Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0131

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010.
Corman SA vs Bureau d’intervention et de restitution belge (BIRB).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de première instance de Bruxelles - il-Belġju.
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 - Artikolu 3 - Preskrizzjoni tal-proċeduri - Terminu - Regoli settorjali - Regolament (KE) Nru 2571/97 - Differenza fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni fil-każ ta’ irregolarità mwettqa mill-benefiċjarju tas-sussidju jew mill-kokontraenti tiegħu.
Kawża C-131/10.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-14199

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:825

Kawża C-131/10

Corman SA

vs

Bureau d’intervention et de restitution belge (BIRB)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance de Bruxelles)

“Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Artikolu 3 — Preskrizzjoni tal-proċeduri — Terminu — Regoli settorjali — Regolament (KE) Nru 2571/97 — Differenza fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni fil-każ ta’ irregolarità mwettqa mill-benefiċjarju tas-sussidju jew mill-partijiet kontraenti tiegħu”

Sommarju tas-sentenza

1.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Proċeduri kontra l-irregolaritajiet — Terminu ta’ preskrizzjoni — Irregolaritajiet imwettqa fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti fis-settur tal-butir

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u Artikolu 3(3); Regolament tal-Kumissjoni Nru 2571/97)

2.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Proċeduri kontra l-irregolaritajiet — Terminu ta’ preskrizzjoni — Irregolaritajiet imwettqa fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti fis-settur tal-butir

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikoli 1 u 3(3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2571/97)

1.        Sa fejn ma jipprevedix regola ta’ preskrizzjoni tal‑proċeduri applikabbli għal‑likwidazzjoni ta’ garanziji mogħtija fil‑kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ sejħiet għal offerti fis‑settur tal‑butir, tal‑butir ikkonċentrat u tal‑krema, ir‑Regolament Nru 2571/97, dwar il-bejgħ ta’ butir bi prezzijiet imnaqqsa u l-konċessjoni ta’ għajnuna għall-krema, il-butir u l-butir ikkonċentrat sabiex jintużaw fil-fabbrikazzjoni tal-prodotti tal-pastiċċiera, il-ġelat u oġġetti oħra ta’ ikel, ma jikkostitwixxix regola settorjali li tipprevedi “terminu iqsar” fis‑sens tat‑tieni sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95, dwar il‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Komunità Ewropea [tal‑Komunitajiet Ewropej]. Għaldaqstant, it‑terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin stabbilit fl‑ewwel sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) ta’ dan ir‑regolament tal‑aħħar japplika għal tali likwidazzjoni, bla ħsara madankollu għall‑possibbiltà li għandhom l‑Istati Membri, taħt l‑Artikolu 3(3) tar‑regolament imsemmi, li jistabbilixxu termini ta’ preskrizzjoni itwal.

(ara l-punt 50 u d-dispożittiv 1)

2.        Meta jipproċedu kontra irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea [tal‑Komunitajiet Ewropej], l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, inkluż, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2571/97, dwar il-bejgħ ta’ butir bi prezzijiet imnaqqsa u l-konċessjoni ta’ għajnuna għall-krema, il-butir u l-butir ikkonċentrat sabiex jintużaw fil-fabbrikazzjoni tal-prodotti tal-pastiċċiera, il-ġelat u oġġetti oħra ta’ ikel, f’sitwazzjonijiet fejn l-irregolaritajiet li jkollha twieġeb għalihom l-offerenti li tkun intlaqgħet l-offerta tagħha jkunu twettqu mill-partijiet kontraenti tagħha.

Fil-fatt, fil‑kuntest tad‑deroga prevista fl‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 2988/95, l‑Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir‑rigward tal‑adozzjoni ta’ termini ta’ preskrizzjoni itwal li huma jkollhom l‑intenzjoni japplikaw f’każ ta’ irregolarità li tippreġudika l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni.

(ara l-punti 54, 62 u d-dispożittv 2)







SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

22 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 3 – Preskrizzjoni tal‑proċeduri – Terminu – Regoli settorjali – Regolament (KE) Nru 2571/97 – Differenza fl‑applikazzjoni tar‑regoli ta’ preskrizzjoni fil‑każ ta’ irregolarità mwettqa mill‑benefiċjarju tas‑sussidju jew mill‑partijiet kontraenti tiegħu”

Fil‑Kawża C‑131/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit‑Tribunal de première instance de Bruxelles (il‑Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Frar 2010, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑12 ta’ Marzu 2010, fil‑proċedura

Corman SA

vs

Bureau d’intervention et de restitution belge (BIRB),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal‑Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Corman SA, minn L. Defalque, avukat,

–        għall‑Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall‑Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche‑Duvieusart, bħala aġent,

wara li rat id‑deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l‑Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(1) u (3) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat‑18 ta’ Diċembru 1995, dwar il‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Komunità Ewropea [tal‑Komunitajiet Ewropej] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), inkonnessjoni mar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2571/97, tal‑15 ta’ Diċembru 1997, dwar il‑bejgħ ta’ butir bi prezzijiet imnaqqsa u l‑konċessjoni ta’ għajnuna għall‑krema, il‑butir u l‑butir ikkonċentrat sabiex jintużaw fil‑fabbrikazzjoni tal‑prodotti tal‑pastiċċiera, il‑ġelat u oġġetti oħra ta’ ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 3, Vol. 22, p. 147), kif emendat bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1550/1998, tas‑17 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 237, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 2571/97”).

2        Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn Corman SA (iktar ’il quddiem “Corman”) u l‑Bureau d’intervention et de restitution belge (BIRB) (Uffiċċju ta’ intervent u ta’ restituzzjoni Belġjan) dwar in‑nuqqas ta’ dan tal‑aħħar li jirrimborsa d‑diversi garanziji mogħtija minn Corman fil‑kuntest ta’ sejħiet għal offerti taħt ir‑Regolament Nru 2571/97.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni

 Ir‑Regolament Nru 2988/95

3        Skont it‑tielet premessa tar‑Regolament Nru 2988/95, “atti li huma ta’ ħsara għall‑interessi finanzjarji tal‑Komunità [tal‑Komunitajiet] għandhom [...] jiġu ribattuti fl‑oqsma kollha”.

4        Il‑ħames premessa ta’ dan ir‑regolament tipprovdi li “mġiba mhux regolari, u l‑miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skond dan ir‑Regolament”.

5        L‑Artikolu 1 tar‑regolament imsemmi jipprovdi:

“1.      Sabiex jiġu protetti l‑interessi finanzjarji tal‑Komunità Ewropea [Komunitajiet Ewropej], qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir‑rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l‑irregolaritajiet fir‑rigward tal‑liġi tal‑Komunità.

2.       ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal‑liġi tal‑Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l‑effett li jippreġudika l‑budget ġenerali tal‑Komunità [Komunitajiet] jew il‑budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id‑dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan‑nom tal‑Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

6        L‑Artikolu 3(1) u (3) tar‑Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

“1.      Il‑perjodu tal‑limitazzjoni [It‑terminu ta’ preskrizzjoni] għall‑proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l‑irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir‑regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu [terminu] iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it‑terminu tal‑limitazjoni [it‑terminu ta’ preskrizzjoni] għandu jibda jiddekorri mill‑jum li fih tieqaf l‑irregolarità. [...]

