EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0338

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 taʼ Marzu 2012.
Grünwald Logistik Service GmbH (GLS) vs Hauptzollamt Hamburg-Stadt.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Dumping — Dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat li joriġina miċ-Ċina — Regolament (KE) Nru 1355/2008 — Validità — Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikolu 2(7)(a) — Determinazzjoni tal-valur normali — Pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq — Obbligu tal-Kummissjoni li tkun diliġenti sabiex tiddetermina l-valur normali abbażi tal-prezz jew tal-valur kostrutt f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.
Kawża C-338/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:158

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Dumping — Dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat li joriġina miċ-Ċina — Regolament (KE) Nru 1355/2008 — Validità — Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikolu 2(7)(a) — Determinazzjoni tal-valur normali — Pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq — Obbligu tal-Kummissjoni li tkun diliġenti sabiex tiddetermina l-valur normali abbażi tal-prezz jew tal-valur kostrutt f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq”

Fil-Kawża C-338/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE imressqa minn Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura

Grünwald Logistik Service GmbH (GLS)

vs

Hauptzollamt Hamburg-Stadt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász, G. Arestis (Relatur), T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Grünwald Logistik Service GmbH (GLS), minn K. Landry, u F. Eckard, avukat,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn B. Driessen, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Maxian Rusche u H. van Vliet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008, tat-18 ta’ Diċembru 2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 350, p. 35, iktar ’il quddiem ir-“Regolament definittiv”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Grünwald Logistik Service GmbH (iktar ’il quddiem “GLS”) u Hauptzollamt Hamburg-Stadt (Uffiċċju prinċipali tad-dwana tal-belt ta’ Hamburg) dwar il-ġbir mill-awtorità fiskali ta’ dazju antidumping provviżorju fuq mandolin ippreżervat importat miċ-Ċina mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

Il-kuntest ġuridiku

3

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2005 (ĠU L 175 M, 29.6.2006, p. 287, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

4

L-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“a)Fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi ta’ ekonomija mhux tas-suq [...], il-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur kostrutt f’ekonomija tas-suq ta’ pajjiż terz, jew il-prezz minn pajjiż terz bħal dan għall-pajjiżi oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawk mhux possibbli, fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, inkluż il-prezz infatti mħallas jew li għandu jitħallas fil-Komunità għal prodott ta’ l-istess tip, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġini raġjonevoli ta’ profitt.

Ekonomija tas-suq xierqa ta’ pajjiż terz għandha tiġi magħżula b’mod raġunat u jingħata kont kif dovut għal kwalunkwe informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha magħmula disponibbli fil-ħin tas-selezzjoni. Għandu wkoll jingħata kont tal-limiti taż-żmien; fejn xieraq, pajjiż terz ta’ ekonomija tas-suq li huwa s-soġġett għall-istess investigazzjoni għandu jiġi wżat.

Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jiġu infurmati ftit wara l-bidu ta’ l-ekonomija tas-suq tal-pajjiż terz magħżula u għandhom jingħataw 10 jiem biex jikkummentaw.”

5

Skont il-premessa 42 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2008, tal-4 ta’ Lulju 2008, li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (l-aktar il-mandolin, eċċ) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”), ġie deċiż provviżorjament li l-valur normali għall-produtturi esportaturi kollha tal-kampjun jiġi ddeterminat fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, f’dan il-każ fuq il-bażi ta’ prezzijiet li effettivament tħallsu jew huma pagabbli fl-Unjoni Ewropea għal prodott simili, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

6

Il-premessa 58 tar-Regolament provviżorju tinkludi l-istatistiċi li ġejjin dwar il-volumi ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina miċ-Ċina:

Volumi ta’ importazzjoni

2002/2003

2003/2004

2004/2005

2005/2006

PI

RPĊ (f’tunellati)

51 193

65 878

49 584

61 456

56 108

7

Il-perijodu ta’ investigazzjoni (PI), kif jirriżulta mit-tnax-il premessa tar-Regolament provviżorju, kien ikopri mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007.

