Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0040

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Novembru 2010.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament – Regolament (UE, Euratom) Nru 1296/2009 – Adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni Ewropea – Metodu ta’ adattament – Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikoli 1 u 3 sa 7 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal – Klawżola ta’ eċċezzjoni – Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal – Setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill – Adattament diverġenti minn dak propost mill-Kummissjoni – Klawżola ta’ reviżjoni li tippermetti l-adattament intermedju tar-remunerazzjonijiet.
    Kawża C-40/10.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-12043

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:713

    Kawża C-40/10

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    “Rikors għal annullament — Regolament (UE, Euratom) Nru 1296/2009 — Adattament annwali tar-remunerazjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni Ewropea — Metodu ta’ adattament — Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikoli 1 u 3 sa 7 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal — Klawżola ta’ eċċezzjoni — Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal — Setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill — Adattament diverġenti minn dak propost mill-Kummissjoni — Klawżola ta’ reviżjoni li tippermetti l-adattament intermedju tar-remunerazzjonijiet”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Uffiċjali — Remunerazzjoni — Adattament annwali — Setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill — Limiti — Osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 65; Anness XI, Artikolu 3)

    2.        Uffiċjali — Remunerazzjoni — Adattament annwali — Setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriżi ekonomika gravi — Kundizzjonijiet

    (Artikolu 13(2) TUE; Artikolu 241 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Anness XI, Artikoli 3 u 10)

    3.        Uffiċjali — Remunerazzjoni — Eżami annwali u adattament — Regoli stabbiliti mill-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 65(1) u (2); Anness XI, Artikoli 1 sa 7)

    4.        Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill li jadatta r-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali tal-Unjoni — Żamma fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet annwali sad-dħul fis-seħħ ta’ regolament ġdid

    (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE)

    1.        Għalkemm l-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti jikkonferixxi setgħa diskrezzjonali lill-Kunsill fil-kuntest tal-eżami annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet, il-mod ta’ applikazzjoni tagħhom huwa ddefinit fl-Anness XI tar-Regolamenti, bl-istess valur legali bħalu, fejn l-Artikolu 3 tiegħu jiddefinixxi b’mod eżawrjenti l-kriterji li jirregolaw l-adattament annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet.

    Il-qafas li jsemmi l-imsemmi Artikolu 3 huwa ġġustifikat b’mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet li jikkonsistu fl-assigurazzjoni ta’ ċerta stabbiltà fuq terminu medju u sabiex jiġu evitati diskussjonijiet u diffikultajiet rikorrenti, b’mod partikolari bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal u l-istituzzjonijiet interessati rigward il-kwistjoni dwar sa fejn adattament huwa ġġustifikat jew neċessarju. Sabiex l-imsemmija għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu, huwa neċessarju li l-Kunsill jikkonforma ruħu mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti, anness li permezz tiegħu il-Kunsill intrabat, għat-tul tal-validità tiegħu, li jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali li jagħtih l-Artikolu 65 tar-Regolamenti fl-osservanza tal-kriterji stabbiliti b’mod eżawrjenti mill-Artikolu 3 ċċitat iktar ’il fuq.

    (ara l-punti 55-58, 68, 71)

    2.        Sakemm idum japplika l-Anness XI tar-Regolamenti, il-proċedura prevista fl-Artikolu 10 tiegħu tikkostitwixxi l-unika possibbiltà li jittieħed kont ta’ kriżi ekonomika fil-kuntest tal-adattament tar-remunerazzjonijiet u, konsegwentment, li tiġi miċħuda l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi anness.

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata bil-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tiddependi minn proposta tal-Kummissjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, espliċitament stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE, kif ukoll il-possibbiltà għall-Kunsill li jitlob lill-Kummissjoni tippreżentalu proposti, stabbilita fl-Artikolu 241 TFUE, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 10 jikkostitwixxi sempliċi fakultà għal din l-istituzzjoni.

    (ara l-punti 77-80)

    3.        Xejn, la fl-Artikolu 65 tar-Regolamenti u lanqas fl-Anness XI tar-Regolamenti, ma jipprovdi l-possibbiltà għall-Kunsill li jadotta, fil-kuntest tal-eżami annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet, regoli ġodda li jippermettu r-reviżjoni ta’ dan il-livell u lanqas li r-remunerazzjonijiet jiġu adattati barra mill-adattament annwali skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti u l-Artikolu 1 sa 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti.

    (ara l-punt 92)

    4.        Ir-riskju ta’ nuqqas ta’ kontinwità fis-sistema tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali tal-Unjoni li jista’ jipprovoka l-annullament ta’ regolamenti li jopera l-adattament annwali tal-imsemmija remunerazzjonijiet jiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika t-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u li jinżammu l-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati sal-adozzjoni mill-Kunsill ta’ regolament ġdid li jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-annullament deċiż.

    (ara l-punt 95)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    24 ta’ Novembru 2010 (*)

    “Rikors għal annullament – Regolament (UE, Euratom) Nru 1296/2009 – Adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni Ewropea – Metodu ta’ adattament – Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikoli 1 u 3 sa 7 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal – Klawżola ta’ eċċezzjoni – Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal – Setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill – Adattament diverġenti minn dak propost mill-Kummissjoni – Klawżola ta’ reviżjoni li tippermetti l-adattament intermedju tar-remunerazzjonijiet”

    Fil-Kawża C‑40/10,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2010,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall, G. Berscheid u J.-P. Keppenne, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    sostnuta minn:

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Seyr u A. Neergaard, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer, bħala aġent, assistit minn D. Waelbroeck, avukat,

    konvenut,

    sostnut minn:

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u B. Klein, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn A. Samoni-Rantou u S. Chala, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u R. Krasuckaitė, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, bħala aġent,

    Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Szpunar, bħala aġent,

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer u L. Seeboruth, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2010,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1296/2009, tat-23 ta’ Diċembru 2009, li jaġġusta b’effett mill-1 ta’ Lulju 2009 ir-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi applikati għalihom (ĠU L 348, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), peress li dan ir-regolament jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll is-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1) hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”), u tal-Artikoli 1 u 3 sa 7 tal-Anness XI tal-imsemmija Regolamenti, sa fejn, minn naħa, jagħmel adattament żbaljat tad-diversi ammonti previsti mir-Regolamenti u, min-naħa l-oħra, jipprovdi għal bażi legali ġdida li tippermetti reviżjoni tar-regolament ikkontestat.

     Il-kuntest ġuridiku

     Ir-Regolamenti

    2        L-Artikolu 65 tar-Regolamenti jipprovdi:

    “1. Il-Kunsill għandu kull sena jirrevedi r-remunerazzjonijiet ta’ l-uffiċjali u mpjegati oħra tal-Komunitajiet. Din ir-reviżjoni għandha ssir f’Settembru minħabba r-rapport konġunt tal-Kummissjoni bbażat fuq indiċi konġunt ippreparat mill-Uffiċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej bi ftehim ma’ l-uffiċċji ta’ l-Istatistika nazzjonali ta’ l-Istati Membri; l-indiċi għandu jirrifletti s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Lulju ta’ kull wieħed mill-pajjiżi tal-Komunitajiet.

    Matul din ir-reviżjoni l-Kunsill għandu jikkunsidra jekk, bħala parti mill-politika ekonomika u soċjali tal-Komunitajiet, ir-remunerazzjoni għandha tkun aġġustata. Kunsiderazzjoni partikolari għandha tingħata għal xi żidiet fil-pagi tas-servizz pubbliku u l-ħtiġiet tar-reklutaġġ.

