Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0454

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 14 ta' Lulju 2011.
Oliver Jestel vs Hauptzollamt Aachen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Kodiċi Doganali tal-Komunità - It-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) - Ħolqien ta’ dejn doganali wara l-introduzzjoni kontra l-liġi ta’ merkanzija - Kunċett ta’ ‘debitur’ - Parteċipazzjoni fl-introduzzjoni kontra l-liġi - Persuna li aġixxiet bħala intermedjarju fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-merkanzija introdotta kontra l-liġi.
Kawża C-454/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:488

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fl-14 ta’ Lulju 2011 (1)

Kawża C‑454/10

Oliver Jestel

vs

Hauptzollamt Aachen

[talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Ħolqien ta’ dejn doganali – Introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni – Artikolu 202– Kunċett ta’ debitur – Sid ta’ ħanut eBay involut fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-merkanzija li oriġinat minn Stat terz – Introduzzjoni ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni bil-posta mingħajr twettiq tal-formalitajiet doganali – Parteċipazzjoni fl-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju tal-Unjoni”






1.        Din id-domanda preliminari tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni Ewropea (2) li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tinterpreta (3), li tiddefinixxi d-debituri ta’ dan id-dejn doganali kkawżat mill-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni. Madankollu, il-kawża prinċipali tippreżenta konfigurazzjoni mhux ippubblikata u r-riżoluzzjoni tagħha tista’ tħalli impatti notevoli. Il-karatteristiċi speċifiċi tagħha hija li l-parteċipazzjoni għall-introduzzjoni irregolari inkwistjoni saret permezz tal-internet u li l-illegalità inkwistjoni seħħet fit-traffiku postali. Is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tista’, għal dan il-fatt doppja, taffettwa numru potenzjalment kbir ta’ persuni, minħabba l-iżvilupp mingħajr preċedent ta’ skambji magħmula bil-posta permezz tal-internet (4) u l-effett multiplikatur tal-Internet (5).

I –    Il-kuntest ġuridiku

2.        L-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

a) l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni

[…]

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 177.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji tiġi introdotta kontra l-liġi.

3. Id-debituri għandhom ikunu:

— il-persuna li tkun introduċiet dawk l-merkanziji kontra l-liġi,

— kull persuna li tkun ipparteċipat fl-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanziji u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li tali introduzzjoni kienet kontra l-liġi,

— kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li dawn kienu ġew introdotti kontra l-liġi.” (6)

II – Il-kawża prinċipali

3.        Mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li O. Jestel, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, bejn ix-xahar ta’ April 2004 u ta’ Mejju 2006, mexxa l-irkant, fuq pjattaforma tal-internet tal-irkant eBay li permezz tagħha huwa kien jopera żewġ ħwienet f’ismu (7), b’numru ta’ prodotti oriġinati miċ-Ċina.

4.        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali aġixxa bħala intermedjarju għall-konklużjoni tal-kuntratti tal-bejgħ ta’ merkanzija, bħala kumpens għas-servizzi, b’mod partikolari lingwistiċi, hekk ipprovduti permezz tal-ħwienet eBay tiegħu. Huwa l-fornitur Ċiniż li kien jiżgura l-provvista tal-merkanzija, jiffissa l-prezzijiet tagħha u jkopri l-kunsinna tagħha lejn l-Unjoni, ix-xerrejja stabbiliti fil-Ġermanja kienu jiġu pprovduti bil-merkanzija direttament permezz tal-posta.

5.        Jidher li l-merkanzija ġiet ikkonsenjata mingħajr ma ġiet ippreżentata fid-dwana u, konsegwentement, mingħajr ma tħallsu id-dazji fuq l-importazzjoni, minħabba, apparentement, informazzjoni żbaljata pprovduta mill-furnitur Ċiniż fuq il-kontenut u l-valur tal-pakkett mibgħut.

6.        Meta wieħed iqis li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ipparteċipa fl-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, il-Hauptzollamt Aachen bagħatlu avviż ta’ rkupru għas-somma ta’ madwar EUR 10 000 bħala dazji doganali u EUR 21 000 bħala t-taxxa fuq il-valur miżjud tal-importazzjoni.

7.        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta lment kontra l-avviż ta’ rkupru fejn huwa argumenta li l-konklużjoni tal-kuntratti ta’ bejgħ fuq eBay u t-trażmissjoni ta’ ismijiet u indirizzi tax-xerrejja lill-fornitur Ċiniż ma setgħux jikkostitwixxu parteċipazzjoni fl-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, peress li dawn jikkostitwixxu operazzjonijiet li seħħew ferm qabel ma l-merkanzija ntbagħtet u jirrigwardaw biss it-tranżazzjoni kawżali.

8.        Wara li l-ilment tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ġie rrifjutat, bħalma ġiet irrifjutata l-azzjoni ppreżentata kontra dan ir-rifjut quddiem il-Finanzgericht (il-Ġermanja), huwa għaldaqstant ressaq appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof.

III – Id-domandi preliminari

9.        Peress li għandha dubji fuq il-kwistjoni dwar jekk il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-konklużjoni tal-kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija permezz tal-intermedjarju tal-ħwienet online fuq eBay kinitx biżżejjed sabiex tikkonferixxi l-kwalità lil dan tal-aħħar bħala debitur tad-dejn doganali skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Dejn doganali li jirriżulta mill-‘parteċipazzjoni’ għall-introduzzjoni kontra l-liġi [irregolari] fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea ta’ merkanzija, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jiġi inkors minn persuna li, mingħajr ma tipprovdi direttament l-għajnuna tagħha għall-introduzzjoni, isservi bħala intermedjarju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-merkanzija inkwistjoni u tipprevedi, f’dan il-kuntest, li l-bejjiegħ jista’ jikkunsinna l-merkanzija jew parti minnha mingħajr ma jħallas id-dazji fuq l-importazzjoni?

2)      Huwa biżżejjed skont il-każ jekk din il-persuna tqis dan il-fatt possibbli, jew hija ssir debitur biss jekk tistenna li dan ser iseħħ?”

10.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li għadha ma ġietx deċiża b’mod definitiv il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kienx assuma li l-importazzjonijiet kellhom isiru skont il-formalitajiet doganali, jekk kellux xi dubji f’dan ir-rigward jew jekk kienx qiegħed jistenna sa mill-bidu li dawn isiru bi ksur ta’ dawn il-formalitajiet.

11.      Il-Gvern Ċek u u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub.

12.      Minħabba li ma kien hemm l-ebda talba għal seduta mill-partijiet li għamlu osservazzjonijiet bil-miktub fit-termini previsti fl-Artikolu 104(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta.

