Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0495

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 27 ta' Ottubru 2011.
Centre hospitalier universitaire de Besançon vs Thomas Dutrueux u Caisse primaire d'assurance maladie du Jura.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - Franza.
Direttiva 85/374/KEE - Responsabbiltà għal prodotti difettużi - Kamp ta’ applikazzjoni - Sistema nazzjonali li tipprevedi, fir-rigward tal-istabbilimenti pubbliċi tas-saħħa, l-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni subiti minn pazjent minħabba l-ħsara f’apparat jew f’prodott użat waqt il-kura mogħtija anki fl-assenza ta’ nuqqas imputabbli lil dawn l-istabbilimenti.
Kawża C-495/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:706

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2011(1)

Kawża C‑495/10

Centre hospitalier universitaire de Besançon

vs

Thomas Dutrueux,

Caisse primaire d’assurance maladie du Jura

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza)]

“Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Responsabbiltà tal-istabbilimenti pubbliċi tas-saħħa fir-rigward tal-pazjenti tagħhom minħabba prodotti difettużi – Limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi”





1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 u 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża dwar ir-responsabbiltà tas-Centre hospitalier universitaire de Besançon (iktar ’il quddiem iċ-‘CHU ta’ Besançon’) għad-danni, ikkawżati lil pazjent, minħabba l-użu ta’ saqqu difettuż li jsaħħan.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva 85/374

3.        L-ewwel, ir-raba’, it-tlettax u t-tmintax il-premessa tad-Direttiva 85/374 jistabbilixxu:

“billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar ir-responsabbilta` tal-prodottur għall-ħsara kkawżata mid-difetti tal-prodotti tiegħu hija meħtieġa minħabba li d-diverġenzi preżenti jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-moviment tal-prodotti fis-suq komuni u jinvolvu livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur kontra ħsara kkawżata minn prodott difettuż għal saħħtu jew lil proprjetà tiegħu;

[...]

billi l-protezzjoni tal-konsumatur tirrikjedi li l-produttiri involuti kollha fil-proċess ta’ produzzjoni għandhom jinżammu responsabbli, kemm-il darba l-prodott finalizzat, parti komponenti jew kull materja prima tagħhom fornuta minnhom kienet difettuża; billi, għall-istess raġuni, ir-responsabbilta` għandha testendi għall-importaturi ta’ prodotti fil-Komunita` u għall-persuni li jippreżentaw infushom bħala produtturi billi jwaħħlu isimhom, trade mark jew kull karatteristika distintiva oħra jew li jipprovdu prodott li l-produttur tiegħu ma jistax jiġi identifikat;

[...]

billi skond is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri parti mweġġgħa jista’ jkollha pretensjoni għad-danni bbażata fuq raġunijiet ta’ responsabbiltà kontrattwali jew ibbażati fuq raġunijiet ta' responsabbiltà mhux kontrattwali għajr dik li hemm ipprovdut dwarha f’din id-Direttiva; sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet iservu wkoll biex jilħqu l-għan ta’ protezzjoni effettiva tal-konsumaturi, għandhom jibqgħu bla mittiefsa minn din id-Direttiva; billi, sa fejn protezzjoni effettiva tal-konsumaturi fis-settur tal-prodotti farmaċewtiċi diġà nkisbet ukoll fi Stat Membru skond sistema ta’ responsabbilta speċjali, pretensjonijiet ibbażati fuq din is-sistema għandhom bl-istess mod jibqgħu possibbli;

[...]

billi l-armonizzazzjoni li tirriżulta minn din ma tistax tkun totali fl-istadju preżenti, iżda tagħti bidu għat-triq lejn armonizzazzjoni akbar; [...]”

4.        Id-Direttiva 85/374 tistabbilixxi, fl-Artikolu 1 tagħha, li “[i]l-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu”.

5.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat hekk:

“1.      ‘Produttur’ tfisser manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu.

2.      Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-produttur, kull persuna li timporta fil-Komunità prodott għall-bejgħ, kiri, jew kull forma oħra ta’ distribuzzjoni fil-kors tan-negozju tagħha titqies bħala produttur skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva u tkun responsabbli bħala produttur.

3.      Fejn il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, kull fornitur tal-prodott għandu jitqies bħala l-produttur tiegħu kemm-il darba huwa ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietu bil-prodott. L-istess għandu jgħodd, fil-każ ta’ prodott importat, jekk dan il-prodott ma jindikax l-identità tal-importatur imsemmi fil-paragrafu 2, anke jekk l-isem tal-produttur huwa indikat”.

6.        Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/374:

“Din id-Direttiva mgħandha taffettwa l-ebda drittijiet li persuna korruta jista’ jkollha skond ir-regoli tal-liġi tar-responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali jew sistema ta’ responsabbiltà speċjali eżistenti meta din id-Direttiva tkun ippubblikata”.

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7.        L-Artikoli 1386‑1 sa 1386-18 tal-Kodiċi Ċivili jiżguraw it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/374.

8.        Il-Conseil d’État jispjega li r-responsabbiltà tal-istabbilimenti pubbliċi tas-saħħa fir-rigward tal-pazjenti tagħhom tifforma parti minn sistema ta’ responsabbiltà rregolata b’mod partikolari minn prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza amministrattiva.

9.        Fost dawn tal-aħħar jinsab prinċipju, stabbilit mill-Conseil d’État f’deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2003 (2), li tipprovdi li stabbiliment pubbliku tal-isptar għandu jikkumpensa, anki fl-assenza ta’ nuqqas min-naħa tiegħu, għad-dannu subit minn pazjent minħabba ħsara fl-apparat jew fil-prodott użat waqt il-kura mogħtija.