    2. Fil-każ ta’ bidla sostanzjali fl-għoli tal-ħajja, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fi żmien xahrejn, x’aġġustamenti għandhom isiru għall-peżati u jekk ikun il-każ japplikawhom b’lura.

    3. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni kif provdut fl-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 148(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u 118(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika”.

    3        Skont l-Artikolu 82(2) tar-Regolamenti, meta l-Kunsill jiddeċiedi adattament tar-remunerazzjonijiet skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti l-istess adattament japplika għall-pensjonijiet.

    4        Skont l-Artikolu 65a tar-Regolamenti, ir-regoli għall-implementazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 jinsabu fl-Anness XI.

    5        Dan l-Anness XI bit-titolu “Regoli biex ikunu implimentati l-Artikolu 64 u 65 tar-regolamenti tal-persunal”, jinkludi diversi Kapitoli, li l-ewwel wieħed minnhom, magħmul mill-Artikoli 1 sa 3, għandu bħala suġġett ir-reviżjoni annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet previst fl-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti, filwaqt li t-tieni wieħed huwa dwar l-adattamenti intermedji tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet skont l-Artikolu 65(2) tar-Regolamenti. Dan il-Kapitolu 2 huwa magħmul mill-Artikoli 4 sa 7.

    6        Il-Kapitolu 1 tal-Anness XI tar-Regolamenti jinkludi t-Taqsima 1, bit-titolu “Il-fatturi li jistabbilixxu l-aġġustamenti ta’ kull sena”. L-Artikolu 1 li jinsab fl-imsemmija taqsima jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li “Għall-iskopijiet tar-reviżjoni pprovduta fl-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Eurostat għandha kull sena tħejji rapport qabel l-aħħar ta’ Ottubru dwar il-bidliet fl-għoli tal-ħajja fi Brussel, il-partijiet ekonomiċi bejn Brussel u ċerti postijiet fl-Istati Membri, u l-bidliet fil-kapaċità ta’ l-akkwist tas-salarji tas-servizzi nazzjonali taċ-ċivil tal-gvern ċentrali”. Il-paragrafi 2 sa 4 tal-imsemmi artikolu jinkludu preċiżazzjonijiet li jikkonċernaw il-proċedura li għandu jsegwi l-Eurostat, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, sabiex tiġi kkalkolata l-evoluzzjoni tal-għoli tal-ħajja fi Brussell (indiċi internazzjonali ta’ Brussell), l-evoluzzjoni tal-għoli tal-ħajja barra minn Brussell (paritajiet ekonomiċi u indiċi impliċiti) kif ukoll l-evoluzzjoni tal-kapaċità ta’ akkwist tal-pagi tal-uffiċjali nazzjonali tal-amministrazzjonijiet ċentrali tat-tmien Stati Membri (indikaturi speċifiċi).

    7        Skont it-termini tal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti li jinsab taħt it-Taqsima 2 dwar “Arranġamenti għall-aġġustamenti ta’ kull sena tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet”:

    “Taħt l-Artikolu 65(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi tal-kriterji ppreżentati fl-Ewwel Taqsima ta’ dan l-Anness, għandu jieħu deċiżjoni qabel l-aħħar ta’ kull sena, u jaġġusta r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet, b’effett mill-1 ta’ Lulju.

    2. L-ammont ta’ l-aġġustament għandu jinkiseb billi l-Indiċi Internazzjonali ta’ Brussel ikun immoltiplikat bl-indikatur speċifiku. L-aġġustament għandu jkun f’termini netti bħala persentaġġ uniformi fuqhom kollha.

    3. L-ammont ta’ l-aġġustament stabbilit hekk, għandu jiddaħħal fit-tabelli ta-salarji bażiċi li jidhru fl-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Anness tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikoli 20, 63, u 93 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impieg ta’ ħaddiema oħra:

    [...]

    6. L-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu l-aġġustament li jikkorrospondi posittiv jew negattiv tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet ta’ l-uffiċjali, ta’ dawk li qabel kienu uffiċjali u persuni oħra kkonċernati b’effett b’lura għall-perjodu bejn id-data effettiva u d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni dwar l-aġġustament li jmiss.

    Jekk dan l-aġġustament b’effett b’lura jkun jeħtieġ l-irkuprar ta’ somom li tħallsu żejda, it-tali rkuprar jista' jitqassam fuq perjodu ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni dwar l-aġġustament li jmiss ta’ kull sena”.

    8        Skont l-Artikolu 4(1) tal-Anness XI tar-Regolamenti, “Aġġustamenti intermedji tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet skond l-Artikolu 65(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar, għandhom isiru fil-każ ta’ bidla sotanzjali fl-għoli tal-ħajja bejn Ġunju u Diċembru [...] u konċessjoni dovuta ssir għat-tbasir tal-bidla fil-kapaċità ta’ l-akkwist matul il-perjodu kurrent ta’ kull sena tar-riferenza”.

    9        Il-Kapitolu 5 tal-Anness XI tar-Regolamenti huwa intitolat “Klawżola ta’ eċċezzjoni”. Huwa kompost mill-Artikolu 10 li jipprovdi:

    “Jekk ikun hemm deterjorament serju u bla mistenni fis-sitwazzjoni ekonomka u soċjali ġewwa l-Komunità, eżaminata fuq bażi ta’ data oġġettiva pprovduta [għal] dan l-iskop mill-Kummissjoni, ta’ l-aħħar għandha tibgħat proposti xierqa li fuqhom il-Kunsill jista’ jaġixxi skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 283 tat-Trattat tal-KE”.

    10      Il-Kapitolu 7 tal-imsemmi anness, intitolat “Disposizzjoni finali u l-klawżola tar-reviżjoni”, jinkludi l-Artikolu 15 li jipprovdi:

    “1. Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandhom jgħoddu mill-1 ta’ Lulju 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    2. Għandhom ikunu riveduti fl-aħħar tar-raba’ sena, b’mod partikolari minħabba l-implikazzjonijiet tagħhom fuq l-estimi. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, fejn ikun il-każ, proposta biex ikun emendat dan l-Anness fuq bażi ta’ l-Artikolu 283 tat-Trattat tal-KE”.

     Ir-regolament ikkontestat

    11      Sabiex il-Kunsill jiddeċiedi, skont l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti, qabel it-tmiem tas-sena 2009, dwar l-adattament tal-pagi u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kummissjoni ppreżentat, fid-29 ta’ Ottubru 2009, il-proposta COM(2009) 603 finali.

    12      Fid-19 ta’ Novembru 2009, ġiet ippreżentata proposta emendata tar-regolament [COM(2009) 629 finali] wara l-korrezzjonijiet li saru minn żewġ Stati Membri dwar id-data statistika tagħhom dwar il-perijodu ta’ referenza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-evoluzzjoni tal-kapaċità ta’ akkwist, imsemmija fl-Artikolu 1(4)(a) tal-Anness XI tar-Regolamenti.

    13      Skont il-punt 3.1 tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta, l-indikatur speċifiku kien ugwali għal 2.8 %, l-indiċi internazzjonali ta’ Brussell għal 0.9 % u l-adattament propost tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet fil-Belġju u fil-Lussemburgu għal 3.7 % li jikkorrispondi għar-riżultat taż-żewġ elementi msemmija iktar ’il fuq. Għall-ammonti kollha elenkati fil-proposta tar-Regolament, ġiet applikata r-rata ta’ adattament ta’ 3.7 %.