IV – L-analiżi

A –    Id-domandi magħmula

13.      Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatti li għandha quddiemha fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali.

14.      Għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra bħala stabbilit li l-merkanzija inkwistjoni ġiet introdotta irregolarment fit-territorju doganali tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 202(1) tal-Kodiċi Doganali. Dak li tistaqsi, huwa jekk iċ-ċirkustanzi li fihom ir-rikorrent fil-kawża prinċipali intervjena fl-operazzjonijiet li saru għall-introduzzjoni irregolari inkwistjoni jistgħux, abbażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, iwasslu li jiġi kkunsidrat bħala debitur tad-dejn doganali kkawżat mill-imsemmija introduzzjoni.

15.      Il-qorti tar-rinviju tindika espressament li hija tikkunsidra dubjuż il-fatt li persuna li, mingħajr ma tikkontribwixxi direttament fl-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija, aġixxiet bħala intermedjarju fil-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ tal-imsemmija merkanzija tista’ tiġi kkunsidrata li pparteċipat f’din l-introduzzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali.

16.      Min-naħa l-oħra hija tistaqsi jekk persuna fis-sitwazzjoni ta’ O. Jestel tistax tiġi kkwalifikata bħala debitriċi skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, peress li din setgħet “tipprevedi” (“in Betracht ziehen”) li l-merkanzija jew parti minnha setgħet titwassal b’mod li jiġu evitati d-dazji dovuti fuq l-importazzjoni. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tistaqsi, b’mod iktar speċifiku, jekk huwiex biżżejjed li l-imsemmija persuna setgħet ikkunsidrat din il-possibbiltà bħala “konċepibbli” (“für denkbar halten”) jew jekk għall-kuntrarju din il-persuna għandhiex “tistenna” (“fest rechnen”) li din il-possibbiltà sseħħ.

B –    L-istruttura tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali: it-tieni inċiż

17.      L-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jiddefinixxi tliet kategoriji ta’ persuni li jistgħu jiġu ddikjarati debituri tad-dejn doganali kkawżat mill-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju tal-Unjoni. L-ewwel nett, l-awturi tal-introduzzjoni irregolari, it-tieni nett, il-persuni li pparteċipaw fl-introduzzjoni irregolari meta kienu jafu jew kellhom raġonevolment ikunu jafu li din kienet irregolari u, it-tielet nett, il-persuni li akkwistaw jew li żammew il-merkanzija introdotta irregolarment, meta kienu jafu jew kellhom raġonevolment ikunu jafu li din l-introduzzjoni kienet introdotta irregolarment.

18.      Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiffissa b’mod komplet il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw il-persuni debituri tad-dejn doganali (8) u li jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-persuni li jistgħu jkunu debituri tad-dejn doganali (9), fil-każ ta’ introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni.

19.      Huwa paċifiku li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma huwiex il-persuna li introduċa materjalment (10) il-merkanzija inkwistjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni u li huwa ma jistax, għaldaqstant, ikun ikkunsidrat bħala debitur tad-dejn doganali abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali (11).

20.      Huwa paċifiku, ukoll, li huwa ma akkwistax jew żamm il-merkanzija inkwistjoni u li huwa lanqas ma jista’ jkun ikkunsidrat bħala debitur tad-dejn doganali abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali.

21.      Huwa għalhekk ġust li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tat-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

C –    Min huwa debitur skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali?

22.      Il-klassifikazzjoni ta’ “debitur” skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali hija suġġetta għall-kundizzjonijiet li jiddependu fuq elementi ta’ evalwazzjoni, bħala prinċipju, oġġettiva, jiġifieri l-parteċipazzjoni fl-introduzzjoni tal-merkanzija inkwistjoni, u suġġettiva, jiġifieri l-konoxxenza li din l-introduzzjoni hija irregolari. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tenfasizza, f’termini kompletament sintetiċi, id-debitur, persuna fiżika jew ġuridika, għandu jkun ipparteċipa xjentement (12) fl-operazzjonijiet tal-introduzjoni irregolari tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni, filwaqt li ppreċiżat li l-elementi ta’ evalwazzjoni suġġettiva huma ta’ natura li jeskludu, f’ċerti każijiet, din il-klassifikazzjoni (13).

23.      Għandu jitfakkar, qabel ma jiġu eżaminati b’mod dettaljat il-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, li l-qorti tar-rinviju tibda mill-prinċipju li l-merkanzija ġiet introdotta irregolarment fit-territorju tal-Unjoni, u għalhekk li din iddaħħlet bi ksur tal-formalitajiet previsti fl-Artikoli 38 sa 41 tal-Kodiċi Doganali. Madankollu, hija bilkemm tipprovdi iktar informazzjoni f’dan ir-rigward, anki jekk din l-introduzzjoni seħħet fir-rigward tat-traffiku postali. Issa, it-traffiku postali huwa suġġett għal dispożizzjonijiet speċifiċi, fejn uħud minnhom jaqgħu taħt id-dritt internazzjonali, li huma ta’ natura li jeżerċitaw influwenza fuq is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Konsegwentement, preżentazzjoni bla dewmien tad-dispożizzjonijiet prinċipali li japplikaw għat-traffiku postali hija essenzjali qabel il-kunsiderazzjoni taż-żewġ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali.

1.      Osservazzjonijiet preliminari fuq l-ispeċifiċità tat-traffiku postali

24.      Skont l-Artikolu 38(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, il-merkanzija li hija introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tkun imwassla mingħajr dewmien mill-persuna li wettqet din l-introduzzjoni fl-uffiċċju doganali maħtur mill-awtoritajiet doganali jew f’kull post ieħor maħtur jew approvat mill-awtoritajiet tiegħu. L-Artikolu 38(4) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi madankollu eċċezzjoni għal din ir-regola għat-traffiku postali, sakemm is-sorveljanza doganali u l-possibbiltajiet ta’ kontroll doganali ma jkunux kompromessi (14).

25.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma ġiet mitluba tinterpreta din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali lanqas, b’mod iktar wiesa’, sabiex tikkunsidra r-regoli doganali applikabbli għat-traffiku postali.

26.      Huma l-Artikoli 237 u 238 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (15)li jifformaw is-Sezzjoni 4 intitolata “Traffiku Postali” tat-Titolu VII li jagħqqad id-dispożizzjonijiet applikabbli għal-proċedura normali ta’ dikjarazzjoni doganali, li jistabbilixxu r-regoli prinċipali speċifiċi applikabbli, fil-liġi tal-Unjoni (16), għat-traffiku postali (17).

