EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0514

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ippreżentati fit-2 ta’ Frar 2012.
Wolf Naturprodukte GmbH vs SEWAR spol. s r.o..
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud.
Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija qabel l-adeżjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni mal-Unjoni Ewropea.
Kawża C‑514/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:54

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

VILLALÓN

ippreżentati fit-2 ta’ Frar 2012 ( 1 )

Kawża C-514/10

Wolf Naturprodukte GmbH

vs

Sewar spol. sro

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud České republiky (ir-Repubblika Ċeka)]

“Eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 66 — Obbligu li tiġi eżegwita sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor qabel l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni”

I – Introduzzjoni

1.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ), irrispettivament mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta’ Marzu 2002 ( 3 ), jiddedika l-Artikolu 66 għad-determinazzjoni ratione temporis tal-kawżi u, meta jkun il-każ, tas-sentenzi ġudizzjarji li fir-rigward tagħhom għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tiegħu, li, kif jindika t-titolu tiegħu stess, huma intiżi speċifikament għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni u għar-rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi rispettivi.

2.

Fil-kuntest ta’ talba għall-eżekuzzjoni fir-Repubblika Ċeka ta’ sentenza ġudizzjarja mogħtija fl-Awstrija, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-artikolu msemmi għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa suffiċjenti (jew li ma huwiex suffiċjenti), għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, li, fil-mument meta ngħatat is-sentenza msemmija, ir-Regolament kien daħal fis-seħħ biss fl-Istat fejn ingħatat din is-sentenza, irrispettivament għalhekk mis-sitwazzjoni tar-Regolament fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

3.

F’dawn iċ-ċirkustanzi u kif ser nargumenta, il-kwistjoni li tqum fil-prattika u li fl-istess ħin tikkostitwixxi l-interess prinċipali ta’ din il-kawża, tikkonċerna l-mod kif jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 66 fil-kuntest territorjali tal-Istati Membri li saru parti mill-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, kwistjoni din li r-Regolament ma jindirizzax b’mod espliċitu.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni: ir-Regolament Nru 44/2001

4.

Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 44/2001 tindika:

“Fis-27 ta’ Settembru 1968 l-Istati Membri, permezz ta’ l-Artikolu 293, ir-raba’ indent, tat-Trattat, ikkonkludew il-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjonijiet dwar l-Għaqda ta’ Stati Membri Ġodda għal dik il-Konvenzjoni (minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Konvenzjoni ta’ Brussel’). Fis-16 ta’ Settembru 1988 Stati Membri u Stati EFTA kkonkludew il-Konvenzjoni ta’ Lugano dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, li hija Konvenzjoni parallella għal Konvenzjoni ta’ Brussel 1968. Inbdiet ħidma għar-reviżjoni ta’ dawk il-Konvenzjonijiet, u l-Kunsill kien approva l-kontenut tat-testi reveduti. Għandha tiġi assigurata l-kontinwità fir-riżultati milħuqa f’dik ir-revizjoni.”

5.

Il-premessa 19 tal-istess regolament tindika dan li ġej:

“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Protokolli tal-1971 għandhom jibqgħu japplikaw ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.”

6.

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jsir riferiment għalihom fil-premessa 19 jinsabu fl-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 44/2001, li jipprovdi li:

“1.

Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti u għal dokumenti formalment imħejjija jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.

B’dana kollu, jekk il-proċedimenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini infetħu qabel id-dħul b’effett [id-dħul fis-seħħ] ta’ dan ir-Regolament, sentenza mogħtija wara dik id-data għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwibbli skond il-Kapitolu III,

(a)

jekk il-proċedimenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini infetħu wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Brussel jew il-Konvenzjoni ta’ Lugano, kemm fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u fl-Istat Membru indirizzat;

(b)

fil-każi l-oħra kollha, jekk il-ġurisdizzjoni kienet ibbażata fuq ir-regoli li kienu mogħtija ma’ dawk li hemm disposizzjoni dwarhom jew f’Kapitolu II jew f’konvenzjoni konkluża bejn l-Istat Membru ta’ l-oriġini u l-Istat Membru indirizzat li kienet tapplika meta nfetħu l-proċedimenti.”

7.

L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li “Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu 2002”.

B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8.

