EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0301

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2012.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Tniġġis u inkonvenjenzi — Trattament tal-ilma urban mormi — Direttiva 91/271/KEE — Artikoli 3, 4 u 10 — Punti A u B tal-Anness I.
Kawża C-301/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:633

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Tniġġis u inkonvenjenzi — Trattament tal-ilma urban mormi — Direttiva 91/271/KEE — Artikoli 3, 4 u 10 — Anness I(A) u (B)”

Fil-Kawża C-301/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán, A.-A. Gilly u A. Demeneix, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn D. Anderson, QC, S. Ford u B. McGurk, barristers,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Borg Barthet (Relatur), M. Ilešič, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma implementax, minn naħa, sistema ta’ ġbir adattata, skont l-Artikolu 3(1) u (2) u l-Anness I(A) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26), f’Whitburn kif ukoll f’Beckton u Crossness f’Londra u, min-naħa l-oħra, trattament adattat tal-ilma mormi tal-impjanti ta’ trattament ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden f’Londra, skont l-Artikolu 4(1) u (3), l-Artikolu 10, kif ukoll l-Anness I(B) tad-Direttiva 91/71, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont dawn id-dispożizzjonijiet.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 91/71 tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskariki tal-ilma urban mormi kif ukoll it-trattment u l-iskariki tal-ilma mormi minn ċertu setturi industrijali. Hija għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent mill-effetti negattivi tal-iskariki tal-ilma mormi.

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/271 jipprovdi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

1)

’ilma mormi urban’ tfisser ilma mormi domestiku jew taħlita ta’ ilma mormi domestiku ma’ ilma mormi industrijali u/jew ilma tax-xita;

[…]

5)

‘sistema ta’ ġbir’ tfisser sistema ta’ pajpijiet li tiġbor u tmexxi l-ilma mormi urban;

6)

‘1 e.p. (ekwivalenti ta’ popolazzjoni)’ tfisser it-toqol organiku biodegradabbli li jkollu domanda għall-ossiġenu bio-kemikali ta’ ħamest ijiem (BOD5) ta’ 60 g ta’ ossiġnu kuljum;

[…]”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/271 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet kollha jkunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir għall-ilma mormi urban,

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000 għal dawk li jkollhom popolazzjoni ekwivalenti (e.p.) ta’ aktar minn 15000 ruħ, u

[…]

2.   Sistemi ta’ ġbir deskritti fil-paragrafu 1 għandhom jilħqu l-kriterji ta’ l-Anness I (A). […]”

5

Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu [qabel] ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti ieħor kif ġej:

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000 għall-skariki kollha minn agglomerazzjoni ta’ aktar minn 15000 e.p.,

[…]

3.   Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban deskritti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jilħqu l-kriterji relevanti ta’ l-Anness I. B. […]

4.   It-toqol espress f’termini ta’ e.p. għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi tat-toqol massimu medju ta’ ġimgħa li jidħol fl-impjant ta’ trattament matul is-sena, esklużi biss sitwazzjonijiet mhux tas-soltu bħal dawk li jiġu kkawżati minn xita qalila.”

6

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/271 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban mibnija biex iħarsu l-kriterji ta’ l-Artikoli 4, 5, 6 u 7 ikunu ppjanati, mibnija, mħaddma u miżmuma biex jiżguraw operat suffiċjenti taħt il-kondizzjonijiet klimatiċi normali kollha. Meta dawn l-impjanti jkunu qed jiġu mfassla, għandhom jiġu kkunsidrati varjazzjonijiet tat-toqol skond l-istaġuni tas-sena.”

7

L-Anness I tad-Direttiva 91/271, intitolat “Rekwiżiti għall-ilma mormi urban” jipprovdi, fil-punt A tiegħu, intitolat “Sistemi ta’ ġbir”:

“Is-sistemi ta’ ġbir għandhom jikkunsidraw il-kriterji tat-trattament ta’ l-ilma mormi.

Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ ġbir għandhom isiru skond l-aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi, partikolarment dwar:

il-volum u l-karatteristiċi ta’ l-ilma mormi urban,

prevenzjoni ta’ tnixxijiet,

limitazzjoni ta’ tniġġis fl-ilmijiet minħabba tifwir ta’ ilma tax-xita.”

8

In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1 tal-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271, marbuta mat-titolu “Sistemi ta’ ġbir” hija fformulata kif ġej:

“Peress li fil-prattika mhux possibbli li jinbnew sistemi ta’ ġbir u impjanti ta’ trattament b’tali mod illi l-ilma tad-drenaġġ kollu jkun jista’ jiġi ttrattat f’sitwazzjonijiet bħalma huma xita qawwija mhux tas-soltu, l-Istati Membri għandhom jiddeċidu fuq il-miżuri li bihom jillimitaw it-tniġġis minn tifwir ta’ xita qawwija. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu bbażati fuq ir-rati jew il-kapaċità tad-dilwizzjoni f’relazzjoni maċ-ċirkulazzjoni ta’ temp xott, jew jistgħu jispeċifikaw ċertu numru aċċettabbli ta’ tifwir kull sena”.

9

L-Anness I(B) tad-Direttiva 91/271, intitolat “Skarikar minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi għall-ilmijiet li riċeventi”, jistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jissodisfaw l-iskariki tal-impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi fl-ilma riċeventi. In-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-Anness I(A) ta’ din id-direttiva, iċċitata fil-punt preċedenti, hija riprodotta fl-Anness I(B) tal-imsemmija direttiva.

Il-proċedura prekontenzjuża

10

Il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar l-istazzjon tal-pompi ta’ Whitburn Steel kif ukoll ilmenti oħra dwar tifwir eċċessiv minħabba xita tempestuża f’partijiet oħra tar-Renju Unit.