    14      Ir-regolament ikkontestat jinkludi biss parzjalment il-proposta tal-Kummissjoni.

    15      Skont il-premessa 1 tiegħu, li tuża l-istess termini li jinsabu fl-unika premessa ta’ din il-proposta, “[s]abiex jiggarantixxi li l-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra tal-Unjoni jiżviluppa b’mod parallel ma’ dak tal-impjegati taċ-ċivil nazzjonali tal-Istati Membri, ir-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-ħaddiema l-oħra tal-Unjoni għandhom jiġu aġġustati skont ir-reviżjoni annwali tas-sena 2009”.

    16      Il-premessa 2 tar-regolament ikkontestat, miżjuda mill-Kunsill tipprovdi li “[l]-aġġustament tar-rimunerazzjoni u tal-pensjonijiet proposti mill-Kummissjoni għandu jinbidel fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u bħala parti mill-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni għandha tiġi riveduta meta jkun il-każ”.

    17      L-Artikoli 2 u 4 sa 17 tar-regolament ikkontestat jindikaw l-ammonti l-ġodda tar-remunerazzjonijiet adottati mill-Kunsill skont rata ta’ adattament ta’ 1.85 %, liema ammonti bidlu dawk proposti mill-Kummissjoni skont rata ta’ adattament ta’ 3.7 %.

    18      Skont l-Artikolu 18 tar-regolament ikkontestat, li ma għandux ekwivalenti fil-proposta tal-Kummissjoni:

    “Dan ir-Regolament għandu, meta jkun meħtieġ, jiġi rivedut u għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha, meta jkun il-każ, tippreżenta proposta, għall-emendament ta’ dan ir-Regolament, li dwarha l-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata”.

     It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    19      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tannulla r-regolament ikkontestat, minbarra l-Artikoli 1, 3 u 19 tiegħu, filwaqt li żżomm l-effetti tiegħu sal-adozzjoni mill-Kunsill ta’ regolament ġdid li japplika b’mod korrett l-Artikolu 64 u 65 tar-Regolamenti kif ukoll l-Anness XI tiegħu, u

    –        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    20      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors bħala infondat; u

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    21      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2010, il-Parlament tħalla jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    22      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 2010, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

    23      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 2010, it-talba għal intervent imressqa mill-Union Syndicale Luxembourg ġiet miċħuda, minħabba li, skont it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Union Syndicale Luxembourg, bħala persuna ġuridika taħt id-dritt Lussemburgiż, ma għandhiex dritt tintervjeni f’din il-kawża.

    24      It-talba tal-Kummissjoni sabiex il-kawża tiġi sottomessa għal proċedura mħaffa ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2010.

     Fuq ir-rikors

    25      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ motivi, ibbażati fuq il-ksur tar-Regolamenti u tal-Anness XI tagħhom, minn naħa, u tal-Artikoli 2 u 4 sa 17 tar-regolament ikkontestat u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament.

     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti kif ukoll tal-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti

     L-argumenti tal-partijiet

    26      Permezz tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill għamel adattament żbaljat tal-ammonti differenti tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet previsti mir-Regolamenti u s-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra billi bidlet l-ammonti proposti mill-Kummissjoni skont rata ta’ adattament ta’ 3.7 % b’ammonti li japplikaw rata ta’ 1.85 %.

    27      Ir-rata ta’ adattament ta’ 1.85 %, li tammonta eżattament għal nofs ir-rata kkalkolata mill-Kummissjoni, ma tistax tirriżulta mill-applikazzjoni tal-fatturi stabbiliti mill-Artikoli 1 u 3 tal-AnnessXI tar-Regolamenti. Ġiet stabbilita b’mod fiss skont kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar is-sitwazzjoni ekonomika li kienet teżisti fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

    28      Issa, il-proċedura prevista fl-Artikolu 65 tar-Regolamenti kif ukoll fl-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tistabilixxi metodu ta’ adattament awtomatiku li ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kunsill, sakemm ma jikkontestax iċ-ċifri ppreżentati. L-adattament annwali tar-remunerazzjonijiet ma jikkostitwixxix att leġiżlattiv, iżda unikament miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ natura iktar amministrattiva milli normativa.

    29      Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti jirriżulta li l-Kunsill għandu biss kompetenza limitata f’dan il-qasam. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, l-Artikolu 65 tar-Regolamenti ma jistax jipprevali fuq dan l-Artikolu 3, peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom l-istess livell fil-ġerarkija tal-liġijiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti huwa inutli jekk l-Artikolu 3 ta’ dan l-anness jikkonferixxi lill-Kunsill marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilu li jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-elementi stabbiliti f’dan l-Artikolu 3, elementi esterni għall-perijodu ta’ referenza, bħas-sitwazzjoni ekonomika jew finanzjarja li tkun teżisti fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet.

    30      Il-fatt li l-Kunsill jinsab f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet huwa kkonfermat ukoll bis-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (81/72, Ġabra p. 575, punti 9 u 10), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (59/81, Ġabra p. 3329, punti 23 sa 25), mogħtija fir-rigward ta’ proposta ta’ verżjonijiet preċedenti tal-metodu ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet, li kienu jipprovdu qafas legali iktar strett u inqas dettaljat minn dak li jirriżulta mill-attwali Anness XI tar-Regolamenti.

    31      Il-Kummissjoni tenfasizza li n-natura awtomatika tal-metodu ta’ adattament stabbilit fl-Anness XI tar-Regolamenti tirriżulta mill-volontà tal-Kunsill stess, li kien aċċetta fir-Regolament Nru 723/2004, il-metodu li kienet ipproponietlu l-Kummissjoni, sabiex tinħoloq ċerta stabbiltà fi żmien medju u minħabba l-preżenza ta’ diversi elementi li jirrappreżentaw kontroparti għall-Kunsill. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssemmi l-introduzzjoni ta’ “trasferiment speċjali”, li jaffettwa r-remunerazzjonijiet imħallsa mill-Unjoni, u ż-żieda tal-ħlas għas-sistema tal-pensjonijiet, miżuri li għandhom l-effett li jnaqqsu l-progress fis-salarji. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-metodu ta’ adattament annwali previst fl-Anness XI tar-Regolamenti jista’ jwassal kemm għal riżultati negattivi kif ukoll għal riżultati pożittivi. Fid-dawl ta’ dawn l-aspetti, il-Kunsill, billi aċċetta dan il-metodu, ikkonsenta li jintrabat, bħala prinċipju, għat-tul tal-validità tal-Anness XI tar-Regolamenti, jiġifieri tmien snin, li josserva l-kundizzjonijiet li jipprovdi dan l-anness.

    32      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti huwa l-unika dispożizzjoni li tippermetti li jittieħed kont ta’ deterjorazzjoni mhux mistennija tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali. Madankollu, dan l-artikolu ma ġiex applikat f’dan il-każ.

    33      Il-Kunsill ma setax jibdel il-proposta tal-Kummissjoni li saret skont l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti fi proposta li għandha bħala bażi ġuridika l-imsemmi Artikolu 10, artikolu li jagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Kummissjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk proposta skont din id-dispożizzjoni hijiex neċessarja. Barra minn hekk, il-Kunsill ma bagħatx invit formali lill-Kummissjoni sabiex jitlob il-preżentazzjoni ta’ proposta bbażata fuq l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti. Barra minn hekk, anki l-preżentazzjoni ta’ tali proposta mill-Kummissjoni setgħet biss tikkonċerna l-emendi futuri tar-Regolamenti u ma setgħetx tiddispensa lill-Kunsill, li kien f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata, mill-obbligu tiegħu li jeżerċita l-kompetenza prevista fl-Artikolu 3(1) ta’ dan l-anness qabel it-tmiem tas-sena 2009 għall-adattament tar-remunerazzjonijiet bażi u tal-pensjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2009.