It‑terminu tal‑limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l‑awtorità kompetenti, notifikat lill‑persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l‑investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l‑irregolarità. It‑terminu għandu jibda jiddekorri mill‑ġdid wara kull att li jinterrompih.

[…]

3.      L‑Istati Membri għandhom iżommu l‑possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut [fl‑Artikolu 3(1)].”

7        L‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

“1.      Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l‑irtirar tal‑vantaġġ miksub b’mod skorrett [b’mod indebitu]

[…]

–        bit‑telf sħiħ jew parzjali tal‑garanzija provduta in sostenn tat‑talba għall‑vantaġġ li jkun ingħata jew fil‑ħin ta’ l‑aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.

[…]

4.      Il‑miżuri kif hemm provdut f’dan l‑Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

 Il‑leġiżlazzjoni dwar l‑organizzazzjoni komuni fis‑settur tal‑ħalib u tal‑prodotti tal‑ħalib

–       Ir‑Regolament (KEE) Nru 804/68

8        L‑Artikolu 6 tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 804/68, tas‑27 ta’ Ġunju 1968, dwar l‑organizzazzjoni komuni tas‑suq tal‑ħalib u tal‑prodotti tal‑ħalib (ĠU L 148, p. 13), kif emendat bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2807/94, tal‑14 ta’ Novembru 1994 (ĠU L 298, p. 1), jipprovdi:

“1.      Matul is‑sena tal‑ħalib kollha, l‑aġenzija ta’ intervent maħtura minn kull wieħed mill‑Istati Membri għandha tixtri, bil‑prezz ta’ intervent u skont il‑kundizzjonijiet li għad iridu jiġu ddeterminati, il‑butir prodott direttament u esklużivament minn krema pasturizzata f’impriża approvata fil‑Komunità [...]

[…]

3.      Il‑butir mixtri mill‑aġenziji ta’ intervent għandu jinbiegħ bi prezz minimu u f’kundizzjonijiet li għad iridu jiġu ddeterminati u li għandhom ikunu ta’ natura tali li ma jfixklux il‑bilanċ fis‑suq u li jiżguraw lix‑xerrejja trattament u aċċess ugwali għall‑butir li jkun għall‑bejgħ. [...]

[…]

6.      Ir‑regoli dettaljati għall‑applikazzjoni ta’ dan l‑artikolu, u b’mod partikolari l‑ammont tal‑għajnuna mogħtija għall‑ħażna privata, għandhom jiġu adottati skont il‑proċedura prevista fl‑Artikolu 30” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

–       Ir‑Regolament Nru 2571/97

9        L‑Artikolu 1(1) tar‑Regolament Nru 2571/97 jipprovdi:

“Dan ir‑Regolament għandu jirregola:

(a)      il‑bejgħ tal‑butir ta’ l‑intervent mixtri skond l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament [...] Nru 804/68 maħżun qabel data li għad trid tiġi stabbilita;

(b)      il‑għajnuna mogħtija sabiex jintuża l‑butir, il‑butir ikkonċentrat u l‑krema, kif iddefinita [iddefiniti] fil‑Paragrafu 2.”

10      Skont l‑Artikolu 2 tar‑Regolament Nru 2571/97, “[i]l‑butir ta’ l‑intervent għandu jinbiegħ u l‑għajnuna għandha tingħata għall‑prodotti riferiti fl‑Artikolu 1(2) bl‑użu ta’ sejħa permanenti għall‑offerti organizzata minn kull aġenzija ta’ l‑intervent”.

11      L‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 2571/97 jipprovdi:

“L‑offerti għandhom jiġu aċċettati biss jekk min jitfa’ l‑offerta jagħti impenn bil‑miktub li jinkorpora l‑butir jew [il‑]butir ikkonċentrat, jew li jġiegħel li dawn jiġu inkorporati, esklussivament u minkejja l‑prodotti intermedji riferiti fl‑Artikolu 8, fi prodotti finali kif riferit fl‑Artikolu 4 jew, fil‑każ ta’ krema, direttament u esklussivament fil‑prodotti finali riferiti fil‑formola B fl‑Artikolu 4(1) [...]

[…]”

12      Skont l‑Artikolu 10(1) tar‑Regolament Nru 2571/97, “[i]l‑fabbrikazzjoni tal‑butir ikkonċentrat riferit fl‑Artikolu 1(2)(b), il‑proċessar tal‑butir f’butir ikkonċentrat riferit fl‑Artikolu 5, iż‑żieda tat‑traċċjaturi riferiti fl‑Artikolu 6, il‑pakkettjar mill‑ġdid tal‑butir ikkonċentrat riferit fit‑tieni subparagrafu ta’ l‑Artikolu 7(1), l‑inkorporazzjoni fil‑prodotti intermedji riferiti fl‑Artikolu 8 u, meta japplika l‑Artikolu 3(b), l‑inkorporazzjoni tal‑butir, tal‑butir ikkonċentrat, tal‑prodotti intermedji u tal‑krema fi prodotti finali għandhom isiru fi stabbilimenti approvati”.

13      Fil‑verżjoni oriġinali tiegħu, l‑Artikolu 11 ta’ dan ir‑regolament kien jipprovdi li l‑prodotti msemmija fl‑Artikolu 1 tal‑istess regolament kellhom jintużaw u jiġu inkorporati fil‑prodotti finali fil‑Komunità, f’terminu ta’ sitt xhur wara x‑xahar li fih jiskadi t‑terminu għas‑sottomissjoni tal‑offerti bi tweġiba għas‑sejħa għal offerti individwali, terminu stabbilit fl‑Artikolu 14(2). Wara li dan l‑artikolu ġie emendat diversi drabi, b’mod partikolari permezz tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 494/1999, tal‑5 ta’ Marzu 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 3, Vol. 24, p. 422), dan it‑terminu tnaqqas għal erba’ xhur.

