Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0201

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-5 ta' Mejju 2011.
    Ze Fu Fleischhandel GmbH (C-201/10) u Vion Trading GmbH (C-202/10) vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Hamburg - il-Ġermanja.
    Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 - Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 3 - Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni - Terminu ta’ preskrizzjoni trentennali - Regola ta’ preskrizzjoni li tifforma parti mid-dritt ċivili ġenerali ta’ Stat Membru - Applikazzjoni per analogia - Prinċipju ta’ ċertezza legali - Prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi - Prinċipju ta’ proporzjonalità.
    Każijiet Magħquda C-201/10 u C-202/10.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:282

    Kawżi magħquda C-201/10 u C-202/10

    Ze Fu Fleischhandel GmbH

    u

    Vion Trading GmbH

    vs

    Hauptzollamt Hamburg-Jonas

    (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg)

    “Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 3 — Irkupru ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni —Terminu ta’ preskrizzjoni trentennali — Regola ta’ preskrizzjoni li tifforma parti mid-dritt ċivili ġenerali ta’ Stat Membru — Applikazzjoni ‘b’analoġija’ — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Azzjoni kontra l-irregolaritajiet — Terminu ta’ preskrizzjoni — Applikabbiltà ta’ termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 3(3))

    2.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Azzjoni kontra l-irregolaritajiet — Terminu ta’ preskrizzjoni — Applikabbiltà ta’ termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(1))

    3.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Azzjoni kontra l-irregolaritajiet — Terminu ta’ preskrizzjoni — Applikabbiltà ta’ termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(1))

    1.        Il-prinċipju ta’ ċertezza legali fil-prinċipju ma jipprekludix, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea ddefiniti permezz tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, u b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali ta’ Stat Membru milli japplikaw “b’analoġija”, għall-każ li jirrigwrada r-rimbors ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni indebitament imħallas, terminu ta’ preskrizzjoni bbażat fuq dispożizzjoni nazzjonali tad-dritt komuni, bil-kundizzjoni madankollu li tali applikazzjoni li tirriżulta minn prassi deċiżjonali tkun suffiċjentement prevedibbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

    (ara l-punt 35, dispożittiv 1)

    2.        Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi, fil-kuntest tal-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-fakultà mogħtija lilhom mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni trentennali għall-każ li jirrigwarda r-rimbors ta’ ħlasijiet lura indebitament imħallsa.

    Fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li fir-rigward tiegħu l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, jew anki ta’ tliet snin, kien diġà fih innifsu perijodu suffiċjenti sabiex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jinvestigaw irregolarità li tippreġudika dawn l-interessi finanzjarji u li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżura bħall-irkupru ta’ vantaġġ indebitament miksub, jidher li l-fatt li l-awtoritajiet jingħataw perijodu ta’ tletin sena jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal amministrazzjoni diliġenti.

    (ara l-punti 43, 47, dispożittiv 2)

    3.        F’sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li terminu ta’ preskrizzjoni itwal fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament ikun jista’ jirriżulta minn terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt komuni mnaqqas mill-ġurisprudenza sabiex dan tal-aħħar jissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-applikazzjoni tiegħu, peress li, fi kwalunkwe każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jista’ jiġi applikat f’tali ċirkustanzi.

    (ara l-punti 50, 54, dispożittiv 3)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    5 ta’ Mejju 2011 (*)

    “Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 3 – Irkupru ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni – Terminu ta’ preskrizzjoni trentennali – Regola ta’ preskrizzjoni li tifforma parti mid-dritt ċivili ġenerali ta’ Stat Membru – Applikazzjoni “b’analoġija” – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

    Fil-Kawżi magħquda C‑201/10 u C‑202/10,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-12 ta’ Frar 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ April 2010, fil-proċeduri

    Ze Fu Fleischhandel GmbH (C‑201/10),

    Vion Trading GmbH (C‑202/10),

    vs

    Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Frar 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Ze Fu Fleischhandel GmbH, minn D. Ehle, avukat,

    –        għal Vion Trading GmbH, minn K. Landry u G. Schwendinger, avukat,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u M. Vollkommer, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża għandha tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

    2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn Ze Fu Fleischhandel GmbH u Vion Trading GmbH (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar irkupru ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

    3        Skont it-tielet premessa tar-Regolament Nru 2988/95, “atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità [tal‑Komunitajiet] għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha”.

