EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0619

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-26 ta’ April 2012.
Trade Agency Ltd vs Seramico Investments Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Eżekuzzjoni — Motivi ta’ kontestazzjoni — Assenza ta’ notifika tal-att promotur — Stħarriġ mill-qorti mitluba — Portata — Valur tal-informazzjoni li tidher fiċ-ċertifikat — Ksur tal-ordni pubbliku — Deċiżjoni ġudizzjarja mingħajr motivazzjoni.
Kawża C-619/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:247

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-26 ta’ April 2012 ( 1 )

Kawża C-619/10

Trade Agency Ltd

vs

Seramico Investments Ltd

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās Tiesas Senāts (il-Latvja)]

“Regolament (KE) Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji — Motivi ta’ rifjut — Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 — Ċertifikat skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 — Notifika tal-att promotur — Konvenut fin-nuqqas — Ordni pubbliku — Deċiżjonijiet mingħajr eżami tal-mertu u mingħajr motivazzjoni — Dritt għal smigħ xieraq”

I – Introduzzjoni

1.

Is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Latvja huwa l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34(1) u (2) u 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ).

2.

L-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti r-rifjut tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja fir-rigward ta’ konvenut li ma jkunx ġie nnotifikat bl-att promotur f’ħin xieraq u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu. L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li l-Istat ta’ oriġini joħroġ ċertifikat li jinkludi diversi tipi ta’ informazzjoni importanti dwar il-proċedura. Dan iċ-ċertifikat għandu jiġi ppreżentat mat-talba intiża sabiex tinħareġ dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni. Fost din l-informazzjoni, fiċ-ċertifikat għandu jkun hemm id-data tan-notifika tal-att promotur. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-qorti tal-Istat mitlub fir-rigward tan-notifika ta’ att promotur: din il-qorti tista’ wkoll, għalkemm ikun hemm data ta’ notifika fiċ-ċertifikat, tivverifika jekk l-att promotur ikunx ġie nnotifikat jew hija marbuta b’dan l-istess ċertifikat f’dak li jirrigwarda dan il-punt?

3.

Il-motiv ta’ rifjut previst fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax meta l-konvenut ma jkunx appella mid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja fil-Istat ta’ oriġini, minkejja li kien f’pożizzjoni li jagħmel dan. Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità li tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar meta konvenut ikun obbligat jappella fl-Istat ta’ oriġini. Għandu jiġi stabbilit jekk il-konvenut għandux ukoll dan l-obbligu fil-każ li d-deċiżjoni mogħtija fil-konfront tiegħu tiġi nnotifikata lilu għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ proċedura ta’ exequatur.

4.

Fl-aħħar nett, il-kawża prinċipali tikkonċerna wkoll il-klawżola tal-ordni pubbliku prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-fatt li l-qorti tal-Istat ta’ oriġini ma eżaminatx il-fondatezza tar-rikors qabel adottat id-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja u lanqas ma mmotivat fid-dettall din id-deċiżjoni huwiex kompatibbli mad-dritt tal-konvenut għal smigħ xieraq, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 3 ).

II – Il-kuntest ġuridiku

5.

L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 jikkonċerna l-motivi ta’ rifjut ta’ rikonoxximent u jistabbilixxi li:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1.

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika [l-ordni pubbliku] ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

2.

meta jkun b’nuqqas ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk; […]”.

6.

L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 jikkonċerna ċ-ċertifikat li għandu jinħareġ mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini:

“Il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta’ Stat Memnru [Membru] fejn kienet ingħatat is-sentenza għandha toħroġ, fuq it-talba ta’ xi parti interessata, ċertifikat li juża l-formola normali f’L-Anness V ta’ dan ir-Regolament.”

7.

L-Anness V tar-Regolament Nru 44/2001 jinkludi mudell taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tal-imsemmi regolament:

“Ċertifikat imsemmi fl-Artikoli 54 u 58 tar-Regolament dwar sentenzi u deċiżjonijiet tal-qrati […]

2.10.   Data tas-servizz tad-dokument li jibda l-proċeduri fejn is-sentenza ġie mogħti mingħajr dehra l-qorti […]”.

III – Il-fatti

8.

Il-kumpannija Seramico Investments Limited (iktar ’il quddiem “Seramico”) ressqet azzjoni ġudizzjarja quddiem il-High Court of Justice Ingliża bl-għan li l-kumpannija Trade Agency Limited (iktar ’il quddiem “Trade Agency”) u konvenuta oħra jiġu kkundannati għall-ħlas ta’ GBP 289 122.10.

9.

Peress li Trade Agency ma ppreżentat ebda risposta, fit-8 ta’ Ottubru 2009 il-High Court of Justice, Queen’s Bench Division, tat deċiżjoni fil-kontumaċja li biha kkundannat lil Trade Agency għall-ħlas ta’ GBP 293 582.98 abbażi tar-raġunijiet li ġejjin: “inti ma tajtx risposta għat-talba nnotifikata lilek. Għal din ir-raġuni, inti kkundannata tħallas lill-attriċi s-somma ta’ GBP 289 122.10 bħala debiti, bl-interessi, sad-data tad-deċiżjoni, kif ukoll GBP 130 bħala spejjeż. B’kollox, is-somma li għandek tħallas lill-attriċi tammonta għal GBP 293 582.98”.

10.

Mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-regolament, maħruġ mill-High Court Ingliża, hemm indikat li “l-informazzjoni dwar l-azzjoni ġudizzjarja ġiet innotifikata fl-10 ta’ Settembru 2009”.

11.

Fit-28 ta’ Ottubru 2009, Seramico ressqet talba quddiem ir-Rīgas pilsētas Ziemļu rajona tiesa tar-Repubblika tal-Latvja bl-għan li tinħareġ dikjarazzjoni fil-Latvja li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni mogħtija mill-High Court. Kopja tad-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 ġew mehmuża ma’ din it-talba, liema talba ntlaqgħet permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Novembru 2009. B’deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, ir-Rīgas Apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija ċaħdet l-appell ippreżentat minn Trade Agency minn din is-sentenza.

12.

Sussegwentement, Trade Agency ippreżentat appell mid-deċiżjoni tal-qorti tal-appell tat-3 ta’ Marzu 2010 quddiem l-Augstākās Tiesas Senāts (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) u argumentat li, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja fir-Renju Unit, kien inkiser id-dritt tagħha għal smigħ xieraq, u għalhekk id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni tal-High Court għandha tiġi miċħuda fil-Latvja.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari

13.

Il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea:

“1)

Meta deċiżjoni ta’ qorti barranija tkun akkumpanjata mill-formola [ċertifikat] prevista fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001, iżda minkejja dan il-konvenut jikkontesta li ma ġiex innotifikat bl-azzjoni ġudizzjarja mressqa fl-Istat Membru ta’ oriġini tad-deċiżjoni, il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija kompetenti, meta tanalizza raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent prevista fl-Artikolu 34(2), tar-Regolament Nru 44/2001, li tivverifika hija stess jekk l-informazzjoni li tinsab fil-formola [ċertifikat] hijiex konformi mal-provi? Ġurisdizzjoni daqshekk wiesgħa tal-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja stabbilit fil-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001?

