This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CC0364
Opinion of Mr Advocate General Bot delivered on 6 March 2012. # Hungary v Slovak Republic. # Failure of a Member State to fulfil obligations - Article 259 TFEU - Citizenship of the European Union - Article 21 TFEU - Directive 2004/38/EC - Right to move within the territory of the Member States - President of Hungary - Prohibition on entering the territory of the Slovak Republic - Diplomatic relations between Member States. # Case C-364/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 6 ta' Marzu 2012.
L-Ungerija vs ir-Repubblika tas-Slovakkja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 259 TFUE - Ċittadinanza tal-Unjoni - Artikolu 21 TFUE -Direttiva 2004/38/KE - Dritt ta’ moviment fuq it-territorju tal-Istati Membri - President tal-Ungerija - Projbizzjoni ta’ dħul fit-territoju tar-Repubblika Slovakka - Relazzjonijiet diplomatiċi bejn Stati Membri.
Kawża C-364/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 6 ta' Marzu 2012.
L-Ungerija vs ir-Repubblika tas-Slovakkja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 259 TFUE - Ċittadinanza tal-Unjoni - Artikolu 21 TFUE -Direttiva 2004/38/KE - Dritt ta’ moviment fuq it-territorju tal-Istati Membri - President tal-Ungerija - Projbizzjoni ta’ dħul fit-territoju tar-Repubblika Slovakka - Relazzjonijiet diplomatiċi bejn Stati Membri.
Kawża C-364/10.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:124
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fis-6 ta’ Marzu 2012 ( 1 )
Kawża C-364/10
L-Ungerija
vs
Ir-Repubblika Slovakka
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 259 TFUE — Artikolu 21(1) TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju tal-Istati Membri — Projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tar-Repubblika Slovakka fil-konfront tal-President tal-Ungerija — Applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal Kapijiet ta’ Stat — Applikazzjoni abbużiva tad-dritt tal-Unjoni”
I – Il-kuntest fattwali u ġuridiku tar-rikors
1. |
Dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġie ppreżentat mill-Ungerija fit-8 ta’ Lulju 2010 abbażi tal-Artikolu 259 TFUE. Dan l-Istat Membru jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li:
|
2. |
Il-fatti li taw lok għall-kontroversja bejn l-Ungerija u r-Repubblika Slovakka jistgħu jiġu mqassra b’dan il-mod. |
3. |
Fuq stedina ta’ assoċjazzjoni bbażata fis-Slovakkja, il-President tal-Ungerija, L. Sólyom, kien bi ħsiebu li jmur fil-belt ta’ Komárno (is-Slovakkja) fil-21 ta’ Awwissu 2009 sabiex jieħu sehem fiċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni ta’ statwa ta’ San Stiefnu. |
4. |
Biex wieħed jifhem iċ-ċirkustanzi ta’ din iż-żjara, għandu jiġi mfakkar, b’mod partikolari, li, minn naħa, l-20 ta’ Awwissu hija ġurnata ta’ btala nazzjonali fl-Ungerija, b’kommemorazzjoni ta’ San Stiefnu, il-fundatur u l-ewwel re tal-Istat Ungeriż. Min-naħa l-oħra, il-21 ta’ Awwissu hija data sensittiva fis-Slovakkja peress li fil-21 ta’ Awwissu 1968 seħħet l-invażjoni taċ-Ċekoslovakkja mit-truppi tal-Patt ta’ Varsavja, li minnu kienu jiffurmaw parti t-truppi Ungeriżi. |
5. |
Wara diversi skambji diplomatiċi bejn l-ambaxxati ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri fir-rigward taż-żjara ppjanata tal-President Sólyom, l-iktar tliet rappreżentanti għolja tar-Repubblika Slovakka, jiġifieri, il-President tar-Repubblika Ivan Gašparovič, il-Prim Ministru Robert Fico u l-President tal-Parlament Pavol Paška, adottaw dikjarazzjoni komuni li permezz tagħha huma indikaw li ż-żjara tal-President Sólyom ma kinitx meqjusa opportuna, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li dan ma wera l-ebda xewqa li jiltaqa’ ma’ personalitajiet Slovakki, u li d-data tal-21 ta’ Awwissu kienet partikolarment sensittiva. |
6. |
Wara kuntatti diplomatiċi oħra, il-President Sólyom wera x-xewqa tiegħu li jżomm iż-żjara tiegħu. |
7. |
B’nota verbali tal-21 ta’ Awwissu 2009, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Slovakk għarraf lill-Ambaxxatur tal-Ungerija fi Bratislava (is-Slovakkja) li l-awtoritajiet Slovakki kienu ddeċidew li jirrifjutaw l-aċċess tal-President Sólyom fit-territorju Slovakk dik il-ġurnata stess minħabba raġunijet marbuta ma’ riskji għas-sigurtà, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll abbażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt intern dwar ir-residenza ta’ barranin u l-pulizija nazzjonali. |
8. |
Peress li l-President Sólyom ġie mgħarraf bil-kontenut ta’ din in-nota meta kien fi triqtu lejn is-Slovakkja, huwa kkonferma r-riċezzjoni tagħha fil-fruntiera u rrinunzja li jidħol fit-territorju Slovakk. |
9. |
B’nota tal-24 ta’ Awwissu 2009, l-awtoritajiet Ungeriżi kkontestaw, b’mod partikolari, li d-Direttiva 2004/38 tista’ tikkostitwixxi bażi ġuridika valida li tippermetti l-ġustifikazzjoni taċ-ċaħda tar-Repubblika Slovakka milli tħalli lill-President Sólyom jidħol fit-territorju tagħha. Huma kkonstataw ukoll li d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul ma kinitx biżżejjed motivata. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-Repubblika Slovakka adottat din il-miżura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
10. |
