Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0295

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-22 ta' Settembru 2011.
Genovaitė Valčiukienė et. vs Pakruojo rajono savivaldybė et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Vyriausiasis administracinis teismas - il-Litwanja.
Direttiva 2001/42/KE - Stima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent - Pjanijiet li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali - Artikolu 3(3) - Dokumenti ta’ ppjanar tat-territorju fuq livell lokali li jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda - Stima skont id-Direttiva 2001/42/KE eskluża mid-dritt nazzjonali - Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri - Artikolu 3(5) - Rabta mad-Direttiva 85/337/KEE - Arikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42/KE.
Kawża C-295/10.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-08819

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:608

Kawża C-295/10

Genovaitė Valčiukienė et

vs

Pakruojo rajono savivaldybė et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vyriausiasis administracinis teismas)

“Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Pjanijiet li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali — Artikolu 3(3) — Dokumenti ta’ ppjanar tat-territorju fuq livell lokali li jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda — Evalwazzjoni skont id-Direttiva 2001/42/KE eskluża mid-dritt nazzjonali — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri — Artikolu 3(5) — Rabta mad-Direttiva 85/337/KEE — Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42/KE”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Direttiva 2001/42 — Kamp ta’ applikazzjoni — Pjanijiet u programmi li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri — Portata u limiti

(Direttiva 2001/42 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikoli 3(2), 3 u 5)

2.        Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Direttiva 2001/42 — Obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni — Limiti

(Direttiva tal-Kunsill 85/337; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42, Artikolu 11(1) u (2))

1.        Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, sabiex jistabbilixxu ċerti tipi ta’ pjanijiet li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent huwa limitat bl-obbligu msemmi fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, meta moqri flimkien mal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, li l-pjanijiet li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, partikolarment minħabba l-karatteristiċi tagħhom, jiġu ssuġġettati għal evalwazzjoni ambjentali tal-effetti tagħhom u taż-żoni li jistgħu jintlaqtu.

Bħala konsegwenza, Stat Membru li jistabbilixxi kriterju li, fil-prattika, għandu l-konsegwenza li l-kategorija kollha ta’ proġetti tkun eżentata bil-quddiem mill-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali, jaqbeż il-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu bis-saħħa tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42, moqri flimkien mal-paragrafi 2 u 3 tal-istess artikolu, ħlief jekk il-proġetti kollha esklużi setgħu jitqiesu, fuq il-bażi ta’ kriterji rilevanti bħalma huma, b’mod partikolari, l-għan tagħhom, il-firxa tat-territorju li huma jkopru jew is-sensittività tal-ambjenti naturali kkonċernati, bħala li ma humiex tali li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42, meta moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, għandu jiġi interpetat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi b’mod ġenerali u mingħajr eżami ta’ kull każ li evalwazzjoni skont l-imsemmija direttiva ma sseħħx meta pjanijiet li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali jkunu jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda. Fil-fatt, tali kriterju ma huwiex ta’ natura li jippermetti li jiġi evalwat jekk pjan għandux effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jew le.

(ara l-punti 46-48, 54 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li evalwazzjoni ambjentali mwettqa skont id-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 97/11, ma tneħħix l-obbligu li ssir tali evalwazzjoni skont id-Direttiva 2001/42.

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk evalwazzjoni li twettqet skont id-Direttiva 85/337, kif emendata, tistax titqies bħala l-espressjoni ta’ proċedura koordinata jew konġunta u jekk din tkoprix diġà r-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2001/42. Jekk jirriżulta li dan ikun il-każ, allura ma jibqax jeżisti l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ġdida skont din l-aħħar direttiva.

Barra minn hekk, l-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42, ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, jipprovdu għal proċeduri koordinati jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttivi 2001/42 u 85/337.

