EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0340

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-15 ta' Marzu 2012.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika ta' Ċipru.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE - Artikoli 4(1) u 12(1) - Nuqqas ta’ inklużjoni tal-Lag Paralimni bħala sit ta’ importanza għall-Komunità fit-terminu previst - Sistema ta’ ħarsien għall-ispeċi Natrix natrix cypriaca (serp tal-ilma ta’ Ċipru).
Kawża C-340/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:143

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 92/43/KEE — Artikoli 4(1) u 12(1) — Nuqqas ta’ inklużjoni tal-Lag Paralimni bħala sit ta’ importanza għall-Komunità fit-terminu previst — Sistema ta’ ħarsien għall-ispeċi Natrix natrix cypriaca (serp tal-ilma ta’ Ċipru)”

Fil-Kawża C-340/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Zavvos u D. Recchia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika ta’ Ċipru, irrappreżentata minn K. Lykourgos u M. Chatzigeorgiou, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

billi ma inkludietx is-sit tal-Lag Paralimni fil-lista nazzjonali ta’ siti proposti ta’ importanza għall-Komunità (iktar ’il quddiem is-“SpIK”),

billi ttollerat attivitajiet li jqiegħdu l-karatteristiċi ekoloġiċi tal-Lag Paralimni f’riskju serju, u billi ma adottatx il-miżuri neċessarji ta’ ħarsien għaż-żamma tal-popolazzjoni tal-ispeċi Natrix natrix cypriaca (serp tal-ilma ta’ Ċipru), li tirrappreżenta l-interess ekoloġiku tal-Lag Paralimni u tad-diga ta’ Xyliatos, u

billi ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi sistema ta’ ħarsien strett ta’ din l-ispeċi,

ir-Repubblika ta’ Ċipru, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, rispettivament, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008, L 352M, p. 883, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitats’”), id-Direttiva “habitats” kif interpretata mis-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Dragaggi et (C-117/03, Ġabra p. I-167), u tal-14 ta’ Settembru 2006, Bund Naturschutz in Bayern et (C-244/05, Ġabra p. I-8445), kif ukoll l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “habitats”, “[g]ħandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom”.

3

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “habitats” jipprovdi:

“1.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, dawn is-siti għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni. Għall-ispeċi akwatiċi mifruxa fuq żoni kbar, dawk is-siti jiġu proposti biss fejn hemm żona li tista’ tkun identifikata b’mod ċar li tirrappreżenta l-fattura fiżiċi u bioloġiċi essenzjali għall-għixien u r-riproduzzjoni tagħhom. […]

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. […]

2.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) […], il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

[…]

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.”

4

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“1.   F’każijiet eċċezzjonali fejn il-Kummissjoni tara li lista nazzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 4(1) tonqos milli ssemmi sit li jilqa’ fih tip ta’ habitat naturali ta’ priorità jew speċi ta’ priorità li, skond l-informazzjoni xjentifika relevanti u ta’ min jafda fuqha, hi tqis li biex dak it-tip ta’ habitat naturali ta’ priorità jinżamm jew biex jibqgħu jgħixu dawk l-ispeċi ta’ priorità, trid tinbeda proċedura bilaterali ta’ konsultazzjoni bejn dak l-Istat Membru u l-Kummissjoni bil-għan li jitqabblu l-fatti xjentifiċi magħrufa użati minn kull wieħed minnhom.

2.   Jekk, wara li jiskadi l-perjodu ta’ konsultazzjoni li ma jaqbiżx is-sitt xhur, it-tilwim jibqa’ ma jkunx solvut, il-Kummissjoni trid tgħaddi lill-Kunsill proposta li għandha x’taqsam ma’ l-għażla tas-sit bħala sit ta’ importanza għall-Komunità.

3.   Il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu, jieħu deċiżjoni fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jkun riferut lilu t-tilwim.

4.   Waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni u sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kunsill, is-sit konċernat irid ikun suġġett għall-Artikolu 6(2).”

5

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “habitats” huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)

l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(b)

tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ)

qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

(d)

deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

6

Is-serp tal-ilma ta’ Ċipru huwa speċi ta’ prijorità li tinsab fl-Anness II u fl-Anness IV(a), tad-Direttiva “habitats”.

ll-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

7

Fis-16 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar il-ħarsien insuffiċjenti tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru, mingħand il-federazzjoni tal-organizzazzjonijiet ambjentalisti u ekoloġisti ta’ Ċipru. Skont dan l-ilment, ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset b’mod partikolari, billi ma inkludietx is-sit tal-Lag Paralimni fil-lista nazzjonali ta’ SpIK.