8

Fil-premessa 18 tar-Regolament definittiv, huwa konkluż li fin-nuqqas ta’ kull kumment ieħor, il-premessi 38 sa 45 tar-Regolament provviżorju, fuq id-determinazzjoni tal-valur normali, huma kkonfermati. Barra minn hekk, il-premessa 26 tal-imsemmi regolament tikkonferma l-konstatazzjonijiet relatati mal-volumi ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat tal-premessa 58 tar-Regolament provviżorju.

9

Il-premessa 17 tar-Regolament definittiv tipprovdi:

“Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi kollha li kkoperaw u ż-żewġ importaturi indipendenti tal-KE kellhom dubju dwar l-użu ta’ prezzijiet tal-Industrija Komunitarja għall-kalkolu tal-valur normali. Kien ippreżentat li l-valur normali missu ġie kkalkulat abbażi tar-rendikont tal-ispejjes tal-produzzjoni [taċ-Ċina] meħud għal kull aġġustament xieraq relatat mad-differenzi bejn is-swieq tal-[Unjoni] u [taċ-Ċina]. F’dan ir-rigward hu nnotat li l-użu ta’ informazzjoni minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq u b’mod partikolari minn kumpaniji li ma ngħatawx il-MET imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Dan l-argument hu għalhekk miċħud. Intqal ukoll li d-dejta dwar il-prezzijiet mill-pajjiżi importaturi l-oħra kollha jew l-informazzjoni rilevanti ppubblikata setgħet intużat bħala rendikont raġonevoli tas-soluzzjoni meħud min-nuqqas ta’ koperazzjoni ta’ pajjiż analogu. Madankollu, informazzjoni ġenerali ta’ din ix-xorta, meta mqabbla mad-dejta użata mill-Kummissjoni ma setgħetx tiġi vverifikata u ċċekkjata b’mod inkroċċjat [bir-reqqa] fir-rigward tal-eżattezza skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku. Dan l-argument hu għalhekk miċħud. Ebda argument ieħor ma kien ippreżentat li seta’ tefa’ dubju fuq il-fatt li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ma kinitx skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u, b’mod partikolari, il-fatt li din tikkostitwixxi f’dan il-każ partikolari l-unika bażi raġjonevoli li baqa’ biex jiġi kkalkulat il-valur nominali [normali].”

10

L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament definittiv jipprovdi:

“1.   Huwa b’dan impost dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ mandolin ippreparat u ppriżervat (inklużi t-tanġerin u s-satsumas), il-klementina, il-wilkings u frott taċ-ċitru ibridu ieħor simili, li mhux miżjud b’alkoħol, kemm jekk fih zokkor jew materja ta’ ħlewwa oħra u kemm jekk le, u kif iddefinit fl-intestatura tan-NM 2008, li joriġina fir-Repubblika tal-Popolari taċ-Ċina, u li jaqa’ fil-parametri tal-kodiċi tan-NM 20083055, 20083075 u ex20083090 (il-kodiċi TARIC 2008309061, 2008309063, 2008309065, 2008309067, 2008309069).”

2.   L-ammont tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 manifatturati mill-kumpanniji hawn taħt għandu jkun kif ġej:

Kumpannija

EUR/tunellata netta tal-prodott

Kodiċi addizzjonali TARIC

Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang

531.2

A886

Huangyan Nru 1 Canned Food Factory Huangyan, Zhejiang

361.4

A887

Zhejiang Xinshiji Foods Co., Ltd. Sanmen, Zhejiang u l-produttur tagħha li huwa assoċjat ma’ Hubei Xinshiji Foods Co., Ltd, Dangyang City, Hubei Province

490.7

A888

Produtturi esportaturi li kkoperaw fl-investigazzjoni u li ma humiex inklużi fil-kampjun li jinsab fl-Anness

499.6

A889

Il-kumpanniji l-oħrajn kollha

531.2

A999

11

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament definittiv jistabbilixxi:

“L-ammonti assigurati permezz ta’ dazju provviżorju ta’ anti-dumping skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2008 għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata ta’ dazju provviżorju.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

GLS hija kumpannija importatriċi ta’ mandolin ippreżervat li joriġina miċ-Ċina fl-Unjoni.

