EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0087

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-9 ta' Ġunju 2011.
Electrosteel Europe SA vs Edil Centro SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale ordinario di Vicenza - l-Italja.
Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Ġurisdizzjoni speċjali - L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) - Qorti tal-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali li jifforma l-bażi tat-talba - Bejgħ ta’ merkanzija - Post ta’ kunsinna - Kuntratt li jinkludi l-klawżola ‘Għoti: ex works’.
Kawża C-87/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:375

Kawża C-87/10

Electrosteel Europe SA

vs

Edil Centro SpA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Vicenza)

“Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) — Qorti tal-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali li jifforma l-bażi tat-talba — Bejgħ ta’ merkanzija — Post ta’ kunsinna — Kuntratt li jinkludi l-klawżola ‘Għoti: ex works’”

Sommarju tas-sentenza

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2011 — Ġurisdizzjoni speċjali — Ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b)

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b))

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, il-post fejn kienet jew kellha tkun ikkunsinnata l-merkanzija skont il-kuntratt għandu jiġi ddeterminat abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt.

Sabiex jiġi eżaminat jekk dan il-post ta’ provvista huwiex ddeterminat “skond il-kuntratt”, il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-termini u l-klawżoli kollha rilevanti ta’ dan il-kuntratt li jistgħu jidentifikaw b’mod ċar dan il-post, inklużi t-termini u l-klawżoli ġeneralment rikonoxxuti u kkonstatati mill-użanzi tal-kummerċ internazzjonali, bħall-Incoterms (“international commercial terms”), imfassla mill-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali, fil-verżjoni tagħhom ippubblikata fl-2000.

Jekk ikun impossibbli li jiġi ddeterminat il-post ta’ provvista fuq din il-bażi, mingħajr ma jsir riferiment għad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt, dan il-post għandu jkun dak fejn isir l-għoti materjali tal-merkanzija li permezz tiegħu x-xerrej ikun kiseb jew kellu jikseb is-setgħa li effettivament jiddisponi minn din il-merkanzija fid-destinazzjoni finali tat-tranżazzjoni tal-bejgħ.

(ara l-punt 26 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni speċjali – L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) – Qorti tal-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali li jifforma l-bażi tat-talba – Bejgħ ta’ merkanzija – Post ta’ kunsinna – Kuntratt li jinkludi l-klawżola ‘Għoti: ex works’”

Fil-Kawża C‑87/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Vicenza (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Frar 2010, fil-proċedura

Electrosteel Europe SA

vs

Edil Centro SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u T. Von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Edil Centro SpA, minn R. Campese, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Bambara u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Electrosteel Europe SA (iktar ’il quddiem “Electrosteel”), stabbilita f’Arles (Franza) u Edil Centro SpA (itkar ’il quddiem “Edil Centro”), stabbilita fi Piovene Rocchette (l-Italja), dwar l‑eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament, li jagħmel parti mis-sezzjoni I tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

4        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament, inkluż fl-istess sezzjoni I, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

5        Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, inkluż fis-sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      a)     f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f'dak il-każ;

b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il‑kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

ċ)      jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a)”.

6        L-Artikolu 23(1) tar-Regolament, li jagħmel parti mis-sezzjoni 7 tal-imsemmi Kapitolu II tiegħu, intitolat “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, jipprovdi kif ġej:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta' Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandhu jkun jew:

a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

b)      f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

(ċ)       f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in‑negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.”

7        L-Artikolu 60(1) tar-Regolament, li jagħmel parti mill-Kapitolu V, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta’ persuni naturali jew ġuridika jkollha d-domiċilju fil-post fejn hi jkollha:

a)      is-sede statutorja, jew;

b)      iċ-ċentru amministrattiv, jew

ċ)      il-post prinċipali tan-negozju.”

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Mill-proċess li ġie pppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Edil Centro, li hija l-bejjiegħa, u Electrosteel, jiġifieri x-xerrejja, ikkonkludew kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija. Wara kawża marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, il‑bejjiegħa ressqet quddiem it-Tribunale ordinario di Vicenza talba intiża li x‑xerrejja tħallasha s-somma ta’ EUR 36 588.26 bħala ħlas tal-merkanzija akkwistata.

