EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0338

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 6 ta' Ottubru 2011.
Grünwald Logistik Service GmbH (GLS) vs Hauptzollamt Hamburg-Stadt.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Hamburg - il-Ġermanja.
Dumping - Dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreservat li joriġina miċ-Ċina - Regolament (KE) Nru 1355/2008 - Validità - Regolament (KE) Nru 384/96 - Artikolu 2(7)(a) - Determinazzjoni tal-valur normali - Pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq - Obbligu tal-Kummissjoni li tkun diliġenti sabiex tiddetermina l-valur normali abbażi tal-prezz jew tal-valur kostrutt f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.
Kawża C-338/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:636

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2011 ( 1 )

Kawża C-338/10

Grünwald Logistik Service GmbH (GLS)

vs

Hauptzollamt Hamburg-Stadt

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja)]

“Regolament li jimponi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat li joriġina miċ-Ċina — Validità — Determinazzjoni tal-valur normali — Pajjiż esportatur li ma jipprattikax ekonomija tas-suq — Obbligu tal-Kummissjoni li tkun diliġenti sabiex tiddetermina l-valur normali abbażi tal-prezz ta’ prodott simili f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq”

1. 

Il-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità ta’ żewġ regolamenti ( 2 ) li, b’applikazzjoni tagħhom, ġie impost dazju antidumping provviżorju, u sussegwentement definittiv, fuq kumpannija Ġermaniża li timporta fil-Komunità Ewropea mandolin u frott taċ-ċitru ieħor simili ppreżervati li ġejjin miċ-Ċina.

2. 

Il-qorti tar-rinviju tiddubita l-legalità ta’ dawn ir-regolamenti minħabba li l-istituzzjonijiet Komunitarji ddeterminaw il-valur normali tal-prodott inkwistjoni abbażi tal-prezz imħallas għal prodott simili fil-Komunità mingħajr ma osservaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 384/96 ( 3 ).

3. 

B’hekk, skont ir-Regolament bażiku, il-valur normali ta’ prodott importat li ġej minn pajjiż li ma jipprattikax ekonomija tas-suq jista’ jiġi ddeterminat abbażi tal-prezzijiet utilizzati fil-Komunità biss jekk ma jkunx possibbli li jsir riferiment għall-valur ta’ prodott simili fis-suq ta’ pajjiż terz ieħor li jipprattika ekonomija tas-suq, jew minn ta’ tali pajjiż għall-pajjiż ieħor.

4. 

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji eżerċitawx id-diliġenza kollha meħtieġa qabel ma bbażaw ruħhom fuq il-prezzijiet utilizzati fil-Komunità u applikaw dan il-metodu alternattiv ta’ kalkolu.

5. 

Hija tirrileva li għandha xi domandi dwar dan il-punt għaliex dawn l-istituzzjonijiet użaw l-imsemmi metodu sempliċement wara li kkonstataw li ż-żewġ kumpanniji Tajlandiżi interrogati matul l-investigazzjoni ma kinux irrispondew għall-kwestjonarji li ntbagħtulhom, mingħajr ma pproċedew għal ebda investigazzjonijiet oħra fit-Tajlandja u lanqas ma fittxew pajjiżi oħra simili, filwaqt li x’uħud irrapportaw, matul din l-investigazzjoni, li prodott simili kien immanifatturat fil-Ġappun.

6. 

Għalhekk, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari preżenti għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-obbligi tal-Kummissjoni Ewropea meta din ikollha tiddetermina l-valur normali ta’ prodott importat minn pajjiż li, bħar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ma għandux ekonomija tas-suq.

7. 

F’dawn il-konklużjonijiet nibda billi nindika li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti dwar il-validità huwa ammissibbli biss fir-rigward tar-Regolament Nru 1355/2008, li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv.

8. 

Sussegwentement nirrileva li, għalkemm fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni antidumping prevista minn dan ir-regolament il-Kummissjoni hija marbuta li tosserva termini u l-partijiet jiġu mistiedna li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ kalkolu tal-valur normali li din l-istituzzjoni tkun bi ħsiebha tadotta, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, skont ir-Regolament bażiku, din tal-aħħar għandha tkun diliġenti fir-riċerka ta’ pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dan il-valur normali.

9. 

Nirrileva li, meta d-data tal-Eurostat disponibbli fil-mument tal-ftuħ tal-investigazzjoni turi l-eżistenza ta’ importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti li jaqgħu fl-istess klassifikazzjoni tariffarja bħall-prodott ikkontemplat fl-ilment, li jiġu minn pajjiż jew pajjiżi terzi li jipprattikaw l-ekonomija tas-suq u meta l-volum ta’ dawn l-importazzjonijiet ma jkunx manifestament insinjifikanti, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina ex officio jekk il-valur normali tal-prodott inkwistjoni jistax jiġi ddeterminat abbażi tal-prezzijiet utilizzati f’xi wieħed jew ieħor minn dawn il-pajjiżi, jew minn wieħed minnhom. Jiena sejjer nuri li l-Kummissjoni ma tistax validament tikkalkola dan il-valur normali abbażi tal-prezzijiet imħallsa għal prodott simili fil-Komunità mingħajr ma tkun għamlet sforz li tibbaża ruħha fuq il-prezzijiet ġewwa jew minn pajjiż terz opportun u mingħajr ma tagħti r-raġunijiet għaliex kien impossibbli li hija tagħmel hekk.

10. 

Minn dan jiena nikkonkludi li r-Regolament Nru 1355/2008 huwa vvizjat b’illegalità peress li minn dan ir-regolament ma jirriżultax li l-istituzzjonijiet Komunitarji għamlu sforzi serji u suffiċjenti sabiex jiddeterminaw il-valur normali tal-mandolin u frott taċ-ċitru ieħor simili ppreżervati abbażi tal-prezzijiet utilizzati fi, jew minn, xi wieħed mill-pajjiżi terzi li jipprattikaw ekonomija tas-suq, iċċitati fl-istatistiċi tal-Eurostat bħala pajjiżi li minnhom jiġu prodotti li jaqgħu fl-istess klassifikazzjoni tariffarja bħall-prodott ikkonċernat u li ġew importati fil-Komunità fl-2006 jew fl-2007 fi kwantitajiet li ma humiex manifestament insinjifikanti.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Ir-Regolament bażiku

11.

Ir-Regolamenti Nru 642/2008 u 1355/2008 ġew adottati abbażi tar-Regolament bażiku. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tal-aħħar li naħseb li huma rilevanti fil-kawża preżenti jirrigwardaw, minn naħa, id-determinazzjoni tal-valur normali, u, min-naħa oħra, l-iżvolġiment tal-proċeduri.

12.

Mill-premessi 2, 3 u 5 tar-Regolament bażiku jirriżulta li dan huwa intiż li jittrasponi, sa fejn dan ikun possibbli, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) u tal-Ftehim dwar l-Implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

1. Id-determinazzjoni tal-valur normali

13.

Ir-Regolament bażiku jawtorizza lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni jissuġġettaw ruħhom għal taxxa fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodott li jkun is-suġġett ta’ dumping meta dan id-dumping joħloq preġudizzju għall-industrija Komunitarja. Prodott ikun is-suġġett ta’ dumping meta jinbigħ fil-Komunità bi prezz inferjuri għall-valur normali tiegħu.

14.

Ir-Regolament bażiku jipprovdi l-metodi għall-kalkolu ta’ dan il-valur normali skont jekk il-pajjiż terz minn fejn jiġi importat il-prodott inkwistjoni jipprattikax jew le ekonomija tas-suq.