27.      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali (18) kien jipprovdi, min-naħa l-oħra, eżenzjonijiet ta’ dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward tal-konsenji ta’ valur negliġibbli, jiġifieri li ma jaqbżux EUR 22 (19), kif ukoll il-konsenji mingħand individwu għal għand individwu, b’mod iktar preċiż mingħand individwu minn pajjiż terz għal għand individwu li jinsab fit-territorju doganali tal-Unjoni, sakemm dawn l-importazzjonijiet ma jkunux ta’ natura kummerċjali (20).

28.      Madankollu, fid-deċiżjoni tar-rinviju la jissemmew l-eżenzjonijiet speċifiċi u lanqas ir-Regolament Nru 918/83. Il-Gvern tar-Repubblika Ċeka jiddeduċi barra minn hekk iċ-ċirkustanzi tal-fatti ppreżentati fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-merkanzija inkwistjoni kellha tissemma minn min bagħat il-pakketti, jiġifieri il-fornitur, fid-dokumentazzjoni annessa ma dawn tal-aħħar, jiġifieri l-formoli CN21 jew CN22, peress li l-merkanzija ta’ valur negliġibbli ammessa fl-eżenzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83. Jista’ wkoll jiġi dedott mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-importazzjonijiet inkwistjoni ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-frekwenza tagħhom, jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet bħala skambji bejn individwi.

29.      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet tal-fatti li jippermettulha tasal għal konklużjonijiet f’dan ir-rigward.

30.      Huwa importanti li wieħed jiftakar, li l-konsenji postali huma suġġetti għal regoli partikolari, li huma, essenzjalment, stabbiliti mhux mill-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni msemmija hawn fuq, iżda mill-konvenzjoni tal-Unjoni Postali Universali, adottata fl-10 ta’ Lulju 1964 bħala parti mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (21) u mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali (22), iffirmata f’Kyoto fit-18 ta’ Mejju 1973 (23), u b’mod partikolari l-Anness tagħha F.4 dwar il-formalitajiet doganali applikabbli għat-traffiku postali, approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/798/KE, tat-8 ta’ Diċembru 1994 (24), kif implementati fid-diversi ordinamenti ġuridiċi nazzjonali (25).

31.      Jidher, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali u b’mod partikolari mill-Anness tagħha F.4 dwar il-formalitajiet doganali applikabbli għat-traffiku postali, li l-konformità tal-formalitajiet doganali dwar il-konsenji postali internazzjonali sserraħ prinċipalment fuq min jibgħat il-posta, li għandu jipprovdi d-dokumenti meħtieġa, jiġifieri l-formola ta’ dikjarazzjoni doganali (inizjalment il-formoli C 2/CP 3 fl-Anness F.4 u issa d-dikjarazzjoni doganali CN 22 jew CN 23 fil-Kodiċi Doganali), il-fatturi kummerċjali jew pro forma meħtieġa u kull dokument ieħor li jista’ jkun meħtieġ (pereżempju, ċertifikat ta’ oriġini, ċertifikat fitosanitarju, awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni).

2.      Il-parteċipazzjoni fl-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni.

32.      Hekk kif il-qorti tar-rinviju nnotat, il-kunċett ta’ “parteċipazzjoni” li jidher fit-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali ma huwiex iddefinit minn dan il-kodiċi. Dan il-kodiċi, min-naħa l-oħra, ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiddetermina s-sens u l-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddefinixxi l-kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, ripetutament iddeċidiet li mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, li ma tirriferix espressament għad-dritt tal-Istati Membri għad-determinazzjoni tas-sens u l-portata tagħha, għandu normalment ikollhom, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni uniformi u awtonoma li għandha titfittex fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mid-dispożizzjoni inkwistjoni (26).

33.      Huwa importanti li jiġi enfasizzat mill-bidu nett li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali ma għandhomx l-għan li jiddeterminaw ir-“responsabbli” għall-introduzzjoni irregolari tal-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni, iżda b’mod iktar wiesa’ li jiddefinixxu d-debituri tad-dejn doganali kkawżat minn din l-introduzzjoni irregolari, fl-interess l-iktar ġenerali tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

34.      L-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, fil-fatt, l-ewwel ġie moqri fid-dawl tal-paragrafi preċedenti, u b’mod partikolari tal-paragrafu (1)(a) tiegħu, li jiddefinixxi, speċjalment, l-introduzzjoni irregolari b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 38 sa 41 tal-Kodiċi Doganali. L-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni hija, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 202(1) tal-Kodiċi Doganali, ikkunsidrata bħala irregolari peress li ma din ma ġietx ippreżentata fid-dwana skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 38 sa 41 tal-imsemmi Kodiċi Doganali.

35.      B’hekk din id-dispożizzjoni tikkonferma r-rwol ċentrali tad-dikjarazzjoni doganali, u b’estensjoni d-dikjarant, fil-Kodiċi Doganali. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkonstata, il-kwalità tar-responsabbiltà għad-dejn doganali hija esklużivament marbuta mal-formalità tad-dikjarazzjoni u tirriżulta mill-effetti ġuridiċi marbuta mal-formalità tad-dikjarazzjoni (27). Normalment, id-debitur tad-dejn doganali jkun id-dikjarant jew, jekk ikun il-każ, il-persuna li f’isimha tkun saret id-dikjarazzjoni (28) jew inkella il-persuna li fuqha jaqa’ l-obbligu tad-dikjarazzjoni (29). L-għan stess tal-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali huwa, f’din il-perspettiva, sabiex jiġi estiż (30) il-kunċett ta’ debitur tad-dejn doganali għall-persuni li kisru d-dispożizzjonijiet tar-regoli doganali tal-Unjoni dwar id-dikjarazzjoni doganali, li jikkonferma għalhekk b’mod impliċitu r-rwol ċentrali ta’ din tal-aħħar (31).

36.      Wara li ntqal dan, għandu jiġi nnotat li t-tliet inċiżi tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Dognali jistabbilixxu ordni li tirrifletti ċerta gradazzjoni fl-“involviment” tal-persuna magħrufa bħala debitur minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija. L-ewwel inċiż ipinġi, b’xi mod bħala debitur prinċipali jew tal-ewwel grad, lill-persuna li pproċediet bl-introduzzjoni irregolari, jiġifieri dik li kellha normalment tmexxi l-operazzjonijiet ta’ rilaxx tal-merkanzija mid-dwana u tissodisfa l-obbligi tad-dikjarant doganali. It-tieni u t-tielet inċiżi jipprevedu l-persuni li, għalkemm ma humiex “responsabbli” għall-operazzjonijiet ta’ rilaxx ta’ merkanzija mid-dwana skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali, huma xorta waħda implikati, kemm qabel kif ukoll immedjatament wara l-introduzzjoni irregolari.

