Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0301

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2012.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Tniġġis u inkonvenjenzi — Trattament tal-ilma urban mormi — Direttiva 91/271/KEE — Artikoli 3, 4 u 10 — Punti A u B tal-Anness I.
    Kawża C-301/10.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:36

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2012 ( 1 )

    Kawża C-301/10

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

    “Direttiva 91/271/KEE — Sistemi ta’ ġbir — Trattament ta’ ilma urban mormi — Kunċetti ta’ ‘operat suffiċjenti’ u tal-‘aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi’”

    1. 

    Il-kawża preżenti oriġinat minn rikors ippreżentat mill-Kummissjoni kontra r-Renju Unit minħabba allegat ksur tad-Direttiva 91/271/KEE ( 2 ), dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (iktar ’il quddiem, ukoll, id-“Direttiva”). Dan ir-rikors huwa parti minn serje ta’ kawżi simili li tressqu mill-Kummissjoni kontra diversi Stati Membri fir-rigward ta’ partijiet differenti tad-Direttiva: madankollu din il-kawża hija differenti minn diversi minn dawn il-kawżi minħabba l-fatt li l-qofol tal-kwistjoni ma hijiex l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali, iżda l-interpretazzjoni ta’ ċerti kunċetti li jinsabu fit-test legali, iżda li madankollu ma għandhomx tifsira preċiża. Kif ser naraw, id-determinazzjoni tal-obbligi li d-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri u, konsegwentement, il-fondatezza tar-rikors tal-Kummissjoni, jiddependu mis-sinjifikat li għandu jiġi attribwit lil dawn il-kunċetti.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    2.

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva rilevanti għall-kawża preżenti huma, b’mod partikolari, l-Artikoli 3, 4, u 10, kif ukoll l-Anness I.

    3.

    L-Artikolu 3 jintroduċi l-prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet kollha ta’ daqs ikbar minn ċertu livell ( 3 ) għandhom ikunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir għall-ilma urban mormi. Għal-lokalitajiet koperti b’dan ir-rikors, l-iskadenza għall-konformità mal-Artikolu 3 prevista mid-Direttiva kienet il-31 ta’ Diċembru 2000.

    4.

    L-Artikolu 4 jipprovdi, b’modalitajiet u skeda li fil-parti l-kbira tagħhom huma simili għal dawk tal-Artikolu 3, l-obbligu li “l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu [qabel] ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti”.

    5.

    Ma huwiex ikkontestat li l-lokalitajiet kollha li huma s-suġġett tar-rikors preżenti huma suġġetti għall-obbligi kemm tal-Artikolu 3 kif ukoll dawk tal-Artikolu 4.

    6.

    L-Artikolu 10 li jiddeskrivi l-karatteristiċi li għandhom ikollhom l-impjanti ta’ trattament imsemmija fl-Artikolu 4, huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban mibnija biex iħarsu l-kriterji ta’ l-Artikoli 4, 5, 6 u 7 ikunu ppjanati, mibnija, mħaddma u miżmuma biex jiżguraw operat suffiċjenti taħt il-kondizzjonijiet klimatiċi normali kollha. Meta dawn l-impjanti jkunu qed jiġu mfassla, għandhom jiġu kkunsidrati varjazzjonijiet tat-toqol skont l-istaġuni tas-sena”.

    7.

    L-Anness I tad-Direttiva jinkludi ċertu indikazzjonijiet tekniċi addizzjonali. B’mod partikolari, il-punt A tiegħu jikkonċerna s-sistemi ta’ ġbir, u jipprovdi kif ġej:

    “Is-sistemi ta’ ġbir għandhom jikkunsidraw il-kriterji tat-trattament tal-ilma mormi.

    Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ ġbir għandhom isru skont l-aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi, partikolarment dwar:

    il-volum u l-karatteristi tal-ilma mormi urban,

    prevenzjonijiet ta’ tnixxijiet,

    limitazzjoni ta’ tniġġis fl-ilmijiet minħabba tifwir ta’ ilma tax-xita”.

    8.

    Il-punt A ċċitat iktar ’il fuq jinkludi, barra minn hekk, nota ta’ qiegħ il-paġna li tipprovdi:

    “Peress li fil-prattika mhux possibbli li jinbnew sistemi ta’ ġbir u impjanti ta’ trattament b’tali mod illi l-ilma tad-drenaġġ kollu jkun jista’ jiġi ttrattat f’sitwazzjonijiet bħalma huma xita qawwija mhux tas-soltu, l-Istati Membri għandhom jiddeċidu fuq il-miżuri li bihom jillimitaw it-tniġġis minn tifwir ta’ xita qawwija [tempestuża]. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu bbażati fuq ir-rati jew il-kapaċità tad-dilwizzjoni f’relazzjoni maċ-ċirkulazzjoni ta’ temp xott, jew jistgħu jispeċifikaw ċertu numru aċċettabbli ta’ tifwir kull sena”.

    9.

    L-istess nota ta’ qiegħ il-paġna hija applikabbli wkoll għall-punt B tal-Anness, li jistipula ċerti rekwiżiti li għandhom neċessarjament jissodisfaw l-impjanti ta’ trattament.

    II – Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

    10.

    Ir-rikors tal-Kummissjoni jikkonċerna erba’ lokalitajiet: Whitburn, Beckton, Crossness u Mogden.

    11.

    L-ewwel waħda (Whitburn) tinsab fil-grigal tal-Ingilterra. Fir-rigward tagħha, il-Kummissjoni tallega biss ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, rigward is-sistemi ta’ ġbir.

    12.

    Min-naħa tagħhom, it-tliet lokalitajiet l-oħra jinsabu fiż-żona ta’ Londra u jagħmlu parti mis-sistema ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma mormi tal-belt kapitali. Fil-każ ta’ Beckton u ta’ Crossness il-Kummissjoni tallega ksur kemm tal-Artikolu 3, dwar sistemi ta’ ġbir, kif ukoll tal-Artikoli 4 u 10, dwar impjanti ta’ trattament. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Mogden qiegħed jiġi allegat biss ksur tal-Artikoli 4 u 10.

    13.

    Il-fażi prekontenzjuża ta’ din il-kawża kienet partikolarment twila u kumplessa u ma jeħtieġx li tiġi deskritta fid-dettall. Hija tista’ tiġi deskritta fil-qosor kif ġej:

    14.

    Wara li aġixxiet abbażi ta’ lment li rċeviet matul is-sena 2000, u wara diskussjonijiet mal-awtoritajiet Brittaniċi li ma wasslu għal ebda konklużjoni, fit-3 ta’ April 2003, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju Unit l-ewwel ittra ta’ intimazzjoni rigward is-sitwazzjoni ta’ Whitburn.

    15.

    Sussegwentement, wara li rċeviet ilmenti rigward ilma mormi mhux ittrattat fi kwantitajiet kbar fit-Thames fl-2004-2005, il-Kummissjoni kkuntattjat l-awtoritajiet Brittaniċi fir-rigward ta’ dan u, fil-21 ta’ Marzu 2005, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni rigward is-sitwazzjoni taż-żona ta’ Londra.

    16.

    Wara li ma kinitx sodisfatta bir-risposti mogħtija mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-Kummissjoni, fl-10 ta’ April 2006, bagħtet l-ewwel opinjoni motivata fejn stabbilixxiet il-ksur tal-Artikolu 3 u tal-Anness I tad-Direttiva fir-rigward ta’ Whitburn, u ksur tal-Artikoli 3, 4 u 10 kif ukoll l-Anness I tad-Direttiva fir-rigward ta’ Londra.