2)

Deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, li permezz tagħha l-kwistjoni dwar il-mertu tiġi deċiża mingħajr ma jiġu eżaminati la s-suġġett tat-talba u lanqas il-bażi tagħha u li ma tesponi ebda argument fuq il-fondatezza tar-rikors fir-rigward tal-mertu, hija konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta u tirrispetta d-dritt tal-konvenut għal smigħ xieraq, kif stabbilit minn din id-dispożizzjoni?”

14.

Minbarra Seramico u Trade Agency, il-Gvern tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Irlanda, tal-Italja, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Polonja u tal-Portugall kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

15.

Fit-8 ta’ Frar 2012 inżammet seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha kienu rrapreżentati l-Gvern tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Irlanda, tal-Latvja u tal-Polonja kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea.

V – Analiżi

A – Fuq l-ewwel domanda preliminari

16.

Skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, deċiżjoni ma għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk il-konvenut fin-nuqqas ma jkunx ġie nnotifikat bl-att promotur fi żmien xieraq u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-preżenza ta’ ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 li fuqu jidher id-data tan-notifika tal-att promotur, il-kwistjoni tan-notifika tistax tiġi kkontestata fil-proċedura ta’ exequatur.

17.

Madankollu, l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi wkoll li ma tistax issir oppożizzjoni għal dan il-motiv ta’ rifjut jekk il-konvenut ma jkunx appella mid-deċiżjoni fl-Istat ta’ oriġini meta huwa kien f’pożizzjoni li jagħmel dan.

18.

Fl-argumenti li ser nippreżenta iktar ’il quddiem, l-ewwel nett ser nanalizza sa liema punt il-qorti tal-Istat mitlub tista’ teżerċita stħarriġ fir-rigward tan-notifika tal-att promotur fil-kuntest tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 (iktar ’il quddiem fil-Parti 1). Sussegwentement, ser nanalizza ċ-ċirkustanzi li fihom il-konvenut jiġi mċaħħad mid-dritt li jinvoka dan il-motiv ta’ rifjut għaliex ikun naqas milli jappella fl-Istat ta’ oriġini (iktar ’il quddiem fil-Parti 2).

1. Il-portata tas-setgħa ta’ stħarriġ fir-rigward tan-notifika

19.

Qabel ma nanalizza l-kwistjoni tal-portata tas-setgħa ta’ stħarriġ meta jkun jeżisti ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001, nixtieq niddeskrivi fil-qosor il-proċedura stabbilita bir-regolament iċċitat iktar ’il fuq f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva. Fil-fatt, interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 tista’ ssir biss jekk tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema stabbilita bl-imsemmi regolament.

a) Is-sistema tar-Regolament Nru 44/2001

20.

Il-proċedura relatata mad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni, kif prevista fir-Regolament Nru 44/2001, hija magħmula minn żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni tingħata kważi awtomatikament, abbażi ta’ sempliċi stħarriġ tad-dokumenti pprovduti ( 4 ). Għal dan l-għan, għandha tiġi ppreżentata kopja ċċertifikata tad-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll, bħala regola ġenerali, iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 (bl-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 55 tal-imsemmi regolament).

21.

Huwa biss fit-tieni stadju li jista’ jitwettaq stħarriġ tal-motivi ta’ rifjut. Il-parti li kontra tagħha tintalab l-eżekuzzjoni tista’ tappella mid-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, f’konformità mal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001. Skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat l-appell tista’ biss tirrevoka dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva abbażi ta’ xi wieħed mill-motivi ta’ rifjut ta’ rikonoxximent previsti fl-Artikoli 34 u 35 tal-imsemmi regolament.

22.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jirriżultax b’mod ċar jekk l-att promotur inkwistjoni fil-każ ineżami ġiex innotifikat fir-Renju Unit jew barra mill-pajjiż. Madankollu, din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, billi dan huwa intiż sabiex japplika fiż-żewġ każijiet ( 5 ).

b) L-interpretazzjoni tal-Artikoli 34(2) u 54 tar-Regolament Nru 44/2001

23.

L-ewwel domanda preliminari tikkonċerna essenzjalment il-portata tal-istħarriġ tal-qorti tal-Istat mitlub. Indipendentement mid-data tan-notifika indikata fiċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001, tista’ din il-qorti twettaq stħarriġ f’dak li jirrigwarda n-notifika tal-att, jew saħansitra tiċħad l-eżistenza nnifisha ta’ tali notifika?

24.

Il-kliem tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li skontu r-rikonoxximent jista’ jiġi rrifjutat jekk l-att promotur ma jkunx ġie nnotifikat lill-konvenut fin-nuqqas f’ħin xieraq u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu, jimmilita a priori favur dritt ta’ stħarriġ totali.

25.

F’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet lill-konvenut fin-nuqqas. Hija għal din ir-raġuni li l-istħarriġ tar-regolarità tan-notifika tal-att promotur ġie fdat kemm lill-qorti tal-Istat ta’ oriġini kif ukoll lill-qorti tal-Istat mitlub ( 6 ).

26.

Anki fis-sentenza ASML, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-importanza tad-drittijiet tad-difiża b’rabta mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ dan l-artikolu, it-tieni qorti li tressqet il-kawża quddiemha, li għandha tiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, għandha tkun tista’ teżamina mill-ġdid il-kwistjoni tan-notifika. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, anki fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001 ( 7 ), ir-rispett tad-drittijiet tal-konvenut fin-nuqqas hija assigurata permezz ta’ stħarriġ doppju. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament f’dan is-sens, għalkemm skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz [notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali ( 8 ), il-qorti ta’ oriġini diġà hija obbligata tivverifika, fil-każ ta’ notifika barra mill-pajjiż, jekk l-att promotur ikunx ġie nnotifikat lill-konvenut f’ħin xieraq u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu.

27.

Madankollu, il-Gvern Irlandiż jiddubita jekk id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ASML jistgħux jiġu trasposti fil-kawża inkwistjoni. Huwa jirrileva li f’dik is-sentenza ma hemm xejn li jindika li nħareġ ċertifikat f’dak il-każ partikolari. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħu, fil-każ ineżami l-preżenza ta’ tali ċertifikat tipprekludi l-istħarriġ doppju tan-notifika.

28.

Huwa minnu li s-sentenza ASML ma tagħmel ebda riferiment espress għall-eżistenza ta’ ċertifikat. Għalkemm hemm probabbiltà kbira li fil-fatt kien inħareġ tali ċertifikat skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 (fil-fatt hija regola ġenerali li jinħareġ ċertifikat skont dan ir-regolament), is-sentenza ma ssemmix l-eżistenza ta’ tali ċertifikat. Madankollu, l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istħarriġ doppju tan-notifika xorta japplikaw f’każ li nħareġ ċertifikat, kif ser nispjega.

i) L-interpretazzjoni litterali u sistematika tar-Regolament Nru 44/2001

29.

Skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ oriġini toħroġ ċertifikat, fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ibbażat fuq il-mudell taċ-ċertifikat previst fl-Anness V tal-imsemmi regolament. Mill-punt 2.10 ta’ dan l-anness jirriżulta li ċ-ċertifikat għandu jindika d-data tan-notifika tal-att promotur f’każ ta’ deċiżjonijiet mogħtija fil-kontumaċja. F’konformità mal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 44/2001, dan iċ-ċertifikat għandu jiġi mehmuż mat-talba għal dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ( 9 ).