Skont l-Artikolu 37(1) taz-Zákon č. 97/1963 Sb., o mezinárodním právu soukromém a procesním (Liġi dwar id-dritt internazzjonali privat u dwar id-dritt proċedurali internazzjonali; iktar ’il quddiem iz-“ZNPS”), “il-qrati Ċeki għandu jkollhom ġurisdizzjoni f’kawżi dwar il-proprjetà jekk il-leġiżlazzjoni Ċeka tagħtihom din il-ġurisdizzjoni”.

9.

L-Artikolu 63 taz-ZMPS jipprovdi li “is-sentenzi tal-korpi ġudizzjarji ta’ Stat ieħor li jikkonċernaw is-suġġetti elenkati fl-Artikolu 1 [...] għandu jkollhom forza legali fir-Repubblika Ċeka bil-kundizzjoni li jkunu kisbu effett legali vinkolanti kif iċċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti barranin u bil-kundizzjoni li jkunu ġew rikonoxxuti mill-awtoritajiet Ċeki”.

10.

L-Artikolu 64 tal-istess liġi jipprovdi li:

“sentenza ġudizzjarja barranija ma tistax tiġi rikonoxxuta jew eżegwita meta:

[...]

c)

il-parti fil-kawża li kontriha jkun qiegħed jintalab li tiġi rikonoxxuta s-sentenza ġudizzjarja tkun ġiet imċaħħda, fil-proċedura quddiem il-korp barrani, mill-possibbiltà li tipparteċipa debitament f’dik il-proċedura, b’mod partikolari minħabba li ma kinitx ġiet innotifikata personalment sabiex tidher fis-seduta jew bl-att li jiftaħ il-proċedura jew minħabba li l-konvenut ma kienx ġie nnotifikata personalment bl-att li jiftaħ il-proċedura.

d)

ir-rikonoxximent jirriżulta kuntrarju għall-ordni pubbliku Ċek;

e)

ma tkunx żgurata r-reċiproċità; ir-reċiproċità ma hijiex meħtieġa fil-każ li s-sentenza ġudizzjarja barranija ma tkunx indirizzata kontra ċittadin Ċek u kontra persuna ġuridika Ċeka”.

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11.

Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ April 2003, il-Landesgericht für Zivilrechtssachen de Graz (Qorti reġjonali għal kawżi ċivili, l-Awstrija) ikkundannat lill-kumpannija Sewar spol. Sro. tħallas ċerti somom lil Wolf Naturprodukte GmbH.

12.

Fil-21 ta’ Mejju 2007, Wolf Naturprodukte GmbH ippreżentat talba quddiem l-Okresní soud ve Znojmě (Qorti distrettwali ta’ Znojmo, ir-Repubblika Ċeka) sabiex is-sentenza msemmija mogħtija mill-qorti Awstrijaka tiġi ddikjarata eżekuttiva fir-Repubblika Ċeka u sabiex għal dan il-għan tiġi ordnata l-eżekuzzjoni fir-rigward tal-assi tad-debitriċi. Wolf Naturprodukte GmbH ibbażat it-talba tagħha fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

13.

L-Okresní soud ve Znojmě ċaħdet it-talba tar-rikorrenti permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007 billi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 66(1) u (2) tar-Regolament Nru 44/2001 ma kinux applikabbli ratione temporis għall-kawża ineżami. Filwaqt li bbażat ruħha fuq iz-ZNPS, l-Okresni soud ikkonkludiet li s-sentenza Awstrijaka ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi rikonoxxuta u eżegwita fir-Repubblika Ċeka. Hija kkunsidrat, minn naħa, li din kienet sentenza mogħtija fil-kontumaċja u li, mill-proċess tal-kawża, seta’ jiġi konkluż li d-debitur ikkundannat kien ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jipparteċipa debitament fil-proċedura (l-att li jiftaħ il-proċedura kien innotifikat lid-debitur fil-15 ta’ April 2003, filwaqt li s-sentenza finali ngħatat f’dan l-istess jum). Min-naħa l-oħra, dik il-qorti kkunsidrat li ma kienx issodisfat ir-rekwiżit tar-reċiproċità fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet bejn ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Awstrija.

14.

Wolf Naturprodukte GmbH appellat minn din is-sentenza. Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Krajský soud v Brně (Qorti reġjonali ta’ Brno) ċaħdet l-appell, filwaqt li kkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.

15.

Il-kumpannija kreditriċi għalhekk ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší soud České republiky (Qorti suprema tar-Repubblika Ċeka), fejn allegat li l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurnata deċisiva għall-applikazzjoni tiegħu hija dik li fiha r-Regolament jidħol fis-seħħ b’mod ġenerali, u mhux dik li fiha daħal fis-seħħ fl-Istat Membru partikolari.