14      L‑Artikolu 12 tar‑Regolament Nru 2571/97 jipprovdi:

“1.      Dawk li jiksbu b’suċċess is‑sejħa għall‑offerti għandhom:

(a)       iwettqu jew iqabbdu lil min iwettaq f’isimhom u bl‑ispejjeż għalihom ix‑xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu mal‑fabbrikazzjoni tal‑butir ikkonċentrat u ż‑żieda tat‑traċċjaturi;

(b)       iżommu l‑kontijiet li juru, għal kull kunsinja, l‑ismijiet u l‑indirizzi tax‑xerrejja u l‑kwantitajiet korrispondenti, fejn jispeċifikaw l‑użu maħsub tagħhom (il‑formola A jew il‑formola B) kif ukoll it‑temma taż‑żmien [tat‑terminu] għall‑inkorporazzjoni riferita fl‑Artikolu 11 jew in‑numru tal‑proċedura tat‑tfigħ ta’ l‑offerti li tista’ tkun f’kodiċi. Meta min jikseb b’suċċess l‑offerta jipproċessa prodotti differenti li jiġbdu l‑għajnuna jew tnaqqis fil‑prezz ta’ l‑iskemi differenti tal‑Komunità, iridu jinżammu kontijiet separati għal kull skema;

(ċ)      jinkludu f’kull kuntratt tal‑bejgħ:

(i)       fil‑każ tal‑fabbrikazzjoni tal‑prodotti intermedji, l‑obbligu li jħarsu l‑Artikoli 8 u 9;

(ii)  l‑obbligu li jħarsu, fejn xieraq, l‑impenn riferit fl‑Artikolu 3(b);

(iii)  l‑obbligu dwar l‑inkorporazzjoni fil‑prodotti finali, li jispeċifikaw l‑użu maħsub għalihom (il‑formola A jew il‑formula B), fil‑perjodu taż‑żmien riferit fl‑Artikolu 11;

(iv)  meta japplika, l‑obbligu li jżommu l‑kontijiet kif riferit fil‑punt (b);

(v)       l‑obbligu li jħarsu l‑Artikolu 10;

(vi)  l‑obbligu li jżommu r‑reġistri riferiti fl‑Artikolu 10(2)(ċ) meta l‑prodotti li jkun fihom it‑traċċjaturi jiġu inkorporati fil‑prodotti finali;

(vii)  l‑obbligu fuq il‑kuntrattur li jibgħat l‑informazzjoni li tirrigwardahom kif riferit fl‑Annessi IX sa XIII lill‑korp kompetenti, skond ir‑regoli ddettaljati li jridu jiġu stabbiliti minn kull Stat Membru;

(viii)  meta japplika, l‑obbligu li jipprovdu l‑programm tal‑fabbrikazzjoni.

2.      Dawk li jiksbu l‑offerti b’suċċess li jiffabbrikaw il‑prodotti finali jridu jżommu ir‑reġistri riferiti fl‑Artikolu 10(2)(ċ) u li jibagħtu l‑programmi tagħhom tal‑fabbrikazzjoni skond l‑Artikolu 10(2)(d).”

15      L‑Artikolu 13 tar‑Regolament Nru 2571/97 jipprovdi:

“1.      Għandu jiġi ppubblikat avviż għal sejħa permanenti għall‑offerti fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej mill‑inqas tmint ijiem qabel l‑ewwel data ta’ l‑għeluq għas‑sottomissjoni ta’ l‑offerti.

2.      L‑aġenzija kompetenti ta’ l‑intervent għandha toħroġ kull avviż għas‑sejħa għall‑offerta, fejn tindika b’mod partikolari d‑data ta’ l‑għeluq u l‑indirizz fejn għandhom jiġu ssottomessi l‑offerti.

[...]”

16      L‑Artikolu 14 tar‑Regolament Nru 2571/97 jipprovdi:

“1.      Matul il‑perjodu taż‑żmien tal‑validità tas‑sejħa permanenti għall‑offerti, l‑aġenziji ta’ l‑intervent għandhom joħorġu sejħiet individwali għall‑offerti.

2.      Il‑perjodu taż‑żmien [It‑terminu] għas‑sottomissjoni ta’ l‑offerti bi tweġiba għal kull sejħa individwali għandha tiskadi [għandu jiskadi] f’nofsinhar [...] ta’ kull tieni u raba’ nhar ta’ Tlieta tax‑xahar [...]”

17      L‑Artikolu 17 tar‑Regolament Nru 2571/97 jipprovdi:

“1.       Iż‑żamma ta’ l‑offerta wara d‑data ta’ l‑għeluq għas‑sottomissjoni ta’ l‑offerti u, meta approprjat,

(a)       għall‑butir ta’ l‑intervent, id‑depożitu ta’ garanzija għall‑proċessar riferita fl‑Artikolu 18(2) u l‑ħlas tal‑prezz fil‑perjodu taż‑żmien [fit‑terminu] iffissat fl‑Artikolu 20(2);

(b)       għall‑prodotti riferiti fl‑Artikolu 1(2) meta japplika l‑Artikolu 3(a), id‑depożitu ta’ garanzija għall‑proċessar kif riferit fl‑Artikolu 18(2) jew, meta japplika s‑subparagrafu ta’ l‑Artikolu 22(3), l‑inkorporazzjoni fil‑prodotti finali;

(ċ)       għall‑prodotti riferiti fl‑Artikolu 1(2), meta japplika l‑Artikolu 3(b), l‑inkorporazzjoni fil‑prodotti finali,

għandhom jikkostitwixxu l‑ħtiġiet primarji, li rigward it‑twettiq tagħhom għandha tiġi ddepożitata garanzija ta’ 350 ECU għal kull tunnellata metrika.

2.      Il‑garanziji rigward l‑offerti għandhom jiġu ddepożitati fl‑Istat Membru li fih tkun ġiet isottomessa l‑offerta.

[…]”

18      L‑Artikolu 18 tar‑Regolament Nru 2571/97 jipprovdi:

“1.      Għandu jiġi ffissat prezz minimu għall‑bejgħ tal‑butir ta’ l‑intervent u għandha tiġi ffissata l‑għajnuna massima għall‑krema, il‑butir jew il‑butir ikkonċentrat fid‑dawl ta’ l‑offerti rċevuti bi tweġiba għal kull sejħa għall‑offerti individwali u skond il‑proċedura stabbilita fl‑Artikolu 30 tar‑Regolament [...] Nru 804/68. [...]

[...]

2.      Fl‑istess waqt li jiġi/u ffissat/i l‑prezz/ijiet minimu/i tal‑bejgħ jew l‑ammont/i massimu/i tal‑għajnuna u skond il‑proċedura ddefinita fl‑Artikolu 30 tar‑Regolament [...] Nru 804/68, l‑ammont/i tal‑garanzija għall‑proċessar għandhom jiġu ffissati għal kull 100 kilogramm b’referenza jew għad‑differenza bejn il‑prezz tal‑butir ta’ l‑intervent u l‑prezzijiet minimi ffissati jew għall‑ammonti tal‑għajnuna.

L‑iskop tal‑garanzija għall‑proċessar għandu jkun sabiex jiġi żgurat it‑twettiq tal‑ħtiġiet primarji li jirrigwardaw jew:

(a)       il‑butir ta’ l‑intervent:

(i)       il‑proċessar tal‑butir f’butir ikkonċentrat skond l‑Artikolu 5 u ż‑żieda tat‑traċċjaturi, meta approprjat, jew ż‑żieda tat‑traċċjaturi fil‑butir,

u

(ii)  l‑inkorporazzjoni tal‑butir jew tal‑butir ikkonċentrat, li fihom ikunu ġew miżjuda t‑traċċjaturi jew le, fil‑prodotti finali; jew,

(b)       għall‑prodotti riferiti fl‑Artikolu 1(2), meta japplika l‑Artikolu 3(a), l‑inkorporazzjoni fil‑prodotti finali.

