Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0011

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tas-17 ta' Frar 2011.
Staatssecretaris van Financiën vs Marishipping and Transport BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - il-Pajjizi l-Baxxi.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari -Regolament (KEE) Nru 2658/87- Tariffa Doganali Komuni - Dazji doganali - Eżenzjoni - Sustanzi farmaċewtiċi - Kompożizzjoni - Restrizzjonijiet.
Kawża C-11/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:91

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Frar 2011 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari –Regolament (KEE) Nru 2658/87– Tariffa Doganali Komuni – Dazji doganali – Eżenzjoni – Sustanzi farmaċewtiċi – Kompożizzjoni – Restrizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑11/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Jannar 2010, fil-proċedura

Staatssecretaris van Financiën

vs

Marishipping and Transport BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J.-J. Kasel (Relatur), President tal-Awla, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u L. Bouyon, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tan-Nomenklatura Magħquda tat-Tariffa Doganali Komuni li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nri 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001 (ĠU L 279, p. 1), u 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002, rispettivament (ĠU L 290, p. 1, iktar’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”).

2        Dawn id-domandi tressqu fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Financiën à Marishipping and Transport BV (iktar ’il quddiem il-“Marishipping”), kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni mid-dazji doganali mogħtija lill-prodotti farmaċewtiċi tapplikax biss għall-prodotti komposti minn sustanzi farmaċewtiċi puri jew jekk hija tapplikax ukoll għall-prodotti li kienu ġew miżjuda b’sustanzi oħra.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, li jinkludi r-regoli applikabbli għall-eżenzjoni mid-dazji doganali mogħtija lill-prodotti farmaċewtiċi li jaqgħu taħt ċerti kategoriji, tipprovdi:

“Ħelsien [eżenzjoni] minn dazju tad-dwana huwa maħsub għal prodotti farmaċewtiċi tal-kategoriji li ġejjin:

i)      sustanzi farmaċewtiċi koperti mill-CAS RN (chemical abstracts service registry numbers) u mill-international non-proprietary names (INNs) elenkati fl-Anness 3”.

4        Il-punt 2(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 jipprovdi:

“Każijiet speċjali:

i)      INNs ikopru biss dawk is-sustanzi mfissra fil-listi ta’ INNs rakkomandati u proposti ppublikati mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO). Fejn in-numru ta’ sustanzi koperti minn INN huwa inqas minn dak kopert miċ-CAS RN, dawk is-sustanzi koperti mill-INN biss għandhom ikunu suġġetti għal trattament mingħajr dazju”.

5        Fost is-sustanzi elenkati fil-listsa ta’ sustanzi farmaċewtiċi li jistgħu jiġu inklużi sabiex jibbenefikaw minn eżenzjoni mid-dazji hija inkluża, b’mod partikolari, iċ-chitosan (poligonum).

6        Kemm iċ-chitosan kif ukoll l-aċidu assorbiku għandhom l-isem internazzjonali komuni u numru CAS individwali, rispettivament.

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Matul is-snin 2002 u 2003, Marishipping ippreżentat diversi dikjarazzjonijiet għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ prodotti deskritt fid-dikjarazzjonijiet bħala “trab assorbenti” (iktar ’il quddiem il-“merkanzija”). Il-merkanzija kienet iddikjarata taħt l-Intestatura Tariffarja 3913 90 80 tan-Nomenklatura Magħquda. Fl-2002 u fl-2003, l-importazzjoni ta’ merkanzija taħt din l-intestatura kienet suġġetta għal dazji doganali ta’ 7.6 % u 7.1 % rispettivament. Fid-dikjarazzjonijiet tagħha, Marishipping ibbażat ruħha fuq eżenzjoni mid-dazji doganali għall-merkanzija u rreferiet f’dan ir-rigward għall-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87.

8        Wara li kkontrolla l-merkanzija, l-ispettur tad-dwana qies li din il-merkanzija, li kienet komposta minn 96 % chitosan, minn 3 % aċidu assorbiku, minn 1 % aċidu tartariku, ma setgħetx tibbenefika mill-imsemmija eżenzjoni. Huwa kkunsidra li l-eżenzjoni mid-dazji doganali għaċ-chitosan hija limitata għas-sustanza pura u ma tistax tiġi applikata għal merkanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, huwa pproċeda għal irkupru a posteriori ta’ dazji doganali dovuti fuq l-imsemmija importazzjonijiet.