30.

Mill-kliem tar-Regolament Nru 44/2001, ma jistax jiġi dedott li l-informazzjoni inkluża fiċ-ċertifikat, f’dak li jirrigwarda n-notifika tal-att promotur, tipproduċi effett vinkolanti fil-kuntest ta’ appell mid-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva.

31.

Dispożizzjonijiet oħra fir-Regolament Nru 44/2001 jipprojbixxu espressament lill-qorti tal-Istat mitlub milli tivverifika ċerti punti ta’ fatt. Fil-fatt, l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li fl-evalwazzjoni tal-kompetenzi ċċitati fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, il-qorti tal-Istat mitlub għandha tkun marbuta bil-konstatazzjonijiet tal-fatti li fuqhom il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha. Bl-istess mod, l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi li deċiżjoni ta’ qorti barranija taħt ebda ċirkustanza ma tista’ tiġi suġġetta għal reviżjoni tal-mertu tagħha.

32.

Il-fatt li r-Regolament Nru 44/2001 jipprojbixxi espressament lill-qorti tal-Istat mitlub milli tivverifika ċerti punti ta’ fatt jissuġġerixxi li f’dak li jirrigwarda l-aspetti l-oħra, din il-qorti għandha l-kompetenza li tagħmel il-verifiki tagħha dwar jekk ġewx issodisfatti r-rekwiżiti ta’ dispożizzjonijiet oħra. Dan jgħodd ukoll għall-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

33.

Fil-kuntest tal-interpretazzjoni sistematika tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tiġi rrilevata wkoll id-differenza bejn iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tal-imsemmi regolament u dak previst fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri ( 10 ). L-Artikoli 41(2) u 42(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedu wkoll li għandu jiġi mehmuż ċertifikat mad-deċiżjoni li tkun intalbet l-eżekuzzjoni tagħha. Fir-rigward ta’ dan iċ-ċertifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-qorti tal-Istat mitlub ma hijiex awtorizzata twettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet li fihom jinħareġ l-imsemmi ċertifikat ( 11 ).

34.

Madankollu, iż-żewġ regolamenti ċċitati iktar ’il fuq u d-dispożizzjonijiet rispettivi tagħhom f’dak li jirrigwarda ċ-ċertifikat jvarjaw wisq sabiex ikun jista’ jsir paragun f’dak li jirrigwarda l-effett vinkolanti ta’ dan iċ-ċertifikat. Ir-Regolament Nru 2201/2003 joħloq sistema li biha deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess jew deċiżjoni dwar ir-ritorn ta’ minuri, li tkun ġiet iċċertifikata fl-Istat Membru ta’ oriġini skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, hija rikonoxxuta u hija eżegwibbli awtomatikament fi Stat Membru ieħor mingħajr ma huwa possibbli li ssir oppożizzjoni għar-rikonoxximent tagħha u mingħajr ma tkun rikjesta proċedura ta’ exequatur  ( 12 ). Għaldaqstant, anki ċ-ċertifikat għandu jkun jista’ jiġi vverifikat biss fl-Istat ta’ oriġini.

35.

Għall-kuntrarju tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-Regolament Nru 44/2001 ma jirrinunzjax għall-proċedura ta’ exequatur. Hemm ukoll differenzi kunsiderevoli f’dak li jirrigwarda l-proċedura għall-ħruġ taċ-ċertifikat. Fil-fatt, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa imperattiv li ċ-ċertifikat jinħareġ minn qorti, filwaqt li ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 mhux neċessarjament jinħareġ minn qorti, u sempliċement jiġbor fih l-informazzjoni diġà eżistenti. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 2201/2003 biss jipprevedi, fl-Artikolu 43 tiegħu, dispożizzjoni espressa dwar il-korrezzjoni taċ-ċertifikat. Fl-aħħar mill-aħħar, l-istħarriġ tan-notifika tal-att promotur skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ġustament jista’ jsir biss jekk ma jkun previst ebda rimedju fl-Istat ta’ oriġini.

36.

Għalhekk, il-paragun mar-Regolament Nru 2201/2003 jimmilita kontra l-konklużjoni li ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 jipproduċi xi effett vinkolanti.

ii) L-interpretazzjoni teleoloġika tar-Regolament Nru 44/2001

37.

L-għan taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 lanqas ma jopponi l-istħarriġ totali tan-notifika tal-att promotur mill-qorti tal-Istat mitlub.

38.

L-oriġini tar-Regolament Nru 44/2001 tirrileva li ċ-ċertifikat ġie introdott bl-għan li jiffaċilita l-formalitajiet proċedurali għall-attur. Minflok l-obbligu li jipproduċi l-informazzjoni neċessarja f’diversi dokumenti separati (kif kien previst fir-regolament preċedenti), l-attur issa għandu biss jippreżenta ċertifikat li jiġbor fih l-informazzjoni utli kollha ( 13 ).

39.

Għalhekk, l-għan taċ-ċertifikat huwa s-simplifikazzjoni u l-uniformità tal-modalitajiet ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fl-ewwel stadju tal-proċedura. Barra minn hekk, dan iċ-ċertifikat jippermetti li ma jkunx hemm bżonn traduzzjonijiet peress li l-formola u l-informazzjoni f’kull taqsima huma uniformi fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha.

40.

Essenzjalment, il-kontenut taċ-ċertifikat jirrifletti l-portata tal-istħarriġ tal-qorti tal-Istat mitlub fl-ewwel stadju tal-proċedura ta’ exequatur. L-informazzjoni inkluża fih tippermetti li jiġi vverifikat malajr jekk ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva. B’dan il-mod, permezz ta’ dan iċ-ċertifikat jista’ faċilment jiġi vverifikat jekk il-partijiet fil-kawża prinċipali jkunux identiċi għal dawk tal-proċedura ta’ exequatur u jekk, mill-aspett formali, id-deċiżjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Għalhekk, iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fuq kollox intiż sabiex jissimplifika l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ exequatur.

41.

Huwa minnu li d-data tan-notifika tal-att promotur ma hijiex rilevanti għall-ewwel stadju tal-proċedura, billi l-motiv ta’ rifjut previst fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 (nuqqas ta’ notifika tal-att promotur f’ħin xieraq) jista’ jiġi eżaminat biss fit-tieni stadju tal-proċedura ta’ exequatur. Madankollu, il-preżentazzjoni sintetika taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 hija utli anki f’dak li jirrigwarda l-analiżi mwettqa fit-tieni stadju, u għalhekk tikkontribwixxi sabiex il-proċedura tiġi ssimplifikata. Filwaqt li r-regolament preċedenti (l-Artikolu 46(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell) kien jipprevedi li għandhom jiġu ppreżentati l-oriġinal jew kopja ċċertifikata tad-dokument li jistabbilixxi n-notifika tal-att promotur fil-kawża prinċipali, flimkien mat-traduzzjoni, l-indikazzjoni tad-data tan-notifika fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 twassal għal simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ exequatur, peress li jista’ faċilment jiġi vverifikat jekk in-notifika saritx f’ħin xieraq.

42.

Madankollu, l-għan taċ-ċertifikat huwa limitat għal din is-simplifikazzjoni tal-proċedura. Ma tistax tiġi dedotta, mir-Regolament Nru 44/2001, restrizzjoni għall-portata tal-istħarriġ fil-kuntest tal-proċedura ta’ exequatur.