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10.      Pazjent, li dak iż-żmien kellu 13-il sena, safa’ vittma ta’ ħruq waqt intervent kirurġiku li sarlu fit-3 ta’ Ottubru 2000 fiċ-CHU ta’ Besançon. Dan il-ħruq kien ikkawżat minn saqqu li jsaħħan li tpoġġa fuqu u li kellu s-sistema ta’ regolazzjoni tat-temperatura tiegħu difettuża.

11.      Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Marzu 2007, it-tribunal administratif de Besançon (Qorti Amministrattiva ta’ Besançon) ikkundanna liċ-CHU ta’ Besançon sabiex jikkumpensa għad-dannu kkawżat b’dan il-mod. Peress li l-appell ippreżentat kontra din is-sentenza ġie miċħud mill-cour administrative d’appel de Nancy (Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nancy) permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Frar 2009, iċ-CHU ta’ Besançon għaldaqstant ippreżenta appell fil-kassazzjoni kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Conseil d’État.

12.      Insostenn tal-appell fil-kassazzjoni tiegħu, iċ-CHU ta’ Besançon sostna li d-deċiżjoni tal-imsemmija cour administrative d’appel de Nancy (Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nancy) tmur kontra d-Direttiva 85/374. Fil-fatt, l-imsemmija direttiva tostakola l-implementazzjoni tar-responsabbiltà tas-servizz pubbliku tal-isptar, fl-assenza ta’ nuqqas min-naħa tiegħu, għall-konsegwenzi dannużi biss li jirriżultaw mill-ħsara fil-prodotti u fl-apparat tas-saħħa li jużaw. Huwa biss il-produttur tas-saqqu li għandu jinżamm responsabbli meta jkun debitament identifikat.

13.      Il-prinċipju li jipprovdi li stabbiliment pubbliku tal-isptar għandu jikkumpensa, anki fl-assenza ta’ nuqqas min-naħa tiegħu, għad-dannu subit minn pazjent minħabba l-ħsara fl-apparat jew fil-prodott użat fil-kuntest tal-kura, huwa prinċipju stabbilit mill-Conseil d’État fid-9 ta’ Lulju 2003. Din is-sistema speċjali ta’ responsabbiltà tirriżulta mir-relazzjonijiet speċifiċi li jiġu stabbiliti bejn is-servizz pubbliku tal-isptar u l-persuni li jittieħdu fir-responsabbiltà tiegħu. Skont il-Conseil d’État, jista’ għaldaqstant jiġi sostnut li, b’mod partikolari, din is-sistema ta’ responsabbiltà tibbaża fuq bażi speċifika, li hija distinta minn dik tas-sistema stabbilita bid-Direttiva  85/374. Is-sistema ta’ responsabbiltà tal-istabbilimenti tas-saħħa pubblika tista’ għalhekk tkompli tapplika, b’konformità mal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva.

14.      Jekk dan ma jkunx il-każ, l-imsemmija qorti hija tal-opinjoni li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi għalhekk fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sistema ta’ responsabbiltà ddefinita bid-Direttiva 85/374 tikkonċernax id-danni li min juża dan il-prodott difettuż seta’ kkawża lil terz, fil-kuntest tal-provvista ta’ servizz għall-benefiċċju ta’ dan tal-aħħar.

15.      Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemha u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tagħha, id-Direttiva [85/374] tippermetti l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà bbażata fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-pazjenti ta’ stabbilimenti pubbliċi tas-saħħa, sa fejn tirrikonoxxilhom b’mod partikolari d-dritt li jiksbu mingħand dawn l-istabbilimenti, saħansitra fl-assenza ta’ nuqqas min-naħa ta’ dawn l-istabbilimenti, kumpens għad-danni kkawżati minn ħsara fil-prodotti u fl-apparat użati minn dawn l-istabbilimenti, bla ħsara għall-possibbiltà tal-istabbiliment li jippreżenta rikors kontra l-produttur fuq il-bażi tal-garanzija?

2)      Id-Direttiva [85/374] tillimita l-possibbiltà tal-Istati Membri li jiddefinixxu r-responsabbiltà tal-persuni li jużaw apparat[i] [jew] prodotti difettużi fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi u jikkawżaw, b’dan il-mod, danni lill-benefiċjarju tal-provvista?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.       It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État b’deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2010, waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ottubru 2010.

17.      Iċ-CHU ta’ Besançon, il-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Ġermanja u tal-Greċja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ressqu osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

18.      Dawn il-partijiet ikkonċernati, ħlief il-Gvern tal-Ġermanja, instemgħu waqt is-seduta li nżammet fl-20 ta’ Settembru 2011.

IV – Analiżi ġuridika

19.      Kif ġustament irrikonoxxew il-partijiet kollha preżenti għas-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra fl-ewwel lok it-tieni domanda preliminari, peress li din hija intiża sabiex tiddetermina jekk is-sistema ta’ responsabbiltà bħal dik fil-kawza prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374. Risposta negattiva għal din id-domanda tirrendi l-eżami tal-ewwel domanda preliminari mingħajr skop, li tirrigwarda l-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/374, u tkun biżżejjed sabiex twassal lill-Qorti tar-rinviju għas-soluzzjoni għal kawża prinċipali.

A –    Dwar it-tieni domanda

20.      It-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda d-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk l-imsemmija direttiva tillimitax il-possibbiltà li tiġi implementata skema nazzjonali ta’ responsabbiltà ta’ sptarijiet pubbliċi li jużaw apparat jew prodotti difettużi fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi.