    17.

    Abbażi tal-informazzjoni li rċeviet sussegwentement mingħand l-awtoritajiet Brittaniċi, fl-1 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata addizzjonali, fejn b’mod partikolari naqqset is-suġġett tal-ilmenti fir-rigward taż-żona ta’ Londra, billi llimitatu għaż-żoni ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden.

    18.

    Sussegwentement saru skambji ta’ korrispondenza u diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit, li madankollu ma wasslu għal ebda soluzzjoni. Konsegwentement, peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposti mogħtija mir-Renju Unit għall-opinjonijiet motivati, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

    III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    19.

    Ir-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ġunju 2010. Wara l-iskambju ta’ osservazzjonijiet bil-miktub, il-partijiet instemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Novembru 2011.

    20.

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tikkonstata li, billi naqas milli jiżgura, minn naħa, li sistemi ta’ ġbir xierqa jiġu implementati, skont l-Artikolu 3(1) u (2) u l-Anness IA tad-Direttiva, f’Whitburn kif ukoll f’Beckton u Crossness f’Londra, u min-naħa l-oħra, li jkun hemm trattament xieraq tal-ilma mormi mill-impjanti ta’ trattament ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden f’Londra, skont l-Artikolu 4(1) u (3), l-Artikolu 10 u l-Anness I (B) tad-Direttiva, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet;

    tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

    21.

    Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    IV – Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    A – Kunsiderazzjonijiet preliminari

    22.

    Kif diġà osservajt iktar ’il fuq, u kif ġie enfasizzat mill-partijiet stess diversi drabi, il-fatti li taw lok għall-kawża huma kważi inkontestabbli, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti aspetti sekondarji. Għalhekk, il-qofol tal-kwistjoni huwa essenzjalment wieħed legali, u jinvolvi l-ħtieġa li jiġu ddefiniti ċerti kunċetti fundamentali inklużi fid-Direttiva.

    23.

    Dak li qiegħed jiġi kkontestat mill-Kummissjoni fir-rigward tar-Renju Unit, fl-erba’ lokalitajiet inkwistjoni, hija l-kwantità eċċessiva ta’ ilma mormi skarikat mingħajr trattament minn qabel. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din is-sitwazzjoni oriġinat, b’mod partikolari, mill-użu eċċessiv, tal-hekk imsejħa ‘katusi tat-tifwir tal-ilma tax-xita’ (“combined sewer overflows”, iktar ’il quddiem is-“CSOs”). Dan huwa tagħmir li, meta jkun hemm tifwir ta’ sistema ta’ ġbir, jippermetti li ilma li ma jiġix ittrattat jintefa’ direttament fl-ambjent (normalment, fil-baħar jew fi xmara).

    24.

    Kif jindika isimhom stess, is-CSOs huma parti essenzjali, b’mod partikolari, tal-hekk imsejħa “sistemi unitarji”, fejn fl-istess sistema ta’ ġbir jinġabar kemm l-ilma domestiku u/jew industrijali mormi, li joriġina minn proprjetà privata u minn attivitajiet industrijali u anki l-ilma tax-xita, ikkawżat minn preċipitazzjonijiet atmosferiċi. Kif wieħed jista’ jiddeduċi facilment, sistema ta’ ġbir ta’ dan it-tip hija partikolarment suġġetta għal varjazzjonijiet fl-iskariki dovuti għal preċipitazzjonijiet: fil-fatt, matul perijodi li fihom tagħmel ix-xita, il-kwantità ta’ ilma li tgħaddi mis-sistema ta’ ġbir tiżdied b’mod sostanzjali. Ħafna drabi s-sistemi ta’ ġbir li jkunu ġodda jiġbru l-ilma tax-xita b’mod separat, iżda fil-każ ta’ impjanti unitarji li diġà jeżistu, ħafna drabi modifika f’dan is-sens tkun impossibbli, peress li jeħtieġu xogħlijiet ta’ aġġustament kumplessi u għoljin. Il-parti l-kbira tas-sistemi ta’ ġbir li huma s-suġġett tal-kawża preżenti huma sistemi unitarji.

    B – Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva

    25.

    Qabel ma ngħaddi biex neżamina individwalment l-ilmenti ssollevati mill-Kummissjoni, għandhom jiġu eżaminati ċerti aspetti fundamentali tad-Direttiva.

    26.

    Għandu qabelxejn jitfakkar li, kif diġà kellha l-okkażjoni tindika l-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tad-Direttiva huwa vast: dan ma huwiex limitat għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-ilma, iżda huwa intiż li jipproteġi b’mod ġenerali “il-bniedem, il-fawna, il-flora, l-art, l-ilma, l-arja u l-pajsaġġi” minn influwenzi negattivi. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tat-test legali għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni dan l-għan wiesa’ ( 4 ).

    27.

    F’ċerti oqsma, id-Direttiva timponi obbligi fuq l-Istati Membri li huma numerikament stabbiliti, li l-osservanza tagħhom tista’ tiġi vverifikata b’mod relattivament faċli, pereżempju, it-tifsira ta’ “trattament primarju” fl-Artikolu 2(7), jew inkella r-rekwiżiti pprovduti fit-Tabella 1 tal-Anness I fil-qasam tal-impjanti ta’ trattament.

    28.

    Min-naħa l-oħra, f’oqsma oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma nieqsa minn riferimenti numeriċi/kwantitattivi preċiżi, u għalhekk jistgħu jkunu suġġetti għal interpretazzjonijiet differenti, u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tindika liema interpretazzjoni fosthom hija dik korretta. Huwa faċilment innutat li, fil-każ preżenti, hawn inkwistjoni t-tieni tip ta’ sitwazzjoni. Naturalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, b’mod arbitrarju, toħloq riferimenti numeriċi li xtaq jevita l-leġiżlatur. Madankollu, dak li tista’ tagħmel huwa li tipprovdi tifsiriet li, filwaqt li jippreċiżaw sa fejn huwa possibbli dak li jindika t-test legali, jikkostitwixxu indikazzjonijiet interpretattivi raġonevoli.

    29.

    Madankollu, f’dan ir-rigward nixtieq nosserva li, fl-ambitu tal-kawża preżenti, in-nuqqas ta’ punti ta’ riferiment preċiżi huwa partikolarment problematiku. Id-Direttiva mhux biss tinkludi ċerti kunċetti ġeneriċi u mhux preċiżi, saħansitra f’oqsma ta’ natura ferm teknika, iżda talli l-Kummissjoni nfisha ma elaboratx f’dan ir-rigward linji gwida li, anki jekk b’mod unilaterali, jippermettu li tinsilet b’mod ċar l-interpretazzjoni mogħtija lil dawn id-dispożizzjonijiet legali mid-dipartimenti tagħha. Fil-fehma tiegħi, ikun tajjeb li, jekk mhux mil-leġiżlatur almenu mill-Kummissjoni, ikun hemm tfassil u pubblikazzjoni ta’ linji gwida ta’ interpretazzjoni.

    30.

    Fid-dawl ta’ dan, issa ser neżamina l-kunċetti prinċipali li għandhom jiġu interpretati fil-kawża preżenti.

    1. “Operat suffiċjenti” tal-impjanti ta’ trattament

    31.