11

Fit-3 ta’ April 2003, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit li fiha indikat li l-istazzjon tal-pompi ta’ Whitburn Steel ma kienx jissodisfa l-obbligi dwar il-ġbir tal-ilma urban mormi skont l-Artikolu 3(1) u (2), kif ukoll l-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271.

12

Fir-risposta tiegħu tat-3 ta’ Ġunju 2003, ir-Renju Unit sostna li l-agglomerazzjoni kkonċernata kienet tissodisfa l-obbligi dwar il-ġbir imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/271. Madankollu, huwa ammetta li, wara riċerki addizzjonali li saru dwar is-sistema ta’ ġbir tas-settur, kien neċessarju li titjieb iċ-ċirkulazzjoni ta’ din is-sistema. Barra minn hekk, ir-Renju Unit spjega li l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ skariki imposti fuq il-kumpannija tal-ilmijiet għall-użu tal-istazzjon tal-pompi tal-ilma użat ta’ Whitburn Steel kienu ġew emendati, u li għalhekk kellu jonqos in-numru tal-iskariki. Dan it-titjib kellu jintemm mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2004.

13

Fil-21 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni indirizzat it-tieni ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit li fiha indikat li s-sistemi ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma urban mormi tas-settur ta’ Londra ma kinux jissodisfaw l-obbligi dwar il-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi imposti mill-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(1) u (3), l-Artikolu 10 kif ukoll l-Anness I(A) u (B) tad-Direttiva 91/271. Il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ilma użat mhux ittrattat kien skarikat fit-Thames, anki f’kundizzjonijiet ta’ xita moderata u ebda miżura immedjata ma kienet prevista sabiex issolvi l-problema li għalhekk kienet ser tippersisti u anki tiggrava.

14

Fir-risposta tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2005, ir-Renju Unit spjega li s-sistema ta’ ġbir tal-ilma mormi f’Londra kienet sistema mħallta li kienet tiġbor u tittrasferixxi kemm l-ilma domestiku u industrijali mormi kif ukoll l-ilma tax-xita minn ġibjun ta’ 557 km2 sabiex tissuġġettah għal trattament sekondarju fl-impjanti ta’ trattamenti ta’ Beckton, ta’ Mogden, ta’ Crossness, ta’ Long Reach, u ta’ Riverside, qabel l-iskariku tagħhom fit-Thames. Madankollu, huwa rrikonoxxa l-problemi marbuta mal-volum, mal-piż u mal-frekwenza tal-iskariki ta’ temp umdu li jirriżultaw mit-tifwir, billi ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jwettaq studju strateġiku tal-estwarju tat-Thames (“Thames Tideway Strategic Study”, iktar ’il quddiem it-“TTSS”) sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ dawn l-iskariki fuq l-ambjent.

15

Fir-rigward tal-obbligi tiegħu li jiżgura trattament adattat tal-ilma urban mormi, ir-Renju Unit iddikjara li, minkejja li t-titjib ser isir mill-iktar fis possibbli, l-impjanti ta’ trattament li jkopru l-agglomerazzjonijiet ta’ Londra kienu konformi mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 91/271 mill-31 ta’ Diċembru 2000. Barra minn hekk, ir-Renju Unit spjega li l-iskariki ta’ Awwissu 2004 kienu l-konsegwenza tax-xita eċċezzjonalment qawwija.

16

Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta pprovduta mir-Renju Unit, il-Kummissjoni, b’ittra tal-10 ta’ April 2006, bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, fejn indikat li, fil-fehma tagħha, dan kien naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(1) u (2), u l-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271 fir-rigward ta’ Whitburn u mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(1), tal-4(1) u (3), l-Artikolu 10 kif ukoll l-Anness I(A) u (B) tad-Direttiva 91/271 fir-rigward tad-disa’ impjanti ta’ trattament li jservu ż-żona ta’ Greater London.

17

Bħala risposta għall-imsemmija opinjoni motivata, ir-Renju Unit, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ġunju 2006, sostna li s-sistema ta’ ġbir kollha u l-impjanti ta’ trattament li jkopru lil Whitburn u l-agglomerazzjoni metropolitana ta’ Sunderland kienu konformi mad-Direttiva 91/271.

18

Wara laqgħa li nżammet fis-6 ta’ Lulju 2007 bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u dawk tar-Renju Unit, dan tal-aħħar ipprovda informazzjoni dwar dan il-punt permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 2007.

19

Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Londra, ir-Renju Unit wieġeb li, minkejja li kellha tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-impjanti ta’ trattament ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden, dan ma jfissirx li dawn l-impjanti kienu jiksru d-Direttiva 91/271. Ir-Renju Unit, billi aċċetta l-bżonn ta’ dan it-titjib, wera sempliċement ix-xewqa tiegħu li jipprovdi livell aħjar ta’ protezzjoni tal-ambjent.

20

Waqt il-laqgħa tas-26 ta’ Jannar 2007, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit iddiskutew iż-żewġ għażliet possibbli għal Londra, issuġġeriti mir-rapport tat-TTSS, u r-Renju Unit iddeċieda li jagħżel il-mina unika ta’ 30 km max-xmara Thames u l-mina separata għat-tribuatarju tagħha, il-Lee. Il-proġett kellu jitlesta sal-2020.