8

Meta wieħed jikkunsidra l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni, fit-23 ta’ Marzu 2007, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika ta’ Ċipru, li fiha ġibdet l-attenzjoni ta’ din tal-aħħar dwar il-ħarsien insuffiċjenti ta’ din l-ispeċi, minħabba r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ inklużjoni tas-sit tal-Lag Paralimni fil-lista nazzjonali ta’ SpIK u n-nuqqas ta’ ħarsien tal-imsemmi sit kif ukoll tad-diga ta’ Xyliatos.

9

Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2007, ir-Repubblika ta’ Ċipru rrispondiet għall-ittra ta’ intimazzjoni fejn indikat li l-awtorità kompetenti kienet f’diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati bil-għan li tintlaħaq, qabel tmiem l-2007, proposta aċċettata minn kulħadd tal-integrazzjoni tas-sit tal-Lag Paralimni fil-lista nazzjonali ta’ SpIK. Dan l-Istat Membru elenka wkoll l-miżuri varji li ttieħdu sabiex jissaħħaħ il-ħarsien ta’ dan is-sit u tas-sit tad-diga ta’ Xyliatos. Fl-aħħar nett, ġie argumentat li l-fatt li ġiet mibgħuta l-ittra ta’ intimazzjoni kien prematur u illegali, minħabba li l-Kummissjoni kellha ssegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Direttiva “habitats” u mhux il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu stabbilita fl-Artikolu 258 TFUE.

10

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata li fiha hija kkonkludiet li, billi ma ħaditx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma mad-Direttiva “habitats”, ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika ta’ Ċipru sabiex tieħu dawk il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ma’ din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn minn meta tirċevieha.

11

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2008, ir-Repubblika ta’ Ċipru rrispondiet din l-opinjoni motivata billi indikat il-miżuri li kienu ttieħdu biex iħarsu s-serp tal-ilma ta’ Ċipru u billi enfasizzat il-progress magħmul fir-rigward tal-integrazzjoni tas-sit tal-Lag Paralimni fil-lista nazzjonali ta’ SpIK.

12

Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni b’mod partikolari ġibdet l-attenzjoni għall-ilmenti dwar l-iżvilupp ta’ proprjetà immobbli fil-parti tat-Tramuntana tas-sit tal-Lag Paralimni.

13

Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika ta’ Ċipru informat lill-Kummissjoni li l-imsemmi sit kien uffiċjalment inkluż fil-lista nazzjonali ta’ SpIK, fl-24 ta’ Novembru 2009. Madankollu, dan l-Istat Membru ma kienx inkluda t-tarf tat-Tramuntana tal-Lag Paralimni f’din il-lista.

14

Sussegwentement, ir-Repubblika ta’ Ċipru rrifjutat l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni dwar żvilupp ta’ proprjetà immobbli fil-parti tat-Tramuntana ta’ dan il-lag.

Fuq ir-rikors

Fuq in-nuqqas ta ' inklużjoni fil-lista nazzjonali ta ' SpIK tas-sit tal-Lag Paralimni

L-argumenti tal-partijiet

15

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi ma ġiex inkluż, qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, is-sit tal-Lag Paralimni fuq il-lista nazzjonali ta’ SpIK, ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “habitats”.

16

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva “habitats”, li r-Repubblika ta’ Ċipru talbet għall-applikazzjoni tiegħu matul il-fażi prekontenzjuża, billi l-Kummissjoni kienet innotat in-nuqqas, fil-lista nazzjonali ta’ SpIK, ta’ sit li jidher indispensabbli għas-sopravivenza tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru, il-Kummissjoni ssostni li din id-dispożizzjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ qbil xjentifiku bejna u bejn l-Istat Membru kkonċernat, li, f’dan il-każ, ma kienx hemm. F’dan il-każ, l-informazzjoni użata minn kull parti kienet l-istess u ma kinitx ikkontestata. Fl-ittri tagħha tat-12 ta’ Awwissu u tal-21 ta’ Novembru 2008, ir-Repubblika ta’ Ċipru impenjat ruħha li tinkludi s-sit tal-Lag Paralimni fil-lista nazzjonali ta’ SpIK. Għaldaqstant, ma tqumx il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ qbil xjentifiku u ta’ paragun ta’ data.