9        B’att ta’ oppożizzjoni, ix-xerrejja invokat, preliminarjament, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti Taljana li quddiemha tressqet it-talba, skont id‑dispożizzjonijiet tar-regolament. Insostenn ta’ din l-oppożizzjoni, ix-xerrejja sostniet li s-sede tagħha jinsab fi Franza u li, għalhekk, it-talba kellha titressaq quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru.

10      Min-naħa l-oħra, Edil Centro ssostni li l-kuntratt, li ġie konkluż fis-sede tagħha stess, li jinsab l-Italja, jinkludi l-klawżola “Resa: Franco ns. [nostra] sede” (“Għoti: ex works”) dwar il-post ta’ kunsinna tal-merkanzija u li, konsegwentement, il-qrati Taljani għandhom ġurisdizzjoni li jiddeċiedu dwar il‑kawża.

11      Edil Centro tirreferi għat-termini elaborati mill-Kamra tal-Kummmerċ Internazzjonali, li s-sede tagħha jinsab Pariġi, imsemmija “Incoterms” (“international commercial terms”), fil-verżjoni tagħhom ippubblikata fl-2000 (iktar ’il quddiem l-“Incoterms”), imfassla bl-Ingliż, li hija l-lingwa uffiċjali tagħhom, u ssostni li l-klawżola “Resa: Franco nostra sede” tikkorrispondi għat-terminu “Incoterm EXW” (“Ex Works”), punti A4 u B4 tiegħu, li kien jidentifika l-post tal-kunsinna tal-merkanzija.

12      Dawn il-punti tal-Incoterm “Ex Works” jipprovdu kif ġej:

“A4      Delivery

The seller must place the goods at the disposal of the buyer at the named place of delivery, not loaded on any collecting vehicle, on the date or within the period agreed or, if no such time is agreed, at the usual time for delivery of such goods. If no specific point has been agreed within the named place, and if there are several points available, the seller may select the point at the place of delivery which best suits his purpose.

B4      Taking delivery

The buyer must take delivery of the goods when they have been delivered in accordance with A4 […].”

13      Mill-proċess jirriżulta li l-merkanzija li hija s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni ġiet ikkunsinnata lix-xerrejja mingħand trasportatur li ħa responsabbiltà tal-merkanzija fl-Italja, fis-sede tal-bejjiegħa, u kkunsinnahom fi Franza, fis-sede tax-xerrejja.

14      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kunċett ta’ “post ta’ kunsinna” bħala “il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi”, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b), ta lok għal interpretazzjonijiet differenti fl-Italja, kemm min-naħa tal-qrati tal-mertu kif ukoll min-naħa tal-Corte suprema di cassazione.

15      Fid-dawl ta’ dawn l-interpretazzjonijiet differenti, it-Tribunale ordinario di Vicenza ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament [...], u, fi kwalunkwe każ, id-dritt Komunitarju, sa fejn dan jipprovdi li l-post tat-twettiq tal-obbligu, fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, huwa l-post fejn l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati skont il-kuntratt, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post tal-kunsinna, li huwa rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, huwa dak tad-destinazzjoni finali tal-oġġetti li huma s-suġġett tal-kuntratt jew dak fejn il‑bejjiegħ iwettaq l-obbligu tiegħu ta’ kunsinna, skont ir-regoli sostantivi applikabbli għall-każ partikolari, jew inkella, huwa possibbli li tingħata interpretazzjoni differenti tad-dispożizzjoni ċċitata?

 Fuq id-domanda preliminari

16      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-qorti tar-rinviju, tat is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Car Trim (C-381/08, Ġabra p. I‑1255), li fiha ddeċidiet, fil-punt 2 tad-dispożittiv tal-istess sentenza, li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, il-post fejn kienet jew kellha tkun ikkunsinnata l-merkanzija skont il-kuntratt għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il‑kuntratt. Jekk fuq din il-bażi huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-post tal-kunsinna, mingħajr ma ssir referenza għad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt, dan il-post huwa dak fejn fiżikament twasslet il-merkanzija li permezz tagħha x-xerrej kiseb jew kellu jikseb is-setgħa li jiddisponi effettivament minn din il-merkanzija fid-destinazzjoni finali tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ.

