L-argument ta’ W. Hofmann li essenzjalment jipprovdi li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/126 jimpedixxi l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tal-imsemmija direttiva 2006/126 ma jinvalidax din il-konklużjoni. |
37 |
Fil-fatt, minbarra d-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/126 u li l-Artikolu 11(4) tagħha jifforma parti minnhom, id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha, japplikaw, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, biss mid-19 ta’ Jannar 2013. |
38 |
Barra minn hekk, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, li kieku l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/126 jiġi interpretat fis-sens li, b’mod ġenerali, liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel id-19 ta’ Jannar 2013 la tista’ tiġi rtirata u lanqas suġġetta għal restrizzjoni, ma jkunx jista’ jiġi applikat l-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva li fir-rigward tiegħu t-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tagħha espressament jipprovdi, madankollu, applikazzjoni li tibda tiddekorri mid-19 ta’ Jannar 2009. |
39 |
Fi kwalunkwe każ, kif josserva wkoll il-Gvern Ġermaniż, il-pożizzjoni tal-Artikolu 13 fil-qafas tad-Direttiva 2006/126/KE turi li l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 13 ma jirreferix għal miżuri ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan iżda biss għal drittijiet miksuba għas-sewqan ta’ vetturi ta’ kategoriji partikolari. |
40 |
Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2006/126 tistabbilixxi mudell uniku tal-liċenzji tas-sewqan Komunitarju intiż li jissostitwixxi l-liċenzji tas-sewqan differenti li jeżistu fl-Istati Membri. L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi u jiddefinixxi l-kategoriji differenti ta’ liċenzji tas-sewqan li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri, li kull wieħed minnhom iddefinixxa l-kategoriji proprja tiegħu ta’ liċenzji tas-sewqan, għandhom jistabbilixxu l-ekwivalenti. |
41 |
Għalhekk, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/126/KE, bit-titolu “Ekwivalenzi bejn mudelli ta’ liċenzja mhux Komunitarji”, huwa intiż biss li jirregola l-kwistjoni tal-ekwivalenzi bejn id-drittijiet miksuba qabel l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva u l-kategoriji differenti ta’ liċenzji tas-sewqan iddefiniti minnha. |
42 |
Din l-analiżi hija kkonfermata mill-eżami tax-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2006/126/KE li minnhom jirriżulta, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva ġie miżjud fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew li ġġustifika din iż-żieda billi ppreċiża li l-bidla tal-liċenzji tas-sewqan antiki ma għandha fl-ebda każ tirriżulta f’telf jew f’restrizzjoni tad-drittijiet miksuba f’dak li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni għas-sewqan ta’ diversi kategoriji ta’ vetturi. |
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
43 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/439 jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku, mingħajr ebda formalità, tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni timponi fuq dawn tal-aħħar obbligu ċar u preċiż, li ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex huma jkunu konformi miegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2009, Schwarz, C-321/07, Ġabra. p. I-1113, punt 75, tad-19 ta’ Mejju 2011, Grasser, C-184/10, Ġabra p. I-4057, punt 19 u Akyüz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). |
44 |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-punt 40 tas-sentenza Akyüz, iċċitata iktar ’il fuq, dan japplika wkoll f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126, li huwa redatt b’mod identiku għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/439. |
45 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ripetut qieset li huwa l-kompitu tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan li jivverifika jekk il-kundizzjonijiet minimi imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk dwar ir-residenza u l-kapaċità għas-sewqan, previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 91/439, humiex sodisfatti u, għalhekk, jekk il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ikunx iġġustifikat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Schwarz, punt 76, kif ukoll Grasser, punt 20). |
46 |
Meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu ħarġu liċenzja tas-sewqan skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/439, l-Istati Membri l-oħra ma jistgħux jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn din id-direttiva ġewx osservati. Fil-fatt, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-prova li d-detentur ta’ din il-liċenzja kien jissodisfa, fil-jum meta nħarġitlu, l-imsemmija kundizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schwarz, punt 77, u Grasser, punt 21). |
47 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod sħiħ għas-sistema implementata bid-Direttiva 2006/126, li fiha l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri reġa’ ġie sostnut, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, bi kliem identiku għal dak li jinsab fid-Direttiva 91/439. |