    4        Il-ħames premessa ta’ dan ir-regolament tipprovdi:

    “[…] mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skond dan ir-Regolament”.

    5        L-Artikolu 1 tal-istess regolament jiddisponi:

    “1.      Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea [Komunitajiet Ewropej], qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

    ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità [Komunitajiet] jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità [Komunitajiet], jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

    6        L-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

    “1.      Il-perjodu tal-limitazzjoni [It-terminu ta’ preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu [terminu] iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

    F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni [it-terminu ta’ preskrizzjoni] għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. […]

    It-terminu tal-limitazjoni [It-terminu ta’ preskrizzjoni] għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu [ta’ preskrizzjoni] għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

    […]

    3.      L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragraf[u] 1 […]”

    7        L-Artikolu 4(1) u (4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.      Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett [indebitament]:

    –        permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura [jirrimborsa] l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett [indebitament],

    […]

    4.      Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

     Id-dritt nazzjonali

    8        Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Finanzgericht Hamburg, fid-data meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, ma kien hemm ebda dispożizzjoni speċifika fil-Ġermanja dwar it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għal kawżi ta’ natura amministrattiva li jikkonċernaw benefiċċji li jkunu ngħataw indebitament. Madankollu, kemm l-amministrazzjoni kif ukoll il-qrati Ġermaniżi kienu japplikaw “b’analoġija” l-preskrizzjoni trentennali tad-dritt komuni, kif ipprovdut fl-Artikolu 195 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”). Mill-2002, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt komuni kien madankollu mqassar, fil-prinċipju, għal tliet snin.

     Il-kawżi prinċipali u l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi magħquda C-278/07 sa C-280/07

    9        Matul is-sena 1993, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali pproċedew għall-iżdoganar ta’ ċanga billi din kellha tiġi esportata lejn il-Ġordan u wara applikazzjoni tagħhom ibbenefikaw f’dan ir-rigward minn ħlasijiet bil-quddiem fuq il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni. Minn verifiki li twettqu fil-bidu tas-sena 1998, irriżulta li, fir-realtà, il-merkanzija inkwistjoni ntbagħtet l-Iraq fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ tranżitu jew ta’ esportazzjoni mill-ġdid.

    10      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Hauptzollamt, bid-deċiżjonijiet tat-13 ta’ Ottubru 1999, talbet ir-rimbors tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni inkwistjoni.

    11      Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb GmbH & Co, ippreżentaw rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Finanzgericht Hamburg. Fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ April 2005, din laqgħet dawn ir-rikorsi minħabba li r-regola ta’ preskrizzjoni, kif ipprovduta fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, tipprekludi r-rimborsi inkwistjoni billi dawn intalbu iktar minn erba’ snin wara t-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni kkontestati.

    12      Fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-imsemmija Finanzgericht, il-Hauptzollamt ippreżenta appelli fuq punti ta’ liġi quddiem il-Bundesfinanzhof.

    13      B’mod partikolari, billi kkonstata li l-irregolaritajiet ikkontestati jirrigwardaw terminu preċedenti għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, il-Bundesfinanzhof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fit-tliet Kawżi C‑278/07 sa C‑280/07:

    “1)      Għandu t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 […] jiġi applikat ukoll fil-każ fejn irregolarità tkun twettqet jew waqfet qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi regolament?

    2)      It-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit f’din id-dispożizzjoni japplika għall-miżuri amministrattivi bħalma huwa l-irkupru ta’ rifużjoni [ħlas lura] fuq l-esportazzjoni mogħtija b’riżultat ta’ irregolaritajiet?

    Fil-każ fejn ir-risposta għal dawn iż-żewġ domandi tkun fl-affermattiv:

    3)      Jista’ Stat Membru japplika terminu itwal abbażi ta’ l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 anki meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet diġà tipprovdi għal tali terminu itwal qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament? Jista’ tali terminu itwal jiġi applikat ukoll fil-każ fejn ma kienx previst f’dispożizzjoni speċifika li tirrigwarda l-irkupru ta’ rifużjonijiet [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni jew li tirrigwarda miżuri amministrattivi inġenerali, iżda jirriżulta minn dispożizzjoni ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat li tkopri l-każijiet kollha ta’ preskrizzjoni li mhumiex is-suġġett ta’ dispożizzjoni speċifika?”