15.

Meta dan ikun il-każ, l-imsemmi valur ikun ibbażat, bħala regola, fuq il-prezzijiet imħallsa jew li għandhom jitħallsu għal dan il-prodott jew għal prodott simili f’dan il-pajjiż, fil-kors tat-tranżazzjonijiet kummerċjali normali, minn xerrejja indipendenti. Sussegwentement, ir-Regolament bażiku jipprovdi metodi oħra ta’ kalkolu jekk dan l-ewwel metodu ma japplikax, li jkun il-każ, meta, pereżempju, la l-prodott ikkonċernat u l-ebda prodott simili ma jiġi kkummerċjalizzat fl-imsemmi pajjiż, jew jiġi kkummerċjalizzat fi kwantità insuffiċjenti biex ikun jista’ jsir tqabbil validu, jew ukoll jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali jsiru bejn partijiet relatati.

16.

Meta l-pajjiż esportatur ma jipprattikax ekonomija tas-suq, il-metodi ta’ kalkolu applikabbli jinsabu fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, li huwa redatt kif ġej:

“Fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi ta’ ekonomija mhux tas-suq […] il-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur kostrutt f’ekonomija tas-suq ta’ pajjiż terz, jew il-prezz minn pajjiż terz bħal dan għall-pajjiżi oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawk mhux possibbli, fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, inkluż il-prezz infatti mħallas jew li għandu jitħallas fil-Komunità għal prodott ta’ l-istess tip, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġini raġjonevoli ta’ profitt.

Ekonomija tas-suq xierqa ta’ pajjiż terz għandha tiġi magħżula b’mod raġunat u jingħata kont kif dovut għal kwalunkwe informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha magħmula disponibbli fil-ħin tas-selezzjoni. Għandu wkoll jingħata kont tal-limiti taż-żmien; fejn xieraq, pajjiż terz ta’ ekonomija tas-suq li huwa s-soġġett għall-istess investigazzjoni għandu jiġi wżat.

Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jiġu infurmati ftit wara l-bidu ta’ l-ekonomija tas-suq tal-pajjiż terz magħżula u għandhom jingħataw 10 jiem biex jikkummentaw”.

17.

Barra minn hekk, skont il-kliem tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament bażiku, jekk, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ parti ikkonċernata, il-konklużjonijiet, inklużi dawk li jirrigwardaw il-valur normali, ikunu bbażati fuq id-data disponibbli, b’mod partikolari fuq l-informazzjoni misjuba fl-ilment, meta jkun possibbli u fid-dawl tat-terminu mogħti għall-investigazzjoni, għandha ssir verifika ta’ din l-informazzjoni b’riferiment għal sorsi disponibbli oħra li jkunu indipendenti bħalma huma l-listi ta’ prezzijiet ippubblikati, l-istatistiċi uffiċjali tal-importazzjoni u d-dokumenti tad-dwana.

18.

Finalment, skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku, “prodott simili” għandu jinftiehem bħala prodott identiku, jiġifieri, l-istess f’kull aspett, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott ieħor li, għalkemm ma jkunx l-istess f’kull aspett, ikollu karatteristiċi li jixbhu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.

2. Ir-regoli tal-proċedura

19.

Skont l-Artikolu 5(1) sa (4) tar-Regolament bażiku, il-proċedura tinfetaħ abbażi ta’ lment li, biex ikun ammissibbli, għandu jinkludi ċerta informazzjoni u jkun ġej minn produtturi Komunitarji li jirrappreżentaw parti sinjifikttiva tal-produzzjoni Ewropea.

20.

Skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha terminu ta’ 45 ġurnata li jibda jiddekorri minn meta jitressaq l-ilment biex tiddeċiedi tiftaħx jew le l-investigazzjoni. Fil-każ ta’ ftuħ, hija għandha tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li fih, b’mod partikolari, hija għandha tindika l-prodott kif ukoll il-pajjiżi kkonċernati u tistabbilixxi t-terminu li fih il-partijiet ikkonċernati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa, jippreżentaw informazzjoni u jagħmlu talba biex jinstemgħu.

21.

Skont l-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament bażiku l-investigazzjoni tkopri, fl-istess ħin, kemm l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u ta’ preġudizzju. Il-Kummissjoni trid tiffissa perijodu ta’ investigazzjoni li jdum mill-inqas sitt xhur, immedjatament qabel il-ftuħ tal-proċeduri. Il-persuni li jirċievu l-kwestjonarji għandhom terminu ta’ mill-inqas tletin ġurnata biex jirrispondu għalihom, li jista’ jiġi estiż.

22.

Skont l-Artikolu 6(3) u (4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri biex jagħtuha informazzjoni u biex jagħmlu l-verifiki u l-kontrolli kollha meħtieġa.

23.

Skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament bażiku, il-partijiet li jkunu għamlu lilhom infushom magħrufa, fit-terminu mogħti, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-ftuħ tal-investigazzjoni, għandhom jinstemgħu jekk ikunu wrew li huma realment ikkonċernati u jekk jeżistu raġunijiet partikolari biex jinstemgħu.

24.

Barra minn hekk, l-Artikolu 6(6) tar-Regolament bażiku jipprovdi li tista’ tiġi organizzata konfrontazzjoni bejn l-importaturi, l-esportaturi, ir-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż esportatur, il-persuni li jilmentaw u l-partijiet li għandhom interessi kuntrarji, mingħajr ma n-nuqqas ta’ waħda minn dawn il-partijiet li tattendi jkun jista’ jippreġudika l-każ tagħha. Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni mogħtija skont dan is-subparagrafu għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sakemm din tiġi sussegwentement ikkonfermata bil-miktub.

25.

L-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku jipprovdi li, sa fejn ikun possibbli, l-eżattezza tal-informazzjoni mogħtija mill-partijiet ikkonċernati u li fuqha jkunu bbażati l-konklużjonijiet għandha tiġi vverifikata.

26.

Skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, jekk ikun possibbli, investigazzjoni għandha tintemm f’terminu ta’ sena u, fi kwalunkwe każ, f’terminu ta’ ħmistax-il xahar wara li tinfetaħ.

27.

L-Artikolu 7 tar-Regolament bażiku jipprovdi li jista’ jiġi impost dazju provviżorju skont il-kundizzjonijiet ipprovduti fih, mhux iktar kmieni minn sittin ġurnata u mhux iktar tard minn disa’ xhur mill-ftuħ tal-proċeduri, għal żmien massimu ta’ disa’ xhur.

28.

Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku meta, mill-konstatazzjoni definittiva tal-fatti, jirriżulta li jeżisti dumping u preġudizzju u li l-interess tal-Komunità tiġġustifikah, il-Kunsill, li jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni ppreżentata wara konsultazzjoni ma’ kumitat konsultattiv, għandu jimponi dazju antidumping definittiv. Bl-istess mod, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-ammont tad-dazju antidumping ma għandux ikun ogħla mill-marġni ta’ dumping stabbilit u li għandu jkun inqas minn dan il-marġni jekk dan id-dazju inqas ikun biżżejjed biex ineħħi l-preġudizzju kkawżat lill-industrija Komunitarja.

B – Ir-Regolamenti Nru 642/2008 u 1355/2008

29.