    34      Barra minn hekk, fid-dawl tar-riferiment, fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti, għall-Artikolu 283 KE, li sar l-Artikolu 336 TFUE, emenda tal-metodu ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, tista’ ssir biss mill-Parlament u mill-Kunsill li jaġixxu skont proċedura leġiżlattiva ordinarja. Allegata urġenza ma tistax tippermetti lill-Kunsill ma jirrispettax dawn l-eżiġenzi. Billi ma pprevediex, fir-Regolament Nru 723/2004, il-possibbiltà li jieħu tal-anqas miżuri provviżorji, il-Kunsill konxjament aċċetta d-“dewmien” tal-applikazzjoni tal-klawżola ta’ eċċezzjoni.

    35      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li d-differenza fiż-żmien tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kwalunwke evoluzzjoni finanzjarja, kemm negattiva kif ukoll pożittiva, hija inerenti għall-metodu previst fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti. Għalhekk, il-kriżi ekonomika għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju tal-2010, sa fejn l-Istati Membri ta’ referenza jkunu integraw, f’Lulju 2009 u f’Ġunju 2010, il-konsegwenzi ta’ din il-kriżi fil-livell tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali nazzjonali rispettivi. L-applikazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ dan l-anness, għandha, konsegwentement tibqa’ riżervata għal sitwazzjonijiet vera eċċezzjonali u mhux mistennija.

    36      Madankollu, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evitat nuqqas ta’ kontinwità fis-sistema tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet, li tuża t-tieni sentenza tal-Artikolu 263 TFUE b’mod li dawn id-dispożizzjonijiet annullati jkomplu jipproduċu l-effetti tagħhom sal-mument meta l-Kunsill jadotta, skont is-sentenza li għandha tingħata, regolament ġdid, skont il-proposta tal-Kummissjoni li japplika mill-1 ta’ Lulju 2009.

    37      Il-Parlament isostni l-motivi u t-talbiet kollha tal-Kummissjoni. Huwa jenfasizza b’mod partikolari li, billi adotta l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti, il-Kunsill stabbilixxa minn qabel ir-regoli dwar l-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu skont l-Artikolu 65 tar-Regolamenti, b’mod li d-deċiżjoni li tikkonċerna l-adattamenti annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet taqa’ biss taħt l-implementazzjoni tar-regoli u tal-kriterji deċiżi fl-imsemmi Anness XI. L-Artikolu 65(3) tar-Regolamenti għandu, għalhekk, jiġi interpretat bħala dispożizzjoni li tagħti lill-Kunsill sempliċi kompetenza ta’ eżekuzzjoni fir-rigward ta’ dan l-adattament annwali. Ir-rikors għall-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti jippresupponi inizjattiva tal-Kummissjoni u l-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont l-Artikolu 336 TFUE. Issa, din il-proċedura ma ġietx segwita f’dan il-każ.

    38      Min-naħa l-oħra, il-Kunsill jikkunsidra li, fid-dawl tat-termini u l-ekonomija ġenerali tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti u tal-Anness XI tiegħu, huwa xorta għandu marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-adattamenti annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet, anki jekk ma jikkontestax il-fatt li l-kalkolu tal-adattament annwali ppreżentat mill-Kummissjoni kien sar b’mod korrett skont l-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness XI. Billi jibbaża ruħu fuq it-terminu “partikolari” li jinsab fl-imsemmi Artikolu 65(1), il-Kunsill isostni li l-Anness XI tar-Regolamenti jiddefinixxi r-regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati matul l-eżami tal-livell tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet, iżda li dan l-anness ma jippreġudikax il-possibbiltà li jieħu inkunsiderazzjoni kriterji oħra.

    39      Anki jekk, meta adotta l-Anness XI tar-Regolamenti, il-Kunsill kien ta l-kunsens tiegħu li jintrabat, bħala prinċipju, għat-tul tal-validità ta’ dan l-anness, sabiex josserva l-kundizzjonijiet li dan jipprovdi, huwa ma abbandunax kompletament il-marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet. Fil-fatt, huwa la ħassar l-Artikolu 65 tar-Regolamenti u lanqas ma ssostitwih bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti u lanqas ma ddelega kompletament il-kompetenza deċiżjonali tiegħu fis-settur lill-Kummissjoni. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti sostnuta mill-Kummissjoni, li tgħid li dan l-artikolu jistabbilixxi proċedura ta’ natura awtomatika, tneħħi l-effettività kollha tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti. F’dan ir-rigward, huwa irrelevanti li deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adattament annwali tar-remunerazzjonijeit u tal-pensjonijiet tkun att leġiżlattiv jew eżekuttiv.

    40      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Ottubru 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32), u l-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali, iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”, fis-sentenzi tagħha tas-7 ta’ Diċembru 1995, Abello et vs Il-Kummissjoni (T‑544/93 u T‑566/93, ĠabraSP p. I‑A‑271 u II‑815, punt 53); tat-8 ta’ Novembru 2000, Bareyt et vs Il-Kummissjoni (T‑158/98, ĠabraSP p. I‑A‑235 u II‑1085, punt 57), kif ukoll tal-25 ta’ Settembru 2002, Ajour et vs Il-Kummissjoni (T‑201/00 u T‑384/00, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑885, punt 47), ikkonstataw li l-Kunsill għandu marġni ta’ diskrezzjoni, fil-qasam ta’ adattament annwali tal-pagi u tal-pensjonijiet.

    41      Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill għandu tali marġni ta’ diskrezzjoni f’każ ta’ kriżi ekonomika partikolarment gravi, ta’ natura tali bħal dik li ġiet sa mill-bidu tal-aħħar tas-sena 2008, li ħadd ma seta’ jipprevedi la li kienet se tasal u lanqas id-daqs tagħha fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 723/2004. Ma huwiex konċepibbli li leġiżlatur responsabbli jwarrab kompletament il-flessibbiltà indispensabbli f’każ ta’ kriżi ekonomika u soċjali gravi.

    42      Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni bbażat fuq l-Artikolu 65 tar-Regolamenti jeżisti indipendentement mill-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti. Ċertament, l-applikazzjoni ta’ dan l-aħħar artikolu tippermetti li jintlaħaq riżultat simili. Madankollu, rikors għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 10 jeħtieġ l-implementazzjoni ta’ proċedura iktar tqila minn dik prevista fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti għall-adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet, li jenfasizza li l-imsemmi Artikolu 10 la għandu bħala għan u lanqas bħala effett li joffri sostitut għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill li tirriżulta mill-Artikolu 65 tar-Regolamenti. F’dan il-kuntest, il-Kunsill jallega li, anki fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont l-Artikolu 336 TFUE, jista’, skont l-Artikolu 294(9) TFUE, jemenda, b’unanimità, il-proposta tal-Kummissjoni, anki jekk din tagħti opinjoni negattiva f’dan ir-rigward.

    43      Barra minn hekk, l-għan tal-atti li jistgħu jittieħdu abbażi tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti u tal-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti kif ukoll dak tal-atti li jistgħu jiġi adottati abbażi tal-Artikolu 10 ta’ dan l-Anness XI huma biss parzjalment identiċi. Dan l-Artikolu 10 għandu portata ħafna ikbar minn dik ta’ dispożizzjonijiet oħra, sa fejn jippermetti mhux biss li jiġi aġġustat l-adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet li jirriżulta mill-applikazzjoni “mekkanika” tal-metodu, iżda wkoll li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-metodu, li jiġi mmodifikat jew abrogat permezz ta’ att leġiżlattiv. Fid-dritt huwa frekwenti li bażi ġuridiċi jikkorrispondu parzjalment.