3.      Il‑prova meħtieġa għall‑iskop tar‑rilaxx tal‑garanzija għall‑proċessar riferita fil‑paragrafu 2 għandha tiġi prodotta lill‑aġenzija kompetenti nnominata mill‑Istat Membru fi żmien 12‑il xahar mill‑għeluq tal‑perjodu taż‑żmien [tat‑terminu] stabbilit fl‑Artikolu 11.

Fejn il‑limiti taż‑żmien [it‑termini] stabbiliti fl‑Artikolu 11 jinqabżu b’inqas minn total ta’ 60 jum, il‑garanzija għall‑proċessar tiġi ssekwestrata bir‑rata ta’ 6 ECU għal kull tunnellata metrika kuljum. Fit‑tmiem ta’ dan il‑perjodu taż‑żmien, għandu japplika l‑Artikolu 23 tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85[, tat‑22 ta’ Lulju 1985, li jistabilixxi r‑regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s‑sistema tal‑garanziji għall‑prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 3, Vol. 6, p. 186)] rigward l‑ammont li jifdal.

4.      Fejn il‑ħtiġiet primarji riferiti fil‑paragrafu 2 (a) ma jiġux imħarsa fil‑limitu taż‑żmien [fit‑terminu] stabbilit fl‑Artikolu 11 minħabba li l‑butir ta’ l‑intervent jinstab li mhux tajjeb għall‑konsum, kull garanzija għall‑proċessar għandha madankollu tiġi rrilaxxjata, bil‑qbil tal‑Kummissjoni, ġaladarba tkun ittieħdet l‑azzjoni approprjata taħt is‑sorveljanza ta’ l‑awtorijajiet ta’ l‑Istat Membru interessat.”

19      Mill‑Artikolu 19(1) u (2) tar‑Regolament Nru 2571/97 jirriżulta li l‑offerenti li għandha tintgħażel fir‑rigward tal‑butir tal‑intervent hija dik li toffri l‑ogħla prezz, bil‑kundizzjoni li dan il‑prezz ma jkunx inqas mill‑prezz minimu u li l‑ammont propost għall‑għajnuna ma jkunx ogħla mill‑ammont massimu tagħha.

20      Skont l‑Artikolu 19(4) tal‑istess regolament, “[i]d‑drittijiet u l‑obbligi li joħorġu rigward is‑sejħa għall‑offerti ma jistgħux jiġu ttrasferiti”.

21      L‑Artikolu 27 tar‑Regolament Nru 2571/97 jipprovdi:

“Ir‑Regolament […] Nru 2220/85 għandu japplika, għajr fejn espliċitament ipprovdut xort’oħra. Il‑penali għan‑nuqqas li jiġi mħares obbligu subordinat kif ipprovdut f’dan ir‑Regolament għandu jipprekludi l‑penali pprovduti fir‑Regolament […] Nru 2220/85.”

 Ir‑Regolament Nru 2220/85

22      L‑Artikolu 29 tar‑Regolament Nru 2220/85, fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament (KE) Nru 3403/93 tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15 p. 221, iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2220/85”) jipprovdi:

“Ġaladarba l‑awtorità kompetenti issir taf b’ċirkostanzi li jwasslu sabiex garanzija tintilef bi dritt, fl‑intier tagħha jew f’parti minnha, għandha bla telf ta’ żmien tordna illi l‑parti meħtieġa li tirrispetta l‑obbligu tħallas is‑somma mitlufa bi dritt, billi tippermetti sa 30 jum minn dak li fih toħroġ l‑ordni għall‑ħlas.

Fejn ma jkunx sar il‑ħlas sa l‑aħħar ta’ dan il‑perjodu taż‑żmien [it‑terminu], l‑awtorità kompetenti għandha:

(a)       mingħajr telf ta’ żmien tillikwida kull garanzija tat‑tip deskritt fl‑Artikolu 8(1)(a) għall‑kont xieraq;

(b)       mingħajr telf ta’ żmien teħtieġ lill‑garanti deskritt fl‑Artikolu 8(1)(b) sabiex iħallas, billi tippermetti sa 30 jum mill‑ħruġ tad‑domanda għall‑ħlas;

(ċ)       mingħajr telf ta’ żmien tieħu l‑passi sabiex,

(i)       taqleb il‑garanziji deskritti fl‑Artikolu 8(2)(a), (c), (d) u (e) fi flus biżżejjed sabiex tkopri s‑somma li għandha titħallas,

(ii)  tillikwida d‑depożiti fi flus korrenti ipotekati għall‑kont tagħha.

L‑awtorità kompetenti tista’ bla dewmien tillikwida kull garanzija tat‑tip deskritt fl‑Artikolu 8(1)(a) għall‑kont xieraq mingħajr ma l‑ewwel teħtieġ lill‑persuna interessata illi tagħmel il‑ħlas.”

 Ir‑Regolament (KEE) Nru 4045/89

23      Ir‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 4045/89, tal‑21 ta’ Diċembru 1989, dwar l‑iskrutinju mill‑Istati Membri fuq tranżazzjonijiet li jiffurmaw parti mis‑sistema ta’ finanzjament mis‑sezzjoni ta’ Garanziji tal‑Gwida Agrikola u tal‑Fond ta’ Garanziji ta’ l‑Unjoni Ewropea u li qed iħassar id‑Direttiva Nru 77/435/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 3, Vol. 9, p. 208) jipprovdi, fl‑Artikolu 4 tiegħu, minn naħa, li l‑impriżi għandhom iżommu wħud mid‑dokumenti kummerċjali tagħhom, bħall‑kotba, ir‑reġistri, in‑noti u d‑dokumenti ta’ sostenn tagħhom, għal perijodu ta’ mill‑inqas tliet snin mit‑tmiem tas‑sena li fiha dawn id‑dokumenti jkunu ġew stabbiliti, u, min‑naħa l‑oħra, li l‑Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perijodu itwal għaż‑żamma ta’ dawn id‑dokumenti.

 Id‑dritt nazzjonali

24      L‑Artikolu 2262bis tal‑Kodiċi Ċivili Belġjan, introdott permezz tal‑Artikolu 5 tal‑Liġi tal‑10 ta’ Ġunju 1998 li temenda ċerti dispożizzjonijiet fil‑qasam tal‑preskrizzjoni (Moniteur belge tas‑17 ta’ Lulju 1998, p. 23544), jipprovdi:

“§ 1. L‑azzjonijiet personali kollha jaqgħu bil‑preskrizzjoni wara għaxar snin.

B’deroga mill‑ewwel paragrafu, kull azzjoni għall‑kumpens ta’ dannu bbażata fuq responsabbiltà mhux kuntrattwali taqa’ bil‑preskrizzjoni wara ħames snin mill‑jum ta’ wara dak li fih il‑persuna leża saret taf bid‑dannu jew bil‑fatt li d‑dannu sar iktar gravi u bl‑identità tal‑persuna responsabbli.