Wara l-ilment ippreżentat fis-6 ta’ Settembru 2007 mill-Federazzjoni Spanjola tal-Assoċjazzjonijiet tal-Industrija tal-Frott u l-Ħaxix Ipproċessat, il-Kummissjoni, wara l-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Ottubru 2007 ( 4 ), iddeċidiet li tiftaħ proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ frott tac-ċitru ppreparat jew ippreżervat, bħalma huwa l-mandolin li ġej miċ-Ċina.

30.

Fil-punt 5.1(d) ta’ dan l-avviż, il-Kummissjoni indikat li, fin-nuqqas ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat barra mill-Komunità u miċ-Ċina, hija kienet bi ħsiebha tibbaża l-valur normali fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-prezzijiet effettivament imħallsa jew li għandhom jitħallsu fil-Komunità għal prodott simili. Hija stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar ir-rilevanza ta’ din l-għażla fi żmien għaxart ijiem mill-pubblikazzjoni tal-imsemmi avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

31.

Il-perijodu ta’ investigazzjoni ġie ffissat mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007.

32.

Fl-4 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 642/2008. Il-premessi 40 sa 42 ta’ dan ir-regolament jipprovdu kif ġej:

“(40)

Skond l-informazzjoni li hemm fl-ilment, il-prodott ikkonċernat mhux qed ikun prodott f’kwantitajiet sinifikanti barra mill-Komunità u l-pajjiż ikkonċernat. Għalhekk kien issuġġerit fl-avviż ta’ inizjazzjoni biex il-valur normali jkun ibbażat fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, jiġifieri l-prezzijiet li huma attwalment imħallsa jew li huma pagabbli fil-Komunità għall-prodott simili. Il-partijiet interessati kienu mistiedna jissottomettu l-kummenti tagħhom f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni nnifisha kompliet tfittex pajjiżi analagi potenzjali wara l-pubblikazzjoni ta’ l-avviż ta’ inizjazzjoni. Il-Kummissjoni fittxet il-kooperazzjoni minn żewġ kumpaniji fit-Tajlandja. Waħda minnhom l-ewwel qablet li tikkoopera fl-investigazzjoni iżda naqset milli twieġeb il-kwestjonarju aktar tard. Il-kumpanija l-oħra ma tat ebda reazzjoni.

(41)

Żewġ produtturi li jesportaw mill-pajjiż ikkonċernat u assoċjazzjoni ta’ importaturi u bejjiegħa bl-ingrossa ma qablux li jibbażaw il-valur normali fuq prezzijiet imħallsa jew pagabbli fil-Komunità iżda ma offrew ebda soluzzjoni oħra li kien tikkonforma mar-Regolament bażiku.

(42)

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, ġie deċiż proviżorjament [li l-] valur normali għall-produtturi [kollha] li jesportaw […] [il-] kampjun [għandu jiġi determinat] fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, f’dan il-każ fuq il-bażi ta’ prezzijiet li huma mħallsa jew pagabbli attwalment fil-Komunità għall-prodott simili, skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku”.

33.

Fit-18 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 1355/2008. Fil-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, hemm ipprovdut:

“Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi […] li kkoperaw u ż-żewġ importaturi indipendenti tal-KE kellhom dubju dwar l-użu ta’ prezzijiet tal-Industrija Komunitarja għall-kalkolu tal-valur normali. Kien ippreżentat li l-valur normali missu ġie kkalkulat abbażi tar-rendikont tal-ispejjes tal-produzzjoni [fiċ-Cina] meħud għal kull aġġustament xieraq relatat mad-differenzi bejn is-swieq tal-[Komunità] u [taċ-Ċina]. F’dan ir-rigward hu nnotat li l-użu ta’ informazzjoni minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq u b’mod partikolari minn kumpaniji li ma ngħatawx [l-istatus ta’ kumpanniji li joperaw fil-kundiżżjonijiet ta’ ekonomija tas-suq] imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Dan l-argument hu għalhekk miċħud. Intqal ukoll li d-dejta dwar il-prezzijiet mill-pajjiżi importaturi l-oħra kollha jew l-informazzjoni rilevanti ppubblikata setgħet [tikkostitwixxi soluzzjoni raġjonevoli fin-]nuqqas ta’ koperazzjoni ta’ pajjiż analogu. Madankollu, informazzjoni ġenerali ta’ din ix-xorta, [għall-kuntrarju tad-]dejta użata mill-Kummissjoni ma setgħetx tiġi vverifikata u ċċekkjata b’mod inkroċċjat fir-rigward tal-eżattezza skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku. Dan l-argument hu għalhekk miċħud. Ebda argument ieħor ma kien ippreżentat li seta’ tefa’ dubju fuq il-fatt li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ma kinitx skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u, b’mod partikolari, il-fatt li din tikkostitwixxi f’dan il-każ partikolari l-unika bażi raġjonevoli li baqa’ biex jiġi kkalkulat il-valur [normali]”.

34.

Ir-Regolament Nru 1355/2008, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, jipprovdi li jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ mandolin (inklużi t-tanġerin u s-satsumas), il-klementin, il-wilkings u frott taċ-ċitru ibridu simili, ippreparat jew ippreżervat mingħajr alkoħol miżjud, kemm jekk fih zokkor jew materja ta’ ħlewwa oħra u kemm jekk le, hekk kif iddefiniti skont l-intestatura 2008 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem “NM”), li joriġinaw miċ-Ċina, u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90.

35.

Dan ir-regolament, fl-Artikolu 1(2) tiegħu, jistabbilixxi l-ammont f’Euro, għal kull tunnellata ta’ prodott, dovut minn kull waħda mill-kumpanniji kkwotati minnu, u d-dazju dovut mill-kumpanniji l-oħra kollha għal EUR 531.20 għal kull tunnellata ta’ prodott.

36.

Fl-Artikolu 3(1) tiegħu, dan jipprovdi li l-ammonti ddepożitati inkwantu dazju antidumping provviżorju stabbiliti mir-Regolament Nru 642/2008 għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata tad-dazju provviżorju.

II – Il-kuntest fattwali, id-domanda preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

37.

Grünwald Logistik Service GmbH (GLS) ( 5 ) importat fil-Komunità mandolin u frott taċ-ċitru simili ieħor ippreżervat miċ-Ċina li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2008 30 55, li għalih hija kellha tħallas dazju provviżorju taħt il-forma ta’ garanzija ta’ ammont ta’ EUR 5 311.92. Sussegwentement dan id-dazju provviżorju ġie impost bħala dazju definittiv.

38.

Peress li t-talba tagħha kontra l-impożizzjoni ta’ dan id-dazju nċaħdet, GLS ressqet rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg.

39.

Insostenn tar-rikors tagħha, hija sostniet li r-Regolament Nru 1355/2008 huwa vvizjat b’illegalità minħabba li l-Kummissjoni ma wettqitx biżżejjed sforzi biex tikseb, mir-Renju tat-Tajlandja, d-data meħtieġa għad-determinazzjoni tal-valur normali u bl-ebda mod ma indenjat ruħha ssib pajjiż ieħor simili, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, u dan minkejja li parti kienet informatha li prodott simili kien immanifatturat fil-Ġappun.

40.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-soluzzjoni tal-kontroversja li tinsab quddiemha tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk ir-Regolamenti Nru 642/2008 u 1355/2008 humiex validi. Hija tirrileva li, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hija għandha dubji sinjifikanti dwar il-kwistjoni jekk l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni sabiex issib pajjiż terz opportun humiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament bażiku.

41.