43.

Ma hemm ebda raġuni għalfejn in-notifika ma għandhiex tibqa’ tiġi suġġetta għal verifika fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, liema regolament issa jipprevedi biss l-inklużjoni tan-notifika fiċ-ċertifikat, jiġifieri l-indikazzjoni tal-kontenut tad-dokument li jistabbilixxi n-notifika, liema dokument ma għandux jiġi ppreżentat. Fil-fatt, b’sempliċi ċertifikat li jindika d-data tan-notifika tal-att promotur, liema data tittieħed mill-fajl tal-kawża, hemm iktar riskju ta’ żball milli bil-preżentazzjoni tad-dokument oriġinali li jiċċertifika n-notifika, u dan iktar u iktar jiġġustifika l-fatt li l-qorti tal-Istat mitlub għandha tkun tista’ tibqa’ tagħmel l-istħarriġ tan-notifika. Iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jagħtix garanzija ta’ konformità ikbar mid-dokument oriġinali li qabel kellu jiġi ppreżentat bħala prova tan-notifika.

44.

Barra minn hekk, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 jindika biss id-data tan-notifika. Issa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, għandu jiġi eżaminat, abbażi tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, jekk il-konvenut ikunx ġie nnotifikat bl-att promotur f’ħin xieraq u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu. Id-data indikata mill-ġdid fiċ-ċertifikat tagħti l-ewwel indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-verifika dwar jekk in-notifika saritx f’ħin xieraq b’tali mod li l-konvenut ikun jista’ jiddefendi ruħu. Madankollu, min-naħa l-oħra, iċ-ċertifikat ma jipprovdi ebda informazzjoni utli sabiex jiġi vverifikat il-mod kif saret in-notifika; għaldaqstant dan ma għandu ebda effett vinkolanti minn dan l-aspett. Ma hemmx spjegazzjoni loġika għalfejn id-data tan-notifika biss u, konsegwentement, il-kwistjoni impliċita jekk l-att promotur effettivament ġiex innotifikat ma jistgħux jiġu mistħarrġa, filwaqt li l-mod kif saret in-notifika xorta jista’ jiġi mistħarreġ. Fil-fatt, dawn id-diversi aspetti tan-notifika oġġettivament ma jistgħux jiġu mifruda fil-kuntest tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

45.

Din l-interpretazzjoni proposta iktar ’il fuq lanqas ma tmur kontra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Istati Membri, li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 44/2001 ( 14 ).

46.

Huwa minnu li hemm kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-possibbiltà li jitwettaq stħarriġ doppju tan-notifika, kemm mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini kif ukoll mill-qorti li quddiemha jitressaq ir-rikors fl-Istat mitlub, u min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-għan ta’ rikonoxximent rapidu kemm jista’ jkun sempliċi. Madankollu, mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 44/2001, jirriżulta li dan ir-regolament għandu wkoll l-għan li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ( 15 ).

47.

L-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi każ ta’ applikazzjoni partikolarment importanti tad-dritt tal-konvenut għal smigħ xieraq, peress li jipprojbixxi d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq jekk il-konvenut ma jkunx ingħata l-possibbiltà li jiddefendi ruħu quddiem il-qorti tal-Istat ta’ oriġini ( 16 ). Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 44/2001 isib bilanċ bejn, minn naħa, l-interess kuntrarju tal-attur li jikseb rikonoxximent u eżekuzzjoni rapidi tad-deċiżjoni, u min-naħa l-oħra, id-drittijiet tad-difiża f’każ ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja.

48.

Il-fatt li l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 prinċipalment jirreferi għar-rimedji fl-Istat ta’ oriġini u jippermetti biss li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni f’każ li ma jkunx hemm rimedju f’dan l-Istat josserva l-prinċipju tal-fiduċja reċiproka. Jekk jitqies li ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa vinkolanti għall-qorti tal-Istat mitlub, il-parti li kontra tagħha tintalab l-eżekuzzjoni tkun imċaħħda minn kull possibbiltà li tivverifika, fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja, l-allegat nuqqas ta’ notifika tal-att promotur. Fil-fatt, l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ biss jiġi invokat sabiex jiġġustifika r-rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni f’każ li, minbarra n-nuqqas ta’ notifika tal-att promotur, il-konvenut ma jkunx naqas milli jappella mid-deċiżjoni inkwistjoni. F’tali każ, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni għall-ewwel darba tagħti lill-konvenut il-possibbiltà li jikkontesta, fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja, ir-regolarità tan-notifika tal-att promotur. Kif diġà għedt iktar ’il fuq, iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jingħatax fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja u lanqas ma għandu jingħata minn qorti.

49.

Għaldaqstant, bħala konklużjoni intermedjarja, għandu jiġi konkluż li l-indikazzjoni tan-notifika tal-att promotur fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tipproduċix effetti vinkolanti.

2. Rimedji mhux eżawriti

50.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 34(2) u 45 tar-Regolament Nru 44/2001, id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni ma tistax tiġi rrifjutata meta l-konvenut ikollu l-possibbiltà li jappella fl-Istat Membru ta’ oriġini sabiex isostni li l-att promotur ma jkunx ġie ppreżentat jew innotifikat lilu f’ħin xieraq u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu ( 17 ). Il-qorti tar-rinviju ma għamlet ebda domanda rigward din il-kundizzjoni supplimentari prevista fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

51.

Madankollu, jiena nqis li dan il-punt għandu jiġi eżaminat sabiex tkun tista’ tingħata risposta xierqa għall-ewwel domanda preliminari.

52.

Bħalma tindika d-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kawża inkwistjoni, Trade Agency sostniet li kien biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ exequatur fil-Latvja li saret taf bis-sentenza fil-kontumaċja li ntalbet l-eżekuzzjoni tagħha.

53.

Jekk il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tippermetti l-preżentazzjoni ta’ appell mis-sentenza fil-kontumaċja anki fi stadju tant avvanzat, wieħed għandu jistaqsi jekk, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-konvenut għandux xorta jippreżenta tali appell fl-Istat ta’ oriġini, anki fil-każ fejn ikun ġie mgħarraf bis-sentenza fil-kontumaċja waqt il-proċedura ta’ exequatur — bħalma huwa l-każ fil-kawża inkwistjoni — jew jistax, f’tali każ, jinvoka direttament il-motiv ta’ rifjut previst fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

54.

Mill-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jirriżultax li l-obbligu li wieħed jikkontesta deċiżjoni fl-Istat ta’ oriġini għandu limitazzjoni ratione temporis. L-Artikolu 46(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti espressament lill-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat rikors fl-Istat mitlub li tissospendi d-deċiżjoni meta jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjoni inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini. Dan juri li skont l-istess Regolament Nru 44/2001, huwa possibbli li l-proċeduri fl-Istat ta’ oriġini u dawk fl-Istat mitlub jitwettqu b’mod parallel u jkunu interkonnessi ratione temporis.

55.

