Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0509

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2012.
    Josef Geistbeck u Thomas Geistbeck vs Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Proprjetà intellettwali u industrijali — Sistema ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Privileġġ tal-bidwi — Kunċett ta’ ‘kumpens raġonevoli’ — Ħlas għal dannu subit — Ksur.
    Kawża C-509/10.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:187

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    JÄÄSKINEN

    ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2012 ( 1 )

    Kawża C-509/10

    Josef Geistbecku

    Thomas Geistbeck

    vs

    Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

    “Proprjetà intelletwali u industrijali — Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 — Sistema ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti tal-Komunità — Obbligu ta’ ħlas lid-detentur ta’ tali protezzjoni ta’ kumpens raġonevoli u kumpens għad-dannu subit minnu — Kriterji biex jiġi ddeterminat il-kumpens raġonevoli — Ksur — Regolament (KE) Nru 1768/95 — Privileġġ tal-bdiewa — Spejjeż tal-kontroll u monitoraġġ”

    I – Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), tikkonċerna b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14 u 94 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 1768/95 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ applikazzjoni”), li jimplementa regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku.

    2.

    Il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju hija bejn il-bdiewa Josef u Thomas Geistbeck (iktar ’il quddiem “J. u T. Geistbeck”) u Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem l-“STV”) li tirrappreżenta l-interessi tad-detenturi tal-varjetajiet tal-pjanti protetti Kuras, Quarta, Solara, Marabel u Secura. Din il-kawża tirrigwarda, essenzjalment, ir-relazzjoni bejn id-deroga stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku — imsejħa wkoll il-“privileġġ tal-bdiewa” — u l-kalkolu tal-kumpens raġonevoli skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku dovut lid-detentur ta’ varjetà ta’ pjanta protetta f’każ ta’ att li jikkostitwixxi ksur.

    3.

    Iktar speċifikament dan ir-rinviju preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni dwar il-metodu li għandu jintuża għall-kalkolu tal-imsemmi kumpens raġonevoli dovut mill-bidwi lid-detentur ta’ varjetà ta’ pjanti, f’sitwazzjoni fejn il-bidwi, li jkollu l-awtorizzazzjoni, skont il-privileġġ tal-bdiewa, li juża għat-tiżrigħ il-prodott tal-ħsad tiegħu, ikun naqas milli jiddikjara parti minn din il-propagazzjoni ġdida, kuntrarjament għall-obbligi tal-imsemmija bdiewa stabbiliti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku li jagħtu effett lill-imsemmi privileġġ.

    4.

    Id-domandi preliminari b’hekk jeħtieġu li jinstab bilanċ bejn interessi kontradittorji. Kif jinnota l-Avukat Ġenerali Colomer, dan huwa każ fejn għandu jinstab bilanċ bejn, minn naħa, il-ħtieġa li jitkabbar il-frott tal-attività agrikola u li tiġi ggarantita l-produzzjoni agrikola, għan prinċipali tal-politika agrikola komuni u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġu ggarantiti d-drittijiet ta’ dawk li jkabbru li huma attivi fil-politika industrijali, ta’ riċerka u ta’ żvilupp u li qed jipprovaw jiksbu qafas regolamentari sabiex jistimulaw l-attivitajiet tagħhom fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li josservaw l-għanijiet tar-regolament inkwistjoni ( 4 ).

    5.

    Din il-kawża tippermetti għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkompleta l-ġurisprudenza tagħha wara s-sentenza Schulin ( 5 ) u, b’mod partikolari, li tippreċiża l-opinjoni tagħha dwar il-kumpens raġonevoli f’każ ta’ użu ta’ varjetà tal-pjanti li jikkostitwixxi ksur kif ukoll li tiddeċiedi fuq il-bilanċ li għandu jinstab bejn l-interessi li jsostnu l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni Komunitarja tat-tkabbir tal-pjanti.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Ir-Regolament bażiku ( 6 )

    6.

    Mill-ħames premessa tar-Regolament bażiku jirriżulta li, bil-għan li jiġi stimulat it-tkabbir u l-iżvilupp ta’ varjetajiet ġodda, dawk kollha li jkabbru l-varjetajiet għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni aħjar meta mqabbla mas-sitwazzjoni preżenti.

    7.

    Skont is-sbatax-il premessa ta’ dan ir-regolament, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħti mill-protezzjoni tal-Komunità tal-varjetà tal-pjanti għandu jkun suġġett għar-restrizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet adottati fl-interess pubbliku.

    8.

    F’dan ir-rigward, it-tmintax-il premessa tal-imsemmi regolament tippreċiża li l-interess pubbliku li jissemma fil-premessa preċedenti jinkludi l-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, u għal dan il-għan, il-bidwi għandu jkun awtorizzat li juża, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-prodott tal-ħsad tiegħu għal finijiet ta’ propagazzjoni.

    9.

    Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku, id-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti jappartjeni lil min ikun ottenihom, jiġifieri “[lil]l-persuna li tkun kabbret, jew skopriet jew żviluppat il-varjetajiet, jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu”.

    10.

    Taħt it-titolu “Drittijiet tad-detentur ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet tal-pjanti u atti pprojbiti”, l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jipprovdi:

    “1.   Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘id-detentur’, ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.

    2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ’il-materjal’, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur:

    a)

    produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);

    [...]

    Id-detentur jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.”

    11.

    Il-privileġġ tal-bdiewa jissemma fl-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku f’dawn it-termini:

    “1.   Minkejja l-Artikolu 13(2), u għall-għanijiet tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, il-bdiewa huma awtorizzati li jużaw għal għanijiet ta’ propagazzjoni fl-għalqa, fuq l-art tagħhom il-prodott tal-ħsad li jkunu akkwistaw permezz taż-żergħa, fuq l-art tagħhom, materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet minbarra varjetajiet mħallta jew sintetiċi, li jkunu skoperti minn drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti.

    [...]

    3.   [Il-k]ondizzjonijiet biex jagħtu effett lid-deroga li għaliha jipprovdi l-paragrafu 1 u biex jitħarsu l-interessi leġittimi ta’ dak li jkabbar u tal-bidwi, għandhom ikunu stabbiliti [...] fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

    [...]