Il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Dispożizzjonijiet antidumping adottati mill-Kummissjoni [...] skont ir-Regolament [bażiku] huma invalidi minħabba li l-Kummissjoni adottathom billi bbażat ruħha fuq valur normali ddeterminat fuq ‘bażi raġonevoli oħra’ (f’dan il-każ skont il-prezzijiet effettivament imħallsa [jew li għandhom effettivament jitħallsu] fil-Komunità għal prodotti simili) mingħajr ma wettqet investigazzjonijiet addizzjonali rigward il-valur normali, wara li, f’pajjiż analogu, li l-Kummissjoni kienet inizjalment ikkunsidrat bħala tali, hija indirizzat lil żewġ impriżi — li waħda minnhom ma rrispondiet bl-ebda mod u l-oħra wriet li kienet lesta li tikkoopera, iżda manadankollu ma rrispondietx għall-kwestjonarju mibgħut — u l-partijiet fil-proċeduri kienu indikaw lill-Kummissjoni pajjiż analogu ieħor?”

42.

Wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tressqu osservazzjonijiet bil-miktub minn GLS, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

43.

Fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju u minn dawn l-osservazzjonijiet bil-miktub, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’digriet tal-15 ta’ Ġunju 2011, talbet lill-Kummissjoni li, f’terminu ta’ tliet ġimgħat minn notifika tad- digriet imsemmija, tipproduċi:

il-proċess verbali tas-smigħ li nżamm fil-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2007 kif ukoll l-osservazzjonijiet kollha mressqa wara dan is-smigħ li ma kinux diġà ntbagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja, u

l-istatistiċi tal-Eurostat, għas-snin 2005 sa 2008, li kienu disponibbli fit-18 ta’ Diċembru 2008, dwar l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90, li fihom jidhru l-pajjiżi esportaturi.

44.

Dawn id-dokumenti ġew ippreżentati fit-terminu mogħti. Mill-istatistiċi tal-Eurostat li kienu disponibbli fit-tmiem is-sena 2006 u 2007 jirriżulta li prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2008 30 55, 2008 30 75 u 2008 30 90 ġew importati fil-Komunità minn diversi pajjiżi terzi li għandhom ekonomija tas-suq fil-kwantitajiet segwenti, espressi f’tunnellati:

Perijodu minn Jannar sa Diċembru 2006

Pajjiż importatur

Kwantità (f’tunnellati)

L-Iżrael

3 590.30

Il-Marokk

252.90

Il-Filippini

149.30

Is-Sważiland

3 241.00

It-Tajlandja

576.80

It-Turkija

2 176.50

Perijodu minn Jannar sa Diċembru 2007

Pajjiż importatur

Kwantità (f’tunnellati)

L-Iżrael

4 319.20

Il-Marokk

234.80

Il-Filippini

117.90

Is-Sważiland

3 230.90

It-Tajlandja

735.70

It-Turkija

2 387.30

III – L-evalwazzjoni tiegħi

45.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar il-validità tar-Regolament Nru 642/2008 u dwar dik tar-Regolament Nru 1355/2008. Qabel ma jsir eżami tal-mertu tal-kawża, għandhom isiru r-rimarki segwenti fuq l-ammissibbilità ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

A – Fuq l-ammissibbilità tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

46.

Hekk kif sostnew il-Kunsill u l-Kummissjoni, fil-fehma tiegħi, il-proċedura preżenti hija ammissibbli biss sa fejn tirrigwarda r-Regolament Nru 1355/2008.

47.

Fil-fatt, huwa aċċettat li fi proċeduri ta’ antidumping, meta d-dazju provviżorju jinġabar skont ir-Regolament li jimponi dazju definittiv, l-operaturi ekonomiċi ma jkunx għad għandhom interess li jikkontestaw il-legalità tar-Regolament li jimponi dazju provviżorju peress li dan ġie ssostitwit bir-Regolament li jimponi dazju definittiv ( 6 ).

48.

Fil-kawża preżenti, mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dażju antidumping provviżorju impost fuq GLS, li jammonta għal EUR 5311.92, inġabar mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, kollu kemm hu, bħala dazju definittiv. Jirriżulta wkoll li l-qorti tar-rinviju tinsab adita b’rikors ippreżentat minn GLS intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet li għandha l-effett li timponi l-ħlas fuqha ta’ dan id-dazju antidumping definittiv, impost skont ir-Regolament Nru 1355/2008.

49.

Skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, GLS ma għadx għandha interess tikkontesta l-legalità tar-Regolament Nru 642/2008.

50.

Min-naħa l-oħra, ma huwiex ikkontestat, u ma jidhirx li jista’ jiġi kkontestat li GLS hija ammessa tikkontesta l-legalità tar-Regolament Nru 1355/2008, bħala eċċezzjoni, quddiem il-qorti nazzjonali.

51.

Fil-fatt, mid-dokumenti fil-proċess, ma jirriżultax li GLS għandha tiġi kkunsidrata bħala direttament u individwalment ikkonċernata b’dan ir-regolament u, għaldaqstant, li hija kellha d-dritt li titlob l-annullament quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ma jirriżultax u ma huwiex sostnut li GLS hija l-importatriċi assoċjata ta’ waħda mill-kumpanniji msemmija b’isimhom fir-Regolament Nru 1355/2008, u li l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tagħhom tal-prodott inkwistjoni kienu l-bażi tal-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni stabbilit minn dan ir-regolament biex jistabbilixxi l-marġni ta’ dumping ta’ din il-kumpannija ( 7 ).

52.

Skont il-ġurisprudenza, regolament li jistabbilixxi dazju antidumping jirrigwarda importatur bħalma hija GLS mhux minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra, iżda biss minħabba l-kwalità oġġettiva tagħha ta’ importatur tal-prodotti inkwistjoni, bl-istess mod bħal kwalunkwe operatur ieħor li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika ( 8 ).

53.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina r-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti li jistħarreġ dwar il-validità biss f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1355/2008.

B – Fuq il-mertu

54.

Hekk kif sostnew il-Kunsill u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jixirqilha li tinkiteb mill-ġdid. Madankollu, dawn l-istituzzjonijiet għandhom xi diverġenzi fir-rigward tat-tfassil li għandu jiġi adottat, li jirriflettu l-fehmiet differenti tagħhom tad-deċiżjoni tar-rinviju għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet li minħabba fihom il-legalità tar-Regolament Nru 1355/2008 qegħda tiġi ddubitata.

55.

B’hekk, il-Kummissjoni tqis li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra biss iż-żewġ motivi għal annullament segwenti, minn naħa, din l-istituzzjoni ma ħaditx passi oħra fir-rigward taż-żewġ produtturi Tajlandiżi li magħhom hija kienet ikkomunikat u, min-naħa l-oħra, hija ma eżaminatx jekk il-Ġappun setax jikkostitwixxi pajjiż terz xieraq.

56.

Bħal GLS u l-Kunsill, jiena ma naqbilx ma’ dan il-qari restrittiv tad-deċiżjoni tar-rinviju. Hemmhekk, fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju tesponi b’mod ċar li d-dubji tagħha huma iktar ibbażati fuq l-allegazzjoni ta’ GLS li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma wettqux biżżejjed sforzi sabiex isibu pajjiż terz opportun.

57.

Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem id-domanda preliminari fis-sens li l-qorti tar-rinviji tistaqsi essenzjalment jekk ir-Regolament Nru 1355/2008 huwiex invalidu minħabba li l-Kummissjoni ddeterminat il-valur normali tal-prodott inkwistjoni abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew li għandhom jitħallsu fil-Komunità għal prodott simili mingħajr ma wettqet sforzi serji u suffiċjenti sabiex tiffissa dan il-valur abbażi tal-prezzijiet fis-seħħ f’pajjiż terz xieraq, bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

1. L-osservazzjonijiet tal-partijiet

58.

GLS ssostni li l-Qorti tal-Ġustizja għandha tirrispondi d-domanda fl-affermattiv għal diversi raġunijiet li jistgħu jitqassru kif ġej.

59.

Il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku billi ddeterminat il-valur normali abbażi tal-prezz imħallas fil-Komunità għalkemm dan il-metodu ta’ kalkolu huwa sussidjarju u jeżistu diversi pajjiżi terzi, bħall-Ġappun, li jistgħu jitqiesu bħala pajjiżi simili.

60.

Fid-dawl tal-obbligu pprovdut fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u tal-ġurisprudenza ( 9 ), il-Kummissjoni kien messha fittxet ex officio jekk jeżistix pajjiż terz xieraq billi tuża s-sorsi ta’ informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha, bħalma hija d-data tal-Eurostat dwar l-importazzjonijiet.

61.

Fil-każ preżenti, din id-data kienet turi li prodott simili kien prodott fl-Iżrael, fil-Filippini u fit-Turkija. Għalhekk, din l-istituzzjoni kien messha eżaminat jekk wieħed minn dawn il-pajjiżi kienx jikkostitwixxi pajjiż xieraq. Barra minn hekk, fis-seduta tad-19 ta’ Diċembru 2007, parti kienet irrapportat l-eżistenza ta’ din il-produzzjoni fil-Ġappun.

62.

Bl-istess mod, qabel ma rrikorriet għall-prezzijiet utilizzati fil-Komunità, il-Kummissjoni kien messha fittxet jekk prodott li jixbah mill-qrib il-prodott ikkonċernat, skont id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott simili” li jinsab fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku, kienx immanifatturat f’pajjiżi terzi li jipprattikaw ekonomija tas-suq.

63.

Peress li, fir-Regolament Nru 642/2008, din l-istituzzjoni kienet indikat li l-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2008 30 90, jiġifieri l-preparazzjonijiet ta’ frott taċ-ċitru mingħajr alkoħol jew ta’ zokkor miżjud, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala prodotti simili u, peress li dawn il-prodotti huma mmanifatturati, b’mod partikolari, fl-Iżrael, fil-Marokk, fi Sważiland, fit-Turkija u fl-Istati Uniti, hija kien messha fittxet jekk impriżi ta’ dawn il-pajjiżi kinux disposti li jikkooperaw.

64.

Finalment, il-Kummissjoni ma messhiex illimitat ruħha li tibgħat kwestjonarju wieħed liż-żewġ impriżi Tajlandiżi u li tiddeduċi, min-nuqqas ta’ risposta tagħhom, l-impossibbilità li tiddetermina l-valur normali abbażi tal-prezzijiet utilizzati fit-Taljandja.

65.

Sussidjarjament, GLS issostni li l-valur normali determinat abbażi tal-prezzijiet fil-Komunità ġie evalwat ħażin peress li l-Kummissjoni ma pproċedietx biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fir-rigward tal-vantaġġi li minnhom kienu jibbenefikaw il-produtturi-esportaturi Ċiniżi meta mqabbla mal-produtturi Spanjoli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-materja prima u l-proċessi ta’ produzzjoni. GLS tenfasizza li, f’każijiet oħra, il-Kummissjoni pproċediet biex tagħmel tali aġġustamenti.

66.

Hija ssostni li, fil-kawża preżenti, din l-istituzzjoni kien messha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prezz tal-materja prima huwa 45% ogħla fil-Komunità milli fiċ-Ċina u li l-prezz ta’ produzzjoni huwa ferm ogħla fi Spanja minħabba l-użu ta’ makkinarju għoli li ma jiġix utilizzat għal parti sostanzjali tas-sena.

67.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw li r-regolament ineżami huwa invalidu u jibbażaw il-pożizzjoni tagħhom fuq l-argumenti segwenti.

68.

Il-Kummissjoni tirrileva li fl-ilment ġie indikat li r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina biss jipproduċu mandolin ippreżervat u huwa minħabba f’dan li, fl-avviż tal-ftuħ tal-investigazzjoni, hija semmiet l-intenzjoni tagħha li tiddetermina l-valur normali abbażi tal-prezzijiet fil-Komunità.

69.

Hija ssemmi ukoll li kellha informazzjoni li tipprovdi li kienu jeżistu wkoll żewġ produtturi ta’ mandolin ippreżervat fit-Tajlandja.

70.

Fir-rigward ta’ dawn il-passi meħuda fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ produtturi, hija ssostni li fid-29 ta’ Ottubru 2007, hija kienet kitbitilhom, li wieħed minnhom ma kienx irrisponda u l-ieħor kien qabbad lil kumpannija Ewropea biex tirrispondi li, b’ittra tal-5 ta’ Diċembru 2007, talbet li l-kwestjonarju jintbagħat f’forma elettronika kif ukoll estensjoni tat-terminu biex twieġbu. Il-Kummissjoni ssostni li wieġbet mill-ewwel li t-terminu kien ġie estiż sas-17 ta’ Diċembru 2007 u li, b’ittra tal-14 ta’ Diċembru 2007, din il-kumpannija indikat li ma setgħetx timla l-formola f’dan it-terminu.

71.

Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet għamlet sforzi iktar milli kien hemm bżonn fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ produtturi Tajlandiżi.

72.

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk hija kellhiex teżamina l-possibbilità li tikkunsidra lill-Ġappun bħala pajjiż terz xieraq, il-Kummissjoni tibda billi tfakkar il-portata tal-obbligi imposti fuqha mir-Regolament bażiku.

73.

Hija ssostni li dan ir-regolament jipprovdi proċedura kontradittorja, li ġeneralment tinfetaħ wara lment. Sussegwentement, il-Kummissjoni tirrileva li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tal-imsemmi regolament, hija għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq l-informazzjoni affidabbli disponibbli fit-terminu mogħti.

74.

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-pajjiż terz li hija tkun bi ħsiebha tieħu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-valur normali għandu jinġieb għall-attenzjoni tal-partijiet u li dawn tal-aħħar għandhom terminu ta’ għaxart ijiem biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

75.

Finalment, hija ssostni li skont il-ġurisprudenza ( 10 ), hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fid-determinazzjoni tal-valur normali. Il-Kummissjoni tfakkar li ġie deċiż li hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma wettqitx eżami dettaljat ta’ pajjiżi ta’ riferiment potenzjali oħra jekk il-partijiet ma jkunux għamlulha proposti f’dan is-sens.

76.

Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li, fil-kawża preżenti, hija ma kellha l-ebda raġuni biex teżamina jekk il-Ġappun setax jikkostitwixxi pajjiż xieraq peress li, mis-seduta tad-19 ta’ Diċembru 2007, hija ma ssib l-ebda ħjiel tad-dikjarazzjoni dwar l-eżistenza ta’ produzzjoni attwali ta’ mandolin ippreżervat f’dan il-pajjiż, u li, anki jekk wieħed jassumi li kienet saret tali dikjarazzjoni, hija ma kinitx marbuta tagħmel riċerki fir-rigward tal-imsemmi pajjiż.