16.

Peress li kkunsidrat li mit-termini tal-imsemmi Artikolu 66 ma setax jiġi ddeterminat b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 44/2001, in-Nejvyšší soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 66(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ir-Regolament ikun applikabbli, huwa neċessarju li, fil-mument li ngħatat id-deċiżjoni, dan ir-regolament kien fis-seħħ kemm fl-Istat li fih il-qorti tat id-deċiżjoni kif ukoll fl-Istat li fih parti titlob ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.

It-talba għal deċiżjoni preliminari wasslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Novembru 2010.

18.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni.

V – Analiżi tad-domanda preliminari

A – Fuq is-sens u l-kontenut tal-Artikolu 66 u fuq il-portata tad-domanda magħmula

19.

Id-domanda li saritilna mill-qorti tar-rinviju, riprodotta iktar ’il fuq, teħtieġ, fil-fehma tiegħi, numru ta’ preċiżjonijiet preliminari.

20.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, irrispettivament mill-fatt li d-domanda tikkonċerna formalment, b’mod speċifiku, l-Artikolu 66(2) u, b’mod partikolari, id-dimensjoni “territorjali” li għandha l-espressjoni “dħul fis-seħħ” tar-Regolament li tinsab f’din id-dispożizzjoni tad-dritt tranżitorju, huwa evidenti, kif barra minn hekk ser naraw, li tali “dħul fis-seħħ” ma jistax ikollu portata differenti f’kull wieħed miż-żewġ paragrafi tal-artikolu msemmi. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi d-domanda għandha tinftiehem fis-sens li qiegħda tirreferi għall-Artikolu 66 fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm lok li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ paragrafi tiegħu.

21.

Fit-tieni lok, huwa essenzjali li jinftiehmu s-sens u l-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni; fil-qosor, ir-“rwol” tagħha fi ħdan ir-Regolament Nru 44/2001 fl-intier tiegħu.

22.

Bħala dispożizzjoni tad-dritt tranżitorju, l-Artikolu 66 għandu għan wieħed, l-għan ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan prinċipali tar-Regolament (il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ġudizzjarji), kien meħtieġ li jiġu ppreċiżati, ratione temporis, il-kawżi u s-sentenzi ġudizzjarji konkreti li fir-rigward tagħhom kellhom japplikaw, skont il-każ, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

23.

B’dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa regola fl-ewwel paragrafu tal-artikolu msemmi u eċċezzjoni għal din ir-regola fit-tieni paragrafu tiegħu. B’mod sempliċi ħafna, ir-regola tipprovdi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament japplikaw għall-kawżi miftuħa sussegwentement għad-dħul fis-seħħ tiegħu. Dan ifisser, u dan huwa importanti, li f’din l-ipoteżi r-Regolament japplika fl-intier tiegħu, kemm sa fejn jikkonċerna l-ġurisdizzjoni u kif ukoll sa fejn jikkonċerna r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi rispettivi.

24.

L-eċċezzjoni, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet li se jsiru iktar ’il quddiem, tikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament għall-kawżi li jkunu diġà nfetħu, iżda li jkunu għadhom ma ġewx konklużi, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu; jiġifieri, kif jingħad espliċitament fl-Artikolu 66, dawk il-kawżi li s-sentenza ġudizzjarja korrispondenti tiġi adottata sussegwentement għall-imsemmi dħul fis-seħħ. F’dawn il-każijiet, ir-Regolament Nru 44/2001 japplika biss fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi, mingħajr ma jiddaħħlu inkwistjoni, b’mod loġiku, ir-regoli li permezz tagħhom kienet iddeterminata l-ġurisdizzjoni sabiex jingħataw tali sentenzi. Din l-eċċezzjoni hija prevista fir-rigward ta’ numru ta’ każijiet, kif jirriżultaw elenkati fl-Artikolu 66(2), riprodott iktar ’il fuq. Mingħajr ma huwa meħtieġ li nidħol f’iktar dettall fir-rigward ta’ dawn il-każijiet, u bla ħsara għall-preċiżjoni li ser nagħmel iktar ’il quddiem, huwa evidenti li, bħala eċċezzjoni għar-regola, dawn il-każijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett fuq il-bażi tal-formulazzjoni tagħhom mingħajr — kif nista’ ngħid minn issa — ma hemm lok għal interpretazzjonijiet, fi ftit kliem, estensivi, bħal dik proposta mir-rappreżentanti tal-Ġermanja.

