Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0442

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 6 ta' Settembru 2011.
    Churchill Insurance Company Limited vs Benjamin Wilkinson u Tracy Evans vs Equity Claims Limited.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
    Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi - Direttiva 84/5/KEE - Artikoli 1(4) u 2(1) - Terzi li huma vittmi - Awtorizzazzjoni espressa jew impliċita għas-sewqan - Direttiva 90/232/KEE - L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 - Direttiva 2009/103/KE - Artikoli 10, 12(1) u (13)(1) - Vittma ta’ inċident tat-traffiku li kien passiġġier f’vettura li fir-rigward tagħha jkun assigurat bħala sewwieq - Vettura misjuqa minn persuna li ma hijiex assigurata skont il-polza ta’ assigurazzjoni - Vittma assigurata li ma hijiex eskluża mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni.
    Kawża C-442/10.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:548

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ppreżentati fis-6 ta’ Settembru 2011 (1)

    Kawża C‑442/10

    Churchill Insurance Company Limited

    vs

    Benjamin Wilkinson

    u

    Tracy Evans

    vs

    Equity Claims Limited

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), ir-Renju Unit]

    “Assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivil li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi – Vittma ta’ inċident tat-traffiku li kien passiġġier f’vettura li kienet assigurata bħala sewwieq awtorizzat sabiex isuq – Vettura misjuqa minn persuna li ma hijiex assigurata”





    1.        Fir-Renju Unit, b’differenza għall-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni, hija prattika komuni li l-polza tal-assigurazzjoni għall-vetturi, minkejja li tindika d-data tal-vettura assigurata, fil-verità tkun essenzjalment polza personali, li tkopri d-danni kkawżati mid-detentur tal-polza u minn persuni eventwali oħra li speċifikament huma awtorizzati sabiex isuqu l-vettura. F’każ ta’ inċident ikkawżat minn sewwieq mhux awtorizzat, l-assigurazzjoni għandha tagħti kumpens lill‑vittmi, kif stipulat fid-dritt tal-Unjoni, iżda wara tista’ tfittex lill-persuna assigurata li tat permess lil persuna mhix assigurata biex issuq.

    2.        Din il-kawża toriġina minn din is-sistema partikolari tal-assigurazzjoni. B’mod partikolari, dak li jikkaratterizza ż-żewġ kawżi li huma s-suġġett analizzat mill-qorti tar-rinviju huwa l-koeżistenza, l-ewwel nett dwar l-istess suġġett, jiġifieri l-kwalità ta’ vittma u l-kwalità ta’ assigurat tal-persuna li awtorizzat is‑sewqan lill-persuna mhix awtorizzata, li kkawżat inċident. Inkwantu għall‑vittma, fil-prinċipju din għandha dritt li tkun ikkumpensata. Fir-rigward tal‑persuna assigurata li awtorizzat is-sewqan lill-persuna li ma setatx tagħmel dan, din tista’ skont id-dritt nazzjonali, tkun obbligata tħallas lura lill-kumpannija tal-assigurazzjoni l-ammont li jkun tħallas lill-vittma. B’mod konkret, dan ifisser li din il-persuna ma tirċievi xejn mingħand l-assigurazzjoni, minħabba li ċ-ċifra li kellha tieħu bħala vittma tikkumpensa lil dik li kellha tħallas lill-assigurazzjoni minħabba “negliġenza”. Il-qorti nazzjonali qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk din is-sitwazzjoni hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni

    I –    Il-kuntest ġuridiku

    A –    Id-dritt tal-Unjoni

    3.        Id-domandi preliminari magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienu fformulati b’riferiment għad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) (2). Din id-direttiva ma kinitx għadha fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti li dwarhom għandha tiddeċiedi l-qorti nazzjonali. Madankollu, din hija direttiva ta’ konsolidazzjoni, li rriformulat f’test wieħed il-leġiżlazzjoni inkluża f’erba’ direttivi preċedenti (3), mingħajr ma emendathom sostanzjalment. Minħabba raġunijiet prattiċi anki jiena se nagħmel riferiment għat-test ikkonsolidat anki jekk minn żmien għal żmien nindika d-dispożizzjonijiet korrispondenti fid-direttivi preċedenti.

    4.        Il-premessa 3 (4), il-premessa 14 (5) u l-premessa 15 (6) tad-Direttiva jistabbilixxu li:

    “(3)      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu hi koperta b’assigurazzjoni. Il-limitu tar-responsabbiltà koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet ta’ din il-kopertura għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ dawk il-miżuri.

    (14)      Huwa neċessarju li ssir dispożizzjoni għall-korp li jkun jiggarantixxi li l-vittma ma tibqax mingħajr kumpens meta l-vettura li tkun ikkaġunat l-inċident ma tkunx koperta b’assigurazzjoni jew ma tkunx identifikata. […]

    (15)      Huwa fl-interess ta’ vittmi li l-effetti ta’ ċerti klawsoli ta’ esklużjoni jkunu limitati għar-relazzjoni bejn l-assiguratur u l-persuna reponsabbli għall-inċident. Madanakollu, fil-każ ta’ vetturi misruqa jew akkwistati bi vjolenza, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw li kumpens għandu jitħallas mill-korp imsemmi hawn fuq.”

    5.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE jipprovdi l-obbligu ġenerali li l-vetturi għandhom ikunu assigurati għar-responsabbiltà ċivili, kemm għal ħsara fuq l-oġġetti kif ukoll għal dannu fuq il-persuni.