77.

Skont il-Kummissjoni, fil-fatt, minn naħa, ma kienx ġie indikat, fit-terminu ta’ għaxart ijiem wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-ftuħ tal-investigazzjoni, li kellha tqis lill-Ġappun bħala pajjiż ta’ riferiment u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni mogħtija waqt seduta għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk din tiġi kkonfermata bil-miktub.

78.

Il-Kunsill jibbaża l-pożizzjoni tiegħu fuq l-istess argumenti bħal dawk tal-Kummissjoni u jżid li huma ma kellhom l-ebda raġuni li jfittxu pajjiżi terzi xierqa fuq l-inizjattiva tagħhom stess għaliex il-Kummissjoni setgħet titlaq mill-prinċipju li l-partijiet ikkonċernati jafu s-suq u kienu sejrin jindikawlha l-pajjiżi simili possibbli.

2. L-evalwazzjoni tiegħi

79.

Bħal GLS, jiena tal-fehma li r-Regolament Nru 1355/2008 ġie adottat bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, peress li l-istituzzjonijiet Komunitarji, b’mod iktar preċiż il-Kummissjoni, ma wettqitx sforzi serji u suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-valur normali tal-prodott inkwistjoni abbażi tal-prezzijiet fis-seħħ f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq.

80.

Qabel l-espożizzjoni tar-raġunijiet għalfejn nikkunsidra li l-Kummissjoni kisret l-obbligi tagħha fil-kawża preżenti, naħseb li jkun utli li nfakkar fil-qosor l-għan tal-valur normali fil-proċeduri antidumping kif ukoll il-metodi ta’ kalkolu tiegħu.

a) L-għan tal-valur normali fil-proċeduri antidumping u l-metodi ta’ kalkolu tiegħu

81.

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-valur normali jikkostitwixxi data ferm importanti fi proċeduri antidumping.

82.

Minn naħa, fil-fatt, dan jippermetti li jiġi determinat jekk prodott importat fil-Komunità huwiex is-suġġett ta’ dumping jew le, għaliex, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku, prodott jiġi kkunsidrat li huwa s-suġġett ta’ dumping meta l-prezz ta’ esportazzjoni tiegħu fil-Komunità jkun inqas mill-valur normali tiegħu.

83.

Min-naħa l-oħra, dan jippermetti li jiġi evalwat l-ammont massimu ta’ dazju antidumping li l-Komunità tista’ timponi fuq impriża għaliex, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ma għandux jeċċedi l-marġni ta’ dumping, liema marġni jikkorrispondi skematikament għad-differenza bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, wara li jkun sar l-aġġustament meħtieġ ta’ dawn iż-żewġ ċifri sabiex ikunu jistgħu jitqabblu.

84.

Minn dan jirriżulta li, jekk il-valur tal-prezz ta’ esportazzjoni jibqa’ kostanti, iktar ma jkun għoli l-valur normali, iktar ikun kbir l-marġni ta’ dumping u, għaldaqstant, l-ammont massimu tad-dazju antidumping li jista’ jiġi impost fuq l-impriżi esportatriċi tal-prodott ikkonċernat ikun sinjifikanti.

85.

It-tieni nett, il-valur normali huwa valur oġġettiv. Bħala regola, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, dan huwa bbażat fuq il-prezz imħallas għall-prodott ikkonċernat fil-pajjiżi esportaturi minn xerrejja indipendenti waqt tranżazzjonijiet kummerċjali normali, jiġifieri f’kundizzjonijiet ideali għall-eżerċizzju tal-kompetizzjoni libera.

86.

Id-diffikultà tinsab fil-fatt li, fir-realtà, dan il-prezz mhux dejjem jeżisti jew mhux dejjem jista’ jintuża. B’hekk, ir-Regolament bażiku jipprovdi, b’mod dettaljat, diversi metodi ta’ kalkolu intiżi li jikkostitwixxu mill-ġdid l-imsemmi bl-iktar mod raġonveoli possibbli, abbażi jew tal-prezzijiet utilizzati fil-pajjiż esportatur minn bejjiegħa ta’ prodott simili, jew ta’ kostruzzjoni fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni f’dawn il-pajjiżi, jew, finalment, tal-prezzijiet tal-esportazzjoni f’pajjiż terz xieraq.

87.

Madankollu, kull darba li jkun possibbli, wieħed għandu jibbaża ruħhu fuq il-prezz tal-prodott ikkonċernat imħallas minn xerrejja indipendenti fil-pajjiż esportatur. Jiena naħseb li l-prijorità ta’ dan il-kriterju meta mqabbel mal-metodi ta’ kalkolu l-oħra msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku tirriżulta mill-idea li l-aħjar metodu ta’ determinazzjoni tal-valur normali huwa l-konstatazzjoni ta’ realtà oġġettiva.

88.

Hija din l-istess idea li, fil-fehma tiegħi, tiġġustifika l-prijorità pprovduta fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każijiet ta’ importazzjonijiet ġejjin minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq.

89.

F’dan l-eżempju, ma huwiex possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet utilizzati fil-pajjiż esportatur għaliex dawn il-prezzijiet ma humiex ir-riżultat normali tal-fatturi li għandhom jeżistu f’dan is-suq ( 11 ). Għalhekk, il-leġiżlatur Komunitarju kellu jagħżel riferimenti oħra. Kien minħabba f’hekk li huwa pprovda li l-valur normali għandu jiġi ffissat bi prijorità, abbażi tal-prezzijiet utilizzati f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, magħżul b’mod raġonevoli jew, fil-każ biss li dan ikun impossibbli, fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, bħall-prezz imħallas jew li għandu jitħallas fil-Komunità.

90.

Din il-prijorità mogħtija lill-prezz ta’ prodott simili f’pajjiż terz magħżul b’mod raġonevoli tista’ titfisser ukoll, fil-fehma tiegħi, bir-rieda li tingħata preferenza lill-konstatazzjoni ta’ realtà oġġettiva li, f’dan il-każ, tkun l-eqreb possibbli għas-sitwazzjoni fil-pajjiż esportatur. B’hekk, il-leġiżlatur Komunitarju ried li, kull darba li jkun possibbli, il-Kummissjoni tiddetermina l-valur normali abbażi tal-prezzijiet utilizzati f’pajjiż terz li għandu l-akbar numru ta’ xebh mal-pajjiż esportatur f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tal-prodott, il-volum tal-bejgħ, l-aċċess għall-materja prima u għall-enerġija, il-proċess ta’ produzzjoni, u li, minħabba dan ix-xebh, jista’ jiġi kkunsidrat bħala pajjiż simili għal dan tal-aħħar.

91.

Għalhekk, l-użu tal-prezzijiet ta’ prodott simili fil-Komunità jinsab ipprovdut biss sussidjarjament għaliex dawn il-prezzijiet jistgħu jiġu influwenzati minn fatturi bħalma huma l-prezz tax-xogħol u tal-materja prima, li huma ġeneralment ogħla milli f’pajjiż terz li ma għandux ekonomija tas-suq.

92.

Naturalment, hekk kif issostni ĠLS fil-motiv ta’ annullament sussidjarju tagħha, li l-Kummissjoni tista’ u għandha tipproċedi għal aġġustamenti sabiex tikkumpensa għal dawn id-differenzi. Madanakollu, dawn l-aġġustamenti jsiru fid-dawl ta’ stimi li jkunu ċertament iktar dibattibbli mill-konstatazzjoni oġġettiva tar-realtà tal-prezzijiet f’pajjiż terz simili għall-pajjiż esportatur tal-prodott ikkonċernat.