    [il-]bdiewa żgħar ma jkunux meħtieġa li jagħmlu xi ħlas lid-detentur

    – [...]

    [il-]bdiewa oħrajn ikunu meħtieġa li jħallsu ħlas xieraq lid-detentur li għandu jkunu sensibilment iktar baxxa mill-ammont li jitħallas għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ l-istess varjetajiet fl-istess qasam [żona] […]

    is-sorveljar ta’ l-aderenza mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jew mad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu ir-risponsabbiltà esklużiva tad-detenturi […]

    it-tagħrif relevanti għandu jkun ipprovdut lid-detenturi fuq talba tagħhom, minn bdiewa u dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar [...]”

    12.

    L-Artikolu 94 tar-Regolament bażiku, imsejjaħ “Ksur tal-liġi [Ksur]”, jipprovdi:

    “1.   Kull min:

    a)

    jaff[et]twa xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti; jew

    [...]

    jista’ jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi [ksur] jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn.

    2.   Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b’mod traskurat għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skont il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b’dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur.”

    B – Ir-Regolament ta’ applikazzjoni

    13.

    Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ applikazzjoni, id-drittijiet u l-obbligi tad-detentur li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku “jistgħu jiġu invokati [...] mid-detenturi individwalment jew minn xi organizzazzjoni ta’ detenturi li tkun stabbilita fil-livell ta’ Komunita, jew nazzjonali, jew reġjonali jew lokali.”

    14.

    Bit-titolu “Livell ta’ ħlas [kumpens]”, l-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ applikazzjoni jipprovdi li:

    “1.   Il-livell ta’ ħlas ġust [kumpens raġonevoli] li jrid isir lid-detentur, skond l-Artikolu 14(3), ir-raba’ inċiż, tar-Regolament bażiku jista’ jkun is-suġġett ta’ kuntratt bejn id-detentur u l-bidwi konċernat.

    2.   Meta kuntratt bħal dan ma jkunx ġie finalizzat jew ma japplikax il-livell ta’ ħlas [kumpens] għandu jkun sensibbilment inqas mill-ammont mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttiv ta’ l-inqas kategorija li jikkwalifika għal ċertifikazzjoni uffiċjali, ta’ l-istess varjetà fl-istess żona.

    [...]

    5.   Meta fil-każ tal-paragrafu 2 xi ftehim li għalih jirreferi l-paragrafu 4 ma jkunx japplika, il-ħlas [kumpens] li għandu jsir għandu jkun ta’ 50 % ta’ l-ammont imħallas għall-produzzjoni liċenzjata tal-materjal ta’ propagazzjoni kif speċifikat fil-paragrafu 2.

    [...]”

    15.

    L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament imsejjaħ “Informazzjoni mill-bidwi”, tal-istess Regolament jipprovdi li:

    “1.   Id-dettalji ta’ l-informazzjoni relevanti li trid tingħata mill-bidwi lid-detentur, skond l-Artikolu 14(3), is-sitt inċiż tar-Regolament bażiku jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kuntratt bejn id-detentur u l-bidwi konċernat.

    2.   Meta kuntratt bħal dan ma jkunx ġie konkluż jew fejn ma japplikax, il-bidwi, bla ħsara għal ħtiġijiet ta’ informazzjoni skond liġijiet oħra tal-Komunità jew skond liġijiet ta’ l-Istati Membri, fuq talba tad-detentur, jagħti rapport lid-detentur bl-informazzjoni relevanti Il-punti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala relevanti:

    [...]

    b)

    il-fatt jekk il-bidwi għamilx użu jew le mill-prodott tal-ħsad li jippartjeni lil wieħed jew ħafna varjetajiet tad-detentur għaż-żargħa fl-għalqa jew fl-egħlieqi ta’ l-ażjenda tiegħu;

    c)

    jekk il-bidwi għamel użu bħal dan, l-ammont tal-prodott tal-ħsad tal-varjetà jew varjetajiet konċernati, li jkun intuża mill-bidwi skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku;

    […]”

    16.

    L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, li jirregola l-monitoraġġ, mid-detentur għall-ħarsien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “[...] l-bidwi jrid, fuq talba tad-detentur:

    a)

    jagħti xhieda li ssaħħaħ l-istqarrijiet ta’ informazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 8, billi jiżvela dokumenti rilevanti disponibbli bħal fatturi, tikketti wżati, jew xi mezz ieħor xieraq [...]

    […]”

    17.

    Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament ta’ applikazzjoni:

    “Il-monitoraġġ irid isir mid-detentur. Hu jista’ jagħmel arranġamenti xierqa biex jiżgura assistenza mill-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, ta’ dawk li jipproċessaw, ta’ kooperattivi jew ta’ gruppi oħra mill-komunità agrikola.”

    18.

    L-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ applikazzjoni, imsejjaħ “Abbuż”, jipprovdi li:

    “Id-detentur jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtijin lilu permezz tad-dritt Komunitarju dwar varjetà ta’ pjanti kontra xi persuna li tikser xi kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet li qegħdin mad-deroga skond l-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku kif imsemmi f’dan ir-Regolament.”

    III – Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    19.

    Bejn is-sena 2001 u s-sena 2004, skont id-deroga msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku, J. u T. Geistbeck ipproċedew, wara li kienu informaw lill-STV, għat-tiżrigħ tal-varjetajiet Kuras, Quarta, Solara, u Marabel, protetti skont id-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-varjetà Secura, protetta skont il-liġi Ġermaniża.

    20.

    Madankollu, wara monitoraġġ, l-STV ikkonstatat li l-kwantitajiet verament ikkoltivati kienu jeċċedu, xi kultant b’iktar minn tliet darbiet, il-kwantitajiet iddikjarati. Filwaqt li bbażat ruħha fuq l-ammont li kien ikun impost f’każ ta’ għoti taħt kundizzjonijiet ġenerali ta’ liċenzja biex jiġi prodott materjal ta’ propagazzjoni, l-STV ikkalkolat li l-ammont ta’ kumpens dovut lilha minħabba d-differenza fil-kwantitajiet kien ekwivalenti għal EUR 4,576.15. J. u T. Geistbeck madankollu kienu ħallsu biss nofs dan l-ammont. Din l-aħħar somma kienet tikkorrispondi għall-kumpens li kien ikun dovut, konformement mar-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku, f’każ ta’ tiżrigħ awtorizzat fil-kuntest tal-privileġġ tal-bdiewa.