Waqt laqgħa li nżammet fl-10 ta’ Settembru 2009 f’Szécsény (l-Ungerija), il-Prim Ministru Ungeriż u dak Slovakk adottaw dikjarazzjoni komuni li fiha huma żammew il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom dwar l-aspetti legali tad-deċiżjoni kontroversjali, filwaqt li esprimew id-dispjaċir tagħhom għall-ispostament tal-President Sólyom. F’din l-istess okkazjoni, ġie adottat “memorandum” sabiex, għall-futur, jiġu ċċarati ċerti modalitajiet prattiċi għal żjarat uffiċjali u mhux uffiċjali fiż-żewġ Stati. |
11. |
B’nota tas-17 ta’ Settembru 2009, l-awtoritajiet Slovakki rrispondew għan-nota tal-24 ta’ Awwissu 2009 fejn indikaw li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-inċident, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 kienet l-“aħħar possibbiltà” biex il-President Sólyom jiġi miżmum milli jidħol fit-territorju tar-Repubblika Slovakka u li l-aġir tagħhom bl-ebda mod ma kien jikser id-dritt tal-Unjoni. |
12. |
Sadanittant, fit-3 ta’ Settembru 2009, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż indirizza ittra lil J. Barrot, viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, fejn talab l-opinjoni tal-Kummissjoni fuq il-possibbiltà ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tar-Repubblika Slovakka. |
13. |
Fl-ittra ta’ risposta tiegħu tal-10 ta’ Settembru 2009, J. Barrot irrikonoxxa li, skont id-Direttiva 2004/38, kwalunkwe restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu kellha tkun suġġetta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, li skont l-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva kellha tkun ibbażata fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat, u li kellha tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva, filwaqt li jiġu spjegati b’mod preċiż u komplet ir-raġunijiet. Huwa kkunsidra wkoll li, huma l-qrati nazzjonali li għandhom, fl-ewwel lok, jiżguraw l-osservanza tal-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 2004/38. Huwa enfasizza l-ħtieġa li jsir kull sforz possibbli biex tiġi evitata r-ripetizzjoni ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn u ddikjara ruħu kunfidenti li djalogu bilaterali kostruttiv bejn iż-żewġ Stati Membri seta’ jwassal għar-riżoluzzjoni tat-tilwima. |
14. |
Fit-12 ta’ Ottubru 2009, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż, f’isem l-Ungerija, ressaq ilment lill-President tal-Kummissjoni u talab li din teżamina l-possibbiltà li tibda proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, kontra r-Repubblika Slovakka, għall-ksur tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38. |
15. |
B’ittra tal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni kkonfermat li ċ-“ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ moviment u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38”. Madankollu, hija rrilevat li “abbażi tad-dritt internazzjonali, l-Istati Membri jirriżervaw id-dritt li jikkontrollaw id-dħul ta’ Kap ta’ Stat barrani fit-territorju tagħhom, kemm jekk dan il-Kap ta’ Stat ikun ċittadin tal-Unjoni u kemm jekk le”. Fil-fehma tagħha, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom ikomplu jorganizzaw iż-żjarat uffiċjali permezz ta’ mezzi politiċi bilaterali, b’tali mod li dan is-suġġett jaqa’ barra mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-Kummissjoni, Kap ta’ Stat jista’, ċertament, jiddeċiedi li jżur Stat Membru ieħor bħala persuna privata abbażi tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38, iżda mid-dokumenti annessi mal-ilment tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż jirriżulta li l-Ungerija u r-Repubblika Slovakka ma jaqblux fuq in-natura privata jew uffiċjali taż-żjara kkontemplata. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonkludi li kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tar-Repubblika Slovakka skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu ta’ ċittadini tal-Unjoni, anki jekk ir-Repubblika Slovakka kienet għamlet żball meta invokat, fin-nota verbali tagħha tal-21 ta’ Awwissu 2009, id-Direttiva 2004/38 u l-atti adottati għall-implementazzjoni tagħha fid-dritt intern. |
16. |
Fis-16 ta’ Diċembru 2009, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Slovakk, ikkummenta dwar it-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni billi rrileva li “[m]ill-perspettiva tar-[Repubblika Slovakka], din tfisser li aħna għandna raġun, li, meta nagħmlu xi ħaġa, aħna naġixxu bil-ħsieb u ma’ nilmentawx mad-dinja kollha li xi ħadd kiser ir-regoli Ewropej, mingħajr ma nkunu nafu fuq xiex qed nitkellmu”. Huwa enfasizza li “ikun sewwa li l-Ungerija […] tikkunsidra dan il-każ magħluq, bħalma nagħmlu aħna u l-Kummissjoni”. Sussegwentement, huwa żied li Bratislava kienet tikkunsidra li l-ittra tal-Kummissjoni kienet tikkonferma li l-pożizzjoni tagħha kienet korretta. |
17. |
Fil-15 ta’ Marzu 2010, il-Prim Ministru Slovakk R. Fico, b’reazzjoni għall-opinjoni espressa mill-President Sólyom dwar it-tagħlim tal-lingwi fl-iskola primarja, għamel dikjarazzjoni pubblika li fiha huwa semma li “f’dawn iċ-ċirkustanzi, għalina, il-projbizzjoni tad-dħul fit-territorju ta’ L. Sólyom fil-21 ta’ Awwissu 2009 kienet tikkostitwixxi att mill-iktar ġustifikat. F’għajnejna, dan japplika iktar u iktar illum milli f’dak iż-żmien”. |
18. |