37.      L-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jippermetti, b’hekk, li jiġu ddefiniti diversi kategoriji ta’ debituri u, fejn applikabbli, ta’ kodebituri in solidum (32) tad-dejn doganali kkawżat mill-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija, iddeterminati fid-dawl tal-involviment tagħhom fl-operazzjoni inkwistjoni. Huwa importanti li jiġi ribadit, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kodiċi Doganali ma jistabbilixxi ebda preċedenza f’kategorija ta’ debituri fuq oħra u l-amministrazzjoni doganali tista’ tindirizza b’mod indifferenti lid-debitur li hija tqis li huwa l-iktar wieħed li jista’ jippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-ħlas tad-dazji doganali evitati minħabba nuqqas ta’ konformità mal-formalitajiet doganali.

38.      Il-kundizzjoni oġġettiva stabbilita mit-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali hija, f’dan il-kuntest, maħsuba f’termini ġenerali ħafna, intiżi b’mod ċar sabiex jilħqu kull xorta ta’ sitwazzjonijiet. Dak li huwa meħtieġ, ma huwiex “parteċipazzjoni” effettiva fl-“introduzzjoni kontra l-liġi” ta’ merkanzija fit-territorju doganali, u għalhekk implikazzjoni xi ftit jew wisq diretta fl-irregolarità mwettqa, iżda sempliċement “parteċipazzjoni” fl-introduzzjoni bħala tali tal-merkanzija, jiġifieri implikazzjoni fit-totalità tal-operazzjonijiet li kkontribwixxew għall-preżenza fiżika tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni.

39.      Kif l-Avukat Ġenerali Tizzano enfasizza fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Spedition Ulustrans (33), iċċitata iktar ’il fuq, “din il-kundizzjoni tiġi rrealizzata kull darba li persuna tkun tat assistenza materjali jew morali għall-introduzzjoni tal-merkanzija fil-Komunità”. Huwa enfasizzat ukoll li l-qasam potenzjalment (34) kopert minn din id-dispożizzjoni huwa partikolarment vast u li jistgħu jiġu koperti kemm il-kontribuzzjoni diretta għall-introduzzjoni fiżika tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni, jiġifieri kompliċità attiva fil-qsim frawdolenti tal-fruntieri esterni tal-Unjoni (35), kif ukoll il-kontribuzzjoni indiretta, bħalma hija l-parteċipazzjoni fil-finanzjament tal-operazzjonijiet ta’ importazzjoni li twassal għall-introduzzjoni irregolari jew ukoll, bħal fil-kawża prinċipali, is-sempliċi intermedjazzjoni fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ tal-merkanzija introdotta iktar tard b’mod irregolari fit-territorju doganali tal-Unjoni.

40.      Ċertament, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni seħħet fil-kuntest tat-traffiku postali u li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx la dak li bagħat u lanqas dak li rċieva konsenji postali li jikkostitwixxu din l-introduzzjoni. Dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux, madankollu, jippermettuli li nikkonkludi li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma “pparteċipax” fl-introduzzjoni inkwistjoni, peress li l-bażi tad-dejn doganali kkawżat minn merkanzija mhux iddikjarata mad-dwana jew iddikjarata taħt denominazzjoni żbaljata (36) huwa l-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali.

41.      L-ispeċifiċità tat-traffiku postali għandha, min-naħa l-oħra, ċertament tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjoni suġġettiva meħtieġa mit-tieni u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, li ser neżamina hawn taħt u li preċiżament għandha bħala funzjoni li tpoġġi f’perspettiva s-severità tal-kundizzjoni oġġettiva applikata għal persuni li normalment ma humiex marbuta bl-obbligi li jaqgħu fuq id-dikjarant doganali.

42.      Għalhekk jista’ jiġi konkluż li persuna li serviet ta’ intermedjarju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni “pparteċipa” f’din l-introduzzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali.

3.      “Li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li tali introduzzjoni kienet kontra l-liġi”

43.      Il-persuna li “pparteċipat” fl-introduzzjoni ta’ merkanzija fit-territorju tal-Unjoni, fis-sens li għadu kif ġie spjegat, ma tistax, madankollu, tiġi kkunsidrata debitur tad-dejn doganali ħlief jekk, skont it-tieni inċiż tal-Artikoli 202(3) tal-Kodiċi Doganali, jiġi stabbilit li hija kienet taf jew, alternattivament, kellha raġonevolment tkun taf li din l-introduzzjoni kienet irregolari. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li hija għadha ma għamlitx din il-konstatazzjoni.

44.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’diversi okkażjonijiet, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (37). Għalhekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata hija stess li l-kundizzjoni suġġettiva kienet milħuqa f’dan il-każ, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien jaf jew “raġonevolment kell[u] [j]kun [j]af” li l-introduzzjoni tal-merkanzija inkwistjoni kienet irregolari. Madankollu, sabiex tingħata risposta effettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qorti nazzjonali, tagħtiha dawk l-indikazzjonijiet li hija tqis li huma neċessarji (38). Konsegwentement, hija għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinvinju bl-indikazzjonijiet li jippermettulha li tagħmel din il-konstatazzjoni, li tinformaha kemm fuq il-metodu li għandha ssegwi u kif ukoll fuq il-kriterji li għandha tapplika.

45.      Id-diffikultà prinċipali li jqajjem it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, bħalma ma jagħmel ukoll it-tielet inċiż, hija bla dubju li jiġi ddeterminat x’għandu jinftiehem minn “raġonevolment kellha tkun taf” (39) li l-introduzzjoni tal-merkanzija hija irregolari (40).

46.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tipproponi alternattiva, jew żewġ risposti li huma possibbli. Min-naħa, jista’ jkun ikkunsidrat li persuna li pparteċipat fl-introduzzjoni irregolari inkwistjoni hija debitriċi tad-dejn doganali peress li hija kienet f’sitwazzjoni li tikkonċepixxi jew li setgħet timmaġina li din l-illegalità setgħet tirriżulta. Min-naħa l-oħra, jista’ jkun ikkunsidrat li hija ma hijiex debitriċi ħlief kemm-il darba hija tkun prattikament żgurata li din tista’ tirriżulta.