    44      Iż-żieda tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet b’1.85 % prevista mir-regolament ikkontestat hija intiża sabiex iżżomm il-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali tal-Unjoni billi tikkanċella l-effetti tal-inflazzjoni kkonstatata fi Brussell (0.9 %) taż-żieda tal-kontribuzzjonijiet tal-uffiċjali għas-sistema ta’ rtitar (0.4 %) u taż-żieda tal-kontribuzzjoni speċjali (0.43 %). Li tingħata lill-uffiċjali u lill-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni żieda tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tagħhom ikbar minn dik mogħtija jwassal biss sabiex jipprovoka inkomprensjoni tal-Unjoni miċ-ċittadini tagħha. Din iż-żieda, barra minn hekk, irrappreżentat oneru supplimentari għall-baġits tal-Istati Membri li jiżdied ma’ dawk li jirriżultaw mill-interventi meħtieġa mill-kriżi ekonomika. Fid-dawl ta’ dawn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri fir-rigward tal-uffiċjali nazzjonali tagħhom wara l-kriżi ekonomika, ma kienx ikun biżżejjed li jiġi mistenni li dawn il-miżuri jħallu l-effett tagħhom fuq il-livell tal-adattament annwali li jmiss tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Unjoni fl-aħħar tas-sena 2010.

    45      F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti, il-Kunsill jikkontesta l-ewwel nett it-teżi li tgħid li dan l-artikolu jikkonċerna biss is-sostituzzjoni eventwali tal-metodu “normali” ta’ adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet b’metodu ieħor, li huwa applikabbli biss għall-futur, b’mod li l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 10 tiġi eskluża mill-implementazzjoni ta’ dan il-metodu “normali”. B’mod partikolari, il-fatt li l-imsemmi Artikolu 10 huwa intitolat “Klawżola ta’ eċċezzjoni” juri li jippermetti li jiġi aġġustat l-adattament annwali f’każ ta’ deterjorament gravi u mhux mistenni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, mingħajr madankollu ma jiġi mibdul il-metodu “normali” għall-futur.

    46      F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet materjali ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti ġew sodisfatti. Fil-fatt, matul il-perijodu ta’ referenza, l-Unjoni kellha tiffaċċja kriżi ekonomika partikolarment gravi pprovokata mill-kriżi finanzjarja. L-effetti ta’ din il-kriżi mmanifestaw ruħhom mit-tieni semestru tas-sena 2008 u kienu partikolarment importanti mill-bidu tas-sena 2009. Madankollu, dawn l-effetti ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni.

    47      Minkejja l-obbligu li għandha li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess jekk ikunu jeżistu indikazzjonijiet ta’ deterjorament gravi u mhux mistenni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali u, jekk ikun il-każ, tippreżenta proposta xierqa fi żmien utli abbażi tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti, il-Kummissjoni ma rrikorritx għal dan l-artikolu. Fid-diskussjoniiet fi ħdan l-istanzi preparatorji tal-Kunsill qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ġiet invokata l-possibbiltà ta’ rikors għall-imsemmi Artikolu 10. Issa, il-Kummissjoni indikat, matul iż-żewġ laqgħat li saru fl-aħħar ta’ Novembru 2010 u fil-bidu ta’ Diċembru tal-istess sena, li hija ma kinitx se tippreżenta proposti fuq din il-bażi legali.

    48      Il-Kunsill isostni li, fin-nuqqas ta’ proposta tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti, seta’ juża biss dan l-artikolu. Konsegwentement, ma kellux għażla oħra ħlief li juża l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu skont l-Artikolu 65 tar-Regolament sabiex jadotta r-regolament ikkontestat fit-termini stabbiliti. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, diversi drabi, li “sitwazzjonijiet eċċezzjonali u mhux mistennija” jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet ad hoc sabiex jippermettu lill-Unjoni taġixxi u tassumi r-responsabbiltajiet tagħha, li bla dubju huwa l-każ inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Kummissjoni kienet ressqet, matul Diċembru tal-2009, proposta skont l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti, kien ikun impossibbli li tiġi adottata tali proposta qabel l-aħħar tas-sena, minħabba t-toqol tal-proċedura prevista minn dan l-artikolu.

    49      Għalkemm il-gvernijiet Daniż, Ġermaniż, Litwan, Pollakk kif ukoll dak tar-Renju Unit isostnu l-istess motivi u talbiet ippreżentati mill-Kunsill, huma jagħmlu preċiżazzjonijiet differenti.

    50      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti u tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet, u b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan l-adattament. B’mod partikolari, l-Artikolu 65 tar-Regolamenti u tal-Anness XI tiegħu ma jelenkawx b’mod eżawrjenti, minn naħa, il-fatturi li jistgħu b’mod effettiv jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill u, min-naħa l-oħra, il-fatturi li għandhom jiġu applikati mill-Kunsill.

    51      Skont l-ekwilibriju istituzzjonali tal-Unjoni, il-Kunsill ma huwiex sempliċi “organu ta’ eżekuzzjoni” tal-Kummissjoni. Bħala prinċipju, il-Kunsill ma huwiex obbligat jadotta mingħajr emendi proposta ta’ att leġiżlattiv li joriġina mill-Kummissjoni, imma jista’, b’unanimità, jagħmel emendi, bi jew mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Parlament skont il-proċedura. Huwa obbligat biss li ma jibdilx l-għan u l-finalità tal-proposta, obbligu li f’dan il-każ ġie rrispettat. Barra minn hekk, anki jekk kompetenzi ta’ eżekuzzjoni kienu ġew trasferiti lill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, f’diversi ipoteżi, il-possibbiltà li jostakola att leġiżlattiv propost mill-Kummissjoni. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Anness XI ma jirriżultax b’mod ċar li dan jikkonferixxi lill-Kunsill setgħa ta’ sempliċi “ċertifikazzjoni” tal-proposta tal-Kummissjoni.

    52      Skont l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti li saret mill-Kummissjoni, din tista’ tibblokka kompletament l-applikabbiltà ta’ din il-klawżola ta’ eċċezzjoni u għalhekk iċċaħħad din id-dispożizzjoni mill-effettività tagħha.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    53      L-ewwel motiv, li huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti kif ukoll tal-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tiegħu mill-Artikoli 2 u 4 sa 17 tar-regolament ikkontestat, iqajjem il-kwistjoni dwar jekk u, fejn japplika, sa fejn il-Kunsill għandu marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilu li jitbiegħed minn proposta tal-Kummissjoni dwar l-adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal billi jinvoka kriżi ekonomika gravi, mingħajr madankollu ma jikkontesta l-konformità mal-eżiġenzi tal-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti taċ-ċifri ppreżentati mill-Kummissjoni fil-proposta ta’ adattament tagħha.

    54      L-Artikolu 65 tar-Regolament jipprovdi r-regola bażi dwar l-eżami annwali u dwar l-adattament eventwali tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni, liema adattament japplika wkoll, skont l-Artikolu 82(2) tar-Regolamenti għall-pensjonijiet. Il-paragrafu (1) tal-imsemmi Artikolu 65 jipprovdi li l-Kunsill jagħmel annwalment eżami tal-livell tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni. Matul dan l-eżami, il-Kunsill jistudja jekk huwiex xieraq, fil-kuntest tal-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni, li jsir adattament tar-remunerazzjonijiet. B’mod partikolari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żieda eventwali tar-remunerazzjonijiet bażi pubbliċi u n-neċessitajiet tar-reklutaġġ.