17

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li hemm indikazzjonijiet serji li l-konfini tas-sit li finalment ġew ikkomunikati flimkien mal-identifikazzjoni tal-iSpIK, sa fejn ma jinkludux iż-żona importanti li tinsab fit-tarf tat-Tramuntana tal-Lag Paralimni, li ġie ttrasformata f’żona tajba għall-bini matul l-2009, ma humiex sodisfaċjenti għall-ħarsien u għall-konservazzjoni tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru u, għalhekk, il-ksur jippersisti.

18

Ir-Repubblika ta’ Ċipru tfakkar li qatt ma kkontestat li s-sit tal-Lag Paralimni għandu jkun meqjus bħala SpIK. Hija ssostni, madankollu, li din il-parti taż-żona attwali bħala SpIK hija biżżejjed għall-ħarsien u għall-konservazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni. Din tinstab biss fil-partijiet tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-iSpIK. Barra minn hekk, l-istudju magħmul mill-esperta Awstrijaka, li l-Kummissjoni tirreferi għalih, ma jinkludix indikazzjoni ċara dwar id-delimitazzjoni tal-iSpIK li hija tqis meħtieġa għall-ħarsien adegwat tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru.

19

Peress li r-Repubblika ta’ Ċipru qed issostni, bis-sostenn tal-informazzjoni xjentifika, li d-delimitazzjoni tal-iSpIK hija biżżejjed sabiex jitħares is-serp tal-ilma ta’ Ċipru u l-habitat tiegħu, proprju dak li qed jiġi kkontestat mill-Kummissjoni, jeżisti nuqqas ta’ qbil xjentifiku, dwar l-evalwazzjoni tal-informazzjoni xjentifika. Dan in-nuqqas ta’ qbil kien jiġġustifika l-implementazzjoni tal-proċedura bilaterali ta’ konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Direttiva “habitats”.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20

F’dak li jirrigwarda s-suġġett tar-rikors, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ f’kull ħin, skont l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, teżamina ex officio eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ natura pubblika.

21

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jagħmel użu mill-eċċezzjonijiet tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni. L-għan tar-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa, għalhekk limitat mill-proċedura prekontenzjuża pprovduta minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, ir-rikors ma jistax ikun ibbażat fuq ilmenti differenti minn dawk iddikjarati fil-proċedura prekontenzjuża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-152/98, Ġabra p. I-3463, punt 23).

22

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li ma jirriżultax mill-proċess li matul il-fażi prekontenzjuża, kemm fl-istadju tal-intimazzjoni jew f’dak tal-opinjoni motivata, il-kwistjoni ta’ delimitazzjoni tas-sit tal-Lag Paralimni kienet indirizzata mill-partijiet, u lanqas li l-Kummissjoni sostniet xi argument li kien speċifikament immirat lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ dan is-sit. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista nazzjonali ta’ SpIK tas-sit tal-Lag Paralimni, il-Kummissjoni impenjat ruħha li teżiġi l-inklużjoni ta’ din is-sit, identifikat f’termini ġenerali u mingħajr indikazzjoni dwar id-definizzjoni tiegħu, fil-lista nazzjonali tal-iSpIK, u r-Repubblika ta’ Ċipru obbligat ruħha li tinkludi lil dan f’din il-lista, dak li fil-fatt għamlet, wara kollox, iktar minn sbatax-il xahar wara li kienet ħarġet l-opinjoni motivata.

23

Peress li l-proċedura prekontenzjuża ma kinitx maħsuba għal xi delimitazzjoni tas-sit tal-Lag Paralimni u lanqas, b’mod partikolari, għall-kwistjoni tal-inklużjoni fiha tal-parti tat-Tramuntana tas-sit, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa jirreferi għal dan is-suġġett tal-aħħar

24

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ inklużjoni tas-sit tal-Lag Paralimni fil-lista nazzjonali tal-iSpIK, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li qatt ma kien ġie kkontestat li, b’mod ġenerali, dan is-sit kellu jiġi inkluż f’din il-lista.

25

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva “habitats” ma ġewx, fi kwalunkwe każ, issodisfatti għal xi wieħed minn dawn l-ilmenti.