    14      Dawn it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari taw lok għas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb (C‑278/07 sa C‑280/07, Ġabra p. I-457), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:

    “1)      It-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 […] huwa applikabbli għall-miżuri amministrattivi bħall-irkupru ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni indebitament mogħtija lill-esportatur minħabba f’irregolaritajiet imwettqa minn dan tal-aħħar.

    2)      F’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali, it-terminu ta’ preskrizzjoni li huwa pprovdut fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95:

    –        japplika għal irregolaritajiet imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament;

    –        jibda jiddekorri mid-data tat-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni.

    3)      It-termini ta’ preskrizzjoni itwal li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li japplikaw skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, jistgħu jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ta’ dritt komuni preċedenti għad-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.”

     L-iżviluppi fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari fil-kawżi preżenti

    15      Permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, il-Bundesfinanzhof annullat is-sentenza tal-Finanzgericht Hamburg tal-21 ta’ April 2005 u rrinvjat il-kawżi quddiem din tal-aħħar, billi kkunsidrat li d-dritt għal rimbors ma kienx preskritt peress li l-Artikolu 195 tal-BGB seta’ u kellu japplika “b’analoġija” sal-aħħar tas-sena 2001. Din il-qorti ċaħdet l-argumentazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tgħid li, jekk kellu japplika terminu ta’ preskrizzjoni b’analoġija, dan kellu jkun dak ta’ għaxar snin applikabbli fil-qasam fiskali, u mhux dak ta’ tletin sena previst mill-BGB.

    16      Fir-rigward ta’ din is-sentenza tal-Bundesfinanzhof, il-Finanzgericht Hambourg tirrileva dan li ġej:

    “Il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li l-Artikolu 195 tal-BGB fil-verżjoni fis-seħħ tiegħu sal-aħħar tas-sena 2001 (iktar ’il quddiem: l-Artikolu 195 tal-BGB a. v.) kellu japplika b’analoġija. Hija ma ddeċidietx dwar jekk kienx inkompatibbli mal-prinċipju taċ-ċertezza legali li jintalab ir-rimbors tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni kważi 30 sena wara li dan ikun ingħata. Li kieku dan kien il-każ, hija setgħet tnaqqas it-terminu eċċessiv previst mid-dritt nazzjonali għal proporzjonijiet iktar ġusti b’mod konformi mal-Kostituzzjoni jew mad-dritt Komunitarju fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni supplementari tagħha. Hija ddeċidiet li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat u li tingħata deċiżjoni dwar jekk, fl-eżerċizzju ta’ tali ġurisdizzjoni supplementari, it-terminu previst fl-Artikolu 195 tal-BGB a. v. kellux jitnaqqas jew, għall-inqas, jekk, b’applikazzjoni analoġika ta’ din id-dispożizzjoni, kellux jiġi ffissat terminu iqsar b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali jew mal-prinċipju ta’ stabbiltà tad-dritt fir-rigward tal-preskrizzjoni tad-dritt għal rimbors ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni indebitament mogħtija abbażi ta’ irregolarità. Fil-fatt, tali terminu fl-ebda każ ma jista’ jitnaqqas sal-punt li t-talba għar-rimbors ippreżentata mis-servizzi doganali kienet diġà preskritta fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.”

    17      Il-qorti tar-rinviju, u f’dan ir-rigward tixbah l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Sharpston espressa fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb, iċċitata iktar ’il fuq, tikkunsidra, minn naħa, li huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali li tiġi applikata “b’analoġija” regola ta’ preskrizzjoni meħuda mill-BGB fir-rigward tat-talbiet għal rimbors ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni trentennali f’tali każ tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li tali termini ma jkunux raġonevoli.