    55      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti setgħa diskrezzjonali lill-Kunsill fil-kuntest tal-eżami annwali tal-livell ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq tal-5 ta’ Ġunju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punti 7 u 11, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punti 20 sa 22 u 32).

    56      Madankollu, skont l-Artikolu 65 tar-Regolamenti, ir-regoli ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 65 huma ddefiniti fl-Anness XI tar-Regolamenti.

    57      L-Artikolu 3 ta’ dan l-anness, dwar l-“Arranġamenti għall-aġġustamenti ta’ kull sena tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Kunsill jiddeċiedi qabel l-aħħar ta’ kull sena l-adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet proposti mill-Kummissjoni u bbażati fuq l-elementi previsti fit-Taqsima 1 tal-Anness XI tar-Regolamenti, b’effett mill-1 ta’ Lulju. Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 3, il-valur tal-adattament huwa ugwali għall-prodott tal-indikatur speċifiku mill-indiċi internazzjonali ta’ Brussell u l-adattament huwa ffissat f’termini netti f’perċentwali ugwali għal kulħadd. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(3) tal-Anness XI tar-Regolamenti jipprovdi li l-valur tal-adattament hekk iffissat huwa inkorporat, skont il-metodu indikar wara, fit-tabella tar-remunerazzjonijiet bażi għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti u tas-sistema applikabbli għall-membri l-oħra tal-persunal.

    58      Minn dan isegwi li, skont il-formulazzjoni u l-istruttura tad-dispożizzjonijiet esposti fil-punt preċedenti, l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti jiddefinixxi b’mod eżawrjenti l-kriterji li jirregolaw l-adattament annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet.

    59      Sabiex jiġi determinat jekk, skont l-Artikolu 65 tar-Regolamenti, il-Kunsill jistax, f’dan il-kuntest, madankollu jieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra, u b’mod partikolari kriżi ekonomika gravi, jaqbel li tiġi eżaminata r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

    –       Fuq ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 65 tar-Regolamenti u l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti

    60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-funzjoni tal-Anness XI tar-Regolamenti hija, skont l-Artikolu 65a tar-Regolamenti, li jiġu definiti regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti.

    61      It-tieni nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li dan l-anness, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, għandu l-istess valur legali bħall-artikoli tar-Regolamenti u, konsegwentement, bħall-Artikolu 65 tiegħu. Peress li l-Artikolu 65 tar-Regolamenti u l-Anness XI tiegħu jinsabu fl-istess att ta’ natura regolatorja, jokkupaw, għalhekk, l-istess grad fil-ġerarkija tan-normi.

    62      Kemm l-adozzjoni tar-Regolamenti kif ukoll l-emendi kollha li sarulhom, u b’mod partikolari ż-żieda tal-Anness XI, saru permezz ta’ regolament, att li huwa, fit-termini tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ dispożizzjoni tal-Anness VIII tar-Regolamenti, li r-Regolamenti stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 259/68 jinkludu l-karatteristiċi ddefiniti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 189 KEE (li jikkorrispondi għall-attwali tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE) u huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 1981, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 137/80, Ġabra p. 2393, punt 7).

    63      It-tielet nett, fir-rigward tal-oriġini tal-Anness XI tar-Regolamenti, il-verżjoni fis-seħħ ta’ dan l-anness hija r-riżultat ta’ evoluzzjoni kontinwa li bdiet matul is-sena 1972. Din l-evoluzzjoni hija kkaratterizzata minn qafas dejjem iktar preċiż u iktar limitattiv tal-metodu ta’ adattament annwali tar-remunerazzjonijiet f’dak li jikkonċerna kemm il-forma tal-att ġuridiku użat kif ukoll il-kontenut tiegħu.

    64      Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 3 u 4); tas-26 ta’ Ġunju 1975, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (70/74, Ġabra p. 795, punt 7), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 8), il-Kunsill, l-ewwel nett, iddeċieda matul is-sena 1972 li japplika, b’mod sperimentali u għal perijodu ta’ tliet snin, sistema ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet li tinkludi r-rikors għal żewġ indikaturi speċifiċi, filwaqt li warrab l-applikazzjoni awtomatika ta’ medja aritmetika bejn iż-żewġ indikaturi kkunsidrati. Fid-dawl ta’ dan l-approċċ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, f’deċiżjoni fil-kuntest tas-setgħat li jagħtih l-Artikolu 65 tar-Regolamenti fil-qasam tar-remunerazzjonijiet tal-persunal, assuma obbligi li ntrabat li josserva għal perijodu definit minnu (ara s-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq tal-5 ta’ Ġunju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punti 8 u 9; tas-26 ta’ Ġunju 1975, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punti 20 sa 22, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 8).

    65      Matul is-sena 1976, il-Kunsill adotta metodu ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet ġdid, kif jirriżulta mis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 9 sa 13). Sussegwentement, ġie stabbilit metodu ieħor ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet għal perijodu ta’ għaxar snin permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/1061/Euratom, KEFA KEE, tal-15 ta’ Diċembru 1981, li temenda l-metodi ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Komunitajiet (ĠU L 386, p. 6).

    66      Fl-aħħar nett, il-Kunsill introduċa l-metodu ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet fir-Regolamenti stess billi żied l-Anness XI għal perijodu mill-1 ta’ Lulju 1991 sat-30 ta’ Ġunju 2001, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 3830/91, tad-19 ta’ Diċembru 1991, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej u s-sistema applikabbli għall-membri l-oħra tal-persunal ta’ dawn il-Komunitajiet f’dak li jikkonċerna l-metodi ta’ adattament tal-pagi (ĠU L 361, p. 1). It-tul tal-validità tal-Anness XI tar-Regolamenti, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 3830/91, ġie estiż darbtejn, rispettivament f’Diċembru 2000 u f’Diċembru 2003, qabel ma l-verżjoni attwali ta’ dan l-anness ġiet adottata, permezz tar-Regolament Nru 723/2004, għal tmien snin.

    67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, anki jekk il-Kunsill ma emendax il-formulazzjoni tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti, permezz tal-adozzjoni tal-Anness XI tar-Regolamenti, huwa adotta dispożizzjonijiet intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-artikolu. L-indikazzjonijiet ta’ ordni ġenerali li jinsabu fl-imsemmi artikolu huma ppreċiżati fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti li permezz tiegħu l-Kunsill jistabbilixxi, għal ċertu numru ta’ snin, il-metodi konkreti tal-proċedura prevista fl-Artikolu 65 tar-Regolamenti, b’mod partikolari l-kriterji li jirregolaw b’mod eżawrjenti l-adattament annwali tar-remunerazzjonijiet.

    68      Dan il-qafas, li jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill li tirriżulta mill-Artikolu 65 tar-Regolamenti, huwa ġġustifikat b’mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet li jikkonsistu fl-assigurazzjoni ta’ ċerta stabbiltà fuq terminu medju u sabiex jiġu evitati diskussjonijiet u diffikultajiet rikorrenti, b’mod partikolari bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal u l-istituzzjonijiet interessati, rigward il-kwistjoni dwar sa fejn adattament huwa ġġustifikat jew neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 2). F’dan ir-rigward, l-ewwel premessa tad-Deċiżjoni 81/1061 kif ukoll it-tieni u t-tielet premessi tar-Regolament Nru 3830/91 kienu diġà jindikaw li l-imsemmi qafas tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill kien intiż sabiex iżomm relazzjonijiet armonjużi bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-membri tal-persunal l-oħra.