    21.

    Konsegwentement, l-STV ippreżentat rikors kontra J. u T. Geistbeck minħabba tiżrigħ mhux iddikjarat kompletament ta’ varjetajiet ta’ pjanti protetti u talbet il-ħlas tal-bilanċ tas-somma ta’ EUR 2. 288, kif ukoll ir-rimbors għall-ispejjeż ta’ qabel il-kawża sa EUR 141.05. It-talba tal-STV intlaqgħet kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell. J. u T. Geistbeck ippreżentaw rikors fejn talbu “Reviżjoni” ta’ din l-aħħar sentenza quddiem il-Bundesgerichtshof.

    22.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kalkolu tal-kumpens raġonevoli dovut skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku lid-detentur tad-drittijiet protetti skont ir-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, hija tikkunsidra, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq, li l-bidwi li ma jkunx wettaq debitament l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni, imsemmi fis-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku, lejn id-detentur tal-varjetà ta’ pjanta protetta ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament u jesponi ruħu għal kawża għal ksur taħt l-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament kif ukoll għall-ħlas ta’ kumpens raġonevoli.

    23.

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kalkolu ta’ tali kumpens. Minn naħa, hija tqis li ser ikun possibbli li jittieħed bħala bażi tal-kalkolu l-ammont medju mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet protetti tal-ispeċi ta’ pjanta kkonċernata fl-istess żona (iktar ’il quddiem il-“miżata għal produzzjoni liċenzjata”). Min-naħa l-oħra, dan il-kumpens jista’ jiġi kkalkolat abbażi tal-ħlas dovut f’każ ta’ tiżrigħ awtorizzat, skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament ta’ applikazzjoni (iktar ’il quddiem il-“miżata għal tiżrigħ awtorizzat”).

    24.

    Jekk tiġi segwita l-ewwel ipoteżi, il-bidwi jkun obbligat iħallas il-miżata għal produzzjoni liċenzjata taħt l-istess kundizzjonijiet u bl-istess rati bħal terz. Skont it-tieni ipoteżi, huwa jista’ jibbenefika mir-rati favorevoli riżervati lill-bdiewa, jiġifieri l-miżata għal tiżrigħ awtorizzat, li hija ekwivalenti għal 50 % tal-ammont dovut għal produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni, sakemm dan il-kumpens ma jkunx is-suġġett ta’ ftehim bejn id-detentur u l-bidwi kkonċernati.

    25.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2010, li ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ottubru 2010, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura pendenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-kumpens raġonevoli dovut minn bidwi, skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament [bażiku], lil detentur ta’ dritt [għall-protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti tal-Komunità għax ikun uża materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà protetta miksuba minn tiżrigħ mingħajr ma jkun wettaq l-obbligi stipulati fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament [bażiku] u fl-Artikolu 8 tar-Regolament [ta’ applikazzjoni], għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ammont medju li jintalab għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet protetti tal-ispeċi tal-pjanti kkonċernata fl-istess żona jew abbażi tal-ħlas (inqas) li jkun dovut, skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u l-Artikolu 5 tar-Regolament [bażiku], f’każ ta’ tiżrigħ awtorizzat?

    2)

    Jekk il-kalkolu għandu jsir biss abbażi tal-ħlas dovut f’każ ta’ tiżrigħ awtorizzat, f’sitwazzjoni bħal din, u meta l-bidwi jkun [wettaq] biss att wieħed ta’ ksur minħabba negliġenza jew intenzjoni tiegħu, id-detentur tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti jista’ jikkalkola l-ammont tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament [bażiku] bħala somma fissa, abbażi tal-ħlas li jsir għall-għoti ta’ liċenzja għall-produzzjoni ta’ materjal ta’ propogazzjoni?

    3)

    Meta jiġi kkalkolat il-kumpens raġonevoli dovut skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament [bażiku] jew il-kumpens għad-dannu dovut skont l-Artikolu 94(2) tal-imsemmi regolament, l-ispejjeż tal-mezzi ta’ kontroll partikolarment għoljin li tidħol fihom entità li tiddefendi d-drittijiet ta’ numru kbir ta’ detenturi ta’ drittijiet jistgħu, jew saħansitra għandhom, jittieħdu inkunsiderazzjoni b’tali mod li jingħata d-doppju tal-kumpens miftiehem normalment jew id-doppju tal-ħlas dovut skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament [bażiku]?”

    26.

    Il-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Grieg, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea, attendew għas-seduta tat-18 ta’ Jannar 2012.

    IV – Analiżi

    A – Rimarki introduttorji

    27.

    Sabiex nirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, ser nagħmel xi osservazzjonjiet preliminari, minn naħa, fuq il-kwalità tal-materjal ta’ propagazzjoni użat f’dan il-każ, kwistjoni mqajma minn J. u T. Geistbeck , kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq il-portata tal-privileġġ tal-bdiewa.

    28.

    Sussegwentement, ser nindirizza l-kwistjoni tal-metodu korrett sabiex jiġi kkalkolat il-kumpens raġonevoli dovut lid-detentur tad-drittijiet ta’ protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, ser neżamina il-kwistjoni jekk, waqt il-kalkolu tal-imsemmi kumpens jew tal-ħlas tad-danni dovuti skont l-Artikolu 94(2) tal-imsemmi regolament, huwiex possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjez tal-monitoraġġ inkorsi minn organizzazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 7 ).

    1. Fuq il-kwalità tal-materjal ta’ propagazzjoni protett

    29.

    Skont J. u T. Geistbeck, il-materjal ta’ propagazzjoni inkwistjoni ma kienx tal-kwalità bħal dik imsemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku u ma kienx għadu għalhekk adattat għall-operazzjonijiet kummerċjali li jiġu inklużi fil-kuntest tal-għoti ta’ liċenzja. Huma jqisu li l-kwalità ħażina tal-materjal ta’ ħsad ma tiġġustifikax li d-detentur tal-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanta jeżiġi l-ħlas ta’ liċenzja sħiħa.

    30.

