This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0210
Judgment of the Court (First Chamber), 9 February 2012.#Márton Urbán v Vám- és Pénzügyőrség Észak-alföldi Regionális Parancsnoksága.#Reference for a preliminary ruling from the Hajdú-Bihar Megyei Bíróság.#Road transport — Breach of the rules on the use of the tachograph — Obligation on Member States to establish proportionate penalties — Flat-rate fine — Proportionality of the penalty.#Case C‑210/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Frar 2012.
Márton Urbán vs Vám- és Pénzügyőrség Észak-alföldi Regionális Parancsnoksága.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hajdú-Bihar Megyei Bíróság.
Trasport bit-triq — Ksur tar-regoli dwar l-użu tat-takigrafu — Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet proporzjonati — Multa b’rata fissa — Proporzjonalità tas-sanzjoni.
Kawża C-210/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Frar 2012.
Márton Urbán vs Vám- és Pénzügyőrség Észak-alföldi Regionális Parancsnoksága.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hajdú-Bihar Megyei Bíróság.
Trasport bit-triq — Ksur tar-regoli dwar l-użu tat-takigrafu — Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet proporzjonati — Multa b’rata fissa — Proporzjonalità tas-sanzjoni.
Kawża C-210/10.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:64
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
9 ta’ Frar 2012 ( *1 )
“Trasport bit-triq — Ksur tar-regoli dwar l-użu tat-takigrafu — Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet proporzjonati — Multa b’rata fissa — Proporzjonalità tas-sanzjoni”
Fil-Kawża C-210/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hajdú-Bihar Megyei Bíróság (l-Ungerija), b’deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Mejju 2010, fil-kawża
Márton Urbán
vs
Vám- és Pénzügyőrség Észak-alföldi Regionális Parancsnoksága,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, K. Szíjjártó u G. Koós, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Yerrell u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) u (4) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 561/2006, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Urbán u l-Vám- és Pénzügyőrség Észak-alföldi Regionális Parancsnoksága (Uffiċċju tal-Gwardja Doganali u Finanzjarja għar-reġjun ta’ Észak-alföldi) fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multa minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-formola ta’ reġistrazzjoni tal-apparat ta’ reġistrazzjoni tal-vettura tqila misjuqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikoli 13 sa 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227), kif emendat bir-Regolament Nru 561/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3821/85”), jistabbilixxu l-obbligi tal-persuna li timpjega u tax-xufiera dwar l-użu tal-apparat ta’ reġistrazzjoni u tal-formoli ta’ reġistrazzjoni. |
4 |
Skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 3821/85: “Kull membru tal-kru għandu jdaħħal l-informazzjoni li ġejja fuq il-formola ta’ reġistrazzjoni tiegħu:
|
5 |
L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 3821/85 jipprovdi, fil-paragrafu 7(c) tiegħu: “Uffiċjali awtorizzat li jispezzjona jista’ jiċċekkja l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 561/2006 billi janalizza l-folji tar-rekords, tad-data murija jew stampata li tkun ġiet irreġistrata mit-tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew mill-card tax-xufier jew, fin-nuqqas ta’ dan, billi janalizza kwalunkwe dokument ieħor ta’ appoġġ illi jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ xi disposizzjoni, bħal dawk imniżżla fl-Artikoli 16 (2) u (3).” |
6 |
L-Artikolu 19(1) u (4) tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw illi jkunu implementati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b’mod li ma jiddiskriminawx. […] […] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi sistema ta’ penali proporzjonati, li jistgħu jinkludu penali finanzjarji, tkun fis-seħħ għal ksur ta’ dan ir-Regolament jew ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 minn impriżi, jew kunsinjatarji, burdnara, operaturi tal-ġiti, kuntratturi prinċipali, sub-kuntratturi u aġenziji għall-impjieg ta’ xufiera li jkunu assoċjati ma’ impriżi.” |