13

Permezz ta’ dikjarazzjoni tat-30 ta’ Lulju 2008, GLS iddikjarat l-importazzjoni ta’ kunsinna ta’ mandolin ippreżervat taħt il-kodiċi 2008 3055 900 tan-Nomenklatura Magħquda. Permezz ta’ dikjarazzjoni tad-9 ta’ Ottubru 2008, GLS qiegħdet din il-kunsinna fiċ-ċirkulazzjoni libera. Wara l-adozzjoni tar-Regolament provviżorju u qabel ma ġie adottat ir-Regolament definittiv, il-Hauptzollamt Hamburg-Stadt ġabret dazju tal-antidumping provviżorju fil-forma ta’ garanzija. Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2008, GLS ippreżentat ilment kontra din il-miżura. Peress li l-ilment tagħha ġie miċħud, fit-30 ta’ April 2009, GLS ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Dispożizzjonijiet antidumping adottati mill-Kummissjoni […] skont ir-Regolament [bażiku] huma invalidi minħabba li l-Kummissjoni adottathom billi bbażat ruħha fuq valur normali ddeterminat fuq ‘bażi raġonevoli oħra’ (f’dan il-każ skont il-prezzijiet effettivament imħallsa fil-Komunità għal prodotti simili) mingħajr ma wettqet investigazzjonijiet addizzjonali rigward il-valur normali, wara li, f’pajjiż analogu, li l-Kummissjoni kienet inizjalment ikkunsidrat bħala tali, hija indirizzat lil żewġ impriżi — li waħda minnhom ma rrispondiet bl-ebda mod u l-oħra wriet li kienet lesta li tikkoopera, iżda madankollu ma rrispondietx għall-kwestjonarju mibgħut — u l-partijiet fil-proċeduri kienu indikaw lill-Kummissjoni pajjiż analogu ieħor?”

15

Permezz tad-digriet tal-15 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-Kummissjoni tipproduċi, fost l-oħrajn, l-istatistiċi tal-Eurostat, għas-snin 2005 sa 2008, li kienu disponibbli fit-18 ta’ Diċembru 2008, dwar l-importazzjonijiet fil-Komunità Ewropea tal-prodotti “li [jaqgħu] fil-parametri tal-kodiċi NM [Nomenklatura Magħquda] 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90”, imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv.

16

Wara l-imsemmija miżura ta’ istruzzjoni, il-Kummissjoni infurmat lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-istatistiċi li ġejjin dwar l-importazzjonijiet tal-imsemmija prodotti (f’tunnellati):

Volum imp.

2002/2003

2003/2004

2004/2005

2005/2006

2006/2007 (PE)

RPĊ

51 282.60

65 895.00

49 590.20

61 456.30

56 157.20

Iżrael

4 247.00

3 536.20

4 045.20

3 634.90

4 674.00

Sważiland

3 903.10

3 745.30

3 785.70

3 841.00

3 155.50

It-Turkija

2 794.30

3 632.30

3 021.40

2 273.80

2 233.60

It-Tajlandja

235.80

457.90

485.10

532.50

694.80

Fuq id-domanda preliminari

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament definittiv huwiex invalidu sa fejn il-Kummissjoni ddeterminat il-valur normali tal-prodott inkwistjoni abbażi tal-prezzijiet effettivament imħallsa jew pagabbli fl-Unjoni għal prodott simili mingħajr ma eżerċitat id-diliġenza kollha meħtieġa sabiex tistabbilixxi dan il-valur abbażi tal-prezzijiet mħallsa għall-istess prodott f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

18

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament definittiv, l-ammonti ddepożitati bħala dazju antidumping provviżorju stabbilit mir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata tad-dazju provviżorju. Peress li f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ebda effett legali taħt ir-Regolament provviżorju ma jista’ jiġi invokat minn GLS (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C-305/86 u C-160/87, Ġabra. p. I-2945, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkunsidrat li d-domanda preliminari tirrigwarda biss il-validità tar-Regolament definittiv.