    Il-kunċett ta’ “operat suffiċjenti” huwa inkluż fl-Artikolu 10 tad-Direttiva, u jagħmel riferiment biss għall-impjanti ta’ trattament u mhux għas-sistemi ta’ ġbir. Dan huwa kunċett li kien jeżisti sa mill-ewwel abbozz tad-Direttiva, li kien ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fl-1989 ( 5 ), u li baqa’ essenzjalment l-istess sat-test finali. B’mod iktar preċiż, kif intwera iktar ’il fuq meta tfakkar l-Artikolu 10, id-Direttiva tikkonċerna “operat suffiċjenti taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi normali kollha”.

    32.

    Fil-fehma tiegħi ma hemmx dubju li din id-dispożizzjoni legali għandha tiġi interpretata fis-sens li teżiġi, b’mod ġenerali, li l-impjanti ta’ trattament ikunu jistgħu jittrattaw l-ilma mormi kollu, taħt kundizzjonijiet normali, f’lokalità partikolari. Dan kien ikkonfermat ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’każijiet fejn il-ġbir u/jew it-trattament kienu jikkonċernaw 80% jew 90% tal-ilma mormi prodott minn agglomerazzjoni ( 6 ). Interpretazzjoni rigoruża bħal din hija wara kollox koerenti mal-għan partikolarment wiesa’ tad-Direttiva, li tfakkar iktar ’il fuq. Barra minn hekk, kif tindika l-istess dispożizzjoni legali, il-varjazzjonijiet staġunali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-tfassil tal-impjanti ta’ trattament. Fi kliem ieħor, il-varjazzjonijiet staġunali li huma prevedibbli ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ trattament tal-ilma mormi. Il-fatt li d-Direttiva ssemmi varjazzjonijiet “[ta]l-istaġuni” jimplika li dawn huma, fil-prinċipju, varjazzjonijiet regolari li jirrepetu ruħhom ġeneralment fuq bażi annwali. Għal kuntrarju, varjazzjoni tat-tip għal kollox irregolari u imprevedibbli tista’, fis-sens tal-Artikolu 10, tiġġustifika nuqqas ta’ trattament.

    33.

    Dak li ġie osservat fil-punt preċedenti ma għandux jiġi interpretat b’mod eċċessivament riġidu, fis-sens li nuqqas ta’ trattament ta’ ilma mormi jista’ biss ikun iġġustifikat f’każ ta’ avvenimenti li jseħħu, bħala medja, inqas minn darba f’sena (li, kif inhu evidenti, ma jistgħux jiġu deskritti bħala “[ta]l-istaġuni”). Fil-fatt, l-Artikolu 10 għandu jinqara flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-Anness I, li ser neżamina iktar ’il quddiem, li jawtorizza li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu numru massimu aċċettabbli ta’ tifwir kull sena.

    34.

    Fi kliem ieħor, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva, in-nuqqas ta’ trattament ta’ ilma mormi huwa ammissibbli biss meta jkunu jeżistu kundizzjonijiet li ma jagħmlux parti mill-ordinarju. Ma huwiex possibbli li din is-sitwazzjoni tiġi ddefinita b’iktar preċiżjoni, peress li l-leġiżlatur xjentement evita li jikkjarifikaha f’termini numeriċi iktar preċiżi. Madankollu, dak li huwa indiskutibbli hija l-inkompatibbiltà mad-Direttiva ta’ impjanti ta’ trattament imfassla b’mod li jiskarikaw regolarment fl-ambjent ilma mormi mhux ittrattat.

    35.

    F’dan il-kuntest, peress li jeżisti obbligu ċar ta’ prinċipju u n-nuqqas ta’ kwantifikazzjoni eżatta tad-derogi possibbli għal dan l-obbligu, fil-fehma tiegħi huwa għal kollox leġittimu li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ kontroll tagħha tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, tadotta linji gwida interni li jirriflettu l-indikazzjonijiet tal-leġiżlatur f’ċifri speċifiċi u verifikabbli, li abbażi tagħhom din tkun tista’ tevalwa, f’kull każ konkret, il-ħtieġa li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat. Huwa ovvju li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni finali tittieħed mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kwalità tagħha ta’ qorti b’ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar kawżi ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu: quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u jistgħu, u għandhom, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull sitwazzjoni speċifika.

    36.

    Madankollu, kif diġà aċċennajt qabel, il-problema tal-kawża preżenti, tikkonsisti fil-fatt li l-Kummissjoni mhux biss ma ppubblikat ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward, iżda lanqas ma jidher li, internament, segwiet prassi ddefinita sew f’dan il-qasam. Evidentement, dan jikkumplika kemm il-kompitu tal-Kummissjoni kif ukoll tal-qorti tal-Unjoni.

    2. “Xita qawwija mhux tas-soltu” u “xita [tempestuża]”

    37.

    Dawn iż-żewġ kunċetti jintużaw mil-leġiżlatur fl-Anness I tad-Direttiva, b’mod partikolari fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1. Għandu jitfakkar għal darba oħra, parti mit-test ta’ din in-nota ta’ qiegħ il-paġna (il-korsiv huwa tiegħi):

    “Peress li fil-prattika mhux possibbli li jinbnew sistemi ta’ ġbir u impjanti ta’ trattament b’tali mod illi l-ilma tad-drenaġġ kollu jkun jista’ jiġi ttrattat f’sitwazzjonijiet bħalma huma xita qawwija mhux tas-soltu, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu fuq il-miżuri li bihom jillimitaw it-tniġġis minn tifwir ta’ xita qawwija [tempestuża]”.

    38.

    Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li ż-żewġ kunċetti huma rilevanti kemm fir-rigward ta’ sistemi ta’ ġbir kif ukoll fir-rigward ta’ impjanti ta’ trattament. Fiż-żewġ każijiet, il-leġiżlatur hawnhekk ħa inkunsiderazzjoni tal-fatt li t-twettiq ta’ sistemi perfetti, li jistgħu jikkanalizzaw u jittrattaw l-ilma mormi kollu mingħajr eċċezzjoni huwa konkretament impossibbli. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprovdu modalitajiet sabiex jillimitaw id-danni li inevitabbilment jinħolqu fil-każijiet fejn ma jinġabarx u/jew ma jiġix ittrattat l-ilma mormi kollu.

    39.

    Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ir-Renju Unit sostna li s-sitwazzjonijiet fejn id-Direttiva tippermetti li ilma mormi jista’ jevita l-qbid jew it-trattament ma humiex biss sitwazzjonijiet ta’ natura eċċezzjonali: in-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-Anness I hija biss ta’ natura illustrattiva, u ma jipprekludux lill-Istati Membri, b’mod partikolari abbażi ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż/benefiċċji, li jippermettu episodji simili anki lil hinn minn ċirkustanzi eċċezzjonali. Kuntrarjament, skont il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ ġbir jew ta’ trattament tal-ilma jista’ jkun permess biss b’mod eċċezzjonali, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

    40.

    Għalkemm it-test li għandu jiġi interpretat hawnhekk ma huwiex daqshekk ċar, insostni li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija korretta u li l-imsemmija nota ta’ qiegħ il-paġna 1, lil hinn milli tipprovdi sostenn għall-interpretazzjoni proposta mir-Renju Unit, għandha tinftiehem fis-sens li n-nuqqas ta’ ġbir jew ta’ trattament tal-ilma ma jista’ qatt jitqies li huwa sitwazzjoni “ordinarja” u kompatibbli mad-Direttiva, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

    41.

    Huwa veru li d-Direttiva ssemmi s-sitwazzjoni ta’ “xita qawwija mhux tas-soltu” fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi, b’mod illustrattiv (“f’sitwazzjonijiet bħalma”). Din għalhekk tippermetti, impliċitament, li n-nuqqas ta’ ġbir jew ta’ trattament ta’ ilma jista’ jkun awtorizzat anki f’sitwazzjonijiet oħra. Madankollu, ma huwiex indikat liema huma dawn is-sitwazzjonijiet l-oħra.