    6.        L-Artikolu 12(1) (7) tad-Direttiva 2009/103/KE jipprovdi:

    “Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 għandha tkopri r-responsabbiltà għal danni personali tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura”.

    7.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) (8) jistabbilixxi li “[d]an l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ kumpens”.

    8.        L-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva (9) jipprovdi li:

    “Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident, fejn dik id-dispożizzjoni statutorja jew klawsola kuntrattwali tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

    a)      persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew impliċita għal dan,

    […]

    Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom ikunu daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jkun jista’ juri li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.

    […]”.

    9.        L-Artikolu 10 (10) tad-Direttiva 2009/103/KE jirreferi għal sitwazzjonijiet meta l-vettura li tkun ikkawżat il-ħsara ma tkunx assigurata jew ma tkunx identifikabbli. F’dawn il-każijiet, id-Direttiva tipprovdi li l-Istati Membri jistabbilixxu jew jawtorizzaw korp inkarigat biex jikkumpensa lill-vittmi tal-inċident. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) jipprovdi li:

    “Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-ħlas ta’ kumpens minn dak il-korp fir-rigward ta’ persuni li jkunu daħlu volontarjament fil-vettura li tkun ikkawżat it-telf jew il-korriment meta l-korp jkun jista’ jġib provi li kienu jafu li l-vettura ma kinitx assigurata”.

    B –    Id-dritt nazzjonali

    10.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti għall-kawża inkwistjoni hija kkostitwita mir-Road Traffic Act 1988 (iktar ’il quddiem l-“RTA”). B’mod partikolari, l-Artikolu 151(8) tiegħu jipprovdi li meta kumpannija tal-assigurazzjoni jkollha tħallas somma b’konsegwenza tar-responsabbiltà ta’ persuna mhix koperta minn polza, din l-assigurazzjoni tista’ tirkupra l-ammont imħallas mingħand il-persuna assigurata li kkawżat jew li awtorizzat l-użu tal-vettura li kkawżat l-inċident li għamel id-dannu.

    II – Il-fatti u d-domandi preliminari

    11.      Il-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tirriżulta mill-ġabra ta’ żewġ appelli ppreżentati f’żewġ kawżi distinti, deċiżi fl-ewwel istanza minn żewġ qrati differenti b’deċiżjonijiet opposti.

    12.      Iż-żewġ kawżi minn naħa huma differenti, iżda minn perspettiva legali għandhom elementi essenzjali komuni. Fiż-żewġ każijiet, il-persuna assigurata awtorizzat is-sewqan ta’ vettura – mutur f’każ minnhom u karozza fit-tieni każ – lil persuna mhix imsemmija fil-kuntratt tal-assigurazzjoni bħala persuna awtorizzata biex issuq, u li lanqas ma għandha assigurazzjoni proprja. Fiż-żewġ każijiet kien ikkawżat inċident, li fih il-persuna assigurata li kienet qed tivvjaġġa bħala passiġġier, sofriet danni fiżiċi.

    13.      Fiż-żewġ każijiet, il-kumpanniji tal-assigurazzjoni rrifjutaw li jħallsu kumpens liż-żewġ vittmi, abbażi tal-fakulta, rikonoxxuta fl-Artikolu 151(8) tal-RTA, li jfittxu lill-persuna assigurata għall-ammonti mħallsa għad-danni kkawżati minn persuna mhix awtorizzata li lilha l-persuna assigurata awtorizzata tuża l-vettura. Skont il-kumpanniji tal-assigurazzjoni, f’każijiet bħal dawn li għandha tiddeċiedi dwarhom il-qorti nazzjonali, l-obbligu li jingħata kumpens lill-vittma u l-fakulta li jfittxu lill-persuna assigurata jannullaw il-kawża minħabba li l-vittma u l-persuna li lilha jista’ jintalab ir-rimbors jikkoinċidu.

    14.      Kien f’dan il-kuntest li, il-qorti tar-rinviju, billi rrikonoxxiet problema ta’ kompatibbiltà possibbli mad-dritt tal-Unjoni, issospendiet il-proċedura u ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikoli 12(1) u 13(1) tad-Direttiva 2009/13 [2009/103/KE], għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom bħala effett, mill-aspett tad-dritt nazzjonali rilevanti, li tkun eskluża mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni, vittma ta’ inċident tat-traffiku, fiċ-ċirkustanzi fejn

    a)      dan l-inċident kien ikkawżat minn sewwieq li ma kienx assigurat; u

    b)      dan is-sewwieq mhux assigurat ingħata permess mingħand il-vittma sabiex isuq il-vettura; u

    c)      il-vittma kienet passiġġiera fil-vettura fil-mument tal-inċident; u

    d)      il-vittma kienet assigurata sabiex issuq il-vettura inkwistjoni?

    B’mod partikolari:

    i)      dispożizzjoni nazzjonali ta’ din in-natura hija dispożizzjoni li “teskudi mill-assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [2009/103/KE]?;

    ii)      f’ċirkustanzi bħal dawk li seħħew fil-kawża preżenti, il-permess mogħti mill-persuna [assigurata (11)] lill-persuna mhux assigurata jikkostitwixxi “awtorizzazzjoni espressa jew impliċita” fis-sens tal-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva [2009/103/KE]?

    iii)      ir-risposta għal din id-domanda hija affettwata mill-fatt li, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva [2009/103/KE], il-korpi nazzjonali responsabbli għall-għoti ta’ kumpens f’każ ta’ ħsara kkawżata minn vettura mhux identifikata jew mhux assigurata jistgħu jeskludu l-intervent tagħhom f’dak li jikkonċerna l-persuni li daħlu volontarjament fil-vettura li kkawżat il-ħsara, meta l-korp jista’ jipproduċi provi li huma kienu jafu li l-vettura ma kinitx assigurata?

