EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0409

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 15 ta' Settembru 2011.
Hauptzollamt Hamburg-Hafen vs Afasia Knits Deutschland GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Politika kummerċjali komuni - Reġim preferenzjali għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) - Irregolaritajiet żvelati waqt investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi (OLAF) fl-Istat ACP ta’ esportazzjoni - Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni.
Kawża C-409/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:594

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fil-15 ta’ Settembru 2011 (1)

Kawża C‑409/10

Hauptzollamt Hamburg-Hafen

vs

Afasia Knits Deutschland GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“Politika kummerċjali komuni – Ftehim ta’ Sħubija ACP/UE ta’ Cotonou – Arranġamenti preferenzjali għal prodotti li joriġinaw minn Stati ACP – Esportazzjoni mill-Ġamajka lejn l-Unjoni Ewropea ta’ tessuti li joriġinaw miċ-Ċina – Oriġini mhux preferenzjali ta’ merkanzija – Verifika a posteriori ta’ ċertifikati ta’ moviment EUR.1 – Kooperazzjoni – Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Awtoritajiet Ġamajkani – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Oneru tal-prova – Aspettattivi leġittimi”






I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Protokoll I tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (iktar ’il quddiem, l-“Istati ACP”), minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim”) (2) dwar il-verifika tal-prova tal-oriġini ta’ merkanzija li toriġina minn Stat ACP u r-regoli dwar l-aspettattivi leġittimi li jinsabu fl-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi Doganali”) (3).

II – Il-kuntest ġuridiku

2.        Il-Ftehim jipprovdi li matul perijodu preparatorju, ċerti prodotti, li jinkludu tessuti, li joriġinaw mill-Istati ACP għandhom jiġu importati fil-Komunità mingħajr dazji doganali u piżijiet li għandhom effett ekwivalenti (4).

3.        Il-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett “prodotti oriġinanti” u l-metodi tal-kooperazzjoni amministrattiva. L-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll (5) jipprovdi li:

“1. Għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ koperazzjoni tal-kummerċ ta’ l-ANNESS V, il-prodotti li ġejjin għandhom ikunu meqjusa bħala oriġinanti fl-Istati ACP:

(a) il-prodotti akkwistati totalment fl-Istati ACP fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 3 ta’ dan il-Protokoll;

(b) il-prodotti akkwistati fl-Istati ACP li jkun fihom materjali li ma jkunux totalment akkwistati hemmhekk, basta li l-imsemmija materjali jkun għaddew minn xogħol u proċessar suffiċjenti fl-Istati ACP fil-qofol [fis-sens] tat-tifsira ta’ l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll.

[...]”

4.        L-Artikolu 14 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim (6) jipprovdi li:

“1. Prodotti oriġinanti fl-Istati ACP għandhom, ma’ l-importazzjoni fil-Komunità jibbenefikaw mill-Anness V mal-preżentazzjoni tagħhom ta’ jew:

(a) ċertifikat ta’ moviment EUR.1 [...]”

5.        L-Artikolu 15 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, bit-titolu “Proċedura għall-ħruġ taċ-ċertifikat tal-moviment EUR. 1” jipprovdi li:

“1. Ċertifikat ta’ moviment EUR.1 għandu jkun maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni ma’ l-applikazzjoni bil-miktub li tkun saret mill-esportatur jew, taħt ir-responsabbilta ta’ l-esportatur, mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

[...]

3. L-esportatur li japplika għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ moviment EUR. 1 għandu jkun ipprep[a]rat li fi kwalunkwe waqt jippreżenta, mat-talba ta’ l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni ta’ minn fejn iċ-ċertifikat tal-moviment EUR.1 ikun maħruġ, id-dokumenti xierqa kollha sabiex jagħti prova ta’ l-istatus ta’ l-oriġini tal-prodotti kkonċernati kif ukoll dwar it-twettieq tal-ħtiġiet l-oħrajn ta’ dan il-Protokoll.

[...]”

6.        L-Artikolu 28 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, bit-titolu “Il-preservazzjoni tal-prova ta’ l-oriġini u tad-dokumenti ta’ sostenn” jipprovdi li:

“1. L-esportatur li japplika għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ moviment ta’ l- EUR.1 għandu jżomm id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 15(3) għal mill-anqas tliet snin.”

7.        L-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim (7), bit-titolu “Il-verifika tal-prova ta’ l-oriġini” jipprovdi li:

“1. Il-verifika sussegwenti [a posteriori] tal-provi ta’ l-oriġini għandhom ikunu mwettqa b’għażla każwali jew kull meta l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-importazzjoni jkollu dubbji serji dwar l-awtentiċità ta’ tali dokumenti, l-istatus ta’ l-oriġini tal-prodotti ikkonċernati jew tat-twettieq tal-ħtiġiet l-oħrajn ta’ dan il-Protokoll.

2. Għall-iskopijiet ta’ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-importazzjoni għandhom jibgħatu lura iċ-ċertifikat ta’ moviment EUR.1, u tal-fattura, jekk din tkun ġiet ippreżentata, id-dikjarazzjoni tal-fattura, jew ta’ kopja ta’ dawn id-dokumenti, lejn l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni li jagħti, meta xieraq, ir-raġunijiet għall-inkjesta. Kwalunkwe dokumenti u informazzjoni hekk akkwistati li tissuġġerixxi li l-informazzjoni mogħtija dwar il-prova [ta’] l-oriġini ma tkunx korretta għandhom ikunu mgħoddija bħala appoġġ tat-talba għall-verifika.

3. Il-verifika għandha tkun imwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni. Għal dan l-iskop, huma għandhom id-dritt li jitolbu għal kwalunkwe evidenza u li jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet ta’ l-esportatur jew kwalunkwe verifika oħra li huma jqisu li tkun xierqa.

[...]

5. L-awtoritajiet doganali li jitolbu għall-verifika għandhom ikunu informati bir-riżultati ta’ din il-verifika malajr kemm jista’ jkun possibbli. Dawn ir-riżultati għandhom jindikaw kjarament jekk id-dokumenti humiex awtentiċi u jekk il-prodotti ikkonċernati jistgħux ikunu meqjusa bħala prodotti oriġinanti fl-Istati ACP jew f’wieħed mill-pajjiżi l-oħrajn referuti fl-Artikolu 6 u li jkunu jwettqu il-ħtiġiet l-oħrajn ta’ dan il-Protokoll.

[...]

7. Meta l-proċedura tal-verifika jew xi informazzjoni oħra disponibbli tidher li tindika li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll ikunu ġew miksura, l-Istat ACP bl-inizjattiva tiegħu stess, jew mat-talba tal-Komunità, għandu jwettaq inkjesti xierqa jew jirranġa għal tali inkjesti li jkunu mwettqa bl-urġenza meħtieġa sabiex jidentifika u jipprevjeni tali kontravenzjonijiet u għal dan l-iskop l-Istat ACP ikkonċernat jista’ jistieden il-parteċipazzjoni tal-Komunità f’dawn l-inkjesti”.

