Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0215

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba' Awla) tat-28 ta' Lulju 2011.
    Pacific World Limited u FDD International Limited vs The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: First-tier Tribunal (Tax Chamber) - ir-Renju Unit.
    Tariffa Doganali Komuni - Klassifikazzjoni tariffarja - Nomenklatura Magħquda - Settijiet ta’ dwiefer foloz tal-plastik iffurmat - Validità tar-Regolament (KE) Nru 1417/2007 - Oġġetti oħrajn tal-plastik (intestatura 3926) - Preparazzjonijiet għall-manikjur u għall-pedikjur (intestatura 3304) - Strumenti u settijiet ta’ strumenti ta’ manikjur jew ta’ pedikjur (intestatura 8214).
    Kawża C-215/10.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-07255

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:528

    Kawża C-215/10

    Pacific World Limited

    u

    FDD International Limited

    vs

    The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber))

    “Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Settijiet ta’ dwiefer foloz tal-plastik iffurmat — Validità tar-Regolament (KE) Nru 1417/2007 — Oġġetti oħrajn tal-plastik (intestatura 3926) — Preparazzjonijiet għall-manikjur u għall-pedikjur (intestatura 3304) — Strumenti u settijiet ta’ strumenti ta’ manikjur jew ta’ pedikjur (intestatura 8214)”

    Sommarju tas-sentenza

    Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Dwiefer foloz u settijiet ta’ dwiefer foloz tal-plastik iffurmat

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1417/2007, Anness)

    Ir-Regolament Nru 1417/2007, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti merkanziji fin-Nomenklatura Magħquda, huwa validu inkwantu jikklassifika d-dwiefer foloz u, għalhekk, is-settijiet ta’ dwiefer foloz deskritti fl-Anness taħt is-subintestatura 3926 90 97 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendata bir-Regolament Nru 1549/2006.

    (ara l-punti 51, 52 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

    28 ta’ Lulju 2011 (*)

    “Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Settijiet ta’ dwiefer foloz tal-plastik iffurmat – Validità tar-Regolament (KE) Nru 1417/2007 – Oġġetti oħrajn tal-plastik (intestatura 3926) – Preparazzjonijiet għall-manikjur u għall-pedikjur (intestatura 3304) – Strumenti u settijiet ta’ strumenti ta’ manikjur jew ta’ pedikjur (intestatura 8214)”

    Fil-Kawża C-215/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura

    Pacific World Limited,

    FDD International Limited

    vs

    The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

    komposta minn D. Šváby, President ta’ Awla, E. Juhász u G. Arestis (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ April 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Pacific World Limited u FDD International Limited, minn V. Sloane, barrister,

    –        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn M. Angiolini, barrister,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u R. Lyal, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa waħda, il-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1417/2007, tat-28 ta’ Novembru 2007, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti merkanziji fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 316, p. 4), u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tas-subintestaturi tariffarji 3926 90 97, 3304 30 00 u 8214 20 00 tan-Nomenklatura Magħquda li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, (ĠU L 301, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Pacific World Limited (iktar ’il quddiem “Pacific World”) u FDD International Limited (iktar ’il quddiem “FDD”) kontra l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ settijiet tad-dwiefer foloz.

     Il-kuntest ġuridiku

     Ġeneralitajiet

    3        In-NM hija bbażata fuq is-sistema armonizzata dinjija għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, imwaqqfa mill-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, f’isem il-Komunità, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 28, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”).

     In-NM

    4        L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Titolu I li jirrigwarda r-regoli ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM” (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali tan-NM”), tipprovdi:

    “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

    1.       It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

    2.       a) [...]

    b)      Kwalunkwe referenza f’titlu għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlit jew kombinazzjonijiet ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn materjal jew sustanza bħal din. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda għandha ssir skont il-prinċipji ta’ regola 3.

    3.       Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

    a)       l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk waħda minnhom tagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

    b)       taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

    (ċ)       meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

    [...]

    6.       Għall-finijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tiġi deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kundizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola, in-noti tat-taqsimiet u tal-kapitoli relattivi japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

    5        It-tieni parti tan-NM tinkludi klassifikazzjoni ta’ oġġetti f’taqsimiet, kapitoli, intestaturi u subintestaturi.