26

It-tieni nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ inklużjoni tas-sit tal-Lag Paralimni fil-lista nazzjonali tal-iSpIK, huwa stabbilit li huwa ma ġie qatt inkluż f’dik il-lista qabel it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

27

Madanakollu, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi evalwat skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif ġie ppreżentat f’għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-183/05, Ġabra p. I-137, punt 17, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-164/09, punt 19), għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tal-Kummissjoni huwa fondat f’dak li jirrigwarda l-imsemmi lment.

Fuq it-tolleranza ta ' attivitajiet li jiddegradaw jew jeqirdu l-habitat tal-ispeċi kkonċernata

Fuq l-ammissibbiltà

– L-argumenti tal-partijiet

28

Ir-Repubblika ta’ Ċipru ssostni li la l-ittra ta’ intimazzjoni u lanqas l-opinjoni motivata ma jirreferu għall-operazzjoni ta’ poligonu tal-isparar u tax-xogħlijiet tat-tħaffir. Għaldaqstant, il-Kummissjoni estendiet l-ambitu tal-kawża b’riferiment, fir-rikors tagħha, għall-poligonu tal-isparar u għax-xogħlijiet tat-tħaffir bħala attivitajiet li jiddegradaw jew jeqirdu l-habitat tal-ispeċi kkonċernata.

29

Ir-Repubblika ta’ Ċipru ssostni li, billi ma kellhiex l-opportunità li tissottometti osservazzjonijiet b’risposta għal dawn l-argumenti, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżami tagħha tal-ilmenti tal-Kummissjoni. Fil-fatt, is-suġġett tal-kawża jista’ biss jiġi estiż għal fatti sussegwenti għall-opinjoni motivata jekk dawn il-fatti huma tal-istess natura bħal dawk koperti minn din l-opinjoni u jekk jikkostitwixxu l-istess aġir, li ma kienx il-każ hawnhekk.

30

Fir-rigward tal-żvilupp residenzjali tal-“parti tat-Tramuntana tal-Lag”, l-opinjoni motivata ma kinitx identifikat b’mod preċiż l-argumenti invokati b’mod iktar ġenerali fl-ittra ta’ intimazzjoni. Konkretament, l-iżvilupp residenzjali fis-sit inkwistjoni kien ġie msemmi għall-ewwel darba fl-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2009. Il-“parti tat-Tramuntana tal-Lag” ma ssemmietx la fl-ittra ta’ intimazzjoni u lanqas fl-opinjoni motivata.

31

Konsegwentement, ir-Repubblika ta’ Ċipru tikkunsidra li l-argumenti tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tal-poligonu tal-isparar, ix-xogħlijiet tat-tħaffir u l-iżvilupp residenzjali fil-parti tat-Tramuntana tal-Lag Paralimni għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

32

Il-Kummissjoni osservat li, kemm fl-ittra tagħha ta’ intimazzjoni kif ukoll fl-opinjoni motivata tagħha, hija ddenunċjat l-aġir tar-Repubblika ta’ Ċipru, li tittolera attivitajiet li jikkompromettu b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi tal-imsemmi lag kif ukoll il-fatt li hija ma ħaditx il-miżuri ta’ ħarsien meħtieġa biex iżżomm il-popolazzjoni tas-sriep tal-ilma ta’ Ċipru, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, u insostenn ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tirreferi b’mod konkret għall-ippumpjar eċċessiv ta’ ilma, l-iżvilupp ta’ proprjetà immobbli u tat-tlielaq ta’ motocross.

33

Anki jekk il-poligonu tal-isparar u x-xogħlijiet ta’ tħaffir ġew magħmula wara l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni tirrileva li s-suġġett tal-kawża jista’ jiġi estiż għall-fatti li seħħew wara din l-opinjoni fil-każ ta’ fatti li huma tal-istess natura bħal dawk koperti mill-imsemmija opinjoni u li jikkostitwixxu l-istess aġir. Madankollu, il-fatti inkwistjoni huma tal-istess natura bħal dawk koperti mill-opinjoni motivata u li jikkostitwixxi l-istess aġir.