21.      F’termini iktar ġenerali, tqum il-kwistjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 għas-sistema ta’ responsabbiltà ta’ fornitur tas-servizzi, għad-danni kkawżati minn prodott difettuż użat fil-kuntest ta’ dawn is-servizzi. L-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għas-sitwazzjoni tal-imsemmi fornitur tas-servizzi, li tostakola l-implementazzjoni ta’ sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà, tista’ tiġi aċċettata f’żewġ ipoteżi.

22.      Fl-ewwel ipoteżi, id-Direttiva 85/374 tkun tapplika għas-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi, minħabba li dan tal-aħħar jiġi assimilat għal “fornitur” ta’ prodott difettuż, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li “[f]ejn il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, kull fornitur tal-prodott għandu jitqies bħala l-produttur tiegħu kemm-il darba huwa ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietu bil-prodott”. Il-leġiżlatur ma jiddefinixxix dan il-kunċett ta’ “fornitur”, li jista’ għaldaqstant jinkludi l-fornituri tas-servizzi. Skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, il-fornitur jitqies għalhekk bħala “produttur” tal-prodott difettuż użat fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi, sakemm ma jiġix indikat lill-vittma, f’terminu raġonevoli, l-identità tal-“produttur” jew tal-“fornitur” tiegħu.

23.      Fit-tieni ipoteżi, id-Direttiva 85/374 tkun tapplika għas-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi għar-raġuni li din teskludih minn lista eżawrjenti ta’ persuni responsabbli għall-prodotti difettużi, u tinkludi b’mod espress lill-“produttur” u lill-“fornitur”. B’differenza mill-ewwel ipoteżi, il-fornitur tas-servizzi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “produttur” ta’ prodott difettuż jekk ma jistax jiġi assimilat għall-“fornitur” tal-imsemmi prodott. Għalhekk ma jistax ikun possibbli li jinżamm responsabbli għad-danni kkawżati mill-prodott difettuż, anki jekk ma jindikax l-identità tal-“produttur” jew ta’ min ikun ipprovdilu l-imsemmi prodott użat fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi.

24.      Sussegwentement ser nerġa ndur fuq dawn iż-żewġ ipoteżijiet, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-inklużjoni tal-fornitur tas-servizzi fil-kunċett ta’ “fornitur” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374(1); u, fit-tieni lok, id-determinazzjoni eżawrjenti taċ-ċirku tal-persuni responsabbli fid-Direttiva 85/374(2).

1.      Fuq l-assimilazzjoni tal-fornitur ta’ servizz għall-“fornitur” imsemmi fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374

25.      Id-Direttiva 85/374 ma tagħtix definizzjoni tal-“fornitur” ta’ prodott difettuż, fis-sens tal-Artikolu 3(3).

26.      Għall-Gvern tal-Ġreċja, il-“fornitur” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 huwa l-persuna li jopera l-katina tad-distribuzzjoni (3). Fil-kawza prinċipali, l-aħħar ħolqa tal-katina ta’ distribuzzjoni hija għaldaqstant il-kunsinna tas-saqqijiet difettużi liċ-CHU ta’ Besançon. L-użu sussegwenti ta’ dawn is-saqqijiet miċ-CHU, fil-kuntest tal-kura mogħtija lill-pazjenti, ma jidħolx f’din il-katina ta’ distribuzzjoni. Il-Gvern Franċiż iqis, min-naħa tiegħu, li dan l-istess “fornitur” jirreferi għal professjonista fil-katina ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott (4). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni qablet mal-opinjoni ta’ dawn iż-żewġ partijiet.

27.      Fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 85/374, ċerti elementi jippermettu li jiġi ppreċiżat il-kunċett ta’ “fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374. Fis-sentenza Skov u Bilka (5), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “l-Artikoli 1 tad-Direttiva […] jiddeterminaw minn fost il-professjonisti involuti fil-proċessi tal-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni, dak li għandu jassumi r-responsabbiltà stabbilita bid‑Direttiva” (6). F’sentenza sussegwenti, hija ċċensurat dispożizzjonijiet Daniżi li rrendew responsabbli bl-istess kundizzjonijiet tal-produttur “lill-fornituri intermedjarji li jieħdu sehem fil-katina tad-distribuzzjoni” (7). Barra minn hekk, filwaqt li tittratta l-kunċett ta’ “tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni” ta’ prodott difettuż, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet li “f’dan ir-rigwarda jibqa’ irrilevanti l-fatt li prodott jinbiegħ direttament mill-produttur lil min juża s-servizz jew lill-konsumatur jew li dan il-bejgħ isir fil-kuntest ta’ proċess ta’ distribuzzjoni li jinkludi wieħed jew iktar operaturi, bħal dak imsemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [85/374]” (8).

28.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “l-produttur […] hu definit, partikolarment, bħala l-manifattur ta’ prodott lest. Huwa biss fil-każijiet imsemmija bħal eżawrjenti li persuni oħrajn jistgħu jkunu kkunsidrati bħala l-produttur, jiġifieri dak li jippreżenta ruħu bħala tali billi jpoġġi ismu, il-marka tan-negozju tiegħu, jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott, [l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva], min jimporta prodott fil-Komunità [l-Artikolu 3(2)] u fornitur li, jekk il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietlu l-prodott [l-Artikolu 3(3)]” (9). L-adozzjoni ta’ definizzjoni partikolarment wiesgħa tal-kunċett “fornitur” tmur kontra din il-volontà li tiddaħħal lista eżawrjenti ta’ “produtturi”.

29.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddefinit b’mod dirett il-kunċett ta’ “fornitur” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374. Madankollu, mis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-fornitur ta’ prodott difettuż għandu jitqies bħala intermedjarju involut fil-katina ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ distribuzzjoni ta’ prodott difettuż. Tali definizzjoni għandha jkollha natura restrittiva.