Fit-30 ta’ Marzu 2010, l-Ungerija adiet lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 259 TFUE. Fit-30 ta’ April 2010, ir-Repubblika Slovakka kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha. Finalment, fit-12 ta’ Mejju 2010 l-osservazzjonijiet orali taż-żewġ Stati Membri nstemgħu fi smigħ organizzat mill-Kummissjoni. |
19. |
Fl-opinjoni motivata tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) TFUE u tad-Direttiva 2004/38 ma japplikawx għal żjarat magħmula minn Kap ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma huwiex fondat. |
20. |
Fit-8 ta’ Lulju 2010, l-Ungerija ppreżentat dan ir-rikors. Ir-Repubblika Slovakka titlob li r-rikors jiġi miċħud u li r-Repubblika tal-Unġerija tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
21. |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Slovakka. |
22. |
L-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka kif ukoll il-Kummissjoni nstemgħu mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fl-1 ta’ Frar 2012. |
II – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
23. |
Mill-bidu, ir-Repubblika Slovakka tirrileva li hija tiddubita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi din il-kawża, minħabba l-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjoni bħal dik preżenti. |
24. |
L-Ungerija, sostnuta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, tikkunsidra li, għall-kuntrarju, peress li skont l-Artikolu 344 TFUE l-Istati Membri ntrabtu li ma jissuġġettawx diverġenza dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti minn dawn tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti biex tiddeċiedi kontroversja bejn żewġ Stati Membri li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, Stat Membru li jikkunsidra li Stat Membru ieħor kiser id-dritt tal-Unjoni jista’, jew jitlob lill-Kummissjoni li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, jew jadixxi direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja b’tali rikors abbażi tal-Artikolu 259 TFUE. |
25. |
Fir-rigward tal-mertu, l-Ungerija tressaq erba’ lmenti kontra r-Repubblika Slovakka. |
26. |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, l-Ungerija ssostni li r-Repubblika Slovakka kisret l-Artikolu 21(1) TFUE u d-Direttiva 2004/38 meta pprojbiet lill-President Sólyom milli jidħol fit-territorju tagħha. |
27. |
Sabiex tiġi stabbilita l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għall-kawża preżenti, l-Ungerija ssostni, b’mod partikolari, li d-Direttiva 2004/38 tapplika għal kull ċittadin tal-Unjoni, inklużi wkoll il-Kapijiet ta’ Stat, u għal kull tip ta’ żjarat, jiġifieri kemm dawk uffiċjali kif ukoll dawk privati. |
28. |
Hija żżid li, kieku l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea riedu jissuġġettaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu għar-regoli tad-dritt internazzjonali, huma kienu jipprovdu għal dan, hekk kif għamlu, pereżempju, fl-Artikolu 3(2)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul ( 3 ). Barra minn hekk, tali regoli tad-dritt internazzjoni li jirregolaw id-dħul ta’ Kap ta’ Stat fit-territorju ta’ Stat ieħor ma jeżistux. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jirrispetta d-dritt internazzjonali ( 4 ), li kieku tali regoli kienu jeżistu, id-Direttiva 2004/38 kienet teħodhom inkunsiderazzjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jissuponi li dawn ir-regoli jeżistu, l-Ungerija tikkunsidra li l-applikazzjoni tagħhom ma tistax tikkomprometti l-effettività ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħalma hija d-Direttiva 2004/38, bl-introduzzjoni ta’ deroga fil-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva tagħha ( 5 ). |
29. |
L-Ungerija tirrileva li l-kapijiet tal-Istati Membri huma wkoll ċittadini tal-Unjoni matul il-mandat tagħhom, b’tali mod li hija tikkunsidra li s-sempliċi fatt li d-dritt internazzjonali jagħti privileġġi u immunitajiet lil persuni li għandhom il-kariga ta’ Kap ta’ Stat sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ din il-kariga, ma jimplika la l-wafqa u lanqas is-sospensjoni tad-drittijiet u l-obbligi marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni skont it-Trattat FUE. Għall-kuntrarju, l-Ungerija tikkunsidra li dawn il-privileġġi u dawn l-immunitajiet jikkostitwixxu drittijiet addizzjonali favur Kapijiet ta’ Stat, li, minflok jillimitawhom, jiżdiedu mad-drittijiet u l-obbligi marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni. |
30. |
L-Ungerija tikkunsidra wkoll li l-portata tad-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni ta’ moviment liberu ġewwa l-Unjoni, ma għandhiex tkun suġġetta għal interpretazzjoni restrittiva, b’tali mod li dan id-dritt jista’ jkun suġġett biss għal-limitazzjonijiet eċċezzjonalment previsti mid-Direttiva 2004/38. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet tkun possibbli biss meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali previsti minn din id-direttiva. |
31. |