25.

F’dan il-kuntest, u finalment, dak li jfisser “dħul fis-seħħ” minn perspettiva “territorjali” fil-mument partikolari li fih jidħol fis-seħħ ir-Regolament Nru 44/2001 ma jħalli lok lanqas għall-iċken dubju: ir-Regolament, l-istess bħal kull att ieħor tad-dritt tal-Unjoni u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni speċifika li tipprovdi l-kuntrarju, daħal fis-seħħ fit-territorju tal-Unjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi speċifikata xi ħaġa oħra f’dan ir-rigward. Issa, fil-kuntest territorjali tal-Istati li l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni seħħet sussegwentement, ir-Regolament daħal fis-seħħ fid-data ta’ din l-adeżjoni ( 4 ).

26.

Minn dan isegwi li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ, fl-2002, tar-Regolament Nru 44/2001, ma kien hemm ebda lok li titqajjem il-kwistjoni ta’ jekk kienx suffiċjenti jew le li r-Regolament ikun daħal fis-seħħ biss fl-Istat fejn tingħata s-sentenza. U dan minħabba li l-Istati Membri kollha kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tar-Regolament ( 5 ).

27.

F’dan is-sens, ma jkunx inopportun jekk ngħid li, fil-fehma tiegħi, kwalunkwe raġunament li jipprova jislet konsegwenzi mill-paragun bejn l-imsemmi Artikolu 66 u d-dispożizzjonijiet korrispondenti previsti fil-Konvenzjonijiet ta’ Brussell u ta’ Lugano huwa serjament kwestjonabbli ( 6 ).

28.

Għaldaqstant, il-fatt li titqajjem il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tas-sitwazzjoni ġuridika maħluqa wara l-ewwel tkabbir tal-Unjoni sentejn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001, tistax issir distinzjoni, fuq il-bażi tal-espressjoni “dħul fis-seħħ” li tinsab fl-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament, bejn uħud mill-Istati u oħrajn (u għalhekk bejn iċ-ċittadini rispettivi tal-Unjoni) jimplika, b’mod kunsiderevoli u għal finijiet prattiċi, id-domanda jekk l-Istati Membri ġodda (u ċ-ċittadini rispettivi) għandhomx jiġu mċaħħda minn dritt tranżitorju, jiġifieri l-Artikolu 66, li għandu għanijiet marbuta direttament maċ-ċertezza legali u, għalhekk, mal-Istat ta’ dritt.

29.

Qabel kollox, l-ipoteżi kkunsidrata timplika approċċ li wieħed jista’ jiddeskrivi bħala wieħed “statiku” fir-rigward ta’ dan id-dritt tranżitorju, approċċ li jibbenefika biss lill-Istati li storikament kienu jagħmlu parti mill-Unjoni (u liċ-ċittadini rispettivi) fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Dan iżda joħloq numru ta’ problemi.

30.

Jekk tiġi aċċettata l-ipoteżi, u kif fil-fatt huwa l-każ ineżami, li l-Istati Membri ġodda għandhom jeżegwixxu sentenzi li mhux biss ikunu ngħataw f’kawżi mibdija qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni, sitwazzjoni din eskluża mir-regola li tinsab fl-Artikolu 66(1), iżda wkoll dawk li jkunu ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, sitwazzjoni din eskluża wkoll mill-eċċezzjoni speċifika prevista fl-Artikolu 66(2), dawn l-Istati (u ċ-ċittadini rispettivi tal-Unjoni) jkunu qegħdin jiġu mċaħħda mill-kontenut essenzjali ta’ din is-sistema tranżitorja.

31.

F’dan is-sens, u għar-raġunijiet li ser nelenka iktar ’il quddiem, fil-fehma tiegħi r-rekwiżiti imperattivi kemm taċ-ċertezza legali kif ukoll tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja (Artikolu 47 tal-Karta), li minnhom kien inspirat l-Artikolu 66 fl-intier tiegħu, jipprekludu li tiġi aċċettata l-ipoteżi fformulata bħala domanda mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li d-dħul fis-seħħ tar-Regolament fl-Istat u fil-mument li fih tingħata s-sentenza inkwistjoni huwa biżżejjed sabiex din ikollha tiġi eżegwita fi Stat Membru fejn ir-Regolament ma kienx daħal fis-seħħ la fil-mument li nbdiet il-kawża u lanqas fil-mument li fih ingħatat din is-sentenza ( 7 ).