F’kull każ, l‑azzjonijiet imsemmija fit‑tieni paragrafu jaqgħu bil‑preskrizzjoni wara għoxrin sena mill‑jum ta’ wara dak li fih iseħħ il‑fatt li jkun ikkawża d‑dannu.

[...]”

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

25      Matul is‑snin 1998 sa 2000, Corman, stabbiliment approvat fis‑sens tal‑Artikolu 10 tar‑Regolament Nru 2571/97, ipparteċipat f’diversi sejħiet għal offerti individwali organizzati mill‑BIRB, aġenzija ta’ intervent fis‑sens tal‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 804/68, u l‑offerti tagħha kienu ġew aċċettati.

26      Bħala impriża li l‑offerta tagħha kienet ġiet aċċettata, Corman kienet meħtieġa tistabbilixxi diversi garanziji bl‑iskop li jiżguraw li hija tosserva r‑rekwiżiti tar‑Regolament Nru 2571/97. Dawn il‑garanziji kienu jkopru kemm l‑eżekuzzjoni tal‑operazzjonijiet marbuta mal‑fabbrikazzjoni tal‑butir ikkonċentrat u ż‑żieda ta’ traċċjaturi minn Corman u kif ukoll l‑użu korrett tal‑butir, tal‑butir ikkonċentrat jew tal‑krema kif ukoll l‑integrazzjoni tagħhom, mill‑utenti finali li lilhom din l‑impriża tkun biegħet mill‑ġdid il‑prodotti tagħha, fil‑prodotti finali bħal prodotti tal‑pastiċċiera, ġelati, gallettini jew ċikkulati.

27      Peress li kkonstata li l‑imsemmija utenti finali kienu qegħdin iwettqu operazzjonijiet ta’ taħlit ta’ butir ikkonċentrat li jaqa’ taħt is‑sistema ta’ intervent ma’ butir jew krema tas‑suq, il‑BIRB esprima dubji dwar ir‑regolarità ta’ tali prattiki fid‑dawl tar‑Regolament Nru 2571/97 u informa uffiċjalment lil Corman dwar dan fis‑26 ta’ April 2000.

28      Il‑BIRB ressaq din il‑kwistjoni darbtejn quddiem il‑Kummissjoni, matul Marzu u Awwissu 2002, u l‑Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet f’risposti bid‑data ta’ Ġunju 2002 u tas‑sena 2006. Sussegwentement għal dawn ir‑risposti, il‑BIRB irrilaxxa ċerti garanziji għall‑ipproċessar mogħtija minn Corman.

29      Madankollu, fir‑rigward ta’ ċerti operazzjonijiet oħra ta’ inkorporazzjoni, il‑BIRB ikkunsidra li kien hemm lok li jissekwestra l‑garanziji mogħtija minn Corman u dan jew minħabba li kien inqabeż it‑terminu ta’ erba’ xhur għall‑inkorporazzjoni tal‑butir fil‑prodotti finali, jew minħabba li l‑użu finali ma kienx konformi mar‑Regolament Nru 2571/97, jew inkella minħabba li ma ntlaħqitx il‑produzzjoni ta’ ċerti kwantitajiet indikati fis‑sejħa għal offerti. B’hekk, matul is‑snin 2006 u 2007, il‑BIRB bagħat lil din il‑kumpannija avviżi ta’ debitu fejn issekwestra dawn il‑garanziji fl‑ammont ta’ EUR 202 999.59. Dawn l‑avviżi ġew ifformalizzati f’deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2007.

30      Permezz ta’ rikors tat‑22 ta’ Mejju 2007, Corman ikkontestat din id‑deċiżjoni quddiem it‑Tribunal de première instance de Bruxelles (Qorti tal‑ewwel istanza ta’ Brussell) u talbet ir‑rimbors tal‑garanziji għall‑ipproċessar inkwistjoni sal‑ammont ta’ EUR 173 361.88. Insostenn ta’ din it‑talba, Corman sostniet li, fid‑dawl tat‑terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95, is‑sekwestru tal‑garanziji inkwistjoni kien irregolari sa fejn kienet tapplika l‑preskrizzjoni. Barra minn hekk, jekk jitqies li dan it‑terminu ma japplikax, Corman sostniet li r‑Regolament Nru 2571/97, sa fejn jikkostitwixxi regola settorjali fis‑sens tat‑tieni sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95, kien jipprekludi l‑applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal fuq il‑bażi tal‑Artikolu 3(3) tal‑imsemmi regolament.

31      Il‑BIRB ikkunsidra, min‑naħa tiegħu, li l‑preskrizzjoni ma tistax tiġi invokata fil‑konfront tas‑sekwestri inkwistjoni sa fejn, skont l‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 2988/95, l‑Istati Membri għandhom il‑possibbiltà li japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ta’ dritt komuni, bħalma huwa, fil‑Belġju, it‑terminu ta’ tletin sena applikabbli qabel l‑1998 u dak ta’ għaxar snin attwalment applikabbli.

32      Kien f’dawn iċ‑ċirkustanzi li t‑Tribunal de première instance de Bruxelles iddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1.      Id‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament [...] Nru 2571/97 [...] jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu regoli settorjali Komunitarji li jidderogaw mill‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95 [...] u li jostakolaw l‑applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il‑preskrizzjoni?

2.      L‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 2988/95 [...] għandu jiġi interpretat bħala li huwa applikabbli biss għall‑każijiet fejn l‑irregolarità titwettaq mill‑benefiċjarju ta’ sussidju, filwaqt li r‑regola ġenerali tal‑preskrizzjoni ta’ 4 snin tapplika fil‑każijiet kollha ta’ irregolaritajiet imwettqa minn partijiet kontraenti mal‑benefiċjarju u dan fid‑dawl tat‑terminu massimu ta’ 4 snin applikabbli [għar‑responsabbiltà legali] tal‑partijiet kontraenti fil‑kuntest tal‑organizzazzjoni komuni tas‑suq tal‑ħalib u tal‑prodotti tal‑ħalib?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq l‑ewwel domanda

33      Permezz tal‑ewwel domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir‑Regolament Nru 2571/97 jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi regola settorjali li tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni fis‑sens tat‑tieni sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95. Fl‑affermattiv, din il‑qorti tistaqsi jekk l‑eżistenza ta’ tali regola settorjali ċċaħħadx lill‑Istati Membri mill‑possibbiltà, mogħtija lilhom mill‑Artikolu 3(3) ta’ dan ir‑regolament tal‑aħħar, li japplikaw terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst fl‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑regolament imsemmi.

34      Corman essenzjalment issostni li, meta adotta r‑Regolament Nru 2571/97, u dan minkejja li dan tal‑aħħar ma jistabbilixxix terminu ta’ preskrizzjoni preċiż applikabbli għal‑likwidazzjoni ta’ garanziji dwar l‑offerti u/jew għall‑ipproċessar, il‑leġiżlatur tal‑Unjoni kellu l‑intenzjoni li jagħmel applikabbli għall‑proċeduri ta’ sejħiet għal offerti rregolati mir‑regolament imsemmi r‑regola ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin prevista b’mod ġenerali fl‑ewwel sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95. B’hekk, ir‑Regolament Nru 2571/97 jikkostitwixxi regola settorjali li tipprekludi l‑possibbiltà għall‑Istati Membri li japplikaw f’dan is‑settur, fuq il‑bażi tal‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 2988/95, termini ta’ preskrizzjoni itwal minn erba’ snin.