9        Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-sustanzi l-oħra li jinsabu fil-merkanzija, jiġifieri l-aċidu assorbiku u l-aċidu tartariku, jipproteġu ċ-chitosan kontra l-ossidazzjoni u kienu ġew miżjuda maċ-chitosan sabiex jiżdied id-dewmien ta’ konservazzjoni tiegħu. Dawn iż-żewġ aċidi ma influwenzawx l-effikaċja taċ-chitosan. Id-dewmien ta’ konservazzjoni taċ-chitosan fil-forma pura tiegħu jista’ wkoll jiżdied permezz ta’ imballaġġ vakwu tas-sustanza. Il-merkanzija hija intiża sabiex tintuża bħala l-komponent ewlieni għall-manifattura ta’ prodott li jinbiegħ bħala prodott biex jgħin fit-tnaqqis tal-piż.

10      Ir-Rechtbank te Haarlem, adita bir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza minn Marishipping kontra l-avviżi għal irkupru tad-dazji doganali nnotifikati mill-ispettur tad-dwana, iddeċidiet li dan ir-rikors kien infondat. Din il-kumpannija appellat kontra din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam li ddeċidiet, f’sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, li ż-żieda ta’ kwantitajiet baxxi ħafna ta’ aċidu assorbiku u ta’ aċidu tartariku bil-għan li jiżguraw konservazzjoni aħjar tas-sustanza ewlenija ma tostakolatx l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mogħtija lill-prodotti farmaċewtiċi. Konsegwentement, il-qorti tal-appell annullat l-imsemmija sentenza u l-avviżi għal irkupru nnotifikati lil Marishipping.

11      Fl-appell tagħha fil-kassazzjoni, l-iStaatssecretaris van Financiën issostni li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 ma jippermettux li l-eżenzjoni pprovduta minnhom tiġi applikata għal prodott farmaċewtiku kompost minn sustanza farmaċewtika ta’ bażi li kienet ġiet miżjuda b’sustanzi farmaċewtiċi oħra, u dan irrispettivament mill-proporzjon tas-sustanzi miżjuda.

12      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-imsemmija dispożizzjonijiet rilevanti ma jipprovdux espliċitament li, sabiex ikun jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dazji doganali pprovduti fil-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, is-sustanzi msemmija għandhom ikun fil-forma pura tagħhom. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod iktar partikolari tal-punt 13 tas-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1986, Ethicon (58/85, Ġabra p. 1131), hija tistaqsi jekk huwiex possibbli li jiżdiedu sustanzi oħra mas-sustanza farmaċewtika attiva u, jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, liema huwa l-limiti li għandhom għalhekk jiġu osservati sabiex il-merkanzija tista’ tibqa’ tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazji dogonali.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-eżenzjoni mid-dazju tas-sustanzi farmaċewtiċi msemmija [fil-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti] tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 [..] moqri flimkien mal-lista ta’ sustanzi farmaċewtiċi li jinsabu [fl-Anness 3 tat-Taqsima II tat-Tielet Parti (annessi) tal-Anness I], hija limitata għas-sustanzi (kimiċi) imsemmija fil-forma pura tagħhom?

2)      Jekk sustanzi oħra jistgħu jiżdiedu mas-sustanza farmaċewtika indikata, liema huma r-restrizzjonijiet applikabbli f’dan ir-rigward?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

14      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 għandux jiġi interpretata fis-sens li sustanza farmaċewtika, li tinsab fil-lista ta’ sustanzi msemmija fl-Anness 3 tat-Tielet Parti ta’ dan l-Anness 1, li kienet ġiet miżjuda b’sustanzi oħra, b’mod partikolari farmaċewtiċi, tistax tibqa’ tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazji doganali li kienet tkun applikabbli fil-każ li tali sustanza kienet fil-forma pura tagħha.

15      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li la l-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regoalment Nru 2648/87 u lanqas l-Anness 3 tat-Tielet Parti tal-istess Anness ma jipprovdu espliċitament li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazji doganali pprovduta fir-rigward tal-prodotti farmaċewtiċi elenkati fl-imsemmi Anness 3, dawn il-prodotti għandhom ikunu fil-forma pura tagħhom.

16      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li d-dispożizzjoni li tirregola l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni mid-dazji doganali tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li jipprovdi li l-prodotti importati fl-Unjoni Ewropea huma, bħala regola ġenerali, suġġetti għad-dazji doganali u, peress li hija tikkostitwixxi deroga, għandha għalhekk tiġi interpretatat b’mod strett.

17      Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni espressa jew ta’ fattur ieħor li jippermetti li jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazji doganali lis-sustanzi farmaċewtiċi elenkati fl-imsemmi Anness 3 li, suġġett għal eventwali impuritajiet residwali li jinsabu f’dawn is-sustanzi, ir-Regolament Nru 2658/87 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li sustanzi farmaċewtiċi li kienu ġew miżjuda b’sustanzi oħra ma jistgħux jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni.

18      Sustanzi, bħala dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu ġew miżjuda, fi kwantitajiet varjabbli, mas-sustanza ta’ bażi u li ma jifformawx parti, bħala tali, minn din is-sustanza jew mill-prodott li minnu din is-sustanzja kienet inkisbet, ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu tali impuritajiet residwali.