B – L-Artikolu 66, bħala dispożizzjoni tad-dritt tranżitorju u minħabba l-essenza tiegħu, jista’ jingħata biss interpretazzjoni “dinamika”

32.

L-Artikolu 66 tar-Regolament huwa dispożizzjoni tad-dritt tranżitorju li, minħabba n-natura tiegħu stess u minħabba l-kontenut tar-Regolament, ma jkunx jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu fit-tranżitu, jekk nistgħu nsejħulu hekk, fl-2002, mill-Konvenzjoni għar-Regolament, jekk din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni li tista’ tiġi deskritta bħala “statika” (fil-forma ta’ “ritratt”). Għall-kuntrarju, u minħabba l-karatteristiċi partikolari tas-suġġett irregolat, dan huwa dritt tranżitorju maħsub sabiex japplika kull darba li jissieħbu Stati Membri ġodda fl-Unjoni, u dan fl-istess kundizzjonijiet bħalma kien il-każ fir-rigward tal-Istati (u taċ-ċittadini) li kienu jifformaw l-Unjoni fl-2002. Barra minn hekk, diġà spjegajt kif, fil-fehma tiegħi, l-ipoteżi fformulata bħala domanda f’din il-kawża hija ekwivalenti għal “diżattivazzjoni” tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 44/2001 fir-rigward tal-Istati (u taċ-ċittadini) li saru Membri tal-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Huwa f’dan is-sens li għandna nitkellmu dwar ir-rekwiżit li tingħata interpretazzjoni “dinamika” lil dan id-dritt tranżitorju.

33.

Barra minn hekk, interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tar-Regolament Nru 44/2001 neċessarjament tissostanzja dan ir-raġunament. Ir-Regolament Nru 44/2001, maħsub bħala strument għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa intiż li jiffaċilita u jissemplifika r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi bejn Stati Membri u, kif jissuġġerixxi l-Gvern Ġermaniż, dan l-għan ta’ “moviment liberu ta’ sentenzi” fil-qasam ċivili u kummerċjali ( 8 ) jingħata spinta ’l quddiem jekk ikun possibbli r-rikonoxximent ta’ sentenzi mogħtija meta r-Regolament kien fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ oriġini minkejja li kien għadu ma huwiex fis-seħħ fl-Istat li iktar tard jintalab jirrikonoxxiha. Fil-fehma tiegħi, iżda, din is-soluzzjoni ma hijiex possibbli sa fejn sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ moviment liberu ma għandux jiġi mhedded il-bilanċ bejn l-interessi tar-rikorrent u tal-konvenut fil-proċedura.

34.

Kif enfasizzajt sa mill-bidu, ir-Regolament Nru 44/2001 jinkludi żewġ partijiet sostanzjali li madankollu jikkostitwixxu entità waħda: minn naħa, hemm il-grupp ta’ dispożizzjonijiet iddedikati għat-“tqassim” tal-ġurisdizzjoni fil-qasam ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni; min-naħa l-oħra, hemm ir-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet. Hemm konnessjoni mill-qrib bejn dawn iż-żewġ partijiet sostanzjali: minn qari b’attenzjoni tar-Regolament jirriżulta b’mod manifest li l-leġiżlatur Komunitarju ma jipprevedix l-applikazzjoni ta’ parti waħda mingħajr l-applikazzjoni tal-parti l-oħra, liema żewġ partijiet huma kkunsidrati bħala unità waħda.

35.

Dak li għadni kemm għidt jidher b’mod ċar fl-Artikolu 66(1). Meta jistabbilixxi bħala data ta’ referenza ġenerali għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament id-data ta’ meta titressaq il-kawża, l-Artikolu 66(1) jiżgura li d-deċiżjoni li jkollha tiġi eżegwita tkun ġiet adottata inkonformità mar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinsabu fir-Regolament.

36.

Sa ċertu punt, anki l-Artikolu 66(2) jesprimi din l-idea. Għalkemm, kif diġà indikajt, l-Artikolu 66(2) jistabbilixxi b’mod formali eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 66(1), xorta jibqa’ l-fatt li essenzjalment, u minn din il-perspettiva, in-natura eċċezzjonali tiegħu tirriżulta kunsiderevolment imnaqqsa. Barra minn hekk, dan l-Artikolu 66(2) jikkunsidra l-possibbiltà li jiġu applikati r-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni li jinsabu fir-Regolament, meta l-azzjoni tkun infetħet qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament u s-sentenza ngħatat wara, f’numru ta’ sitwazzjonijiet fejn, bħala regola ġenerali, iwasslu għall-fatt li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat minn fejn toriġina s-sentenza kienet ġiet iddeterminata skont ir-regoli tal-istess regolament jew skont regoli oħra b’kontenut identiku jew simili li jinsabu f’konvenzjoni internazzjonali li torbot liż-żewġ Stati Membri.