21

Wara żewġ ittri addizzjonali tad-29 ta’ Ġunju 2007 u tal-4 ta’ Frar 2008 ikkomunikati mir-Renju Unit, il-Kummissjoni, peress li kienet għadha ma hijiex sodisfatta bir-risposti pprovduti minn dan l-Istat, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2008, ikkomunikat opinjoni motivata addizzjonali li permezz tagħha hija ppreċiżat l-interpretazzjoni tagħha tad-Direttiva 91/271 fir-rigward tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri li jikkontrollaw l-iskariki tal-ilma urban mormi li joriġinaw mill-katusi tat-tifwir tal-ilma tax-xita. Hija kkonfermat ukoll il-ħsibijiet li kellha dwar l-inadegwatezza tas-sistema ta’ ġbir implementata fl-inħawi ta’ Whitburn, tas-sistemi ta’ ġbir ta’ Beckton u ta’ Crossness, kif ukoll tal-impjanti ta’ trattament ta’ Mogden, ta’ Beckton u ta’ Crossness.

22

Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tissoktax bil-proċedura mibdija fir-rigward tas-sistemi ta’ ġbir u tal-impjanti ta’ trattament ta’ Esher, ta’ Crawley, ta’ Deephams, ta’ Hogsmill, ta’ Long Reach u ta’ Riverside. Għaldaqstant, il-Kummissjoni stiednet lir-Renju Unit jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni addizzjonali f’terminu ta’ xahrejn minn meta rċevieha.

23

Għalhekk kien hemm divresi skambji ta’ ittri u ta’ laqgħat bejn il-Kummissjoni u r-Renju Unit mingħajr madankollu ma wasslu għal soluzzjoni.

24

Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta mogħtija mir-Renju Unit, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

25

Il-punti prinċipali ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Kummissjoni u r-Renju Unit jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 91/271.

26

Skont il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ ġbir tkun maħsuba u mibnija b’mod li tiġbor l-ilma urban mormi ġġenerat mill-agglomerazzjoni li hija tkopri u li tosserva li jitlestew sabiex jiġu ttrattati. Il-kapaċita tas-sistema ta’ ġbir għandha għalhekk tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet klimatiċi naturali (temp niexef, temp umdu u anki maltemp), kif ukoll varjazzjonijiet staġunali bħall-popolazzjonijiet mhux residenzjali, it-turisti u l-attivitajiet ekonomiċi staġunali.

27

Hija tqis li t-“tifwir ta’ xita qawwija [tempestuża]” li jirreferi għaliha l-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271, jagħmel parti sħiħa mis-sistemi ta’ ġbir u mill-impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi. Din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprovdi l-obbligu assolut li jiġu evitati l-iskariki tal-katusi tat-tifwir tal-ilma tax-xita salv f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Fil-fatt, dan ir-raġunament jidher illustrat min-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271 li tipprovdi li, fil-prattika, ma huwiex possibbli li jinġabar u jiġi ttrattat l-ilma użat kollu “f’sitwazzjonijiet bħalma huma xita qawwija mhux tas-soltu”.

28

Il-Kummissjoni tippreżenta fatturi bħall-frekwenza u l-volum tat-tifwir sabiex turi li hemm ksur tad-Direttiva 91/271. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jħasseb lir-Renju Unit, hija ma tipproponix regola stretta ta’ 20 skariku iżda tenfasizza li iktar ma jkun hemm skariki tat-tifwir, b’mod partikolari matul perijodi li fihom ikun hemm biss xita moderata, iktar huwa probabbli li l-funzjonament ta’ dan it-tifwir ma jkunx konformi mad-Direttiva 91/271.

29

Il-Kummissjoni u r-Renju Unit ma jaqblux ukoll dwar il-portata li għandha tiġi attribwita lill-kunċett ta’ “l-aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi” (iktar ’il quddiem il-“BTKNEEC” li hija l-akronimu tal-espressjoni bl-Ingliż “best technical knowledge not entailing excessive costs”) previst fl-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271.

30

Il-Kummissjoni ssostni li dan il-kunċett għandu jinqara fil-kuntest tad-Direttiva 91/271, tal-għan u tal-oġġettivi tagħha, jiġifieri dak tal-protezzjoni tal-ambjent mill-effetti negattivi tal-iskariki tal-ilma mormi.

31

Hija tqis li l-kunċett ta’ BTKNEEC jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu bejn diversi soluzzjonijiet li, fl-istess ħin, jinkoraġġixxu l-osservanza tad-dispożizzjonijiet u tal-għan tad-Direttiva 91/271, bħall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi ġodda ta’ ħażna, it-tkabbir ta’ dawk li diġà jeżistu, jew anki d-devjazzjoni tal-ilma tax-xita qabel ma dan ikun jista’ jidħol fis-sistemi tal-ġbir.

32

Skont ir-Renju Unit, id-Direttiva 91/271 għandha tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lill-Istati Membri jiddeterminaw b’liema mod għandu jinġabar u jiġi ttrattat l-ilma urban mormi sabiex jitwettaq l-għan ta’ din id-direttiva, li huwa l-protezzjoni tal-ambjent mill-effetti negattivi tal-iskariki ta’ ilma mormi.

33

Ir-Renju Unit iqis li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 91/271 għandha ssir b’referenza, b’mod partikolari, għall-impatt ambjentali tal-iskariki fuq l-ilma riċeventi.

34

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “xita qawwija mhux tas-soltu”, ir-Renju Unit iqis li l-fatt li n-nota 1 tal-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271 tirrikonoxxi espressament li ma huwiex possibbli li jiġu evitati l-iskariki f’ċirkustanzi partikolari, b’mod partikolari, f’xita eċċezzjonalment qawwija, ma jimponix l-obbligu assolut li jiġu evitati l-iskariki f’ċirkustanzi oħra. Huwa jqis li l-kwistjoni dwar jekk l-iskariki humiex adattati f’ċirkustanzi oħra għandha tiġi ddeterminata b’applikazzjoni tal-kunċett ta’ “BTKNEEC” u b’evalwazzjoni tal-impatt ambjentali tal-iskariki fuq l-ilma riċeventi.