(ara l-punti 63, 66 u d-dispożittivi 2, 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Settembru 2011 (*)

“Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Pjanijiet li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali – Artikolu 3(3) – Dokumenti ta’ ppjanar tat-territorju fuq livell lokali li jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda – Evalwazzjoni skont id-Direttiva 2001/42/KE eskluża mid-dritt nazzjonali – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Artikolu 3(5) – Rabta mad-Direttiva 85/337/KEE – Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42/KE”

Fil-Kawża C-295/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura

Genovaitė Valčiukienė,

Julija Pekelienė,

Lietuvos žaliųjų judėjimas,

Petras Girinskis,

Laurynas Arimantas Lašas

vs

Pakruojo rajono savivaldybė,

Šiaulių visuomenės sveikatos centras,

Šiaulių regiono aplinkos apsaugos departamentas,

fil-preżenza ta’:

Sofita UAB,

Oltas UAB,

Šiaulių apskrities viršininko administracija,

Rimvydas Gasparavičius,

Rimantas Pašakinskas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. Valčiukienė u J. Pekelienė, il-Lietuvos žaliųjų judėjimas kif ukoll għal P. Girinskis u L. Arimantas Lašas, minn S. Dambrauskas, avukat,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u J. Balčiūnaitė, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(2)(a), (3) u (5), kif ukoll 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 6, p. 157).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Valčiukienė u J. Pekelienė, il-Lietuvos žaliųjų judėjimas (Il-moviment tal-ħodor fil-Litwanja) kif ukoll P. Girinskis u L. Arimantas Lašas kontra l-Pakruojo rajono savivaldybė (Kunsill tad-distrett ta’ Pakruojas), is-Šiaulių visuomenės sveikatos centras (Ċentru tas-saħħa pubblika ta’ Šiauliai) u s-Šiaulių regiono aplinkos apsaugos departamentas (Dipartiment reġjonali tal-protezzjoni tal-ambjent ta’ Šiauliai) li tirrigwarda, b’mod partikolari, żewġ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Marzu u tal-20 ta’ April 2006, li permezz tagħhom il-Pakruojo rajono savivaldybė approva żewġ pjanijiet dettaljati li kull wieħed minnhom jirregola l-kostruzzjoni ta’ kumpless immobbli ddestinat għat-trobbija intensiva ta’ kapaċità ta’ 4,000 ħanżir kif ukoll it-tqassim tal-art ta’ żewġ għelieqi li għandhom jilqgħu dawn il-kumplessi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/42

3        Il-premessi 10 sa 12 u l-premessa 19 tad-Direttiva 2001/42 jipprovdu:

“(10) Il-pjanijiet u l-programmi kollha li huma ppreparati għal numru ta’ setturi u li jistabilixxu qafas għal kunsens ta’ żvilupp fil-futur tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”)], […] li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, u għandhom bħala regola jsiru suġġetti għall-istima sistematika ambjentali. Meta dawn jistabilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali […], dawn għandhom ikunu stmati biss meta l-Istati Membri jistabilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent.

(11)      Pjanijiet u programmi oħra li jistabbilixxu l-qafas għall-kunsens ta’ żvilupp futur ta’ proġetti jistgħu ma jkollhomx effetti sinifikanti fuq l-ambjent fil-każijiet kollha u għandhom jiġu stmati biss meta l-Istati Membri jistabilixxu li dawn x’aktarx ikollhom dawk l-effetti.

(12)      Meta l-Istati Membri jagħmlu dawk l-għażliet, dawn għandhom jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti f’din id-Direttiva.

[…]

(19)      Meta l-obbligazzjoni li ssir stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent tinħoloq simultanjament minn din id-Direttiva u minn leġislazzjoni oħra tal-Komunità, bħad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)], id-Direttiva 92/43/KEE [tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102)] jew id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għall-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275)], sabiex tkun evitata duplikazzjoni ta’ l-istima, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disposizzjoni għall-proċeduri kordinati u konġunti li jilħqu l-ħtiġiet tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità.”

4        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/42, din għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi bil-għan li jiġi promoss żvilupp sostenibbli, billi jkun żgurat li, skont din id-direttiva, issir evalwazzjoni ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/42 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‛pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi […] kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–      li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–      li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

b)      ‛stima ambjentali’ tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.      Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

a)      li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta' l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva [85/337], […]

[…]

3.      Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali […] jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

[…]

5.      L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva.

[…]”

7        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/42, intitolat “Relazzjoni mal-leġislazzjoni l-oħra tal-Komunità”, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdi:

“1.      Stima ambjentali magħmula skond din id-Direttiva għandha ssir mingħajr preġudizzju għal xi ħtiġiet skond id-Direttiva [85/337] u għal xi ħtiġiet oħra tal-liġi tal-Komunità.