7 |
L-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/22/KE, tal-15 ta Marzu 2006, dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, p. 35), jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jintroduċu sistema li tkejjel ir-riskju għal impriżi bbażata fuq in-numru u s-serjetà ta’ kull ksur tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 jew 3821/85 li impriżi individwali jkunu wettqu. […] […] 3. Lista inizjali ta’ ksur tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 tinsab fl-Anness III. Bil-ħsieb li jingħataw linji ta’ gwida dwar il-kejl tal-piż tal-ksur tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85, il-Kummissjoni tista’, kif adegwat, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), tadotta l-Anness III tieħu inizjattivi bil-ħsieb li tistabbilixxi linji ta’ gwida dwar firxa komuni ta’ ksur tar-regolamenti, maqsuma f’kategoriji skond is-serjetà tagħhom. […]” |
Id-dritt nazzjonali
8 |
L-Artikolu 20(1) u (4) tal-Liġi Nru I tal-1988 dwar it-trasport bit-triq (a közúti közlekedésről szóló 1988. évi I. törvény, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-trasport”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ (Magyar Közlöny 2006/1) fiż-żmien meta twettaq il-ksur, jipprovdi: “1. Għandha tiġi imposta multa fuq kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew ta’ testi oħra, jiġifieri: […]
[…] 4. Għandha tiġi imposta multa ta’ bejn HUF 50000 u HUF 800000 fuq kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1). Test speċifiku għandu jiddetermina l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti f’każ ta’ ksur tad-diversi dispożizzjonijiet imsemmija. F’każ fejn diversi persuni għandhom jitqiesu bħala responsabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (1), l-ammont previst tal-multa għandu jinqasam skont ir-responsabbiltà rispettiva tal-persuni kkonċernati. […]” |
9 |
It-test speċifiku msemmi fl-Artikolu 20(4) tal-Liġi dwar it-trasport u applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien id-Digriet Governattiv Nru 57/2007, li jistabbilixxi l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti f’każ ta’ ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar it-trasport bit-triq ta’ merkanzija u ta’ persuni (a közúti árufuvarozáshoz és személyszállításhoz kapcsolódó egyes rendelkezések megsértése esetén kiszabható bírságok összegéről szóló 57/2007. (III. 31.) Korm. Rendelet), tal-31 ta’ Marzu 2007 (Magyar Közlöny 2007/39, iktar ’il quddiem id-“Digriet Governattiv Nru 57/2007”). |
10 |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Digriet Governattiv Nru 57/2007: “F’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1) tal-liġi, il-multi stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 10 għandhom jiġu imposti fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva.” |
11 |
L-Artikolu 5(1) tad-Digriet Governattiv Nru 57/2007 jipprovdi: “1.Għandha tiġi imposta multa f’ammont li jikkorrispondi għal dak stabbilit fit-Tabella Nru 4 fuq kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1)(d) tal-Liġi [dwar it-trasport]. Jekk l-awtorità li twettaq il-kontroll tikkonstata li d-dokument imsemmi fil-punt Nru 1 ikun nieqes, iżda d-dokument nieqes, li jkun validu fil-ġurnata tal-kontroll, jiġi ppreżentat lill-awtorità msemmija fi żmien tmient-ijiem wara l-ġurnata tal-kontroll, l-ammont tal-multa stabbilit fil-punt inkwistjoni għandu jitnaqqas b’50 %.” |
12 |
It-tabella msemmija, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kienet imfassla b’dan il-mod:
|
Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 |