Iżda qabel kollox huma s-sens u l-finalità tar-Regolament Nru 44/2001 li jimmilitaw kontra limitazzjoni ratione temporis tal-obbligu tal-konvenut li jikkontesta d-deċiżjoni fl-Istat ta’ oriġini. Ir-Regolament Nru 44/2001 għandu l-għan li jipprojbixxi, sa fejn possibbli, li l-parti li kontriha ntalbet l-eżekuzzjoni tevita l-eżekuzzjoni meta l-parti l-oħra jkollha sentenza valida ta’ qorti barranija.

56.

Jekk konvenut ikun jixtieq jikkontesta sentenza mogħtija fil-kontumaċja, huwa għandu jinvoka l-argumenti tiegħu fl-Istat ta’ oriġini sabiex jipprova jikseb l-annullament tat-titolu eżekuttiv jew, għall-inqas, il-modifika tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-konvenut ma għandux iħalli li d-deċiżjoni fil-kontumaċja ssir waħda definittiva billi joqgħod lura milli jippreżenta appell sabiex sussegwentement ikun jista’ jevita s-sentenza valida tal-qorti barranija billi jinvoka — fl-Istat mitlub biss — l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

57.

Inkella, ikun fil-fatt ta’ vantaġġ għal konvenut li ma jkollu ebda beni fl-Istat ta’ oriġini li joqgħod lura milli jikkontesta, f’dan l-Istat, deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja kontrih meta ma jkunx ġie nnotifikat bl-att promotur jew ikun ġie nnotifikat b’mod inadegwat. Fil-fatt, meta jiġi ppreżentat appell fl-Istat ta’ oriġini hemm ir-riskju li f’dak li jirrigwardja r-regolarità tan-notifika u tal-legalità tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, il-konvenut jingħata raġun, iżda jitlef f’dak li jirrigwarda l-mertu tal-kawża jekk il-proċedura tiżvolġi b’mod regolari. Min-naħa l-oħra, jekk minflok jippreżenta appell fl-Istat ta’ oriġini, huwa jinvoka l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-proċedura ta’ exequatur, kull eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ qorti barranija fl-Istat mitlub issir definittivament impossibbli, peress li l-istħarriġ ikun għalhekk limitat għall-kwistjoni tal-kontumaċja biss.

58.

Madankollu, sabiex jiġi stabbilit jekk il-konvenut setax jippreżenta appell fil-kuntest tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma huwiex suffiċjenti li dan ikun jaf dwar l-eżistenza tad-deċiżjoni fil-kontumaċja, iżda tirrikjedi wkoll li jkun ġie innotifikat b’din id-deċiżjoni. Minn dan jirriżulta li konvenut jista’ biss jippreżenta appell minn deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja kontrih jekk dan effettivament ikun ġie mgħarraf bil-kontenut tagħha permezz ta’ notifika f’ħin xieraq b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu quddiem il-qorti tal-Istat ta’ oriġini ( 18 ).

59.

Fl-opinjoni tiegħi, notifika tas-sentenza fil-kontumaċja mill-qorti tal-Istat mitlub tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tas-sentenza ASML.

60.

Fil-fatt, l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi li “[i]d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni għandha tiġi servuta [nnotifikata] fuq il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni, akkumpanjata mis-sentenza, jekk dan ma jkunx diġa ġie servut fuq dik il-parti”. Il-kelma “sentenza” użata f’din id-dispożizzjoni tista’ tirreferi biss għad-deċiżjoni li tintalab l-eżekuzzjoni tagħha ( 19 ).

61.

Għalhekk, ir-Regolament Nru 44/2001 stess iqis li huwa possibbli li d-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja tiġi nnotifikata biss lill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni matul il-proċedura ta’ exequatur. Għaldaqstant, ikun loġiku li wieħed iqis li anki n-notifika mwettqa mill-qorti tal-Istat mitlub flimkien mad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tikkostitwixxi notifika fis-sens intiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ASML iċċitata iktar ’il fuq ( 20 ). Fil-kwistjoni li wasslet għall-kawża ASML, is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja lanqas biss kienet ġiet innotifikata mad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ( 21 ).

62.

Għalhekk, bħala regola ġenerali, in-notifika tas-sentenza mill-qorti tal-Istat mitlub matul il-proċedura ta’ exequatur hija suffiċjenti, sakemm il-konvenut ikollu żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiddefendi ruħu b’mod effikaċi kontra d-deċiżjoni tal-Istat ta’ oriġini.

63.

Madankollu, il-kawża inkwistjoni hija kkaratterizzata minn partikolarità oħra, li hija wkoll is-suġġett tat-tieni domanda preliminari. Is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja fir-Renju Unit tiddistingwi ruħha mill-fatt li l-motivazzjoni tagħha hija bbażata biss fuq in-nuqqas tal-konvenut u ma fiha ebda spjegazzjoni oħra dwar il-fondatezza tat-talba. Fir-rigward tar-rwol tan-notifika tas-sentenza fil-kontumaċja, fis-sentenza ASML, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li sabiex il-konvenut ikun jista’ jiddefendi ruħu b’mod effikaċi, huwa għandu jkollu l-possibbiltà li jkun jaf il-motivi tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja sabiex ikun jista’ jikkontestahom b’mod effikaċi ( 22 ).

64.

Għalhekk, fil-kuntest tar-rifjut tar-rikonoxximent previst fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-kontumaċja għandhom jiġu kkunsidrati b’rabta mal-kundizzjonijiet tal-preżentazzjoni ta’ appell u mal-ostakoli relatati magħha. Il-Gvern tar-Renju Unit indika li l-motivazzjoni tas-sentenza fil-kontumaċja għandha titqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tat-talba u tas-sunt dettaljat tat-talbiet (“particulars of claim”), peress li dawn id-dokumenti jipprovdu dettalji dwar il-fatti u dwar il-bażi legali tat-talba. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax b’mod ċar jekk, minbarra d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, il-konvenut ġiex innotifikat biss bis-sentenza fil-kontumaċja jew ġiex innotifikat ukoll bl-att promotur. Jekk il-konvenut ma ġiex innotifikat bl-att promotur flimkien mad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, wieħed jista’ jqis li l-konvenut ma setax jikkontesta s-sentenza mogħtija fil-kontumaċja b’mod effikaċi. Fl-argumenti tiegħi dwar it-tieni domanda preliminari jiena ser niddiskuti dan b’mod aktar dettaljat. Finalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt.

3. Risposta għall-ewwel domanda preliminari

65.

Ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari hija li l-indikazzjoni tan-notifika tal-att promotur fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tipproduċix effetti vinkolanti, iżda tista’ tiġi mistħarrġa mill-qorti fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell kontra d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva. Il-fatt li s-sentenza fil-kontumaċja ġiet innotifikata lill-konvenut mill-qorti tal-Istat mitlub biss, flimkien mad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, ma teżentax lil dan il-konvenut mill-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 li jippreżenta appell mis-sentenza fil-kontumaċja fl-Istat ta’ oriġini, sakemm is-sentenza fil-kontumaċja jew kwalunkwe dokument ieħor innotifikat lilu tinkludi l-motivi li wasslu għas-sentenza b’tali mod li huwa jista’ jikkontestahom b’mod effikaċi.

B – Fuq it-tieni domanda preliminari

66.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk sentenza mogħtija fil-kontumaċja mingħajr eżami tal-bażi legali tar-rikors, u għaldaqstant mingħajr ebda argument dwar il-fondatezza materjali tar-rikors, hijiex kompatibbli mad-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

67.