2.      Għar-rigward ta’ pjanijiet u programmi li dwarhom l-obbligazzjoni li jsiru stimi ta’ l-effetti fuq l-ambjent tirriżulta simultanjament minn din id-Direttiva u minn leġislazzjoni oħra tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disposizzjonijiet għal proċeduri kordinati jew konġunti li jaqblu mal-ħtiġiet tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità sabiex, fost l-oħrajn, jevitaw duplikazzjoni ta’ stimi.”

8        L-Anness II tad-Direttiva 2001/42 jelenka l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata probabbli tal-effetti kkunsidrati fl-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva.

 Id-Direttiva 85/337

9        Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 85/337, il-proġetti elenkati fl-Anness I tagħha għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni, ħlief għall-każijiet eżentati eċċezzjonalment taħt l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva.

10      Il-punt 17 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 jirrigwarda l-installazzjonijiet għat-tkabbir intensiv tal-ħnieżer b’iktar minn 3,000 post għal ħnieżer tal-produzzjoni.

11      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

a)      eżami każ b’każ,

jew

b)      l-għetiebi jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).”

 Id-dritt nazzjonali

 Il-liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent

12      Skont l-Artikolu 1, punti 10, 17 u 18, tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent (Aplinkos apsaugos istatymas), kif emendata bil-liġi tad-19 ta’ Frar 2004 (Žin., 2004, Nru 36-1179, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent”, għall-finijiet tagħha:

“10)      Stima tal-impatt fuq l-ambjent, tfisser il-proċess ta’ identifikazzjoni, ta’ definizzjoni u ta’ stima tal-effetti li l-attività ekonomika ppjanata jista’ jkollha fuq l-ambjent;

[…]

17)      Stima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent, tfisser il-proċess ta’ identifikazzjoni, ta’ definizzjoni u ta’ stima tal-effetti li l-implementazzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi jista’ jkollha fuq l-ambjent, li matulha, xi dokumenti relattivi għall-istima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent ikunu stabbiliti, ikunu saru xi konsultazzjonijiet, ir-riżultati tal-istima u tal-konsultazzjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni qabel l-adozzjoni u/jew l-approvazzjoni ta’ kull pjan jew programm, u tiġi pprovduta xi informazzjoni dwar id-deċiżjoni sabiex il-pjan jew il-programm jiġi adottat u/jew ikkonfermat;

18)      pjanijiet u programmi, tfisser dokumenti relattivi għall-ippjanar fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali ([…] dokumenti ta’ ppjanar tat-territorju, […] li huma mfassla, approvati u/jew adottati b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ jew b’mod konformi mas-setgħat ta’ eżekuzzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi pubbliċi u li l-implementazzjoni tagħhom jista’ jkollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, inklużi l-emendi magħmula, b’mod totali jew parzjali, għal tali pjanijiet u programmi.”

13      L-Artikolu 27(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-pjanijiet u l-programmi li l-implementazzjoni tagħhom jista’ jkollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent għandhom ikunu mfassla u implementati b’mod konformi mal-imsemmija liġi u mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi oħra li jirregolaw l-istima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent, l-ippjanar tat-territorju u s-sorveljanza tal-effetti fuq l-ambjent.

 Il-liġi dwar l-ippjanar tat-territorju

14      Mill-punt 4 tal-Artikolu 4(3) tal-liġi dwar l-ippjanar tat-territorju (Teritorijų planavimo įstatymas), kif emendata bil-liġi tal-15 ta’ Jannar 2004 (Žin., 2004, Nru 21-617, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-ippjanar tat-territorju”), jirriżulta li l-pjanijiet dettaljati, bħal dawk ikkontestati fil-kawża prinċipali, huma dokumenti relattivi għall-ippjanar tat-territorju fuq livell lokali.

15      L-Artikolu 25(4) ta’ din il-liġi jipprovdi li, meta jkun stabbilit pjan dettaljat, għandha ssir evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent ta’ dan id-dokument ta’ ppjanar tat-territorju biss meta dan ikun previst mil-leġiżlazzjoni jew minn atti regolamentari jew amministrattivi oħra.