93.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-priorità prevista espressament fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku favur il-prezzijiet ta’ prodott simili f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq simili hija intiża li tiggarantixxi li l-ammont ta’ dazju antidumping ma jkunx iktar mill-marġni ta’ dumping, skont ir-rekwiżit tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku u l-prinċipju li jinsab fl-Artikolu VI(2) tal-GATT, kif ukoll l-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar l-Implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu VI.

94.

Ir-raġunijiet li minħabba fihom jiena naħseb li l-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha fil-kawża preżenti għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

b) Ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha

95.

Mill-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ legalment tiddetermina l-valur normali abbażi tal-prezz imħallas fil-Komunità biss jekk ma jkunx possibbli li hija tagħżel pajjż terz li għandu ekonomija tas-suq li jidher xieraq, skont l-informazzjoni affidabbli li tkun disponibbli u fid-dawl tat-termini li jingħatawlha.

96.

Hekk kif indikat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Ottubru 2003, Changzhou Hailong Electronics & Light Fixtures u Zhejiang Yankon vs Il-Kunsill ( 12 ), il-Kunsill u l-Kummissjoni jistgħu jwarrbu l-applikazzjoni tar-regola ġenerali, ipprovduta fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku għad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodotti li ġejjin minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, billi jibbażaw ruħhom fuq bażi raġonevoli oħra, fil-każ fejn din ir-regola ġenerali ma tistax tiġi applikata. Tali impossibbilità tista’ tirriżulta biss meta d-data meħtieġa għad-determinazzjoni tal-valur normali ma tkunx disponibbli jew ma toqgħodx fuqha ( 13 ).

97.

Minn din is-sentenza, jiena nista’ nieħu t-tagħlim segwenti. L-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ dak li tħalli lil wieħed jaħseb il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-użu tal-metodu sussidjarju ta’ kalkolu minflok il-prezzijiet utilizzati fi jew minn pajjiż terz xieraq, ma jiffurmax parti minn għażla li fiha hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Il-ġurisprudenza li għaliha rreferiet din l-istituzzjoni, li tipprovdi li hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fid-determinazzjoni tal-valur normali, ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. Il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tad-data disponibbli, kienx effettivament impossibbli li hija tibbaża ruħha fuq il-prezzijiet fi jew minn pajjiż terz xieraq ma teħtieġx li wieħed jipproċedi għall-analiżi ta’ sitwazzjoni ekonomika kumplessa u tista’ għalhekk tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet.

98.

It-tieni nett, il-kunċett ta’ “informazzjoni disponibli”, fis-sens tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, ma jistax jillimita ruħhu għall-informazzjoni mogħtija minn min jagħmel l-ilment fl-ilment tiegħu u lanqas għall-informazzjoni kkomunikata sussegwentement mill-partijiet fil-kuntest tal-investigazzjoni.

99.

Huwa minnu, hekk kif ifakkru l-Kunsill u l-Kummissjoni, li l-investigazzjoni prevista mir-Regolament bażiku għandha natura kontradittorja li bis-saħħa tagħha l-partijiet interessati għandhom id-dritt jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari fuq l-għażla tal-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali li tkun bi ħsiebħa tapplika l-Kummissjoni. Huwa veru wkoll li, b’mod ġenerali, l-investigazzjoni tinfetaħ wara lment u li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni misjuba fih, b’mod partikolari, f’dik li tirrigwarda l-produzzjoni fid-dinja tal-prodott ikkonċernat.

100.

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha għal din l-informazzjoni. Fil-fatt, tali limitazzjoni ma hijiex prevista fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

101.

Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina ex officio l-informazzjoni kollha rilevanti li hija stess jista’ jkollha aċċess għaliha. Fil-fatt, ir-rwol ta’ din l-istituzzjoni meta tmexxi investigazzjoni antidumping, ma huwiex dak ta’ arbitru b’kompetenza limitata biex jiddeċiedi biss fid-dawl tal-informazzjoni u l-provi mressqa mill-partijiet.

102.

Din l-analiżi tinsab ikkonfermata, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(3) u (4) tar-Regolament bażiku, li jawtorizza lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jagħtuha informazzjoni kif ukoll li jagħmlu l-verifiki u l-kontrolli kollha meħtieġa.

103.

Fir-rigward tal-implikazzjonijiet ta’ proċedura antidumping għall-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina ex officio, fid-dokumenti li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħha u li jippreżentaw biżżejjed garanziji affidabbli, jekk jeżistux pajjiżi terzi li għandhom ekonomija tas-suq li fihom jiġu mmanifatturati prodotti identiċi jew paragunabbli għall-prodott inkwistjoni u li jistgħu jintgħażlu bħala pajjiżi simili għall-pajjiż esportatur.

104.

F’dan ir-rigward, l-istatistika tal-Eurostat, l-uffiċju statistiku tal-Unjoni Ewropea, li jikkostitwixxi direttorat ġenerali tal-Kummissjoni u li għandu l-għan li jagħti servizz ta’ informazzjoni statistika ta’ livell għoli, jixirqilha mingħajr l-iċken dubju li tiġi kkunsidrata bħala sors ta’ informazzjoni li din l-istituzzjoni għandha teżamina sistematikament.

105.

Għaldaqstant, meta l-istatistika tal-Eurostat li tkun disponibbli fil-ftuħ tal-investigazzjoni jew matul l-andament tagħha tippermetti li jiġi preżunt li prodotti paragunabbli għall-prodott ikkonċernat huma mmanifatturati f’diversi pajjiżi terzi li għandhom ekonomija tas-suq fi kwantitajiet li ma humiex manifestament insinjifikanti, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina ex officio jekk wieħed minn dawn il-pajjiżi jistax jikkostitwixxi pajjiż simili fis-sens tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

106.

Bl-istess mod, huwa l-obbligu tagħha, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, li tinforma malajr lill-partijiet li hija tikkunsidra li jkunu kkonċernati mill-investigazzjoni bil-pajjż terz li jkollu ekonomija tas-suq li hija tkun bi ħsiebha tuża sabiex dawn ikunu jistgħu, f’terminu ta’ għaxart ijiem minn din l-informazzjoni, jinformawha bil-kummenti tagħhom dwar dan il-punt.

107.

Madankollu, fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset minn dawn l-obbligi.

108.

Fil-fatt, mill-istatistika tal-Eurostat li kienet disponibbli meta l-Kummissjoni pproċediet għall-eżami tal-ilment li ta lok għall-kawża preżenti, jirriżulta li prodotti li jaqgħu taħt l-istess klassifikazzjoni tan-NM bħall-prodott ikkonċernat kienu importati fil-Komunità mill-Iżrael, mill-Marokk, mill-Filippini, minn Sważiland, mit-Tajlandja u mit-Turkija. Il-fatt li dawn il-prodotti jifformaw parti mill-istess klassifikazzjoni tariffarja doganali komuni bħall-prodott ikkonċernat jippermetti li jiġi preżunt li huma setgħu jiġu kkunsidrati bħala prodotti simili fis-sens tar-Regolament bażiku.

109.