Fil-25 ta’ Marzu 2009, fil-kuntest ta’ kontroll fit-triq imwettaq minn servizz tal-għassa tal-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Debrecen (l-Ungerija), fil-post tal-fruntiera ta’ Ártánd, M. Urbán, li kien qed isuq vettura tqila rreġistrata fl-Ungerija u bi tranżitu minn fuq l-Ungerija lejn ir-Rumanija, ġie ssuġġettat għal kontroll tal-apparat ta’ reġistrazzjoni u tad-diski ta’ reġistrazzjoni tiegħu. Il-kontroll ma żvela ebda nuqqas fir-rigward tal-użu tat-takigrafu. Madankollu, waħda mill-ħmistax-il diska ta’ reġistrazzjoni ppreżentati minn M. Urbán ma kinitx tindika l-kilometraġġ fid-destinazzjoni. |
14 |
Konsegwentement, l-awtorità doganali tal-ewwel istanza imponiet fuq M. Urbán, b’deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2009, multa amministrattiva fl-ammont ta’ HUF 100000 (li kien jikkorrispondi, fid-data msemmija, għal madwar EUR 332), minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-formoli ta’ reġistrazzjoni. |
15 |
M. Urbán ippreżenta appell amministrattiv minn din id-deċiżjoni sabiex jikseb l-annullament tal-multa imposta jew it-tnaqqis tal-ammont tagħha, billi invoka li l-impożizzjoni ta’ din il-multa kienet tidher eċċessiva fir-rigward tal-ksur ilmentat, peress li l-kilometraġġ kien imsemmi fl-ittra tat-trasport. |
16 |
Fit-12 ta’ Mejju 2009, il-konvenut fil-kawża prinċipali, bħala awtorità tat-tieni istanza, ċaħad l-appell imsemmi billi kkonstata li l-awtorità tal-ewwel istanza kienet, ġustament, applikat l-Artikolu 5(1) tad-Digriet Governattiv Nru 57/2007 u l-punt 3 tat-Tabella Nru 4 msemmi f’din id-dispożizzjoni, fejn hemm imniżżel il-ksur oġġettiv u l-ammont tal-multa korrispondenti, li huwa vinkolanti fuq l-awtorità doganali. |
17 |
M. Urbán ippreżenta rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Hajdú-Bihar Megyei Bíróság (Tribunal tad-dipartiment ta’ Hajdú-Bihar) bil-għan li jikseb l-annullament tagħha. Filwaqt li rrepeta l-argumenti mressqa fl-appell amministrattiv tiegħu, huwa osserva li l-fatt li l-formola ta’ reġistrazzjoni tal-apparat ta’ reġistrazzjoni ma kinitx issemmi l-kilometraġġ finali fl-aħħar tal-vjaġġ ma kien jinvolvi ebda possibbiltà ta’ abbuż, peress li dan kien jissemma fl-ittra ta’ trasport. B’hekk, l-informazzjoni nieqsa mill-formola ta’ reġistrazzjoni setgħet tiġi vverifikata bi preċiżjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-ittra msemmija. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hajdú-Bihar Megyei Bíróság, li esprima dubji dwar il-proporzjonalità tas-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mid-Digriet Governattiv Nru 57/2007 fir-rigward tal-għan imsemmi mir-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
19 |
Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-ħtieġa ta’ proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 19(1) u (4) tar-Regolament Nru 561/2006 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi sistema ta’ sanzjonijiet, bħal dik introdotta mid-Digriet Governattiv Nru 57/2007, li tipprovdi l-impożizzjoni ta’ multa f’ammont b’rata fissa għall-ksur kollu, tkun xi tkun il-gravità tiegħu, għar-regoli dwar l-użu tal-formoli ta’ reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 16 tar-Regolament Nru 3821/85. |
20 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont is-seba u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 561/2006, huwa mixtieq fl-interessi tal-infurzar ċar u effettiv tar-regoli dwar it-tul ta’ żmien tas-sewqan u ta’ mistrieħ, li jkunu żgurati dispożizzjonijiet uniformi dwar ir-responsabbiltà tal-impriżi tat-trasport u tax-xufiera għal ksur ta’ dan ir-Regolament, liema responsabbiltà tista’ twassal għal sanzjonijiet kriminali, ċivili jew amministrattivi fl-Istati Membri. |
21 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament imsemmi jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu “regoli dwar penali li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85[,] […] [li] għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b’mod li ma jiddiskriminawx”. |