    2)      Ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi mill-fatt li l-permess inkwistjoni (a) kien ibbażat fuq l-għarfien effettiv tal-fatt li s-sewwieq inkwistjoni ma kienx assigurat, jew (b) kien ibbażat fuq it-twemmin li s-sewwieq kien assigurat, jew (ċ) li l-permess inkwistjoni kien ingħata mill-assigurat li ma kienx qajjem il-kwistjoni?”

    III – Fuq l-ewwel domanda preliminari

    A –    Osservazzjonijiet preliminari

    15.      Għandu jkun innotat li f’din il-kawża, ma hijiex qed tkun diskussa l-eżistenza ta’ responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lill-vittmi. Kif jirriżulta mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet applikabbli, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà ċivili u dwar id-determinazzjoni tad-danni.

    16.      B’mod ġenerali, l-analiżi tal-konsegwenzi legali f’kull inċident li jikkawża danni relatat maċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi, għandha tkun artikolata f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, għandha tkun żgurata l-eżistenza tar-responsabbiltà ċivili. Ladarba din teżisti, nistgħu ngħaddu għat-tieni fażi tal-analiżi li tirrigwarda l-intervent tal-kumpanniji tal-assigurazzjoni. Huwa biss f’din il-fażi li, fil-prinċipju u wara garanzija tal-impatt utli tad-Direttiva, ikun involut id-dritt tal-Unjoni (12). Madankollu, ma nistax li tal-inqas ma ninnotax li d-distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tista’ fil-verità tippreżenta xi diffikultajiet u ma neskludix li fil-futur, il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħmel kjarifiki ulterjuri f’dan ir-rigward.

    17.      Id-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali f’din il-kawża, kif juri t-test tagħhom, jikkonċernaw preċiżament it-tieni fażi li għadha kemm ġiet indikata. Il-kwistjoni li għandha tiġi riżolta ma tirrigwardax l-eżistenza tar-responsabbiltà ċivili, iżda l-eżistenza u l-limiti ta’ obbligu ta’ ħlas dovut bħala kumpens min-naħa tal-assigurazzjoni. Għalhekk ma hemmx dubju dwar il-fatt li r-risposta għad-domandi preliminari għandha tinstab fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, billi l-fatti ta’ din il-kawża jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    B –    Fuq id-domanda preliminari

    18.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu li kumpannija tal-assigurazzjoni ma tħallas ebda kumpens lil vittma kemm–il darba jkunu jeżistu t-tliet kundizzjonijiet kollha li ġejjin: a)l-inċident ġie kkawżat minn vettura misjuqa minn persuna mhix koperta minn polza tal-assigurazzjoni; b) il-vittma tkun il-persuna assigurata; c) il-persuna assigurata tkun awtorizzat lil persuna mhix assigurata biex issuq il-vettura.

    19.      L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-kumpanniji tal-assigurazzjoni kkonċernati ppreżentaw is-sitwazzjoni f’termini differenti mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt huma jinsistu fuq iċ-ċirkustanza li fil-kawża inkwistjoni, ma għandnix quddiemna rifjut ta’ ħlas jew ta’ rikonoxximent ta’ polza tal-assigurazzjoni iżda sempliċement il-fatt li l-liġi nazzjonali tippermetti lill-kumpanniji tal-assigurazzjoni, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, li jfittxu lill-persuna assigurata għall-ammont imħallas lill-vittma tal-inċident. Billi hawnhekk il-persuna assigurata u l-vittma jikkoinċidu, skont il-kumpanniji tal-assigurazzjoni, in-nuqqas ta’ ħlas huwa biss konsegwenza ta’ kumpens istantanju bejn is-somma li għandha titħallas lill-vittma u s-somma li tista’ tkun irkuprata mill-persuna assigurata “negliġenti” (13).

    20.      Għall-kuntrarju, skont il-qorti tar-rinviju, distinzjoni simili hija artifiċjali u l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tkun interpretata fis-sens li din għandha konsegwenza – sempliċement – li ma jitħallasx il-kumpens lill-vittma ta’ inċident mill-assigurazzjoni.

    21.      Bla ħsara għall-fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, il-konvinzjoni tiegħi hi li fil-kawża inkwistjoni, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari ma tinbidilx b’mod sinjifikattiv billi jkun adottat wieħed miż-żewġ approċċi li għadhom kemm ġew deskritti. Fi kwalunkwe każ, id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk imressqa għall-analiżi mill-qorti tar-rinviju, il-kumpannija tal-assigurazzjoni tista’ tirrifjuta lill-vittma ta’ inċident kwalunkwe kumpens għad-danni li tkun sofriet. Hawn taħt se nipprova nispjega r-raġunijiet.