8.        L-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

“1. Fejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). Dak it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż skond l-Artikolu 219.

2. Ħlief fil-każijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l‑Artikolu 217(1), daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:

(a) [...]

(b) l-ammont ta’ dazju li ried jitħallas legalment ma ġiex imdaħħal fil-kontijiet minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet tad-dwana li ma satax raġjonevolment jiġi notat mill-persuna resposabbli għall-pagament, u li din ta’ l-aħħar min-naħa tagħha tkun aġixxiet in bona fede u tkun ħarset id-dispożizzjonijiet kollha preskritti fil-liġijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.

Fejn l-istatus preferenzjali ta’ l-oġġetti huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ koperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawn l-awtoritajiet, jekk jiġi pruvat li hu inkorrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma satax raġjonevolment ikun notat fit-tifsira ta’ l-ewwel sotto-paragrafu.

Il-ħruġ ta’ ċertifikat żbaljat ma għandux, iżda, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat ikun bażat fuq tagħrif inkorrett tal-fatti provvdut mill-esportatur, minbarra fejn, partikolarment, jidher biċ-ċar illi l-awtoritajiet tal-ħruġ kienu konxji jew kellhom ikunu konxji li l-oġġetti ma ssodisfawx il-kondizzjonijiet preskritti għad-dritt ta' trattament preferenzjali.

Il-persuna responsabli għal dan tista’ ġġib il-bona fede tagħha bħala turija illi, matul il-perijodu taż-żmien ta’ l-operati msemmija tan-negozju tagħha, ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kondizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali.

Iżda, il-persuna responsabbli ma tistax iżda ġġib bi skuża l-bona fede tagħha jekk il-Kummissjoni Ewropea tkun ippublikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jgħid li hemm lok għal dubji rigward l-applikazzjoni kif għandha tkun ta’ arranġamenti preferenzjali mill-pajjiż benefiċjarju;

(ċ) id-dispożizzjonijiet adottati skond il-proċedura tal-kumitat jeżentaw lill-awtoritajiet doganali milli sussegwentement idaħħlu fil-kontijiet ammonti ta’ dazju li jkunu anqas minn ċerta figura”.

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.        Afasia Knits Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem, “Afasia”) tappartjeni lil grupp ta’ kumpanniji b’uffiċċju prinċipali f’Ħong Kong, li waqqaf impriżi fil-Ġamajka li jipproduċu tessuti minn materjali li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem, iċ-“Ċina”) u jesportawhom lejn l-Unjoni. Fis-sena 2002, Afasia xtrat diversi kunsinni ta’ tessuti minn waħda mill-impriżi tal-Ġamajka, senjatament ARH Enterprises Ltd (iktar ’il quddiem, “ARH”). Afasia introduċiet it-tessuti fis-suq liberu fl-Unjoni, fejn iddikjarat il-pajjiż tal-oriġini bħala l-Ġamajka u ppreżentat ċertifikati ta’ moviment EUR.1 “mingħajr” dazju taħt il-Ftehim.

10.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, iċ-ċertifikati kollha ta’ moviment li kienu nħarġu fil-perijodu bejn l-2002 u l-2004 ġew ikkontrollati waqt missjoni li saret fil-Ġamajka f’Marzu 2005 mill-Kummissjoni (l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi; iktar ’il quddiem, l-“OLAF”), wara suspett ta’ irregolaritajiet. Kien ikkonstatat li l-esportaturi Ġamajkani (inkluż ARH) kienu kisru d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim minħabba li l-prodotti esportati ma kinux ġew immanifatturati esklużivament minn suf Ċiniż, kif inhu meħtieġ taħt il-regoli fuq l-oriġini; il-parti l-kbira tal-merkanzija jew il-merkanzija kollha esportata lejn l-Unjoni kienet saret minn biċċiet lesti maħdumin bis-suf jew bil-ganċ fiċ-Ċina jew kienu esportazzjonijiet mill-ġdid ta’ tessuti lesti li joriġinaw miċ-Ċina. Peress li kienu saru kunsinni żgħar ta’ suf miċ-Ċina, jista’ jkun li ftit mill-merkanzija esportata lejn l-Unjoni setgħet ġiet immanifatturata minn dak is-suf, iżda l-esportaturi ma setgħux jagħtu prova tal-kwantità eżatta ta’ prodotti li saru b’dan il-mod. Skont il-Kummissjoni, fl-applikazzjonijiet tagħhom għal ċertifikati ta’ moviment EUR.1, l-esportaturi Ġamajkani kienu għamlu dikjarazzjonijiet foloz dwar l-oriġini tal-merkanzija esportata lejn l-Unjoni, li kien diffiċli li l-awtoritajiet Ġamajkani jindunaw bihom u dan minħabba l-mod professjonali li bih inħbiet l-oriġini tal-merkanzija. L-awtoritajiet doganali Ġamajkani kienu kkonkludew li ċ-ċertifikati ta’ moviment kienu awtentiċi iżda ma kinux korretti f’dak li jirrigwarda l-oriġini ddikjarata tal-merkanzija u għaldaqstant kienu invalidi. Madankollu, it-tim investigattiv seta’ jikkonferma li l-amministrazzjoni doganali kienet aġixxiet in bona fide u b’diliġenza.

11.      Il-konstatazzjonijiet tal-missjoni tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet li kienu bbażati fuqhom tniżżlu f’rapport datat 23 ta’ Marzu 2005, li kien ġie ffirmat mill-membri tal-missjoni u mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ Internazzjonali f’isem il-Gvern Ġamajkan.

12.      Il-Hauptzollamt Hamburg-Hafen ġabret id-dazju dovut fuq il-merkanzija importata.

13.      Wara li ppreżentat ilment li ma ġiex milqugħ mill-awtoritajiet doganali, Afasia bdiet proċeduri li wasslu biex il-Finanzgericht Hamburg annullat id-deċiżjoni sabiex jinġabar id-dazju u ddeċidiet li ċ-ċertifikati ta’ moviment ippreżentati għall-importazzjonijiet ma kinux ġew fil-fatt iddikjarati invalidi. Il-Finanzgericht Hamburg ħadet il-pożizzjoni li ċ-ċertifikati ta’ moviment dubjużi ma setgħux jitqiesu invalidi, peress li r-riżultati tal-verifika a posteriori tagħhom ma kinux ibbażati fuq talba għal verifika magħmula lill-amministrazzjoni doganali Ġamajkana u r-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħha, kif ipprovdut fl-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, iżda fuq l-investigazzjonijiet tal-missjoni tal-Unjoni (OLAF). Skont din il-qorti, ir-rapport tat-23 ta’ Marzu 2005 kien redatt fuq karti bit-timbru tal-Kummissjoni Ewropea u kellu t-titolu “Konklużjonijiet tal-missjoni ta’ verifika”; għaldaqstant, ma kienx jinkludi l-konklużjonijiet tal-Gvern Ġamajkan, anki jekk kien iffirmat ukoll minn Segretarju tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ Internazzjonali.