30.      Sabiex tingħata definizzjoni tal-kunċett ta’ “fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, fil-kuntest tal-katina ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ distribuzzjoni ta’ prodott difettuż, ikun utli li jsir riferiment għad-Direttiva 2001/95/KE (10). Fil-fatt, kif fakkar il-Gvern Franċiż, id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva neċessarjament iservi ta’ eku għad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 (11).

31.      Id-Direttiva 2001/95/KE tippreċiża fil-premessa 9 tagħha, li “[i]s-sigurtà tat-tagħmir użat mill-fornituri tas-servizzi nfushom għalbiex ifornu servizz lill-konsumaturi […] għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mas-sigurtà tas-servizz ipprovdut […]”. Fid-dawl tar-rabta bejn iż-żewġ direttivi, jista’ jitqies b’mod parallel, fir-rigward tad-Direttiva 85/374, li l-użu ta’ prodott difettuż minn fornitur tas-servizzi jista’ jiġi kkunsidrat b’rabta mas-servizz li jintuża għalih. Konsegwentement, il-fornitur tas-servizzi jiddistingwi ruħu mill-“fornitur” ta’ prodott difettuż, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, peress li huwa kkunsinjat mhux bħala prodott, iżda bħala provvista ta’ servizzi li għaliha ntuża l-prodott difettuż (12).

32.      Fil-kawza prinċipali, ma hemmx dubju li s-saqqu difettuż intuża fil-kuntest ta’ provvista ta’ kura mogħtija miċ-CHU ta’ Besançon. Kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, f’dan il-każ, ma jirrigwardax konsumatur li kien qiegħed jixtri saqqu iżda pazjent li ddaħħal l-isptar. Is-sigurtà tas-saqqu difettuż għalhekk għandha tiġi kkunsidrata b’rabta mal-provvista ta’ kura nnifisha. Għalhekk, iċ-CHU ta’ Besançon ma għandux jiġi kkunsidrat bħala d-distributur tas-saqqu difettuż u ma għandux jiġi assimilat għal “fornitur” skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, kuntrarjament għall-ewwel ipoteżi fformulata fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

2.      Fuq id-determinazzjoni eżawrjenti tar-responsabbiltà minħabba prodotti difettużi fid-Direttiva 85/374

33.      Is-sistema ta’ responsabbiltà ta’ sptarijiet pubbliċi applikabbli għaċ-CHU ta’ Besançon fuq il-bażi tas-sentenza tal-Conseil d’État tad-9 ta’ Lulju 2003 tista’ taqa’ taħt id-Direttiva 85/374 anki jekk dan iċ-ċentru ta’ sptar ma jistax jiġi assimilat għal fornitur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha, skont it-tieni ipoteżi fformulata fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Jista’ jitqies li s-sistema stabbilita minn din id-direttiva tiddetermina r-responsabbiltà kollha minħabba prodotti difettużi, li għalihom huma responsabbli biss il-persuni espressament imniżżla fid-Direttiva 85/374. Konsegwentement, jekk iċ-CHU ta’ Besancon tqies bħala li ma jaqax fiċ-ċirku ta’ nies responsabbli msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/375, ir-responsabbiltà tiegħu għall-użu ta’ saqqu difettuż ma setgħetx titqajjem fil-kawża. Hu biss il-“produttur” u, skont il-każ, il-“fornitur” tas-saqqu difettuż li huma responsabbli għad-danni kkawżati mill-prodott difettuż użat fil-kuntest tal-provvista ta’ servizz.

34.      F’numru ta’ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li ddeċidiet f’dan is-sens, peress li hija tafferma li “id-determinazzjoni taċ-ċirku tal-persuni responsabbli stabbilita fl-Artikoli 1 u 3 tad-[Direttiva 85/374] għandha tiġi kkunsidrata bħala eżawrjenti” (13).

35.      Madankollu, eżami bir-reqqa tal-linja ta’ ġurisprudenza marbuta mal-interpretazzjoni tad-Direttiva 85/374 juri li l-affermazzjoni li tipprovdi li ma jistax ikun hemm responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi meta din ma hijiex prevista fid-Direttiva 85/374 ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (a). Barra minn hekk, sentenza reċenti turi għall-kuntrarju li ma jistax jitqies li l-imsemmija direttiva tapplika barra minn dak li hija tirregola espliċitament (b).

a)      Fuq in-nuqqas ta’ estensjoni mill-ġurisprudenza tad-Direttiva 85/374 għas-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi

36.      Ma jistax jiġi injorat il-kuntest li fih saret l-affermazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Iżda, dan il-kuntest juri li, fid-deċiżjonijiet li fihom hemm din l-affermazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx espressament fuq l-eventwali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 għas-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi.

37.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għad-determinazzjoni eżawrjenti taċ-ċirku ta’ persuni responsabbli f’żewġ sitwazzjonijiet distinti. Fl-ewwel lok, sabiex tiġi evalwata l-portata tar-responsabbiltà ta’ “fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, in-natura sussidjarja tagħha fir-rigward tar-responsabbiltà tal-“produttur” għalhekk ġiet affermata mill-ġdid (14). Il-kwalifika ta’ “fornitur” ma qajmitx diffikultajiet, f’dan il-każ huwa l-proprjetarju tal-ħanut minn fejn inxtara l-prodott difettuż. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet dan il-kunċett tan-natura ezawrjenti taċ-ċirku ta’ persuni responsabbli meta saret id-domanda dwar l-eventwali sostituzzjoni ta’ parti għal oħra, meta nfetħet kawża kontra kumpannija li meqjusa b’mod żbaljat bħala l-“produttur” ta’ prodott difettuż (15). Ma hemm l-ebda dubju li dawn il-każijiet intrabtu mas-sistema ta’ responsabbiltà tal-“produttur” jew tal-“fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374.