Il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda fir-rigward tal-klawżola tal-ordni pubbliku prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 li, flimkien mal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001, tippermetti li tiġi rrifjutata d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva meta r-rikonoxximent tad-deċiżjoni li tintalab l-eżekuzzjoni tagħha jkun manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.

68.

Qabelxejn, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każ ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, il-klawżola tal-ordni pubbliku prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 hija intiża sabiex tapplika biss jekk tinkiser regola ta’ ordni pubbliku li ma tkunx dik prevista speċifikament fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 (nuqqas ta’ notifika tal-att promotur). Fil-fatt, l-ipoteżi tar-rifjut tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza fil-kontumaċja minħabba li l-att promotur ma jkunx ġie nnotifikat hija inkluża f’dispożizzjoni awtonoma u limitattiva fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, tant li dan il-motiv ta’ rifjut ma jistax jiġi invokat fuq il-bażi tal-Artikolu 34(1) tal-imsemmi regolament.

1. Il-klawżola tal-ordni pubbliku fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

69.

Fis-sentenza Krombach, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fir-rigward tad-dispożizzjoni preċedenti prevista fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, li filwaqt li hija ma għandhiex tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat kontraenti, madankollu hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat kontraenti tkun tista’ tirrikorri għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat kontraenti ieħor ( 23 ).

70.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku ma huwiex possibbli ħlief fil-każ fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fi Stat kontraenti ieħor imorru kontra, b’mod inaċċettabbli, l-ordinament ġuridiku tal-Istat mitlub, inkwantu tippreġudika prinċipju fundamentali. Il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola ta’ dritt meqjusa bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali ( 24 ).

71.

Din il-ġurisprudenza għandha tiġi applikata fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, b’mod partikolari billi l-mod kif inhu fformulat dan l-artikolu jieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja: fil-fatt il-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda espressament ir-rekwiżit ta’ ksur manifest tal-ordni pubbliku fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

72.

Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma taqbiżx il-limiti imposti fuqha fil-konstatazzjoni ta’ ksur tal-ordni pubbliku meta r-rekwiżiti nazzjonali tal-ordni pubbliku jkunu jipprovdu għal rimedju fil-każ ta’ ksur manifest tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-KEDB u fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 25 ).

73.

Fil-każ ineżami, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-ordni pubbliku nazzjonali jistax jinkludi rekwiżiti oħra fuq bażi eċċezzjonali, jew għandux dejjem jikkorrispondi mal-kontenut tal-ordni pubbliku kif jirriżulta mid-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. Fil-fatt, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju semmiet biss espressament ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

74.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull persuna għandha d-dritt għal smigħ xieraq.

75.

Mill-prinċipju ta’ omoġeneità tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirriżulta li, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), is-sens u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-imsemmija konvenzjoni. Id-dritt għal smigħ xieraq huwa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB. Għaldaqstant, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jingħata l-istess sens u l-istess kamp ta’ applikazzjoni bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-KEDB, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 26 ).

76.

L-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża jokkupa post importanti ħafna fl-organizzazzjoni u fil-mod kif jitmexxa smigħ xieraq ( 27 ). Id-dritt tal-konvenut għal smigħ jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet tad-difiża. Għaldaqstant, id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq jiġi ppreġudikat meta, f’kawża ċivili, il-konvenut ma jkunx jista’ jikkontesta t-talba effettivament u, għaldaqstant, ma jkunx jista’ jinstema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja.

77.

Madankollu, id-dritt għal smigħ ma jasalx sal-punt li jipprojbixxi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja sakemm il-konvenut effettivament jirrispondi għat-talba. Fil-fatt, id-dritt għal smigħ jiġi rrispettat ladarba l-konvenut effettivament jingħata l-possibbiltà li jsostni l-argumenti tiegħu. Id-deċiżjoni tal-konvenut li ma jirrikorrix għal din il-possibbiltà hija responsabbiltà tiegħu, u fil-fatt huwa jista’ wkoll jirrinunzja għas-smigħ ( 28 ).

78.

Fil-fatt, id-drittijiet tad-difiża ma humiex iggarantiti mingħajr restrizzjonijiet. Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali tal-miżura inkwistjoni u ma jistgħux jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan imfittex, ksur manifest u sproporzjonat tad-drittijiet kif iggarantiti ( 29 ).

79.

Id-drittijiet tad-difiża huma partikolarment f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali proċedurali korrispondenti tal-parti avversarja, b’mod partikolari l-garanzija li wieħed ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja — din il-garanzija hija meqjusa bħala dritt fundamentali fil-livell statali — u d-dritt korrelattiv għal proċeduri rapidi. Ir-regoli proċedurali relatati mas-sentenzi fil-kontumaċja jilħqu bilanċ bejn id-drittijiet tad-difiża u d-drittijiet tal-attur, u b’hekk jillimitaw id-dritt għal smigħ. Huma jikkontribwixxu għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jippermettu l-implementazzjoni tad-dritt tal-attur għal protezzjoni ġudizzjarja rapida. In-nuqqas ta’ risposta mill-konvenut għall-azzjoni mibdija kontrih ma għandhiex twaqqaf il-proċeduri.

80.

Għaldaqstant, jista’ jitqies li fl-ordinamenti ġuridiċi kollha tal-Istati Membri jeżisti l-prinċipju ta’ sentenzi mogħtija fil-kontumaċja; anki r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedu tali possibbiltà ( 30 ).

81.

Barra minn hekk, dak li wassal sabiex il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tal-konformità tad-deċiżjoni mal-ordni pubbliku ma huwiex sempliċement il-fatt li d-deċiżjoni ngħatat fil-kontumaċja mingħajr ma l-konvenut kien ħa sehem fil-proċeduri. Bħalma indikat il-Kummissjoni Ewropea, anki fid-dritt Latvjan jeżisti l-prinċipju ta’ deċiżjonijiet mogħtija fil-kontumaċja. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju pjuttost jikkonċernaw il-fatt li, fil-każ ineżami, ir-regoli proċedurali tal-Istat ta’ oriġini ma jobbligawx lill-qorti sabiex teżamina, fil-kuntest ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, jekk id-dritt invokat mill-attur effettivament jeżistix u l-fatt li fis-sentenza ma hemm ebda motivazzjoni materjali.

2. Assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni

82.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB bħala regola ġenerali jobbliga lill-qrati sabiex jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom ( 31 ).

83.

Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kemm-il darba ddikjarat li r-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma għandhomx ikunu eċċessivament għoljin, u li dawn jistgħu jvarjaw skont in-natura tad-deċiżjoni u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ ( 32 ). F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-natura tad-deċiżjoni u d-differenzi fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati kontraenti.

84.

L-obbligu li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jiġu mmotivati għandu għan doppju. Minn naħa, huwa għandu l-għan li jiggarantixxi r-rispett tad-dritt għal smigħ, peress li l-qorti għandha teżamina b’mod suffiċjenti l-argumenti tal-partijiet ( 33 ). Dan l-aspett ma huwiex rilevanti f’każ li tintlaqa’ t-talba permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja kontra l-konvenut fin-nuqqas. Dan għaliex, f’tali każ, il-konvenut ma jkunx ressaq argumenti li jistgħu jiġu inklużi fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni.

85.

Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jippermetti lill-parti li tkun tilfet il-kawża sabiex din tuża b’mod effikaċi r-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha. Din il-parti għandha tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet li għalihom ġiet ikkundannata. Fin-nuqqas ta’ dan, il-portata tal-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi stabbilita u l-attur ikun jista’, pereżempju, jikseb sentenza oħra għall-istess pretensjoni.

86.

Dan it-tieni aspett huwa rilevanti proprju fil-każ ta’ deċiżjonijiet mogħtija fil-kontumaċja. Madankollu, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tkun korrelatata mal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-preżentazzjoni ta’ appell. Iktar ma jkunu stretti r-rekwiżiti li jirrigwardaw il-preżentazzjoni ta’ appell mid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, iktar ikunu għoljin ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni. Sabiex tkun tista’ tippreżenta appell minn deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja u tirbaħ il-kawża, il-parti li tkun tilfitha għandha tkun tista’ tidentifika l-fatti u l-punti ta’ liġi li abbażi tagħhom tippreżenta l-argumenti tagħha. Hekk biss jiġi ggarantit id-dritt tagħha għal smigħ xieraq.

87.

Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern tar-Renju Unit l-ewwel nett enfasizza li sentenza fil-kontumaċja ma tfissirx li ma jkun hemm ebda motivazzjoni, iżda li l-motivazzjoni tkun konċiża, peress li d-deċiżjoni tkun motivata biss min-nuqqas tal-konvenut. Barra minn hekk, il-Gvern tar-Renju Unit indika li l-possibbiltà li tingħata sentenza fil-kontumaċja neċessarjament timplika li l-konvenut ikun ġie nnotifikat kif xieraq mhux biss bl-att promotur, iżda anki bis-sunt dettaljat tat-talbiet (“particulars of claim”), li jkun fiha preżentazzjoni dettaljata tal-motivi u l-fatti li wasslu għall-kawża.

88.

Ma huwiex essenzjali li din l-informazzjoni tiġi mill-attur innifsu u sa ċertu punt tiġi biss trażmessa mill-qorti. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni jiġi ssodisfatt ladarba l-konvenut jiġi informat bil-motivi u l-fatti li fuqhom tkun ibbażata t-talba, b’tali mod li jkun jista’ jippreżenta appell b’mod effikaċi mis-sentenza fil-kontumaċja.

89.

Id-dritt għal smigħ xieraq ma jobbligax neċessarjament lill-qorti sabiex tesponi l-fatti fid-deċiżjoni, meta dawn ikunu diġà ġew indikati f’dokument ieħor li d-deċiżjoni tagħmel riferiment ċar għalih. Għaldaqstant, jekk il-preżentazzjoni ta’ appell minn sentenza mogħtija fil-kontumaċja ma tiltaqax ma’ ostakoli kbar dovuti għall-fatt li jkun meħtieġ li jsiru magħrufa b’mod iktar preċiż ir-raġunijiet għas-sentenza, ma jistax jitqies li nkisru d-drittijiet tad-difiża. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, il-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni ta’ appell kif ukoll l-informazzjoni li l-konvenut ikun sar jaf biha permezz tas-sentenza, permezz tal-att promotur u ta’ kull dokument ieħor innotifikat lilu.

3. Nuqqas ta’ eżami tal-bażi legali tat-talba

90.

Għad irid jiġi stabbilit jekk id-dritt għal smigħ xieraq jinkisirx meta qorti tagħti deċiżjoni fil-kontumaċja mingħajr ma tipproċedi għal eżami minn qabel tal-bażi legali tat-talba, jiġifieri meta din ma tanalizzax jekk ir-regoli legali applikabbli jsostnux il-pretensjoni tal-attur fid-dawl tal-fatti esposti minnu.

91.

Ċertament, id-dritt għal smigħ xieraq normalment jitlob eżami kontradittorju tal-fatti u tal-punti ta’ dritt ( 34 ), jiġifieri eżami tal-argumenti tal-attur u tal-konvenut. Madankollu, il-każ ineżami jirrigwarda deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, fejn l-attur biss ressaq argumenti.

92.

Sabiex jiġġustifika r-regoli proċedurali tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit invoka, minn naħa, raġunijiet relatati mal-ekonomija tal-ġudizzju. Skont il-Gvern tar-Renju Unit, il-qrati ma għandhomx ikunu obbligati jwettqu eżami fi proċeduri fejn il-konvenut ikun fin-nuqqas. Min-naħa l-oħra, dejjem skont il-Gvern tar-Renju Unit, ir-rinunzja għall-eżami tal-punti ta’ dritt hija ġġustifikata mill-mod kif inhi organizzata l-proċedura ċivili Ingliża fejn, bħala regola ġenerali, il-partijiet għandhom isostnu l-argumenti legali tagħhom, u fejn il-prinċipju ta’ iura novit curia — il-qorti għandha għarfien tad-dritt (u għandha tapplikah ex officio) — ma japplikax mingħajr restrizzjonijiet ( 35 ). Dan l-argument jikkontrapponi l-eżami li jikkonċerna d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq.

93.

Meta parti ma tiddefendix ruħha kontra azzjoni ġudizzjarja li tkun taf biha, hija tkun qiegħda taċċetta r-riskju li tiġi kkundannata. Hija tkun taf dwar l-ilment tal-attur u tirrikonoxxi li tista’ tiġi kkundannata. Fl-opinjoni tiegħi, jekk hija xorta ma tagħtix risposta għat-talba, id-dritt għal smigħ xieraq ma jfissirx neċessarjament li l-konvenut fil-kontumaċja għandu jingħata protezzjoni supplimentari quddiem ir-riskju ta’ kundanna materjalment mhux iġġustifikata billi l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża tkun obbligata tivverifika l-bażi legali tat-talba. Ir-riskju li tingħata deċiżjoni żbaljata fuq il-bażi ta’ eżami minn qabel tal-bażi legali tat-talba jikkonċerna l-problema kumplessa tal-verità materjali u proċedurali. Madankollu, id-drittijiet fundamentali tad-difiża huma suffiċjentement iggarantiti jekk il-konvenut ikun jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu b’mod effikaċi u jkun jista’ jippreżenta appell mid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja.

94.

Għaldaqstant, il-każ inkwistjoni huwa differenti minn dak li fuqu hija bbażata l-kawża Gambazzi. Fil-fatt, f’din il-kawża kien hemm kontumaċja imposta mill-qorti fuq il-konvenut bħala sanzjoni. Il-konvenut kien ġie eskluż mill-bqija tal-proċeduri għalkemm huwa xtaq jipparteċipa fihom u b’hekk ġie ttrattat bħala konvenut fin-nuqqas, minħabba li ma kienx issodisfa l-obbligi imposti fuqu permezz ta’ digriet fi stadju preċedenti għall-proċeduri. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kwistjoni dwar jekk il-fondatezza ta’ dawn it-talbiet kontra l-konvenut kinitx, f’dan l-istadju jew fi stadju preċedenti, is-suġġett ta’ evalwazzjoni u jekk il-konvenut kellux, f’dan l-istadju jew fi stadju preċedenti, il-possibbiltà li jesprimi ruħu dwar dan is-suġġett u jekk utilizzax rimedju ġudizzjarju tikkostitwixxi element rilevanti fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali ( 36 ).

95.