14.      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ttendi li tikkunsidra li l-eżami a posteriori taċ-ċertifikati ta’ moviment maħruġa mill-Ġamajka u r-riżultati tal-eżami huma konformi mal-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim. L-investigazzjonijiet sabiex jiġi stabbilit jekk ġewx osservati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 jistgħu jsiru mill-pajjiż tal-esportazzjoni kemm fuq inizjattiva tiegħu kif ukoll fuq talba tal-Unjoni (Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1). Tali talba tista’ ssir ukoll mill-Kummissjoni (OLAF). Il-missjoni tal-Unjoni fil-Ġamajka saret mill-OLAF wara stedina mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ Internazzjonali tal-Ġamajka fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva u investigattiva sabiex jiġu kkoordinati l-investigazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet mibdija f’disa’ Stati Membri. Il-fatt li l-investigazzjonijiet essenzjalment saru mill-Kummissjoni (OLAF) u li l-amministrazzjoni doganali Ġamajkana offriet sempliċement l-assistenza tagħha ma għandux jimmilita kontra dikjarazzjoni effettiva min-naħa tal-awtoritajiet Ġamajkani li ċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 huma invalidi.

15.      F’każ li ċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 jiġu ddikjarati invalidi minħabba l-verifika a posteriori skont il-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali jkunu sodisfatti u li, b’kuntrast ma’ dak li kkonstatat il-Finanzgericht Hamburg, huwa dubjuż kemm Afasia tista’ tibbaża ruħha fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. Il-Finanzgericht Hamburg ikkunsidrat li r-riżultati tal-verifika a posteriori ma humiex ibbażati fuq ċertifikati ta’ moviment reali, u għaldaqstant ma humiex ibbażati fuq dawk iċ-ċertifikati li nħarġu għall-importazzjonijiet ta’ Afasia, u dan peress li ċerta kwantità, għalkemm żgħira, ta’ suf Ċiniż kien ġie pproċessat fil-Ġamajka, u għaldaqstant huwa tal-inqas possibbli li l-merkanzija importata inkwistjoni ta’ Afasia kienet tissodisfa r-regoli dwar l-oriġini.

16.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-fehma tal-qorti inferjuri li Afasia setgħet dejjem tibbaża ruħha fuq l-aspettattivi leġittimi skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, minħabba li ma huwiex ċar mir-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-missjoni li ċ-ċertifikati ta’ moviment inkorretti kienu bbażati fuq informazzjoni falza mill-esportatur, hija bbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija dubjuża.

17.      Kien f’dan il-kuntest li, fid-29 ta’ Ġunju 2010, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Huwa kompatibbli mal-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinanti” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva [inklużi fl-Anness V] tal-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, li l-Kummissjoni Ewropea essenzjalment tinkariga ruħha, anki jekk bis-sostenn tal-awtoritajiet lokali, li twettaq il-kontroll [verifika] a posteriori tal-provi tal-oriġini li ngħataw fil-pajjiż ta’ esportazzjoni, u [jkun] jikkostitwixxi riżultat ta’ kontroll [verifika], fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk ir-riżultati ta’ kontroll tal-[verifika miksuba mill-] Kummissjoni hekk miksuba huma rreġistrati fi protokoll [rapport] iffirmat ukoll minn rappreżentant tal-gvern tal-pajjiż tal-esportazzjoni?

(2) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Fil-każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn iċ-ċertifikati preferenzjali maħruġa mill-pajjiż tal-esportazzjoni matul ċertu perijodu ġew annullati peress li l-oriġini tal-merkanzija ma setgħatx tiġi kkonfermata wara kontroll [verifika] a posteriori anki jekk madankollu ma jistax jiġi eskluż li ċerta merkanzija esportata tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-oriġini, il-persuna taxxabbli tista’, abbażi tat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal Komunità, tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni ta[l-aspettattivi leġittimi] billi ssostni li ċ-ċertifikati ta’ oriġini preferenzjali li ġew ippreżentati fil-każ tagħha setgħu kienu korretti u li għalhekk kienu bbażati fuq preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur?”

IV – Proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Afasia, mill-Gvern Taljan u Ċek u mill-Kummissjoni. Inżammet seduta fis-7 ta’ Lulju 2011 li fiha Afasia u l-Kummissjoni għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V –    Evalwazzjoni

A –    L-ewwel domanda

19.      L-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-grad ta’ involviment tal-Kummissjoni/l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) fil-verifika a posteriori tal-provi tal-oriġini tat-tessuti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dwar jekk ir-rapport jew minuti tal-missjoni tal-Kummissjoni (8) fil-Ġamajka datati 23 ta’ Marzu 2005 li kienu fuq karta bit-timbru tal-Kummissjoni Ewropea/l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) u ffirmati b’mod konġunt, fl-ewwel lok, mis-Segretarju Permanenti, Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ Internazzjonali f’isem il-Gvern tal-Ġamajka u fit-tieni lok, min-numru ta’ partijiet oħra għall-Kummissjoni Ewropea/l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) u l-Istati Membri (iktar ’il quddiem, il-“minuti”) kinux konformi mal-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim. Mid-digriet tar-rinviju u mill-fajl li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li qamu xi dubji dwar il-legalità tal-verifika a posteriori tal-provi tal-oriġini tal-kunsinni ta’ tessuti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-legalità tal-invalidazzjoni taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 li jirrigwardaw dawn it-tessuti.

20.      Skont il-Ftehim, it-tessuti li joriġinaw mill-Ġamajka jibbenefikaw minn trattament preferenzjali u għaldaqstant huma ħielsa minn dazji doganali fuq l-importazzjoni fl-Unjoni wara li jiġi ppreżentat, inter alia, ċertifikat ta’ moviment EUR.1 (9). Il-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti oriġinanti” u jistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn, inter alia, l-Unjoni u l-Istati Membri u l-Istati ACP. Din is-sistema hija bbażata kemm fuq tqassim tar-responsabbiltajiet kif ukoll fuq fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati u dawk tal-Istati ACP inkwistjoni (10).

21.      Skont l-Artikolu 15 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, huma l-awtoritajiet Ġamajkani li għandhom ir-responsabbiltà sabiex joħorġu ċertifikat ta’ moviment EUR.1 u sabiex jivverifikaw l-oriġini tat-tessuti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni għandhom jaċċettaw il-validità taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 li jiċċertifikaw l-oriġini Ġamajkana tat-tessuti (11). Barra minn hekk, huma l-awtoritajiet Ġamajkani li huma responsabbli taħt l-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, li jivverifikaw a posteriori jekk ġewx osservati r-regoli dwar l-oriġini. Il-konklużjonijiet li waslu għalihom l-awtoritajiet Ġamajkani waqt il-verifika a posteriori jorbtu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni (12). Għaldaqstant, huwa ċar li, skont il-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, huma l-awtoritajiet tal-Istat ACP tal-esportazzjoni li huma meqjusa li huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jivverifikaw direttament il-fatti li jiddeterminaw l-oriġini tal-merkanzija kkonċernata (13), iktar milli l-Kummissjoni jew l-Istati Membri tal-importazzjoni.