    22.      Kif fakkart iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili għaċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi ma għandhiex l-iskop li tarmonizza d-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri. L-objettiv tagħha huwa iktar limitat, għalkemm huwa doppju, mill-mument li timmira li tiggarantixxi min-naħa ċ-ċirkulazzjoni libera tal-vetturi u l-passiġġieri tagħhom u min-naħa l-oħra trattament komparabbli għall-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku, indipendentement mill-postijiet li jseħħu fihom l-inċidenti (14). Fi kliem ieħor, id-Direttiva, biex kif rajna tħalli lil-leġiżlatur nazzjonali marġni ta’ diskrezzjoni biex jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili, fl-istess ħin teżiġi li l-vittmi tal-inċidenti xorta jkunu garantiti, jekk mhux trattament ugwali f’kull Stat Membru, (billi dan jeħtieġ armonizzazzjoni anki tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili, li għall-kuntrarju l-leġiżlatur prefera li jevita) almenu standard “komparabbli” fit-territorju kollu tal-Unjoni. Ma huwiex għal kollox ċar jekk dan il-prinċipju tad-direttiva jistax ikollu impatt fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni rikonoxxut għall-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili: fi kwalunkwe każ, kif innutajt iktar ’il fuq, il-kwistjoni tar-responsabbiltà ċivili tmur lil hinn mil-limiti ta’ din il-kawża.

    23.      Fil-kawża inkwistjoni, iċ-ċirkustanzi li wasslu għal din il-kawża b’mod ċar jikkorrispondu għas-sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva 2009/103/KE. Il-kumpanniji tal-assigurazzjoni qed jippruvaw jeskludu l-obbligu tagħhom li jħallsu abbażi tal-klawżoli legali/kuntrattwali bbażati fuq iċ-ċirkustanza li l-persuna li kienet qed issuq ma kinitx awtorizzata tagħmel dan. Skont it-tifsira tad-dispożizzjoni li għadha kemm ġiet iċċitata, klawżoli simili huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. (15). Għall-finijiet tal-kumpens għad-dannu, il-proprjetarju/il-persuna assigurata li ma kinux qed isuqu l-vettura, huma fil-fatt persuni “terzi” protetti mill-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, fil-każ ta’ inċident, għandhom ikunu kkunsidrati bħala “terzi”, il-persuni kollha li ma humiex is-sewwieq li kkawża l-inċident. (16). Biex nużaw il-kliem tal-Avukat Ġenerali Geelhoed, f’din is-sitwazzjoni, “ir-relazzjoni legali eżistenti bejn il-persuna assigurata u l-kumpannija assiguratriċi titrasferixxi ruħha l-ewwel nett fuq min ikkawża d-dannu.” (17).

    24.      L-analiżi tal-ġurisprudenza tikkonferma u ssaħħaħ dak li għadu kemm ġie osservat.

    25.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju korrettement tosserva li, ċ-ċirkustanzi eżaminati fil-kawża inkwistjoni jippreżentaw elementi ta’ xebh sinjifikattiv mal-kawża Candolin et, deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-2005 (18). F’dik il-kawża, il-leġiżlazzjoni nazzjonali Finlandiża ppermettiet ir-rifjut jew il-limitazzjoni tal-kumpens mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni lill-vittmi ta’ inċident meta dawn tal-aħħar ikunu responsabbli flimkien għall-kawża tad-dannu: b’mod partikolari, fil-kawża Candolin et. il-kwistjoni kienet tirrigwarda xi persuni, fosthom il-proprjetarju tal-vettura, li rikbu fil-karozza tiegħu meta kienu jafu li s-sewwieq kien taħt l-influwenza tal-alkoħol.

    26.      F’dik l-okkażżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li leġiżlazzjoni nazzjonali simili ma tistax tkun ikkunsidrata kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Dan minħabba li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli, b’mod ġenerali timponi lill-kumpanniji tal-assigurazzjoni biex jagħtu kumpens lill-vittmi, u b’mod espliċitu tipprovdi xi eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu, eċċezzjonijiet li għandhom ikunu interpretati b’mod ristrett ħafna (19). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li s-sitwazzjonijiet kollha li ma jaqgħux fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet previsti fid-Direttiva, għandhom iħallsu kumpens lill-vittmi tal-inċidenti għad-danni mġarrba.

    27.      F’dan il-kuntest huwa irrilevanti l-fatt li fost il-vittmi kien hemm il-proprjetarju tal-vettura, li kien qed jivvjaġġa bħala passiġġier. L-unika persuna li fil-prinċipju d-Direttiva ma tirrikonoxxilux id-dritt għall-kumpens mill-kumpannija tal-assigurazzjoni huwa s-sewwieq, filwaqt li l-passiġġieri kollha għandhom ikunu koperti. (20). Konsegwentement, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tgħallimna li, minbarra dak li ma jaqax fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet speċifikati fid-Direttiva, il-vittmi ta’ inċidenti dejjem għandhom dritt għall-kumpens mill-kumpannija tal-assigurazzjoni. Minħabba li huwa aċċettabbli li din il-kawża ma taqax fl-ambitu ta’ eċċezzjoni espliċitament indikata fid-Direttiva, l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Candolin et twassal għall-konferma li ż-żewġ persuni assigurati li awtorizzaw lil persuni mhux assigurati jsuqu l-vetturi tagħhom, xorta waħda għandhom dritt li jingħataw kumpens għad-danni li ġarrbu.