Issa, fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi, l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jippermetti l-possibbiltà tal-Istati Membri li jadottaw miżuri restrittivi ta’ ordni pubbliku jew ta’ siġurtà pubblika jekk dawn ikunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu applikati biss jekk l-aġir tal-persuna kkonċernata jkun jirrappreżenta theddida reali, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet proċedurali, l-Artikolu 30 tal-istess direttiva jipprovdi għall-garanziji li minnhom igawdi kull ċittadin tal-Unjoni li d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu jiġi limitat, relatati, b’mod partikolari, mal-komunikazzjoni tar-raġunijiet ta’ kwalunkwe miżura restrittiva u mar-rimedji li huwa għandu. |
32. |
Skont l-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka ma rrispettat la l-kundizzjonijiet sostantivi u lanqas il-kundizzjonijiet proċedurali previsti mid-Direttiva 2004/38 sabiex tipprojbixxi d-dħul ta’ L. Sólyom fit-territorju Slovakk. Fil-fatt, minn naħa, L. Sólyom ma kien jirrappreżenta l-ebda theddida għall-ebda interess fundamentali tas-soċjetà u, fi kwalunkwe każ, projbizzjoni ta’ dħul kienet miżura sproporzjonata. Min-naħa l-oħra, ma ġiet indirizzata l-ebda komunikazzjoni lill-L. Sólyom biex tinformah bir-raġunijiet tad-deċiżjoni inkwistjoni u bir-rimedji li huwa kellu. |
33. |
Bħall-Kummissjoni, ir-Repubblika Slovakka tippreċiża mill-bidu li ż-żjara ppjanata minn L. Sólyom kienet żjara pubblika u mhux żjara privata u li, għalhekk, il-kwistjoni essenzjali tal-kawża hija dik dwar jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38 japplikawx għall-Kapijiet ta’ Stat tal-Istati Membri. |
34. |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li, fid-dawl tar-rwol tal-Kapijiet ta’ Stat, il-moviment tagħhom ġewwa l-Unjoni jaqa’ taħt il-qasam tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Istati Membri, hekk kif irregolati mid-dritt internazzjonali konswetudinarju u mill-konvenzjonijiet ( 6 ). Fil-fatt, il-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi li jirriżulta mill-Artikoli 4(1) TUE u 5 TUE jeskludi r-relazzjonijiet diplomatiċi bilaterali bejn l-Istati Membri mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa kkonfermat, l-ewwel nett, mis-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju ( 7 ), li tipprovdi li l-Istati Membri jibqgħu jżommu l-possibbiltà li jirregolaw ir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħhom anki wara l-adeżjoni mal-Unjoni. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tat-trattati ma tagħti espressament lill-Unjoni l-kompetenza biex tirregola r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, peress li Kap ta’ Stat huwa d-detentur tas-sovranità tal-Istat immexxi minnu, dan jista’ jmur fi Stat sovran ieħor biss bl-għarfien u bil-kunsens ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Slovakka tfakkar li l-Artikolu 4(2) TUE jipprovdi li l-“Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom” u li l-prinċipju ta’ moviment liberu ma jista’ bl-ebda mod jagħti lok għal tibdil tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE jew tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju. |
35. |
Fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-Ungerija dwar l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-każ, ir-Repubblika Slovakka tirrispondi, l-ewwel nett, li l-fatt li d-Direttiva 2004/38 ma tipprovdi l-ebda deroga dwar il-moviment tal-Kapijiet ta’ Stat ma jfissirx li din tapplika għal dawn tal-aħħar, peress li l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-Kapijiet ta’ Stat ġiet eskluża mit-Trattati nnifishom. It-tieni nett, ir-Repubblika Slovakka, bl-istess mod bħall-Kummissjoni, tikkuntesta l-paragun bejn id-Direttiva 2004/38 u d-Direttiva 2003/109, peress li dawn iż-żewġ testi għandhom għanijiet differenti. It-tielet nett, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Poulsen u Diva Navigation kif ukoll Racke, ma joħolqu l-ebda obbligu fuq il-leġiżlatur tal-Unjoni li jindika, għal kull att ta’ dritt sekondarju, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali u suġġettiv tat-trattati fil-kuntest tad-dritt internazzjonali. Finalment, ir-raba’ nett, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq RTE u ITP vs Il-Kummissjoni kif ukoll Bogiatzi huma rilevanti biss meta ma tkunx ikkontestata l-kompetenza tal-Unjoni, li ma huwiex preċiżament il-każ hawnhekk. |
36. |
Madankollu, jekk wieħed jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, il-Kap ta’ Stat Membru għandu jibbenefika, fi Stat Membru ieħor, minn privileġġi abbażi tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, fl-istess ħin, jibqa’ protett mill-immunitajiet previsti mid-dritt internazzjonali kontra l-applikabbiltà tad-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda minn dak l-Istat abbażi tad-dritt tal-Unjoni. Dan għandu l-konsegwenza li Stat Membru ma jkunx jista’ la jċaħħad lil tali persuna milli tidħol fit-territorju tiegħu u lanqas, fid-dawl tal-immunitajiet tagħha, tkeċċiha sussegwentement. |
37. |
Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jissupponi li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli fil-każ preżenti, ir-Repubblika Slovakka tinnega li applikat dan id-dritt u, b’mod partikolari, id-Direttiva 2004/38. F’dan ir-rigward hija tikkunsidra li n-nota verbali tal-21 ta’ Awwissu 2009, li kien fiha riferiment għad-Direttiva 2004/38, kienet taqa’ fil-kuntest tal-iskambji diplomatiċi dwar l-organizzazzjoni taż-żjara ppjanata ta’ L. Sólyom u għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi “deċiżjoni” fis-sens ta’ din id-direttiva. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li din in-nota ġiet abbozzata mhux minn aġent tal-pulizija tas-servizzi ta’ kontroll tal-fruntieri, iżda mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, jiġifieri organu manifestament inkompetenti biex jadotta tali deċiżjoni b’applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u tar-regoli nazzjonali rilevanti. Barra minn hekk, minflok ġiet indirizzata lil L. Sólyom, l-imsemmija nota ġiet ikkomunikata lill-Ungerija permezz ta’ mezzi diplomatiċi. |