    69      Issa, sabiex l-imsemmija għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu, huwa neċessarju li l-Kunsill jikkonforma ruħu mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti.

    70      Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ adattament previst f’dan l-Artikolu 3 jistrieħ essenzjalment fuq l-idea ta’ allinjament, ċertament b’ċertu differenza, tal-evoluzzjoni salarjali fil-livell tal-Unjoni fuq dik li seħħet bejn Lulju tas-sena preċedenti u Lulju ta’ din is-sena li qegħdin fiha fl-Istati Membri ta’ referenza, li, tirrifletti d-deċiżjonijiet relattivi għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali meħuda mill-awtoritajiet tal-imsemmija Stati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika prevalenti matul l-imsemmi perijodu. Barra minn hekk, il-kriterji determinati fl-imsemmi Artikolu 3 jistgħu jwasslu għal riżultati negattivi kif ukoll pożittivi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu.

    71      Minn dan isegwi li, meta adotta l-Anness XI tar-Regolamenti, il-Kunsill, permezz ta’ deċiżjoni awtonoma, intrabat, għat-tul tal-validità ta’ dan l-anness, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 65 tar-Regolamenti, sabiex jirrispetta l-kriterji stabbiliti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3 tal-imsemmi anness. Ir-raġunament li sar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq tal-5 ta’ Ġunju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (punt 9), u tas-26 ta’ Ġunju 1975, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (punti 20 sa 22), japplika mutatis mutandis għar-regolament li jistabbilixxi l-Anness XI tar-Regolamenti, li l-Kunsill adotta skont l-Artikolu 65a tar-Regolamenti. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kunsill ma jistax, fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 3, jibbenefika minn setgħa diskrezzjonali li tmur lil hinn mill-kriterji ddeterminati f’dan l-aħħar artikolu.

    72      Konsegwentment, il-Kunsill ma jistax jibbaża ruħu, fil-kuntest tal-eżami annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet, fuq is-setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-Artikolu 65 tar-Regolamenti, sabiex iwarrab il-metodu previst fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti u jieħu inkunsiderazzjoni kriterji differenti minn dawk previsti f’dan l-aħħar artikolu.

    –       Fuq il-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni kriżi ekonomika gravi

    73      Fir-rigward tal-possibbiltà, invokata mill-Kunsill u mill-Istati Membri intervenjenti, li tittieħed inkunsiderazzjoni kriżi ekonomika gravi fil-kuntest tal-eżami annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet, jaqbel li jitfakkar li, skont l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti, “[j]ekk ikun hemm deterjorament serju u bla mistenni fis-sitwazzjoni ekonomka u soċjali ġewwa l-Komunità, eżaminata fuq bażi ta’ data oġġettiva pprovduta għl dan l-iskop mill-Kummissjoni, ta’ l-aħħar għandha tibgħat proposti xierqa li fuqhom il-Kunsill jista’ jaġixxi skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 283 tat-Trattat tal-KE”.

    74      Dan l-artikolu jippermetti, f’sitwazzjoni straordinarja, li jitwarrab fuq bażi ad hoc, il-metodu previst fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti, mingħajr madankollu ma jinbidel jew jiġi abrogat għas-snin segwenti. Fil-fatt, l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti jinsab fil-Kapitolu 5 ta’ dan l-anness, bit-titolu “Klawżola ta’ eċċezzjoni”. Min-naħa l-oħra, l-emenda tad-dispożizzjonijiet tal-Anness XI tar-Regolamenti saret fil-Kapitolu 7 tal-imsemmi anness, bit-titolu “Dispożizzjoni finali u l-klawżola ta’ reviżjoni”, kapitolu li jinkludi biss artikolu wieħed, jiġifieri l-Artikolu 15. Dan l-Artikolu 15 jistabbilixxi, minn naħa, it-tul tal-validità tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Anness XI tar-Regolamenti u jipprovdi, min-naħa l-oħra, regoli dwar evalwazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-aħħar tar-raba’ sena, li tieħu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet baġitarji tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Huwa jinvoka wkoll il-possibbiltà ta’ modifika ta’ dan l-anness skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 283 KE.

    75      Barra minn hekk, skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti huwa intiż sabiex jippermetti lill-istituzzjonijiet jirreaġixxu f’każ ta’ avvenimenti mhux mistennija li jeħtieġu reazzjoni iktar puntwali mill-modifika kompleta tal-metodu “normali” ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet. Fl-aħħar nett, kif ikkunsidrat il-Kummissjoni fir-rapport tagħha tas-27 ta’ Ġunju 1994 dwar l-applikabbilta tal-klawżola ta’ eċċezzjoni [SEC(94) 1027 finali, punt II.3, p. 5 u 6], din il-klawżola tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni konsegwenzi ta’ deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali kemm gravi kif ukoll mhux mistennija meta, skont il-metodu “normali”, ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali ma jiġux aġġustati malajr biżżejjed.

    76      L-Anness XI tar-Regolamenti jipprovdi konsegwentement proċedura speċifika ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet f’każ ta’ kriżi ekonomika gravi.

    77      Sabiex ma jitneħħiex l-effett obbligatorju tal-Anness XI tar-Regolamenti, u b’mod partikolari tal-Artikoli 3 u 10 ta’ dan l-anness (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13), u fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-anness relatati ma’ eventwali kriżi ekonomika dwar l-adattament tar-remunerazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li, matul id-dewmien tal-applikazzjoni tal-imsemmi anness, il-proċedura prevista fl-Artikolu 10 tiegħu tikkostitwixxi l-unika possibbiltà li jittieħed kont ta’ kriżi ekonomika fil-kuntest tal-adattament tar-remunerazzjonijiet u, konsegwentment, li tiġi miċħuda l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi anness.

    78      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata bil-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tiddependi minn proposta tal-Kummissjoni. B’mod partikolari mill-Artikolu 17(2) TUE jirriżulta li huwa konformi mal-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati li jagħti, għal proċeduri leġiżlattivi, bħala prinċipju, il-monopolju tal-proposta tal-Kummissjoni.

    79      Skont l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti, il-Kummissjoni “tibgħat” proposti xierqa fil-każ ta’ deterjorament gravi u mhux mistenni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali. Fid-dawl tal-formulazzjoni ċara ta’ dan l-artikolu, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni mill-imsemmi Artikolu 10 jikkostitwixxi sempliċi fakultà għal din l-istituzzjoni.

    80      Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, rikonoxxuta mill-ġurisprudenza ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Greċja vs Il-Kunsill, 204/86, Ġabra p. 5323, punt 16, u tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑29/99, Ġabra p. I‑11221, punt 69) u, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, espliċitament stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE. Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-Artikolu TFUE, il-Kunsill jista’ jitlob lill-Kummissjoni tipproċedi għall-istudji kollha li jqis neċessarji għat-twettieq tal-għanijiet komuni u li tippreżentalu proposti xierqa. Issa, qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill, kuntrarjament għas-sena 1994 [ara rapport tal-Kummissjoni SEC(94) 1027 finali, tas-27 ta’ Ġunju 1994, punt I, p. 3], ma bagħat l-ebda talba formali lill-Kummissjoni fejn jistedinha twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti.