    6        It-Taqsima VI, intitolata “Prodotti tal-industrija kimika jew dawk relatati magħha”, fiha l-Kapitolu 33, li huwa intitolat “Żjut essenzjali u reżinojdi; preparazzjonijiet ta’ fwejjaħ, kosmetiċi jew tat-twaletta”. Il-Kapitolu 33 fih l-intestatura 3304 li tipprovdi hekk: “Preparazzjonijiet tas-sbuħija jew tal-mejkapp u preparazzjonijiet għall-kura tal-ġilda (ħlief medikamenti), inklużi preparazzjonijiet għall-ilqugħ jew għas-smurija mix-xemx; preparazzjonijiet għat-trattament ta’ l-idejn [għall-manikjur] u għat-trattament tas-saqajn [għall-pedikjur]”.

    7        It-Taqsima VI fiha wkoll il-Kapitolu 35, intitolat, “Sustanzi albuminojdali, lamti modifikati, kolol, enzimi”. Il-Kapitolu 35 fih b’mod partikolari s-subintestatura 3506 10 00 intitolata “Prodotti tajbin għal użu bħal kolol jew sustanzi li jwaħħlu, ippreżentati għal bejgħ bl-imnut bħala kolol jew sustanzi li jwaħħlu, li ma jaqbżux il-piż ta’ 1 kg”.

    8        It-Taqsima VII hija intitolata “Plastik u oġġetti tiegħu; gomma u oġġetti tagħha”. Din it-taqsima fiha l-Kapitolu 39, intitolat “Plastik u oġġetti tiegħu”. L-aħħar intestatura tal-Kapitolu 39 hija l-intestatura 3926, intitolata “Oġġetti oħrajn tal-plastiks u oġġetti ta’ materjali oħrajn ta’ l-intestaturi 3901 sa 3914”, li fiha s-subintestatura 3926 90, intitolata “Oħrajn”, li min-naħa tagħha, tinkludi s-subintestatura 3926 90 97, hija wkoll intitolata “Oħrajn”.

    9        It-Taqsima XV, intitolata “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti ta’ metalli ta’ valur baxx” fiha l-Kapitolu 82 intitolat “Għodod, tagħmir, pożati, mgħaref u frieket, ta’ mettall ta’ valur baxx; bċejjeċ tagħhom ta’ metall ta’ valur baxx”. Il-Kapitolu 82 fih l-intestatura 8214, intitolata “Oġġetti oħrajn ta’ pożati (per eżempju, qattiegħa tax-xagħar, skieken b’xafra wiesgħa tal-biċċiera jew tal-kċina, mannari u skieken ta’ l-ikkapuljat, taljakarti); settijiet u strumenti ta’ manikjur jew pedikjur (inklużi limi tad-dwiefer)”. Din l-instestatura, min-naħa tagħha, tinkludi s-subintestatura 8214 20 00, intitolata “Settijiet u strumenti ta’ manikjur jew ta’ pedikjur (inklużi limi tad-dwiefer)”.

     Ir-Regolament Nru 1417/2007

    10      L-anness tar-Regolament Nru 1417/2007 fih il-klassifikazzjoni ta’ tliet tipi ta’ oġġetti.

    11      L-ewwel tip ta’ oġġett imsemmi f’dan ir-regolament huwa sett għad-dekorazzjoni tad-dwiefer, ippreparat għal bejgħ bl-imnut, li fih dwiefer foloz tal-plastik iffurmat u f’diversi qisien, stoċċ żgħir tal-kolla, lima għad-dwiefer, lapes tal-manikjur u stikers għad-dekorazzjoni tad-dwiefer. Dan l-oġġett huwa kklassifikat taħt il-Kodiċi NM 3926 97, skont il-punti 1, 3(b) u 6 tar-regoli ġenerali tan-NM.

    12      Fl-anness ta’ dan ir-regolament huwa wkoll speċifikat li s-sett inkwistjoni, magħmul minn diversi oġġetti, għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 3926 90 97 skont l-oġġett li jagħtih il-karattru essenzjali tiegħu, jiġifieri d-dwiefer foloz tal-plastik. Dan l-anness jirreferi għan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 33.04 ta’ din tal-aħħar, punt B, u jistipula li tali “sett ma jikkonsistix fi prodotti ta’ manikjur skond is-subintestatura 3304 30 00 għax dan fih iż-żieda ta’ dwiefer foloz li jeħlu fuq id-dwiefer naturali u ma jinkludix preparazzjonijiet tal-manikjur li sempliċement huma intiżi biex jikkuraw u jsebbħu l-idejn u d-dwiefer naturali [...]”.