    18      B’mod partikolari, din il-qorti ma tikkondividix l-interpretazzjoni mill-Bundesfinanzhof tas-sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, il-Bundesfinanzhof iddeduċiet minn din is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja, billi żammet “silenzju elokwenti“ dwar jekk applikazzjoni “b’analoġija” ta’ regola tad-dritt ċivili fir-rigward tar-rimbors ta’ ħlasijiet lura indebitament imħallsa taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2988/95, kienet fil-prinċipju aċċettat tali applikazzjoni u lanqas ma kellha oġġezzjoni, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ propozjonalità, li regola ta’ preskrizzjoni trentennali tiġi applikata b’dan il-mod. Issa, il-Finanzgericht, minn naħa tiegħu, huwa tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellha l-ebda raġuni sabiex teżamina u lanqas li tidħol f’dawn l-aspetti fid-deċiżjoni preliminari tagħha peress li l-Bundesfinanzhof ma ressqitilha l-ebda domanda definita b’mod ċar f’dan ir-rigward.

    19      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra wkoll dan li ġej:

    “Fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009 iċċitata iktar ’il fuq, [il-Bundesfinanzhof] tat lilha nnifsiha ġurisdizzjoni supplementari li tatha s-setgħa tnaqqas, prattikament bħalma jagħmel leġiżlatur, it-terminu ta’ preskrizzjoni trentennali għal proporzjonijiet iktar ġusti permezz ta’ poter ġudizzjarju ta’ emerġenza. It-tul preċiż tat-terminu ta’ preskrizzjoni li għandu jintuża fil-Ġermanja skont l-Artikolu 195 tal-BGB a. v. applikat b’analoġija ma huwiex s’issa magħruf, peress li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jew li jiġi previst [jekk] u, fejn ikun il-każ, sa liema punt, il-Bundesfinanzhof ser tuża tali ġurisdizzjoni supplementari fil-futur. L-unika ħaġa li stabbiliet dik il-ġurisprudenza hija li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 195 tal-BGB a. v. applikat b’analoġija huwa mill-inqas ta’ sitt snin u jista’ jwassal sa tletin sena f’każijiet estremi. Skont din il-ġurisprudenza, it-terminu ta’ preskrizzjoni fis-seħħ fil-Ġermanja skont l-Artikolu 195 tal-BGB a. v. applikat b’analoġija u, fejn xieraq, emendat permezz ta’ poter ġudizzjarju ta’ emerġenza jinsab x’imkien fi ħdan il-medda ta’ erbgħa u għoxrin sena.”

    20      F’dawn iċ-cirkustanzi il-Finanzgericht Hamburg issospendiet il-proċeduri u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-applikazzjoni tar-regola ta’ preskrizzjoni pprovduta fl-Artikolu 195 BGB, fil-verżjoni fis-seħħ sa tmiem l-2001, fir-rigward ta’ dritt għal rimbors ta’ rifużjoni [ħlas lura] ta’ esportazzjoni indebitament imħallsa [imħallas], hija kompatibbli mal-prinċipju taċ-ċertezza legali tad-dritt Komunitarju?

    2)      L-applikazzjoni tar-regola ta’ preskrizzjoni ta’ 30 sena pprovduta fl-Artikolu 195 BGB fir-rigward ta’ dritt għal rimbors ta’ rifużjoni [ħlas lura] ta’ esportazzjoni indebitament imħallsa [imħallas], hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dritt Komunitarju?

    3)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament […] Nru 2988/95, liema terminu ġie stabbilit minn qorti permezz ta’ poter ġudizzjarju ta’ emerġenza f’każ partikolari, skont l-iżvilupp ġudizzjarju tad-dritt, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali tad-dritt Komunitarju?”

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludix li, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ddefiniti permezz tar-Regolament Nru 2988/95, terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali “itwal” fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament li jista’ jirriżulta minn applikazzjoni “b’analoġija” ta’ terminu ta’ preskrizzjoni li jirriżulta minn dispożizzjoni nazzjonali tad-dritt komuni, fir-rigward tar-rimbors ta’ ħlas lura ta’ esportazzjoni indebitament imħallas.

    22      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari magħmula fil-kawżi magħquda C‑278/07 sa C‑280/07, iċċitati iktar ’il fuq, essenzjalment ġiet mistoqsija jekk terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali “itwal” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jistax jirriżulta minn dispożizzjoni ġenerali tad-dritt komuni adottata qabel dak ir-regolament. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx espliċitament mistoqsija dwar dak li huwa s-suġġett ta’ din id-domanda preliminari, li tikkonċerna l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, f’dan il-każ l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt komuni “b’analoġija” għal każ speċifiku li jirrigwarda r-rimbors ta’ ħlasijiet lura ta’ esportazzjoni, deċiża, mhux mil-leġiżlatur nazzjonali iżda mill-ġurisprudenza.