Barra minn hekk, lanqas ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea ( 37 ) ma jipprevedi ebda eżami ġenerali tal-bażi legali tat-talba. Skont l-Artikolu 11(1)(b) ta’ dan ir-regolament, talba tinċaħad minħabba nuqqas ta’ bażi biss jekk hija tkun evidentement bla bażi.

4. Risposta għat-tieni domanda preliminari

96.

Ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari hija li, fil-kuntest tal-klawżola tal-ordni pubbliku prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tal-Istat mitlub tista’ biss tikkunsidra l-fatt li l-qorti tal-Istat ta’ oriġini tat deċiżjoni fil-kontumaċja mingħajr ma eżaminat il-bażi legali tat-talba, liema deċiżjoni tillimita ruħha għall-konstatazzjoni tal-kontumaċja tal-konvenut iżda ma fiha ebda argument dwar il-fondatezza tar-rikors, jekk din l-istess qorti tasal għall-konklużjoni, wara evalwazzjoni globali tal-informazzjoni pprovduta lill-konvenut u r-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini b’rabta mal-preżentazzjoni ta’ rikors, li l-konvenut ma setax jiddefendi ruħu b’mod effikaċi kontra d-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja minħabba li din id-deċiżjoni ma kinitx motivata.

VI – Konklużjonijiet

97.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula kif ġej:

“(1)

L-indikazzjoni tan-notifika tal-att promotur fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tipproduċix effetti vinkolanti, iżda tista’ tiġi mistħarrġa mill-qorti fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell kontra d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva. Il-fatt li s-sentenza fil-kontumaċja ġiet innotifikata lill-konvenut mill-qorti tal-Istat mitlub biss, flimkien mad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, ma teżentax lil dan il-konvenut mill-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 li jippreżenta appell mis-sentenza fil-kontumaċja fl-Istat ta’ oriġini, sakemm is-sentenza fil-kontumaċja jew kwalunkwe dokument ieħor innotifikat lilu tinkludi l-motivi li wasslu għas-sentenza b’tali mod li huwa jista’ jikkontestahom b’mod effikaċi.

(2)

Fil-kuntest tal-klawżola tal-ordni pubbliku prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tal-Istat mitlub tista’ biss tikkunsidra l-fatt li l-qorti tal-Istat ta’ oriġini tat deċiżjoni fil-kontumaċja mingħajr ma eżaminat il-bażi legali tat-talba, liema deċiżjoni tillimita ruħha għall-konstatazzjoni tal-kontumaċja tal-konvenut iżda ma fiha ebda argument dwar il-fondatezza tar-rikors, jekk din l-istess qorti tasal għall-konklużjoni, wara evalwazzjoni globali tal-informazzjoni pprovduta lill-konvenut u r-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini b’rabta mal-preżentazzjoni ta’ rikors, li l-konvenut ma setax jiddefendi ruħu b’mod effikaċi kontra d-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja minħabba li din id-deċiżjoni ma kinitx motivata.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 3 ) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġiet ipproklamata solennement għall-ewwel darba fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2000, C 364, p. 1) u t-tieni darba fit-12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasbourg (ĠU 2007, C 303, p. 1 u ĠU 2010, C 83, p. 389).

( 4 ) Il-premessa 17 tar-Regolament Nru 44/2001.

( 5 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1985, Debaecker und Plouvier (49/84, Ġabra p. 1779, punti 11 sa 13).

( 6 ) Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1982, Pendy Plastic Products (228/81, Ġabra p. 2723, punt 13) u tat-3 ta’ Lulju 1990, Lancray (C-305/88, Ġabra p. I-2725, punt 28).

( 7 ) Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML (C-283/05, Ġabra p. I-12041, punt 29).

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227, li llum sar ir-Regolament Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007 (ĠU L 324, p. 79).

( 9 ) L-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi soluzzjonijiet alternattivi meta ma jinħariġx ċertifikat skont l-Artikolu 54.

( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243.

( 11 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (C-491/10 PPU, Ġabra p. I-14247, punt 54).

( 12 ) Ara l-premessa 23 tar-Regolament Nru 2201/2003 u s-sentenza Aguirre Zarraga (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 48).

( 13 ) Sunt tal-motivi tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 1999, COM(1999) 348 finali, p. 25].

( 14 ) Premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001 u sentenza tas-27 ta’ April 2004, Turner (C-159/02, Ġabra p. I-3565, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Anki l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat id-drittijiet tad-difiża fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C-420/07, Ġabra p. I-3571, punt 73).

( 16 ) Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C-39/02, Ġabra p. I-9657, punt 55).

( 17 ) Sentenza Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 78).

( 18 ) Sentenza ASML (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 49).

( 19 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tat-28 ta’ Settembru 2006 tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża li wasslet għas-sentenza ASML.

( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 1996, Van der Linden (C-275/94, Ġabra p. I-1393).

( 21 ) Punti 91 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża li wasslet għas-sentenza ASML, iċċitata iktar ’il fuq.

( 22 ) Punt 35 tas-sentenza.

( 23 ) Sentenza tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C-7/98, Ġabra p. I-1935, punt 23), u tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi (C-394/07, Ġabra p. I-2563, punt 26).

( 24 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Krombach (punt 37) u Gambazzi (punt 27).

( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Krombach (punti 38 u 39) u Gambazzi (punt 28).

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 48), u tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C-400/10 PPU, Ġabra p. I-8965, punt 53).

( 27 ) Sentenza Gambazzi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 28).

( 28 ) Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Makarenko vs Ir-Russja tat-22 ta’ Diċembru 2009 (rikors Nru 5962), punt 135. F’din is-sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li kull parti fil-kawża setgħet tirrinunzja li tidher fis-seduta. Din ir-rinunzja għandha tkun ċara u magħha għandu jkun hemm ċerti garanziji minimi li jiġu stabbiliti skont l-importanza tad-dritt li għalih tkun irrinunzjat il-parti kkonċernata.

( 29 ) Sentenza Gambazzi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 29).

( 30 ) Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 31 ) Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Hirvisaari vs Il-Finlandja tas-27 ta’ Settembru 2001 (rikors Nru 49684/99), punt 30; Ruiz Torija vs Spanja tad-9 ta’ Diċembru 1994 (rikors Nru 18390/91), punt 29, u Higgins vs Franza tad-19 ta’ Frar 1998 (rikors Nru 20124/92), Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet 1998-I, punt 42.

( 32 ) Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Ruiz Torija vs Spanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31), punt 29, u Van de Hurk vs Il-Pajjiżi l-Baxxi tad-19 ta’ April 1994 (rikors Nru 16034/90), serje A Nru 288, p. 20, punt 61.

( 33 ) Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Jokela vs Il-Finlandja tal-21 ta’ Mejju 2002 (rikors Nru 28856/95), punti 72 u 73, u Nedzela vs Franza tas-27 ta’ Lulju 2006 (rikors Nru 73695/01), punt 55.

( 34 ) Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Jokela vs Il-Finlandja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33), punt 72.

( 35 ) Ara, bħala eżempju, il-punti 33 sa 37 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs tal-15 ta’ Ġunju 1995 fil-kawża li wasslet għas-sentenza van Schijndel u van Veen (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, C-430/93 u C-431/93, Ġabra p. I-4705).

( 36 ) Sentenza Gambazzi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 45).

( 37 ) ĠU L 399, p. 1.

Top