 Id-Digriet Nru 967 tat-18 ta’ Awwissu 2004

16      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/42 ġew implementati fid-dritt Litwan b’mod partikolari bid-Digriet Nru 967 tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja li stabbilixxa l-qafas li jirregola l-proċedura ta’ evalwazzjoni strateġika tal-effetti tal-pjanijiet u tal-programmi fuq l-ambjent (Nutarimas dėl planų ir programų strateginio pasekmių aplinkai vertinimo tvarkos aprašo patvirtinimo), tat-18 ta’ Awwissu 2004 (Žin., 2004, Nru 130-4650, iktar ’il quddiem il-“qafas stabbilit bid-Digriet Nru 967”).

17      Il-punt 7.1 tal-qafas stabbilit bid-Digriet Nru 967 jipprovdi li għandha ssir, b’mod obbligatorju, evalwazzjoni strateġika fil-każ fejn pjanijiet u programmi jkunu ppjanati għat-tqassim tal-artijiet jew għall-ippjanar tat-territorju u li jistabbilixxu l-qafas ta’ twettiq ta’ proġetti ta’ attività ekonomika msemmija fl-Annessi 1 jew 2 tal-liġi dwar l-istima tal-impatt tal-proġetti ta’ attività ekonomika fuq l-ambjent (Planuojamos ūkinės veiklos poveikio aplinkai vertinimo įstatymas), kif emendata bil-liġi tal-21 ta’ Ġunju 2005 (Žin., 2005, Nru 84-3105, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-istima tal-impatt ta’ proġetti ta’ attività ekonomika fuq l-ambjent”).

18      Il-punt 3.4 tal-qafas stabbilit bid-Digriet Nru 967 madankollu jipprovdi li dan ma japplikax għall-ippjanar u għall-approvazzjoni ta’ “dokumenti ta’ ppjanar tat-territorju li jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda”.

19      Id-Digriet Nru 967 tat-18 ta’ Awwissu 2004, tħassar bid-Digriet Nru 467 tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja, tas-27 ta’ April 2011 (Žin., 2011, Nru 50), li jannulla l-punt 3.4 tal-qafas stabbilit bid-Digriet Nru 967 b’effett mill-1 ta’ Mejju 2011.

 Il-liġi dwar l-istima tal-impatt ta’ proġetti ta’ attività ekonomika fuq l-ambjent

20      Il-liġi dwar l-istima tal-impatt ta’ proġetti ta’ attività ekonomika fuq l-ambjent hija intiża, b’mod partikolari, sabiex timplementa d-Direttiva 85/337.

21      Fil-punt 1.1 tal-Anness 1 ta’ din il-liġi tissemma’ t-“trobbija tal-ħnieżer (900 ħanżir mara jew iktar; 3,000 ħanżir ieħor jew iktar)”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2005, il-Pakruojo rajono savivaldybė approva l-proposta ta’ Saerimner UAB intiża li tibni sa 11-il kumpless immobbli ddestinati għat-trobbija tal-ħnieżer fit-territorju tad-distrett ta’ Pakruojas.

23      Fit-23 ta’ Frar 2006, il-Pakruojo rajono savivaldybė awtorizza lil Sofita UAB u lil Oltas UAB, li l-kumpannija parent tagħhom hija Saerimner UAB, sabiex jikkummissjonaw pjanijiet dettaljati dwar il-bini ta’ żewġ kumplessi immobbli ddestinati għat-trobbija intensiva ta’ kapaċità ta’ 4,000 ħanżir f’żewġ lokalitajiet viċin tal-komun ta’ Klovainiai, li jinsab fid-distrett ta’ Pakruojas.

24      Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Marzu u tal-20 ta’ April 2006, il-Pakruojo rajono savivaldybė approva dawn il-pjanijiet dettaljati, li jirregolaw, bl-istess mod, il-kostruzzjoni ta’ dawn il-kumplessi li kull wieħed minnhom jinkludi 4,000 ħanżir u ġibjun ta’ 10,000 m3 għad-demel likwidu kif ukoll it-tqassim tal-art ta’ żewġ għelieqi li għandhom jakkomodaw lil dawn il-kumplessi.