37.

Din ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet bażiċi tar-Regolament Nru 44/2001 (ġurisdizzjoni u rikonoxximent) tirriżulta mill-ħtieġa li l-moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jseħħ f’kuntest ta’ sistema li tibbilanċja l-interessi tal-partijiet. Mingħajr il-perikolu li nissemplifika l-affarijiet iżżejjed, jista’ jingħad li r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinsabu fir-Regolament huma intiżi, prinċipalment, sabiex jipproteġu l-interessi tal-konvenut (li huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li jkun jista’ jiġi mfittex fi Stat differenti minn dak tar-residenza tiegħu), filwaqt li r-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jipproteġu b’mod partikolari r-rikorrent (li eventwalment ikun jista’ jikseb eżekuzzjoni rapida, ċerta u effikaċi tas-sentenza fi Stat Membru ieħor) ( 9 ).

38.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment espliċitu għal din ir-relazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ gruppi ta’ regoli fl-Opinjoni 1/03 tagħha, tas-7 ta’ Frar 2006 ( 10 ), fejn fil-punt 163 jingħad li “l-mekkaniżmu simplifikat ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni, stabbilit fl-Artikolu 33(1) ta’ l-imsemmi Regolament, li skondu s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru huma rrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra, mingħajr il-ħtieġa li jittieħdu proċeduri u li, bħala regola, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 35(3) ta’ l-istess regolament, iwassal għan-nuqqas ta’ verifika tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, huwa ġġustifikat bil-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, bil-fiduċja fil-qorti ta’ l-Istat ta’ oriġini li jkollha l-qorti ta’ l-Istat li fih jiġi mfittex ir-rikonoxximent, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni diretta stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ l-imsemmi Regolament”.

39.

Iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami juru kif l-interpretazzjoni fis-sens li tiġi aċċettata l-applikazzjoni tar-Regolament għal każ fejn il-kawża tkun infetħet wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament fl-Istat Membru ta’ oriġini iżda qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu fl-Istat Membru fejn sussegwentement tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza korrispondenti tista’ twassal għall-ksur ta’ din ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet tar-Regolament u, għaldaqstant, għat-telf tal-bilanċ bejn l-interessi tar-rikorrent u dawk tal-konvenut, riżultat dan li, fil-fehma tiegħi, fittex li jevita l-leġiżlatur tal-Unjoni.

40.

Barra minn hekk, il-kawża inkwistjoni ma taqa’ f’ebda waħda mill-każijiet previsti fl-Artikolu 66(2). Minn naħa, ir-Repubblika Ċeka ma kinitx parti fil-Konvenzjonijiet ta’ Brussell u ta’ Lugano u lanqas ma kienet parti f’konvenzjoni oħra li kienet torbotha mal-Awstrija f’dan il-qasam; min-naħa l-oħra, ir-regoli applikati sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qorti Awstrijaka ma kinux, fir-realtà, “dawk li hemm disposizzjoni dwarhom [...] f’Kapitolu II” tar-Regolament, kif jeżiġi l-Artikolu 66(2)(b). Fil-fatt, ma ġewx applikati r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni diretta u l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-materja li jinsabu f’dan il-Kapitolu II (b’mod iktar partikolari, fis-Sezzjonijiet 2 sa 7 tiegħu), iżda ġew applikati r-regoli nazzjonali li għalihom jirreferi l-Artikolu 4, applikabbli meta l-konvenut ma jkunx residenti fi Stat Membru. Dan ifisser, kif diġà ġie indikat, li l-konvenut ma setax jibbenefika mill-mekkaniżmi ta’ protezzjoni previsti mir-Regolament (bħal pereżempju l-obbligu ta’ notifika fi żmien opportun).

41.

Fid-dawl ta’ dan, u sabiex inkompli bl-argument tiegħi, il-problema fundamentali tas-soluzzjoni msemmija iktar ’il fuq hija li l-konvenut residenti fi Stat li kien għadu ma huwiex Membru tal-Unjoni fid-data meta nbdew il-proċeduri kien jitqies f’dak il-mument, skont ir-regolament, bħala residenti fi Stat terz. Dan ifisser li, anki li kieku r-Regolament kien applikabbli, il-kumpannija konvenuta kienet f’pożizzjoni legali relattivament iktar dgħajfa mill-perspettiva proċedurali milli kienet tkun fiha li kieku kienet residenti fi Stat Membru.