35      Għall‑kuntrarju, il‑Gvern Belġjan u dak Awstrijak, kif ukoll il‑Kummissjoni, huma tal‑fehma li r‑Regolament Nru 2571/97 ma huwiex regola settorjali li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni iqsar fis‑sens tat‑tieni sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li r‑Regolament Nru 2571/97 jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni iqsar minn erba’ snin fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni, il‑Gvern Belġjan, dak Awstrijak u l‑Kummissjoni jsostnu li l‑eżistenza ta’ tali terminu ma tistax taffettwa l‑possibbiltà tal‑Istati Membri, taħt l‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 2988/95, li jistabbilixxu termini ta’ preskrizzjoni itwal.

36      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l‑Artikolu 1(1) tar‑Regolament Nru 2988/95 jintroduċi “regoli ġenerali fir‑rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l‑irregolaritajiet fir‑rigward tal‑liġi tal‑Komunità”, u dan sabiex, kif jirriżulta mit‑tielet premessa tar‑regolament imsemmi, “atti li huma ta’ ħsara għall‑interessi finanzjarji tal‑Komunità [tal‑Komunitajiet] [...] jiġu ribattuti fl‑oqsma kollha” (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, Ġabra p. I‑6171, punt 31).

37      Kif jirriżulta mill‑Artikolu 4(1) ta’ dan ir‑regolament, dawn il‑miżuri amministrattivi jistgħu jkunu, bħalma huwa l‑każ fil‑kawża prinċipali, l‑irtirar ta’ vantaġġ miksub b’mod indebitu permezz tat‑telf sħiħ jew parzjali tal‑garanzija mogħtija insostenn tat‑talba għal dan il‑vantaġġ.

38      L‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi, fil‑qasam tal‑proċeduri, terminu ta’ preskrizzjoni li japplika, b’mod partikolari, fir‑rigward ta’ tali miżuri amministrattivi u li jiddekorri minn meta ssir l‑irregolarità, li, skont l‑Artikolu 1(2) tal‑istess regolament, tkopri “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal‑liġi tal‑Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l‑effett li jippreġudika l‑budget ġenerali tal‑Komunità [Komunitajiet] [...]” (ara s‑sentenzi Handlbauer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 33, kif ukoll tad‑29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht‑, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, Ġabra p. I‑457, punti 21 u 22).

39      Meta adotta r‑Regolament Nru 2988/95, u b’mod partikolari l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tiegħu, il‑leġiżlatur tal‑Unjoni ddeċieda li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli f’dan il‑qasam u li permezz tagħha kellu l‑intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikabbli fl‑Istati Membri kollha u, min‑naħa l‑oħra, li jirrinunzja għall‑possibbiltà li jitressqu proċeduri kontra irregolarità li tippreġudika l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni Ewropea wara li jkun għadda perijodu ta’ erba’ snin minn meta sseħħ din l‑irregolarità (ara s‑sentenza Josef Vosding Schlacht‑, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

40      Minn dan jirriżulta li, mid‑data tad‑dħul fis‑seħħ tar‑Regolament Nru 2988/95, kull irregolarità li tippreġudika l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni tista’, bħala prinċipju u bl‑eċċezzjoni ta’ dawk is‑setturi fejn il‑leġiżlatur tal‑Unjoni stabbilixxa termini iqsar, tkun is‑suġġett ta’ proċeduri mressqa mill‑awtoritajiet kompetenti tal‑Istati Membri f’terminu ta’ erba’ snin (ara s‑sentenza Josef Vosding Schlacht‑, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

41      It‑tieni sentenza tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95 tirreferi għal regoli settorjali adottati fil‑livell tal‑Unjoni, kif tikkonferma l‑ħames premessa ta’ dan ir‑regolament, u mhux għal regoli settorjali nazzjonali (sentenza Josef Vosding Schlacht‑, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

42      Barra minn hekk, ir‑regola li tipprevedi preskrizzjoni ta’ erba’ snin, stabbilita fl‑ewwel sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95, regola li hija direttament applikabbli fl‑Istati Membri, tista’ tiġi mwarrba meta jkun hemm regola settorjali fis‑sens tat‑tieni sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑regolament imsemmi, u dan biss meta din ir‑regola settorjali tipprevedi terminu iqsar, iżda mhux iqsar minn tliet snin (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Handlbauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

43      F’dan ir‑rigward, huwa minnu li r‑Regolament Nru 2571/97 jipprevedi termini speċifiċi li japplikaw, skont il‑każ, fir‑rigward tal‑offerenti u tal‑offerenti li tiġi aċċettata l‑offerta tagħha fil‑kuntest tas‑sistema ta’ intervent favur il‑butir. B’hekk, skont l‑Artikolu 11 ta’ dan ir‑regolament, il‑prodotti li jissemmew fl‑Artikolu 1 tal‑istess regolament għandhom jintużaw u jiġu inkorporati f’terminu ta’ erba’ xhur wara x‑xahar tal‑iskadenza tat‑terminu għas‑sottomissjoni ta’ offerti u, skont l‑Artikolu 18(3) tal‑istess regolament, hija l‑offerenti li tiġi aċċettata l‑offerta tagħha li għandha tippreżenta, f’terminu ta’ tnax‑il xahar wara l‑iskadenza tat‑terminu previst fl‑imsemmi Artikolu 11, il‑provi meħtieġa sabiex jiġu rilaxxati l‑garanziji għall‑ipproċessar.

44      Madankollu, għandu jiġi osservat, kif għamlu l‑Gvern Belġjan, dak Awstrijak u l‑Kummissjoni, li dan ir‑regolament ma jipprevedi ebda regola ta’ preskrizzjoni tal‑proċeduri li tapplika għall‑aġenzija nazzjonali ta’ intervent meta, wara li tiġi osservata irregolarità, din tillikwida l‑garanziji mogħtija mill‑offerenti li tkun ġiet aċċettata l‑offerta tagħha.

45      Din il‑konstatazzjoni ma hijiex affettwata mill‑fatt li l‑Artikolu 29 tar‑Regolament Nru 2220/85, li japplika għas‑sistema ta’ intervent fis‑settur tal‑butir permezz tal‑Artikolu 27 tar‑Regolament Nru 2571/97, jipprovdi li, meta l‑awtorità kompetenti ssir taf b’ċirkustanzi li jwasslu sabiex tintilef garanzija, kompletament jew parzjalment, hija għandha tordna bla telf ta’ żmien lill‑parti kkonċernata sabiex tħallas l‑ammont tal‑garanzija mitlufa u li dan il‑ħlas għandu jitwettaq f’terminu massimu ta’ 30 jum minn dak li fih taslilha din l‑ordni.