47.      Minix kompletament konvint li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa intiż jippermetti li persuna li “pparteċipat” fl-introduzzjoni ta’ merkanzija fit-territorju tal-Unjoni, fis-sens wiesa’ ħafna li ddeċidejt li nżomm hawn fuq, tista’ tiġi kkwalifikata bħala debitriċi tad-dejn doganali skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali peress li hija ma kinitx f’sitwazzjoni li teskludi li din l-illegalità tista’ tirriżulta, jiġifieri, u sabiex inkompli bi kliem il-qorti tar-rinviju, li hija tikkunsidraha bħala “konċepibbli” (“denkbar”). Madankollu minix ċert lanqas li l-kwalifikazzjoni ta’ “debitur tad-dejn doganali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi l-livell ta’ assigurazzjoni ssuġġerit mill-idea li l-persuna inkwistjoni għandha tistenna (fest rechnen) li din l-illegalità tirriżulta.

48.      Għalhekk jien inklinat li nikkunsidra li għandi ninjora l-alternattiva proposta mill-qorti tar-rinviju u nagħmel ħilti sabiex noħroġ interpretazzjoni awtonoma tal-espressjoni użata mid-dispożizzjonijiet tat-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali (41).

49.      L-avverbju “raġonevolment” jirreferi għall-kundizzjoni ta’ aġent ekonomiku normalment kawt (42) u jirreferi dak li kull individwu, f’ċirkustanzi normali, kellu jkun jaf. Dak li l-kundizzjoni suġġettiva tirrikjedi huwa, definittivament, evalwazzjoni konkreta tal-informazzjoni li l-persuna kkonċernata kellha jew seta’ jkollha f’ċirkustanzi normali maħsuba sabiex jevalwaw il-probabbiltà li hija kienet aġixxiet b’mod frawdolenti fil-konfront tar-regoli doganali b’konoxxenza sħiħa tal-fatti.

50.      Il-kundizzjoni suġġettiva prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali konsegwentement timponi lill-amministrazzjoni doganali li tistabbilixxi, taħt il-kontroll ta’ qrati kompetenti, li l-persuna li kienet ipparteċipat fl-introduzzjoni irregolari tal-merkanzija inkwistjoni, kellha, kellu jkollha jew setgħet ikollha informazzjoni li tippermettilha tidentifika din l-illegalità, li tipprevediha u li tipprekludi, jekk ikun il-każ, li din tirriżulta.

51.      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, elementi ta’ kull tip jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet u qrati nazzjonali kompetenti. Tista’ tiġi ċċitata, bħala indikazzjoni u mhux b’mod eżawrjenti, il-kundizzjoni tal-persuna inkwistjoni (sempliċi individwu, persuna professjonali jew semiprofessjonali) kif ukoll il-kapaċità li taħtha hija interveniet fl-operazzjoni inkwistjoni, in-natura tal-attivitajiet ikkunsidrati bħala “parteċipazzjoni” fl-introduzzjoni irregolari inkwistjoni kif ukoll l-istadju tal-operazzjoni ta’ importazzjoni li matulu dawn l-attivitajiet seħħew (finanzjar tal-operazzjonijiet ta’ importazzjoni, organizzazzjoni ta’ modalitajiet ta’ trasport tal-merkanzija, konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ), l-obbligi kuntrattwali li jista’ jkollha jew ukoll, sempliċement, l-informazzjoni li hija mistennija li tkun taf jew li hija disponibbli u faċilment aċċessibbli.

52.      Huwa l-kompitu tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali kompetenti li jevalwaw filwaqt li jibbilanċjaw id-diversi elementi rilevanti għad-dispożizzjoni tagħhom li jistgħu jistabbilixxu li l-persuna inkwistjoni, bi probabbiltà suffiċjenti, aġixxiet b’konoxxenza tal-fatti. Jekk ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għandu jiġi rrikonoxxut f’dan ir-rigward, madankollu, hija r-responsabbiltà tagħhom li jagħmlu din l-evalwazzjoni skont ir-regoli li jirregolaw il-produzzjoni tal-prova f’sitwazzjonijiet simili, skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (43).

53.      Ladarba dan ġie ċċarat, nixtieq issa, bl-iskop uniku li nagħti tweġiba utli lill-qorti tar-rinviju għad-domandi tagħha u b’mod konklużiv, nuri b’mod iktar konkret l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

54.      Kif jirriżulta mid-dettalji pprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-introduzzjoni irregolari tal-merkanzija inkwistjoni kienet saret permezz tal-ħwienet tiegħu eBay.

55.      Il-Kummissjoni tosserva, f’dan ir-rigward, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, minn naħa, ma jistax jinnega li kien involut għaldaqstant, permezz tal-ħwienet tiegħu eBay, b’ċerta regolarità u għall-għan ta’ profitt, f’attività ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ merkanzija fuq l-internet, billi organizza u ffaċilita l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ dwar il-kunsinni tal-merkanzija miċ-Ċina lejn l-Ewropa, u, min-naħa l-oħra, ma setax jinjora l-fatt li l-kunsinni ta’ din in-natura jagħtu lok għall-obbligu ta’ ħlas ta’ dazji fuq l-importazzjoni. Hija tirreferi, fuq dan il-punt, għall-paġna ta’ informazzjoni dwar l-ordni ta’ merkanzija fuq l-internet (kummerċ elettroniku) redatta mill-amministrazzjoni doganali Ġermaniża. Il-Kummissjoni tikkonkludi li wieħed għandu dritt jistenna li huwa jindika lill-fornitur jew lill-klijenti tiegħu l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet fis-seħħ u li jinsisti li dawn jiġu osservati, jekk huwa kellu dubji dwar ir-regolarità tal-introduzzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fit-territorju tal-Unjoni.

56.      B’hekk, il-Kummissjoni tuża żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, in-natura tal-attivitajiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, u f’dan il-każ in-natura kważi professjonali, fir-rigward tat-tul u l-volum tagħha, tal-attività tiegħu fuq l-internet, u, min-naħa l-oħra, ir-riklamar ta’ informazzjoni rilevanti dwar ir-regoli doganali applikabbli għal dawn l-attivitajiet li jeħtieġu l-osservazzjonijiet li ġejjin.