    23      F’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-irregolaritajiet attribwiti lill-operaturi twettqu fl-1993 taħt regola ta’ preskrizzjoni trentennali nazzjonali, azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali intiżi għall-irkupru ta’ somom indebitament imħallas minħabba tali irregolaritajiet setgħet, fin-nuqqas ta’ att li jissospendi l-preskrizzjoni, tiġi preskritta matul is-sena 1997 b’applikazzjoni tar-regola ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, bil-kundizzjoni madankollu li l-Istat Membru fejn twettqu l-irregolaritajiet ma għamilx użu mill-fakulta’ lilu mogħtija mill-Artikolu 3(3) ta’ dak ir-regolament (ara s-sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 38).

    24      Ċertament, meta adotta r-Regolament Nru 2988/95, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli f’dan il-qasam u li permezz tagħha kellu l-intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikabbli fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li jirrinunzja għall-possibbiltà li jiġu rkuprati somom tal-baġit tal-Unjoni indebitament imħallsa wara li jkun skada l-perijodu ta’ erba’ snin wara t-twettiq tal-irregolarità li affettwat il-ħlasijiet ikkontestati (ara s-sentenza Josef Vosding Schlacht‑, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

    25      Madankollu, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ippreveda espressament li l-Istati Membri jistgħu japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal mit-terminu minimu ta’ erba’ snin, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jirrendi uniformi t-termini applikabbli fil-qasam u li, konsegwentement, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 ma setax ikollu l-konsegwenza li jġiegħel lill-Istati Membri jiffissaw għal erba’ snin, it-termini ta’ preskrizzjoni li huma kienu applikaw fil-passat, fin-nuqqas ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni li kienu jeżistu preċedentement f’dan il-qasam.

    26      Fil-kuntest tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-Istati Memrbi għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-iffissar tat-termini ta’ preskrizzjoni itwal li huma jkollhom l-intenzjoni li japplikaw f’każ ta’ irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Corman, C-131/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 54).

    27      Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2988/95 ma jipprevedi l-ebda mekkaniżmu ta’ informazzjoni jew ta’ notifika dwar l-użu magħmul mill-Istati Membri tal-possibbiltà tagħhom li jipprevedu termini ta’ preskrizzjoni itwal, skont l-Artikolu 3(3) tiegħu. Għalhekk, ma hija prevista l-ebda forma ta’ kontroll fuq il-livell tal-Unjoni la fir-rigward tat-termini ta’ preskrizzjoni itwal applikati mill-Istati Membri taħt din id-dispożizzjoni u lanqas fir-rigward tas-setturi fejn l-Istati Membri jkunu ddeċidew li japplikaw tali termini (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, punt 45, kif ukoll Corman, punt 55).

    28      Fil-kawżi prinċipali, kif tindika l-qorti tar-rinviju stess, il-qrati Ġermaniżi komplew japplikaw, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95, it-terminu ta’ preskrizzjoni trentennali li jirriżulta mill-Artikolu 195 tal-BGB għal azzjonijiet intiżi għall-irkupru tal-ħlasijiet lura indebitament imħallsa mill-operaturi.

    29      F’dan ir-rigward, filwaqt li tagħti risposta għat-tielet domanda preliminari fformulata mill-Bundesfinanzhof fil-Kawżi C‑278/07 sa C‑280/07, iċċitati iktar ’il fuq, li t-termini ta’ preskrizzjoni itwal li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li japplikaw skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jistgħu jirriżultaw minn dispożizzjonijiet tad-dritt komuni adottati qabel id-data tal-adozzjoni ta’ dak ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod impliċitu iżda neċessarju kkonfermat lil din il-qorti li l-imsemmija Stati jistgħu japplikaw tali termini itwal permezz ta’ applikazzjoni deċiża mill-ġurisprudenza ta’ dispożizzjoni ta’ natura ġenerali li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn erba’ snin fil-qasam tal-irkupru tal-benefiċċji irċevuti indebitament, prassi li l-qrati Ġermaniżi jikklassifikaw bħala applikazzjoni “b’analoġija”.

    30      Tali prassi hija, fil-prinċipju, ammissibbli fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). Madankollu, xorta huwa neċessarju li din il-prassi tosserva l-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt li fosthom hemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Otturbu 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, Ġabra p. I-10761, punt 40).