L-eżami ta’ din id-data turi wkoll li anki jekk dawn l-importazzjonijiet kienu fi kwantitajiet inqas minn dawk ġejjin miċ-Ċina, huma ma jidhrux manifestament insinjifikanti. Għalhekk, l-imsemmija data setgħet tippermetti lil wieħed li jaħseb li, f’dawn il-pajjiżi, kienu mmanifatturati prodotti paragunabbli għall-prodott inkwistjoni fi kwantitajiet suffiċjenti biex prezzijiethom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala rappreżentattivi tas-suq ikkonċernat.

110.

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li, għal kull pajjiż terz, l-istatistika tal-Eurostat issemmi l-kwantitajiet ta’ prodotti importati li b’mod kumulattiv jaqgħu taħt tliet kodiċi NM, b’tali mod li hija ma tippermettux li tiġi iżolata kwantità sinjifikattiva ta’ prodotti paragunabbli għall-prodott inkwistjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-istatistika tikkostitwixxi prova oġġettiva li jeżistu pajjiżi terzi oħra li fihom jistgħu jiġu mmanifatturati prodotti bħal dawn.

111.

Nikkonstata wkoll li, fil-premessa 17 tar-Regolament Nru 1355/2008, il-Kunsill jindika li l-kalkolu tal-valur normali magħmul mill-Kummissjoni abbażi tal-prezzijiet fil-Komunità kien jikkostitwixxi l-unika bażi ta’ kalkolu raġonevoli, mingħajr ma jelenka r-raġunijiet għalfejn l-ebda wieħed mill-pajjiżi terzi msemmija iktar ’il fuq, li għandhom ekonomija tas-suq, ma seta’ jitqies bħala pajjiż simili.

112.

Finalment, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta, b’mod partikolari mill-avviż tal-ftuħ tal-investigazzjoni, li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-indikazzjonijiet misjuba fl-ilment, telqet mill-premessa li ma kinitx teżisti produzzjoni tal-prodott ikkonċernat barra mill-Komunità u miċ-Ċina.

113.

Hekk kif ġustament tirrileva GLS, il-Kummissjoni għamlet għalhekk evalwazzjoni żbaljata tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat fuq livell globali u tal-pajjiżi simili li setgħu possibilment jittieħedu inkunsiderazzjoni, filwaqt li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-istatistika tal-Eurostat li turi l-importazzjoni, fi kwantitajiet mhux manifestament insinjifikanti, ta’ prodotti li setgħu jikkostitwixxu prodotti simili li ġejjin minn bosta pajjiżi terzi li għandhom ekonomija tas-suq.

114.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-iżball tagħha għaliex, fil-premessa 40 tar-Regolmanent Nru 642/2008, hija tirrileva li r-Renju tat-Taljandja seta’ jikkostitwixxi pajjiż simili u li hija interrogat żewġ impriżi Tajlandiżi mingħajr suċċess.

115.

Huwa minnu li, meta aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni ppruvat tikkoreġi l-iżball ta’ evalwazzjoni inizjali tagħha u, fil-fehma tiegħi, hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma kinitx diliġenti fir-rigward taż-żewġ impriżi inkwistjoni.

116.

B’hekk, ma huwiex ikkontestat li l-kundizzjonijiet li fihom hija interrogathom u t-terminu li fih dawn tal-aħħar kienu ġew mistiedna jikkompletaw il-formularju kienu tali li ħallewhom jirrispondu għalih, b’tali mod li n-nuqqas tagħhom huwa totalment tort tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda metodu ta’ pressjoni fir-rigward ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi li bih hija tista’ ġġiegħelhom jikkooperaw.

117.

Madankollu, dan il-pass tal-Kummissjoni ma jistax jippermetti lil wieħed jikkonkludi li hija ssodisfat korrettament l-obbliġi tagħha. Fil-fatt, wara l-falliment tal-imsemmija inizjattiva fix-xahar ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni ma eżaminatx, minkejja li kien għad għandha ż-żmien, jekk kienx possibbli li jintgħażel pajjiż terz ieħor bħala pajjiż simili fost il-pajjiżi l-oħra li għandhom ekonomija tas-suq misjuba fl-istatistika tal-Eurostat u li, bħar-Renju tat-Tajlandja, setgħu jidhru bħala pajjiżi produtturi tal-prodott ikkonċernat. B’hekk, għalkemm il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tieħu inkunsiderazzjoni pajjiż bħall-Ġappun peress li, għall-kuntrarju tar-rekwiżit tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament bażiku, l-indikazzjoni ta’ dan il-pajjiż waqt is-seduta ma ġietx ikkonfermata bil-miktub sussegwentement, min-naħa l-oħra, hija kellha tagħmel il-verifiki neċessarji dwar pajjiżi terzi oħra abbażi tal-provi li jirriżultaw mill-istatistika tagħha stess.

118.

B’hekk, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament bażiku li nfakkar li jipprovdu li meta, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ parti kkonċernata, il-konklużjonijiet, inklużi dawk li jirrigwardaw il-valur normali, ikunu bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli, b’mod partikolari, fuq l-informazzjoni mogħtija fl-ilment, jeħtieġ li, meta dan ikun possibbli u fid-dawl tat-termini mogħtija għall-investigazzjoni, din l-informazzjoni tiġi vverifikata b’riferiment għal sorsi disponibbli oħra li jkunu indipendenti, bħall-listi ta’ prezzijiet ippubblikati, l-istatistika uffiċjali tal-importazzjoni u d-dokumenti tad-dwana.

119.

Huwa minħabba f’hekk li, bħal GLS, jiena tal-fehma li fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ma għamlitx sforzi serji u suffiċjentii sabiex tiffissa l-valur normali tal-prodott inkwistjoni abbażi tal-prezzijiet fis-seħħ f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq. Għalhekk jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula, li r-Regolament Nru 1355/2008 huwa illegali għal din ir-raġuni.

IV – Konklużjoni

120.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mill-Finanzgericht Hamburg:

“Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008, tat-18 ta’ Diċembru 2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa invalidu, sa fejn il-Kummissjoni Ewropea ddeterminat il-valur normali tal-prodott inkwistjoni abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew li għandhom jitħallsu fil-Komunità Ewropea għal prodott simili mingħajr ma wettqet biżżejjed sforzi sabiex tiffissa dan il-valur abbażi tal-prezzijiet fis-seħħ f’pajjiż terz xieraq, bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2005”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2008, tal-4 ta’ Lulju 2008, li jimponi dazju proviżorju anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (l-aktar il-mandolin, eċċ) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 178, p. 19), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008, tat-18 ta’ Diċembru 2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 350, p. 35).

( 3 ) Regolament tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), hekk kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2117/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2005, (ĠU L 175M, p. 287, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

( 4 ) ĠU C 246, p. 15.

( 5 ) Iktar ’il quddiem “GLS”.

( 6 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C-305/86 u C-160/87, Ġabra. p. I-2945, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2010, Nachi Europe (C-239/99, Ġabra p. I-1197, punt 39).

( 8 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1990, Electroimpex et vs Il-Kunsill (C-157/87, Ġabra p. I-3021, punti 10 sa 13).

( 9 ) GLS tikkwota prinċipalment is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle (C-16/90, Ġabra p. I-5163).

( 10 ) Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għas-sentenza Nölle, iċċitata aktar ’il fuq, kif ukoll għas-sentenzi tad-29 ta’ Mejju 1997, Rotexchemie (C-26/96, Ġabra p. I-2817), u tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill (T-164/94, Ġabra p. II-2681).

( 11 ) Sentenza Rotexchemie, iċċitata aktar ’il fuq (punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) T-255/01, Ġabra p. II-4741.

( 13 ) Punt 59.

Top