    28.      Nistgħu noġġezzjonaw li fis-sentenza Candolin et, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx min seta’ kien id-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni, ċirkustanza ta’ fatt li madankollu hija ċentrali għall-kawża inkwistjoni. Madankollu, jista’ jingħad li dan l-aspett fil-verità ma jidhirx rilevanti minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament affermat li l-unika distinzjoni ammessa fid-Direttiva, li ma taqax fl-ambitu ta’ ċirkustanza eċċezzjonali msemmija li tippermetti l-esklużjoni tal-kopertura tal-assigurazzjoni, hija dik bejn is-sewwieq u l-passiġġieri, u li għalhekk, il-persuni differenti mis-sewwieq huma, għall-finijiet tad-Direttiva persuni “terzi” li għandhom dritt għall-kumpens. Fi kwalunkwe mod, ma jirriżultax li ċ-ċirkustanzi ta’ fatt li huma l-bażi tas-sentenza Candolin et jiddistingwu ruħhom mill-mudell tipiku fejn il-proprjetarju tal-vettura huwa wkoll id-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni (21). Lanqas ma nistgħu ninsew, kif diġà rajna, li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, il-polza tal-assigurazzjoni hija limitata biex tkopri vettura, mingħajr ma tispeċifika min hu awtorizzat biex isuqha.

    29.      Il-qorti tar-rinviju, għalkemm tirrikonoxxi r-rilevanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għadni kemm għamilt riferiment għaliha, madankollu tippreżenta xi dubji dwarha u tieħu spunti minnhom biex tressaq id-domandi preliminari tagħha. Madankollu, nerġa’ ntenni li dawn id-dubji huma bla bażi u li l-ġurisprudenza Candolin et tikkostitwixxi punt ta’ riferiment anki għal dan il-każ.

    30.      L-argument prinċipali mressaq mill-qorti tar-rinviju biex tiddubita l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Candolin et – jew aħjar, biex ngħidu l-verità, biex tiġġustifika d-dubji tagħha dwar il-korrettezza ta’ din tal-aħħar – jikkonsisti fid-differenza fit-trattament li kieku jkun hemm, jekk tkun aċċettata l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, bejn il-passiġġieri li jibqgħu involuti flimkien f’inċident f’sitwazzjoni bħal dik ippreżentata minn naħa, u l-passiġġieri li konxjament rikbu f’vettura mhix assigurata min-naħa l-oħra. Fil-fatt, filwaqt li fil-każ tagħna, l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Candolin et, għandha tirrikonoxxi l-kumpens għall-persuna assigurata li awtorizzat persuna mhix assigurata biex issuq il-vettura tagħha, fil-każ tal-persuni li rikbu f’vettura mingħajr assigurazzjoni u li kienu konxji minn dan il-fatt, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva jippermetti li jkun irrifjutat il-kumpens tagħhom.

    31.      Fir-rigward tad-differenza fit-trattament preżunta, intenni żewġ osservazzjonijiet. L-ewwel nett, kif innutat pereżempju anki mill-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tal-vettura assigurata u dik tal-vettura mhix assigurata ma humiex komparabbli. Għall-vettura mhix assigurata, id-Direttiva tipprevedi intervent obbligatorju mill-korpi stabbiliti mill-Istati Membri, bl-għan jkun garantit livell ta’ kopertura għall-vittmi: id-dispożizzjoni dwar il-vetturi mhux assigurati għalhekk ġustament tista’ tkun ikkunsidrata eċċezzjonali u għalhekk, tista’ tkun differenti mid-dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ vetturi assigurati regolarment.

    32.      It-tieni nett, b’mod ġenerali jidher pjuttost diskutibbli, mil-lat tal-interpretazzjoni, li nissuġġerixxu li tkun issuperata d-differenza fit-trattament billi jitnaqqas il-livell ta’ protezzjoni rikonoxxut fis-sitwazzjoni “privileġġata”, b’tali mod li jsir ekwivalenti għal-livell rikonoxxut fis-sitwazzjoni “żvantaġġata”. Ġeneralment jiġri l-kuntrarju u l-interpretu, sa fejn possibbli, ikollu t-tendenza li jirrikonoxxi anki fis-sitwazzjoni inqas protetta trattament simili għal dak rikonoxxut fis-sitwazzjoni li fiha l-protezzjoni hija superjuri.

    33.      Konsegwentement, filwaqt li nikkunsidraw l-argument imressaq mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li d-dritt nazzjonali applikabbli għall-fatti tal-kawża jipprovdi li, f’każijiet bħal dawn, l-assigurazzjoni ma hijiex obbligata tagħti kumpens lill-vittmi, il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja juru b’mod dirett u ċar li d-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu dispożizzjoni nazzjonali simili.

    34.      Min-naħa l-oħra, kif antiċipajt iktar ’il fuq, dawn il-proċeduri ma għandhomx jiġu mmodifikati lanqas fil-każ li fih għandu jintgħażel l-argument irrifjutat mill-qorti nazzjonali, iżda li tressaq mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni stess, li qed jargumentaw li hawnhekk ma għandnix quddiemna rifjut ta’ kumpens, iżda biss id-differenza bejn il-kumpens u r-rimbors fil-konfront ta’ persuna assigurata “negliġenti”.

    35.      Għandna niftakru li skont il-ġurisprudenza, anki jekk id-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali jippermetti li d-dritt nazzjonali jawtorizza lill-kumpanniji tal-assigurazzjoni li f’xi każijiet jitolbu rimbors mill-persuna assigurata (22), id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri ma jistgħux jippreġudikaw l-effett utli tad-Direttiva (23), li hija mibnija abbażi tal-prinċipju fundamentali li l-kumpanniji tal-assigurazzjoni dejjem għandhom jagħtu kumpens lill-vittmi li ma humiex is-sewwieq (24).