    31      Fuq dan l-aspett, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu b’mod partikolari li, wara d-dħul fis-seħħ fl-ordni ġuridiku Ġermaniż tar-regola ta’ preskrizzjoni ġenerali u tal-effett dirett previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li rrimedjat in-nuqqas ta’ regola speċifika fil-qasam f’dak l-ordni ġuridiku, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali ma kellhomx iktar raġuni u ma setgħux għaldaqstant, fin-nuqqas ukoll ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tippermettilhom li jipproċedu, jkomplu japplikaw “b’analoġija” regola ta’ preskrizzjoni ġenerali li tirriżulta mill-BGB fir-rigward ta’ “irregolarità” fis-sens ta’ dak ir-regolament.

    32      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li twassal għal miżura amministrattiva bħall-obbligu għall-operatur li jirrimborsa ħlasijiet lura indebitament imħallsa, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi b’mod partikolari li s-sitwazzjoni ta’ dan l-operatur, fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu lejn l-awtorità nazzjonali, ma tkunx esposta indefinittivament għar-riskju li tiġi kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Alstom Power Hydro, C-472/08, Ġabra p. I-00623, punt 16) u li, konsegwentement, terminu ta’ preskrizzjoni għandu jkun applikabbli għall-investigazzjoni ta’ tali irregolarità u, sabiex jissodisfa l-funzjoni tiegħu li jiżgura ċ-ċertezza legali, dan it-terminu għandu jiġi ffissat minn qabel (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 19, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I‑6325, punt 39). Konsegwentement, kull applikazzjoni “b’analoġija” ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għandha tkun suffiċjentement prevedibbili għal dawk suġġetti għaliha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C-445/06, Ġabra p. I-2119, punt 34).

    33      Ċertament, huwa iktar faċli għal tali operatur li jiddetermina t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-investigazzjoni ta’ irregolarità li huwa jkun wettaq meta tali terminu u l-applikazzjoni tiegħu għal qasam li taqa’ fih l-irregolarità jkunu ddefiniti mil-leġiżlatur nazzjonali f’dispożizzjoni applikabbli speċifikament għall-qasam ikkonċernat. Madankollu meta, bħalma jidher li huwa l-każ fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlatur nazzjonali ma jkunx adotta dispożizzjoni speċifika applikabbli għal qasam bħal dak tar-rimbors tal-ħlasijiet lurajiet fuq l-esportazzjoni indebitament imħallsa bi ħsara għall-baġit tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix, fil-prinċipju, li l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji jkomplu, b’mod konformi mal-prassi deċiżjonali preċedenti magħrufa minn tali operatur, japplikaw “b’analoġija” terminu ta’ preskrizzjoni ta’ natura ġenerali previst f’dispożizzjoni rilevanti tad-dritt ċivili u li jirriżulta itwal mit-terminu ta’ erba’ snin previst mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    34      Madankollu, tali applikazzjoni ma tosservax il-prinċipju ta’ ċertezza legali ħlief jekk tirriżulta minn prassi deċiżjonali li tkun suffiċjentement prevedibbli. F’dan ir-rigward, ikun suffiċjenti li jitfakkar li ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata, fil-kuntest ta’ din il-proċedura preliminari, l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ tali prassi deċiżjonali.

    35      Minn dak li ntqal preċedentemetn jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali fil-prinċipju ma jipprekludix, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ddefiniti permezz tar-Regolament Nru 2988/95 u b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali ta’ Stat Membru milli japplikaw “b’analoġija”, għall-każ li jirrigwarda r-rimbors ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni indebitament imħallas, terminu ta’ preskrizzjoni bbażat fuq dispożizzjoni nazzjonali tad-dritt komuni, bil-kundizzjoni madankollu li tali applikazzjoni li tirriżulta minn prassi deċiżjonali tkun suffiċjentement prevedibbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     Fuq it-tieni domanda preliminari

    36      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludix, fil-kuntest tal-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-fakultà mogħtija lilhom mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni trentennali fir-rigward tal-każ ta’ rimbors ta’ ħlas lura ta’ esportazzjoni indebitament imħallas.