    13      It-tieni klassifikazzjoni magħmula minn dan ir-regolament tirrigwarda dwiefer foloz ta’ plastik iffurmat tal-istess qis, ippakkjati fi kwantitajiet, u ddisinjati biex jitwaħħlu mad-difer naturali billi tintuża soluzzjoni akrilika li twaħħal. Skont dan l-anness, dawn id-dwiefer foloz għandhom jiġu kklassifikati bħala oġġetti oħrajn tal-plastik fis-subintestatura 3926 90 97, skont il-materjal kostitwenti tagħhom u skont il-punti 1 u 6 tar-regoli ġenerali tan-NM. Huwa speċifikat ukoll li l-imsemmija dwiefer foloz ma humiex ikkunsidrati bħala prodotti ta’ manikjur tas-subintestatura 3304 30 00 għall-istess raġunijiet bħal dawk spjegati fir-rigward tal-ewwel tip ta’ oġġetti.

    14      It-tielet tip ta’ prodotti msemmi f’dan l-anness jikkonsisti f’soluzzjoni li tgħaqqad intenzjonata biex twaħħal dwiefer foloz tal-plastik iffurmat mad-difer naturali u ppakkjata fi stoċċijiet żgħar, ta’ piż nett ta’ mhux aktar minn 1 kg, b’żennuna sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni. L-istess anness isemmi li dan il-prodott huwa kklassifikat taħt il-Kodiċi NM 3506 10 00, skont il-punti 1 u 6 tar-regoli ġenerali tan-NM, u jispeċifika li ma huwiex ikkunsidrat li jikkostitwixxi preparazzjoni għal manikjur jew għal pedikjur tal-intestatura 3304.

     In-Noti ta’ Spjega tas-SA

    15      L-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana tapprova, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA. Skont l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, ix-xogħol ta’ dan il-kumitat huwa, b’mod partikolari, li jipproponi emendi għall-imsemmija konvenzjoni u jirrediġi noti ta’ spjega, opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni kif ukoll opinjonijiet oħra għall-interpretazzjoni tas-SA.

    16      In-nota ta’ spjega VIII dwar il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA, tipprovdi:

    “Il-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jvarja skont it-tip ta’ prodott. Dan jista’ jiġi ddeterminat, pereżempju, min-natura tal-materjal li jkun magħmul minnu jew mill-komponenti tiegħu, mill-volum, mill-kwalità, jew mill-piż tiegħu jew mill-importanza li għandu wieħed mill-materjali li jkun magħmul minnu għall-użu tal-prodott”. [traduzzjoni mhux ufficiali]

    17      In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 33.04 tagħha, taħt il-punt B, tindika dan li ġej:

    “B. – Preparazzjonijiet għall-manikjur u għall-pedikjur

    Dan il-grupp jinkludi t-terra u żebgħa ta’ dwiefer, is-sustanzi biex titneħħa ż-żebgħa ta’ dwiefer, il-preparazzjonijiet biex titneħħa l-ġilda madwar id-dwiefer u l-preparazzjonijiet l-oħra għall-manikjur u għall-pedikjur.

    Huma esklużi minn din l-intestatura:

    a)       Il-preparazzjonijiet mediċinali intiżi sabiex jittrattaw ċertu mard tal-ġilda, bħal pereżempju pomata għat-trattatament tal-ekżema (nri 30.03 jew 30.04).

    b)       Id-deodoranti għas-saqajn kif ukoll il-preparazzjonijiet intiżi għat-trattament tad-dwiefer tal-annimali (nru 33.07).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    18      Il-kliem tal-punt 2 tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 82.14 tagħha huwa s-segwenti:

    “L-istrumenti u s-settijiet ta’ strumenti ta’ manikjur u ta’ pedikjur (inkluż il-limi tad-dwiefer). Fost dawn l-istrumenti, jistgħu jissemmew il-limi tad-dwiefer (dritti jew li jistgħu jintwew), żgorbji għad-dwiefer, xkupilja tad-dwiefer, imqass tal-kallijiet, żgorbji biex jitneħħew il-kallijiet, spatuli ppuntati biex tinqata’ u titneħħa l-ġilda fuq id-dwiefer, pinzetta tad-dwiefer u mqass tad-dwiefer.