    Nosserva li, mill-perspettiva tad-dritt ta’ proprjetà intelletwali, l-użu ta’ materjal protett ma għandu ebda effett fuq il-protezzjoni tal-identità tal-materjal li huwa s-suġġett tad-dritt protett, bħalma huma l-varjetajiet ta’ pjanti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dritt ta’ proprjetà intelletwali ma jispiċċax minħabba l-użu tiegħu.

    31.

    Barra minn hekk, sabiex l-attività tal-bidwi tkun tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-privileġġ tal-bdiewa msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku, il-prodott tal-ħsad għandu jkun konformi mal-karatteristiċi tal-varjetà protetta ( 8 ). Il-bidwi b’hekk jikkultiva u jippropaga pjanti li jissodisfaw il-karatteristiċi neċessarji tal-varjetà inkwistjoni.

    2. Fuq il-portata tal-privileġġ tal-bdiewa

    32.

    L-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, l-awtorizzazzjoni mingħand id-detentur hija, bħala regola ġenerali, rikjesta għall-propagazzjoni tal-materjal ta’ ħsad ta’ varjetà protetta.

    33.

    Madankollu, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi deroga għal dan il-prinċipju. Din id-deroga għandha l-għan li tissalvagwardja l-produzzjoni agrikola. Bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, il-bdiewa huma awtorizzati li jutilizzaw, għall-propagazzjoni fil-miftuħ fl-għelieqi tagħhom, il-prodott tal-ħsad miksub mit-tiżrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet protetti, bil-kundizzjoni li l-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu jkunu osservati.

    34.

    Dan il-privileġġ għalhekk japplika biss jekk il-bidwi josserva l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku u speċifikati mir-Regolament ta’ applikazzjoni.

    35.

    Fil-fatt, fis-sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà kkunsidrat fil-qosor il-portata tad-dritt tal-bidwi li jinvoka l-imsemmija deroga. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-bidwi li ma jkunx ħallas lid-detentur kumpens raġonevoli, meta huwa juża l-prodott tal-ħsad miksub mit-tiżrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà protetta, ma jistax jinvoka l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, għandu jitqies li qed iwettaq, mingħajr ma jkollu permess, wieħed mill-atti li jissemmew fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, mill-Artikolu 94 tal-istess regolament jirriżulta li dan il-bidwi jista’ jiġi mħarrek mid-detentur, sabiex jiġi ordnat il-waqfien tal-ksur jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn. F’każ li jaġixxi intenzjonalment jew b’negliġenza, barra minn hekk il-bidwi jkun suġġett li jikkumpensa kull ħsara li jsofri d-detentur ( 9 ).

    36.

    Fil-fehma tiegħi, dan għandu neċessarjament ikun il-każ meta bidwi ma jkunx debitament wettaq l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni msemmi fis-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku, peress li l-ħlas ta’ kumpens raġonevoli, imsemmi fis-sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq, jidher, l-istess bħall-għoti tal-informazzjoni, fl-imsemmi artikolu, li jelenka l-kriterji li jippermettu li tiġi applikata d-deroga msemmija fl-Artikolu 14(1) tal-imsemmi regolament.

    37.

    Kif ġustament targumenta l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, meta bidwi ma jissodisfax l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni fil-konfront tad-detentur, skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ applikazzjoni, u jekk huwa lanqas ma jkun ħallas il-kumpens raġonevoli għal din il-parti tal-produzzjoni, lanqas id-deroga tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku ma tkun tista’ tiġi applikata.

    38.

    Fil-fatt, jekk l-imsemmija kundizzjonijet tat-tiżrigħ awtorizzat previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku ma jkunux osservati, id-deroga tal-Artikolu 14(1) tal-istess regolament ma tkunx applikabbli. Konsegwentement, jekk, waqt it-tiżrigħ, il-kriterji stabbiliti mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu ma jkunux osservati, l-imsemmi tiżrigħ jikkostitwixxi ksur tad-drittijet mogħtija lid-detentur bl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

    B – Il-kalkolu tal-kumpens raġonevoli previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku

    39.

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, minħabba l-ksur tad-drittijiet ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti, l-STV għandha d-dritt li titlob il-ħlas ta’ kumpens raġonevoli bis-saħħa tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li n-nuqqas ta’ J. u T. Geistbeck li jwettqu l-obbligu tagħhom li jagħtu tagħrif huwa tort tagħhom, u għalhekk l-STV tista’ titlob ukoll il-kumpens tal-ħsara li sofriet skont l-Artikolu 94(2) tal-istess regolament.

    40.

    Infakkar, qabel xejn li, għall-finijiet ta’ eżami tal-Artikolu 94 tar-Regolament bażiku, jeħtieġ li nitilqu mis-suppożizzjoni li l-għan wara dan l-artikolu huwa dak ta’ kumpens sħiħ ibbażat fuq il-prinċipju ta’ restitutio in integrum ( 10 ). Fi kliem ieħor, il-kumpens li għandu jitħallas minħabba ksur tad-drittijiet ta’ protezzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti għandu l-iskop li jpoġġi lid-detentur tad-drittijiet fis-sitwazzjoni ta’ qabel il-ksur. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma hijiex mingħajr problemi f’dan il-każ peress li l-imsemmija sitwazzjoni tista’ tiġi reintegrata kemm b’riferiment għat-tiżrigħ awtorizzat kif ukoll, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont riċevut għall-produzzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni liċenzjat.

    1. Fuq is-sistemi stabbiliti bl-Artikoli 14 u 94 tar-Regolament bażiku

    41.

    Fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku, il-qorti tar-rinviju tippreżenta żewġ metodi li jistgħu jintużaw għall-kalkolu tal-imsemmi kumpens, jiġifieri dak ibbażat fuq il-miżata għal produzzjoni liċenzjata jew dak ibbażat fuq il-miżata għal tiżrigħ.

    42.

    Nirrileva li l-kliem tal-Artikolu 94 tar-Regolament bażiku ma jipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tal-miżata għal tiżrigħ awtorizzat fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kumpens raġonevoli fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    43.