    36.      Minħabba li d-Direttiva ma tarmonizzax il-liġijiet nazzjonali fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, huwa ċar li jistgħu jkunu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi ta’ fatt ta’ inċidenti individwali biex pereżempju jkun determinat l-ammont tal-kumpens. Fi kwalunkwe każ, it-tnaqqis eventwali tal-kumpens, minbarra li huwa eventwalità eċċezzjonali, għandu jkun valutat każ b’każ u ma għandux ikun determinat skont kriterji ġenerali u astratti. (25). F’każijiet estremi, kif innutat il-Kummissjoni waqt is-seduta, jista’ jkun hemm tnaqqis tal-kumpens ekwivalenti għall-ammont kollu tiegħu stess, u għalhekk il-ħlas ikun ekwivalenti għal żero. Dan madankollu għandu jseħħ abbażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u ċertament is-sempliċi fatt li l-permess lill-persuna mhix assigurata biex issuq vettura mhux biżżejjed biex il-kumpens jitnaqqas għal żero. Għandna niftakru wkoll li skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-responsabbiltà konġunta tal-passiġġier fit-twettiq tad-dannu, ma jistax jippermetti tnaqqis eċċessiv tal-kumpens (26).

    37.      Fi kliem ieħor, it-tagħlim tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward iwassal biex ikun affermat li l-Artikolu 12(1) flimkien mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103/KE, jimplikaw li fil-każ meta l-vittma u l-persuna assigurata negliġenti tkun l-istess persuna, l-ewwel kwalità – dik ta’ vittma – għandu jkollha preċedenza fuq it-tieni. Il-vittmi ta’ inċident għandhom jingħataw kumpens, ħlief jekk l-inċident jaqa’ fl-ambitu ta’ waħda mill-ipoteżi li tipprovdi d-Direttiva u li għalihom espliċitament tippermetti l-possibbiltà li jkun irrifjutat il-ħlas.

    38.      Ma nistgħux niċħdu li din l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, sa fejn hija l-unika kompatibbli mad-dispozizzjonijiet u l-ġurisprudenza, twassal għal xi inkoerenza. B’mod partikolari rridu nammettu li, għalkemm assigurazzjoni ma tistax tfittex lill-persuna assigurata negliġenti għal rimbors tas-somom li tkun ħallsitha bħala vittma, għall-kuntrarju r-rimbors ikun possibbli għal eventwali somom imħallsa lil vittmi oħra tal-istess inċident. Madankollu, sitwazzjoni simili ma jidhirlix li hija inkompatibbli mal-ispirtu tad-Direttiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-volontà li tipproteġi lill-vittmi.

    C –    Fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili

    39.      Barra minn hekk, nistgħu nosservaw ukoll li s-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jopponux is-soluzzjoni li qed nissuġġerixxi (27); huma jirrikonoxxu l-kompatibbiltà mad-Direttiva dwar il-leġiżlazzjoni Portugiża fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi. Is-sistema Portugiża tar-responsabbiltà ċivili f’xi każijiet tippermetti li jkun eskluż kwalunkwe kumpens għall-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku: dan jista’ jseħħ b’mod partikolari fil-każ meta jkun eskluż kwalunkwe tort tas-sewwieqa tal-vetturi.

    40.      Kif innutat l-istess Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi inkwistjoni (28), f’dawn kienet diskussa l-eżistenza stess ta’ responsabbiltà ċivili għall-inċidenti inkwistjoni. Għalhekk il-problema terġa’ taqa’ f’ambitu li sa issa, fil-prinċipju, tħalla fis-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri. Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, kif diġà osservajt tlaqna mill-prerekwiżit li teżisti responsabbiltà ċivili, u d-domandi preliminari jirrigwardaw biss l-intervent tal-assigurazzjoni: għalhekk ma aħniex fl-ambitu ta’ kwistjoni ta’ responsabbiltà ċivili, iżda fl-ambitu – irregolat mid-Direttiva – tar-regolamentazzjoni tar-rwol tal-kumpanniji tal-assigurazzjoni.

    41.      Barra minn hekk, xieraq nosservaw li, fis-sentenzi li għadna kemm semmejna, l-esklużjoni tar-responsabbiltà ċivili kienet ir-riżultat tal-evalwazzjoni li saret każ b’każ mill-qrati nazzjonali. Għall-kuntrarju, fil-kwistjonijiet li minnhom toriġina l-kawża inkwistjoni, id-dritt nazzjonali ppermetta lill-kumpanniji tal-assigurazzjoni li jirrifjutaw il-ħlas, b’mod ġenerali, fil-każijiet kollha fejn kien awtorizzat sewqan lill-persuna mhix awtorizzata mill-polza tal-assigurazzjoni. Tip simili ta’ esklużjoni ġeneralizzata tidher għalhekk anki kuntrarja, kif diġà rajna, għall-obbligu ta’ evalwazzjoni każ b’każ affermat mill-ġurisprudenza (29).

    D –    Fuq l-“awtorizzazzjoni” msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva

    42.      Qabel ma nikkonkludi l-analiżi tal-ewwel domanda preliminari, l-aħħar aspett li għandu jkun ittrattat malajr jikkonċerna l-argument imressaq proprju mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni u mill-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, dwar l-“awtorizzazzjoni” li jagħmel riferiment għaliha l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva u li skonthom, din l-awtorizzazzjoni ma tirreferix għall-awtorizzazzjoni tal-assigurazzjoni imma għall-awtorizzazzjoni tal-persuna assigurata. Konsegwentement, il-klawżoli tal-kuntratti tal-assigurazzjoni li ma għandhomx it-tifsira tal-Artikolu 13, għandhom ikunu dawk li jeskludu l-kopertura fil-każ ta’ sewqan minn persuna mhix awtorizzata mill-proprjetarju tal-vettura. Għall-kuntrarju, għandhom jibqgħu applikabbli l-klawżoli li jeskludu l-kopertura fil-każ ta’ sewqan minn persuna mhix awtorizzata mill-assigurazzjoni, bħal fil-kawża inkwistjoni.