    81      Il-fatt li l-proċedura prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti hija iktar tqila mill-proċedura prevista fl-Artikolu 3 ta’ dan l-anness, b’mod partikolari minħabba l-parteċipazzjoni tal-Parlament sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ma jistax jiddispensa lill-Kunsill mill-osservanza tar-regoli stabbiliti fl-imsemmi anness. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kunsill jammetti hu stess li anki l-proċeduri kumplessi li jinvolvu diversi istituzzjonijiet jistgħu jitwettqu f’termini iqsar jekk tkun teżisti l-volontà politika li jintlaħaq riżultat malajr. Din il-possibbiltà tirriżulta b’mod partikolari mill-mezzi li jiġi mħaffef it-trattament ta’ proċedura mill-Parlament prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 229 TFUE, kif ukoll mit-tieni paragrafu tal-Artikoli 134(4), 142 u 144 tar-Regolament intern tal-Parlament Ewropew.

    82      Barra minn hekk, fir-rigward tas-sitwazzjoni li teżisti mill-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, għandu jitfakkar li, skont l-argument tal-Kunsill, il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika kienu diġà perċettibbli matul il-perijodu ta’ referenza, li kien jintemm matul Lulju tal-2009. Għalhekk, il-Kunsill seta’ diġà jaġixxi matul is-Sajf tal-2009 fid-dawl tal-preżentazzjoni ta’ proposta abbażi tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti.

    83      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jirriżulta li l-Kunsill ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilu, mingħajr rikors għall-proċedura prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti, li jiddeċiedi u li jistabbilixxi, kif għamel fl-Artikoli 2 u 4 sa 17 tar-regolament ikkontestat, minħabba kriżi ekonomika, adattament tar-remunerazzjonijiet diverġenti minn dik proposta mill-Kummissjoni sempliċement abbażi tal-Artikolu 3 tal-imsemmi Anness.

    84      Konsegwentement, l-Artikoli 2 u 4 sa 17 tar-regolament ikkontestat għandhom jiġu annullati.

     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-Artikolu 65 tar-Regolamenti u tal-Artikoli 3 sa 7 tal-Anness XI tar-Regolamenti

     L-argumenti tal-partijiet

    85      Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 18 tar-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 65 tar-Regolamenti u l-Artikoli 3 sa 7 tal-Anness XI tar-Regolamenti sa fejn joħloq bażi ġuridika ġdida li tippermetti reviżjoni tar-regolament ikkontestat u, konsegwentement, possibbiltà ta’ adattament intermedjarju tar-remunerazzjonijiet.

    86      Fil-fatt, l-Artikolu 65 tar-Regolamenti jistabbilixxi biss skadenza annwali għall-adattament tar-remunerazzjonijiet. Il-possibbiltà ta’ adattament intermedjarju ta’ dawn, previst fl-Artikoli 4 sa 7 tal-Anness XI tar-Regolamenti, jippresupponi varjazzjoni sensibbli tal-għoli tal-ħajja bejn Ġunju u Diċembru u, ukoll, il-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni. Issa, il-Kunsill ma stedinx lill-Kummissjoni tippreżenta proposta f’din is-sena u, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma ppreżentatx tali proposta. Il-Kunsill lanqas ma jista’, hu waħdu jwarrab l-eżiġenzi proċedurali tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti, b’mod partikolari n-neċessità tal-preżentazzjoni ta’ proposta tal-Kummissjoni u tal-parteċipazzjoni tal-Parlament għall-proċedura leġiżlattiva.

    87      Fi kwalunkwe każ, l-annullament tal-Artikoli 2 u 4 sa 17 tar-regolament ikkontestat irendi mingħajr skop il-klawżola ta’ reviżjoni li tinsab fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament.

    88      Il-Parlament iżid li l-Artikolu 290 TFUE ma jippermettix lill-Kunsill jirriżerva setgħat f’dan l-att ta’ eżekuzzjoni u li l-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti kif ukoll l-anness XI tiegħu ma jipprovdu l-ebda bażi legali għal tali klawżola ta’ reviżjoni.

    89      Il-Kunsill isostni li t-tieni motiv huwa marbut mal-ewwel motiv u mat-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li, billi adotta l-Anness XI tar-Regolamenti, il-Kunsill irrinunċja għal kull setgħa diskrezzjonali. L-Artikolu 18 tar-regolament ikkontestat ma jistax ikun kontra l-Artikoli 4 sa 7 tal-Anness XI tar-Regolamenti peress li dawn l-artikoli ma jkoprux l-istess ipoteżi. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 18 jipprovdi għall-possibbiltà ta’ reviżjoni, fuq proposta tal-Kummissjoni, tar-rati ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet hekk kif stabbilit fir-regolament ikkontestat, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u tal-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni, skont il-flessibbilta espressament miltuba mir-Regolamenti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    90      It-tieni motiv tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti u tal-Artikoli 3 sa 7 tal-Anness XI tar-Regolamenti permezz tal-Artikolu 18 tar-regolament ikkontestat, li jipprovdi l-possibbiltà li ssir reviżjoni tar-regolament ikkontestat. Tali possibbiltà ma kinitx prevista fil-proposta tal-Kummissjoni.

    91      F’dak li jikkonċerna l-livell tar-remunerazzjonijiet, l-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti jipprovdi biss għal eżami annwali tiegħu. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-koeffiċjenti korretturi, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jippermetti li jittieħdu miżuri ta’ adattament intermedjarju ta’ dawn il-koeffiċjenti, f’każ ta’ varjazzjoni sensibbli tal-għoli tal-ħajja. L-Artikoli 1 sa 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti jippreċiżaw il-metodi tal-eżami annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet u l-Artikoli 4 sa 7 ta’ dan l-anness jipprovdu regoli iktar dettaljati għall-adattamenti intermedjarji tal-koeffiċjenti korretturi.

    92      L-ebda waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet ma tipprovdi l-possibbiltà li jiġu adottati, fil-kuntest tal-eżami annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet, ta’ regoli ġodda li jippermettu r-reviżjoni ta’ dan il-livell u lanqas li r-remunerazzjonijiet jiġu adattati barra mill-adattament annwali skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti u l-Artikolu 1 sa 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti. Huma lanqas ma jippermettu li ma jsirx l-adattament intermedjarju tal-koeffiċjenti korretturi previsti fl-Artikoli 65(2) tar-Regolamenti u 4 sa 7 tal-imsemmi Anness XI.

    93      Konsegwentement, l-Artikolu 18 tar-regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-Artikoli 65 tar-Regolamenti u 3 sa 7 tal-Anness XI tiegħu u għandu, għalhekk, jiġi annullat ukoll.

    94      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 2 u 4 sa 18 tar-regolament ikkontestat għandhom jiġu annullati.

    95      Madankollu, sabiex jiġi evitat nuqqas ta’ kontinwità fis-sistema tar-remunerazzjonijiet, hemm lok li jiġi applikat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u li jinżammu l-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati tar-regolament ikkontestat dwar l-adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni sa mill-1 ta’ Lulju 2009, jiġifieri l-Artikoli 2 u 4 sa 17 tiegħu, u sad-dħul fis-seħħ ta’ regolament ġdid adottat mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

     Fuq l-ispejjeż

    96      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikoli 2 u 4 sa 18 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1296/2009, tat-23 ta’ Diċembru 2009, li jaġġusta b’effett mill-1 ta’ Lulju 2009 ir-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi applikati għalihom, huma annullati.

    2)      L-effett tal-Artikoli 2 u 4 sa 17 tar-Regolament Nru 1296/2009 jibqa’ jeżisti sad-dħul fis-seħħ ta’ regolament ġdid tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

    3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

    4)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Olanda, ir-Renju tal-Iżvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top