57.      L-ewwel element – huwa importanti li jiġi enfasizzat – jikkonċerna inqas l-istat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali milli n-natura tal-attivitajiet tiegħu jew il-modi li bihom huwa jwettaq l-imsemmija attivitajiet. Ma huwiex il-każ li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent għandux jitqies bħala professjonali, semiprofessjonali jew sempliċi dilettant, għaliex din id-distinzjoni ma għandha ebda bażi fil-Kodiċi Doganali. Minkejja li, ċertament, l-eżerċizzju minn persuna fiżika ta’ attività professjonali timplika li hija meqjusa li tkun taf ir-regoli kollha applikabbli għall-imsemmija attività (44), l-eżerċizzju minn persuna fiżika ta’ attività ta’ dilettant ma jistax, b’mod invers u għal dan il-fatt biss, jeżentaha mill-obbligu li tosserva r-regoli doganali applikabbli u lanqas ma jeżentaha mir-reponsabbiltà kollha għall-ksur tagħhom li jista’ jkun hemm.

58.      Min-naħa l-oħra, in-natura kontinwa tal-attività inkwistjoni, bħall-volum tal-merkanzija kkonċernata, in-numru u d-drabi ta’ kunsinni postali mwettqa, kif ukoll iċ-ċirkustanza li dawn tal-aħħar ġew imwettqa minn furnitur wieħed jew min-numru żgħir ħafna ta’ furnituri, huma ċertament elementi li għandhom jitqiesu fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni. Bl-istess mod, il-fatt li l-persuna inkwistjoni biddlet il-modi li bihom hija kienet topera l-attività tagħha preċiżament sabiex tevita li twettaq il-formalitajiet doganali huwa, f’din il-perspettiva, ta’ importanza deċiżiva.

59.      It-tieni element, jiġifieri r-riklamar ta’ informazzjoni rilevanti, huwa ċertament l-element prinċipali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk persuna tistax tkun raġonevolment ikkunsidrata li aġixxiet b’mod frawdolenti fil-konfront tar-regoli doganali b’konoxxenza sħiħa tal-fatti. Il-qorti tar-rinviju tista’, f’dan ir-rigward, ċertament tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni intiża għall-pubbliku ġenerali faċilment identifikabbli u aċċessibbli bħall-paġna ta’ informazzjoni dwar l-ordni ta’ merkanzija permezz tal-internet msemmija mill-Kummissjoni. Hija għandha tkun tista’ wkoll isserraħ, b’ċertezza ikbar, fuq l-informazzjoni li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien meħtieġ li jkun jaf, kuntrattwalment, jiġifieri l-kundizzjonijiet ta’ użu (45) u r-regolamenti speċifiċi tal-eBay.

60.      Jaqgħu, b’mod partikolari, taħt din il-kategorija ta’ informazzjoni “obbligatorja” ir-“regolament għall-bejjiegħa” (46), li l-membri kollha ta’ eBay għandhom jaqraw u jifhmu u li jfittex li jiżgura l-applikazzjoni tal-“liġijiet u regolamenti lokali”. Il-bejjiegħa huma wkoll kuntrattwalment miżmuma li jkunu jafu u li josservaw id-direttivi għat-tqegħid għall-bejgħ ta’ prodotti fil-livell internazzjonali (47), li jispeċifikaw in-neċessità għall-bejjiegħa u x-xerrejja li josservaw ir-regolamenti varji applikabbli. Fost l-informazzjoni wkoll disponibbli online permezz tal-eBay taħt is-Sezzjoni “Għajnuna” tas-sit tal-internet, wieħed isib b’mod partikolari, taħt Sezzjonijiet intitolati “Ħlas u Kunsinna”, “Ippakkja u ibgħat oġġett”, “Posta internazzjonali”, dokument, intitolat “Dokumenti u formolaritajiet doganali” (48), li juri fil-qosor l-obbligi doganali imposti fuq il-bejjiegħa.

61.      Madankollu u hekk kif indikajt iktar ’il fuq, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk, minħabba n-natura tal-attivitajiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-informazzjoni li huwa kellu jkun jaf u mill-kuntest fattwali u ġuridiku li fih l-imsemmija attivitajiet twettqu, b’mod partikolari l-fatt li l-introduzzjoni tal-merkanzija inkwistjoni seħħet fl-ambitu tat-traffiku postali, jistax jiġi kkwalifikat bħala debitur tad-dejn doganali kkawżat mill-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali.

V –    Konklużjoni

62.      Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof kif ġej:

“It-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE), tas-16 ta’ Novembru 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li dejn doganali kkawżat mill-parteċipazzjoni fl-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea li seħħ minħabba persuna li, mingħajr ma pprovdiet direttament l-għajnuna tagħha għall-imsemmija introduzzjoni, ipparteċipat f’din l-introduzzjoni bħala intermedjarju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ bejgħ marbuta mal-imsemmija merkanzija, peress li huwa stabbilit li, fir-rigward tal-informazzjoni li hija kellha jew seta’ jkollha f’ċirkustanzi normali, hija, bi probabbiltà suffiċjenti, aġixxiet b’konoxxenza tal-fatti.

Għal dan il-għan, huwa l-kompitu tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali kompetenti li jevalwaw u jibbilanċjaw id-diversi elementi rilevanti għad-dispożizzjoni tagħhom, skont ir-regoli li jirregolaw il-produzzjoni tal-prova f’sitwazzjonijiet simili, skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 10, p. 239, iktar ’il quddiem il-Kodiċi Doganali).


3–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Viluckas u Jonusas (C‑238/02 u C‑246/02, Ġabra p. I‑2141); tat-23 ta’ Settembru 2004, Spedition Ulustrans (C‑414/02, Ġabra p. I‑8633), kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2005, Papismedov et (C‑195/03, Ġabra p. I‑1667).


4 – Kif, pereżempju, innota l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-opinjoni tiegħu dwar il-propostà għal Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (il-Kodiċi tad-Dwana Modernizzat) [KUMM (2005) 608 finali] (ĠU 2006, C 309, tas-16 ta’ Diċembru 2006, p.22), “il-volum ta’ xiri ta’ merkanzija mwettaq mill-internet jew permezz ta’ korrispondenza f’pajjiżi terzi qiegħed jiżdied b’mod esponenzjali”.


5 – Din il-kawża jista’, b’mod iktar wiesa’, ikollha impatt fuq l-iżvilupp ta’ tekniċi kummerċjali bħal “drop shipment”, li jippermetti l-bejgħ ta’ prodott mixtri mingħand fornitur li jieħu ħsieb huwa nnifsu l-operazzjonijiet tal-kunsinna u b’hekk jevita l-problemi ta’ ġestjoni ta’ inventarju, ta’ loġistika u ta’ servizzi wara l-bejgħ, fost l-oħrajn.