    Is-settijiet ta’ strumenti tal-manikjur u tal-pedikjur huma ppreżentati f’kaxxi, f’kaxxetta, f’boroż tal-kosmetiċi, eċċ, u jistgħu jinkludu mqassijiet jew oġġetti oħra bħal fajls tad-dwiefer u pinzetti li, meħuda waħidhom, isegwu l-klassifikazzjoni tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    19      Pacific World u FDD huma stabbiliti fir-Renju Unit u jimpurtaw fl-Unjoni Ewropea settijiet (imsejħa wkoll “kits”) ta’ dwiefer foloz. Dawn ġeneralment ikun fihom sett ta’ dwiefer foloz tal-plastik, ta’ qisien differenti, intiżi sabiex jitwaħħlu mad-dwiefer naturali tal-id jew tas-sieq, kolla prodotta b’mod speċjali sabiex twaħħal id-dwiefer foloz fuq id-dwiefer naturali, u aċċessorji oħra bħal lapes tal-manikjur u strument ta’ applikazzjoni.

    20      FDD u Pacific World, matul is-snin 2005 u 2006 rispettivament, kisbu informazzjoni tariffarja li torbot, maħruġa mill-Commissioners, li kienet tikklassifika d-dwiefer foloz u l-prodotti għad-dwiefer foloz taħt is-subintestatura 3304 30 00 tan-NM, bħala “preparazzjonijiet għat-trattament ta’ l-idejn [għall-manikjur] u għat-trattament tas-saqajn [għall-pedikjur]”.

    21      Din l-informazzjoni tariffarja kienet ibbażata fuq deċiżjoni mogħtija matul is-sena 2005 mill-VAT and Duties Tribunal, li sar il-First-tier Tribunal (Tax Chamber), li kkunsidra li dwiefer foloz u kolla għal dawn tal-aħħar kienu jaqgħu taħt is-subintestatura 3304 30 00 tan-NM u mhux taħt is-subintestatura 3926 90 90 tan-NM bħala “oġġetti oħrajn tal-plastik”.

    22      Madankollu, fl-4 ta’ Diċembru 2007, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ġie ppubblikat ir-Regolament Nru 1417/2007 li jikklassifika d-dwiefer foloz u s-settijiet ta’ dwiefer foloz taħt is-subintestatura 3926 90 97 tan-NM bħala “oġġetti oħrajn tal-plastik” u jikklassifika l-kolla għad-dwiefer foloz, peress li tinbiegħ separatament, taħt is-subintestatura 3506 10 00, bħala “prodotti tajbin għal użu bħala kolol jew sostanzi li jwaħħlu, ippreżentati għal bejgħ bl-imnut bħala kolol jew sostanzi li jwaħħlu, li ma jaqbżux il-piż ta’ 1 kg”.

    23      Fid-dawl ta’ dan ir-regolament, il-Commissioners innotifikaw lil Pacific World u lil FDD bid-deċiżjonijiet ġodda li l-informazzjoni tariffarja li torbot imsemmija hawn fuq ma kinitx għadha valida.

    24      Iż-żewġ kumpanniji kkonċernati attakkaw dawn id-deċiżjonijiet il-ġodda quddiem il-VAT and Duties Tribunal, minħabba li l-klassifikazzjoni korretta tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet dik li tirriżulta mill-informazzjoni tariffarja li torbot mogħtija preċedentement mill-Commissioners u li, konsegwentement, ir-Regolament Nru 1417/2007 kien invalidu inkwantu jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ tali oġġetti.

    25      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)       Ir-Regolament tal-Kummissjoni [Nru 1417/2007] huwa validu sa fejn jikklassifika taħt il-kodiċi NM 3926 90 97 [preċedentement 3926 90 90] id-dwiefer foloz u għaldaqstant, is-settijiet tad-dwiefer foloz deskritti fl-[Anness] tal-imsemmi regolament?

    2)       Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, in-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li teħtieġ li, is-settijiet tad-dwiefer foloz inkwistjoni jiġu kklassifikati, bħala [‘preparazzjonijiet għall-manikjur jew il-pedikjur’] taħt is-subintestatura tariffarja 3304 30 00, jew, bħala [‘settijiet u strumenti tal-manikjur u tal-pedikjur (inklużi l-limi tad-dwiefer)’], taħt is-subintestatura tariffarja 8214 20 00?”