    Nirrileva wkoll li ċerti verżjonijiet lingwistiċi (b’mod partikolari l-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola, Daniża, Ġermaniża, Ingliża, Taljana u Finlandiża) jużaw termini differenti fl-Artikolu 94(1) ( 11 ), u fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) ( 12 ) tar-Regolament bażiku, filwaqt li l-verżjoni Franċiża, tuża l-istess frażi fiż-żewġ dispożizzjonijiet, jiġifieri ta’ “kumpens raġonevoli”. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jinsiltu konklużjonijiet minn din id-differenza lingwistika, jeħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu eżaminati fil-kuntesti rispettivi tagħhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għanijiet tagħhom.

    44.

    L-ewwel nett, infakkar li l-kumpens raġonevoli msemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku jifforma parti minn dispożizzjoni derogatorja. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat fis-sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq, li, skont is-sbatax u t-tmintax-il premessa tar-Regolament bażiku, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tar-regolament imsemmi, adottati fl-interess pubbliku tal-protezzjoni tal-produzzjoni agrikola, jikkostitwixxu eċċezzjoni għar-regola li l-liċenzja tad-detentur hija rikjesta għall-propagazzjoni tal-materjal ta’ ħsad tal-varjetà protetta ( 13 ).

    45.

    Fis-sentenza Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li d-dritt tal-bdiewa li jiżirgħu, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur, il-prodott tal-ħsad miksub biż-tiżrigħ tal-materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà suġġetta għall-privileġġ tal-bdiewa, għandha bħala korollarju l-obbligu tagħhom li jipprovdu, fuq talba ta’ dan id-detentur, l-informazzjoni rilevanti u, ħlief għall-bdiewa ż-żgħar, li jħallsuh kumpens raġonevoli ( 14 ).

    46.

    Dejjem skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi għalhekk bilanċ bejn, minn naħa, l-interessi tad-detenturi ta’ protezzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti u, min-naħa l-oħra, dawk tal-bdiewa. Il-privileġġ tal-bdiewa, jiġifieri t-tiżrigħ mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, flimkien mal-obbligu ta’ informazzjoni u mad-dmir ta’ ħlas ta’ kumpens raġonevoli, jippermetti għalhekk il-protezzjoni tal-interessi leġittimi reċiproċi tal-bdiewa u tad-detenturi fir-relazzjonijiet diretti bejniethom ( 15 ).

    47.

    Huwa għalhekk essenzjali li l-kunċett ta’ “kumpens raġonevoli” imsemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku jiġi interpretat b’mod restrittiv, u fil-kuntest speċifiku tiegħu, bħala parti integranti mis-sistema ta’ deroga prevista f’dak l-artikolu.

    48.

    Sussegwentement, il-kumpens raġonevoli li għalih jirreferi l-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku, għandu, bħall-kumpens imsemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament, jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-imsemmi regolament u tal-għan tiegħu.

    49.

    Fuq il-livell ġenerali, kif jirriżulta mill-ħames premessa tar-Regolament bażiku, dan għandu l-għan ġenerali li jtejjeb il-protezzjoni ta’ dawk kollha li jiżviluppaw il-varjetajiet ( 16 ). Fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-proprjetarji tal-iżvilupp ta’ pjanti fir-Regolament bażiku, nikkunsidra li l-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament jippermetti lid-detentur li jiżgura li l-interessi tiegħu huma protetti fil-konfront ta’ kull persuna li twettaq, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, xi wieħed mill-atti elenkati fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ( 17 ).

    2. Fuq il-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq il-miżata għal produzzjoni liċenzjata

    50.

    Sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-detenturi tal-varjetajiet ta’ pjanti protetti u tpoġġihom fis-sitwazzjoni qabel il-ksur tad-drittijiet tagħhom, huwa neċessarju li jiġi kkalkolat il-kumpens raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku billi nibbażaw fuq il-miżata għal produzzjoni liċenzjata.

    51.

    Din id-dispożizzjoni hija applikabbli wkoll meta l-persuna li tkun wettqet att li jikkostitwixxi ksur ma tkunx aġixxiet intenzjonalment jew b’mod negliġenti ( 18 ). Hija intiża sabiex tiżgura li d-detentur jirċievi kumpens raġonevoli li, fil-fehma tiegħi, ma jistax ikun inqas mill-kumpens li l-imsemmi detentur seta’ jitlob abbażi tal-produzzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni liċenzjata, bis-saħħa tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

    52.

    Filwaqt li nibbaża ruħi fuq in-natura derogatorja tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament imsemmi, naħseb li bidwi li ma josservax il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku, li jservu ta’ bażi għall-applikazzjoni tad-deroga stabbilita fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu, għandu jiġi kkunsidrat bħal kwalunkwe terz li għandu jakkwista l-varjetà protetta fuq is-suq bi ħlas tal-miżata għal produzzjoni liċenzjata. Konsegwentement, bidwi li ma josservax l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku ma jistax jibbenefika iktar mid-deroga stabbilita fl-imsemmi artikolu.

    53.

    Din il-konklużjoni tista’ wkoll tiġi kkonfermata mill-qari tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ applikazzjoni, li jipprovdi li d-detentur jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija lilu mill-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti kontra xi persuna li tikser il-kundizzjonijiet jew il-limitazzjonijiet marbuta mad-deroga skont l-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku.

    54.

    Barra minn hekk, jidher utli li jiġi osservat li, jekk approċċ differenti kien adottat, il-bdiewa jistgħu ma jkunux inċitati sabiex josservaw l-obbligu ta’ informazzjoni fil-konfront tad-detentur, peress li n-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligi li jagħti effett għad-deroga verament ma jkollu ebda konsegwenzi ekonomiċi preventivi.

    55.

    Minn din il-perspettiva, kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, limitazzjoni tad-dritt għall-kumpens tad-detentur għall-ammont li jikkorrispondi għall-miżata għal tiżrigħ awtorizzat, ikollha l-effett li tibbenefika b’mod inġust lill-bdiewa li ma josservawx l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku.

    56.

    F’sistema bħal din li l-għan ġenerali tagħha huwa li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni lill-varjetajiet ta’ pjanti, ikun kuntrarju għall-imsemmi għan li bidwi, irrispettivament mill-fatt jekk huwa josservax jew le l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni, ikun sistematikament marbut li jħallas biss il-miżata għat-tiżrigħ awtorizzat, li l-livell tagħha huwa limitat, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, għal livell kunsiderevolment iktar baxx minn dak tal-miżata għal produzzjoni liċenzjata.