34

Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni fil-formulazzjoni tal-argumenti dwar l-iżvilupp tal-proprjetà immobbli, il-Kummissjoni tirrileva li hija ddefiniet il-kunċett ġenerali bħala żvilupp ta’ proprjetà immobbli “fil-qrib tal-lagi, iżda wkoll fi ħdan il-limiti tiegħu”. Din il-preċiżjoni tinkludi wkoll b’mod manifest il-parti tat-Tramuntana tal-lag, peress li jaqgħu "fi ħdan il-limiti" tal-lag. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kien ikollha ebda possibbiltà reali li tinkludi l-kwistjoni ta’ żvilupp tal-proprjetà immobbli reċenti li jaffettwaw il-parti tat-Tramuntana tal-lag fl-ittra tagħha ta’ intimazzjoni jew fl-opinjoni motivata tagħha, peress li r-Repubblika ta’ Ċipru inkludiet din iż-żona fil-pjan ta’ urbaniżmu biss f’Marzu 2009, jiġifieri, wara l-iskadenza tat-terminu tar-risposta għall-opinjoni motivata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35

Fir-rigward tax-xogħlijiet tat-tħaffir, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma fost l-fatti li l-Kummissjoni allegat fl-ittra tagħha ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata tagħha, lir-Repubblika ta’ Ċipru.

36

Konsegwentement, l-argument dwar it-tolleranza tax-xogħlijiet tat-tħaffir huwa ammissibbli.

37

Fir-rigward tal-operat tal-poligonu tal-isparar, għandu jiġi enfasizzat li, kif irrikonoxxut mill-Kummissjoni nnifisha, dan il-fatt ma kienx imsemmi matul il-proċedura prekontenzjuża. Madankollu, jekk huwa minnu li anki fatti li seħħew wara l-opinjoni motivata, iżda li huma tal-istess natura bħal dawk koperti minn din l-opinjoni u li jikkostitwixxu l-istess aġir, jistgħu jitqiesu fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.(ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1983, Il-Kummissjoni vs Franza, 42/82, Ġabra p. 1013, punt 20, u tal-4 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 113/86, Ġabra p. 607, punt 11) dan ma huwiex il-każ tal-operat ta’ poligonu tal-isparar fir-rigward tal-ippumpjar ta’ ilma, tal-iżvilupp ta’ proprjetà immobbli, tax-xogħlijiet ta’ tħaffir jew tal-organizzazzjoni ta’ tlielaq ta’ motocross.

38

Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq l-operat tal-poligonu tal-isparar ma huwiex ammissibbli.

39

Fir-rigward tal-argument dwar l-iżvilupp residenzjali tal-parti tat-Tramuntana tal-Lag Paralimni u l-effetti tiegħu f’din iż-żona, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dak li huwa indikat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza u li dan l-argument, fi kwalunkwe każ, ma ġiex invokat mill-Kummissjoni la fl-ittra tagħha ta’ intimazzjoni u lanqas fl-opinjoni motivata tagħha, huwa wkoll inammissibbli.

Fuq il-mertu

– L-argumenti tal-partijiet

40

Il-Kummissjoni tikkunsidra li il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrikonoxxi l-ħtieġa li jitħarsu l-iSpik u li jiġu ppreservati l-għanijiet tad-Direttiva “habitats”, partikolarment fir-rigward tal-formazzjoni ta’ netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti, tapplika wkoll għal siti ekoloġiċi li jissodisfaw il-kriterji meħtieġa biex ikunu fil-lista tal-iSpIK.

41

Il-Kummissjoni indikat li r-Repubblika ta’ Ċipru titollera l-ippumpjar eċċessiv u illegali ta’ ilma, li huwa l-kawża, b’mod partikolari, tal-qerda tal-habitat tal-ispeċi kkonċernata jew l-għajbien tal-karatteristiċi rappreżentattivi tagħha. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-proprjetà immobbli fis-sit inkwistjoni ser tnaqqas il-wiċċ ta’ dan il-habitat u se jkollu, għalhekk, impatt negattiv sostanzjali fuq il-konservazzjoni tas-sit u l-ispeċi kkonċernata. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni ta’ tlielaq ta’ motocross kienet partikolarment ta’ ħsara għas-serp tal-ilma ta’ Ċipru minħabba t-tfixkil kontinwu kkawżat u jikkostitwixxi sors ta’ periklu peress li jirriżulta fil-feriment jew fil-mewt tal-annimali.