    42.

    Għad-differenza tar-Renju Unit, jien insostni li madankollu dawn is-sitwazzjonijiet l-oħra, fil-varjetà possibbli tagħhom, għandhom ikunu ta’ natura eċċezzjonali. Ma jista’ jiġi aċċettat b’ebda mod li l-iskarikar fl-ambjent ta’ ilma mormi mhux ittrattat jista’ jsir f’sitwazzjonijiet “ordinarji”. L-argumenti segwenti, b’mod partikolari, jikkonfermaw dan.

    43.

    Fl-ewwel lok, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 għandha tinqara fid-dawl tal-għan ġenerali tad-Direttiva, li huwa dak li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent. Ikun assurd jekk jitqies li ilma mormi mhux ittrattat jista’ jiġi skarikat regolarment fl-ambjent, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, sempliċement minħabba li sistema ta’ ġbir jew impjant ta’ trattament tfasslu b’kapaċità mnaqqsa.

    44.

    Fit-tieni lok, il-fatt li x-xita qawwija mhux tas-soltu hija waħda mis-sitwazzjonijiet fejn ma humiex permessi derogi għall-prinċipju ta’ ġbir/trattament totali, ma jfissirx li, fil-każijiet l-oħra fejn dan jista’ jkun permess, ma għandhiex teħtieġ il-kundizzjoni ta’ natura eċċezzjonali. Għall-kuntrarju, din in-natura eċċezzjonali hija imposta mill-kuntest u mill-għan tad-dispożizzjoni legali.

    45.

    Fit-tielet lok, is-silta li trid tiġi interpretata tissokta tindika li l-Istati Membri għandhom jipprovdu miżuri li bihom jillimitaw it-tniġġis minn “tifwir ta’ xita qawwija [tempestuża]”. Għalkemm ir-Renju Unit isostni li din il-frażi għandha tinftiehem fis-sens li tagħmel riferiment għal kull tip ta’ tifwir, mill-qari tad-Direttiva jirriżulta li din ma kinitx ir-rieda tal-leġiżlatur. Għalkemm ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ din l-aħħar frażi huma iktar newtrali, u jirreferu b’mod ġenerali għal tifwir ikkawżat mix-xita ( 7 ), dan ma huwiex il-każ tal-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, u ssir enfasi fuq in-natura eċċezzjonali tal-kawża tat-tifwir ( 8 ). Filwaqt li huwa fatt mhux ikkontestat li l-obbligu li jiġu limitati id-danni ambjentali tat-tifwir jikkonċerna biss dawk relatati ma’ avvenimenti eċċezzjonali, li kellu jkun permissibbli għall-Istati, b’mod ġenerali, li jiskarikaw ilma mhux ittrattat anki f’kundizzjonijiet “ordinarji”, ikun hemm sitwazzjoni fejn id-Direttiva timponi limiti fuq id-danni kkawżati mit-tifwir marbut ma’ ċirkustanzi eċċezzjonali, iżda mhux ma’ dak ikkawżat minn tifwir li ma għandux tali ġustifikazzjoni. Din tkun għalhekk sitwazzjoni assurda, u ċertament, tmur kontra l-għan tad-Direttiva. Għaldaqstant, huwa evidenti li l-idea sottostanti tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 hija li huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li l-ilma mormi jista’ jiġi skarikat fl-ambjent mingħajr ma jinġabar u jiġi ttrattat minn qabel.

    46.

    Barra minn hekk nosserva, sa fejn naf jien, li hemm minn tal-inqas verżjoni lingwistika waħda fejn ir-raġunament li għadni kif għamilt jiġi għal darba oħra kkonfermat ( 9 ): qiegħed nirreferi għall-verżjoni Ġermaniża, li tafferma li l-impossibbiltà li jinġabar u jiġi ttrattat l-ilma tikkonċerna “sitwazzjonijiet estremi, bħal pereżempju dawk li jkunu kkawżati minn xita qawwija mhux tas-soltu” ( 10 ). Iż-żieda tal-aġġettiv “estremi” tikkonferma hawnhekk li, fil-varjetà possibbli tagħhom, is-sitwazzjonijiet permissibbli konformi man-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 għandhom għalhekk ikunu ta’ natura eċċezzjonali.

    47.

    Wara li ġie ċċarat dan il-punt, jibqgħu madankollu żewġ mistoqsijiet. L-ewwel nett, meta jista’ jingħad li hemm “xita qawwija mhux tas-soltu”? It-tieni nett, liema sitwazzjonijiet eċċezzjonali oħra, differenti mill-avvenimenti atmosferiċi, jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ ġbir jew ta’ trattament tal-ilma?

    48.

    Fir-rigward tal-ewwel domanda, ma nistax ħlief nirrepeti l-konstatazzjoni evidenti, kif għamilt iktar ’il fuq, li tipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tistabbilixxi valuri numeriċi li l-leġiżlatur ikkunsidra li ma kienx xieraq li jistabbilixxi. Mill-istess perspettiva, jista’ jkun għal kollox raġonevoli li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida kwantitattivi li fuqhom tissejjes l-attività ta’ kontroll tagħha: naturalment il-Qorti tal-Ġustizzja hija l-aħħar ġudikant tan-natura raġonevoli ta’ tali linji gwida. Madankollu, fil-każ tagħna, ma jidhirx li l-Kummissjoni stabbilixxiet linji gwida li huma kompletament ċari. F’diversi okkażjonijiet, kemm fil-fażi prekontenzjuża kif ukoll fil-mori tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni madankollu indikat, b’mod ġenerali, li l-każ ta’ eċċess tal-limitu ta’ 20 skariku fis-sena joħloq tħassib dwar l-eżistenza tal-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Tali riferiment numeriku, anki bil-limiti kollha tiegħu u bla ħsara għall-obbligu ta’ evalwazzjoni każ b’każ, jista’ tkun raġonevoli u aċċettabbli, sa fejn ikun ir-riżultat ta’ riflessjoni bbażata fuq paragun bejn il-prassi eżistenti f’diversi Stati Membri.

    49.

    Madankollu, il-problema tikkonsisti fil-fatt li l-Kummissjoni nfisha ma tidhirx kompletament ċerta mill-irwol li għandu jingħata l-limitu ta’ 20 skariku. Mhux biss din qatt ma pprovdiet indikazzjoni uffiċjali f’dan is-sens, iżda talli fil-kawża preżenti tidher indeċiża, sal-aħħar, bejn interpretazzjoni ta’ dan il-limitu bħala limitu massimu li jista’ biss ikun hemm eċċess tiegħu f’ċirkustanzi eċċezzjonali, u interpretazzjoni ferm inqas stretta, skont liema din sempliċement indikazzjoni nieqsa minn kull effett immedjat.

    50.

    Il-konsegwenza hija li jekk, minn naħa, ir-Renju Unit ma jistax jiġi akkużat li żviluppa parti sostanzjali mir-raġunament tiegħu fuq ir-regola tal-20 skariku, li hija l-unika regola indikata mill-Kummissjoni b’ċerta kjarezza matul il-fażi prekontenzjuża, u b’mod partikolari fl-opinjoni motivata addizzjonali tagħha, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tiddeċiedi fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat billi tibbaża ruħha fuq id-Direttiva u l-indikazzjonijiet ġeneriċi tagħha. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija wisq fluwida sabiex ikun jista’ jiġi sostnut li din ippreżentat rikors abbażi ta’ prassi interna ddefinita sew ibbażata fuq ir-regola tal-20 skariku, regola li f’dan il-każ għandha hija stess tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    51.

    Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi interpretazzjoni iktar preċiża tal-kunċett ta’ “xita qawwija mhux tas-soltu” għandha neċessarjament tirrifletti kunċett li ser neżamina dalwaqt, jiġifieri dak ta’ “l-aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi” (jew, biex nuża l-espressjoni bl-Ingliż “best technical knowledge not entailing excessive costs”, li minnha jirriżulta l-akronimu BTKNEEC). Naturalment, dan huwa kunċett għal kollox separat li jirreferi mhux għal avvenimenti atmosferiċi, iżda għal kisbiet umani. Madankollu, nikkunsidra li, b’mod konkret, l-uniku mod raġonevoli kif jiġu interpretati l-obbligi tad-Direttiva huwa dak li jsir, f’kull każ, eżami taċ-ċirkustanzi kollha, billi jinġabru taħt evalwazzjoni waħda l-kontroll tan-natura straordinarja tal-avveniment u l-ispejjeż li jridu jiġu sostnuti sabiex jitwettqu sistemi ta’ ġbir u impjanti ta’ trattament li jkunu suffiċjenti sabiex jiġi evitat anki f’dak il-każ, kull tifwir. Fi kliem ieħor, jiena tal-fehma li l-kunċett ta’ “xita qawwija mhux tas-soltu” ma huwiex statiku, iżda jista’ wkoll ivarja skont parametri oħra.

    52.

    F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ BTKNEEC, għalkemm isir formalment riferiment għalih fl-Anness I fir-rigward biss ta’ sistemi ta’ ġbir, fil-fehma tiegħi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni anki fir-rigward ta’ impjanti ta’ trattament. Fil-fatt, dan il-kunċett jidher li huwa iktar adattat sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet ambizzjużi tad-Direttiva mingħajr ma jintilef l-approċċ realistiku neċessarju fir-rigward tal-possibbiltajiet ekonomiċi u tekniċi.

    53.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tieni domanda, li tirreferi għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali possibbli għajr avvenimenti meteoroloġiċi, għandha tiġi enfasizzata f’dan ir-rigward in-neċessità li jitħalla suffiċjentement skop sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet li ma humiex biss eċċezzjonali, iżda anki imprevedibbli. Sempliċement bħala eżempju, jistgħu jissemmew sitwazzjonijiet ta’ qtugħ ġenerali ta’ elettriku li jistgħu konsegwentement iwasslu sabiex l-impjanti ta’ trattament ma jiffunzjonawx iktar, jew ta’ diżastri naturali li, għalkemm ma jintrabtux ma’ preċipitazzjonijiet (bħal pereżempju terremoti), jistgħu madankollu jikkawżaw ħsara lill-impjanti ta’ trattament jew sistemi ta’ ġbir jew li dawn ma jiffunzjonawx iktar temporanjament. F’każijiet simili ma hemmx dubju li ma jkun hemm ebda ksur tad-Direttiva. Madankollu, huwa ċert bl-istess mod li anki f’każijiet simili l-Istati Membri jkollhom l-obbligu li jaddottaw miżuri sabiex jillimitaw it-tniġġis, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-Anness I, anki jekk l-ilma skarikat mingħajr trattament ma jkunx neċessarjament ġej minn preċipitazzjonijiet. Kwalunkwe interpretazzjoni differenti tkun f’kunflitt mal-obbligu tal-effett utli tad-Direttiva u tal-osservanza tal-għanijiet tagħha.

    3. “L-aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi” (BTKNEEC)

    54.

    It-tifsira tal-kunċett ta’ BTKNEEC hija wieħed mill-aspetti tal-kawża preżenti li l-partijiet iddiskutew fit-tul u b’mod intensiv, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub u anki matul is-seduta. Dan huwa kunċett li jinsab fil-punt A tal-Anness I: din tirreferi biss, minn perspettiva formali, għal sistemi ta’ ġbir u mhux għall-impjanti ta’ trattatament. Madankollu, kif ippruvajt nispjega fil-punti preċedenti, jiena tal-fehma li l-kunċett ta’ BTKNEEC jista’ jitqies bħala wieħed mill-aspetti kruċjali tad-Direttiva, utli sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet kollha, inklużi dawk li jikkonċernaw l-impjanti ta’ trattament. Din fil-fatt tippermetti li jintlaħaq kompromess xieraq bejn il-ħtieġa li jiġi ggarantit l-effett utli tad-Direttiva u dik li ma jiġux imposti fuq l-Istati obbligi li jkun impossibbli għalihom li jwettqu. Għalkemm deskritt f’termini differenti, il-kunċett ta’ “operat suffiċjenti” tal-impjanti ta’ trattament, fl-Artikolu 10, huwa bbażat fuq l-istess loġika, u dan stess jista’ jitqies bħala espressjoni tal-klawżola BTKNEEC.

    55.

    Skont l-interpretazzjoni tar-Renju Unit, il-kunċett ta’ BTKNEEC huwa l-punt ċentrali ta’ regola li, b’mod ġenerali, tawtorizza lill-Istati Membri jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedu, billi jibbażaw ruħhom fuq evalwazzjoni tal-ispejjeż/benefiċċji, liema għandu jkun il-livell xieraq ta’ ġbir u trattament tal-ilma mormi. Fl-ambitu ta’ din l-evalwazzjoni, b’mod partikolari, ir-Renju Unit jikkunsidra li huwa essenzjali li jittieħed inkunsiderazzjoni dejjem l-impatt tal-iskariki ta’ ilma mhux ittrattat fuq l-ilma riċeventi: fi kliem ieħor, il-prinċipji tad-Direttiva jiġu dejjem osservati, u ma jkun hemm ebda ksur, fil-każijiet fejn, għalkemm l-ilma miġbur u/jew ittrattat ikun biss parti mill-ilma mormi, l-iskariki ma joħolqux danni ambjentali sinjifikattiv.

    56.

    Għal kuntrarju, skont l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ BTKNEEC ikollu l-konsegwenza biss, fil-prattika, li jirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom id-dritt tal-għażla bejn sistemi possibbli biex jintlaħaq l-għan li, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ma jinbidilx: li jiġi ggarantit il-ġbir u t-trattament ta’ 100 % tal-ilma mormi prodott. Fi kliem ieħor, skont il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni legali tfisser sempliċement li l-Istati Membri jistgħu, fost l-alternattivi li huma teknikament possibbli sabiex jinkiseb ir-riżultat meħtieġ, jagħżlu dik l-inqas għalja.

    57.