17      L-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Car Trim, iċċitata iktar ’il fuq, tapplika għall-kawża prinċipali u tagħti risposta kważi kompleta għad-domanda magħmula mit-Tribunale ordinario di Vicenza.

18      Il-kwistjoni li madankollu jonqos li tiġi kkjarifikata hija dik dwar kif għandha tiġi interpretata l-frażi “skond il-kuntratt” li tinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, b’mod partikolari, sa fejn huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini u l-klawżoli tal-kuntratt li ma jinkludux riferiment dirett u espliċitu tal-post ta’ provvista li jiddetermina l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar it-tilwim bejn il-partijiet.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament, ftehim li jikkonferixxi ġurisdizzjoni jista’ jiġi konkluż mhux biss bil-miktub jew verbalment b’konferma bil-miktub, iżda wkoll permezz ta’ forma li hija konformi mal-użanzi li stabbilixxew bejniethom il-partijiet jew, fil-kummerċ internazzjonali, taħt forma li hija konformi ma’ użanza li kellhom għarfien tagħha l-partijiet jew suppost kellhom għarfien tagħha u li hija magħrufa sew u osservata regolarment f’dan it-tip ta’ kummerċ mill-partijiet ta’ kuntratti tal-istess tip tal-qasam kummerċjali kkunsidrat.

20      Ma hemmx raġuni għalfejn jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jevita t‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali użanzi kummerċjali għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament u, b’mod partikolari, għad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

21      L-użanzi, b’mod partikolari jekk ikunu preċiżi u ppubblikati mill-organizzazzjonijiet professjonali rikonoxxuti u li jiġu segwiti b’mod sostanzjali fil-prattika mill-operaturi ekonomiċi, għandhom irwol importanti fir-regolamentazzjoni mhux statali tal-kummerċ internazzjonali. Huma jiffaċilitaw il‑kompiti ta’ dawn tal-aħħar fit-tfassil tal-kuntratt, peress li, bl-użu ta’ termini qosra u sempliċi, jistgħu jiddeterminaw parti kbira tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. L-Incoterms elaborati mill-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali, li jiddefinixxu u jikkodifikaw il-kontenut ta’ ċerti termini u ta’ ċerti klawżoli li jintużaw ta’ sikwit fil-kummerċ internazzjonali, għandhom rikonoxximent u użu prattiku partikolarment għoli.

22      Għalhekk, fil-kuntest tal-eżami ta’ kuntratt, sabiex jiġi ddeterminat il-post ta’ provvista fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-termini u l-klawżoli kollha rilevanti ta’ dan il-kuntratt, inkluż, skont il-każ, it-termini u l-klawżoli ġeneralment rikonoxxuti u kkonstatati permezz tal-użanzi fil-kummerċ internazzjonali, bħal “Incoterms”, sa fejn huma ta’ natura li jippermettu li jiġi identifikat, b’mod ċar, dan il-post.

23      Meta l-kuntratt inkwistjoni jinkludi tali termini jew klawżoli, jista’ jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk dawn humiex kundizzjonijiet li jistabbilixxu biss il-kundizzjonijiet dwar it-tqassim tar-riskju marbut mat-trasport tal-merkanzija jew mat-tqassim tal-ispejjeż bejn il-partijiet kontraenti jew inkella jekk jirreferux ukoll għall-post ta’ provvista tal-merkanzija. Fir-rigward tal-Incoterm “Ex Works”, li hija invokata fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-klawżola tinkludi mhux biss id-dispożizzjonijiet tal-punti A5 u B5, intitolati “Transfer of risks”, li jikkonċernaw it-trasferiment tar-riskji, kif ukoll dawk tal-punti A6 u B6, intitolati “Division of costs”, li jikkonċernaw it-tqassim tal-ispejjeż, iżda wkoll, b’mod distint, id-dispożizzjonijiet tal-punti A4 u B4, intitolati “Delivery” u “Taking delivery” rispettivament li jirreferu għall-istess post u għalhekk jippermettu li jidentifikaw il-post tal-kunsinna tal-merkanzija.