19      Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 2658/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li merkanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija komposta minn sustanza farmaċewtika ta’ bażi, f’dan il-każ iċ-chitosan, li kienet ġiet miżjuda b’sustanzi oħra (farmaċewtiċi) ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazji doganali pprovduta mill-imsemmi regolament.

20      L-ewwel nett, għandu jiġi speċifikat li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, kif irrilevat b’mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea, bid-direttivi dwar l-użu ta’ INNs għal dak li jikkonċerna s-sustanzi farmaċewtiċi. Fil-fatt, skont dawn id-direttivi, l-INNs huma, bħala prinċipju, magħżula għal sustanzi individwali ddefiniti sew li jistgħu jiġu identifikati mingħajr ambigwità permezz ta’ isem (jew formula) kimiku/a, peress li l-prinċipju wara l-programm INN huwa li ma jingħatawx ismijiet għal taħlit ta’ sustanzi.

21      Issa, f’din il-kawża, mill-proċess jirriżulta li l-INN attribwit liċ-chitosan ma jkoprix il-merkanzija peress li din tinkludi proporzjon għoli ħafna ta’ sustanzi oħra.

22      Fir-rigward tan-numri CAS li jirreferi għalihom ukoll il-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, hemm lok li jiġi speċifikat li huwa stabbilit, kif irrilevaw il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, li ċ-chitosan (CAS 9012‑76-4), l-aċidu assorbiku (CAS 5081‑7), u l-aċidu tartariku (CAS 8769-4), kull wieħed minnhom għandu numru ta’ identifikazzjoni CAS indiwidwali u li t-taħlita tagħhom ma tistax tiġi identifikata permezz ta’ numru CAS wieħed.

23      Sussegwentement, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza hija konformi mal-prinċipju li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni tal-, u l-eżenzjonijiet mid-dazji doganali għandhom jikkorrispondu mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali u jieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali minħabba l-firxa wiesgħa u l-komplessità tal-kompitu li huma għandhom iwettqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ethicon, iċċitata iktar’il fuq, punt 12, u tat-3 ta’ Diċembru 1998, Schoonbroodt, C‑247/97, Ġabra p. I‑8095, punt 23).

24      Fil-fatt, għalkemm ir-rekwiżit li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dazji doganali pprovduta mill-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, is-sustanzi farmaċewtiċi għandhom bħala prinċipju jkunu fil-forma pura tagħhom ċertament ma jeżentax lill-awtoritajiet doganali milli jwettqu, skont il-każ, analiżi kimika ta’ kampjun ta’ merkanzija importata, xorta jibqa’ l-fatt li, waqt din l-analiżi, l-imsemmija awtoritajiet jistgħu jillimitaw ruħhom li jirriċerkaw jekk din il-merkanzija hijiex effettivament komposta b’mod esklużiv minn sustanza li tinsab fil-lista ta’ sustanzi farmaċewtiċi li tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni, mingħajr ma jkunu meħtieġa li jidentifikaw is-sustanzi l-oħra li jinsabu f’din il-merkanzija jew li jiddeterminaw il-proporzjon tagħhom fil-kompożizzjoni ta’ din il-merkanzija.

25      Fl-aħħar nett, l-imsemmija interpretazzjoni hija l-iktar adatta sabiex tiggarantixxi applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijeit tar-Regolament Nru 2658/87 sa fejn hija tħalli marġni diskrezzjonali limitat lill-awtoritajiet doganali nazzjonali sabiex jiddeterminaw jekk sustanza hijiex jew le fil-forma pura tagħha.

26      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li sustanza farmaċewtika, li tinsab fil-lista ta’ sustanzi msemmija fl-Anness 3 tat-Tielet Parti tal-istess Anness I, li kienet ġiet miżjuda b’sustanzi oħra, b’mod partikolari farmaċewtiċi, ma tistax tibbenefika iktar mill-eżenzjoni mid-dazji doganali li kienet tkun applikabbli li kieku tali sustanza kienet fil-forma pura tagħha.

 Fuq it-tieni domanda

27      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

28      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 1(i) tat-Taqsima II(Ċ) tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nri 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, u 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002 rispettivament, għandu jiġi interpretat fis-sens li sustanza farmaċewtika, li tinsab fil-lista ta’ sustanzi msemmija fl-Anness 3 tat-Tielet Parti tal-istess Anness I, li kienet ġiet miżjuda b’sustanzi oħra, b’mod partikolari farmaċewtiċi, ma tistax tibbenefika iktar mill-eżenzjoni mid-dazji doganali li kienet tkun applikabbli li kieku tali sustanza kienet fil-forma pura tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top