19

L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, f’dak li jirrigwarda d-dumping, id-determinazzjoni tal-valur normali hija waħda mill-istadji essenzjali li tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ dumping. L-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-valur normali huwa prinċipalment ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, matul operazzjonijiet kummerċjali normali, minn xerrejja indipendenti fil-pajjiżi esportaturi.

20

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, b’deroga mir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 tal-istess dispożizzjoni, il-valur normali huwa, bħala prinċipju, iddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur kostrutt f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ prezzijiet u spejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq (ara s-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Rotexchemie, C-26/96, Ġabra p. I-2817, punt 9).

21

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xierqa jintgħażel b’mod raġonevoli, b’kunsiderazzjoni għal kwalunkwe informazzjoni disponibbli affidabbli fil-mument tal-għażla. Fil-fatt, huwa obbligu tal-istituzzjonijiet Komunitarji, b’kunsiderazzjoni tal-alternattivi li jinqalgħu, li jippruvaw isibu pajjiż terz fejn il-prezz ta’ prodott simili jiġi stabbilit f’ċirkustanzi simili kemm jista’ jkun għal dawk tal-pajjiż tal-esportazzjoni, sakemm ikun pajjiż b’ekonomija tas-suq.

22

L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Fir-rigward tal-għażla ta’ pajjiż analogu għandu, b’mod partikolari, jiġi vverifikat jekk l-istituzzjonijiet naqsux milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi essenzjali bil-għan li tiġi stabbilita l-adegwatezza tal-pajjiż magħżul u jekk il-fatti tal-proċess ġewx eżaminati bid-diliġenza dovuta kollha sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-valur normali ġie stabbilit b’mod xieraq u mhux b’mod irraġonevoli (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1991 Nölle, C-16/90, Ġabra p. I-5163, punti 12 u 13).

23

It-tielet nett, skont il-kliem tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur konstrutt f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew tal-prezz f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq lejn pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġonevoli.

24

Mill-kliem u mill-istruttura tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-metodu prinċipali użat sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq huwa “tal-prezz jew il-valur kostrutt f’ekonomija tas-suq ta’ pajjiż terz” jew “il-prezz minn pajjiż terz bħal dan għall-pajjiżi oħra, inkluża [l-Unjoni]” Fin-nuqqas ta’ dan, metodu sussidjarju ta’ determinazzjoni tal-valur normali huwa ddeterminat “fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, inkluż il-prezz infatti mħallas jew li għandu jitħallas [fl-Unjoni] għal prodott ta’ l-istess tip, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġini raġjonevoli ta’ profitt”.

25

L-użu tal-frażi fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku juri li l-għan ta’ din il-prijorità mogħtija lill-metodu ewlieni preskritt minn din id-dispożizzjoni huwa li tinkiseb determinazzjoni raġonevoli ta’ valur normali fil-pajjiż ta’ esportazzjoni mill-għażla ta’ pajjiż terz fejn il-prezz ta’ prodott simili huwa stabbilit f’ċirkustanzi simili kemm jista’ jkun għal dawk tal-pajjiż esportatur, sakemm dan ikun pajjiż b’ekonomija tas-suq.