38.      Minbarra dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet direttament fuq l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 għas-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi minħabba prodott difettuż. B’mod partikolari, fis-sentenza tagħha Veedfald, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 meta prodott difettuż jintuża fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss fuq ir-responsabbiltà tal-“produttur” tal-imsemmi prodott difettuż, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 (16).

39.      Barra minn hekk, għandu jiġu nnotat f’dan ir-rigward li ċ-ċirkustanzi ta’ kawża speċifika setgħu jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar din id-domanda. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha s-sitwazzjoni ta’ G. Sanchez, li sostniet li kienet ġiet ikkontaminata bil-virus tal-epatite Ċ wara li ngħatat trasfużjoni tad-demm fi stabbiliment mediku (17). Il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet, f’din l-okkażjoni, tippreċiża jekk l-istabbiliment mediku kkonċernat kellux jitqies bħala “fornitur” tal-prodott, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374. Mingħajr ma assimilat dan l-istabbiliment mediku għal “fornitur”, hija setgħet tistabbilixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 kien jestendi wkoll għas-sistema ta’ responsabbiltà ta’ dan l-istabbiliment mediku. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma pprovdietx tali preċiżjonijiet, peress li hija kienet adita biss bil-domanda dwar jekk “[l]-Artikolu 13 tad-Direttiva [85/374] għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi d-drittijiet rikonoxxuti lill-konsumaturi bil-liġi tal-Istat Membru jiġu limitati jew ristretti wara t-traspożizzjoni tad-direttiva [...]?” (18).

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet f’waqtha għal din id-domanda billi sostniet li “l-Artikolu 13 tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet mogħtija bil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru lill-vittmi ta’ danni kkawżati minn prodott difettuż, skont is-sistema ġenerali ta’ responsabbiltà li għandha l-istess bażi bħal dik stabbilita bl-imsemmija direttiva, jistgħu jiġu limitati jew ristretti wara t-transpożizzjoni tal-istess fl-ordinament ġuridiku intern tal-imsemmi Stat” (19). L-eventwali drittijiet, mogħtija bil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru lill-vittmi ta’ dannu kkawżat minn prodott difettuż, jistgħu jiġu llimitati jew ristretti wara t-transpożizzjoni tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, jekk il-liġi nazzjonali tipprovdi kundizzjonijiet oħra għar-responsabbiltà ta’ “produttur” jew ta’ “fornitur” li tirriżulta mill-istess bażi tal-prodott difettuż, tali kundizzjonijiet ma jistgħux ikomplu japplikaw ladarba l-imsemmija direttiva tiġi trasposta. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 u l-estensjoni tagħha għall-fornituri tas-servizzi.

b)      Fuq l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 85/374 barra l-punti li hija tirregola b’mod espliċitu

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 85/374 barra l-punti li hija tirregola b’mod espliċitu, meta hija kellha quddiemha kwistjoni ta’ responsabbiltà minħabba prodott difettuż. Dan il-każ kien dak li ta lok għas-sentenza Moteurs Leroy Somer (20). F’dan il-każ, il-ġeneratur ta’ sptar kien ħa n-nar riżultat tat-tisħin ta’ alternator. L-alternator difettuż, ikkawża għalhekk danni lil oġġett maħsub għall-użu professjonali u użat għal dan l-iskop. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-armonizzazzjoni maħsuba mid-Direttiva  85/374 ma tkoprix il-kumpens għal dan it-tip ta’ danni. Konsegwentement, l-imsemmija direttiva ma tipprekludix Stat Membru milli jipprovdi f’dan ir-rigward sistema ta’ responsabbiltà ulterjuri fir-rigward ta’ dik introdotta bl-imsemmija direttiva.

42.      Għaldaqstant, il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija konformi mal-fatt li, fit-tmintax il-premessa, id-Direttiva 85/374, tistabbilixxi espressament li “l-armonizzazzjoni li tirriżulta minn din ma tistax tkun totali fl-istadju preżenti, iżda tagħti bidu għat-triq lejn armonizzazzjoni akbar” (21). Id-Direttiva 85/374 ma hijiex intiża sabiex tirregola b’mod eżawrjenti l-qasam tar-responsabbiltà minħabba prodotti difettużi.

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat din il-pożizzjoni anki jekk preċedentement kienet indikat li “[l]-Artikoli 1 u 9 isemmu […], b’mod eżawrjenti, il-kategoriji ta’ danni possibbli”  (22). F’din is-sentenza Moteurs Leroy Somer, hija ppreċiżat li, “jekk id-Direttiva 85/374 […] tfittex, fuq il-punti li tirregola, armonizzazzjoni totali tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri [(23)], min-naħa l-oħra, hija ma hijiex intiża, kif jirriżulta mit-tmintax il-premessa tagħha, li tarmonizza b’mod eżawrjenti l-qasam ta’ responsabbiltà minħabba prodotti difettużi lil hinn minn dawn il-punti”  (24). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “kemm mid-diċitatura kif ukoll mill-istruttura tad-Direttiva 85/374, […] li l-kumpens għad-danni kkawżati mill-prodott intiż għall-użu professjonali u użat għal dan l-iskop ma jifformax parti mill-punti li l-imsemmija direttiva tirregola” (25). Bħala konsegwenza, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 ma jestendix għad-danni kkawżati minn prodott difettuż fuq oġġett intiż għall-użu professjonali u użat għal dan l-iskop.