35

Skont dan l-Istat Membru, id-Direttiva 91/271 ma tipprevedi xejn dwar iċ-ċirkustanzi jew il-frekwenza li biha l-iskariki jistgħu jseħħu fl-ilma riċeventi. Sabiex jiġi evalwat jekk is-sistemi ta’ ġbir jew ta’ impjanti ta’ trattament humiex konformi mad-Direttiva 91/271, għandha ssir evalwazzjoni fid-dettall tal-eżitu tas-sistema ta’ ġbir jew tal-impjant ta’ trattament ikkonċernat billi jiġi eżaminat l-impatt ambjentali tal-iskariki fuq l-ilma riċeventi.

36

Il-kunċett ta’ “operat suffiċjenti” previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/271 għandu, huwa wkoll, jiġi evalwat fid-dawl tal-għan tal-protezzjoni tal-ambjent previst fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva u għalhekk skont l-impatt fuq l-ilma riċeventi.

37

Minkejja li l-metodu użat mir-Renju Unit sabiex jiġi kkalkolat dak li jirrappreżenta skariku uniku ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, dan ma jsolvix, skont dan l-Istat Membru, il-problema marbuta mal-fatt li d-definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi tixrid tista’ tvarja minn Stat Membru għall-ieħor. Għaldaqstant, ma jkunx hemm koerenza ta’ approċċ fost l-Istati Membri jekk il-konformità mad-Direttiva 91/271 tkun iddeterminata b’referenza għall-okkorrenza u l-frekwenza tat-tixrid.

38

Barra minn hekk, ir-Renju Unit isostni li l-Kummissjoni twettaq żball meta tibbaża ruħha fuq il-volum tal-iskariki sabiex tivverifika l-konformità tas-sistemi ta’ ġbir u tal-impjanti ta’ trattament mad-Direttiva 91/271.

39

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-agglomerazzjoni ta’ Sunderland (Whitburn), il-Kummissjoni tallega li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali, kien għad hemm tifwir eċċessiv minħabba xita tempestuża li joriġina mill-parti tas-sistema ta’ ġbir ta’ Sunderland li tinsab f’Whitburn u li għalhekk din is-sistema ma kinitx konformi mal-Artikolu 3 kif ukoll mal-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271.

40

Fil-fatt, minkejja li l-frekwenzi tal-iskariki tnaqqsu (matul is-snin 2002 sa 2004, bejn 56 u 91 skariki fis-sena u volumi annwali ta’ ilma urban mormi mingħajr trattament bejn 359640 m3 u 529290 m3), is-sistema ta’ ġbir għadha ma hijiex konformi mal-kundizzjonijiet tad-Direttiva 91/271, b’mod partikolari fir-rigward tal-ilma tal-għawm ta’ Whitburn u ta’ Seaham u ta’ diversi lmenti li tressqu quddiem il-Kummissjoni dwar skart fuq ix-xtajtiet tal-inħawi ta’ Whitburn.

41

Ir-Renju Unit jikkunsidra li t-tifwir minħabba xita tempestuża huwa konformi mad-Direttiva 91/271.

42

Ir-Renju Unit iqis ukoll li l-ilma tal-għawm tal-inħawi ta’ Whitburn tqies li huwa konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 76/160/KEE, tat-8 ta’ Diċembru 1975, dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1. p. 26), u li għalhekk huwa konformi mad-Direttiva 91/271. Barra minn hekk, l-iskart probabbilment ma joriġinax minn Whitburn iżda pjuttost mit-Tyne fejn il-katusi ġew mgħammra bi lqugħ fi tmiem ix-xahar ta’ Marzu 2010.

43

Fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Londra, il-Kummissjoni tallega li l-frekwenza u l-kwantità tal-iskariki tal-ilma mormi mhux ittrattat li ġej mis-sistema ta’ ġbir ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden huma ta’ tali daqs li jikkostitwixxu ksur tal-Artikoli 3 u 4 kif ukoll tal-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271, u dan b’mod partikolari peress li dawn l-iskariki seħħew matul perijodi ta’ xita moderata.

44

Barra minn hekk, hija tqis li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/271 jeżiġi li l-impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi mibnija sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jkunu mfassla, mibnija, operati u miżmuma b’mod li jkollhom operat suffiċjenti tal-kundizzjonijiet klimatiċi kollha normali tal-post fejn huma stabbiliti.

45

Ir-Renju Unit iqis li dawn l-impjanti ta’ trattament josservaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/271.

46

Huwa jsostni wkoll li n-netwerk tad-dranaġġ ta’ Londra huwa qadim ħafna u kien is-suġġett ta’ modernizzazzjoni progressiva mill-1875. Sa mill-adozzjoni tad-Direttiva 91/271 tali netwerk ġie studjat u sar titjib. Barra minn hekk, l-iskala u n-natura eċċezzjonali tax-xogħlijiet li qed isiru fuq ix-xmara Thames, bi spejjeż ta’ GBP 4.4 miljun, jeżiġu żmien twil. Huwa jqis li ma jistax jiġi ppenalizzat għall-implementazzjoni, fuq perijodu twil, ta’ soluzzjoni ambizzjuża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 91/271

47

Kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 91/271 huwa l-protezzjoni tal-ambjent mill-effetti negattivi tal-iskariki ta’ ilma urban mormi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-280/02, Ġabra p. I-8573, punt 13).