22.      Skont l-Artikolu 32(1) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, il-verifiki a posteriori tal-provi tal-oriġini għandhom jitwettqu b’għażla każwali jew kull meta l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-importazzjoni jkollhom dubji serji dwar, inter alia, l-istatus tal-oriġini tal-prodotti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 32(5) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, l-awtoritajiet doganali li jitolbu għall-verifika għandhom ikunu informati bir-riżultati ta’ din il-verifika malajr kemm jista’ jkun possibbli. Dawn ir-riżultati għandhom jindikaw biċ-ċar jekk id-dokumenti humiex awtentiċi u jekk il-prodotti ikkonċernati jistgħux jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw mill-Istati ACP.

23.      L-Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim jistabbilixxi proċedura addizzjonali sabiex jiġu identifikati kif ukoll evitati l-ksur ta’ dan il-protokoll. Skont l-Artikolu 32(7), jistgħu jsiru investigazzjonijiet abbażi ta’ kwalunkwe informazzjoni disponibbli li tkun tidher li tindika li qegħdin jinkisru d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim (14). Barra minn hekk, mill-Artikolu 32(7) jirriżulta b’mod ċar li l-Istat ACP huwa intitolat li jwettaq investigazzjonijiet jew jirranġa sabiex jitwettqu tali investigazzjonijiet sabiex jidentifika u jipprevjeni tali ksur. Barra minn hekk, skont din l-istess dispożizzjoni, l-Istat ACP jista’ jistieden lill-Unjoni sabiex tipparteċipa f’dawn l-investigazzjonijiet.

24.      L-Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim ma fih ebda dispożizzjoni dwar il-forma li fiha għandhom jiġu ppreżentati r-riżultati tal-investigazzjonijiet li jsiru abbażi tiegħu sabiex ikunu jorbtu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-importazzjoni. Għaldaqstant, jidhirli li ma tista’ tintalab ebda forma speċifika f’dawn iċ-ċirkustanzi sabiex l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-importazzjoni jkunu jistgħu jibdew proċeduri sabiex jiġu rkuprati d-dazji doganali (15). In-nuqqas ta’ rekwiżiti speċifiċi formali ma jfissirx, madankollu, li r-riżultati ma għandhomx ikunu konformi ma’ ċerti standards minimi sabiex jorbtu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-importazzjoni. Għaldaqstant, filwaqt li l-Artikolu 32(5) tal-Protokoll 1 ukoll ma jipprovdix il-mod speċifiku li bih l-awtoritajiet li jitolbu l-verifiki taħt din id-dispożizzjoni għandhom jiġu informati bir-riżultati ta’ dawn il-verifiki, dawn ir-riżultati għandhom jindikaw b’mod ċar, inter alia, jekk il-prodotti kkonċernati jistgħux jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw minn Stat ACP. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 32(7) għandu jinftiehem bħala li jimponi obbligu ta’ ċarezza simili u dan fl-interess taċ-ċertezza legali u l-kooperazzjoni reċiproka (16).

25.      Jidhirli li l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-importazzjoni jistgħu jeżiġu biss il-ħlas ta’ dazji wara l-investigazzjonijiet imwettqa minn terzi li ma humiex l-awtoritajiet tal-Istat ACP skont l-Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, fejn ir-riżultati tal-investigazzjonijiet jindikaw b’mod ċar li l-prodotti kkonċernati ma jistgħux jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw minn Stat ACP u fejn dan l-Istat jirrikonoxxi b’mod inekwivoku bil-miktub li huwa adotta dawn ir-riżultati bħala tiegħu. Fil-fehma tiegħi, ir-rikonoxximent bil-miktub jew l-aċċettazzjoni għandhom ikunu datati u ffirmati f’isem l-Istat ACP.

26.      Għal dak li jirrigwarda l-fatti tal-kawża prinċipali, jidhirli li skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, huwa irrilevanti l-fatt jekk il-Kummissjoni/OLAF assumietx ir-responsabbiltà essenzjalment li tagħmel/jagħmel il-verifiki a posteriori tal-provi tal-oriġini fil-Ġamajka, minkejja li bl-assistenza tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat, u dan sakemm il-Ġamajka irranġat hija stess sabiex il-Kummissjoni/OLAF tagħmel l-investigazzjonijiet u dan l-Istat adotta r-riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet bħala tiegħu.

27.      Skont il-minuti, l-OLAF wettaq missjoni Komunitarja ta’ kooperazzjoni amministrattiva u investigattiva fil-Ġamajka “wara l-istedina tal-Ministeru Ġamajkan tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ Internazzjonali”, “bit-tama li tivverifika l-esportazzjonijiet rilevanti mill-Ġamajka lejn il-Komunità”. Il-minuti jgħidu li l-“Ministeru Ġamajkan tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ Internazzjonali, id-Dipartiment tad-Dwana, il-Bord tal-Kummerċ u l-Korporazzjoni għall-Promozzjoni tal-Ġamajka (JAMPRO) ikkooperaw bis-sħiħ mal-proċess ta’ verifika skont il-Protokoll 1 tal-Ftehim ta’ Cotonou”. Barra minn hekk, kien hemm “[r]appreżentanti tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ Internazzjonali u tal-Awtoritajiet rilevanti taż-Żona Ħielsa li akkumpanjaw it-tim tal-Komunità fiż-żjarat fil-bini tal-kumpanniji”. Barra minn hekk, il-minuti jgħidu li l-konklużjonijiet li saru minn dawn il-verifiki għamluhom ir-rappreżentanti tal-Gvern tal-Ġamajka u tal-OLAF. Nenfasizza wkoll li b’żieda mar-rendikont tal-“verifiki konġunti” (17) u l-konklużjonijiet konġunti li saru minnu, fil-minuti jintqal li “d-Dipartiment tad-Dwana Ġamajkan jikkonkludi, għaldaqstant, li ċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 li nħarġu mill-1 ta’ Jannar 2002 sallum, fir-rigward tal-kunsinni li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, huma awtentiċi iżda xorta waħda inkorretti, fir-rigward tal-istatus tal-oriġini tal-merkanzija kkonċernata, u konsegwentement invalidi”.

28.      Salv għall-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta għaldaqstant mill-minuti li l-Ġamajka rranġat sabiex l-OLAF iwettaq l-investigazzjonijiet inkwistjoni u li l-awtoritajiet Ġamajkani pparteċipaw sa ċertu punt f’dawn l-investigazzjonijiet u finalment adottaw kompletament ir-riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet bħala tagħhom. Barra minn hekk, salv għall-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet doganali Ġamajkani jidhru li qalu b’mod inekwivoku li ċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 li nħarġu mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-23 ta’ Marzu 2005, fir-rigward tal-kunsinni ta’ tessuti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu invalidi.