48 |
Fir-rigward tad-Direttiva 91/439, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tqis, minn naħa, li l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 7(1)(b), kif ukoll l-Artikolu 8(2) u (4) tagħha ma jipprekludux Stat Membru ospitanti milli jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu l-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta jiġi stabbilit, mhux fuq il-bażi ta’ informazzjoni li toriġina mill-Istat Membru ospitanti, iżda fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkun hemm fuq il-liċenzja tas-sewqan stess jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, li l-kundizzjoni tar-residenza normali prevista fl-imsemmi Artikolu 7(1)(b) ma kinitx ġiet osservata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wiedemann u Funk, punt 72, u Grasser, punt 33). Għandu jiġi wkoll irrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li d-detentur tal-imsemmija liċenzja ma kienx suġġett, min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, għal ebda miżura fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva huwa irrilevanti f’dan ir-rigward (ara s-sentenza Grasser, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). |
49 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 1(2) u 8(4) tad-Direttiva 91/439 ma jipprekludux lil Stat Membru milli jirrifjuta, fir-rigward ta’ persuna li tkun ġiet suġġetta, fit-territorju tiegħu, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja flimkien ma’ projbizzjoni għal applikazzjoni għal liċenzja ġdida għal perijodu determinat, li jirrikonoxxi liċenzja ġdida maħruġa minn Stat Membru ieħor matul dan il-perijodu ta’ projbizzjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wiedemann u Funk, punt 65; kif ukoll Schwarz, punt 83, u d-digriet tat-3 ta’ Lulju 2008, Möginger, C-225/07, punt 38). |
50 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-imsemmi Artikolu 8(4) ma jistax, minn naħa l-oħra, jiġi invokat minn Stat Membru sabiex jirrifjuta li jirrikonoxxi b’mod indefinit, fir-rigward ta’ persuna li fit-territorju tiegħu tkun ġiet suġġetta għal miżura ta’ rtirar jew tħassir ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn dan l-Istat Membru, il-validità ta’ kull liċenzja li tista’ tinħarġilha iktar tard, jiġifieri wara l-perijodu ta’ projbizzjoni, minn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004 Kapper, C-476/01, Ġabra p. I-5205, punt 76; Wiedemann u Funk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, kif ukoll Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85, u d-digriet tas-6 ta’ April 2006, Halbritter, punt 28). |
51 |
Għalhekk, meta persuna tkun ġiet suġġetta, fi Stat Membru, għal miżura ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan tagħha, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439, bħala regola ġenerali, ma jippermettix lil dan l-Istat Membru li jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa wara minn Stat Membru ieħor lill-istess persuna fi żmien li jkun barra minn kull perijodu ta’ projbizzjoni għal applikazzjoni għal liċenzja ġdida tas-sewqan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kapper, punt 76; Wiedemann u Funk, punt 64, kif ukoll id-digrieti ċċitati iktar ’il fuq Halbritter, punt 27 u Möginger, punt 44). |
52 |
Fid-dawl tad-differenza ta’ abbozzar li hemm bejn l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 u d-dispożizzjoni korrispondenti għal dan l-artikolu fid-Direttiva 2006/126, jiġifieri l-Artikolu 11(4) ta’ din tal-aħħar, hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhomx issa jiġu interpretati b’mod differenti, b’mod li l-kundizzjonijiet stabbiliti, imfakkra fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjoni bħal dik ta’ W. Hoffman, li hija rregolata mid-Direttiva 2006/126. |
53 |
Fil-fatt, għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 jipprovdi li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja stabbilita minn Stat Membru ieħor lil persuna li kienet fit-territorju tiegħu s-suġġett ta’ restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar tad-dritt tagħha għal sewqan, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jistabbilixxi, min-naħa tiegħu li “Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet ristretta, sospiża jew irtirata fit-territorju ta’ l-Istat preċedent”. Għalhekk, filwaqt li kliem din l-aħħar dispożizzjoni jimponi fuq l-Istati Membri minn issa ’l quddiem il-ħtieġa li jirrifjutaw ir-rikonoxximent ta’ tali liċenzja tas-sewqan, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 kien jagħtihom f’dan ir-rigward setgħa diskrezzjonali. |
54 |