48

L-għan tad-Direttiva 91/271 imur lil hinn mis-sempliċi protezzjoni tal-ekosistemi akwatiċi u jfittex li jipproteġi l-bniedem, il-fawna, il-flora, l-art, l-ilma, l-arja u l-pajsaġġi minn kull effett negattiv sinjifikanti tat-tkabbir mgħaġġel ta’ alka u ta’ forom iktar għoljin ta’ pjanti minħabba l-iskariki ta’ ilma urban mormi (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

49

Huwa fid-dawl ta’ dan l-għan iżda wkoll tal-Artikolu 191 TFUE li għandhom jiġu interpretati l-kunċetti ta’ “operat suffiċjenti” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/271, ta’ “xita qawwija mhux tas-soltu” fin-nota tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, u ta’ “l-aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi” (“BTKNEEC”) iċċitata fl-Anness I(A) ta’ din l-istess direttiva.

50

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “operat suffiċjenti” li jikkonċerna impjanti ta’ trattament biss, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex iddefinit numerikament, peress li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/271 jipprovdi biss li l-impjanti ta’ trattament għandhom ikollhom “operat suffiċjenti taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi normali kollha” u b’kunsiderazzjoni għal varjazzjonijiet staġunali tal-piż waqt it-tfassil ta’ dawn l-impjanti.

51

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-każ fejn ir-rata ta’ ġbir ta’ ilma urban mormi jew it-trattament tiegħu kienet tilħaq it-80 % anki saħansitra d-90 % tal-piż eżistenti (sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-530/07, Ġabra p. I-78, punti 28 u 53, kif ukoll tal-14 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-343/10, Ġabra p. I-60, punti 56 u 62).

52

Fil-fatt, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 91/271, imfakkar fil-punti 47 u 48 tas-sentenza preżenti, in-nuqqas ta’ trattament tal-ilma mormi urban ma jistax jiġi aċċettat skont kundizzjonijiet klimatiċi u staġunali abitwali, għaliex inkella d-Direttiva 91/271 tkun superfluwa.

53

Għalhekk, sabiex jiġi sodisfatt l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent, huwa paċifiku li l-kunċett ta’ “operat suffiċjenti”, minkejja li ma huwiex iddefinit numerikament, għandu jiġi interpretat fis-sens li f’kundizzjonijiet klimatiċi abitwali u b’kunsiderazzjoni ta’ varjazzjonijiet staġunali, l-ilma urban mormi għandu jinġabar u jiġi ttrattat.

54

Konsegwentement, in-nuqqas ta’ trattament tal-ilma urban mormi jista’ jiġi ttollerat biss meta l-konsegwenzi ma jkunux ordinarji u meta jkun hemm ksur tad-Direttiva 91/271 jekk tifwir ta’ ilma urban mormi jseħħ b’mod regolari.

55

It-tieni nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “xita qawwija mhux tas-soltu” previst fin-nota 1 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271, għandu jiġi enfasizzat li dan il-kunċett japplika għal sistemi ta’ ġbir previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva kif ukoll għall-impjanti ta’ trattament previsti fl-Artikolu 4 tagħha.

56

Permezz tal-imsemmija nota, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom l-ilma urban mormi ma jistax jinġabar jew jiġi ttrattat. B’mod partikolari, huwa kkonstata li “fil-prattika mhux possibbli li jinbnew sistemi ta’ ġbir u impjanti ta’ trattament b’tali mod illi l-ilma tad-drenaġġ kollu jista’ jiġi ttrattat” u ppreveda li n-nuqqas ta’ ġbir u ta’ trattament ta’ ilma urban mormi jista’ jiġi ttollerat “f’sitwazzjonijiet bħalma huma xita qawwija mhux tas-soltu”. Madankollu, f’dan il-każ, huma “l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu fuq il-miżuri li bihom jillimitaw it-tniġġis minn tifwir ta’ xita qawwija [tempestuża]”.

57

Għandu jiġi kkonstatat li l-espressjoni “xita qawwija mhux tas-soltu” hija msemmija fin-nota 1 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271 b’mod illustrattiv biss, peress li qabel din l-espressjoni hemm il-kliem “f’sitwazzjoni bħalma”. Għalhekk, in-nuqqas ta’ ġbir jew ta’ trattament ta’ ilma mormi jista’ jiġi ammess ukoll f’sitwazzjonijiet oħra.

58

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, l-għan tad-Direttiva 91/271 ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li ċirkustanzi oħra jseħħu b’mod ordinarju u ta’ spiss peress li t-terminu “mhux tas-soltu” jindika tabilħaqq li n-nuqqas ta’ ġbir jew ta’ trattament ta’ ilma mormi ma jistax iseħħ f’kundizzjonijiet ordinarji.

59

L-argument tar-Renju Unit li huwa intiż li jiġi ammess li l-iskariki jistgħu jseħħu anki barra sitwazzjonijiet eċċezzjonali ma jistax jintlaqa’.

60

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li meta Stat Membru jinsab f’sitwazzjoni eċċezzjonali li ma tippermettihx jiġbor jew jittratta l-ilma mormi, huwa għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex jillimita t-tniġġis skont in-nota 1 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271.

61

Barra minn hekk, peress li l-kunċett ta’ “xita qawwija mhux tas-soltu” ma huwiex iddefinit minn din id-direttiva, il-Kummissjoni hija awtorizzata, fil-kuntest tal-kontroll tagħha tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, tadotta linji gwida u peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza tiddefinixxi numerikament obbligi previsti mid-Direttiva 91/271, il-kunċett ta’ “xita qawwija mhux tas-soltu” għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-kriterji u tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti minn din id-direttiva, u b’mod partikolari, tal-kunċett ta’ “BTKNEEC”.