42

F’dak li jikkonċerna t-teħid tal-ilma mill-habitat tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru, ir-Repubblika ta’ Ċipru tindika li temmet kull attività u li għalhekk it-tħassib dwar tnaqqis fil-livell tal-ilma fl-habitat ta’ din l-ispeċi u l-qerda ta’ dan il-habitat minħabba l-ippumpjar ma għadhomx iktar iġġustifikati. Fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ residenzi “qrib il-lag”, l-Istat Membru konvenut jenfasizza li ma hemm l-ebda żvilupp residenzjali fi ħdan l-iSpIK inkwistjoni u li l-iżvilupp residenzjali fil-periferija ta’ dan is-sit ma jirrestrinġix il-habitat tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru u mhux se jkun hemm konsegwenzi dannużi, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni. Għal dak li jirrigwarda l-operat ta’ pista ta’ motocross, ir-Repubblika ta’ Ċipru tinnota li dan ġie tterminati u li l-pista ġiet iddemolita.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Għandu jiġi mfakkar li f’dak li jikkonċerna siti li huma eliġibli biex jiġu identifikati bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li jidhru fil-listi nazzjonali mogħtija lill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, tas-siti li fihom tipi ta’ habitat naturali prijoritarju jew ta’ speċi prijoritarji, l-Istati Membri huma marbutin, skont id-Direttiva “habitats”, li jieħdu, miżuri ta’ ħarsien xierqa, fir-rigward tal-għan ta’ preservazzjoni stabbilit f’din id-direttiva, b’ħarsien tal-interess ekoloġiku rilevanti li dawn is-siti għandhom fuq livell nazzjonali (ara s-sentenza Draggagi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

44

Is-sistema ta’ ħarsien adegwata applikabbli għas-siti inklużi fil-lista nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “habitats”, teżiġi li l-Istati Membri ma jawtorizzawx interventi li jirriskjaw li jikkompromettu b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi ta’ dawn is-siti. Kif jiġri b’mod partikolari fil-każ fejn intervent jirriskja jew li jnaqqas ’mod sinjifikattiv is-superfiċi ta’ sit, jew li jwassal għall-qerda ta’ speċi prijoritarji preżenti fis-sit, jew, fl-aħħar nett, li jwassal għall-qerda tas-sit jew tal-karatteristiċi rappreżentattivi tiegħu (ara s-sentenza Bund Naturschutz in Bayern et, iċċitatata iktar ’il fuq, punti 46 u 47).

45

Fil-fatt, kieku ma kienx hekk, il-proċess deċiżjonali fuq livell tal-Unjoni Ewropea, li ma huwiex ibbażat biss fuq l-integrità tas-siti kif notifikati mill-Istat Membri, iżda li huwa wkoll ikkaratterizzat minn paraguni ekoloġiċi bejn is-siti differenti proposti mill-Istati Membri, jirriskja li jiġi ostakolat u l-Kummissjoni ma tkunx iktar f’pożizzjoni li taqdi l-funzjonijiet tagħha fis-settur ikkunsidrat jiġifieri, b’mod partikolari, li tiddetermina l-lista ta’ siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità bil-għan tal-ħolqien ta’ netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ preservazzjoni (ara s-sentenza Bund Naturschutz in Bayern et, iċċitatata iktar ’il fuq, punti 41 u 42).

46

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw, fi kwalunkwe każ, ukoll, mutatis mutandis, għas-siti li ma humiex ikkontestati mill-Istat Membru kkonċernat li jissodisfaw il-kriterji ekoloġiċi stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “habitats”, u li, għalhekk, kellhom jidhru fil-lista nazzjonali ta’ SpIK mibgħuta lill-Kummissjoni.

47

Fil-fatt, ma jistax jiġi ammess, skont id-Direttiva “habitats” u l-għanijiet li trid tikseb, li sit bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, li l-Istat Membru kkonċernat ma jikkontestax li għandu jiġi inkluż f’dik il-lista, ma jgawdi minn ebda ħarsien.

48

Fir-rigward tal-aġir li l-Kummissjoni akkużat bih lir-Repubblika ta’Ċipru u li qed issostni li huwa l-kawża tal-qerda tal-habitat tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru fis-sit tal-Lag Paralimni u tal-ipperikolar, fl-istess sit, taż-żamma tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi, huwa stabbilit li l-organizzazzjoni ta’ tlielaq ta’ motocross fuq is-sit inkwistjoni, liema organizzazzjoni l-Istat Membru konvenut qed jallega li ttermina wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jikkostitwixxi aġir li jista’ serjament jikkomprometti l-karatteristiċi ekoloġiċi ta’ dan is-sit.

49

Għalhekk, f’dan ir-rigward, l-ilment huwa fondat.