29.      Il-minuti kienu ffirmati f’isem il-Gvern Ġamajkan mis-Segretarju Permanenti, Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ Internazzjonali. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-minuti huma ffirmati wkoll min-numru ta’ partijiet oħra f’isem il-Kummissjoni Ewropea/l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) u l-Istati Membri u qegħdin fuq karta bit-timbru tal-Kummissjoni Ewropea/l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) ma jneħħi xejn u lanqas jippreġudika b’xi mod l-awtorità tal-firma tal-minuti mis-Segretarju Permanenti, Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ Internazzjonali f’isem il-Gvern Ġamajkan.

30.      Ninnota li Afasia sostniet ukoll li s-Segretarju Permanenti, Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ Internazzjonali aġixxa ultra vires mill-poteri tiegħu taħt id-dritt Ġamajkan (18). Fid-digriet tar-rinviju ma hemm xejn li jindika li s-Segretarju Permanenti aġixxa barra mil-limiti tal-kompetenzi tiegħu u li ma kellux awtorità li jorbot lill-Ġamajka fir-rigward tal-kontenut tal-minuti. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim ma jagħmel ebda riferiment għal xi korp jew entità partikolari u jirreferi sempliċement għal Stat ACP, il-punt dwar liema korp jew entità tal-Istat jista’ jew tista’ torbot Stat ACP taħt dik id-dispożizzjoni huwa għaldaqstant kwistjoni li għandha tiġi solvuta skont id-dritt ta’ dak l-Istat u ma hijiex kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni (19). Meta l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru rkurpaw dazji abbażi ta’ dokument, li kien ġie ffirmat minn persuna li apparentement għandha s-setgħa li torbot lil Stat ACP u huma ma jkunux mgħarrfa, fil-mument tal-irkupru, li l-firmatarju aġixxa ultra vires, dan l-ikrupru huwa fil-fehma tiegħi validu skont id-dritt tal-Unjoni. Jidhirli li kwalunkwe rimedju possibbli għal dan l-allegat aġir ultra vires għandu jsir taħt id-dritt tal-Istat ACP inkwistjoni.

31.      Fil-fehma tiegħi, salv għall-verifika li għandha ssir mill-qorti nazzjonali, il-minuti huma espliċiti biżżejjed fil-kontenut tagħhom u fil-mod li bih ġew ippreżentati tant li ma jista’ jkun hemm ebda dubju leġittimu dwar il-pożizzjoni legali tal-Ġamajka u effettivament tal-awtoritajiet doganali Ġamajkani dwar l-invalidità taċ-ċertifikat ta’ moviment EUR.1 inkwistjoni u l-fatti u ċ-ċirkustanzi li wassluhom sabiex jadottaw dik il-pożizzjoni. Għaldaqstant, jidhirli li l-prinċipju taċ-ċertezza legali ġie osservat. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li Stat ACP jew l-awtoritajiet doganali tiegħu jkunu meħtieġa jinnotifikaw lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri direttament, permezz ta’ tip partikolari ta’ dokument, bir-riżultati tal-investigazzjonijiet immexxija taħt l-Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, juri formaliżmu eċċessiv u ksur tal-prinċipju tal-kooperazzjoni reċiproka. Dan l-approċċ eċċessivament riġidu, li ma ġiex stabbilit mill-Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, jirriskja li jippreġudika s-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn, inter alia, l-Unjoni u l-Istati Membri u l-Istati ACP stabbilita mill-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim.

32.      Għaldaqstant, jidhirli li skont l-Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim il-Kummissjoni tista’ tagħmel verifiki a posteriori tal-provi tal-oriġini fi Stat ACP tal-esportazzjoni, u dan sakemm l-Istat ACP irranġa għal jew stieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel dik il-verifika a posteriori f’ismu u dan l-Istat ACP ikun indika f’dokument bil-miktub, li jkun datat u ffirmat minn persuna li apparentement għandha s-setgħa li torbot lil dan l-Istat, li l-Istat ACP aċċetta u adotta r-riżultati ta’ dawn il-verifiki bħala tiegħu. Dawn ir-riżultati jistgħu jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru tal-importazzjoni.

B –    It-tieni domanda

33.      Il-Bundesfinanzhof għamlet ukoll it-tieni domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, f’każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv. Id-domanda tirriżulta mill-fatt li peress li kienu saru kunsinni żgħar ta’ suf miċ-Ċina, ftit mill-merkanzija esportata lejn l-Unjoni setgħet kienet immanifatturata minn dak is-suf u għaldaqstant tkun ta’ oriġini Ġamajkana u intitolata għal trattament preferenzjali. Madankollu, l-esportaturi ma setgħux jipprovaw il-kwantità eżatta tal-merkanzija mmanifatturata b’dak il-mod waqt il-verifiki a posteriori. It-tieni domanda tikkonċerna l-portata tal-aspettattivi leġittimi li minnhom jibbenefika l-importatur taħt l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali fin-nuqqas ta’ prova li tikkonċerna l-oriġini tal-merkanzija kollha inkwistjoni.

34.      Afasia tikkunsidra li fin-nuqqas ta’ prova bil-kontra, iċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 għandhom jitqiesu korretti u bbażati fuq rendikont korrett tal-fatti min-naħa tal-esportatur. L-importatur ma jistax jinżamm responsabbli għad-dazju skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali meta l-oriġini tal-merkanzija ma tkunx tista’ tiġi kkonfermata matul il-verifiki a posteriori u ma jkunx jista’ jiġi eskluż li ċerta merkanzija esportata ssodisfat ir-regoli dwar l-oriġini. Afasia tikkunsidra li l-Hauptzollamt Hamburg-Hafen trid turi li ARH għamlet dikjarazzjonijiet inkorretti fir-rigward ta’ kull kunsinna esportata. Afasia ssostni li ARH ma kinitx negliġenti u għaldaqstant l-awtoritajiet doganali ma setgħux jipproduċu l-prova inkwistjoni. Il-fabbriki ta’ ARH inqerdu f’uragan fl-2004. F’każ bħal dan ta’ force majeure, l-oneru tal-prova jibqa’ fuq l-awtoritajiet doganali.

35.      Il-Gvern Ċek jikkunsidra li f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, fejn iċ-ċertifikati preferenzjali maħruġin mill-Istat tal-esportazzjoni ġew annullati minħabba li ma setgħatx tiġi kkonfermata l-oriġini tal-merkanzija matul il-verifiki a posteriori, iżda ma jistax jiġi eskluż li ċerta merkanzija tikkonforma mar-regoli dwar l-oriġini, il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazju tista’ tinvoka l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali biss jekk il-qorti nazzjonali ssib li n-nuqqas sabiex tiġi identifikata l-oriġini tal-merkanzija ma huwiex konsegwenza ta’ ksur, min-naħa tal-esportatur, tal-obbligi tiegħu u l-awtoritajiet doganali ma ġabux provi oħra li juru preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur. L-obbligu tal-esportatur li jippreserva d-dokumenti li jikkonċernaw l-oriġini tal-merkanzija ma jinkisirx meta dawk id-dokumenti kienu nqerdu f’diżastru naturali.