62

It-tielet nett, il-kunċett “BTKNEEC” li huwa msemmi fl-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271 għandu, bħall-kunċetti differenti msemmija mid-Direttiva 91/271 u żviluppati preċedentement, jiġi evalwat fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tal-ambjent. Bl-istess mod, għandu jiġi nnutat li l-obbligi ta’ din id-direttiva li jipprevedu l-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi kollu, ħlief fil-każ ta’ avvenimenti eċċezzjonali jew imprevedibbli, għandhom josservaw id-data stabbilita mill-imsemmija direttiva.

63

Il-kunċett ta’ “BTKNEEC”, minkejja li ma huwiex imsemmi fl-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġbir, jikkostitwixxi madankollu kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 91/271, intiż li jiżgura l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent ta’ din tal-aħħar billi jevita applikazzjoni stretta wisq tar-regoli previsti. Għalhekk, dan il-kunċett għandu jiġi wkoll estiż għall-impjanti ta’ trattament sa fejn dan jippermetti, f’ċerti każijiet, skariki ta’ ilma mormi mhux ittrattat minkejja li jkollhom effett negattiv fuq l-ambjent.

64

Għalhekk, il-kunċett ta’ “BTKNEEC” jippermetti li tiġi ggarantita l-osservazzjoni tal-obbligi tad-Direttiva 91/271 mingħajr ma jimponi fuq l-Istati Membri obbligi li ma jistgħux iwettqu jew li jistgħu jissodisfaw biss bi spejjeż sproporzjonati.

65

Madankollu, sabiex ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju mfakkar fil-punt 53 tas-sentenza preżenti, li jipprovdi li l-ilma mormi kollu għandu jinġabar u jiġi ttrattat, l-Istati Membri għandhom jinvokaw l-eżistenza ta’ tali spejjeż sproporzjonati bħala eċċezzjoni biss.

66

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jinvoka diffikultajiet prattiċi jew amministrattivi sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini stabbiliti minn direttiva. Dan japplika wkoll għad-diffikultajiet finanzjarji li għandhom jiġu megħluba mill-Istati Membri billi jadottaw il-miżuri adattati (sentenza tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-293/05, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Il-kunċett ta’ “BTKNEEC” għandu jiġi eżaminat billi jiġu bbilanċjati, minn naħa, it-teknoloġija l-iktar avvanzata kif ukoll l-ispejjeż involuti u, min-naħa l-oħra, il-vantaġġi li jista’ jkollha sistema ta’ ġbir u ta’ trattament ta’ ilma iktar effettiva. F’dan il-kuntest, l-ispejjeż inkorsi ma jistgħux ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-vantaġġi miksuba.

68

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif isostni r-Renju Unit, l-effetti fuq l-ambjent u b’mod partikolari fuq l-ilma riċeventi ta’ skariki ta’ ilma mormi mhux ittrattat. Il-konsegwenzi li dawn l-iskariki għandhom fuq l-ambjent għalhekk jippermettu l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonali jew le tal-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti sabiex isiru x-xogħlijiet neċessarji sabiex l-ilma urban mormi jiġi ttrattat fir-rigward tal-vantaġġ li dan jagħti lill-ambjent.

69

Fil-każ fejn il-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi kollu jkun impossibbli jew diffiċli ħafna huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “BTKNEEC” huma sodisfatti.

70

Huwa minnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprevedi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-494/01, Ġabra p. I-3331, punt 41; Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-335/07, Ġabra p. I-9459, punt 46, u tal-10 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-390/07, punt 43).

71

Madankollu, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw lill-Kummissjoni t-twettiq tal-missjoni tagħha, li tikkonsisti, b’mod partikolari skont l-Artikolu 17(1) TUE, fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tiegħu. B’mod partikolari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward tal-verifika tal-applikazzjoni korretta, fil-prattika, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tad-Direttiva, il-Kummissjoni tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq informazzjoni pprovduta minn persuni li eventwalment jippreżentaw ilment u mill-Istat Membru kkonċernat (ara b’mod partikolari, is-sentenza ċċitati Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punti 42 u 43, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 44).

72

Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li juru ċerti fatti fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan li għandu jikkontesta, b’mod sostanzjali u fid-dettall, l-informazzjoni hekk ippreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, punt 44 u l-ġuriprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 45).

73

Minn dan jirriżulta, għall-finijiet tal-eżami ta’ dan ir-rikors, li, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina jekk l-iskariki li joriġinaw mis-sistemi ta’ ġbir jew mill-impjanti ta’ trattament tal-agglomerazzjonijiet differenti tar-Renju Unit jirriżultawx minn ċirkustanzi li huma ta’ natura eċċezzjonali jew le, u, jekk dan ma huwiex il-każ, li tivverifika, it-tieni nett, jekk ir-Renju Unit stabbilixxiex li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “BTKNEEC” kinux sodisfatti.

Whitburn

74

Fir-rigward tal-obbligu li jkun hemm sistema ta’ ġbir kif ipprovdut fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/271, għandu jitfakkar preliminarjament li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

75

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-opinjoni motivata addizzjonali, tal-1 ta’ Diċembru 2008, stabbilixxiet, fir-rigward tar-Renju Unit, terminu ta’ xahrejn b’effett minn meta tiġi rċevuta din l-opinjoni sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 91/271. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li fid-data stabbilita fl-opinjoni motivata, l-iskariki mill-katusi tat-tifwir ta’ ilma urban mormi mhux ittrattat kienu għadhom hemm. In-numru tal-iskariki kif ukoll il-volum tagħhom ma humiex ikkontestati mir-Renju Unit, dan tal-aħħar isostni biss li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-iskart li nstab fuq ix-xtajtiet fl-inħawi ta’ Whitburn ma jistgħux joriġinaw mis-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn peress li l-katusa taħt il-baħar użata għall-iskariki tal-ilma mormi hija mgħammra b’filtru ta’ 6 mm, u dan l-iskart probabbilment joriġina mit-Tyne fejn il-katusi ġew mgħammra b’filters fi tmiem ix-xahar ta’ Marzu 2010.