25      Permezz tal-imsemmija pjani dettaljati, ġie stabbilit l-użu tat-territorju fuq livell lokali. Skont il-punt 4 tal-Artikolu 4(3) tal-liġi dwar l-ippjanar tat-territorju, tali pjanijiet dettaljati jikkostitwixxu dokumenti relattivi għall-ippjanar tat-territorju fuq livell lokali.

26      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw quddiem is-Šiaulių apygardos administracinis teismas (Tribunal amministrattiv reġjonali ta’ Šiauliai), b’mod partikolari, il-legalità ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni, billi sostnew li l-awtoritajiet kompetenti kellhom jagħmlu evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens tal-punt 17 tal-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent.

27      Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Frar 2009, l-imsemmi Tribunal ċaħad ir-rikors bħala mhux fondat.

28      Dan irrileva li, skont id-dritt nazzjonali, u b’mod partikolari l-punt 3.4 tal-qafas stabbilit bid-Digriet Nru 967, il-proċedura ta’ evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent ma tapplikax għal dokumenti ta’ ppjanar tat-territorju li jirrigwardaw biss, bħalma huma ż-żewġ pjanijiet dettaljati kkontestati, attività ekonomika waħda.

29      Huwa ppreċiża li, f’dan il-każ, hija biss il-liġi dwar l-istima tal-impatt tal-proġetti ta’ attività ekonomika fuq l-ambjent, bħalma kien il-każ, li kellha tiġi applikata. Għaldaqstant, għall-attività ekonomika pproġettata mill-kumpanniji inkwistjoni, twettqet biss proċedura ta’ evalwazzjoni dwar l-impatt fuq l-ambjent fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent.

30      Għalhekk, l-imsemmi Tribunal ċaħad l-argument imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li kellha titwettaq ukoll evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent.

31      Fl-appell tagħhom, ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali osservaw li, skont l-Artikolu 16 tal-liġi dwar l-ippjanar tat-territorju, meta ma jkunx ġie stabbilit mid-dokumenti relattivi għall-ippjanar ġenerali tat-territorju, l-awtoritajiet inkarigati mill-ippjanar tat-territorju huma marbuta, qabel il-kostruzzjoni ta’ proġett, jistabbilixxu pjan u jagħmlu evalwazzjoni strateġika tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent.

32      Fir-rigward tal-punt 3.4 tal-qafas stabbilit bid-Digriet Nru 967, huma essenzjalment sostnew li l-pjanijiet approvati bid-deċiżjonijiet tat-23 ta’ Marzu u tal-20 ta’ April 2006 ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala pjanijiet li jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda fis-sens tad-dritt nazzjonali. Dan ma jikkorrispondix għar-realtà, u, bħala konsegwenza, hija meħtieġa evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent.

33      Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali ma kinitx timponi li ssir evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent taż-żewġ pjanijiet ikkontestati. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li din kienet tikkostitwixxi l-implementazzjoni tad-Direttiva 2001/42, l-imsemmija qorti kellha dubji fuq il-punt dwar jekk din il-leġiżlazzjoni kinitx kompatibbli ma’ din id-direttiva.

34      F’dan il-kuntest, il-Vyriausiasis administracinis teismas (Il-Qorti Suprema Amministrattiva) ddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-fatt li ġie stabbilit li ma hemmx bżonn ta’ stima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent għal dokumenti marbuta mal-ippjanar tal-art fuq livell lokali li jirrigwarda biss attività ekonomika waħda, kif previst fil-leġiżlazzjoni Litwana u b’mod partikolari fil-punt 3.4 tal-[qafas stabbilit bid-Digriet Nru 967], jista’ jitqies bħala speċifikazzjoni tat-tipi ta’ pjanijiet u programmi fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42 […]?”

2)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli f’din il-kawża, li abbażi tagħhom, mingħajr ma jiġi ddeterminat każ b’każ jekk il-proġett jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, ma hemmx bżonn li ssir stima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent tad-dokumenti tal-ippjanar tal-art li jiddeterminaw żoni żgħar fuq livell lokali, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, meta dawn il-pjanijiet jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda, huma kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikoli 3(2)(a), 3 u 5 tad-Direttiva 2001/42?

3)      Id-Direttiva 2001/42, u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk f’din il-kawża, meta stima dwar l-impatt fuq l-ambjent issir skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337 […], ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/42 mhumiex applikabbli?