38. |
Ir-Repubblika Slovakka ssostni wkoll li l-formolazzjoni xejn feliċi u r-riferiment, ġuridikament nieqes minn rilevanza, tad-Direttiva 2004/38 fin-nota verbali tal-21 ta’ Awwissu 2009 ma jiddeterminawx l-applikazzjoni materjali ta’ din id-direttiva għall-kawża preżenti. Skont dan l-Istat Membru, ir-riferiment misjub f’din in-nota għall-imsemmija direttiva, li kien intiż li jissinjala lill-awtoritajiet Ungeriżi l-eżistenza ta’ theddida potenzjali għas-sigurtà pubblika, ma kienx opportun. |
39. |
Permezz tat-tieni lment tagħha, l-Ungerija ssostni li jeżisti riskju li r-Repubblika Slovakka tirrepeti, fil-futur, il-ksur tal-Artikoli 3 TUE u 21 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2004/38. Tali riskju huwa kkonfermat, b’mod partikolari, minn diversi dikjarazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet Slovakki — inklużi fosthom, b’mod partikolari, dawk tas-16 ta’ Diċembru 2009 tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Slovakk u tal-15 ta’ Marzu 2010 tal-Prim Ministru Slovakk — li jipprovdu li l-aġir tagħhom fir-rigward tal-President tal-Ungerija ma kienx jikser id-dritt tal-Unjoni. |
40. |
Peress li r-Repubblika Slovakka tikkuntesta kwalunkwe ksur tad-dritt tal-Unjoni essenzjalment minħabba l-inapplikabbiltà tiegħu għall-każ preżenti, din tikkunsidra li, bħala konsegwenza loġika, ma jeżisti l-ebda riskju ta’ ripetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tieni lment jistrieħ biss fuq imġiba eventwali u futura tal-awtoritajiet Slovakki. Barra minn hekk, il-provi invokati mill-Ungerija insostenn ta’ dan l-ilment huma dikjarazzjonijiet mogħtija wara n-nota tal-21 ta’ Awwissu 2009, li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom fil-proċeduri preżenti jikser id-dritt ta’ difiża tar-Repubblika Slovakka. Finalment, filwaqt li tirreferi għal titjib sostanzjali fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ Stati Membri fil-perjodu ta’ wara l-fatti kkontestati, din tal-aħħar twarrab il-possibbiltà ta’ ripetizzjoni fil-futur ta’ kwalunkwe disgwid simili. |
41. |
Permess tat-tielet ilment tagħha, l-Ungerija ssostni mhux biss li l-prattika segwita mill-awtoritajiet Slovakki kisret id-Direttiva 2004/38, iżda l-fatt stess li n-nota verbali tal-21 ta’ Awwissu 2009 tistrieħ fuq din id-Direttiva, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt, hekk kif definit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000 Emsland-Stärke ( 8 )). Fil-verità, dawn l-awtoritajiet ipprevalixxu ruħhom mill-imsemmija direttiva biex isegwu għanijiet politiċi. |
42. |
Issa, skont l-Ungerija, l-użu tad-dritt tal-Unjoni biex tiġi espressa ostilità fuq livell politiku permezz ta’ miżuri li jillimitaw il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini, imur kontra l-iktar valuri fundamentali tal-Unjoni. Bl-istess mod, ma għandux ikun possibbli li l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika, imsemmija fid-Direttiva 2004/38, jitqajmu sabiex jiġu segwiti għanijiet politiċi. L-Ungerija żżid li, kieku tali agir kien ikkunsidrat kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, xejn ma jkun iżomm lil Stati Membri oħra li, fil-futur, isolvu d-diverġenzi bilaterali tagħhom billi jirreferu għad-dritt tal-Unjoni, li huwa ċertament kuntrarju għall-għanijiet ta’ dan id-dritt. |
43. |
Ir-Repubblika Slovakka tirrispondi li ma seħħet l-ebda applikazzjoni abbużiva tad-dritt tal-Unjoni, peress li dan id-dritt ma japplikax għall-każ preżenti. |
44. |
Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (b’mod partikolari, is-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq), il-konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ dritt teżiġi l-eżistenza ta’ żewġ elementi, jiġifieri element oġġettiv, li jinvolvi l-użu tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal skopijiet li ma humiex dawk intiżi minnha, u element suġġettiv, li jinvolvi l-volontà li jittieħed vantaġġ li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni permezz ta’ ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ksib tiegħu. Ir-Repubblika Slovakka tikkontesta l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ elementi fil-każ preżenti, peress li d-dritt tal-Unjoni ma japplikax, u hija ma kienet bi ħsiebha tikseb l-ebda vantaġġ. |
45. |
Permezz tar-raba’ u l-aħħar ilment tagħha, l-Ungerija ssostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li, fil-każ preżenti, japplikaw ir-regoli tad-dritt internazzjonali u mhux id-dritt tal-Unjoni, hija għandha tindika l-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva ta’ dawn ir-regoli, sabiex tiċċara l-limiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38, fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippreċiża jekk dawn il-limiti jirrigwardawx biss il-Kapijiet ta’ Stat, jew jekk jirrigwardawx ukoll kategoriji oħra ta’ ċittadini tal-Unjoni. |