26

Minn dan isegwi li s-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-għażla ta’ pajjiż analogu ma tawtorizzahomx jevitaw ir-rekwiżit li jagħżlu pajjiż terz b’ekonomija tas-suq f’każ fejn dan huwa possibbli. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn ma jistgħux jastjenu milli japplikaw ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku għad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodotti minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, billi jibbażaw ruħhom fuq bażi oħra raġonevoli, ħlief fil-każ fejn din ir-regola ġenerali ma tkunx tista’ tiġi applikata.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fl-eżami tagħha tal-validità tar-Regolament definittiv, tivverifika jekk l-istituzzjonijiet naqsux milli jieħdu inkunsiderazzjoni provi essenzjali u jekk il-provi fil-proċess ġewx eżaminati bid-diliġenza kollha meħtieġa.

28

F’dan il-każ, l-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq ma ngħata lill-ebda produttur esportatur fiċ-Ċina u l-valur normali huwa ddeterminat għal dawn il-produtturi esportaturi kollha skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku fuq kwalunkwe bażi raġonevoli, jiġifieri informazzjoni vverifikata fuq il-post minn produtturi tal-Unjoni li kkoperaw fl-investigazzjoniIl-premessi 17 u 18 tar-Regolament definittiv, li jikkonfermaw il-konklużjonijiet tar-Regolament provviżorju, jispeċifikaw li ebda argument li jista’ jikkonfuta l-metodu għad-determinazzjoni tal-valur normali ma ġie propost. B’mod partikolari, qed jiġi konkluż li l-użu tal-informazzjoni dwar il-prezzijiet mill-pajjiżi importaturi oħra jew informazzjoni rilevanti ppubblikata ma jistgħux ikunu soluzzjoni raġonevoli fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ pajjiż analogu peress li din l-informazzjoni ma setgħetx tiġi vverifikata skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku. Skont il-premessa 40 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kompliet tfittex pajjiżi analogi potenzjali u, għal dan il-għan, talbet mingħajr suċċess il-koperazzjoni ta’ żewġ kumpanniji Tajlandiżi.

29

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fl-avviż ta’ bidu tal-investigazzjoni antidumping ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Ottubru 2007 (ĠU C 246, p. 15), iddikjarat li, skont informazzjoni li tinsab fl-ilment, il-prodott rilevanti ma huwiex manifatturat fi kwantitajiet kbar barra l-Unjoni u ċ-Ċina u li l-partijiet ikkonċernati ġew mistiedna jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-għażla tal-pajjiż analogu skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Skont il-premessa 41 tar-Regolament provviżorju żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u assoċjazzjoni ta’ importaturi ma qablux dwar il-metodu li permezz tiegħu jibbażaw il-valur normali fuq prezzijiet imħallsa jew pagabbli fl-Unjoni iżda ma offrew ebda soluzzjoni oħra xierqa.

30

Madankollu, l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, li permezz tiegħu tingħata prijorità lill-metodu prinċipali, preskritt minn din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-valur normali abbażi tal-prezz jew valur kostrutt f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jobbliga lill-istituzzjonijiet jeżaminaw l-informazzjoni bid-diliġenza kollha meħtieġa l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom, inkluż b’mod partikolari l-istatistika tal-Eurostat bl-iskop li jiġi analizzat jekk jistax jiġi stabbilit pajjiż analogu fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

31

B’mod partikolari, l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni li jinstab pajjiż analogu fejn il-prezz ta’ prodott simili jiġi stabbilit f’ċirkustanzi simili kemm jista’ jkun għal dawk tal-pajjiż esportatur, jiġi kompromess jekk il-kunċett ta’ “informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha magħmula disponibbli” fis-sens tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku jkun limitat għall-informazzjoni pprovduta mil-lanjant fl-ilment tiegħu jew għall-informazzjoni kkomunikata sussegwentement mill-partijiet fil-kuntest tal-investigazzjoni.

32

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-paragrafi 101 u 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina ex officio l-informazzjoni kollha disponibbli peress li l-irwol tagħha f’investigazzjoni antidumping ma huwiex dak ta’ arbitru b’kompetenza limitata li tiddeċiedi biss fid-dawl tal-informazzjoni u l-provi mressqa mill-partijiet fl-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament bażiku, fl-Artikolu 6(3) u (4) tiegħu, jawtorizza lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipprovdulha informazzjoni kif ukoll li jwettqu l-verifiki u l-kontrolli kollha meħtieġa.