Fuq dan il-punt, W. Hoffman iqis li huwa possibbli li wieħed faċilment jiddeduċi mill-kliem użat li l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jinkludi l-istess eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan bħal dawk li kienu diġà jeżistu skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Peress illi l-formulazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzja għas-sewqan li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/439 u fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 baqgħet l-istess, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn il-ġurisprudenza dwar dan il-prinċipju għandha tiġi żviluppata. Il-fatt li s-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membru biex jirrifjutaw li jirrikonoxxu liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor ġiet limitata ma għandux effett fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126. |
55 |
Bl-istess mod, il-Kummissjoni tqis li, għalkemm id-dispożizzjonijiet il-ġodda ma għadhomx jagħtu libertà sħiħa lill-Istati Membri biex jirrifjutaw ir-rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan, iżda jimponu fuqhom il-ħtieġa li jopponu rifjut meta l-kundizzjonijiet għal tali rifjut ikunu ġew sodisfatti, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent ta’ liċenzja seta’ jiġi rrifjutat skont id-dispożizzjonijiet l-antiki jew issa għandu jiġi rrifjutat ma nbidlux. Skont din l-istituzzjoni, minn kliem l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 ma jistax jiġi dedott in-nuqqas ta’ applikabbiltà tas-sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li kienu japplikaw taħt id-Direttiva 91/439. Għalkemm ix-xogħlijiet preparatorji kollha tad-Direttiva 2006/126 jenfasizzaw l-obbligu ġdid maħluq li jistabbilixxi li ma għandhiex tinħareġ u ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta liċenzja tas-sewqan, ma hemm imkien imsemmi li ser ikun hemm bidla fil-kundizzjonijiet li fuqhom hija bbażata miżura ta’ nuqqas ta’ ħruġ jew ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ liċenzja. |
56 |
Li kieku kien mod ieħor, ċittadin tal-Unjoni jista’ biss jikseb liċenzja fl-Istat Membru li fih din il-liċenzja qabel kienet is-suġġett ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar, u dan mingħajr limitu ratione temporis ta’ din ir-restrizzjoni. |
57 |
Min-naħa l-oħra, il-Freistaat Bayern issostni li l-imsemmija kundizzjonijiet ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fuq il-bażi tad-Direttiva 91/439 u li din il-ġurisprudenza għadha tgħodd biss għal-liċenzji tas-sewqan maħruġa qabel id-19 ta’ Jannar 2009. |
58 |
Barra minn hekk, b’mod differenti mill-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 issa jimponi, mingħajr ma tħallilhom ebda setgħa diskrezzjonali, il-ħtieġa li jiġi rrifjutat il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida lill-persuna kkonċernata li kienet is-suġġett, fi Stat Membru ieħor, ta’ miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar. |
59 |
Il-Freistaat Bayern tiddeduċi minn dan li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 ma tistax tiġi trasposta għall-ewwel u għat-tieni subparagrafi tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126. Fil-fehma tagħha, abbażi ta’ din l-aħħar direttiva, jekk Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa lil persuna kkonċernata minn Stat Membru ieħor meta din kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar fit-territorju tiegħu, l-imsemmi Stat għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi att li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, dan l-Istat Membru l-ieħor ma kienx awtorizzat li jipproċedi b’tali ħruġ. L-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi għalhekk lex specialis meta mqabbel mal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva u jimponi fuq l-Istati Membri l-ħtieġa li jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-liċenzji tas-sewqan li ma nħarġux skont id-dritt tal-Unjoni. |
60 |
Ix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2006/126 jikkonfermaw din l-analiżi. Kliem l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 11(4) tagħha jirriżulta minn emenda proposta mill-Kummissjoni tat-Trasport u tat-Turiżmu tal-Parlament Ewropew, li l-għan ewlieni tagħha kien li tirreaġixxi għas-sentenza Kapper, iċċitata iktar ’il fuq, u li tipprovdi tweġiba b’mezzi leġiżlattivi. |
61 |
Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li, skont kliemu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 la jirrigwarda ksur eventwali tal-kundizzjoni ta’ residenza normali fit-territorju ta’ Stat Membru li joħroġ liċenzja tas-sewqan u lanqas l-iskadenza ta’ perijodu eventwali ta’ projbizzjoni għall-kisba ta’ liċenzja ġdida. Għalkemm il-verżjonijiet bil-Franċiż (“à une personne dont le permis de conduire fait l’objet, sur son territoire, d’une restriction, d’une suspension ou d’un retrait”) u bl-Ingliż ta’ din id-dispożizzjoni (“to a person whose driving licence is restricted, suspended or withdrawn in the former State’s territory”) jużaw il-preżent, kliemha perfettament jippermetti li tintuża għal persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha tkun ġiet irtirata abbażi tad-dritt Ġermaniż u li fil-konfront tagħha l-perijodu ta’ projbizzjoni temporanja għall-kisba ta’ liċenzja ġdida jkun skada. Fil-każ li l-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża ma tkunx għadha ngħatat lura lill-imsemmija persuna, din tal-aħħar tibqa’ “s-suġġett ta’ rtirar”. |