46. |
Ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li l-kwistjoni dwar liema persuni, minbarra l-Kapijiet ta’ Stat, jaqgħu barra mill-applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38, ma għandha l-ebda rilevanza għad-deċiżjoni tal-kontroversja. |
III – L-evalwazzjoni tiegħi
47. |
L-ewwel nett nippreċiża li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija perfettament kompetenti biex tiddeċiedi r-rikors preżenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li l-kontroversja bejn l-Ungerija u r-Repubblika Slovakka hija tabilħaqq ibbażata fuq allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-kuntest tar-rikors preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna li tiddetermina l-portata tar-regoli dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u, b’mod partikolari, li tiddeċiedi jekk Kap ta’ Stat Membru jistax jitqies bħala ċittadin tal-Unjoni meta jagħmel żjarat pubbliċi fit-territorju ta’ Stati Membri oħra. Ikun konformi mal-Artikolu 344 TFUE li kontroversja dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jittrattaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ waħda mill-proċeduri previsti f’dan it-Trattat, f’dan il-każ l-Artikolu 259 TFUE. |
48. |
Fir-rigward tal-mertu, nirrileva qabel xejn li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi oġġettivi marbuta maż-żjara ppjanata minn L. Sólyom, hekk kif dawn jirriżultaw mill-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, din l-istedina għandha titqies ta’ natura pubblika. Fil-fatt, huwa paċifiku li L. Sólyom kien biħsiebu jmur fil-belt ta’ Komárno sabiex jipparteċipa fl-inawgurazzjoni ta’ monument li jikkostitwixxi simbolu marbut mal-istorja tal-Istat Ungeriż u li, f’din l-okkażjoni, huwa kellu jagħmel diskors. Għalhekk, dan il-każ ma jittrattax żjara limitata għal interessi purament privati, u lanqas żjara inkonjita, għaliex l-awtoritajiet Slovakki ġew avżati diversi drabi b’din iż-żjara permezz ta’ mezzi diplomatiċi. |
49. |
Minn dan jirriżulta li kien tabilħaqq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ President tal-Ungerija, u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni li L. Sólyom xtaq iżur il-belt ta’ Komárno. |
50. |
Għalkemm il-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni bejn l-Istati Membri huwa rregolat mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 21 TFUE u mid-Direttiva 2004/38, dan ma japplikax fir-rigward taż-żjarat magħmula minn Kapijiet ta’ Stat fl-Istati Membri. |
51. |
Hekk kif jipprovdi l-Artikolu 5(2) TUE, “[s]kond il-prinċipju ta’ l-għoti tal-kompetenzi, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati. Il-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri” ( 9 ). Peress li t-trattati huma siekta dwar il-kwistjoni tal-aċċess ta’ Kapijiet ta’ Stat fit-territorju ta’ Stati Membri, minn dan jiena nikkonkludi li din hija kompetenza riżervata lill-Istati Membri. |
52. |
Barra minn hekk nirrileva li fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1961, li din “hija ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri u minn Stati terzi fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tar-relazzjonijiet diplomatiċi [ ( 10 )]” ( 11 ) u li din “tirrigwarda, bħala regola, ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati [traduzzjoni mhux uffiċjali]” ( 12 ). Minn dan jirriżulta li l-qasam tar-relazzjonijiet diplomatiċi jibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, fl-osservanza tad-dritt internazzjonali. Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika għall-movimenti tal-Kapijiet ta’ Stat tal-Istati Membri, inkluż ukoll id-dħul tagħhom fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti. |
53. |
Jiena ma naqbilx mal-idea sostnuta mill-Ungerija li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnu għandhom jaffettwaw l-istatus li minnu jibbenefikaw il-Kapijiet ta’ Stat tal-Istati Membri, b’tali mod li dawn iridu, f’kull okkażjoni, jibbenefikaw minn libertà ta’ moviment ġewwa l-Unjoni. Tali interpretazzjoni estensiva tal-implikazzjonijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni twassal għall-estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni b’mod inkompatibbli mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi. |
54. |
Barra minn hekk, din hija viżjoni li tinjora l-pożizzjoni speċifika tal-Kapijiet ta’ Stat. Il-qofol tagħha huwa essenzjalment il-kwalità tagħhom ta’ organu suprem tal-Istat, li jirrappreżentah, jippersonifikah u jorbtu fuq livell internazzjonali ( 13 ). Din il-pożizzjoni speċifika timplika, b’mod figurattiv, li meta Kap ta’ Stat jiċċaqlaq fil-kuntest ta’ żjara pubblika, huwa qatt ma’ jista’ jagħmel dan b’mod verament personali, peress li hija qabel xejn il-kollettività rrappreżentata minnu li tiġi milqugħa mill-Istat li jirċevih. |
55. |
Għalkemm, fil-preżent, ma teżisti l-ebda konvenzjoni internazzjonali li għandha l-għan li tiddefinixxi b’mod ġenerali l-istatus ta’ Kapijiet ta’ Stat fid-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, il-kwistjoni tad-dħul tagħhom fit-territorju tal-Istati, xorta waħda jibqa’ l-fatt inkontestabbli li, skont id-dritt internazzjonali, il-Kapijiet ta’ Stat igawdu minn pożizzjoni li ma hija komparabbli ma’ xejn iktar, u ċertament mhux ma’ dik ta’ ċittadin li jixtieq iżur Stat ieħor b’mod purament personali. |