    57.

    F’dan ir-rigward, nixtieq inżid li għalkemm l-obbligu li jħallsu kumpens raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku, ikkalkolat abbażi tal-miżata għal produzzjoni liċenzjata, iwassal għal kumpens ogħla minn dak stabbilit għat-tiżrigħ awtorizzat bis-saħħa tal-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku, dan mhux b’daqshekk il-każ ta’ danni msejħa “punittivi” (punitive damages), li jinkludu wkoll element penali ( 19 ). Madankollu, dan huwa metodu li jippermetti li tiġi imposta l-ispiża tal-produzzjoni liċenzjata tal-materjal ta’ propagazzjoni meta t-tiżrigħ jikkostitwixxi ksur u li għandu, għalhekk, funzjoni preventiva.

    58.

    Bħala konklużjoni, jiena nemmen li, id-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens raġonevoli msemmi fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tkun ibbażata fuq il-miżata għal produzzjoni liċenzjata. Fil-fatt, kull interpretazzjoni oħra ma tkunx qed tiggarantixxi l-għan tal-imsemmi regolament, lanqas l-effett utli tiegħu.

    59.

    Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi fuq il-ħtieġa li tiġi adottata l-miżata għal produzzjoni liċenzjata bħala bażi għall-kalkolu tal-kumpens raġonevoli msemmi fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku, sejjer ukoll nagħmel xi osservazzjonijiet dwar il-metodu l-ieħor ta’ kalkolu bbażat fuq il-miżata għal tiżrigħ awtorizzat li jissemma mill-qorti tar-rinviju.

    3. Fuq il-metodu ta’ kalkolu alternattiv msemmi mill-qorti tar-rinviju

    60.

    Nirrileva l-ewwel nett li jekk il-kumpens raġonevoli li bidwi għandu jħallas lid-detentur fil-każ ta’ att ta’ ksur skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku jkun ikkalkolat abbażi tal-miżata għal tiżrigħ awtorizzat, l-imsemmi kumpens jibqa’ ferm inqas mill-ammont dovut minn terzi għall-produzzjoni liċenzjata tal-materjal ta’ propagazzjoni.

    61.

    Ninnota li mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-atti mwettqa ta’ J. u T. Geistbeck jirriżultaw minn nuqqas tagħhom, u għalhekk l-STV tista’ wkoll titlob il-ħlas ta’ kull dannu subit, skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament bażiku ( 20 ).

    62.

    F’kuntest bħal dan, u sabiex jiġi żgurat l-għan ġenerali tar-Regolament bażiku kif ukoll sabiex jiġi evitat li l-propagazzjoni mhux awtorizzata jista’ jkollha bħala riżultat vantaġġ inġust għal trasgressuri meta mqabbla ma’ terzi li jipproduċu l-materjal ta’ propagazzjoni liċenzjata, jidher neċessarju li l-ammont tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament bażiku jiġi stabbilit b’riferiment għall-miżata għal produzzjoni liċenzjata. F’dan il-każ, id-dannu subit mid-detentur imsemmi fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament bażiku jikkorrispondi għad-differenza bejn l-imsemmija miżata u l-kumpens raġonevoli msemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku ( 21 ).

    63.

    Niċċara li l-miżata għal tiżrigħ awtorizzat tkopri biss 50 % mill-miżata għal produzzjoni liċenzjata ( 22 ). Id-dannu subit mid-detentur skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament bażiku jikkorrispondi għalhekk, f’każ bħal dan, u mingħajr ma l-imsemmi detentur ikun obbligat li jipproduċi l-prova, għad-differenza bejn l-ammont tal-miżata għal tiżrigħ awtorizzat u dik tal-miżata għal produzzjoni liċenzjata.

    64.

    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ spejjeż ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ normali msemmija mill-qorti tar-rinviju, jiena nżid li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-miżata għal tiżrigħ awtorizzat bħala l-bażi tal-kalkolu tal-kumpens raġonevoli msemmi fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku, ikollu wkoll l-konsegwenza li l-imsemmija spejjeż, normalment inklużi fl-ammont tal-miżata għal produzzjoni liċenzjata, ma jkunux kompletament koperti bil-kumpens imsemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku.

    65.

    Minn dan isegwi li, kieku l-metodu ta’ kalkolu kien meqjus bħala xieraq, il-proprjetarju ta’ varjetà ta’ pjanta protetta għandu jkun jista’ jikkalkola l-ammont tad-dannu li għandu jitħallas, skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament bażiku, skont il-miżata għal produzzjoni liċenzjata li fiha huma wkoll inklużi l-ispejjeż tal-kontroll u monitoraġġ normali inkorsi minn dan id-detentur. Interpretazzjoni bħal din twassal għall-istess riżultat, mill-perspettiva ekonomika tal-imsemmi detentur, bħal dik proposta bħala l-ewlenija.

    4. Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-mezzi ta’ kontroll partikolarment importanti

    66.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-mezzi ta’ kontroll partikolarment għoljin li tidħol fihom entità li tiddefendi d-drittijiet ta’ numru kbir ta’ detenturi ta’ drittijiet sabiex jiġu stabbiliti l-każijiet possibbli ta’ ksur ta’ żvilupp ta’ pjanti fis-sens tal-Artikolu 94(1) jew (2) tar-Regolament bażiku, jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kumpens u jekk l-ispiża tagħhom tistax tkun ikkalkolata fuq il-bażi ta’ somma f’daqqa li tista’ tkun id-doppju tal-kumpens miftiehem.

    67.

    L-ewwel nett fir-rigward ta’ din id-domanda, il-Kummissjoni tirrileva li din ma għandhiex rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Nammetti, ċertament, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-STV ma talbitx l-ħlas ta’ somma f’daqqa u li l-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda biss l-ispejjeż ta’ qabel il-kawża f’ammont żgħir ferm, jiġifieri EUR 141.05, li ma jirriżultawx manifestament minn ġestjoni tal-kontrolli organizzati mill-STV. Madankollu, naħseb li din id-domanda ma hijiex waħda ipotetika minħabba l-fatt li hija strettament marbuta mal-applikazzjoni tal-Artikolu 94(1) u (2) tar-Regolament bażiku ( 23 ).