36.      Il-Gvern Taljan jikkunsidra li meta l-investigazzjonijiet tal-OLAF ma jkunux jistgħu jikkonfermaw l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija, u anki jekk ma jkunx jista’ jiġi eskluż li ċerta merkanzija jista’ jkun li tikkonforma mar-regoli tal-oriġini, l-importatur ma jistax jinvoka l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi taħt it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali sabiex isostni li fil-każ tiegħu ċ-ċertifikati preferenzjali huma korretti.

37.      Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni domanda għandha ssir b’mod differenti. Id-domanda hija intiża sabiex jiġi stabbilit fuq min jaqa’ l-oneru tal-prova f’każ bħalma huwa dak tal-kawża prinċipali fejn iċ-ċertifikati ta’ moviment maħruġa matul ċertu perijodu ġew annullati wara li l-oriġini tal-merkanzija ma setgħetx tiġi kkonfermata waqt il-verifiki a posteriori iżda fejn ma jistax jiġi eskluż li ċerti prodotti esportati kienu jikkonformaw mar-regoli tal-oriġini u l-importatur isostni li ċ-ċertifikati tal-oriġini preferenzjali li kienu ġew ippreżentati fil-każ tiegħu setgħu kienu korretti peress li kienu bbażati fuq preżentazzjoni korretta tal-fatti min-naħa tal-esportatur.

38.      Il-Kummissjoni ssostni li f’każ bħal dak, huwa l-importatur, jew fil-fatt l-esportatur, li għandu jagħti prova tal-korrettezza taċ-ċertifikati, u mhux l-awtoritajiet doganali. L-oneru tal-prova għandu jiġi applikat fid-dawl tal-Artikolu 28 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim li jeżiġi mill-esportatur li jżomm għal tal-inqas tliet snin id-dokumenti li jkunu ta’ prova dwar l-oriġini tal-prodotti kkonċernati. Il-Kummissjoni ssostni li f’każ bħalma huwa dan, fejn l-importatur jappartjeni lill-istess grupp ta’ kumpanniji li għalih jappartjeni l-esportatur, in-nuqqas li jiġi osservat l-obbligu li jinżammu d-dokumenti u r-riskju li jintilfu dawn id-dokumenti jikkonċerna lill-grupp kollu kemm hu. Il-Kummissjoni ssostni li l-argument ta’ Afasia li hija ma tistax tipproduċi d-dokumenti minħabba l-uragan tal-Ġamajka fl-2004 ma huwiex kredibbli. Għaldaqstant, meta l-importatur isostni li ċ-ċertifikati tal-oriġini ppreżentati fil-każ tiegħu kienu x’aktarx korretti u bbażati fuq preżentazzjoni korretta tal-fatti min-naħa tal-esportatur, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-importatur sabiex jipproduċi provi li jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet li hemm fiċ-ċertifikati.

39.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-għan tal-verifika a posteriori huwa li jivverifika li d-dikjarazzjoni dwar l-oriġini indikata fiċ-ċertifikat ta’ moviment EUR.1 hijiex korretta (20). Meta l-verifika a posteriori ma tikkonfermax l-oriġini tal-merkanzija indikata fiċ-ċertifikat ta’ moviment EUR.1, hemm lok li jiġi konkluż li din il-merkanzija hija ta’ oriġini mhux magħrufa u li, għalhekk, iċ-ċertifikat u t-tariffa preferenzjali nħarġu indebitament (21). Għaldaqstant, id-dazji fuq l-importazzjoni huma dovuti fir-rigward ta’ din il-merkanzija li l-awtoritajiet doganali għandhom jirkupraw taħt l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali (22).

40.      Skont id-digriet tar-rinviju, kwantità żgħira ta’ tessuti fil-kawża prinċipali tista’, fil-fatt tikkonforma mar-regoli dwar l-oriġini. Madankollu, peress li dawn it-tessuti, li kienu mmanifatturati fil-Ġamajka, jidhru li tħalltu, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu magħżula minn tessuti ta’ oriġini mhux Ġamajkana, għandu jiġi konkluż, fil-fehma tiegħi, li ċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 li nħarġu fir-rigward tat-tessuti kollha inkwistjoni kienu kollha inkorretti (23). Fil-fehma tiegħi, l-argumenti ta’ Afasia li l-Hauptzollamt Hamburg-Hafen għandha tipprova li ARH għamlet dikjarazzjonijiet inkorretti fir-rigward ta’ kull kunsinna esportata għandhom jiġu miċħudin. L-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-esportatur li għandu juri, permezz tad-dokumenti meħtieġa kollha ta’ sostenn, liema mill-kunsinni ta’ tessuti huma ta’ oriġini Ġamajkana (24). Meta l-esportatur ma jkunx jista’ jissodisfa dan l-oneru, id-dazji fuq l-importazzjoni, fil-prinċipju, ikunu dovuti fir-rigward tal-kunsinni kollha ta’ tessuti inkwistjoni li għandhom jiġu rkuprati mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali.

41.      L-Artikolu 220(2) tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi numru ta’ eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-irkupru stabbilit fl-Artikolu 220(1). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-rimbors jew ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt ċerti kundizzjonijiet u f’ċerti każijiet speċifiċi, jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali ta’ importazzjonijiet u esportazzjonijiet u, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għal tali rimbors jew remissjoni għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Peress li l-“bona fide” hija kundizzjoni essenzjali sabiex ikun jista’ jiġi pretiż rimbors jew remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni, isegwi li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’tali mod li n-numru ta’ każijiet ta’ rimbors jew ta’ remissjoni jibqa’ limitat (25).

42.      Taħt l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħmlu daħliet sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjonijiet jekk ikunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ ġbir tad-dazji jrid ikun riżultat ta’ żball min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti nfushom; fit-tieni lok, l-iżball tagħhom irid ikun tali li ma setgħatx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas li tkun qiegħda taġixxi bil-bona fide; u fl-aħħar nett, li din il-persuna trid tkun ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali (26). L-aspettattivi leġittimi tal-kummerċjanti huma għaldaqstant protetti taħt ċerti kundizzjonijiet f’każ ta’ żbalji min-naħa tal-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-istatus preferenzjali tal-merkanzija.

43.      Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-ewwel kundizzjoni minn dawn u, għaldaqstant, dwar jekk l-awtoritajiet doganali humiex meqjusa li wettqu żball. Meta, wara verifika a posteriori, l-oriġini tal-merkanzija li tidher f’ċertifikat ta’ moviment EUR.1 ma tkunx tista’ tiġi kkonfermata, dan iċ-ċertifikat għandu jkun ikkunsidrat bħala “ċertifikat żbaljat” fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali (27) u l-awtoritajiet doganali huma meqjusa li wettqu żball.