56. |
It-trattament speċifiku li d-dritt internazzjonali jirriżerva għall-kapijiet ta’ Stat jirriżulta, fil-biċċa l-kbira, mill-konswetudni internazzjonali kif ukoll, b’mod inqas u fir-rigward ta’ ċerti aspetti speċifiċi, minn konvenzjonijiet internazzjonali ( 14 ). Dan it-trattament speċifiku jirrigwarda l-protezzjoni, il-faċilitajiet, il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lilhom ( 15 ). |
57. |
Fil-fehma tiegħi, il-kwalità tal-iktar rappreżentant għoli tal-Istat li hija dik ta’ Kap ta’ Stat, kif ukoll il-prinċipju tal-ugwaljanza sovrana tal-Istati jiffavorixxu argument kuntrarju għal dak sostnut mill-Ungerija, jiġifieri li ż-żjarat ta’ Kapijiet ta’ Stat ġewwa l-Istati Membri tal-Unjoni jiddependu mill-kunsens tal-Istat ospitanti ( 16 ) u mill-modalitajiet definiti minn dan tal-aħħar, fil-kuntest tal-kompetenza tiegħu, u dawn ma jistgħux jiġu evalwati mill-perspettiva ta’ moviment liberu. |
58. |
Madankollu, bħal kull kompetenza riżervata lill-Istati Membri, dawn tal-aħħar ma għandhomx jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam diplomatiku b’mod li jista’ jwassal għal ksur permanenti tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn żewġ Stati Membri. Tali ksur ikun, fil-fatt, inkompatibbli mal-proċess ta’ integrazzjoni intiż li joħloq, skont il-kliem misjub fil-premessa tat-Trattat KE, “għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta’ l-Ewropa” u jikkostitwixxi ostaklu għat-twettiq tal-għanijiet essenzjali tal-Unjoni, li jinkludu dak li tiġi promossa l-paċi. |
59. |
Hija biss sitwazzjoni ta’ paraliżi persistenti fir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn żewġ Stati Membri, kuntrarja għall-impenn meħud minn dawn tal-aħħar li jżommu fis-seħħ relazzjonijiet tajba mal-ġirien li huwa inseperabbli mid-deċiżjoni tagħhom li jaderixxu mal-Unjoni, li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, anki jekk dan ikun biss minħabba li, skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed fil-periklu l-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni. |
60. |
Hawnhekk huwa ċar li jiena ma ninsabx fil-preżenza ta’ sitwazzjoni bħal din, hekk kif turi, b’mod partikolari, il-laqgħa li nżammet fl-10 ta’ Settembru 2009, jiġifieri ftit jiem wara l-inċident li ta lok għall-proċeduri preżenti, bejn il-Prim Ministru Ungeriż u dak Slovakk ( 17 ). Barra minn hekk, f’din l-okkażjoni, dawn tal-aħħar irtiraw l-impenn tagħhom li jirrispettaw u japplikaw l-artikoli kollha tat-trattat dwar ir-relazzjonijiet tajba mal-ġirien u l-koperazzjoni bonarja bejn ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika Slovakka, iffirmata f’Pariġi fid-19 ta’ Marzu 1995 ( 18 ). |
61. |
Għalhekk, peress li d-dritt tal-Unjoni ma għandux il-funzjoni li jirregola l-inċident li seħħ fil-21 ta’ Awwissu 2009, jien nikkunsidra li ma jistax jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 259 TFUE. |
62. |
Fil-fehma tiegħi, l-eżami tal-ilment li jipprovdi li r-Repubblika Slovakka wettqet abbuż ta’ dritt meta, fin-nota verbali tagħha tal-21 ta’ Awwissu 2009, ibbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq id-Direttiva 2004/38, biex tirrifjuta l-aċċess tal-President L. Sólyom fit-territorju tagħha ma huwiex ta’ natura li jbiddel din il-konklużjoni. |
63. |
Il-pożizzjoni tar-Repubblika Slovakka hija konsistenti fuq dan il-punt. Din tirrikonoxxi li r-riferiment għad-Direttiva 2004/38 f’din in-nota verbali ma kienx opportun, u ma’ dan, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nista’ biss naqbel. Madankollu minn dan jiena ma nistax niddeduċi li kien hemm abbuż ta’ dritt, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li teżiġi l-għaqda ta’ element oġġettiv u element suġġettiv ( 19 ). |
64. |
Mill-osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara diversi tentattivi b’mezzi diplomatiċi, din in-nota verbali kienet tikkostitwixxi, min-naħa tar-Repubblika Slovakka, l-aħħar mezz biex tesprimi n-nuqqas ta’ qbil tagħha maż-żjara ppjanata minn L. Sólyom f’data li dan l-Istat Membru kien jikkunsidra li kienet waħda sensittiva. Jidher li kienu kunsiderazzjonijiet relatati mas-sigurtà pubblika li taw lok għar-riferiment għad-Direttiva 2004/238 fl-imsemmija nota ( 20 ). Sa fejn din id-direttiva tikkontempla tali kunsiderazzjonijiet, b’mod partikolari fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27(2) tagħha, u sa fejn, fid-dawl tal-kuntest politiku marbut maż-żjara ppjanata minn L. Sólyom, din setgħet raġonevolment tqajjem evalwazzjoni ta’ riskji fil-qasam tas-sigurtà pubblika, jiena jidhirli li ma ġiex stabbilit li, meta rreferiet għad-Direttiva 2004/38 fin-nota verbali tal-21 ta’ Awwissu 2009, ir-Repubblika Slovakka wettqet abbuż ta’ dritt. |
65. |
Finalment, b’risposta għall-aħħar ilment ippreżentat mill-Ungerija, jiena nirrileva li peress li l-kontroversja preżenti tirrigwarda biss iż-żjara ta’ Kap ta’ Stat, ma hemmx lok li jiġi eżaminat iktar fid-dettall, fil-kuntest tal-proċeduri preżenti, x’inhi l-pożizzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw funzjonijiet uffiċjali oħra. |
IV – Konklużjoni
66. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.