    68.

    Fuq il-mertu, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ applikazzjoni jippermettu lid-detenturi li jorganizzaw rwieħhom sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, huma jistgħu jaġixxu kemm individwalment kif ukoll kollettivament jew ukoll jifformaw organizzazzjoni għal dan il-għan ( 24 ).

    69.

    Mis-sentenza Jäger, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-STV hija entità li għandha bħala skop il-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-membri tagħha li jipproduċu jew ibigħu, direttament jew indirettament, iż-żrieragħ jew li għandhom interess fil-produzzjoni jew il-bejgħ tagħhom. B’mod partikolari, din l-entità tiġġestixxi d-drittijiet tal-iżviluppaturi fuq livelli nazzjonali u internazzjonali u torganizza verifiki, f’dak li jikkonċerna d-drittijiet tal-iżviluppaturi tal-membri tagħha jew ta’ terzi, fir-rigward ta’ kumpanniji ta’ propagazzjoni u ta’ bejgħ. Dawn il-funzjonijiet jinkludu, ukoll, il-ġbir tal-miżati għall-użu ta’ liċenzji operattivi għall-varjetajiet ta’ pjanti u, finalment, l-adozzjoni ta’ miżuri ġenerali intiżi sabiex jippromwovu l-produzzjoni u l-provvista għall-konsumaturi ta’ żrieragħ ta’ kwalità u l-bejgħ tagħhom ( 25 ).

    70.

    Kif irrimarka il-Gvern Grieg fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-fatt li jistgħu jeżerċitaw kollettivament id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku ma jfissirx li l-ispejjeż ta’ azzjoni bħal dik għandu jħallashom il-bidwi, anki jekk huwa jikser id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Għall-kuntrarju, skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ applikazzjoni, li skontu l-kontroll għandu jitwettaq mill-proprjetarju, dawn l-ispejjeż għandhom jiġu inklużi mill-proprjetarju fl-ammont tal-miżata għal produzzjoni liċenzjata.

    71.

    Fid-dawl tar-rwol imwettaq minn entità bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija strettament marbuta mal-kontroll u mal-monitoraġġ li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet tal-iżviluppaturi kkonċernati, l-ispejjeż tal-mezzi tal-kontroll partikolarment għoljin li tidħol fihom entità bħal dik ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni separatament fil-kuntest tal-kalkolu tal-kumpens raġonevoli dovut bis-saħħa tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku jew tal-kumpens għad-dannu dovut skont l-Artikolu 94(2) tal-imsemmi regolament.

    72.

    Fl-opinjoni tiegħi, huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ dawn il-mezzi biss sa fejn dawn huma spejjeż addizzjonali ta’ qabel il-kawża jew ġudizzjarji marbuta mal-eżami ta’ każ speċifiku ta’ ksur li r-rimbors tagħhom jista’ jintalab bis-saħħa ta’ u suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament bażiku ( 26 ). Għandha, f’kull każ, teżisti rabta ta’ kawżalità bejn dawn l-ispejjeż u l-każ ta’ ksur inkwistjoni.

    73.

    Fl-aħħar nett, ninnota li, meta l-kumpens raġonevoli previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament bażiku jiġi kkalkolat, kif nissuġġerixxi jiena, b’riferiment għall-miżata għal produzzjoni liċenzjata, id-detentur jista’ jitlob il-ħlas ta’ kumpens bħala rimbors għall-ispejjeż ta’ kontroll u monitoraġġ normali li huma marbuta mal-kontroll imsemmi fil-ħames inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku kif ukoll fl-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ applikazzjoni ( 27 ).

    74.

    Din il-konklużjoni hija ovvja għaliex l-ispejjez tal-kontroll u monitoraġġ ordinarji, anki jekk jitilgħu għal ammont għoli, għandhom jiġu kkunsidrati, kif jirriżulta minn dawn il-konklużjonijiet, li huma inklużi fl-ammonti li jinġabru minħabba l-produzzjoni liċenzjata, peress li l-kontroll għandu jitwettaq mid-detentur, skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ applikazzjoni. Fil-fatt, il-kalkolu tal-ammont tal-kumpens raġonevoli b’riferiment għall-miżata għal produzzjoni liċenzjata jippermetti li jiġu kkumpensati l-konsegwenzi tal-ksur u b’hekk id-detentur jitqiegħed fis-sitwazzjoni ta’ qabel il-ksur.

    V – Konklużjoni

    75.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, tiddikjara li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari u, min-naħa l-oħra, li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tielet domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof b’dan il-mod:

    “Il-kumpens raġonevoli dovut minn bidwi, skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, lid-detentur ta’ dritt tal-varjetajiet ta’ pjanti tal-Komunità għax ikun uża materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà protetta miksuba minn tiżrigħ mingħajr ma jkun wettaq l-obbligi stipulati fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1768/95, li jimplementa regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 2605/98, tat-3 ta’ Diċembru 1998, għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ammont medju li jintalab għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet protetti tal-ispeċi tal-pjanti kkonċernata fl-istess żona. Minħabba li, minn naħa, il-kalkolu tal-ammont tal-kumpens raġonevoli fuq il-bażi msemmija iktar ’il fuq jippermetti li l-proprjetarju jitqiegħed fis-sitwazzjoni ta’ qabel il-ksur u jikkumpensa l-konsegwenzi tal-ksur tad-drittijiet tiegħu, u li, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-kontroll u monitoraġġ għandhom jitqiesu li huma inklużi mid-detentur fl-ammont tal-liċenzja, il-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż jista’ jintalab mid-detentur biss f’dak li jirrigwarda spejjeż addizzjonali ta’ qabel il-kawża jew ġudizzjarji marbuta mal-eżami ta’ każ speċifiku ta’ ksur fejn ir-rimbors tagħhom jista’ jintalab bis-saħħa ta’ u suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).

    ( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1768/95, tal-24 ta’ Lulju 1995, li jimplementa regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet Komunitarji rigward varjetajiet ta’ pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 63), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2605/98, tat-3 ta’ Diċembru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 24, p. 162).

    ( 4 ) Ara f’dan is-sens, il-punti 22 u 23 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Colomer fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, Deppe et (C-7/05 sa C-9/05, Ġabra p. I-5045).