50

Fir-rigward tal-ippumpjar eċċessiv ta’ ilma fis-sit inkwistjoni, il-proċess juri li hu kien għadu ma waqafx fl-iskadenza ta’ xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata. Issa jirriżulta li, f’dan il-każ, dan it-tip ta’ operazzjoni x’aktarx li jkollu impatt negattiv fuq il-habitat tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru u fuq il-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi, partikolarment matul is-snin ta’ nixfa.

51

Għaldaqstant, jirriżulta li, l-ilment għandu jintlaqa’ wkoll fuq dan il-punt.

52

Fir-rigward tal-iżvilupp tal-proprjetà immobbli l-oħra barra dik fil-parti tat-Tramuntana tal-iSpIK inkwistjoni, li tista’ tikkawża tnaqqis taż-żona tal-habitat tal-ispeċi kkonċernata u li huwa kkontestat mill-Kummissjoni lir-Repubblika ta’ Ċipru, din tal-aħħar tirrikonoxxi li tali żvilupp sar madwar l-iSpIK, iżda mhux fi ħdanu, u tikkontesta l-effetti dannużi allegati mill-Kummissjoni.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-oneru tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma l-Kummissjoni ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, u tat-22 ta’ Settembru 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-90/10, punt 25).

54

Madankollu, fin-nuqqas ta’ prova dwar l-impatt tal-imsemmi żvilupp tal-proprjetà immobbli fuq iż-żona tal-habitat tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru fil-parti tal-iSpIK ikkonċernat, tali argument, eżatt bħall-argument relatat mat-tolleranza tax-xogħlijiet ta’ tħaffir ma jistax ikun, fi kwalunkwe każ, ikkunsidrat bħala fondat.

55

Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-Direttiva “habitats”, minħabba t-tolleranza ta’ attivitajiet li jiddegradaw u jeqirdu l-habitat tal-ispeċi kkonċernata fir-rigward tas-sit tal-Lag Paralimni, għandu jintlaqa’, bla ħsara għal dak li qed jiġi kkonstatat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza.

Fuq in-nuqqas ta ' stabbiliment u n-nuqqas ta ' applikazzjoni ta ' sistema ta ' ħarsien strett għas-serp tal-ilma ta ' Ċipru

L-argumenti tal-partijiet

56

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi ttollerat l-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq bħal, b’mod partikolari, l-ippumpjar eċċessiv ta’ ilma u l-organizzazzjoni ta’ tlielaq ta’ motocross u billi ma ġewx applikati miżuri ta’ ħarsien, ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “habitats”. Fil-fatt, b’konsegwenza tal-imsemmija attivitajiet, iż-żona tal-habitat tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru u l-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi ġew imnaqqsa fis-sit tal-Lag Paralimni.

57

Il-Kummissjoni temmen li l-proġetti tal-proprjetà immobbli fuq dak is-sit kellu konsegwenzi serji minħabba x-xogħlijiet ta’ tħammil u tħaffir li jagħmlu ħsara lill-habitat tal-imsemmija speċi. Il-frammentazzjoni tal-parti tat-Tramuntana tal-Lag Paralimni jikser ukoll l-Artikolu 12(1)(a) u (b) tad-Direttiva “habitats”.

58

Bla ħsara għal dak li jikkonċerna l-operat illegali taċ-ċirkwit tat-tlielaq, ir-Repubblika ta’ Ċipru tiddikjara li ħadet il-passi meħtieġa biex timplementa sistema ta’ ħarsien strett tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru u li ma kisritx b’hekk l-obbligi li għandha stabbiliti bl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “habitats”.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59

Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “habitats” tobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett tal-ispeċi annimali elenkati fl-Anness IV(a) tal-istess direttiva, fiż-żona naturali tagħhom, billi tipprojbixxi kull forma ta’ qbid jew qtil volontarju ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fin-natura, it-tfixkil volontarju tal-imsemmija speċi, speċjalment waqt il-perijodu tar-riproduzzjoni, ta’ tkabbir, ta’ ibernazzjoni u ta’ migrazzjoni, il-qerda jew it-teħid intenzjonali tal-bajd fin-natura kif ukoll id-deterjorazzjoni jew il-qerda ta’ siti ta’ riproduzzjoni jew ta’ żoni ta’ mistrieħ.