    43.      Fl-opinjoni tiegħi, din l-interpretazzjoni mhix aċċettabbli.

    44.      L-ewwel nett, kif diġà ġie ġustament osservat, is-sewqan mingħajr awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tal-vettura normalment jikkostitwixxi serq u fir-rigward ta’ serq id-Direttiva tipprovdi dispożizzjonijiet speċifiċi inklużi fl-istess Artikolu 13. B’mod partikolari, fil-każ ta’ vetturi misruqa, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li sabiex il-vittmi jiġu kkumpensati, minflok il-kumpanniji tal-assigurazzjoni, ikun hemm il-korp nazzjonali previst fl-Artikolu 10 u stabbilit biex jikkumpensa għad-danni mġarrba minn vetturi mhux magħrufa jew li ma humiex assigurati. Il-preżenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-serq tagħti x’tifhem li jekk il-leġiżlatur li fformula l-Artikolu 13(1)(a) ħaseb dwar dan il-fatt, kieku kien jindikah b’mod ħafna iktar ċar.

    45.      Fl-opinjoni tiegħi, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva, fid-dawl tal-objettiv tal-protezzjoni tal-vittmi, id-dispożizzjoni li timponi l-inapplikabbiltà tal-klawżoli kuntrattwali li jeskludu l-kopertura tal-assigurazzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ “awtorizzazzjoni” għandha tkun interpretata b’mod iktar wiesa’, bħala li qed tirreferi għas-sitwazzjonijiet kollha meta persuna li tkun qed issuq vettura ma tkunx tista’ tagħmel dan minħabba li ma kinitx awtorizzta mill-kumpannija tal-assigurazzjoni jew mill-proprjetarju tal-vettura, jew mill-persuna assigurata. F’dawn il-każijiet kollha, il-kopertura tal-assigurazzjoni xorta waħda għandha tkun garantita sabiex ikunu protetti l-vittmi, u fil-prinċipju, l-assigurazzjoni ma tistax tevita l-obbligu li tħallas.

    46.      Din l-interpretazzjoni ma kinitx ikkontestata mill-preċiżazzjoni li l-awtorizzazzjoni msemmija tista’ tkun “espliċità jew impliċità”. Għall-kuntrarju għal dak li qed isostni l-Gvern tar-Renju Unit, tista’ tkun impliċità wkoll awtorizzazzjoni mogħtija b’assigurazzjoni, u mhix biss dik mogħtija minn persuna assigurata. Għandna fil-fatt niftakru li, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, kif diġà rajna, l-assigurazzjoni sempliċement tkopri lill-vettura, mingħajr indikazzjoni tas-sewwieqa awtorizzati: f’dan il-każ, hemm awtorizzazzjoni “impliċità” tal-assigurazzjoni għas-sewwieqa potenzjali kollha tal-vettura.

    47.      Għandu jkun osservat ukoll li, kif innutat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, il-klawżoli tal-Artikolu 13(1)(a) sa (c) tad-Direttiva jidhru li huma eżempji iktar milli klawżoli obbligatorji, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza li stabbilixxiet in-natura tad-dispożizzjonijiet ta’ eċċezzjoni, li għandhom ikunu interpretati b’mod ristrettiv, li jippermettu l-esklużjoni f’xi każijiet tal-ħlas min-naħa tal-assigurazzjoni (30). Minn din il-perspettiva, il-fatt li tip ta’ klawżola mhux indikat b’mod espliċitu fl-Artikolu 13, ma jfissirx li awtomatikament huwa kompatibbli mad-Direttiva.

    E –    Konklużjonijiet dwar l-ewwel domanda preliminari

    48.      Nikkonkludi għalhekk l-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari billi nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi billi tiddikjara li l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103/KE għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprojbixxu dispożizzjonijiet nazzjonali, li abbażi tagħhom, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, kumpannija tal-assigurazzjoni tista’ tirrifjuta ħlas ta’ kumpens lill-vittma jekk din tkun persuna assigurata li rikbet bħala passiġġier fil-vettura tagħha stess u li awtorizzat is-sewqan tal-vettura lil persuna mhix koperta mill-polza tal-assigurazzjoni.

    IV – Fuq it-tieni domanda preliminari

    49.      Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkjarifika jekk, għall-finijiet tar-risposta għad-domanda preċedenti, hijiex rilevanti s-sitwazzjoni psikoloġika tal-persuna assigurata li awtorizzat is-sewqan lil persuna li ma hijiex awtorizzata: b’mod partikolari jekk huwiex sinjifikattiv il-fatt li l-persuna assigurata setgħet ma kinitx konxja mill-fatt li l-persuna li hijiex awtorizzata sabiex issuq il-vettura tagħha ma kinitx assigurata.

    50.      Kif indikajt iktar ’il fuq, id-Direttiva kif interpretata mill-ġurisprudenza hija bbażata fuq l-idea li l-assigurazzjoni fil-prinċipju dejjem għandha tagħti kumpens lill-vittmi, ħlief jekk l-inċident li jkunu vittmi tiegħu jaqa’ fl-ambitu ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet indikati espliċitament fit-test tagħha. Fi kliem ieħor, is-sitwazzjoni psikoloġika tal-persuna assigurata hija irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens lill-vittmi f’kull każ anki meta l-persuna assigurata tkun “negliġenti”.