76

Sabiex jiġi vverifikat jekk ir-Renju Unit naqasx mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 u l-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271, kif issostni l-Kummissjoni fl-ilment tagħha, għandu jsir l-eżami kif stabbilit fil-punt 73 tas-sentenza preżenti.

77

Għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett, li, bl-ittra tat-2 ta’ Mejju 2005 indirizzata mir-Renju Unit lill-Kummissjoni, in-numru ta’ skariki ta’ ilma mormi indikat għas-sena 2001 kien jilħaq 310 għal kull volum annwali ta’ 561240 m3 u li matul il-perijodu ta’ bejn is-snin 2002 sa 2004, dan in-numru kien ivarja bejn 56 u 91 għall-volumi bejn 359640 u 529290 m3. Bl-istess mod, għandu jiġi nnutat li bejn l-2006 u l-2008, in-numru ta’ skariki ta’ ilma mormi fis-sena varja bejn 25 sa 47 skariku għall-volum minn 248130 m3 sa 732150 m3, kif ukoll volum ta’ 762300 m3 għas-sena 2009. Il-Kummissjoni, billi tibbaża l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-frekwenza ta’ dawn l-iskariki kif ukoll l-intensità tagħhom, stabbilixxiet b’mod ċar li, kemm qabel kif ukoll wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata addizzjonali, dawn seħħew b’mod ordinarju, peress li tali numru ta’ skariki ma jistax jiġi marbut ma’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Fil-fatt, ir-Renju Unit ma jsostnix fl-osservazzjonijiet tiegħu li dawn l-iskariki kienu ta’ natura eċċezzjonali.

78

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, skont studju mwettaq fl-2010, huwa possibbli, minn lat teknoloġiku, li jitnaqqas in-numru ta’ skariki ta’ ilma mormi tas-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn billi titkabbar il-mina għall-ħażna eżistenti, fatt li ma ġiex ikkontestat mir-Renju Unit.

79

Fir-rigward tal-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti kif ukoll tal-vantaġġi miksuba, mill-imsemmi studju jirriżulta li titjib ta’ 0.3 % fuq il-kwalità tal-ilma riċeventi jista’ jinkiseb mix-xogħlijiet tal-estensjoni tal-mina, u dan abbażi ta’ 20 skariku fis-sena.

80

Minkejja li t-titjib fuq il-kwalità tal-ilma jidher li huwa marġinali u li, kif isostni r-Renju Unit, id-Direttiva 76/160 hija sodisfatta, fatt li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami ġenerali tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “BTKNEEC”, għandu jiġi kkonstatat li, kemm fl-osservazzjonijiet tal-partijiet kif ukoll fir-rapport tal-istudji mwettqa, l-ispejjeż li kien jirrappreżenta tali tkabbir ma jissemmew imkien.

81

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina jekk, effettivament, l-ispejjeż li jikkorrispondu ma’ tali xogħlijiet humiex eċċessivi u sproporzjonati fir-rigward tal-vantaġġ miksub fl-ambjent.

82

Isegwi li r-Renju Unit ma stabbilixxiex suffiċjentement skont id-dritt li l-ispejjeż tax-xogħol taż-żieda tal-kapaċità tas-sistema ta’ ġbir kienu sproporzjonati mat-titjib tas-sitwazzjoni ambjentali.

83

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod ġust li l-implementazzjoni tas-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn ma tissodisfax l-obbligi previsti fl-Artikolu 3 u fl-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271.

Londra

84

Fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Londra, huwa paċifiku, skont l-indikazzjonijiet tar-Renju Unit stess li, fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali, din l-agglomerazzjoni la kellha impjanti ta’ trattament f’Beckton, f’Crossness u f’Mogden, li jiżguraw trattament sekondarju tal-ilma mormi kollu li jidħol fis-sistema ta’ ġbir, skont l-Artikolu 4(1) u (10) tad-Direttiva 91/271, u li tiggarantixxi li l-iskariki li joħorġu minnhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-punt B tal-Anness I tagħha, u lanqas sistemi ta’ ġbir f’Beckton u fi Crossness li kellhom kapaċità suffiċjenti, skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

85

Il-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha fuq rapport tat-TTSS ta’ Frar 2005, tirrileva li, bejn wieħed u ieħor, kien hemm 60 skariku fis-sena ta’ ilma mormi li ġej minn katusi tat-tifwir tal-ilma tax-xita ta’ Londra u dan anki waqt perijodi ta’ xita moderata; għaldaqstant kull sena kien jintrema volum ta’ bosta miljuni ta’ tunnellati ta’ ilma mormi fit-Thames.

86

Fir-rigward tal-impjanti ta’ trattament tas-sistema ta’ ġbir ta’ Londra, dan ir-rapport juri li l-kapaċità tagħhom hija suffiċjenti f’temp niexef iżda mhux suffiċjenti f’każ ta’ xita.