    ( 5 ) Sentenza tal-10 ta’ April 2003 (C-305/00, Ġabra p. I-3525). Ara wkoll, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, Jäger (C-182/01, Ġabra p. I-2263); tal-14 ta’ Ottubru 2004, Brangewitz (C-336/02, Ġabra p. I-9801); is-sentenza Deppe et, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll dik tal-20 ta’ Ottubru 2011, Greenstar-Kanzi Europe (C-140/10, Ġabra p. I-10075).

    ( 6 ) Fuq il-livell internazzjonali, il-protezzjoni tat-tkabbir tal-pjanti tifforma s-suġġett ta’ konvenzjoni fi ħdan l-Organizzazzjoni Mondjali tal-Proprjetà Intellettwali, jiġifieri l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti. Il-Komunità Ewropea aderixxiet għal din il-Konvenzjoni fl-2005 [Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/523/KE, tat-30 ta’ Mejju 2005, li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti, kif riveduta f’Ġinevra fid-19 ta’ Marzu 1991 (ĠU L 164 M, 16.6.2006, p. 288)]. Ir-regoli tal-Unjoni huma ispirati b’mod qawwi mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

    ( 7 ) Nispjega li għandna nitilqu mill-ipoteżi li l-proprjetarji jinkludu ġeneralment, fl-ammont tal-miżata għal produzzjoni liċenzjata, l-ispejjeż tal-monitoraġġ u ta’ sorveljanza ordinarja marbuta mas-salvagwardja tad-drittijiet tagħhom.

    ( 8 ) Ara, għal dak li jikkonċerna l-karatteristiċi tal-varjetajiet ikkultivati fil-kuntest tal-agrikoltura Ewropea, il-punti 1 sa 4 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Association Kokopelli (C-59/11).

    ( 9 ) Sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq (punt 71).

    ( 10 ) Ara, f’dan is-sens, E. Bonadio, “Remedies and sanctions for the infringement of intellectual property rights under EC law”, European Intellectual Property Review, 2008, Nru 8, vol. 30, p. 324.

    ( 11 ) Il-kliem użat f’dawn il-verżjonijiet huma, dawn li ġejjin: “indemnización razonable”, “rimelig vederlag”, “angemessenen Vergütung”, “reasonable compensation”, “equa compensazione” u “kohtuullinen korvaus”, rispettivament.

    ( 12 ) Dawn il-verżjonijiet jirreferu, rispettivament, għall-frażijiet li ġejjin: “remuneración justa”, “rimelig godtgoerelse”, “angemessene Entschädigung”, “equitable remuneration”, “equa remunerazione” u “kohtuullinen palkkio”.

    ( 13 ) Sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).

    ( 14 ) Sentenza Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).

    ( 15 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza Brangewitz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43) u, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA (C-245/00, Ġabra p. I-1251, punt 36).

    ( 16 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punt 40 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Colomer fil-kawża li tat lok għas-sentenza Jäger, iċċitata iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, nosserva li r-Regolament Bażiku ma kellux l-għan li jirregola settur ta’ produzzjoni agrikola, imma li jistitwixxi sistema ta’ protezzjoni komunitarja tal-iżvilupp tal-pjanti.

    ( 17 ) Ninnota wkoll li din is-sistema tikkostitwixxi sistema ta’ kumpens distint u separat intiż biex jiżgura l-effettività tar-Regolament bażiku.

    ( 18 ) Ara, f’dak li jirrigwarda n-natura oġġettiva tal-kumpens raġonevoli stipulat fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Bażiku, is-sentenza Greenstar-Kanzi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).

    ( 19 ) Ara wkoll is-sitta u għoxrin premessa tad-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2004/48/K fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17 Vol. 2 p. 32), li mhix applikabbli għal dan il-każ.

    ( 20 ) F’dak li jikkonċerna l-metodi possibbli ta’ kalkolu tad-dannu li jirriżulta lid-detentur u l-problemi li dawn jissollevaw, ara G. Würtenberger, et, European Plant Variety Protection, Oxford University Press, Oxford, 2009, p. 177 u 178.

    ( 21 ) Inżid li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ applikazzjoni jipprovdi li, f’każ ta’ nuqqas ta’ tħaris ripetut u intenzjonali tal-obbligi previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Bażiku, mill-bidwi, il-ħlas tad-dannu li jirriżulta lid-detentur għandu jkopri mill-inqas somma waħda li tkun ikkalkolata fuq il-bażi ta’ medja multiplikata għal erba’ darbiet, tal-ammont li jitħallas għall-produzzjoni liċenzjata ta’ kwantità korrispondenti ta’ materjal riproduttiv ta’ varjetajiet protetti tal-ispeċi ta’ pjanti kkonċernati fl-istess lokalità, bla ħsara għall-ħlas ta’ kumpens għal xi dannu ikbar. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ applikazzjoni ma jimponux fuq il-bdiewa obbligi b’firxa ikbar minn dawk li jirriżultaw mir-Regolament bażiku. Ara, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ applikazzjoni, is-sentenza Schulin, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60).

    ( 22 ) Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ applikazzjoni, dan il-kumpens jista’ jkun is-suġġett ta’ kuntratt bejn id-detentur u l-bidwi.

    ( 23 ) Inċidentalment, nixtieq nosserva li din il-kwistjoni hija ispirata, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof fil-materja ta’ ksur tad-drittijiet ta’ rappreżentazzjoni. F’dan il-qasam, il-Bundesgerichtshof ilha żmien tagħti lil kumpannija ta’ ġestjoni li ssegwi dan it-tip ta’ ksur żieda fid-danni msejħa “għall-ksur” li titla’ sad-doppju tal-miżata tal-liċenzja normali.

    ( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Jäger, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).

    ( 25 ) Ara s-sentenza Jäger, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17).

    ( 26 ) Din il-konklużjoni tidher li hija wkoll konformi mal-prinċipji msemmija fis-sitta u għoxrin premessa u fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48.

    ( 27 ) Esklużi dawn il-ħlasijiet, id-detentur jista’ madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Bażiku, jeżiġi l-ħlas ta’ kumpens għall-finijiet ta’ kumpens tad-dannu li huwa sostna.

    Top