22 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament imsemmi ma fihx regoli iktar preċiżi f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tas-sanzjonijiet nazzjonali msemmija, u b’mod partikolari ma jistabbilixxi ebda kriterju espliċitu għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata ta’ tali sanzjonijiet. |
23 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, huma marbuta li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, billi josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Louloudakis, C-262/99, Ġabra p. I-5547, punt 67, kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2010, Profaktor Kulesza, Frankowski, Jóźwiak, Orłowski, C-188/09, Ġabra p. I-7639, punt 29). |
24 |
B’hekk, f’dan il-każ, il-miżuri repressivi permessi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta tkun teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C-379/08 u C-380/08, Ġabra p. I-2007, punt 86). |
25 |
Fil-kuntest tar-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006, dawn l-għanijiet huma, min-naħa waħda, it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera li japplikaw għalihom dawn ir-regolamenti kif ukoll is-sigurtà fit-toroq b’mod ġenerali, u, min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ regoli uniformi dwar it-tul ta’ żmien tas-sewqan u dwar it-tul tal-mistrieħ tax-xufiera kif ukoll il-kontroll tagħhom. |
26 |
Għal dan il-għan, ir-regolamenti msemmija jipprovdu numru ta’ miżuri, b’mod partikolari regoli uniformi dwar it-tul ta’ żmien tas-sewqan u t-tul tal-mistrieħ tax-xufiera kif ukoll il-kontroll tagħhom, li l-osservanza tagħhom għandha tiġi żgurata mill-Istati Membri bl-applikazzjoni ta’ sistema ta’ sanzjonijiet għal kull ksur tal-istess regolamenti. |
27 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, kif irriformulati fil-punt 19 ta’ din is-sentenza. |
28 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(4) tal-Liġi dwar it-trasport, jissanzjona permezz ta’ multa bejn HUF 50000 u HUF 800000 lil kull min jikser id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li din id-dispożizzjoni tagħti lill-awtoritajiet kompetenti s-setgħa li jiffissaw l-ammont tal-multa skont in-natura u l-gravità tal-ksur. |
29 |
Madankollu, id-Digriet Governattiv Nru 57/2007 jistabbilixxi, fl-Artikolu 5(1) tiegħu, multa f’ammont b’rata fissa ta’ HUF 100000 għal kull ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-formoli ta’ reġistrazzjoni stabbilit fl-Artikoli 13 sa 16 tar-Regolament Nru 3821/85, mingħajr ma jipprovdi distinzjoni bejn in-natura u l-gravità tad-diversi ċirkustanzi ta’ ksur inkwistjoni. |
30 |
B’hekk, għalkemm sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tidher li hija xierqa sabiex tilħaq l-għanijiet imsemmija fir-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006, għandu madankollu jiġi kkonstatat li dan jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn dawn ir-regolamenti. |
31 |
Ċertament, mill-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 3821/85 jirriżulta li x-xufier ta’ vettura bil-mutur huwa marbut li jniżżel fuq il-formola ta’ reġistrazzjoni l-qari tat-takigrafu “fit-tmiem ta’ l-aħħar vjaġġ reġistrat fuq il-formola”. |
32 |
Madankollu, b’mod kuntrarju għal dak li osservat l-Ungerija, din l-ommissjoni għandha titqies li hija ksur minuri. |
33 |
Fil-fatt, hekk kif ġustament osservat il-Kummissjoni, mhux il-ksur kollu tar-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006 huwa tal-istess livell ta’ gravità. Il-ksur li jista’ jipprekludi l-kontroll effettiv tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u tal-osservanza tas-sigurtà fit-toroq ma jistax jiġi organizzat fl-istess kategorija bħall-ksur minuri li, minkejja li jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti inkwistjoni, madankollu ma jostakolax li tiġi kkontrollata l-osservanza tal-obbligi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni. |
34 |