62 |
Skont il-Gvern Ġermaniż, iż-żieda ta’ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni li ma ġewx espressament stabbiliti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 ma tistax tiġi ġġustifikata permezz ta’ “interpretazzjoni ristretta” ta’ din id-dispożizzjoni. Dispożizzjoni ma għandhiex tkun is-suġġett ta’ tali interpretazzjoni minħabba s-sempliċi fatt li hija tikkostitwixxi eċċezzjoni, f’din il-kawża, għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan stabbilit fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva. |
63 |
Il-Gvern Ġermaniż iżid jgħid illi l-obbligu impost fuq Stat Membru biex jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan fil-każijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jippermetti li tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq u li għalhekk jitħarsu d-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità tal-persuna u d-dritt għall-proprjetà, stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 2, 3 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandhom l-istess valur legali bħal-libertajiet fundamentali li għalihom jikkontribwixxi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku msemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126. |
64 |
L-imsemmi Gvern iqis ukoll li l-oriġini tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva turi li l-awturi tiegħu xtaqu jerġgħu jqiegħdu bħala prijorità l-isforzi intiżi biex tiġi intensifikata l-ġlieda kontra t-“turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan” u, għalhekk, biex tiġi msaħħa s-sigurtà fit-toroq, meta mqabbla mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, imfassal fuq il-kunċett ta’ moviment liberu, li sa dak iż-żmien kien jipprevali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, ir-rieda ipotetika tal-partijiet involuti fl-adozzjoni tal-imsemmija direttiva biex l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tagħha tkun tiddependi fuq ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza normali fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan jew fuq in-nuqqas ta’ skadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni għall-kisba ta’ liċenzja ġdida ma tirriżulta minn imkien. |
65 |
Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li d-differenza fil-kliem li hemm bejn l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 u l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 ma hijiex ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-kundizzjonijiet, kif stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li permezz tagħhom ir-rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan seta’ jiġi rrifjutat abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/439, u issa għandu jkun abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126. |
66 |
Fil-fatt, minbarra l-bidla f’obbligu ta’ dak li qabel kien jikkostitwixxi s-sempliċi possibbiltà ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent, u l-iffissar ta’ distinzjoni bejn restrizzjoni, sospensjoni u rtirar, minn naħa, u kanċellament, min-naħa l-oħra, il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 ma ġarrabx bdil sostanzjali meta mqabbel ma’ kliem l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439. |
67 |
Għalkemm huwa minnu li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, u b’mod partikolari l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tagħha (“einer Person [...], deren Führerschein [...] eingeschränkt, ausgesetzt oder entzogen worden ist”), huma redatti b’mod li ma jeskludux li l-miżuri msemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu eżawrew l-effetti tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li għadd kbir ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 bħalma huma dawk bil-lingwa Franċiża u bil-lingwa Ingliża (“à une personne dont le permis de conduire fait l’objet, sur son territoire, d’une restriction, d’une suspension ou d’un retrait” u “to a person whose driving licence is restricted, suspended or withdrawn in the former State’s territory”) jesprimu l-idea li sabiex Stat Membru jkun obbligat li jirrifjuta r-rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan, l-imsemmija miżuri għandhom ikunu fis-seħħ meta din il-liċenzja tinħareġ lil persuna li l-liċenzja tagħha tkun is-suġġett, fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, ta’ waħda minn dawn il-miżuri. |
68 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, natura prijoritarja fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2008, Endendijk, C-187/07, Ġabra p. I-2115, punt 23, tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C-239/07, Ġabra p. I-7523, punt 38, u tal-5 ta’ Mejju 2011, Kurt und Thomas Etling et, C-230/09 u C-231/09, Ġabra p. I-3097, punt 60). Min-naħa l-oħra, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u, għalhekk, f’każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Endendijk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; tad-29 ta’ April 2010, M et, C-340/08, Ġabra p. I-3913, punt 44, u Kurt und Thomas Etling et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60). |