    Fil-fehma tiegħi, minn ħarsa iktar mill-qrib, kemm l-interpretazzjoni tar-Renju Unit kif ukoll dik tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda. It-tnejn li huma, minkejja li differenti, huma fil-fatt ikkaratterizzati minn interpretazzjoni estrema tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni. Minn naħa, jekk wieħed isegwi il-pożizzjoni sostnuta mir-Renju Unit, jispiċċa jirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom setgħa tant wiesgħa ta’ diskrezzjoni li ċċaħħad — kompletament jew kważi kompletament — id-Direttiva mill-effett utli tagħha u, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jimponu lill-Istati Membri jattrezzaw l-agglomerazzjonijiet kollha ta’ daqs ikbar minn ċertu minimu b’sistemi ta’ ġbir u impjanti ta’ trattament. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, għalkemm probabbilment hija iktar viċin l-ispirtu tad-dispożizzjoni legali kif mifhuma mill-leġiżlatur, għandha r-riskju li ċċaħħad minn effett utli, jekk mhux id-Direttiva kollha, minn tal-inqas il-klawżola BTKNEEC ( 11 ). Fil-fatt, ma huwiex raġonevoli li wieħed isostni li, meta indika b’mod espliċitu l-ħtieġa li jintuża aħjar l-għarfien tekniku li ma jinvolvix spejjeż eċċessivi, il-leġiżlatur tad-Direttiva rrikonoxxa biss li l-Istati Membri għandhom il-libertà li, fost is-sistemi tekniċi possibbli li jwasslu għal riżultat finali uniku, jagħżlu s-sistema l-inqas għolja. Min-naħa l-oħra, huwa ċar li, b’din il-klawżola, il-leġiżlatur kellu l-ħsieb itaffi l-effetti possibbilment “eċċessivi” ta’ implementazzjoni riġida wisq tad-Direttiva, u indika l-possibbiltà li, f’ċerti każijiet, ċerti effetti negattivi fuq l-ambjent għandhom ikunu aċċettati.

    58.

    Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni korretta tal-klawżola BTKNEEC tinsab nofs triq bejn iż-żewġ pożizzjonijiet estremi li għadni kif indikajt.

    59.

    B’mod partikolari, il-klawżola BTKNEEC għandha titqies bħala xorta ta’ “valv tas-siġurtà” li jippermetti li tiġi evitata l-impożizzjoni fuq l-Istati Membri ta’ obbligi mhux realistiċi, jew ta’ spejjeż ta’ implementazzjoni li jkunu tabilħaqq sproporzjonati. Madankollu, f’dan ir-rigward, għandhom jiġu rrilevati l-punti li ġejjin.

    60.

    L-ewwel nett, din il-klawżola tikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ natura eċċezzjonali, li ma jistax jintuża sabiex ixellef il-prinċipju, kif ġie affermat mill-istess ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġbir u t-trattament għandhom jikkonċernaw, b’mod ġenerali, l-ilma mormi kollu. Din l-eċċezzjonalità għandha tkun irrilevata iktar u iktar fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi, proprju b’riferiment għad-Direttiva 91/271, li l-ispejjeż tax-xogħlijiet neċessarji għall-aġġustament huma minnhom infushom irrilevanti ( 12 ).

    61.

    It-tieni nett, huwa evidenti li l-użu ta’ din il-klawżola ma jistax jintrabat, fl-astratt, ma’ ċerti ċirkustanzi stabbiliti minn qabel. Għalhekk, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat a priori livell ta’ spejjeż li fil-każ ta’ eċċess tiegħu l-obbligu li jinġabar u jiġi ttrattat 100 % tal-ilma mormi ma jibqax japplika. Kuntrarjament, il-klawżola BTKNEEC teżiġi, dejjem u f’kull każ, evalwazzjoni kompluta taċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ konkret u għandha neċessarjament tiġi aġġustata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni tagħhom.

    62.

    It-tielet nett, f’dan il-kuntest jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif ġie rrakkommandat mir-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, l-effetti fuq l-ambjent tal-iskariki ta’ ilma mhux ittrattat. In-natura sproporzjonata tal-ispejjeż ta’ ċerti xogħlijiet, u għalhekk, in-nuqqas ta’ neċessità li dawn jitwettqu b’mod konkret, jistgħu jiġu evalwati b’iktar ċertezza meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ambjentali tal-imsemmi nuqqas ta’ twettiq. Huwa ċar li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ ċerti xogħlijiet, u għalhekk il-fatt li jiġu ttollerati ċerti skariki ta’ ilma mhux ittrattat fl-ambjent, jista’ jkun iktar aċċettabbli iktar ma jkunu minimi d-danni potenzjali li jistgħu jiġu kkawżati mill-ilma mhux ittrattat.

    63.

    Madankollu, il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kriterju tal-effetti dannużi fuq l-ambjent ta’ ilma mhux ittrattat ma tfissirx, kif isostni r-Renju Unit, li dan huwa l-uniku kriterju li bih għandha tkun evalwata l-konformità mad-Direttiva. Kif irrilevat korrettement il-Kummissjoni waqt is-seduta, id-Direttiva ma tindikax limiti ta’ tniġġis aċċettabbli: din tipprovdi l-obbligu fundamentali li l-agglomerazzjonijiet urbani jiġu attrezzati b’sistemi ta’ ġbir u b’impjanti ta’ trattament. Skont is-sentenzi riċenti li ċċitajt iktar ’il fuq ( 13 ), ladarba ġie kkonfermat li s-sistemi ta’ ġbir ta’ wħud mill-agglomerazzjonijiet ma kellhomx 100 % kopertura, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx jekk dan kienx jipproduċi effetti dannużi fuq l-ambjent iżda pjuttost, ikkonstatat, b’mod awtomatiku, li kien hemm ksur mill-Istati Membri kkonċernati.

    64.

    Għaldaqstant, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-Renju Unit li jipprovdi li, fl-iskadenzi stabbiliti mid-Direttiva għat-twettiq ta’ sistemi ta’ ġbir u impjanti ta’ trattament, huwa biss importanti li l-agglomerazzjonijiet urbani jkunu attrezzati b’dawn l-impjanti, indipendentement mill-prestazzjoni li setgħet titwettaq minn dawn tal-aħħar. Jekk wieħed japplika din il-loġika għall-konsegwenzi estremi tagħha, li tiġi implementata sistema li tista’ tittratta, pereżempju, 50 % biss tal-ilma mormi ta’ belt, huwa suffiċjenti għall-iskop ta’ konformità mad-Direttiva u t-titjib fl-operat għal trattament ta’ 100 % tal-ilma ma jkunx jirriżulta mill-obbligu leġiżlattiv ta’ konformità mad-Direttiva fit-terminu previst, iżda jikkostitwixxi biss titjib fl-effiċjenza ta’ sistema li fir-rigward tagħha ma hemm stabbilita ebda skadenza u li, essenzjalment, ma huwa permess ebda kontroll. Huwa evidenti li tali interpretazzjoni la tikkorrispondi għar-rieda tal-leġiżlatur u lanqas għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

    65.

    Barra minn hekk, bl-iskop li jiġi ppreżervat l-effett utli tad-Direttiva, huwa indispensabbli li, f’każ li l-ġabra jew it-trattament ta’ 100 % tal-ilma mormi — ħlief il-każ, naturalment, ta’ avvenimenti eċċezzjonali fejn anki l-Kummissjoni tippermetti l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ trattament — ikunu impossibbli jew partikolarment diffiċli, ikun l-Istat Membru kkonċernat li jipprovdi l-prova tal-applikabbiltà tal-klawżola BTKNEEC. F’sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip, hemm fil-fatt, bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni żbilanċ nett fil-qasam tal-informazzjoni: il-Kummissjoni ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha mezzi awtonomi sabiex tevalwa sitwazzjoni konkreta, u trid tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni li jipprovdulha, b’mod partikolari, mill-Istat Membru kkonċernat. Din il-pożizzjoni hija barra minn hekk konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li, minkejja li fil-kawżi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni, la darba din tal-aħħar tkun ipprovdiet l-elementi prinċipali tal-fatti li fuqhom ibbażat ir-rikors tagħha, huwa l-Istat Membru, li abbażi tal-informazzjoni vasta li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, għandu jipproduċi l-prova dettaljata li fir-realtà il-ksur ma jeżistix ( 14 ).