24      Min-naħa l-oħra, meta l-merkanzija li tkun is-suġġett tal-kuntratt sempliċement tgħaddi mit-territorju ta’ Stat Membru li huwa terz kemm fir-rigward tad-domiċilju tal-partijiet kif ukoll tal-post tat-tluq jew tad-destinazzjoni tal-merkanzija, għandu jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk il-post inkluż fil-kuntratt, li jinsab fit-territorju ta’ tali Stat Membru, sempliċement iservix sabiex jaqsam l-ispejjeż u r-riskji marbuta mat-trasport tal-merkanzija jew inkella jekk jikkostitwixxix ukoll il-post ta’ provvista tagħha.

25      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-klawżola “Resa: Franco [nostra] sede”, inkluża fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkorrispondix għall-Incoterm “Ex Works”, punti A4 u B4, jew inkella għal klawżola oħra jew użanza oħra li tintuża abitwalment fil-kummerċ u li hija adatta sabiex tidentifika, b’mod ċar, mingħajr ma jkun neċessarju li jsir rikors għad-dritt materjali applikabbli għall-kuntratt, il-post ta’ provvista ta’ merkanzija skont dan il-kuntratt.

26      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, il-post fejn kienet jew kellha tkun ikkunsinnata l-merkanzija skont il-kuntratt għandu jiġi ddeterminat abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt. Sabiex jiġi eżaminat jekk dan il-post ta’ provvista huwiex iddeterminat “skond il-kuntratt”, il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża għandha tieħu inkunsiderazzjoni t‑termini u l-klawżoli rilevanti kollha ta’ dan il-kuntratt li jistgħu jidentifikaw b’mod ċar dan il-post, inklużi t-termini u l-klawżoli ġeneralment rikonoxxuti u kkonstatati mill-użanzi tal-kummerċ internazzjonali, bħall-“Incoterms” (“international commercial terms”), imfassla mill-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali ta’ Pariġi, fil-verżjoni tagħhom ippubblikata fl-2000. Jekk huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-post ta’ provvista fuq din il-bażi, mingħajr ma jsir riferiment għad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt, dan il-post għandu jkun dak fejn isir l-għoti materjali tal-merkanzija li permezz tiegħu x-xerrej kiseb jew kellu jikseb is-setgħa li effettivament jiddisponi minn din il-merkanzija fid-destinazzjoni finali tat-tranżazzjoni tal-bejgħ.

 Fuq l-ispejjeż

27      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, il-post fejn kienet jew kellha tkun ikkunsinnata l-merkanzija skont il-kuntratt għandu jiġi ddeterminat abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt.

Sabiex jiġi eżaminat jekk dan il-post ta’ provvista huwiex ddeterminat “skond il-kuntratt”, il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-termini u l-klawżoli rilevanti kollha ta’ dan il‑kuntratt li jistgħu jidentifikaw b’mod ċar dan il-post, inklużi t-termini u l‑klawżoli ġeneralment rikonoxxuti u kkonstatati mill-użanzi tal-kummerċ internazzjonali, bħall-“Incoterms” (“international commercial terms”), imfassla mill-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali ta’ Pariġi, fil-verżjoni tagħhom ippubblikata fl-2000.

Jekk huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-post ta’ provvista fuq din il-bażi, mingħajr ma jsir riferiment għad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt, dan il-post għandu jkun dak fejn fejn isir l-għoti materjali tal-merkanzija li permezz tiegħu x-xerrej kiseb jew kellu jikseb is-setgħa li effettivament jiddisponi minn din il-merkanzija fid-destinazzjoni finali tat-tranżazzjoni tal-bejgħ.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top