69 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 fil-lingwa Ġermaniża tuża l-passat (“einer Person [...], auf die [...] eine der in Absatz 2 genannten Maßnahmen angewendet wurde”), u dan il-fatt ma waqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tqis li Stat Membru ma jistax jinvoka din id-dispożizzjoni biex jirrifjuta indefinittivament li jirrikonoxxi, lil persuna li kienet is-suġġett fit-territorju tiegħu ta’ miżura ta’ rtirar, il-validità ta’ kull liċenzja li wara tista’ tingħatalha minn Stat Membru ieħor. |
70 |
Għalkemm huwa minnu li mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2006/126 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq isaħħaħ il-ġlieda kontra t-“turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan” billi biddel il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor f’obbligu, sabiex jiggarantixxi r-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar, minn dawn ix-xogħlijiet preparatorji, min-naħa l-oħra, ma jirriżultax li l-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru huwa awtorizzat jew, fir-rigward ta’ din id-direttiva, għandu l-obbligu li ma jirrikonoxxix liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, tqiegħdu inkwistjoni. |
71 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetittivament fakkret li l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 tikkostitwixxi deroga għall-prinċipju ġenerali ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan u għalhekk għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2008, Weber, C-1/07, Ġabra p. I-8571, punt 29; Schwarz, punt 84, u d-digriet tat-2 ta’ Diċembru 2010, Scheffler, C-334/09, Ġabra p. I-12379, punt 63). Issa, dan il-fatt japplika fir-rigward tal-obbligu li issa jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126. Fil-fatt, dan l-obbligu jikkostitwixxi huwa stess deroga għall-prinċipju ġenerali ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan li huwa sostnut mill-ġdid fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva. |
72 |
Għandu jingħad ukoll li l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 joħolqu distinzjoni bejn l-ipoteżi tal-ħruġ u l-ipoteżi tar-rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha tkun is-suġġett ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar fi Stat Membru ieħor. Minbarra din id-distinzjoni, l-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu huma redatti b’mod li jixxiebah. Għalhekk, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu għal Stat Membru biex ma jirrikonoxxix kwalunkwe liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar fl-ewwel Stat Membru, l-istess interpretazzjoni għandha tapplika fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, li għalhekk jistabbilixxi obbligu biex ma tinħariġx liċenzja tas-sewqan lil tali persuna. |
73 |
F’dan ir-rigward, mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2006/126 jirriżulta li r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet tikkonsisti fit-tisħiħ tal-prinċipju ta’ uniċità tal-liċenzji tas-sewqan u fl-evitar tal-fatt li persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha hija s-suġġett ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar fi Stat Membru tkun tista’ tingħata liċenzja tas-sewqan minn Stat Membru ieħor jew li tiġi rrikonoxxut lilha l-validità ta’ tali liċenzja [ara, f’dan is-sens, il-proposta tad-Direttiva KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan (tfassil mill-ġdid), tal-21 ta’ Ottubru 2003, COM(2003) 621 finali, ippreżentata mill-Kummissjoni, p. 6]. |
74 |
Madankollu, minn dan ma jirriżultax li persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar fi Stat Membru ma tista’ qatt iktar tikseb liċenzja tas-sewqan ġdida minn Stat Membru ieħor, anki, jekk ikun il-każ, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni temporanja għall-kisba ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida stabbilita mill-ewwel Stat Membru. |
75 |
Issa, l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 tal-Freistaat Bayern u tal-Gvern Ġermaniż twassal biex timponi, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, projbizzjoni permanenti, li ma hijiex suġġetta għal restrizzjoni ratione temporis, fuq il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida minn Stat Membru lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha kienet is-suġġett, fil-passat, ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar fi Stat Membru ieħor. |
76 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 91/439 u l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2006/126, liċenzja tas-sewqan tista’ tinħareġ biss mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-applikant għandu r-residenza normali tiegħu. Għalhekk, l-unika possibbiltà għal persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha kienet is-suġġett ta’ rtirar fi Stat Membru u li sussegwentement ittrasferiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor, li tikseb liċenzja tas-sewqan ġdida skont id-Direttivi 91/439 u 2006/126, huwa li tindirizza ruħha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-ġdida ta’ residenza. |