F’dan ir-rigward, kif osservat ukoll il-Kummissjoni, il-ksur tal-Artikolu 15(7) tar-Regolament Nru 3821/85, liema dispożizzjoni tipprovdi li “[k]ull meta mitlub minn uffiċjal ta’ spezzjoni awtorizzat biex jagħmel dan, is-sewwieq irid ikun kapaċi juri l-formoli ta’ reġistrazzjoni għall-ġimgħa kurrenti, u f’kull każ għall-aħħar jum tal-ġimgħa ta’ qabel meta jkun saq”, jikkostitwixxi ksur iktar gravi mill-ksur tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, li jgħid li x-xufiera huma marbuta li ma jużawx formoli ta’ reġistrazzjoni li jkunu maħmuġin jew li tkun ġratilhom il-ħsara u li jipproteġuhom adegwatament. |
35 |
Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li l-ommissjoni, min-naħa ta’ xufier, li jniżżel fuq il-formola ta’ reġistrazzjoni il-qari tat-takigrafu meta jintemm l-aħħar vjaġġ, għandu impatt minimu, jekk għandu, fuq is-sigurtà fit-toroq fid-dawl tal-obbligi l-oħra elenkati f’dan l-istess Artikolu 15. |
36 |
Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-Kummissjoni, li tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2006/22, adottat id-Direttiva 2009/5/KE, tat-30 ta’ Jannar 2009, li temenda l-Anness III tad-Direttiva 2006/22 (ĠU L 29, p. 45), li tikkontjeni linji gwida fuq livell Komunitarju fir-rigward tal-ksur tar-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006 ikklassifikat f’kategoriji differenti skont il-gravità tiegħu. |
37 |
Għalkemm huwa minnu li l-ħsieb ta’ qsim f’livelli tad-diversi ċirkustanzi ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006 ġie ppreċiżat biss sussegwentement, bid-Direttivi 2006/22 u 2009/5, li minħabba dan il-fatt ma japplikawx għall-kawża prinċipali, madankollu għandu jiġi kkonstatat li dan il-ħsieb kien diġà jirriżulta għall-inqas mir-Regolament Nru 561/2006. Fil-fatt, fir-rigward tas-sanzjonijiet, is-sitta u għoxrin premessa tiegħu kienet issemmi “medda komuni ta’ miżuri miftuħa għall-Istati Membri”. |
38 |
Barra minn hekk, dan l-Anness III, li jiddistingwi l-gruppi ta’ ċirkustanzi ta’ ksur tar-Regolament Nru 561/2006 u l-gruppi ta’ ċirkustanzi ta’ ksur tar-Regolament Nru 3821/85, jindika, għal kull tip ta’ obbligu, il-bażi legali tiegħu, it-tipi ta’ ksur u l-livell ta’ gravità tagħhom. Dawn tal-aħħar huma kklasifikati fi tliet livelli, jiġifieri “ksur serju ħafna”, “ksur serju” u “ksur inqas serju”. |
39 |
Fir-rigward tal-ksur tar-Regolament Nru 3821/85, l-Anness imsemmi jipprovdi, f’dak li jirrigwarda l-obbligi dwar l-indikazzjonijiet li għandhom jinkitbu, u li l-bażi legali tagħhom hija l-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 3821/85, il-ksur intitolat “Il-qari tal-kilometraġġ (tat-tmiem) ta’ fuq l-odometru ma jidherx fuq il-folja ta’ reġistrazzjoni”. Dan il-ksur jitqies li huwa “ksur inqas serju”. |
40 |
Barra minn hekk, minkejja l-fatt li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sanzjonijiet f’każ ta’ ommissjoni tal-indikazzjoni tal-kilometraġġ mal-wasla, għandu jiġi kkonstatat li din l-indikazzjoni ma hijiex indispensabbli għall-konklużjoni tajba tal-kontroll tal-osservanza tar-regoli dwar it-tul ta’ żmien tas-sewqan u tal-mistrieħ. Bl-istess mod, kull nuqqas fl-indikazzjoni msemmija ma jikkostitwixxix l-istess theddida għas-sigurtà fit-toroq bħall-ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra fil-kategorija ta’ ksur dwar “[l]-informazzjoni li tingħata”. |
41 |
Konsegwentement, l-applikazzjoni ta’ multa b’ammont b’rata fissa għal kull ksur tar-regoli dwar l-użu tal-formoli ta’ reġistrazzjoni, mingħajr tibdil fl-ammont tal-multa msemmija skont il-gravità tal-ksur, tidher li ma hijiex proporzjonata fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
42 |
Barra minn hekk, għandu jissemma li l-leġiżlatur Ungeriż adotta, fid-29 ta’ Lulju 2009, id-Digriet Governattiv Nru 156/2009, li ma japplikax għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jħassar b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2009, id-Digriet Governattiv Nru 57/2007. |
43 |
Is-sistema l-ġdida ta’ sanzjonijiet implementata minn dan id-Digriet Governattiv illum tipprovdi tibdil fl-ammont tal-multa skont il-gravità tal-ksur tal-Artikoli 13 sa 16 tar-Regolament Nru 3821/85. F’dak li jirrigwarda l-ksur analogu għal dak eżaminat fil-kawża prinċipali, l-imsemmi Digriet Governattiv jistabbilixxi l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għal HUF 30 000 u jikkwalifika dan il-ksur bħala “ksur inqas serju”. |