    51.      Dan naturalment bl-ebda mod ma jimpedixxi li, fil-limiti rikonoxxuti iktar ’il fuq, l-Istati Membri jikkunsidraw dan l-element fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili, pereżempju sabiex ikun determinat l-ammont li l-vittmi jistgħu jirċievu jew fil-każ ta’ ħsara li ssir lil terzi, sabiex jiġi determinat id-dritt għall-kumpens mill-assigurazzjoni.

    52.      Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi t-tieni domanda preliminari billi tiddikjara li r-risposta għall-ewwel domanda fis-sustanza ma tinbidilx minħabba ċ-ċirkustanza fejn il-persuna assigurata setgħet ma kinitx konxja mill-fatt li l-persuna li hi awtorizzat biex issuq il-vettura ma kinitx koperta b’assigurazzjoni.

    V –    Konklużjoni

    53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod li ġej għad-domandi magħmula mill-Court of Appeal:

    “L-Artikoli 12(1) u 13(1) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprojbixxu dispożizzjonijiet nazzjonali, li abbażi tagħhom, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, kumpannija tal-assigurazzjoni tista’ tirrifjuta ħlas ta’ kumpens lill-vittma jekk din tkun persuna assigurata li rikbet bħala passiġġier fil-vettura tagħha stess u li awtorizzat is-sewqan tal-vettura lil persuna li ma hiijiex koperta mill-polza tal-assigurazzjoni.

    Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari ma hiijiex rilevanti ċ-ċirkustanza fejn il-persuna assigurata setgħet ma kinitx konxja mill-fatt li l-persuna li hija awtorizzata sabiex issuq il-vettura ma kinitx koperta b’assigurazzjoni.”


    1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


    2 – ĠU L 263, p. 11.


    3 – Dawn huma (l-ewwel) id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l‑approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10); it-tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l‑approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3); it-tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249), u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Mejju 2000, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/239/KEE u 88/357/KEE (Ir-raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni għall-vetturi) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331).


    4 – Jikkorrispondi għall-premessa 2 tat-tieni Direttiva 84/5/KEE.


    5 – Il-parti riprodotta hija l-istess bħall-premessa 6 tat-tieni Direttiva 84/5/KEE.


    6 – Prattikament l-istess bħall-premessa 7 tat-tieni Direttiva 84/5/KEE.


    7  Jikkorrispondi għall-Artikolu 1(1) tat-tielet Direttiva 90/232/KEE.


    8  Jikkorrispondi għall-Artikolu 1(2)(a) tat-tielet Direttiva 90/232/KEE.


    9 – Jikkorrispondi fil-parti ċċitata għall-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 84/5/KEE.


    10 – Jikkorrispondi għall-Artikolu 1(4) sa (7) tat-tieni Direttiva 84/5/KEE.


    11 –      Fid-domanda preliminari hemm riferiment għall-“assigurazzjoni”. Jidher madankollu li qed jirreferi għar-rifjut.


    12 – Għal żewġ kawżi reċenti li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja traċċat id-distinzjoni mhux dejjem faċli bejn id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni u dawk nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili, ara s-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2011, Carvalho Ferreira Santos (C‑484/09; Ġabra p. I‑1821), u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio (C‑409/09, Ġabra p. I‑4955).


    13 – Inċidentalment nosserva li permezz ta’ din ir-rikostruzzjoni tal-kawża, il-kumpanniji tal-assigurazzjoni impliċitament ammettew li hawnhekk ma hija ppreżentata l-ebda problema ta’ responsabbiltà ċivili, iżda biss problema ta’ kopertura tal-assigurazzjoni. Fin-nuqqas tar-responsabbiltà ċivili, il-kumpanniji tal-assigurazzjoni setgħu sempliċement jirrifjutaw il-ħlas abbażi ta’ din iċ-ċirkustanza.


    14 – Sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Ruiz Bernáldez (C‑129/94, Ġabra p. I‑1829, punti 13 u 14); tal-14 ta’ Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira (C‑348/98, Ġabra p. I‑6711, punti 23 u 24), u tat-30 ta’ Ġunju 2005Candolin et (C‑537/03, Ġabra p. I‑5745, punt 17).


    15 – Ara anki f’dan ir-rigward, il-punti 42 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    16 – Ara s-sentenza Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 33.


    17 – Konklużjonijiet ippreżentati fl-10 ta’ Marzu 2005 fil-kawża Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 54.


    18 – Sentenza Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.


    19 – Sentenza Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 21.


    20 – Sentenza Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 31‑33.


    21 – L-Avukat Ġenerali Geelhoed, fil-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, b’mod ċar telaq minn dan il-prerekwiżit (ara il-punt 54 tal-konklużjonijiet).


    22 – Sentenza Ruiz Bernáldez, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 23.


    23 – Sentenza Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 28. Ara wkoll is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Farrell (C‑356/05, Ġabra p. I‑3067, punt 34) u Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 28.


    24 – Sentenza Ruiz Bernáldez, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 18.


    25 – Sentenzi Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 29 u 30, u Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 29.


    26 – Sentenza Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 29.


    27 – Qed nirreferi għas-sentenzi Carvalho Ferreira Santos u Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio., it-tnejn iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


    28 – Sentenzi Carvalho Ferreira Santos, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 39, u Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 34.


    29 – Ara iktar ’il-fuq, il-punt 36.


    30 – Sentenza Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 19.

    Top