6 –      Il-Kodiċi Doganali, matul il-perijodu meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jiġifieri bejn ix-xahar ta’ April 2004 u Mejju 2006, ġie emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 648/2005, tat-13 ta’ April 2005, li jemenda lir-Regolament Nru 2913/92 (ĠU L 117, p. 13). L-emendi magħmula lill-Kodiċi Doganali b’dan ir-regolament, u b’mod partikolari dawk relatati mal-Artikolu 40 tiegħu, madankollu ma għandhom l-ebda impatt dirett fuq is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.


7 – Minnufih jista’ jiġi ppreċiżat li, minkejja ċ-ċirkustanza li r-rikorrent fil-kawża prinċipali eżerċità l-attivitajiet tiegħu permezz tal-intermedjarju tal-internet, id-Direttiva 2000/31/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399) ma tapplikax. Fil-fatt, billi l-attività tal-intermedjarju eBay taqa’ taħt din id-direttiva, ma huwiex il-każ, skont l-Artikolu 2(h)(ii) tal-imsemmija direttiva, ta’ “kunsinna ta’ oġġetti fir‑rigward ta’ liema ġie konkluż kuntratt b’mezzi elettroniċi” kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika, C‑108/09, Ġabra p. I‑12213, punti 29 u 30).


8 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Spedition Ulustrans, punt 39, kif ukoll Papismedov et (punt 38). Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals (C‑140/04, Ġabra p. I‑8245, punt 30).


9 – Sentenza Papismedov et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).


10 – Kif ikun fil-każ, pereżempju, tas-sewwieq ta’ trakk li ma jippreżentax ruħu bil-merkanzija li jkun ġarr fl-ewwel post doganali li ltaqa’ miegħu meta daħal fit-territorju tal-Unjoni, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Viluckas u Jonusas, iċċitata iktar ’il fuq.


11 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Viluckas u Jonusas (punt 29) kif ukoll Spedition Ulustrans.


12 – Sentenza Papismedov et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40).


13 – Sentenzi ċċitati Spedition Ulustrans (punti 27 u 28) kif ukoll Papismedov et (punt 40).


14 – Ara wkoll l-Artikolu 45 tal-Kodiċi Doganali.


15 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 6, p. 3. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4151/88, tal-21 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-merkanzija introdotta fit-territorju doganali tal-Kommunità (ĠU L 367, p. 1), imħassar mill-Kodiċi Doganali, kien diġà jipprovdi dispożizzjonijiet speċifiċi għat-traffiku postali (ara, b’mod partikolari, il-ħames premessa u kif ukoll l-Artikoli 3(4) u 10 ta’ dan ir-regolament.


16 – Madankollu hawnhekk għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 3, p. 200), applikabbli għaż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej li jidhru fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tal-imsemmija deċiżjoni, fosthom id-dazji doganali, “huma miġbura mill-Istati Membri skond il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li huma, fejn meħtieġ, adattati għal ħtiġiet tar-regolamenti tal-Komunità”.


17 – L-Artikolu 237(1)(A) tar-Regolament Nru 2454/93 jippreċiża li, oġġetti tal-posta, u b’mod partikolari l-pakketti postali, huma “kkunsidrati” bħala ddikjarati fid-dwana għall-finijiet tar-rilaxx, kemm [ipoteżi (a)] fil-mument tal-introduzzjoni tagħhom fit-territorju doganali, b’kundizzjoni li jkunu eżenti mill-obbligazzjoni li jkunu mwassla d-dwana skont id-dispożizzjonijiet adottati fl-applikazzjoni tal-Artikolu 38(4) tal-Kodiċi Doganali, kif ukoll [ipoteżi (b)] fil-mument tal-wasla tagħhom fid-dwana, b’kundizzjoni li dawn ikollhom magħhom id-dikjarazzjoni CN22 u/jew CN23. Inizjalment, kienu d-dikjarazzjonijiet C1 u/jew C2/CP3. Id-dispożizzjoni ġiet emendata bl-Artikolu 1(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1602/2000, tal-24 ta’ Lulju 2000, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 10, p. 51), sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-formoli stabbiliti mill-Unjoni Postali Universali għad-dikjarazzjoni ta’ konsenji permezz ta’ ittri jew pakketti postali kienu ġew issostitwiti (ara, f’dan ir-rigward, id-disa’ premessa tal-imsemmi regolament).


18 – ĠU L 105, p. 1, u corrigendum ĠU L 271, p. 31. Dan ir-regolament ġie emendat mill-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja, u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea - Protokoll Nru 3 dwar iż-Żoni ta’ Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq f’Ċipru (ĠU 2003, L 236, p. 940). Dan ir-regolament ġie mħassar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas-16 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU L 324, p. 23).


19 – Ara l-Artikoli 27 u 28 ta’ dan ir-regolament. Din l-eżenzjoni kienet tikkonċerna l-merkanzija mibgħuta direttament minn pajjiż terz għal destinatarju li jinsab fuq it-territorju tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti alkoħoliċi, fwejjaħ u ilmijiet tat-twaletta, tabakk u prodotti tat-tabakk.


20 – Ara l-Artikoli 29 sa 31 ta’ dan ir-regolament.


21 – Din il-konvenzjoni, li għaliha l-Istati Membri kollha aderixxew, tistabbilixxi il-qafas legali ġenerali li jirregola l-attivitajiet postali internazzjonali.


22 – Deċiżjoni tal-Kunsill 75/199/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1975, li tikkonkludi Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali u li taċċetta l-Anness ta’ magħha dwar l-imħażen tad-dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 1, p. 26).


23 – Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/231/CE, tas-17 ta’ Marzu 2003, li tikkonċerna l-adeżjoni għall-Komunità Ewropea [tal-Komunità Ewropea] għall-Protokoll dwar l-Emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ proċeduri doganali (Konvenzjoni Kyoto) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Vol 13, p. 262), l-Unjoni aderixxiet għall-Protokoll dwar l-Emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ proċeduri doganali, adottat mill-Kunsill ta’ koperazzjoni doganali fis-26 ta’ Ġunju 1999. Ara, ukoll, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/485/KE, tas-26 ta’ April 2004, li temenda d-Deċiżjoni 2003/231/KE dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Protokoll ta’ l-Emenda għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ proċeduri doganali (Konvenzjoni Kyoto) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 16, p. 101). L-adeżjoni tkopri t-test tal-protokoll tal-emenda, inklużi l-Appendiċi I u II, bl-eċċezzjoni tal-Appendiċi III.