44 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda li saret għandha tkun li l-ħtieġa ta’ proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 19(1) u (4) tar-Regolament Nru 561/2006 għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi sistema ta’ sanzjonijiet bħal dik implementata mid-Digriet Governattiv Nru 57/2007 li jipprovdi għall-impożizzjoni ta’ multa b’ammont b’rata fissa għall-ksur kollu, tkun xi tkun il-gravità tiegħu, tar-regoli dwar l-użu tal-formoli ta’ reġistrazzjoni, stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 16 tar-Regolament Nru 3821/85. |
Fuq it-tielet u r-raba’ domanda
45 |
Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-ħtieġa ta’ proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 19(1) u (4) tar-Regolament Nru 561/2006, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi, min-naħa waħda, sistema ta’ sanzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi responsabbiltà oġġettiva tal-awturi tal-ksur u, min-naħa l-oħra, l-intensità tas-sanzjoni stabbilita minn din is-sistema. |
46 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li mill-proċess jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implementazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Digriet Governattiv Nru 57/2007 ma għandhom ebda possibbiltà li jinjoraw l-ammont b’rata fissa tal-multa stabbilita billi jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ inkwistjoni u b’hekk li jaddattaw dan l-ammont għal dawn iċ-ċirkustanzi. |
47 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kompatibbiltà, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-istabbiliment ta’ responsabbiltà oġġettiva, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali sistema li tissanzjona l-ksur ta’ regolament, b’mod partikolari fil-qasam soċjali fir-rigward tat-trasport bit-triq, ma hijiex, minnha nnifisha, inkompatibbli mad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1990, Hansen, C-326/88, Ġabra p. I-2911, punti 14 sa 19, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 1991, Vandevenne et, C-7/90, Ġabra p. I-4371, punti 16 u 17; ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda oqsma oħra, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 1997 Ebony Maritime u Loten Navigation, C-177/95, Ġabra p. I-1111, punt 36). |
48 |
Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva ma hijiex sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, meta din is-sistema tkun tali li tħeġġeġ lill-persuni kkonċernati sabiex josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ regolament u meta l-għanijiet segwiti jkollhom interess ġenerali li jista’ jiġġustifika l-implementazzjoni ta’ tali sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hansen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19). |
49 |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, sussegwentement għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 3821/85 jattribwixxi b’mod partikolari lix-xufiera r-responsabbiltà għall-applikazzjoni tal-obbligi dwar l-apparat ta’ reġistrazzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar l-użu tal-formoli ta’ reġistrazzjoni jiddefinixxu b’mod preċiż il-mod li bih ix-xufiera għandhom jirreġistraw l-informazzjoni meħtieġa, bħall-qari tat-takigrafu. B’hekk, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 15(5)(d) tal-imsemmi regolament, il-kilometraġġ fil-ħin tal-wasla għandu jiġi indikat b’mod obbligatorju fil-formola ta’ reġistrazzjoni. |
50 |
Skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, il-ksur ta’ dan l-obbligu jseħħ malli l-qari tat-takigrafu li jikkorrispondi għal tmiem l-aħħar vjaġġ ma jkunx jidher fil-formola ta’ reġistrazzjoni. B’hekk, sabiex ma jkunx jinsab f’sitwazzjoni ta’ ksur, ix-xufier għandu jissodisfa l-obbligi kif stabbiliti mir-Regolament Nru 3821/85. |
51 |