44.      Għaldaqstant il-pożizzjoni li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Moteurs Leroy Somer għandha valur partikolarment sinjifikattiv għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-fatt li, fis-sentenza tagħha Veedfald, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat in-nuqqas ta’ regoli dwar ir-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi għal danni kkawżati minn prodott difettuż (26). B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li bid-Direttiva 85/374 jistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà li tapplika wkoll għall-fornituri tas-servizzi. Il-qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet neċessarjament iwassal għall-konklużjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 jestendi biss għar-responsabbiltà ta’ “produttur” jew, jekk ikun il-każ, ta’ “fornitur” ta’ prodott difettuż, skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, anki jekk il-prodott li kkawża dawn id-danni kien użat fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi. Konsegwentement, l-armonizzazzjoni tad-Direttiva 85/374 ma testendix għas-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi, kuntrarjament għat-tieni ipoteżi kkunsidrata fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

45.      Fis-sentenza Moteurs Leroy Somer, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-dannu kkawżat “ma jaqax taħt id-definizzjoni ta’ ‘dannu’ fis-sens tad-Direttiva 85/374” (27), anzi kkunsidrat li dan id-dannu kien kopert b’din id-direttiva u ma jagħtix dritt għal kumpens peress li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi biss kumpens għad-danni kkawżati lil oġġett intiż għall-użu privat u użat mill-vittma għal dan l-użu. L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja ħalla miftuħa l-possibbiltà li jiġi żgurat kumpens aħjar għall-vittmi ta’ danni kkawżati minn prodotti difettużi.

46.       Il-kawża prinċipali tikkonċerna b’mod simili r-responsabbiltà mġarrba minn persuni li ma hijiex imsemmija fid-Direttiva 85/374. Din is-sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ma taffettwax is-sistema armonizzata mid-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ta’ “produttur” u, jekk ikun il-każ, tal-“fornitur” ta’ prodott difettuż. Kif indika l-Gvern Ġermaniż, din is-sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi għandha responsabbiltà akbar minn dik tal-“produttur” u tal-“fornitur” fid-Direttiva 85/374. Din l-estensjoni tal-kategorija ta’ persuni responsabbli lejn il-pazjent ta’ stabbiliment pubbliku tas-saħħa ssaħħaħ b’dan il-mod id-drittijiet tal-pazjent. Issa, għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li din l-estensjoni tinstab fit-tradizzjoni u fl-ispirtu ta’ protezzjoni effettiva tal-konsumaturi segwita mid-Direttiva 85/374 (28).

47.      Huwa interessanti li jiġi rrimarkat f’dan ir-rigward li, kuntrarjament għal dak li hija sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat f’dan is-sens, waqt is-seduta, li d-Direttiva 85/374 ma tillimitax il-possibbiltà għall-Istati Membri li jiddefinixxu r-responsabbiltà tal-persuni li jużaw apparat jew prodotti difettużi fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi. Fil-kawża prinċipali, kif ġustament indikat il-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi tippermetti biss li l-pazjent jingħata dritt għal kumpens għal ħruq ikkawżat mis-saqqu difettuż. Fil-fatt, peress li dawn id-danni ġġarrbu waqt intervent kirurġiku li seħħ fit‑3 ta’ Ottubru 2000, l-azzjoni kontra l-“produttur” tas-saqqu difettuż, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, hija preskritta (29).

48.      B’konformità mas-sentenza Moteurs Leroy Somer, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għaldaqstant tikkunsidra li l-kumpens mill-fornitur tas-servizzi għad-danni kkawżati minn prodott difettuż użat fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi, ma jifformax parti mill-punti li tirregola d-Direttiva 85/374. Konsegwentement, din id-direttiva ma twaqqafx Stat Membru milli jipprevedi f’dan ir-rigward sistema ta’ responsabbiltà ulterjuri għal dik introdotta mill-imsemmija direttiva, li tippermetti li twassal għar-responsabbiltà taċ-CHU ta’ Besançon, bħala fornitur tal-kura li għaliha ntuża s-saqqu difettuż.

3.      Konklużjoni intermedjarja

49.      Għal dawn ir-raġunijiet, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda magħmula mill-Qorti tar-rinviju hekk- li d-Direttiva 85/374 tippermetti lill-Istati Membri li jiddefinixxu r-responsabbiltà tal-persuni li jużaw apparat jew prodotti difettużi fil-kuntest tal-provvista ta’ servizz u li jikkawżaw, billi jagħmlu dan, danni lill-benefiċjarju ta’ dan is-servizz, mingħajr preġudizzju għall-implementazzjoni tas-sistema stabbilita bid-Direttiva 85/374 kontra l-produttur.

50.      Fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din il-konklużjoni u tkun tal-parir li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 għandu jestendi għas-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi, għall-użu ta’ prodott difettuż fil-kuntest tas-servizzi tiegħu, ser neżamina sussidjarjament l-ewwel domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/374 sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun informata aħjar.

B –    Sussidjarjament, fuq l-ewwel domanda

51.      L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/374 li tipprovdi li “[d]in id-Direttiva mgħandha taffettwa l-ebda drittijiet li persuna korruta jista’ jkollha skond ir-regoli tal-liġi tar-responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali jew sistema ta’ responsabbiltà speċjali eżistenti meta din id-Direttiva tkun ippubblikata”. F’dan il-każ għandu jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 85/374 tippermettix l-implementazzjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà bbażat fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-pazjenti ta’ stabbilimenti tas-saħħa pubbliċi minħabba f’difett fi prodott jew apparat użat minn dan l-istabbiliment pubbliku.

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/374 fis-sens li “is-sistema implementata bl-imsemmija direttiva, li, skont l-Artikolu 4 tagħha, tippermetti lill-vittma jitlob kumpens għad-dannu ladarba jipproduċi prova tad-dannu, tad-difett fil-prodott u tar-rabta każwali bejn dan id-difett u d-dannu, ma teskludix l-applikazzjoni ta’ sistemi oħra ta’ responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali bbażati fuq elementi differenti, bħall-garanzija kontra d-difetti moħbija jew nuqqas”(30).