4)      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/42 jinkludi d-Direttiva 85/337?

5)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għar-raba’ domanda, il-fatt li saret stima skont id-Direttiva 85/337 jfisser li l-obbligu li ssir stima tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva 2001/42 għandha, fis-sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, titqies bħala stima doppja fis-sens tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/42?

6)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ħames domanda, id-Direttiva 2001/42, u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tagħha, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom proċeduri koordinati jew komuni ta’ stima skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/42 u tad-Direttiva 85/337 sabiex tiġi evitata stima doppja?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

35      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-“pjanijiet dettaljati” inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma “dokumenti relattivi għall-ippjanar tat-territorju fuq livell lokali” fis-sens tal-punti 3.4 u 7.1 tal-qafas stabbilit bid-Digriet Nru 967. Dawn id-dokumenti jikkostitwixxu “pjanijiet u programmi” fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent. Il-pjanijiet ikkontestati fil-kawża prinċipali ġew approvati qabel ma ġew stabbiliti pjanijiet relattivi għall-ippjanar ġenerali tat-territorju.

36      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju, permezz ta’ dawn l-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2)(a), (3) u 5 tad-Direttiva 2001/42 għandhomx jiġu interpretati fis sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li stima skont l-imsemmija direttiva ma titwettaqx meta pjanijiet li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali jkunu jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda.

37      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/42, l-għan essenzjali tagħha jikkonsisti f’li l-pjanijiet u l-programmi li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali waqt l-ippjanar tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom.

38      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li pjanijiet bħalma huma dawk ikkontestati fil-kawża prinċipali huma msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 li għalihom, bla ħsara għall-paragrafu 3 tal-istess Artikolu, huwa obbligatorju li ssir evalwazzjoni ambjentali u li, b’mod konkret, jiddefinixxu, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qafas li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti bħalma huma dawk imsemmija fil-punt 17 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 tista’ tiġi awtorizzata.

39      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda wkoll pjan li, f’settur wieħed, jistabbilixxi l-qafas għal proġett li jirrigwarda biss attività ekonomika waħda.

40      Il-kliem tal-imsemmi Artikolu 3(2)(a), moqri fid-dawl tal-premessa 10 tad-Direttiva 2001/42, ma jippermettix li jiġi kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandu jkun limitat għall-pjanijiet u għall-programmi li jistabbilixxu l-qafas ta’ proġetti li jirrigwardaw għadd ta’ suġġetti f’wieħed jew iktar mis-setturi li tirreferi għalihom l-imsemmija dispożizzjoni.

41      Barra minn hekk, il-frażi “pjanijiet u l-programmi kollha li huma ppreparati għal numru ta’ setturi” li tidher fl-imsemmija premessa tikkonferma li l-Artikolu 3(2)(a) tad-direttiva msemmija jirrigwarda l-pjanijiet u l-programmi kollha ppreparati għal kull wieħed mis-setturi li din issemmi, inklużi għas-settur tal-ippjanar tat-territorju rurali meqjus b’mod iżolat, u mhux biss il-pjanijiet u l-programmi ppreparati fl-istess waqt għal numru minn dawn is-setturi.

42      Billi s-setturi kkonċernati huma kollha kbar ħafna, kwalunkwe interpretazzjoni oħra jkollha l-konsegwenza li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni b’mod sinjifikattiv u b’hekk li tikkomprometti l-għan essenzjali tad-Direttiva 2001/42. Tali interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li proġetti fuq skala kbira jistgħu ma jkunux koperti minn din id-direttiva jekk dawn ikunu jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda.

43      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-pjanijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/42, li jgħid li pjanijiet li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali mhux neċessarjament huma suġġetti għal stima ħlief meta l-Istati Membri “jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.”