    4. Sommarju

    66.

    Bħala sommarju tal-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq rigward l-effett ġenerali tal-obbligi previsti mid-Direttiva, għandu jiġi rrilevat li din timponi lill-Istati Membri, b’mod ġenerali, jattrezzaw l-agglomerazzjonijiet urbani b’sistemi ta’ ġbir u b’impjanti ta’ trattament li, għajr f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ikunu kapaċi jiżguraw li jsir il-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi kollu li jiġi prodott. L-obbligu ta’ ġbir u ta’ trattament komplet ma jestendix għall-każijiet fejn dan ikun impossibbli li jsir minn lat teknoloġiku jew inkella jkun jimplika spejjeż tabilħaqq sproporzjonati, b’mod partikolari fid-dawl tal-effetti ta’ ħsara limitata fuq l-ambjent.

    67.

    B’mod konkret, dak li qiegħed nipproponi huwa kontroll li jikkonsisti f’żewġ fażijiet, kemm għal sistemi ta’ ġbir kif ukoll għal impjanti ta’ trattament. Fl-ewwel fażi, għandu jiġi vverifikat jekk l-iskariki jistgħux jitqiesu bħala avveniment eċċezzjonali, jew aħjar bħala aspett mhux “ordinarju” tal-funzjonament tas-sistema ta’ ġbir jew tal-impjant ta’ trattament. Fit-tieni fażi, la darba fl-ewwel fażi tiġi stabbilita n-natura mhux eċċezzjonali tal-iskariki ta’ ilma mhux ittrattat fl-ambjent, għandha ssir verifika abbażi tal-klawżola BTKNEEC. F’din il-fażi, l-oneru tal-prova, li fl-ewwel fażi kien, kif abitwalment, bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, huwa għal kollox responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, huwa l-Istat li għandu juri li t-twettiq ta’ livell aħjar ta’ ġbir u ta’ trattament ta’ ilma jkun teknoloġikament impossibbli jew ikun jinvolvi spejjeż tabilħaqq sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji li jistgħu jinkisbu għall-ambjent.

    68.

    Wara li ġew iċċarati b’mod preliminari l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri, ser neżamina sussegwentement l-ilmenti differenti ssollevati mill-Kummissjoni kontra r-Renju Unit.

    C – Fuq is-sitwazzjoni ta’ Whitburn

    1. Il-fatti u l-pożizzjonijiet tal-partijiet

    69.

    In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Whitburn jikkonċerna biss, kif intwera preċedentement, l-Artikolu 3 tad-Direttiva, dwar is-sistemi ta’ ġbir. Ma hemmx allegazzjonijiet ta’ nuqqas jew insuffiċjenza ta’ impjanti ta’ trattament.

    70.

    Whitburn tifforma parti mill-agglomerazzjoni ta’ Sunderland, li hija koperta b’sistema ta’ ġbir prinċipali waħda tat-tip unitarja, li fiha jinġabru kemm l-ilmijiet mormija kif ukoll l-ilmijiet tax-xita. F’kundizzjonijiet normali, l-ilmijiet tas-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn jiġu ttrasferiti, permezz ta’ stazzjonijiet ta’ pompi (Seaburn, Roker u sussegwentement St. Peters), lejn l-impjant ta’ trattament ta’ Hendon, li jiżgura t-trattament tal-ilmijiet li joriġinaw mill-agglomerazzjoni kollha.

    71.

    Meta l-kwantità ta’ ilma miġbur fis-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn ikun qabeż b’4.5 darbiet il-fluss tal-ilma f’temp xott ( 15 ), l-eċċess tal-ilma jiġi ddevjat ġewwa mina għall-ħażna, li għandha kapaċità operattiva ta’ 7000 m3. Meta l-kwantità tal-ilma eżistenti fis-sistema ta’ ġbir tonqos, l-ilma maħżun fil-mina jiġi ppumpjat mill-ġdid fis-sistema ta’ ġbir u kkanalizzat lejn l-impjant ta’ Hendon, għal trattament finali. Madankollu, jekk tinqabeż il-kapaċità operattiva tal-mina, l-eċċess tal-ilma jiġi skarikat direttament fil-baħar, mingħajr ma jiġi suġġett għal ebda trattament ieħor għajr filtraġġ mekkaniku permezz ta’ xibka b’malji ta’ 6 mm. Dawn l-iskariki jsiru b’katusa taħt il-baħar b’tul ta’ 1.2 km.

    72.

    Matul is-snin ta’ qabel id-data stabbilita fl-opinjoni motivata (l-1 ta’ Frar 2009), l-iskariki tal-ilma mhux ittrattat f’Whitburn kienu dawk kif indikat fit-tabella li ġejja. Iċ-ċifri ġew ipprovduti mill-Kummissjoni, iżda ma ġewx ikkontestati mir-Renju Unit.

    Sena

    Numru ta’ skariki

    Volum skarikat (m3)

    2005

    27 (1)

    542.070

    2006

    25

    248.130

    2007

    28

    478.620

    2008

    47

    732.150

    73.

    Skont il-Kummissjoni, dawn iċ-ċifri jindikaw kwantità eċċessiva ta’ skariki ta’ ilma mhux ittrattat fl-ambjent, li hija inkompatibbli mal-obbligi imposti mid-Direttiva fuq l-Istati Membri.

    74.

    Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq rapport ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2002 minn spettur indipendenti nnominat mill-Ministru tal-Ambjent tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem “l-Ispettur”), wara talba li saret mill-kumpannija li tiġġestixxi s-sistema ta’ Whitburn, intiża għal ċertu tibdil fil-permess tagħha tal-ġestjoni tas-sistema. Dan ir-rapport jinkludi diversi osservazzjonijiet kritiċi ferm dwar is-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn, li kienet ikkunsidrata li hija insuffiċjenti sabiex tillimita b’mod xieraq l-iskariki fl-ambjent ta’ ilma mhux ittrattat ( 16 ). Skont l-Ispettur, l-insuffiċjenza tas-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn kellha bħala konsegwenza skariki spissi ta’ ilma mhux ittrattat anki f’perijodi ta’ xita moderata jew ta’ mingħajr xita. Fis-snin ta’ wara r-rapport tal-Ispettur, ma kien hemm l-ebda bidla fiżika fis-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn. L-unika bidla li seħħet kienet fil-modalitajiet tal-ġestjoni tal-mina għall-ħażna tal-ilmijiet f’każijiet ta’ tifwir: bis-saħħa ta’ dawn il-modalitajiet ġodda, il-każijiet ta’ skariki saru iktar rari, iżda l-kwantità ta’ ilmijiet skarikati fl-ambjent baqgħu essenzjalment l-istess bejn l-2001 u l-2008, b’varjazzjoni bejn massimu ta’ 732.150 m3 (fl-2008) u minimu ta’ 248.130 m3 (fl-2006).

    75.

    Il-Kummissjoni tirrileva li dawn il-kwantitajiet ta’ ilmijiet mhux ittrattati huma ekwivalenti għal dawk ta’ agglomerazzjoni ta’ popolazzjoni li tvarja bejn iktar minn 3700 (b’riferiment għall-kwantitajiet tal-2006) u iktar minn 11000 (b’riferiment għall-kwantitajiet tal-2008), fi kwalunkwe każ iktar minn popolazzjoni ekwivalenti ta’ 2000 li f’każ ta’ eċċess tagħha, id-Direttiva tistabbilixxi l-obbligu li agglomerazzjoni tkun attrezzata b’sistemi ta’ ġbir u impjanti ta’ trattament. Fi kliem ieħor, huwa daqslikieku tkun teżisti agglomerazzjoni sħiħa ta’ dan id-daqs nieqsa minn kwalunkwe forma ta’ ġbir u trattament ta’ ilma mormi.