( 4 ) F’dan ir-rigward, l-Ungerija tiċċita s-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C-286/90, Ġabra p. I-6019, punt 9), kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C-162/96, Ġabra p. I-3655, punt 45).
( 5 ) L-Ungerija tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni (C-241/91 P u C-242/91 P, Ġabra p. I-743, punt 84), kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2009, Bogiatzi (C-301/08, Ġabra p. I-10185, punt 19), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet u ddeċidiet li “d-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjoni konkluża qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ma jistgħux jiġu invokati fir-relazzjonijiet intraKomunitarji”. Dan l-Istat Membru jsostni li din il-konklużjoni tapplika wkoll għar-regoli misjuba fid-dritt internazzjonali konswetudinarju.
( 6 ) Ir-Repubblika Slovakka tirreferi, b’mod partikolari, għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna, tat-18 ta’ April 1961, dwar ir-relazzjonijiet diplomatiċi (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1961”); għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna, tal-24 ta’ April 1963, fuq ir-relazzjonijiet konsulari; għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna, tal-14 ta’ Marzu 1975, dwar ir-rappreżentanza ta’ Stati fir-relazzjoni tagħhom ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ karattru universali, kif ukoll għall-Konvenzjoni dwar il-missjonijiet speċjali, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-8 ta’ Diċembru 1969 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-missjonijiet speċjali”), kif ukoll għall-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u r-ripressjoni ta’ offiżi kontra persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, inklużi fosthom l-aġenti diplomatiċi, annessa mar-Riżoluzzjoni 3166 (XXVIII) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti datata l-14 ta’ Diċembru 1973.
( 7 ) C-437/04, Ġabra p. I-2513.
( 8 ) C-110/99, Ġabra p. I-11569.
( 9 ) Ara, fl-istess sens, l-Artikolu 4(1) TUE.
( 10 ) Enfasizzata minni.
( 11 ) Punt 33.
( 12 ) Idem.
( 13 ) Ara J. Salmon, “Représentativité internationale et chef d’État”, Le chef d’État et le droit international, colloque de Clermont-Ferrand, Société française pour le droit international, Éditions A. Pedone, Pariġi, 2002, p. 155.
( 14 ) Ara b’mod partikolari l-Konvenzjoni dwar il-missjonijiet speċjali kif ukoll il-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u r-ripressjoni ta’ offiżi kontra persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, inklużi fosthom l-aġenti diplomatiċi, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward,, A. Watts, “Heads of State”, Max Planck Encyclopedia of Public International Law, punti 12 sa 20; Oppenheim’s International Law, 9 Edizzjoni, vol. 1, Peace, § 451 et seq, u M. Cosnard, “Les immunités du chef d’État”, Le chef d’État et le droit international, colloque de Clermont-Ferrand, Société française de droit international, op. cit., p. 189.
( 16 ) Wieħed isib dan ir-riferiment għall-“kunsens” f’diversi konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1961; fl-Artikolu 2(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, tal-24 ta’ April 1963, dwar ir-relazzjonijiet konsulari, kif ukoll fl-Artikoli 1(a), 2 sa 6, u 18 tal-Konvenzjoni dwar il-missjonijiet speċjali.
( 17 ) Ara l-punt 10 tal-konklużjonijiet preżenti.
( 18 ) It-test ta’ din il-konvenzjoni jista’ jiġi kkonsultat, b’mod partikolari, fir-Revue générale de droit international public, Éditions A. Pedone, Pariġi, 1995, p. 525.
( 19 ) Ara s-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq (punti 52 u 53).
( 20 ) Ara punt 57 tar-risposta tar-Repubblika Slovakka kif ukoll it-test stess tan-nota verbali tal-21 ta’ Awwissu 2009 li jirreferi għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ riskji għas-sigurtà.