44      B’applikazzjoni tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għall-pjanijiet bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew billi jagħmlu eżami ta’ kull każ, jew billi jistabbilixxu tipi ta’ pjanijiet u ta’ programmi, jekk l-imsemmija pjanijiet jistgħux ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent li jkunu jeħtieġu evalwazzjoni skont din id-direttiva. Skont din l-istess dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li jgħaqqdu flimkien dawn iż-żewġ metodi ta’ eżami.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-mekkaniżmi ta’ eżami tal-pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42 għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-istabbiliment ta’ dawk il-pjanijiet li huwa obbligatorju li jiġu evalwati minħabba li dawn jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

46      Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42 sabiex jistabbilixxu ċerti tipi ta’ pjanijiet li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent hija limitata bl-obbligu msemmi fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, meta moqri flimkien mal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, li l-pjanijiet li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, partikolarment minħabba l-karatteristiċi tagħhom, jiġu ssuġġettati għal evalwazzjoni ambjentali tal-effetti tagħhom u taż-żoni li jistgħu jintlaqtu.

47      Bħala konsegwenza, Stat Membru li jistabbilixxi kriterju li, fil-prattika, għandu l-konsegwenza li l-kategorija kollha ta’ proġetti tkun eżentata bil-quddiem mill-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali, jaqbeż il-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu bis-saħħa tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42, moqri flimkien mal-paragrafi 2 u 3 tal-istess artikolu, ħlief jekk il-proġetti kollha esklużi setgħu jitqiesu, fuq il-bażi ta’ kriterji rilevanti bħalma huma, b’mod partikolari, l-għan tagħhom, il-firxa tat-territorju li huma jkopru jew is-sensittività tal-ambjenti naturali kkonċernati, bħala li ma humiex tali li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 jagħti lill-Istati Membri, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-427/07, Ġabra p. I-6277, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Dan ma huwiex il-każ tal-kriterju li d-dokument ta’ ppjanar inkwistjoni jirrigwarda biss attività ekonomika waħda. Tali kriterju, minbarra li jmur kontra l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, lanqas ma jippermetti li jiġi evalwat jekk pjan għandux “effetti sinifikanti [effetti sinjifikattivi]” fuq l-ambjent jew le.

49      Il-formulazzjoni xejn preċiża tal-punt 3.4 tal-qafas stabbilit bid-Digriet Nru 967 tista’ barra minn hekk toħloq diffikultajiet sabiex tiġi stabbilita b’mod ċar il-firxa tal-kategorija ta’ pjanijiet li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jqisu bħala pjanijiet li “jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda”.

50      Madankollu, għandu jiġi osservat li dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa dan il-punt 3.4 għandha l-effett li teżenta minn evalwazzjoni ambjentali fis-sens tal-punt 17 tal-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent il-pjanijiet kollha li jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda bħalma huma l-kumplessi tat-tismin tal-ħnieżer imsemmija fil-punt 17 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, għalkemm ma tkunx tista’ tiġi eskluża l-ipoteżi li eżami tal-pjanijiet kopert minn tali dispożizzjoni jista’ juri effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

51      Għalhekk, ma huwiex possibbli li, abbażi ta’ evalwazzjoni globali, jiġi kkunsidrat li l-pjanijiet kollha esklużi minn dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l-punt 3.4 tal-qafas stabbilit bid-Digriet Nru 967 ma jkunx jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

52      Barra minn hekk, anki kieku numru ta’ pjanijiet kellhom jaqgħu taħt tali dispożizzjoni mingħajr ma jkollhom effetti sinjifikattiv fuq l-ambjent, ma huwiex possibbli, mingħajr evalwazzjoni globali, li jiġi kkunsidrat li l-istess japplika għall-effetti kumulattivi ta’ dawn il-pjanijiet.

53      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li regoli bħalma huma dawk li jidhru fil-punt 3.4 tal-qafas stabbilit bid-Digriet Nru 967 mhux biss imorru kontra l-għan tad-Direttiva 2001/42 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(2), (3) u (5) tagħha li huwa intiż li ma jeżenta mill-istima ambjentali l-ebda pjan li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, iżda wkoll ma jiggarantixxu bl-ebda mod li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2001/42, hekk kif teħtieġ eżattament it-tieni frażi tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva sabiex jiġi żgurat li l-pjanijiet kollha li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu koperti minnha.

54      Bħala konsegwenza, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42, meta moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi b’mod daqstant ġenerali u mingħajr eżami ta’ kull każ li evalwazzjoni skont l-imsemmija direttiva ma sseħħx meta pjanijiet li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali jkunu jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda.