33

Mill-istatistika tal-Eurostat li ġiet ikkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 16 ta’ din is-sentenza) jirriżulta li matul is-snin 2002/2003 sa 2006/2007, kienu jeżistu importazzjonijiet sostanzjali fl-Unjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90, imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv, u minn pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq. Dawn jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-importazzjonijiet mill-Iżrael, is-Sważiland, it-Turkija u t-Tajlandja.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-data ta’ Eurostat, disponibbli matul l-investigazzjoni, tipprovdi indikazzjonijiet li prodotti paragunabbli għall-prodott ikkonċernat huma mmanifatturati f’pajjiżi terzi b’ekonomiji tas-suq f’ammonti sostanzjali, hija l-Kummissjoni li kellha teżamina ex officio jekk wieħed minn dawn il-pajjiżi setax ikun pajjiż analogu fis-sens tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha li tibgħat kwestjonarju wieħed liż-żewġ impriżi Tajlandiżi u li tiddeduċi, min-nuqqas ta’ risposta tagħhom, l-impossibbilità li tiddetermina l-valur normali abbażi tal-prezzijiet f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-importazzjonijiet mit-Tajlandja kienu ħafna inqas minn dawk minn Iżrael, is-Sważiland u t-Turkija. In-nuqqas ta’ koperazzjoni ta’ impriżi Tajlandiżi għalhekk bl-ebda mod ma jeżenta lill-Kummissjoni mill-eżami tal-informazzjoni disponibbli fir-rigward ta’ pajjiżi terzi oħra b’ekonomija tas-suq. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa 17 tar-Regolament definittiv tillimita ruħha li tafferma li l-kalkolu tal-valur normali li jkun sar abbażi tal-prezzijiet fl-Unjoni jikkostitwixxi l-unika bażi ta’ kalkolu raġonevoli, mingħajr ma jkunu esposti r-raġunijiet li għalihom ebda pajjiż terz b’ekonomija tas-suq imsemmi iktar ’il fuq, minbarra t-Tajlandja, ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala pajjiż analogu, u dan juri li l-istituzzjonijiet ma eżaminawx bid-diliġenza meħtieġa l-provi li jirriżultaw mid-data tal-istatistika ta’ Eurostat.

35

Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni, imqajjem waqt is-seduta, li l-istatistika ta’ Eurostat prodotta wara miżura istruttorja mill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna, fil-parti l-kbira, l-importazzjonijiet ta’ grapefruit u ta’ larinġ peress li huma prodotti li jaqgħu kumulattivament taħt it-tliet kodiċijiet ikkonċernati tan-nomenklatura magħquda, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, l-istatistika li ntalbet kienet tirrigwarda “prodott ikkonċernat”, jiġifieri l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament definittiv. Min-naħa l-oħra, paragun bejn l-istatistika riprodotta fil-premessa 58 tar-Regolament provviżorju dwar importazzjonijiet miċ-Ċina tal-“prodott ikkonċernat” (ara l-punt 6 (4a) tas-sentenza preżenti) u l-istatistika ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja matul din il-proċedura, żvelat li din tal-aħħar kienet tirrigwarda esklużivament l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni u l-Kunsill, sa fejn iddeterminaw il-valur normali tal-prodott inkwistjoni abbażi tal-prezz effettivament imħallas jew pagabbli fl-Unjoni għal prodott simili mingħajr ma wrew id-diliġenza kollha meħtieġa bil-għan li jistabbilixxu dan il-valur mill-prezzijiet mitluba għall-istess prodott f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, kisru r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

37

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari hija li r-Regolament definittiv għandu jiġi annullat.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008, tat-18 ta’ Diċembru 2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Popolari taċ-Ċina, huwa invalidu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top