77 |
Il-fatt li l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jiġi interpretat fis-sens li tali persuna ma tista’ qatt iktar tikseb liċenzja tas-sewqan f’Stat Membru ġdid ta’ residenza, anki wara li jkun skada l-perijodu eventwali ta’ projbizzjoni għal applikazzjoni ta’ liċenzja ġdida, iwassal għalhekk biex jiġi ostakolat id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni bl-Artikolu 21 TFUE u li d-Direttiva 2006/126 hija intiża li tiffaċilita l-użu tiegħu. |
78 |
Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 91/439, jekk jiġi aċċettat li Stat Membru huwa intitolat li jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu biex jopponi indefinittivament ir-rikonoxximent tal-validità ta’ liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor, ikun qiegħed jinġieb fix-xejn il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan, li huwa l-bażi fundamentali tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 91/439 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kapper, C-476/01, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77, kif ukoll id-digriet Halbritter, C-340/05, iċċitat iktar ’il fuq, punt 28). |
79 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Freistaat Bayern u l-Gvern Ġermaniż essenzjalment sostnew li sabiex persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha kienet is-suġġett ta’ rtirar fi Stat Membru tkun tista’ tikseb liċenzja tas-sewqan ġdida fi Stat Membru ieħor skont id-Direttiva 2006/126 u jkun jista’ jkollha din il-liċenzja ġdida rrikonoxxuta fi Stati Membri oħra, huwa meħtieġ li l-Istat Membru tal-għoti jikkoopera mal-Istat Membru li jkun ipproċeda bl-imsemmi rtirar. Skont dan il-Gvern, l-Istat Membru tal-għoti għandu jkun informat mill-Istat Membru l-ieħor bir-raġunijiet li wasslu għal dan l-irtirar u għandu jivverifika jekk dawn ġewx eliminati. |
80 |
Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. |
81 |
Huwa minnu li l-obbligu li issa jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jimplika kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġi vverifikat, minn naħa, jekk l-applikant ta’ liċenzja għas-sewqan huwiex diġà detentur ta’ liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor, meta, kif jipprovdi l-Artikolu 7(5)(ċ) ta’ din id-direttiva, ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex dan jiġi ssuspettat, u, min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmi applikant huwiex suġġett, fil-każ ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu fi Stat Membru ieħor, għal perijodu ta’ projbizzjoni li japplika għal liċenzja ġdida. Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jerġa’ jsostni l-ħtieġa ta’ assistenza reċiproka u ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. |
82 |
Madankollu, l-impożizzjoni, bħala kundizzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzja mill-Istat Membru ta’ residenza tal-applikant, obbligu assolut fuq l-awtoritajiet kompetenti biex jikkonsultaw ma’ xulxin u biex jivverifikaw sistematikament jekk ir-raġunijiet li wasslu għall-irtirar preċedenti ta’ liċenzja tas-sewqan ġewx eliminati, twassal għall-ħtieġa li tinħoloq sistema kumplessa li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk l-applikant ta’ liċenzja tas-sewqan kienx is-suġġett, saħansitra ħafna żmien qabel, ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan fi Stat Membru ieħor. Fi kwalunkwe każ, tali sistema ma hijiex espressament prevista mid-Direttiva 2006/126. Għalkemm in-netwerk tal-liċenzji tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea huwa ta’ natura li jiffaċilita l-implementazzjoni ta’ tali sistema, dan in-netwerk madankollu ma huwiex operazzjonabbli u ma jistax jikkostitwixxi strument utli f’dan ir-rigward f’dak li jikkonċerna l-eventwali miżuri ta’ rtirar li kienu ġew adottati fi Stati Membri oħra fil-passat imbiegħed. |
83 |
Barra minn hekk, il-persuna li tippreżenta applikazzjoni għal liċenzja tas-sewqan fi Stat Membru setgħet kienet fil-passat is-suġġett, fi Stat Membru ieħor, ta’ miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan għal diversi raġunijiet, b’mod partikolari għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda wkoll għal ksur ieħor saħansitra żgħir tal-Kodiċi tat-Toroq. Issa, peress illi d-Direttiva 2006/126 ma tipprovdi, barra minn hekk, ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward, jista’ jkun diffiċli li titwettaq il-verifika tal-eliminazzjoni ta’ ċerti minn dawn ir-raġunijiet għall-irtirar. |