53.      B’hekk, id-Direttiva 85/374 tippermetti l-applikazzjoni ta’ sistema speċjali ta’ responsabbiltà eżistenti fiż-żmien tan-notifika tal-imsemmija direttiva u dik ta’ sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali li tibbaża fuq bażi differenti.

54.      Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, is-sistema speċjali ta’ responsabbiltà eżistenti fil-mument tan-notifika tad-Direttiva 85/374, in-notifika lill-Istati Membri saret fit-30 ta’ Lulju 1985. Iżda, għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, kif indikat il-qorti tar-rinviju, li s-sistema ta’ responsabbiltà inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq prinċipju ta’ oriġini ġurisprudenzjali affermata mill-Conseil d’État f’deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2003. Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż, il-ġurisprudenza tal-Conseil d’État preċedenti għal din is-sentenza ħtieġet, sabiex jingħata lok għar-responsabbiltà tal-istabbiliment pubbliku, l-eżistenza ta’ nuqqas (31). Għalhekk huwa biss mis-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003 li s-servizz pubbliku tal-isptar seta’ jinżamm responsabbli, anki fl-assenza ta’ nuqqas min-naħa tiegħu, għal konsegwenzi li jwasslu għal danni għal dawk li jużaw prodotti jew apparat ta’ saħħa difettużi użati fil-kuntest tal-kura mogħtija. Bħala konsegwenza, dan is-sistema ta’ responsabbiltà ma tistax tiġi kkunsidrata li kienet teżisti fil-mument tan-notifika tad-Direttiva 85/374.

55.      Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, is-sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali bbażata fuq bażi differenti, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk is-sistema ta’ responsabbiltà ta’ stabbiliment pubbliku tas-saħħa jibbażax fuq bażi differenti minn dik tas-sistema introdotta bid-Direttiva 85/374.

56.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, b’differenza minn sistema ta’ garanzija kontra difetti moħbija jew sistema ta’ responsabbiltà għal nuqqas, id-Direttiva 85/374 introduċiet sistema ta’ responsabbiltà li tibbaża biss fuq id-difett fil-prodott. Id-Direttiva  85/374 tippreċiża dak li trid tfisser b’difett, jiġifieri prodott li “ma jipprovdix is-sigurtà li persuna tkun intitolata li tistenna” (32). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ bażi huwa biss relattiv għad-difett fil-prodott.

57.      Sabiex jiġi kkunsidrat li sistema ta’ responsabbiltà tibbaża fuq bażi differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx b’mod iktar ġenerali għall-kundizzjonijiet jew l-effetti tas-sistema ta’ responsabbiltà u ma interessatx ruħha fil-kuntest ta’ tali responsabbiltà. Konsegwentement, id-Direttiva 85/374 għandha tiġi interpretata li teskludi l-applikazzjoni ta’ sistema li għandha l-istess għan – ir-responsabbiltà – u l-istess bażi – id-difett fi prodott li ma joffrix is-sigurtà li wieħed għandu dritt jistenna.

58.      Skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jiġi sostnut li s-sistema ta’ responsabbiltà inkwistjoni tibbaża fuq bażi differenti peress li tali responsabbiltà għandha bħala bażi r-relazzjonijiet speċifiċi li jistabbilixxu ruħhom bejn is-servizz pubbliku tal-isptar u l-persuni li jużaw dan is-servizz. Skont il-Gvern Ġermaniż, id-differenza ta’ bażi tikkonsisti fil-fatt li tiġi ddefinita kategorija ta’ persuni responsabbli billi ma tiġix segwita d-Direttiva 85/374. F’dawn id-dikjarazzjonijiet, il-kunċett ta’ bażi huwa differenti mill-kunċett ta’ bażi li tirreferi għalih il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sensiela ta’ ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 85/374. F’dan ir-rigward, huwa sinjifikattiv li l-Gvern Franċiż jikkunsidra li mhux determinanti għas-sistema inkwistjoni li tibbaża jew le fuq l-istess bażi ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas.

59.      Is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija sistema ta’ responsabbiltà bbażata fuq id-difetti fil-prodotti u fil-materjali tas-saħħa. Issa, li sistema ta’ responsabbiltà tiġi bbażata fuq il-ħsara fil-prodott hija l-istess bħalma ma tibbaza tali sistema fuq difett fl-imsemmi prodott li ma joffrix is-sigurtà li wieħed jista’ leġittimament jistenna. Din is-sistema ta’ responsabbiltà għaldaqstant ma tistax tiġi kkunsidrata li tibbaża fuq bażi differenti minn dik li fuqha hija bbażat is-sistema introdotta bid-Direttiva 85/374.

60.      Konsegwentement, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374 jestendi għas-sistema ta’ responsabbiltà ta’ stabbilimenti pubbliċi tas-saħħa, għall-ħsara fil-prodotti u fl-apparat li huma jużaw, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għalhekk tammetti li d-Direttiva 85/374, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tagħha, ma tippermettix l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà bbażata biss fuq il-ħsara fl-imsemmija prodotti u apparat.

V –    Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati b’mod prinċipali, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Conseil d’État kif ġej:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi, tippermetti lill-Istati Membri li jiddefinixxu r-responsabbiltà tal-persuni li jużaw apparat jew prodotti difettużi fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizz u li jikkawżaw, billi jagħmlu dan, danni lill-benefiċjarju ta’ dan is-servizz, mingħajr preġudizzju għall-implementazzjoni tas-sistema stabbilita bid-Direttiva 85/374 kontra l-produttur”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Conseil d’État, 9 ta’ Lulju 2003, Assistance publique-Hôpitaux de Paris vs Mme Marzouk, Nru 220437.