42.

Minn naħa, id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti Awstrijaka ma kinitx issir skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 11 ) u lanqas, finalment, skont ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni diretta u l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-materja li jinsabu fir-regolament imsemmi, fejn ir-regola ġenerali tiffavorixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati fejn għandu r-residenza tiegħu l-konvenut ( 12 ). Minħabba li f’dak il-mument il-kumpannija konvenuta ma kinitx residenti fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni kienet tiġi ddeterminata, inkonformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament ( 13 ), skont il-liġijiet tal-Istat Membru fejn tressqet il-kawża (jiġifieri l-liġijiet Awstrijaċi dwar il-ġurisdizzjoni).

43.

Min-naħa l-oħra, lanqas ma kienet tibbenefika minn ċerti drittijiet tad-difiża li kienet tkun tista’ tinvoka li kieku kienet residenti f’dak il-mument fi Stat li kien diġà jagħmel parti mill-Unjoni Ewropea. Hawnhekk qiegħed nirreferi għad-drittijiet previsti fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 44/2001, li jipprovdi li “[m]eta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament” (paragrafu 1); liema qorti, barra minn hekk, “għandha twaqqaf il-proċedimenti sa kemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan” (paragrafu 2).

44.

F’dan il-każ, il-problema hija preċiżament li l-kumpannija konvenuta ma setgħetx, qiegħed jiġi preżunt, tipparteċipa fil-proċedura minħabba li ma kinitx innotifikata fil-ħin dwar il-ftuħ tagħha ( 14 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx loġiku li jintalab ir-rikonoxximent tas-sentenza skont ir-Regolament Nru 44/2001 minħabba li dan jikser il-bilanċ imsemmi bejn l-interessi tal-partijiet u l-konnessjoni bejn iż-żewġ partijiet bażiċi tar-Regolament.

45.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jwasslu għall-konklużjoni, kemm minn perspettiva sistematika kif ukoll minn perspettiva teleoloġika, li l-unika interpretazzjoni adegwata tar-Regolament, li tkun koerenti maċ-ċertezza legali u mal-garanziji proċedurali, hija dik li tipproponi estensjoni, b’mod dinamiku, tal-potenzjali kollu tad-dritt tranżitorju li jinsab fiż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 44/2001 għall-kuntest territorjali ta’ kull wieħed mill-Istati li saru parti mill-Unjoni sussegwentement għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament imsemmi.

46.

Ir-raġunament li qiegħed nipproponi għandu konsegwenzi neċessarji u immedjati fuq is-sens tar-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Ir-Regolament Nru 44/2001 japplika fir-Repubblika Ċeka biss skont il-kundizzjonijiet previsti fiż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 66 tal-istess regolament, jew, b’mod iktar preċiż, bl-istess potenzjal li kellu dan l-artikolu fil-mument storiku tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Dan ifisser li, fil-kuntest ta’ talba għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex dan ir-regolament ikun jista’ jiġi invokat effettivament huwa meħtieġ li jkun fis-seħħ kemm fl-Istat Membru fejn toriġina s-sentenza kif ukoll fl-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni.

VI – Konklużjoni

47.

Fid-dawl ta’ dan, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula min-Nejvyšší soud České republiky (ir-Repubblika Ċeka) b’dan il-mod:

“L-Artikolu 66 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex dan ir-regolament ikollu effett, huwa meħtieġ li jkun fis-seħħ kemm fl-Istat li l-awtorità ġudizzjarja tiegħu tkun tat is-sentenza kif ukoll fl-Istat fejn waħda mill-partijiet titlob ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, jew fil-mument li tinfetaħ il-kawża jew, jekk dan ma jkunx il-każ, u bil-kundizzjoni li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 66(2) tal-istess regolament, fil-mument li tingħata s-sentenza.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 44/2001” jew ir-“Regolament”.

( 3 ) Artikolu 76 tar-Regolament.

( 4 ) L-Att ta’ Adeżjoni ma jipprevedi ebda regola partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, u dan ifisser li dan ir-regolament japplika fir-Repubblika Ċeka sa mill-1 ta’ Mejju 2004, skont it-termini previsti f’dan l-istess regolament.