44.      Madankollu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali ma jitqisux li wettqu żball meta joħorġu ċertifikati ta’ moviment EUR.1 abbażi ta’ informazzjoni żbaljata pprovduta mill-esportatur. F’dawk iċ-ċirkustanzi, id-dazji doganali jistgħu jiġu rkurprati. L-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-awtoritajiet doganali li jkunu jridu jirkupraw id-dazji fuq l-importazzjonijiet u għandhom jipproduċu prova li l-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 żbaljati kien dovut minħabba preżentazzjoni mhux eżatta tal-fatti mill-esportatur (28).

45.      L-Artikolu 28(1) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim jimponi obbligu fuq l-esportatur sabiex iżomm id-dokumenti li juru l-oriġini tal-merkanzija għal perijodu ta’ tliet snin.

46.      Meta l-esportatur jonqos milli jżomm fil-pussess tiegħu d-dokumenti xierqa li huma ta’ prova dwar l-oriġini tal-merkanzija inkwistjoni, minkejja li dan għandu obbligu legali li jagħmel dan, u għaldaqstant ikun impossibbli għall-awtoritajiet doganali li jipproduċu l-provi neċessarji li juru li ċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 kienu bbażati fuq preżentazzjoni eżatta jew mhux eżatta tal-fatti min-naħa tal-esportatur, hija l-persuna taxxabbli responsabbli mill-ħlas ta’ dan id-dazju li għandha l-oneru li turi li ċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1, maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istat ACP fir-rigward tal-oġġetti inkwistjoni, kienu bbażati fuq preżentazzjoni eżatta tal-fatti (29).

47.      Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li meta esportatur jonqos milli jżomm id-dokumenti li juru l-oriġini tal-merkanzija, il-persuna taxxabbli, f’dan il-każ Afasia, ma tistax tibbenefika mill-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi kif ipprovdut fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali billi ssostni sempliċement li ftit mill-merkanzija tista’ possibbilment tissodisfa r-regoli dwar l-oriġini u tibbenefika minn trattament preferenzjali. Afasia għandha tipproduċi provi li juru dan il-fatt.

48.      Fis-sentenza Huygen et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-obbligu sabiex jinżammu d-dokumenti li juru l-oriġini tal-merkanzija jaqa’ fuq l-esportatur biss (30). Meta ċ-ċertifikat ta’ moviment EUR.1 ma jkunx jista’ jiġi vverifikat a posteriori minħabba raġunijiet ta’ force majeure u għaldaqstant minħabba ċirkustanzi mhux normali jew prevedibbli li ma humiex fil-kontroll tal-esportatur ikkonċernat, minkejja li dan jeżerċita d-diliġenza meħtieġa, id-dazji fuq l-importazzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati (31).

49.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li Afasia sostniet li d-dokumenti rilevanti fil-Ġamajka kienu ntilfu minħabba uragan u li din id-dikjarazzjoni ma kinitx ikkontestata. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-veraċità ta’ din l-allegazzjoni, jekk iċ-ċirkustanzi li fihom id-dokumenti kienu ntilfu jikkostitwixxux force majeure skont il-kriterji iktar ’il fuq u n-nuqqas ta’ kwalunkwe possibbiltà raġonevoli għall-esportatur li jerġa’ jibni l-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni permezz ta’ kopji jew provi oħra.

50.      F’dan ir-rigward ninnota li, skont il-minuti u salv għall-verifika li għandha ssir mill-qorti nazzjonali, ARH ma ġabitx il-provvisti tagħha (32) miċ-Ċina ħlief b’mod eċċezzjonali. Il-merkanzija miċ-Ċina kienet ifatturata minn kumpanniji bbażati f’Ħong Kong li jappartjenu lill-grupp ta’ kumpanniji ta’ Afasia. Fid-dawl tar-rabtiet kummerċjali u rabtiet legali oħrajn apparentement mill-qrib (33) bejn il-kumpanniji tal-grupp Afasia, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk ARH u fil-fatt Afasia jistgħux jipproduċu provi minn kumpanniji oħrajn tal-istess grupp, bħal, pereżempju, dokumenti tal-kontabbiltà li kienu suġġetti għall-verifika, li jistgħu jgħinu sabiex tiġi stabbilita l-oriġini tat-tessuti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

51.      Għaldaqstant, jidhirli li meta esportatur jonqos milli jżomm fil-pussess tiegħu d-dokumenti meħtieġa li jkunu ta’ prova dwar l-oriġini tal-merkanzija, minkejja li għandu obbligu legali li jagħmel dan, u għaldaqstant ikun impossibbli għall-awtoritajiet doganali li jipproduċi l-provi neċessarji li juru li ċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 kienu bbażati fuq preżentazzjoni eżatta jew mhux eżatta tal-fatti min-naħa tal-esportatur skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, il-persuna li tkun responsabbli għall-ħlas tad-dazju ma tkunx tista’ tibbenefika mill-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi kif ipprovdut fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali billi ssostni sempliċement li ftit mill-merkanzija tista’ possibbilment tissodisfa r-regoli dwar l-oriġini. Sakemm ma jkunx hemm force majeure, din il-persuna għandha tipproduċi provi li juru li l-merkanzija inkwistjoni tikkonforma mar-regoli dwar l-oriġini.

VI – Konklużjoni

52.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id‑domandi magħmula mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) kif ġej:

1.      Skont l-Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (l-“Istati ACP”), minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħmel verifiki a posteriori tal-provi tal-oriġini fi Stat ACP tal-esportazzjoni, u dan sakemm l-Istat ACP irranġa għal jew stieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel din il-verifika a posteriori f’ismu u dan l-Istat ACP ikun indika b’mod ċar f’dokument bil-miktub, li jkun datat u ffirmat minn persuna li apparentement għandha s-setgħa li torbot lil dan l-Istat, li l-Istat ACP aċċetta u adotta r-riżultati ta’ dawn il-verifiki bħala tiegħu. Dawk ir-riżultati jistgħu jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru tal-importazzjoni.

2.      Meta esportatur jonqos milli jżomm fil-pussess tiegħu d-dokumenti meħtieġa li jkunu ta’ prova dwar l-oriġini tal-oġġetti, minkejja li għandu obbligu legali li jagħmel dan, u għaldaqstant ikun impossibbli għall-awtoritajiet doganali li jipproduċi l-provi neċessarji skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (il-“Kodiċi Doganali”) li juru li ċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 fir-rigward ta’ dik il-merkanzija kienu bbażati fuq preżentazzjoni eżatta jew mhux eżatta tal-fatti min-naħa tal-esportatur, il-persuna li tkun responsabbli għall-ħlas tad-dazju ma tkunx tista’ tibbenefika mill-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi kif ipprovdut fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali billi ssostni sempliċement li ftit mill-oġġetti jistgħu possibbilment jissodisfaw il-regoli dwar l-oriġini. Sakemm ma jkunx hemm force majeure, dik il-persuna għandha tipproduċi provi li juru li l-merkanzija inkwistjoni tikkonforma mar-regoli dwar l-oriġini.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 35, p. 3. Il-Ftehim kien ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/159/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2002; huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 4, p. 307, kif emendat l-aħħar fiż-żmien rilevanti permezz tar-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 10, p. 239).