24 – Deċiżjoni li taċċetta, f’isem il-Komunità, l-Annessi E.7 u F.4 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Simplifikazzjoni u l-Armonizzazzjoni ta’ Proċeduri Doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 5, p. 296). Għandu jiġi nnotat li dan l-anness, madankollu, ġie approvat b’riżerva ġenerali u riżervi fir-rigward tal-istandards 19 u 26 u l-prattiċi rakkomandati 23, 24 u 25.


25 – Ara, f’dan ir-rigward, l-osservazzjonijiet tiegħi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 16.


26 – Ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tat-18 ta’Jannar 1984Voir, Ekro, (327/82, Ġabra. p. 107, punt 11); tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, Ġabra. p. I‑6917, punt 43) u tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C‑373/00,Ġabra. p. I‑1931, punt 35).


27 – Sentenza tal-14 ta’Novembru 2002, Ilumitrónica (C‑251/00, Ġabra. p. I‑10433, punti 32, 33 u 65).


28 – Pereżempju, min jimpjega l-persuna li pproċediet bl-introduzzjoni irregolari inkwistjoni fl-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha minnu (ara s-sentenza Spedition Ulustrans, iċċitata iktar ’il fuq).


29 – Sentenza Viluckas u Jonusas, iċċitata iktar ’il fuq (punti 23 u 24).


30 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Elshani (C‑459/07, Ġabra p. I‑2759, punti 26 sa 28).


31 – Simili għall-Artikoli 203 sa 205, 210, 211 kif ukoll 220 tal-Kodiċi Doganali, li jaraw sitwazzjonijiet li huma kollha kkaratterizzati minn ksur mill-operatur ikkonċernat tar-regoli doganali tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Aurubis Balgaria, C‑546/09, Ġabra p. I‑2531, punti 32 sa 34).


32 – Kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Spedition Ulustrans, iċċitata iktar ’il fuq.


33 – Punt 40 tal-imsemmija konklużjonijiet.


34 – Jiġifieri sakemm it-tieni kundizzjoni, suġġettiva, tiġi sodisfatta.


35 – Bħalma hija r-responabbiltà maqsuma bejn ix-xufier tat-trakk li fih il-merkanzija tkun qasmet il-fruntieri esterni tal-Unjoni bi ksur tal-formalitajiet doganali u min iħaddmu, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Spedition Ulustrans, iċċitata iktar ’il fuq.


36 – Sentenza Papismedov et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).


37 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger (104/77, Ġabra p. 791, punt 4); tal-15 ta’ Novembru 1979, Denkavit Futtermittel (36/79, Ġabra p. 3439, punt 12) u tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, Ġabra p. I‑305, punt 41).


38 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, Ġabra. p. I‑4863, punt 30); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C‑142/05, Ġabra. p. I‑4273, punt 41); tal-15 ta’ April 2010, Sandström (C‑433/05, Ġabra p. I‑2885), punt 35) u kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Lecson Elektromobile (C‑12/10, Ġabra p. I‑14173, punt 15).


39 – Bl-Ingliż “reasonably have been aware”, bil-Ġermaniż, “vernünftigerweise hätten wissen müssen” u, bl-Ispanjol “debiendo saber razonablemente”.


40 – Għandu jiġi osservat li l-Kodiċi Doganali għandu dispożizzjonijiet oħra simili għall-formulazzjonijiet viċini jew identiċi. L-ewwel inċiż tal-Artikolu 8(1) jirrigwarda l-annullament ta’ deċiżjoni favorevoli addotata fuq il-bażi ta’ elementi mhux eżatti jew mhux kompluti. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet doganali bbażati fuq informazzjoni falza. It-tieni u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 203(3) jikkonċernaw it-tneħħija tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali. L-Artikolu 205(3) jikkonċerna l-konsum ta’ merkanzija suġġetta għal dazji tal-importazzjoni f’żona ħielsa jew maħżen ħieles. It-tieni inċiż tal-Artikolu 210(3) jikkonċerna l-ħruġ mingħajr dikjarazzjoni doganali ta’ merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-esportazzjoni barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja użat hija stess formulazzjonijiet identiċi fis-sentenzi tagħha (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑23/10). L-użu ta’ formulazzjonijiet simili huwa wkoll ferm mifrux fl-atti li jimponu sanzjonijiet fuq Stati terzi jew fuq ċerti persuni jew entitajiet (“smart sanctions”), peress li persuna fiżika jew ġuridika ma tistax tinżamm responsabbli tal-ksur ta’ projbizzjoni jekk hija ma “setgħetx raġonevolment tkun taf” li l-azzjoni tagħha seta’ jkollha din il-konsegwenza [ara, pereżempju, l-Artikolu 10(2) tar- Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta’ Mejju 2011, dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 121, p. 1)].


41 – Ara, f’dan ir-rigward, l-osservazzjonijiet tiegħi fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – Il-kunċett ta’ aġent ekonomiku normalment kawt ċertament ifakkrek f’dak tal-konsumatur medju, jew l-utent tal-internet, normalment informat u raġonevolment attent u kawt, li fid-dawl tiegħu huwa evalwat, fost affarijiet oħra, il-karattru distintiv ta’ trade mark (sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips C‑299/99, Ġabra. p. I‑5475 u tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI (C‑37/03 P, Ġabra. p. I‑7975). Il-“konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u kawt” huwa ugwalment użat f’kuntesti oħra minn dawk tad-dritt tat-trade marks (ara s-sentenza tas-16 ta’Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky, C‑210/96, Ġabra. p. I‑4657). Ara wkoll, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Schutzverband der Spirituosen-Industrie (C‑457/05, Ġabra. p. I‑8075), kif ukoll; dwar reklamar qarrieqi, is-sentenza tat-8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik (C‑44/01, R Ġabra ec. p. I‑3095).


43–      Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Steffensen (C‑276/01, Ġabra p. I‑3735, punt 80); tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, Ġabra p. I‑7529); tal-24 ta’ April 2008, Arcor (C‑55/06, Ġabra p. I‑2931, punt 192), u tat-28 ta’ Jannar 2010, Direct Parcel Distribution Belgium (C‑264/08, Ġabra p. I‑731, punti 32 sa 36 u 42 sa 47).


44 – Il-karattru professjonali tal-attività mmexxija tista’, min-naħa l-oħra u b’mod ovvju, tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-persuna inkwistjoni.


45 – http://pages.ebay.fr/help/policies/user-agreement.html.


46 – http://pages.ebay.fr/help/policies/seller-rules-overview.html.


47 – http://pages.ebay.fr/help/policies/seller-international.html.


48 – http://pages.ebay.fr/help/pay/customs.html.

Top