( 5 ) Fil-fehma tiegħi, din l-evalwazzjoni ma hijiex affettwata mill-każ partikolari tad-Danimarka. F’dan ir-rigward ara S. Peers, Justice and Home Affairs Law, Oxford EU Law library, it-tielet edizzjoni, punt 8.2.5, p. 619.

( 6 ) L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell [emendat bl-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar l-adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, tas-26 ta’ Mejju 1989 (ĠU L 285, p. 1)] u l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, tas-16 ta’ Settembru 1988, kienu jipprevedu espliċitament ir-rekwiżit tad-“dħul fis-seħħ reċiproku” tal-Konvenzjoni fl-Istat ta’ oriġini u fl-Istat mitlub għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet. L-inklużjoni ta’ dispożizzjoni bħal din hija perfettament loġika fil-kuntest ta’ strument internazzjonali fejn ir-reċiproċità għandha rwol ċentrali [huwa għalhekk li tali dispożizzjoni tinsab ukoll fl-Artikolu 63 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 339, p. 3) annessa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/712/KE, tal-15 ta’ Ottubru 2007, dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 339, p. 1)].

( 7 ) Barra minn hekk, din hija l-opinjoni kważi unanima tad-duttrina, b’mod partikolari ta’ dik Ġermaniża, li tagħti attenzjoni partikolari għal din il-kwistjoni. F’dan is-sens, nirreferi, b’mod partikolari, għal J. Kropholler, J. Von Hein, Europäisches Civilprozeβrecht: Komentar zu EuGVO, Lugano-Übereinkommen 2007, EuVTVO, EuMVVO und EuGFVO, 2011, p. 709-717; M. Becker, “Anerkennung deutscher Urteile in der Tschechischen Republik”, Balancing of interests. Liber Amicorum Peter Hay, Verlag Rect. Und Wirtschaft GngH, Frankfurt am Main, 2005, p. 26; B. Hess, “Die intertemporale Andwendung des europäischen Zivilprozessrechts in den EU-Beitrittsstaaten”, IPRax 2004, Heft 4, p. 375; u M. Becker, u K. Müller, “Intertemporale Urteilsanerkennung und Art. 66 EuGVO”, IPRax 2006, FET 5, p. 436.

( 8 ) Dan l-għan huwa stabbilit fil-premessa 6 tar-Regolament.

( 9 ) Fid-duttrina, ara J. Kropholler, op. cit. Ara wkoll, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler (125/79, Ġabra p. 1553), punt 13 (“Huwa preċiżament minħabba l-garanziji mogħtija lill-konvenut fil-proċeduri inizjali li l-Konvenzjoni tirriżulta tant liberali fit-Titolu III tagħha fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni”).

( 10 ) Ġabra p. I-1145. It-talba għal opinjoni kienet tirreferi għall-ġurisdizzjoni esklużiva jew kondiviża tal-Komunità Ewropea sabiex tikkonkludi l-Konvenzjoni ġdida dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, maħsuba sabiex tissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Lugano.

( 11 ) Li jipprovdi li “1. Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu 2. B’mod partikolari r-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali mniżżla f’L-Anness I ma japplikawx kontra tagħhom”.

( 12 ) Insostenn ta’ dan l-argument, ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi (C-168/08, Ġabra p. I-6871), mogħtija fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), li mill-punt 30 tagħha jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regolament imsemmi fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ divorzju mogħtija fi Stat Membru ieħor, il-kwistjoni ta’ liema dispożizzjonijiet servew ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni tal-qorti li minnha toriġina s-sentenza tkun irrilevanti meta din il-ġurisdizzjoni setgħet tkun ibbażata fuq l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 13 ) Skont l-Artikolu 4(1), “[j]ekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru”.

( 14 ) Dwar is-sistema tal-“istħarriġ doppju” tad-drittijiet tal-konvenut fil-kontumaċja fir-Regolament Nru 44/2001, ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML Netherlands BV (C-283/05, Ġabra p. I-2041), punt 29 et seq. u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fl-istess kawża, ippreżentati fit-28 ta’ Settembru 2006, punt 112. Bl-istess mod, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li ssirilha t-talba ma tistax tivverifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini. Din id-dispożizzjoni hija bbażata wkoll fuq il-preżunzjoni li r-Regolament huwa applikabbli minħabba li preċedentement kienu applikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament fir-rigward tal-ġurisdizzjoni. F’dan is-sens ara M. Becker u K. Müller, op cit., p. 432.

Top