84 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li fir-rigward tad-Direttiva 91/439 il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ospitanti, li jissuġġetta l-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan għal kundizzjonijiet nazzjonali iktar iebsa, b’mod partikolari wara l-irtirar ta’ liċenzja preċedenti, ma jistax jirrifjuta r-rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard minn Stat Membru ieħor għas-sempliċi raġuni li d-detentur ta’ din il-liċenzja ġdida jkun kisibha skont leġiżlazzjoni nazzjonali li ma timponix l-istess rekwiżiti bħal dan l-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza Wiedemann u Funk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll fir-rigward tad-Direttiva 2006/126, li bħad-Direttiva 91/439 tistabbilixxi armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li taħthom liċenzja tas-sewqan tista’ tinħareġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akyüz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53) u li l-bażi fundamentali tagħha, kif ġie rrilevat fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, huwa l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri. |
85 |
Barra minn hekk, il-konklużjoni li tipprovdi li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza, għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 japplikaw fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 hija kkonfermata mis-sistema partikolari li tintuża, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, għall-annullament ta’ liċenzja tas-sewqan. |
86 |
Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni, tistabbilixxi, bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439, li Stat Membru jista’ jirrifjuta li joħroġ liċenzja ta’ sewqan lil applikant li l-liċenzja tiegħu kienet is-suġġett ta’ kanċellament fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, Stat Membru ma huwiex obbligat li jipproċedi b’tali rifjut. |
87 |
Issa, l-ebda waħda mid-dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/126 u lanqas ix-xogħlijiet preparatorji tagħha ma jindikaw li l-kanċellament ta’ liċenzja jirrigwarda biss, kif sostnew matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali l-Freistaat Bayern, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, l-elementi proċedurali dwar il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti Stati Membri, il-kanċellament ta’ liċenzja tas-sewqan jista’ jikkostitwixxi miżura dwar il-kapaċità għas-sewqan, iktar severa minn irtirar jew minn sospensjoni, li tista’ b’mod partikolari tissanzjona s-sewqan taħt l-effetti tax-xorb li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
88 |
Għalhekk, ikun paradossali jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan minn Stat Membru, ma jkunx iktar possibbli, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, għad-detentur tagħha li jikseb liċenzja minn Stat Membru ieħor filwaqt li tali possibbiltà tibqa’ dejjem hemm f’każ ta’ kanċellament ta’ liċenzja. |
89 |
F’din il-kawża, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-liċenzja tas-sewqan maħruġa lil W. Hofmann mill-awtoritajiet Ċeki fid-19 ta’ Jannar 2009 seħħet, kif jirriżulta mill-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, wara li kien skada l-perijodu ta’ projbizzjoni għal applikazzjoni ta’ liċenzja ġdida li kien marbut mal-miżura ta’ rtirar tal-liċenzja mogħtija fil-Ġermanja kontra l-persuna kkonċernata, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jistgħux legalment jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-validità tal-liċenzja hekk maħruġa. |
90 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fuq il-bażi tal-informazzjoni msemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha tal-kawża mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akyüz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75) jekk W. Hofmann kellux ir-residenza normali tiegħu fir-Repubblika Ċeka meta kiseb il-liċenzja tas-sewqan tiegħu. Jekk dan ma kienx il-każ, l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu legalment jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-validità ta’ din il-liċenzja. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-kundizzjoni ta’ residenza normali fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja tas-sewqan kienet ġiet osservata. |
91 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jirrifjuta, lil hinn minn kull perijodu ta’ projbizzjoni għal applikazzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida imposta fuq id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u meta saħansitra l-kundizzjoni ta’ residenza normali fit-territorju ta’ dan tal-aħħar tkun ġiet osservata, li jirrikonoxxi l-validità ta’ din il-liċenzja tas-sewqan, meta l-imsemmi detentur kien is-suġġett, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, ta’ miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan preċedenti. |
Fuq l-ispejjeż
92 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (Tfassil mill-Ġdid), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jirrifjuta, lil hinn minn kull perijodu ta’ projbizzjoni għal applikazzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida imposta fuq id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u meta saħansitra l-kundizzjoni ta’ residenza normali fit-territorju ta’ dan tal-aħħar tkun ġiet osservata, li jirrikonoxxi l-validità ta’ din il-liċenzja tas-sewqan, meta l-imsemmi detentur kien is-suġġett, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, ta’ miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan preċedenti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.