     Fuq id-domandi preliminari

    26      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tar-Regolament Nru 1417/2007 inkwantu jikklassifika dwiefer foloz tal-plastik iffurmat, u għalhekk, settijiet ta’ tali dwiefer foloz taħt is-subintestatura 3926 90 97 tan-NM, bħala oġġetti oħrajn tal-plastik, kif ukoll dwar l-eventwali klassifikazzjoni ta’ dawn is-settijiet fis-subintestaturi 3304 30 00 jew 8214 20 00, li jirrigwardaw rispettivament il-preparazzjonijiet għall-manikjur jew għall-pedikjur u settijiet u strumenti ta’ manikjur jew ta’ pedikjur.

    27      Mit-talba għad-deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-klassifikazzjoni tas-settijiet ta’ dwiefer foloz mibjugħa bl-imnut u importati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    28      Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-isħarriġ, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti għandu jiġi identifikat, b’mod ġenerali, mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 16, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kip Europe et, C‑362/07 u C‑363/07, Ġabra p. I‑9489, punt 26).

    29      Għandu jitfakkar ukoll li n-noti ta’ spjega tas-SA jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jagħtu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1994, Siemens Nixdorf, C‑11/93, Ġabra p. I‑1945, punt 12; tat-18 ta’ Diċembru 1997, Techex, C‑382/95, Ġabra p. I‑7363, punt 12; tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C‑15/05, Ġabra p. I‑3657, punt 36, u tad-29 ta’ April 2010, Roeckl Sporthandschuhe, C‑123/09, p. I‑4065), punt 29).

     Fuq l-oġġett karatteristiku ta’ settijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali

    30      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li s-settijiet ta’ dwiefer foloz bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn diversi oġġetti, b’mod partikolari minn dwiefer foloz ta’ diversi qisien, kolla, lapes tal-manikjur u strument ta’ applikazzjoni, ma humiex imsemmija speċifikatament la fl-intestaturi tan-NM u lanqas fin-noti ta’ taqsima jew ta’ kapitolu ta’ din tal-aħħar.

    31      Għaldaqstant, hemm lok li jiġu applikati r-regoli enerali tan-NM rilevanti kollha sabiex issir il-klassifikazzjoni tal-imsemmija settijiet.

    32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi tali settijiet ta’ dwiefer foloz tal-plastik iffurmat jaqgħu taħt il-punt 3 ta’ dawn ir-regoli, peress li “jidhru li għandhom jiġu kklassifikati taħt żewġ jew iktar intestaturi”. Fil-fatt, huma jistgħu jikkorrispondu kemm mal-kliem tal-intestatura 3304, li ssemmi l-“preparazzjonijiet tas-sbuħija jew tal-mejkapp u preparazzjonijiet għall-kura tal-ġilda (ħlief medikamenti), inklużi preparazzjonijiet għat-trattament ta’ l-idejn [għall-manikjur] u għat-trattament tas-saqajn [għall-pedikjur]” kif ukoll ma’ dawk tal-intestatura 3926, dwar “oġġetti oħrajn tal-plastik [...]”. Il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali tan-NM japplika jekk il-klassifikazzjoni tal-oġġetti ma tistax issir b’riferiment għall-punt 3(a) tan-NM. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-ebda intestatura, la ġenerali u lanqas partikolari, tan-NM ma ssemmi sett ta’ dwiefer foloz bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    33      Il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali tan-NM jistipula li l-oġġetti ppreżentati f’settijiet ippreparati għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu kklassifikati bl-applikazzjoni tal-punt 3(a) tal-imsemmija regoli ġenerali, huma kklassifikati skont il-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Kip Europe et, punt 49, u Roeckl Sporthandschuhe, punt 33).

    34      F’dan ir-rigward, in-nota ta’ spjega tas-SA dwar il-punt 3(b) tar-regoli ġenerali tan-NM tispjega li l-fattur li jiddetermina l-karattru essenzjali tal-oġġetti jista’, skont it-tip ta’ oġġetti, jirriżulta pereżempju min-natura tal-materjal li jkunu magħmula minnu jew mill-komponenti tagħhom, mill-volum tagħhom, mill-kwantità tagħhom, mill-piż tagħhom jew mill-valur jew l-importanza ta’ wieħed mill-materjali li jkunu magħmula minnhom fid-dawl tal-użu tal-oġġetti. Għandu jiġi kkonstatat, bħal ma għamlu dawk li ppreżentaw is-sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dwiefer foloz jiddominaw is-settijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-volum u fil-kwantità u li l-prodotti l-oħra, jiġifieri l-kolla għad-dwiefer, il-lapes tal-manikjur u l-istrument ta’ applikazzjoni, huma prodotti aċċessorji li sempliċement jikkontribwixxu sabiex jintuża l-oġġett. Għaldaqstant, huma d-dwiefer foloz li jagħtu l-karattru essenzjali lill-imsemmija settijiet.