46      Fil‑fatt, jekk jitqies li l‑imsemmi Artikolu 29 japplika fil‑kawża prinċipali, il‑fatt li, skont dan l‑artikolu, l‑awtorità kompetenti għandha taġixxi “bla telf ta’ żmien” ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li hija suġġetta għal terminu partikolari, għall‑kuntrarju ta’ dak li ssostni Corman.

47      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fir‑rigward ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, il‑leġiżlazzjoni applikabbli għas‑sistema ta’ intervent fis‑settur tal‑butir, minkejja li tista’ tikkostitwixxi regola settorjali fis‑sens tar‑Regolament Nru 2988/95, ma tistabbilixxix terminu ta’ preskrizzjoni iqsar minn erba’ snin fis‑sens tat‑tieni sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) ta’ dan ir‑regolament. Għaldaqstant, fil‑kuntest ta’ din il‑proċedura, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l‑kwistjoni ta’ jekk l‑eżistenza ta’ tali terminu tostakolax lill‑Istati Membri milli japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal taħt l‑Artikolu 3(3) tar‑regolament imsemmi.

48      Fil‑kawża prinċipali, il‑likwidazzjoni tal‑garanziji setgħet għalhekk tiġi preskritta, fin‑nuqqas ta’ att li jissospendi l‑preskrizzjoni, mal‑iskadenza ta’ perijodu ta’ erba’ snin li jiddekorri mit‑twettiq tal‑irregolarità, bil‑kundizzjoni madankollu li l‑Istat Membru fejn twettqu l‑irregolaritajiet ma jkunx uża l‑possibbiltà mogħtija lilu mill‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 2988/95 li jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni itwal (ara s‑sentenza Josef Vosding Schlacht‑, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

49      Fil‑fatt, skont din id‑dispożizzjoni, l‑Istati Membri jistgħu, minn naħa, jibqgħu japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal li jkunu diġà jeżistu fid‑data tal‑adozzjoni tar‑regolament imsemmi u, min‑naħa l‑oħra, jintroduċu regoli ta’ preskrizzjoni ġodda li jistabbilixxu tali termini wara din id‑data. Barra minn hekk, id‑dispożizzjoni msemmija ma tistax tiġi interpretata fis‑sens li, fil‑kuntest tagħha, l‑Istati Membri huma obbligati, meta jistabbilixxu termini ta’ preskrizzjoni itwal, li jagħmlu dan f’regoli speċifiċi u/jew settorjali, b’tali mod li dawn it‑termini jistgħu jirriżultaw anki minn dispożizzjonijiet tad‑dritt komuni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Josef Vosding Schlacht‑, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42, 46 u 47).

50      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir‑risposta li għandha tingħata għall‑ewwel domanda magħmula hija li, sa fejn ma jipprevedix regola ta’ preskrizzjoni tal‑proċeduri applikabbli għal‑likwidazzjoni ta’ garanziji mogħtija fil‑kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ sejħiet għal offerti fis‑settur tal‑butir, tal‑butir ikkonċentrat u tal‑krema, ir‑Regolament Nru 2571/97 ma jikkostitwixxix regola settorjali li tipprevedi “terminu iqsar” fis‑sens tat‑tieni sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2988/95. Għaldaqstant, it‑terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin stabbilit fl‑ewwel sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) ta’ dan ir‑regolament tal‑aħħar japplika għal tali likwidazzjoni, bla ħsara madankollu għall‑possibbiltà li għandhom l‑Istati Membri, taħt l‑Artikolu 3(3) tar‑regolament imsemmi, li jistabbilixxu termini ta’ preskrizzjoni itwal.

 Fuq it‑tieni domanda

51      Permezz tat‑tieni domadna tagħha, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda tistaqsi jekk it‑termini ta’ preskrizzjoni itwal li l‑Istati Membri għandhom il‑possibbiltà japplikaw taħt l‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 2988/95 jistgħux jikkonċernaw biss is‑sitwazzjonijiet fejn l‑irregolarità titwettaq mill‑benefiċjarju tal‑vantaġġ miksub indebitament għad‑detriment tal‑baġit tal‑Unjoni.

52      Fi kliem ieħor, din il‑qorti qiegħda tistaqsi dwar il‑kwistjoni jekk, fl‑eventwalità li l‑leġiżlazzjoni tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni partikolari applikabbli għall‑azzjonijiet mibdija mill‑benefiċjarju ta’ sistema ta’ intervent kontra l‑partijiet kontraenti tiegħu, l‑Istati Membri jżommux il‑possibbiltà li jistabbilixxu termini ta’ preskrizzjoni itwal, fis‑sens tal‑imsemmi Artikolu 3(3), f’sitwazzjonijiet fejn l‑irregolaritajiet ikunu twettqu mill‑imsemmija partijiet kontraenti.

53      Corman issostni li, sa fejn il‑leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi termini fir‑rigward tal‑produzzjoni tal‑provi meħtieġa sabiex jiġu rilaxxati ċerti garanziji, il‑BIRB kien imissu fittex li jipproċessa fil‑ħin l‑irregolaritajiet imwettqa fi stadju sussegwenti mill‑partijiet kontraenti ta’ din il‑kumpannija. Issa, meta aġixxa iktar minn erba’ snin wara t‑twettiq tal‑imsemmija irregolaritajiet, il‑BIRB għamilha impossibbli għal Corman li tirkupra l‑ammonti tal‑garanziji ssekwestrati mingħand il‑partijiet kontraenti tagħha, u dan minħabba li tali azzjoni taqa’ taħt it‑terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst mid‑dritt Belġjan fil‑qasam tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali. Barra minn hekk, sa fejn l‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 4045/89 jobbliga lill‑impriżi li jipparteċipaw f’azzjonijiet iffinanzjati mill‑Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) sabiex iżommu d‑dokumenti kummerċjali tagħhom għal perijodu ta’ tliet snin biss, huwa meħtieġ li l‑awtoritajiet nazzjonali ma jitħallewx jipproċedu fil‑konfront ta’ irregolaritajiet lil hinn minn dan il‑perijodu.

54      L‑ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fil‑kuntest tad‑deroga prevista fl‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 2988/95, l‑Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir‑rigward tal‑adozzjoni ta’ termini ta’ preskrizzjoni itwal li huma jkollhom l‑intenzjoni japplikaw f’każ ta’ irregolarità li tippreġudika l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni.