3 –      Il-Gvern Grieg jibbaża ruħu fuq ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2002 dwar l-emenda tar-responsabbiltà minħabba prodotti difettużi (ĠU 2003, C 26 p. 2) li l-punt 4 tagħha jipprovdi li “[I]l-Kunsill jinnota li t-terminu “fornitur” fis-sens tal-Artikolu 3(3) ifisser il-persuna li topera l-katina tad-distribuzzjoni”.


4 –      Il-Gvern Franċiż jinvoka s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka (C‑402/03, Ġabra p. I‑199, punt 28).


5 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq.


6 – Ibidem (punt 30).


7 – Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑327/05, punt 18).


8 – Sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, O’Byrne (C‑127/04, Ġabra p. I‑1313, punt 28).


9 – Ibidem (punti  36 u 37).


10 – Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Diċembru 2001, dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 447).


11 – Il-Gvern Franċiż jibbaża ruħu fuq id-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Mejju 1999, li emendat id-Direttiva 85/374/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 147) – din id-direttiva inkludiet il-prodotti agrikoli primarji fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/374. Id-Direttiva 1999/34 tippreċiża, fil-premessa 1 tagħha li “is-s-sigurtà tal-prodotti u l-kumpens għall-ħsara kkawżata minn prodotti difettużi huma obbligi soċjali li għandhom jiġu osservati mis-suq intern; billi l-Komunità wieġbet għal dawk ir-rekwiżiti permezz tad-Direttiva [85/374] u d-Direttiva 92/59/KEE [li ġiet issostitwita bid-Direttiva 2001/95] […]”.


12 – Fis-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Veedfald (C‑203/99, Ġabra p.  I‑3569), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-użu ta’ prodott difettuż fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizz jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, billi ssir distinzjoni bejn id-difett fil-prodott użat u d-difett fil-provvista ta’ servizzi bħala tali (punt 12); madankollu, il-kwistjoni sabiex jiġi kkwalifikat il-fornitur tas-servizzi mill-“fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, ma qamitx. F’dan il-każ, ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni komunali, kemm bħala fornitur tal-kura u manifattur tal-prodott difettuż, kienet inkwistjoni. Id-Direttiva 85/374 għalhekk kienet tapplika għar-responsabbiltà tiegħu bħala “produttur” tal-prodott difettuż, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva. Bħala konsegwenza, tali sentenza ma tikkostitwixxix preċedent li jostakola l-esklużjoni tal-fornitur ta’ servizz mill-kunċett ta’ “fornitur” ta’ prodott difettuż, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374.


13 – Ara s-sentenzi Skov u Bilka (punt 33) kif ukoll O’Byrne (punt 35); għal formula simili, ara s-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2009, Aventis Pasteur (C‑358/08, Ġabra p. I‑11305, punt 36), li tipprovdi li “id-definizzjoni, użata fl-Artikoli 1 u 3 ta’ din id-direttiva, taċ-ċirku ta’ persuni responsabbli li kontrihom il-vittma għandha d-dritt li tibda’ azzjoni abbażi tas-sistema ta’ responsabbiltà previst fl-imsemmija direttiva, għandha tiġi kkunsidrata bħala eżawrjenti”.


14 – Ara s-sentenza Skov u Bilka, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).


15 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq O’Byrne (punt 39) u Aventis Pasteur (punti 62 sa  64).


16 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq.


17 – Sentenza tal-25 ta’April 2002, González Sánchez (C‑183/00, Ġabra p  I‑3901).


18 – Ibidem (punt 13).


19 – Ibidem (punt 34).


20 – Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009 (C‑285/08, Ġabra p. I‑4733).


21 – Ara t-tmintax il-premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374.


22 – Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Veedfald (iċċitat qabel, punt 32).


23 – L-affermazzjoni tinsab f’żewġ sentenzi tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑52/00, Ġabra p. I‑3827, punti 14 sa 24); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑154/00, Ġabra p. I‑3879, punti 10 sa 20), u González Sánchez, iċċitata iktar ’il fuq (punti 23 sa 32).


24–      Sentenza Moteurs Leroy Somer, (iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).


25 – Ibidem (punt 27).


26 – Fis-sentenza Veedfald, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll: “sakemm ma jkunux ġew adottati regoli marbuta mal-provvista ta’ servizzi mil-leġiżlatur Komunitarju” (punt 12).


27 – Sentenza Moteurs Leroy Somer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17).


28 – Ara, b’mod partikolari, il-premessa 13 tagħha li tpprovdi li, “skond is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri parti mweġġgħa jista’ jkollha pretensjoni għad-danni bbażata fuq raġunijiet ta’ responsabbiltà kontrattwali jew ibbażati fuq raġunijiet ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali għajr dik li hemm ipprovdut dwarha f’din id-Direttiva; sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet iservu wkoll biex jilħqu l-għan ta’ protezzjoni effettiva tal-konsumaturi, għandhom jibqgħu bla mittiefsa minn din id-Direttiva”.


29 – L-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374, jistabbilixxi wkoll li “d-drittijiet mogħtija lil persuna li saritilha l-ħsara skond din id-Direttiva jispiċċaw ma’ l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 10 snin mid-data li fiha l-produttur ikun poġġa fiċ-ċirkulazzjoni […]”.


30 – Sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza (punt 22); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punt 18); González Sánchez (punt 31); Skov u Bilka (punt 47); kif ukoll Moteurs Leroy Somer (punt 23).


31 – Conseil d’État, l-1 ta’ Marzu 1989, Époux Peyre, Nru 67255.


32 – L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 85/374.

Top