    37      Kif jirriżulta mill-punti 26 u 30 ta’ din is-sentenza, għalkemm, fil-kuntest tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-iffissar tat-termini ta’ preskrizzjoni itwal li huma jkollhom l-intenzjoni li japplikaw f’każ ta’ irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, dawn l-Istati għandhom madankollu josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    38      Għaldaqstant, fir-rigward ta’ terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali “itwal” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, dan tal-aħħar ma għandux b’mod partikolari jmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C-221/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-termini ta’ preskrizzjoni itwal li l-Istati Membri jistgħu għalhekk japplikaw abbażi tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor, u dan jiddependi ħafna fuq it-tradizzjonijiet legali ta’ dawn l-Istati Membri kif ukoll fuq il-perċezzjoni fl-ordnijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom tal-perijodu neċessarju u suffiċjenti sabiex amministrazzjoni diliġenti tkun tista’ tinvestiga irregolaritajiet imwettqa bi ħsara għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-baġits nazzjonali.

    40      Barra minn hekk, il-fatt li, fil-kuntest tal-fakultà prevista minn din id-dispożizzjoni, Stat Membru jimponi termini ta’ preskrizzjoni iqsar minn dawk imposti minn Stat Membru ieħor ma jfissirx li dawn tal-aħħar huma sproporzjonati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-141/07, Ġabra p. I‑6935, punt 51, kif ukoll tal-25 ta’ Frar 2010, Müller Fleisch, C‑562/08, Ġabra p. I-01391, punt 45).

    41      Jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li ma huwiex eskluż li regola ta’ preskrizzjoni trentennali li tirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt ċivili tista’ tkun tidher neċessarja u proporzjonata, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kawżi kontra persuni privati, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-imsemmija regola u ddefinit mill-leġiżlatur nazzjonali.

    42      L-evalwazzjoni ta’ tali regola ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità hija madankollu differenti meta dik ir-regola tiġi użata “b’analoġija” bil-għan li jiġi segwit għan differenti minn dak li wassal lil-leġiżlatur nazzjonali għall-adozzjoni tagħha, f’dan il-każ, fil-kawżi prinċipali, bil-għan li jintlaħaq għan definit mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

    43      Issa, fuq dan l-aspett, fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li fir-rigward tiegħu il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, anki ta’ tliet snin, kien diġà fih innifsu perijodu suffiċjenti sabiex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jinvestigaw irregolarità li tippreġudika dawn l-interessi finanzjarji u li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżura bħall-irkupru ta’ vantaġġ indebitament miksub, jidher li l-fatt li l-awtoritajiet jingħataw perijodu ta’ tletin sena jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal amministrazzjoni diliġenti.

    44      Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li din l-amministrazzjoni għandha l-obbligu ġenerali ta’ diliġenza fil-verifika tar-regolarità tal-ħlasijiet magħmula minnha stess u li huma ta’ piż fuq il-baġit tal-Unjoni, peress li l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligu ta’ diliġenza ġenerali tal-Artikolu 4(3) TFUE li timplika li dawn tal-aħħar għandhom jieħdu l-miżuri maħsuba sabiex jirrimedjaw l-irregolaritajiet b’mod tempestiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C-277/98, Ġabra p. I‑8453, punt 40).

    45      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li tiġi ammessa l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu lill-imsemmija amministrazzjoni perijodu daqstant twil sabiex taġixxi bħal dak ipprovdut minn regola ta’ preskrizzjoni trentennali jista’, b’ċertu mod, jinkoraġġixxi nuqqqas ta’ attività tal-awtoritajiet nazzjonali fl-investigazzjoni ta’ “irregolaritajiet” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, li tesponi lill-operaturi, minn naħa, għal perijodu twil ta’ inċertezza legali u, min-naħa l-oħra, għar-riskju li ma jkunux iktar kapaċi jipproduċu l-prova tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fi tmiem tali perijodu.

    46      Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi enfasizzat li, għalkemm terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin bħal dak previst fl-ewwel subpragrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jidher qasir wisq, mill-perspettiva tal-awtoritajiet nazzjonali, sabiex jippermettilhom li jinvestigaw irregolaritajiet ta’ ċertu kumplessità, il-leġiżlatur nazzjonali huwa dejjem liberu, fil-kuntest tal-possibbiltà prevista fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, li jadotta regola ta’ preskrizzjoni itwal adattata għal dak it-tip ta’ irregolaritajiet.