55      Fil‑fatt, ir‑Regolament Nru 2988/95 ma jipprevedi ebda mekkaniżmu ta’ informazzjoni jew ta’ notifika dwar l‑użu magħmul mill‑Istati Membri tal‑possibbiltà tagħhom li jipprevedu termini ta’ preskrizzjoni itwal, skont l‑Artikolu 3(3) tiegħu. B’hekk, ma hija prevista ebda forma ta’ kontroll fuq livell tal‑Unjoni la fir‑rigward tat‑termini ta’ preskrizzjoni derogatorji applikati mill‑Istati Membri taħt din id‑dispożizzjoni u lanqas fir‑rigward tas‑setturi fejn l‑Istati Membri jkunu ddeċidew li japplikaw tali termini (sentenza Josef Vosding Schlacht‑, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

56      It‑tieni nett, għall‑kuntrarju ta’ dak li ssostni Corman, l‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 4045/89 ma huwiex ta’ natura li jaffettwa tali konstatazzjoni. Fil‑fatt, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, filwaqt li tipprovdi li l‑impriżi għandhom iżommu ċerti dokumenti kummerċjali għal perijodu ta’ mill‑inqas tliet snin, din id‑dispożizzjoni tippreċiża li l‑Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perijodu itwal għaż‑żamma ta’ dawn id‑dokumenti. Min‑naħa l‑oħra, ma hemm xejn li jwaqqaf lil impriża diliġenti milli żżomm id‑dokumenti kummerċjali tagħha għal perijodu itwal minn dak li timponilha l‑leġiżlazzjoni fis‑seħħ.

57      Fl‑aħħar nett, sa fejn, skont l‑Artikolu 19(4) tar‑Regolament Nru 2571/97, “[i]d‑drittijiet u l‑obbligi li joħorġu rigward is‑sejħa għall‑offerti ma jistgħux jiġu ttrasferiti”, l‑offerenti li tintlaqa’ l‑offerta tagħha tibqa’ responsabbli għad‑destinazzjoni finali tal‑butir u għandha twieġeb għall‑aġir tal‑partijiet kontraenti tagħha u tax‑xerrejja sussegwenti (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 1985, Corman, 124/83, Ġabra p. 3777, punt 19).

58      B’hekk, skont l‑Artikolu 12(1)(ċ) tar‑Regolament Nru 2571/97, l‑offerenti li tintlaqa’ l‑offerta tagħha għandha tinkludi f’kull kuntratt ta’ bejgħ l‑obbligu ta’ inkorporazzjoni fil‑prodotti finali kif ukoll l‑obbligu li jiġu osservati, b’mod partikolari, id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 10 ta’ dan ir‑regolament u l‑impenn imsemmi fl‑Artikolu 3(b) tal‑istess regolament.

59      F’dan ir‑rigward, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà enfasizzat li offerenti diliġenti li tintlaqa’ l‑offerta tagħha tista’ tuża diversi metodi, bħar‑rekwiżit ta’ garanzija jew l‑inklużjoni ta’ klawżola ta’ kumpens fil‑kuntratt ta’ negozju jew fil‑kuntratt ta’ bejgħ, sabiex tevita li l‑partijiet kontraenti sussegwenti ma josservawx l‑obbligi tagħhom. Barra minn hekk, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà kkonstatat li l‑inklużjoni ta’ klawżola mill‑offerenti li tintlaqa’ l‑offerta tagħha fil‑kuntratt ta’ bejgħ bħala prekawzjoni ma hijiex l‑unika metodu possibbli sabiex din l‑offerenti tilqa’ għall‑eventwalità li x‑xerrejja sussegwenti ma josservawx l‑obbligi tagħhom (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 1985, Corman, 125/83, Ġabra p. 3039, punti 29 u 30).

60      Fi kwalunkwe każ, il‑kontroll li l‑offerenti li tintlaqa’ l‑offertà tagħha tista’ teżerċita sussegwentement fuq l‑osservanza ta’ dawn l‑obbligi isir fl‑interess tagħha biss u ma għandu ebda impatt fuq ir‑responsabbiltà tagħha fil‑konfront tal‑aġenzija tal‑bejgħ (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 1985, Corman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

61      Għaldaqstant, il‑fatt li, filwaqt li juża l‑possibbiltà mogħtija lilu mill‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 2988/95, Stat Membru jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst fl‑Artikolu 3(1) tal‑imsemmi regolament u jista’, għalhekk, jagħmilha iktar diffiċli għal offerenti li tkun intlaqgħet l‑offerta tagħha, bħal Corman, li ddur fuq il‑partijiet kontraenti tagħha fir‑rigward tal‑konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill‑irregolaritajiet imwettqa minn dawn tal‑aħħar f’ebda każ ma huwa ta’ natura li jillimita l‑possibbiltà msemmija.

62      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir‑risposta li għandha tingħata għat‑tieni domanda magħmula hija li, meta jipproċedu kontra irregolarità fis‑sens tal‑Artikolu 1 tar‑Regolament Nru 2988/95, l‑Istati Membri għandhom il‑possibbiltà li japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal fis‑sens tal‑Artikolu 3(3) ta’ dan ir‑regolament, inkluż, fil‑kuntest tar‑Regolament Nru 2571/97, f’sitwazzjonijiet fejn l‑irregolaritajiet li jkollha twieġeb għalihom l‑offerenti li tkun intlaqgħet l‑offerta tagħha jkunu twettqu mill‑partijiet kontraenti tagħha.

 Fuq l‑ispejjeż

63      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Sa fejn ma jipprevedix regola ta’ preskrizzjoni tal‑proċeduri applikabbli għal‑likwidazzjoni ta’ garanziji mogħtija fil‑kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ sejħiet għal offerti fis‑settur tal‑butir, tal‑butir ikkonċentrat u tal‑krema, ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2571/97, tal‑15 ta’ Diċembru 1997, dwar il‑bejgħ ta’ butir bi prezzijiet imnaqqsa u l‑konċessjoni ta’ għajnuna għall‑krema, il‑butir u l‑butir ikkonċentrat sabiex jintużaw fil‑fabbrikazzjoni tal‑prodotti tal‑pastiċċiera, il‑ġelat u oġġetti oħra ta’ ikel, ma jikkostitwixxix regola settorjali li tipprevedi “terminu iqsar” fis‑sens tat‑tieni sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat‑18 ta’ Diċembru 1995, dwar il‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Komunità Ewropea [tal‑Komunitajiet Ewropej]. Għaldaqstant, it‑terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin stabbilit fl‑ewwel sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) ta’ dan ir‑regolament tal‑aħħar japplika għal tali likwidazzjoni, bla ħsara madankollu għall‑possibbiltà li għandhom l‑Istati Membri, taħt l‑Artikolu 3(3) tar‑regolament imsemmi, li jistabbilixxu termini ta’ preskrizzjoni itwal.

2)      Meta jipproċedu kontra irregolarità fis‑sens tal‑Artikolu 1 tar‑Regolament Nru 2988/95, l‑Istati Membri għandhom il‑possibbiltà li japplikaw termini ta’ preskrizzjoni itwal fis‑sens tal‑Artikolu 3(3) ta’ dan ir‑regolament, inkluż, fil‑kuntest tar‑Regolament Nru 2571/97, f’sitwazzjonijiet fejn l‑irregolaritajiet li jkollha twieġeb għalihom l‑offerenti li tkun intlaqgħet l‑offerta tagħha jkunu twettqu mill‑partijiet kontraenti tagħha.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Franċiż.

Top