Peress li, min-naħa waħda, l-imsemmija sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva hija tali li tħeġġeġ lix-xufiera sabiex josservaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3821/85 u li, min-naħa l-oħra, is-sigurtà fit-toroq u t-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali tax-xufiera huma ta’ interess ġenerali, l-implementazzjoni, mil-leġiżlazzjoni Ungeriża, ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva tista’ tkun ġustifikata. |
52 |
B’hekk, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissanzjona l-ksur tal-imsemmi regolament, ma hijiex, minnha nnifisha, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
53 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-intensità tal-multa stabbilita mis-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titfakkar il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrulhom xierqa. Madankollu, l-Istati Membri huma marbuta li jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu, u, konsegwentement, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’hekk, il-miżuri repressivi ma għandhomx, b’mod partikolari, jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija b’mod leġittimu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, barra minn hekk, ma għandhomx ikunu sproporzjonati fil-konfront ta’ dawn l-għanijiet. |
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jorbot lill-Istati Membri mhux biss f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur u d-determinazzjoni tar-regoli relattivi għall-intensità tal-multi, iżda anki f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-multa. |
55 |
Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali inkarigati li jissanzjonaw il-ksur tar-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006, li jimponu multa b’ammont b’rata fissa ta’ HUF 100000, mingħajr ma jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, inaqqsu l-ammont ta’ din il-multa, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza. |
56 |
Għalhekk, is-sistema ta’ sanzjonijiet Ungeriża tidher sproporzjonata, b’mod partikolari f’każ bħal dak li wassal għal każ fil-kawża prinċipali fejn diska waħda biss minn ħmistax-il diska kkontrollata kellha difett fir-reġistrazzjoni, jiġifieri li l-kilometraġġ fil-ħin tal-wasla ma kienx jidher fuqha. Barra minn hekk, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setax jikkostitwixxi abbuż, peress li l-indikazzjoni nieqsa mill-formola ta’ reġistrazzjoni kienet min-naħa l-oħra tidher fuq l-ittra ta’ trasport. |
57 |
Fil-fatt, fir-rigward, min-naħa waħda, tal-kundizzjoni li tgħid li l-miżura repressiva ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li huwa possibbli, għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jilħqu l-għanijiet imfittxija anki permezz ta’ miżuri inqas restrittivi, peress li, fir-realtà, il-ksur imwettaq ma kienx jikser l-għanijiet ta’ sigurtà fit-toroq u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tax-xufiera, stabbiliti mir-Regolamenti Nri 3821/85 u 561/2006. |
58 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kundizzjoni li tgħid li l-miżura repressiva ma għandhiex tkun sproporzjonata fil-konfront tal-għanijiet imsemmija, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ammont tal-multa msemmija hija kważi ekwivalenti għad-dħul mensili medju nett ta’ impjegat fl-Ungerija. Konsegwentement, l-intensità tas-sanzjoni tidher, fil-kawża prinċipali, sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur imwettaq. |
59 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda li saret għandha tkun li l-ħtieġa ta’ proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 19(1) u (4) tar-Regolament Nru 561/2006 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix sistema ta’ sanzjonijiet bħal dik implementata mid-Digriet Governattiv Nru 57/2007, li tistabbilixxi responsabbiltà oġġettiva. Min-naħa l-oħra, din għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-intensità tas-sanzjoni stabbilita minn din is-sistema. |
Fuq l-ispejjeż
60 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.