4 – Ara f’dan is-sens l-Artikolu 1 tal-Anness V tal-Ftehim.


5 – Li jinsab fit-Titolu II tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, bit-titolu “Definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘prodotti oriġinanti’”.


6 – Li jinsab fit-Titolu IV tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, bit-titolu “Prova ta’ l-oriġini”.


7 – Li jinsab fit-Titolu V tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim.


8 – Ninnota li dawn il-missjonijiet ma humiex rari. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et (C‑153/94 u C‑204/94, Ġabra I‑2465, punt 16); tas-17 ta’ Lulju 1997, Pascoal & Filhos (C‑97/95, Ġabra I‑4209, punt 15 et seq.); u tal-1 ta’ Lujlu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑442/08, Ġabra p. I‑6457, punt 30).


9 – Ara l-Artikolu 14 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim.


10 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 70, u s-sentenza Sfakianakis (C‑23/04 sa C‑25/04, Ġabra p. I‑1265, punt 21).


11 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 73, u s-sentenza Sfakianakis, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 37.


12 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 73.


13 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 71.


14 – Għaldaqstant, l-investigazzjonijiet ma humiex neċessarjament ibbażati fuq verifiki a posteriori b’għażla każwali jew verifiki a posteriori ordnati mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni.


15 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Pascoal & Filhos, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 4. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li komunikazzjoni, indirizzata lill-awtoritajiet tal-Istat ta’ importazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni wara t-tmiem ta’ verifika a posteriori ta’ ċertifikat ta’ movement EUR.1, fejn dawn l-aħħar awtoritajiet ikkonfermaw sempliċement li ċ-ċertifikat inkwistjoni kien użat b’mod ħażin u għandu, għaldaqstant, jiġi kkanċellat, mingħajr ma tat fid-dettall ir-raġunijiet li jiġġustifikaw tali kanċellament, għandha titqies fl-ewwel lok bħala r-riżultat tal-verifika taħt il-leġiżlazzjoni rilevanti f’dan il-każ u li l-awtoritajiet tal-Istat tal-importazzjoni għandhom dritt jibdew proċeduri għall-irkupru tad-dazji doganali mhux miġbura abbażi ta’ din il-komunikazzjoni waħidha, mingħajr ma jipprovaw jistabbilixxu l-oriġini vera tal-merkanzija importata.


16 – Ara wkoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 78. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, wara li l-awtoritajiet Ungeriżi għamlu l-verifika a posteriori mitluba minn ċerti Stati Membri u mill-Kummissjoni, l-istess awtoritajiet Ungeriżi indikaw b’mod ċar, fl-ittra tagħhom tas-26 ta’ Mejju 1998, li l-vetturi importati fil-Ġermanja u li jidhru fid-dokumenti u fajls rilevanti ma kinux konformi mar-regoli dwar l-oriġini u għaldaqstant taw lill-awtoritajiet tal-Istat ta’ importazzjoni informazzjoni biżżejjed biex huma jikkunsidraw li ċ-ċertifikati inkwistjoni kienu ġew revokati (enfasi miżjud).


17 – Terminoloġija użata fil-minuti.


18 – Afasia ssostni li huwa biss il-Ministru għall-Industrija, Investiment u Kummerċ u Trade Board Limited li jistgħu jadottaw tali deċiżjoni.


19 – Ninnota li l-Artikolu 32(3) tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim, pereżempju, jirreferi speċifikament għall-“awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni”. Huwa ċar li dan ir-riferiment huwa nieqsa mill-Artikolu 32(7) li jirreferi għall-“Istat ACP” u, fil-fehma tiegħi, għandu jitqies li ġie redatt b’dan il-mod biex jirrifletti l-intenzjoni tal-kontraenti tal-Ftehim.


20 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services (C‑293/04, Ġabra p. I‑2263, punt 32).


21 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1993, Huygen et (C‑12/92, Ġabra p. I‑6381, punti 17 u 18) u s-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 34.


22 – Fis-sentenza tagħha Huygen et iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-prinċipju, jekk ir-riżultat tal-verifika a posteriori ikun negattiv, il-konsegwenza normali ta’ dan hija li l-Istat tal-importazzjoni jitlob il-ħlas tad-dazji doganali li ma jkunux tħallsu fiż-żmien tal-importazzjoni; ara l-punt 19.


23 – Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 36 sa 44. Skont dawk il-konklużjonijiet, meta fil-verifiki a posteriori ma jkunx jista’ jiġi stabbilit b’mod inekwivoku jekk iċ-ċertifikati ta’ movement EUR.1 humiex korretti jew inkorretti, il-merkanzija inkwistjoni titqies ta’ oriġini mhux magħrufa u jingħad li hemm ċertifikat inkorrett fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. Fil-fatt, bit-taħlit u għaldaqstant bil-fatt li t-tessuti ta’ oriġini Ġamajkana ma setgħux jintgħażlu mit-tessuti ta’ oriġini Ċiniża, l-esportaturi “ħassru” t-tessuti inkwistjoni b’mod li fil-prinċipju u fin-nuqqas ta’ prova dwar l-oriġini Ġamajkana ta’ kunsinni speċifiċi ta’ tessuti, it-tessuti kollha ma jibbenefikawx mit-trattament preferenzjali.


24 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Faroe Seafood et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 63 u 64, li fejn il-gambli li joriġinaw mill-Gżejjer Faeroe ġew ipproċessati f’fabbrika fil-Gżejjer Faeroe li tipproċessa wkoll gambli li joriġinaw minn pajjiżi terzi, huwa l-esportatur li għandu jipproduċi l-prova, permezz tad-dokumenti meħtieġa kollha ta’ sostenn, li l-gambli li joriġinaw mill-Gżejjer Faeroe kienu separati fiżikament minn dawk ta’ oriġini oħra. Fin-nuqqas ta’ din il-prova, il-gambli ma jistgħux jibqgħu jitqiesu bħala li joriġinaw mill-Gżejjer Faeroe, u ċ-ċertifikat ta’ moviment EUR.1 u t-tariffa preferenzjali għandhom jitqiesu li ngħataw b’mod żbaljat.


25 – Ara d-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2009, Agrar-Invest-Tatschl vs Il‑Kummissjoni (C‑552/08 P, Ġabra p. I‑9265, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il‑Kummissjoni (C‑499/03 P, Ġabra p. I‑1751, punt 46).


27 – Sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 35.


28 – Sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 39.


29 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 40 sa 46.


30 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 34.


31 – Ibidem, punt 31.


32 – “Jiġifieri, it-tessuti, tikketti u/jew aċċessorji simili għall-manifatturar/tlestija ta’ oġġetti ta’ tagħmir [ħwejjeġ], il-makkinarju inkluż partijiet tal-bdil […]”


33 –      Mill-minuti jirriżulta li l-kumpanniji kollha tal-grupp Afasia jappartjenu lill-istess żewġ individwi.

Top