     Fuq il-klassifikazzjoni ta’ dwiefer foloz tal-plastik iffurmat

    35      F’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni fin-NM tad-dwiefer foloz bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 1417/2007 jirreferi għas-subintestatura 3926 90 97, li tikkorrispondi għal “oġġetti oħrajn tal-plastik”. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkritikaw din il-klassifikazzjoni u jsostnu, prinċiparjament, li l-oġġetti kkonċernati għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 3304 bħala “preparazzjonijiet għall-manikjur u għall-pedikjur”, peress li, minn naħa waħda, fid-dawl tal-proċess tal-fabbrikazzjoni tagħhom, huma jirriżultaw minn reazzjoni ta’ polimerizzazzjoni li matulha jitħalltu diversi komponenti u, min-naħa l-oħra, l-uniku funzjoni tagħhom hija li jsebbħu l-idejn u s-saqajn.

    36      Għalhekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-klassifikazzjoni għandha ssir skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott. F’dan is-sens, id-dwiefer foloz huma, oġġettivament, oġġett tal-plastik, maqtugħ sabiex jadatta ruħu fuq difer naturali u jibdel il-forma ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ta’ tali oġġetti taħt is-subintestatura 3926 90 97, bħala “oġġetti oħrajn tal-plastik”, jidher, bħala regola, iġġustifikat.

    37      Barra minn hekk, fir-Regolament Nru 1417/2007, il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għan-nota ta’ spjega tas-SA dwar il-punt B tal-intestatura 33.04 tiegħu, tispeċifika li d-dwiefer foloz ma humiex ikkunsidrati bħala preparazzjonijiet għall-manikjur tas-subintestatura 3304 30 00 għaliex huma intiżi sabiex jitwaħħlu mad-dwiefer naturali u ma jikkostitwixxux preparazzjonijiet għal manikjur intiżi biss għall-kura u għas-sbuħija tal-idejn u tad-dwiefer naturali. Il-Gvern tar-Renju Unit isostni din il-pożizzjoni.

    38      Fl-ewwel lok, il-kliem tal-intestatura 3304 isemmi, min-naħa tiegħu, preperazzjonijiet għall-kura tal-ġilda, inklużi preparazzjonijiet għall-manikjur u għall-pedikjur. Il-punt B tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 33.04 tiegħu jindika, bħala eżempji ta’ “preparazzjonijiet għall-manikjur u għall-pedikjur”, “it-terra u żebgħa ta’ dwiefer, is-sustanzi biex titneħħa ż-żebgħa ta’ dwiefer, il-preparazzjonijiet biex titneħħa l-ġilda madwar id-dwiefer u l-preparazzjonijiet l-oħra għall-manikjur u għall-pedikjur”.

    39      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-“preparazzjonijiet għall-manikjur u għall-pedikjur” imsemmija hawn fuq jikkonsistu f’sustanzi, li jistgħu jkunu f’diversi forom, bħal terra, likwidi jew pomati, u li huma użati għall-manikjur u għall-pedikjur, jiġifieri għal kuri ta’ sbuħija intiżi sabiex isebbħu l-idejn u s-saqajn, u b’mod partikolari d-dwiefer.

    40      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li jekk inhu veru li t-tariffa doganali komuni tinkludi, f’ċertu sens, riferimenti għal proċessi ta’ manifattura jew għad-destinazzjoni tal-oġġetti, ġeneralment huwa ppreferut illi jintużaw, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, kriterji ta’ klassifikazzjoni bbażati fuq il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti, li jistgħu jiġu vverifikati fil-mument tal-iżdoganar (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Industriemetall LUMA, 38/76, Ġabra p. 2027, punt 7, u tal-25 ta’ Mejju 1989, Weber, 40/88, Ġabra p. 1395, punt 14).