87

Ir-Renju Unit ma jikkontestax il-fatti invokati mill-Kummissjoni u jfakkar li, effettivament, qed iwettaq proġett ta’ kostruzzjoni ta’ mina ġdida ta’ 30 km fin-naħa tal-marea tat-Thames sabiex jinterċetta l-iskariki tal-katusi tas-sistema ta’ ġbir u jiddevjahom lejn l-impjant ta’ trattament ta’ Beckton sabiex jiġu ttrattati. Bl-istess mod, huwa maħsub li tinbena mina oħra, il-Lee Tunnel, bil-għan li jitnaqqsu l-iskariki tal-katusi tas-sistemi ta’ ġbir ta’ Beckton u ta’ Crossness. Fl-aħħar nett, ix-xogħlijiet ta’ titjib bil-għan li tiżdied il-kapaċità tal-impjanti ta’ trattament ta’ Beckton, Crossness u Mogden jinsabu fis-seħħ.

88

Sabiex jiġi vverifikat jekk ir-Renju Unit naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 3, 4 u 10 kif ukoll taħt l-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271, kif issostni l-Kummissjoni fl-ilment tagħha, għandu wkoll jitwettaq l-eżami previst fil-punt 73 tas-sentenza preżenti.

89

Għandu jiġi kkonstat li l-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha fuq ir-rapport tat-TTSS, imsemmi fil-punt 85 tas-sentenza preżenti u li ma huwiex ikkontestat mir-Renju Unit, li jindika li l-frekwenza tal-iskariki kif ukoll il-volum tagħom jipproduċu ruħhom mhux biss waqt avveniment eċċezzjonali iżda wkoll f’każ ta’ xita moderata, stabbilixxiet b’mod evidenti n-natura ordinarja tal-iskariki tal-ilma mormi fit-Thames.

90

Fir-rigward tal-impossibbiltà teknoloġika li jitnaqqsu n-numru ta’ skariki ta’ ilma mormi tas-sistema ta’ ġbir ta’ Londra kif ukoll tan-natura sproporzjonata tal-ispejjeż meta mqabbla mal-vantaġġ ambjentali, għandu jiġi nnutat li r-Renju Unit iddeċieda, f’April 2007, li jimplementa x-xogħlijiet proposti mir-rapport tat-TTSS ta’ Novembru 2005 li jikkonsisti b’mod partikolari fil-kostruzzjoni ta’ mina ġdida taħt l-art. Għalhekk, hemm soluzzjonijiet tekonoloġiċi għall-problema tas-sistema ta’ ġbir ta’ Londra u l-ispejjeż tagħhom ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sproporzjonati peress li r-Renju Unit diġà ħa d-deċiżjoni li jimplementahom.

91

Fir-rigward tal-argument tar-Renju Unit li jipprovdi li ma jistax jiġi kkonstatat li huwa naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu peress li l-proġetti intiżi li jiżguraw il-konformità mad-Direttiva 91/271 ġew eżaminati mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva u li peress li x-xogħlijiet li ġew deċiżi huma għoljin u twettqu biss matul diversi snin, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru konvenut kif tkun fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali u li Stat Membru jista’ jikseb iċ-ċaħda ta’ rikors mis-sempliċi fatt li l-attivitajiet u x-xogħlijiet li jwasslu, fil-futur, għall-eliminazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma fis-seħħ. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ modifika ta’ direttiva mil-leġiżlatur Komunitarju sabiex jestendi t-termini ta’ implementazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw ruħhom mat-termini li ġew stabbiliti oriġinarjament (ara, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-27/03, punt 39).

92

Għalhekk, huwa r-Renju Unit li għandu jibda fi żmien xieraq il-proċeduri neċessarji sabiex jittrasponi d-Direttiva 91/271 fis-sistema legali nazzjonali, b’mod li dawn il-proċeduri jitlestew fit-terminu previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 2000.

93

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod ġust li l-implementazzjoni tas-sistema ta’ ġbir ta’ Londra (Beckton u Crossness) ma tissodisfax l-obbligi previsti fl-Artikolu 3 u fl-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271 u li billi naqas milli jissuġġetta għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-ilma urban mormi li joriġina mill-agglomerazzjoni ta’ Londra (Beckton, Crossness u Mogden), ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 91/271.

94

Minn dak li ntqal jirriżulta li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni fir-rigward tar-Renju Unit huwa stabbilit għall-agglomerazzjonijiet kollha koperti fir-rikors tagħha.

95

Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma żgurax

ġbir adattat tal-ilma urban mormi ta’ agglomerazzjonijiet ta’ iktar minn 15000 PE ta’ Sunderland (Whitburn) kif ukoll ta’ Londra (sistemi ta’ ġbir ta’ Beckton u ta’ Crossness), skont l-Artikolu 3(1) u (2), kif ukoll l-Anness I(A) tad-Direttiva 91/271, u

trattament adattat tal-ilma urban mormi ta’ agglomerazzjoni ta’ iktar minn 15000 PE ta’ Londra (impjanti ta’ trattament ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden), skont l-Artikolu 4(1) u (3), l-Artikolu 10, kif ukoll l-Anness I(B) tad-Direttiva 91/271,

ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

96

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma żgurax:

ġbir adattat tal-ilma urban mormi ta’ agglomerazzjonijiet ta’ iktar minn 15000 PE ta’ Sunderland (Whitburn) kif ukoll ta’ Londra (sistemi ta’ ġbir ta’ Beckton u ta’ Crossness), skont l-Artikolu 3(1) u (2), kif ukoll l-Anness I(A) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, u

trattament adattat tal-ilma urban mormi ta’ agglomerazzjoni ta’ iktar minn 15000 PE ta’ Londra (impjanti ta’ trattament ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden), skont l-Artikolu 4(1) u (3), l-Artikolu 10, kif ukoll l-Anness I(B) tad-Direttiva 91/271,

ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

 

2)

Ir-Renju Unit huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Top