 Fuq it-tielet sal-ħames domanda

55      Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42 għandux jiġi interpretat fis-sens li evalwazzjoni ambjentali mwettqa skont id-Direttiva 85/337 teżenta l-obbligu li ssir tali evalwazzjoni skont id-Direttiva 2001/42.

56      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul it-tfassil tal-pjani dettaljati kkontestati fil-kawża prinċipali, ma kienet twettqet l-ebda evalwazzjoni skont id-Direttiva 2001/42.

57      Skont l-Artikolu 11(1) stess tad-Direttiva 2001/42, evalwazzjoni ambjentali mwettqa skont din id-direttiva għandha ssir bla ħsara għar-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337.

58      Minn dan isegwi li evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 85/337 tiżdied, meta d-dispożizzjonijiet ta’ din ikunu jeħtieġu hekk, ma’ dik imwettqa skont id-Direttiva 2001/42.

59      Bl-istess mod, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa skont id-Direttiva 85/337 għandha ssir bla ħsara għal għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/42 u din ma tistax teżenta mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali li din l-aħħar direttiva teħtieġ sabiex tissodisfa aspetti ambjentali li huma speċifikati fiha.

60      Billi l-istimi mwettqa skont id-Direttivi 2001/42 u 85/337 ivarjaw fuq diversi aspetti, huwa neċessarju li r-rekwiżiti ta’ dawn iż-żewġ direttivi jiġu applikati b’mod kumulattiv.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-eventwalità fejn proċedura koordinata jew konġunta tkun prevista mill-Istat Membru kkonċernat, mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/42 jirriżulta li, fil-kuntest ta’ tali proċedura, huwa obbligatorju li jiġi vverifikat li l-evalwazzjoni ambjentali tkun twettqet b’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu fid-diversi direttivi kkonċernati.

62      F’dawn il-kundizzjonijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-istima, li fil-kawża prinċipali, twettqet skont id-Direttiva 85/337, tistax titqies bħala l-espressjoni ta’ proċedura koordinata jew konġunta u jekk din tkoprix diġà l-ħtiġiet kollha tad-Direttiva 2001/42. Jekk jirriżulta li dan ikun il-każ, allura ma jibqax jeżisti l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ġdida skont din l-aħħar direttiva.

63      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet sal-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42 għandu jkun interpretat fis-sens li evalwazzjoni ambjentali mwettqa skont id-Direttiva 85/337 ma tneħħix l-obbligu li ssir tali evalwazzjoni skont id-Direttiva 2001/42. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk evalwazzjoni li twettqet skont id-Direttiva 85/337 tistax titqies bħala l-espressjoni ta’ proċedura koordinata jew konġunta u jekk din tkoprix diġà r-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2001/42. Jekk jirriżulta li dan ikun il-każ, allura ma jibqax jeżisti l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ġdida skont din l-aħħar direttiva.

 Fuq is-sitt domanda

64      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/42 għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri sabiex, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, jipprovdu proċeduri koordinati jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttivi 2001/42 u 85/337.

65      Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/42 kif ukoll mill-premessa 19 tagħha jirriżulta li l-Istati Membri bl-ebda mod ma huma obbligati jipprovdu proċeduri koordinati jew konġunti għall-pjanijiet u l-programmi li għalihom, l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta fl-istess waqt mid-Diretiva 2001/42 u minn direttivi oħrajn.

66      Bħala konsegwenza, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, jipprovdu proċeduri koordinati jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttivi 2001/42 u 85/337.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, meta moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi b’mod daqstant ġenerali u mingħajr eżami ta’ kull każ li evalwazzjoni skont l-imsemmija direttiva ma sseħħx meta pjanijiet li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali jkunu jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda.

2)      L-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li evalwazzjoni ambjentali mwettqa skont id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 ma tneħħix l-obbligu li ssir tali evalwazzjoni skont id-Direttiva 2001/42. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk evalwazzjoni li twettqet skont id-Direttiva 85/337, kif emendata, tistax titqies bħala l-espressjoni ta’ proċedura koordinata jew konġunta u jekk din tkoprix diġà r-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2001/42. Jekk jirriżulta li dan ikun il-każ, allura ma jibqax jeżisti l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ġdida skont din l-aħħar direttiva.

3)      L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, jipprovdu proċeduri koordinati jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttivi 2001/42 u 85/337, hekk kif emendata.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top