60

It-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri mhux biss l-adozzjoni ta’ kuntest leġiżlattiv komplet, iżda wkoll l-implementazzjoni ta’ miżuri konkreti u speċifiċi ta’ ħarsien f’dan ir-rigward. (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

61

Bl-istess mod, is-sistema ta’ ħarsien strett timplika l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva (sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-518/04, punt 16, u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

62

Tali sistema ta’ ħarsien strett għandha tgħin biex jiġi evitat effettivament kull forma ta’ qbid jew qtil ta’ kampjuni ta’ speċi elenkati fl-Anness IV(a) tad-Direttiva “habitats” fin-natura, it-tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perijodu ta’ riproduzzjoni, ta’ tkabbir, ta’ ibernazzjoni u ta’ migrazzjoni, il-qerda jew it-teħid intenzjonali tal-bajd fin-natura kif ukoll id-deterjorazzjoni jew il-qerda ta’ siti ta’ riproduzzjoni jew ta’ żoni ta’ mistrieħ ta’ dawn l-ispeċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs Franza, C-383/09, Ġabra p. I-4869).

63

F’dan il-każ, l-Istat Membru konvenut jirrikonoxxi li billi ttollera l-organizzazzjoni ta’ tlielaq ta’ motocross, huwa kiser l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “habitats”.

64

Fir-rigward tal-ippompjar eċċessiv tal-ilma, fid-dawl tal-punt 50 ta’ din is-sentenza u tal-fatt li l-preżenza tas-serp tal-ilma ta’ Ċipru fuq is-sit tal-Lag Paralimni kien magħruf, huwa ċar li huwa fi kwalunkwe każ, tfixkil intenzjonali, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “habitats”.

65

F’dak li jirrigwarda l-argument tal-konsegwenzi ta’ dannu għas-serp tal-ilma ta’ Ċipru relatati mal-iżvilupp tal-proprjetà immobbli fuq is-sit tal-Lag Paralimni, jirriżulta mill-provi fil-proċess, li l-iżvilupp tal-proprjetà immobbli u l-kostruzzjoni eżistenti fis-sit tal-Lag Paralimni jew qrib tiegħu, speċjalment fil-parti tat-Tramuntana tiegħu jew qrib tiegħu, li huma assoċjati max-xogħlijiet ta’ tħaffir, jistgħu jwasslu għal tfixkil li jista’ jeffettwa l-ispeċi mħarsa fl-ekosistema sħiħa ta’ dan is-sit.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher għalhekk li r-Repubblika ta’ Ċipru ma implementatx sistema ta’ ħarsien strett sabiex tipprevjeni b’mod effettiv l-avvenimenti kollha rrilevati fil-punt 62 iktar ’il fuq.

67

Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “habitats” huwa fondat.

68

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ, bla ħsara għal dak li ntqal fl-imsemmija punti 55 ta’ din is-sentenza.

69

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika ta’ Ċipru,

billi ma inkludietx is-sit tal-Lag Paralimni fil-lista nazzjonali ta’ SpIK,

billi ttollerat attivitajiet li jqiegħdu l-karatteristiċi ekoloġiċi tal-Lag Paralimni f’riskju serju, u billi ma adottatx il-miżuri neċessarji ta’ ħarsien għaż-żamma tal-popolazzjoni tal ispeċi Natrix natrix cypriaca (serp tal-ilma ta’ Ċipru), li tirrappreżenta l-interess ekoloġiku tal-Lag Paralimni u tad-diga ta’ Xyliatos, u

billi ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi sistema ta’ ħarsien strett ta’ din l-ispeċi,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, rispettivament, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “habitats” kif ukoll l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

70

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika ta’ Ċipru tilfet essenzjalment fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Repubblika ta’ Ċipru,

billi ma inkludietx is-sit tal-Lag Paralimni fil-lista nazzjonali ta’ siti proposti ta’ importanza għall-Komunità,

billi ttollerat attivitajiet li jqiegħdu l-karatteristiċi ekoloġiċi tal-Lag Paralimni f’riskju serju, u billi ma adottatx il-miżuri neċessarji ta’ ħarsien għaż-żamma tal-popolazzjoni tal-ispeċi Natrix natrix cypriaca (serp tal-ilma ta’ Ċipru), li tirrappreżenta l-interess ekoloġiku tal-Lag Paralimni u tad-diga ta’ Xyliatos, u

billi ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi sistema ta’ ħarsien strett ta’ din l-ispeċi,

 

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, rispettivament, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, din id-Direttiva 92/43/KEE kif emendata, kif ukoll l-Artikolu 12(1) tal-istess Direttiva 92/43/KEE kif emendata.

 

2)

Ir-Repubblika ta’ Ċipru hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top