    41      Minn dan jirriżulta li l-proċessi ta’ manifattura ta’ prodott ma humiex determinanti ħlief meta intestatura tariffarja tipprovdi dan espliċitament (ara s-sentenza Weber, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

    42      F’din il-kawża, fin-nuqqas ta’ intestatura tariffarja u ta’ noti ta’ taqsima jew ta’ kapitolu dwar dwiefer foloz, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprovdu li l-proċess ta’ manifattura jikkostitwixxi kriterju, tali kriterju ma għandux effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fin-NM.

    43      F’dan ir-rigward, l-argument ta’ Pacific World u ta’ FDD li difer falz huwa “sempliċi soluzzjoni li tieħu post iż-żebgħa għad-dwiefer” ma għandux jintlaqa’. Fil-fatt, difer falz, bid-differenza ta’ żebgħa tad-dwiefer, huwa oġġett solidu tal-plastik, imwaħħal fuq id-difer naturali u li jippermetti li tinbidillu l-forma, b’mod partikolari billi jitwal id-difer naturali. Wara kollox, l-applikazzjoni ta’ dwiefer foloz bl-ebda mod ma tikkostitwixxi trattament tad-dwiefer, tal-idejn jew tas-saqajn.

    44      Għaldaqstant, tali prodott ma huwiex preparazzjoni għall-manikjur jew għall-pedikjur tas-subintestatura 3304 30 00.

    45      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni taħt is-subintestatura 8214 20 00, irrakkomandata minn Pacific World u minn FDD b’mod sussidjarju, għandu jiġi enfasizzat li difer falz, oġġett li jagħti l-karattru essenzjali lis-settijiet inkwistjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala strument fis-sens tal-intestatura 8214.

    46      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kapitolu 82, li fih din l-intestatura, jifforma parti mit-Taqsima XV li hija intitolata “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti ta’ metalli ta’ valur baxx”. Madankollu, id-dwiefer foloz huma manifatturati mill-plastik.

    47      L-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li mill-verżjoni Ingliża tan-NM jirriżulta li l-kliem tas-subintestatura 8214 20 00 ma jsemmix espressament is-settijiet ta’ “strumenti” għall-manikjur jew għall-pedikjur, ma għandux jintlaqa’.

    48      Skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Min-naħa l-oħra, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u, għalhekk, f’każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Kurt und Thomas Etling et, C‑230/09 u C‑231/09, p. I‑0000, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49      F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-punt 2 tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 82.14 tagħha, li jsemmi preċiżament strumenti li jistgħu jiġi ppreżentati bħala settijiet għall-manikjur jew għall-pedikjur, bħal lima tad-dwiefer, imqass tad-dwiefer jew xkupilja tad-dwiefer.

    50      Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, settijiet ta’ dwiefer foloz bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, kif ġie indikat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, huma magħmula b’mod partikolari minn dwiefer foloz ta’ qisien differenti u kolla, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala settijiet ta’ “strumenti” għall-manikjur u għall-pedikjur fis-sens tas-subintestatura 8214 20 00.

    51      Għandu jiġi konkluż li difer falz ma jistax jiġi kklassifikat la fis-subintestatura 3304 30 00 bħala “preparazzjonijiet għall-manikjur jew għall-pedikjur” u lanqas fis-subintestatura 8214 20 00 bħala “settijiet u strumenti ta’ manikjur jew pedikjur”, iżda jaqa’, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, taħt is-subintestatura 3926 90 97 bħala “Oġġetti oħrajn tal-plastik”. Għaldaqstant, bl-applikazzjoni tal-punt 3(b) tar-regoli ġenerali tan-NM, settijiet ta’ dwiefer foloz bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 3926 90 97.

    52      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għad-domani magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 1417/2007 huwa validu inkwantu jikklassfika d-dwiefer foloz u, għalhekk, is-settijiet ta’ dwiefer foloz deskritti fl-Anness taħt is-subintestatura 3926 90 97 tan-NM.

     Fuq l-ispejjeż

    53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1417/2007, tat-28 ta’ Novembru 2007, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti merkanziji fin-Nomenklatura Magħquda, huwa validu inkwantu jikklassifika d-dwiefer foloz u, għaldaqstant, is-settijiet ta’ dwiefer foloz deskritti fl-Anness, fis-subintestatura 3926 90 97 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top