    47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, hemm lok li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi, fil-kuntest tal-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-fakultà mogħtija lilhom mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni trentennali għall-każ li jirrigwarda r-rimbors ta’ ħlasijiet lura indebitament imħallsa.

     Fuq it-tielet domanda

    48      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, fil-każ li jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ regola ta’ preskrizzjoni trentennali għal investigazzjoni ta’ “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jekk il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludix li qorti nazzjonali tkun tista’ tiddeċiedi li tnaqqas il-portata ta’ tali regola ta’ preskrizzjoni trentennali, f’dan il-każ sa għaxar snin, minflok tapplika r-regola ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    49      Ma huwiex eskluż li, f’sitwazzjoni fejn il-qrati nazzjonali ma għandhom l-ebda regola oħra ta’ preskrizzjoni applikabbli, dawn tal-aħħar jippruvaw jinterpretaw regola ta’ preskrizzjoni trentennali sabiex din tal-aħħar titnaqqas u tissodisfa l-eżiġenzi tad-dritt tal-Unjoni.

    50      Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali legalment applikabbli li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni itwal, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin u jibqa’ direttament applikabbli fl-Istati Membri, inkluż fil-qasam tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, Ġabra p. I‑6171, punt 35).

    51      Għalhekk, f’ċirkustanzi fejn l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt komuni, għall-każ relattiv għar-rimbors ta’ ħlasijiet lura indebitament imħallsa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95, tirriżulta sproporzjonata fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tali regola għandha tiġi injorata u t-terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, kif jirriżulta mill-punt 34 tas-sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, iċċitata iktar ’il fuq, jista’ jiġi applikat sa fejn huwa jipprevedi wkoll irregolaritajiet imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-regolament u jibda jiddekorri mid-data meta tkun twettqet l-irregolarità inkwistjoni.

    52      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, li kieku qorti nazzjonali kellha tiġi permessa, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2988/95, li tnaqqas terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit, sa dakinhar applikat, sabiex tistabbilixxi livell li jista’ jissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità anki meta din ikollha, fi kwalunkwe każ, regola ta’ preskrizzjoni bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni u direttament applikabbli fl-ordni ġuridiku tagħha, dan imur ukoll kontra prinċipji li skonthom, minn naħa, sabiex jissodisfa l-funzjoni tiegħu li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali, terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi ffissat minn qabel (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, punt 19, kif ukoll Marks & Spencer, punt 39) u, min-naħa l-oħra, li kull applikazzjoni “b’analoġija” ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għandha tkun suffiċjentement prevedibbli għal dawk suġġetti għaliha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

    53      Madankollu, f’tali sitwazzjoni, kif tfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur nazzjonali huwa dejjem liberu, fil-kuntest tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, li jadotta regola ta’ preskrizzjoni itwal.

    54      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li terminu ta’ preskrizzjoni “itwal” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 ikun jista’ jirriżulta minn terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt komuni mnaqqas mill-ġurisprudenza sabiex dan tal-aħħar jissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-applikazzjoni tiegħu, peress li, fi kwalunkwe każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jista’ jiġi applikat f’tali ċirkustanzi.

     Fuq l-ispejjeż

    55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali fil-prinċipju ma jipprekludix, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea ddefiniti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, u b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali ta’ Stat Membru milli japplikaw “b’analoġija”, għall-każ li jirrigwarda r-rimbors ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni indebitament imħallas, terminu ta’ preskrizzjoni bbażat fuq dispożizzjoni nazzjonali tad-dritt komuni, bil-kundizzjoni madankollu li tali applikazzjoni li tirriżulta minn prassi deċiżjonali tkun suffiċjentement prevedibbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    2)      F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi, fil-kuntest tal-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-fakultà mogħtija lilhom mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni trentennali għall-każ li jirrigwarda r-rimbors ta’ ħlasijiet lura indebitament imħallsa.

    3)      F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li terminu ta’ preskrizzjoni “itwal” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 ikun jista’ jirriżulta minn terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt komuni mnaqqas mill-ġurisprudenza sabiex dan tal-aħħar jissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-applikazzjoni tiegħu, peress li f’tali ċirkustanzi, jista’ fi kwalunkwe każ jiġi applikat it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top