    76.

    Il-ksur tad-Direttiva huwa ferm iktar serju, skont il-Kummissjoni, minħabba li l-katusa taħt il-baħar tinsab viċin ċerti xtajtiet, fejn ta’ spiss ġew irrappurtati fdalijiet li, probabbilment, joriġinaw mis-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn.

    77.

    Ir-Renju Unit ma jikkontestax il-parti l-kbira tal-fatti indikati mill-Kummissjoni, ħlief fir-rigward tal-fdalijiet li nstabu fuq ix-xtajtiet. Fil-fatt, dawn il-fdalijiet ma setgħux oriġinaw mis-sistema ta’ Whitburn, peress li l-katusa taħt il-baħar użata għall-iskarikar hija attrezzata b’filtru: barra minn hekk il-fdalijiet li l-ammont tagħhom naqas fl-aħħar snin, għandhom konsegwentement oriġini differenti. Madankollu, fir-rigward tal-kumplament, il-fatti rigward Whitburn ma humiex ikkontestati, u d-difiża tar-Renju Unit hija essenzjalment ibbażata fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva.

    78.

    B’mod partikolari, ir-Renju Unit jinsisti fuq il-fatt li l-kwalità tal-ilma li fih isiru l-iskariki ma ġarrbitx effetti negattivi minħabba l-iskariki nfushom, kif jixhed ukoll il-fatt li l-ilma quddiem ix-xtajtiet lokali dejjem osservaw il-limiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni għall-għawm ( 17 ).

    79.

    Ir-Renju Unit ukoll ibbaża ruħu fuq studju, li sar fl-2010, bl-iskop li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni f’Whitburn fid-dawl tal-opinjoni motivata u tal-opinjoni motivata addizzjonali tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, dan l-istudju evalwa l-konsegwenzi possibbli ta’ tnaqqis fin-numru ta’ skariki taħt il-limitu ta’ 20 fis-sena, kif deher li kienet teżiġi l-Kummissjoni, b’mod partikolari fl-opinjoni motivata addizzjonali. Dan l-istudju stabbilixxa li, sabiex in-numru ta’ skariki jinżamm inqas minn 20 kull sena, l-unika soluzzjoni possibbli tkun it-tisħiħ tal-mina ta’ ħażna, sabiex tilħaq kapaċità ta’ 10800 m3. Madankollu, tali bidla twassal biss għal titjib minimu, ta’ madwar 0.31 %, tal-kwalità tal-ilma riċeventi, li jiġi kkalkolat billi jintużaw parametri li normalment jintużaw sabiex jiġi evalwat l-ilma għall-għawm. Għal dawn ir-raġunijiet, l-istudju ma rrakkomanda ebda tibdil tas-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn.

    2. Evalwazzjoni

    80.

    Sabiex jiġi vverifikat jekk ir-Renju Unit naqasx milli jwettaq obbligu fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Whitburn, ser nibbaża l-analiżi tiegħi fuq it-test ta’ żewġ fażijiet li pproponejt iktar ’il fuq.

    81.

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura mhux eċċezzjonali tal-iskariki ta’ ilma mhux ittrattat, jiena tal-fehma li l-Kummissjoni pprovdiet biżżejjed evidenza skont id-dritt. Kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, u kif barra minn hekk ma kienx ikkontestat mir-Renju Unit, minkejja titjib tas-sitwazzjoni matul l-aħħar snin, is-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn tibqa’ tiskarika b’mod regolari ilma mhux ittrattat fl-ambjent. Kif diġà osservajt, ma huwiex possibbli li jiġi indikat numru ta’ skariki li jammonta għal limitu fiss bejn avvenimenti eċċezzjonali u avvenimenti rikorrenti: kif ġie sostnut iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ta’ spiss tirreferi għaċ-ċifra ta’ 20 skariku; anki rapport ikkummissjonat mill-Gvern tar-Renju Unit rigward is-sitwazzjoni ta’ Londra ( 18 ) kkonkluda li kien raġonevoli limitu li kien iktar restrittiv, ekwivalenti għal 12-il skariku f’sena. Fi kwalunkwe każ, indipendentement mill-mudell adottat, is-sitwazzjoni ta’ Whitburn kienet bla dubju kkaratterizzata, mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, minn skariki li n-numru u l-intensità tagħhom jindikaw realtà rikorrenti u ċertament mhux okkażjonali. Kif wieħed jista’ jara mit-tabella riprodotta fil-punt 72, bejn l-2006 u l-2008 kien hemm, kull sena, bejn 25 sa 47 skariku. Tali ċifra ċertament ma tindikax avveniment eċċezzjonali, u lanqas ir-Renju Unit ma sostna li l-iskariki f’Whitburn huma ta’ natura eċċezzjonali.

    82.

    Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, ir-Renju Unit irnexxilux jipprova l-applikabbiltà għall-każ inkwistjoni tal-klawżola BTKNEEC: jekk fi kliem ieħor, tnaqqis tal-iskariki jimplikax soluzzjonijiet li huma teknoloġikament impossibbli jew spejjeż li huma assolutament sproporzjonati fir-rigward tal-benefiċċji.

    83.

    Id-dokument ewlieni f’dan ir-rigward huwa, fil-fehma tiegħi, l-istudju li sar fl-2010 li semmejt iktar ’il fuq, fil-punt 79. Fid-dawl ta’ dan huwa ċar, fuq kollox, li tnaqqis kunsiderevoli tal-iskariki ta’ ilmijiet mhux ittrattati f’Whitburn ma jippreżentax ostakoli partikolari mil-lat teknoloġiku: dan essenzjalment jimplika estensjoni tal-mina għall-ħażna eżistenti, u fl-ebda punt ir-Renju Unit ma indika li soluzzjoni bħal din ma tkunx prattika.

    84.

    Madankollu, fl-istess ħin, l-istudju kkalkola liema jista’ jkun it-titjib fil-kwalità tal-ilma riċeventi miksub bl-estensjoni tal-mina u t-tnaqqis sussegwenti tal-iskariki. Dan ir-raġunament sar abbażi tal-limitu ta’ 20 skariku, u billi ġew segwiti f’dan ir-rigward l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fil-fażi prekontenzjuża. F’dan il-kuntest, l-istudju jassumi titjib ta’ 0.3 % tal-kwalità tal-ilma, u kkonkluda, konsegwentement, li l-evalwazzjoni tal-ispejjeż/benefiċċji ma kinitx tiġġustifika xi intervent addizzjonali f’Whitburn.

    85.

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-kwalità tal-ilma baħar ħdejn Whitburn, skont kif ġie osservat mir-Renju Unit, u li ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni, hija pjuttost għolja u dejjem tosserva l-parametri stabbiliti mir-regoli tal-Unjoni għall-ilma għall-għawm. Minkejja l-fatt li l-kwalità tal-ilmijiet riċeventi ma hijiex direttament rilevanti għall-finijiet ta’ konformità mad-Direttiva 91/271, kif diġà osservajt qabel, dan jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-ambitu ta’ evalwazzjoni kumplessiva, bil-għan li possibbilment tiġi applikata l-klawżola BTKNEEC. Għalhekk jidher li huwa raġonevoli li, f’sitwazzjoni simili, l-awtoritajiet nazzjonali ddeċidew li ma jimponux xogħlijiet ta’ tibdil onerużi, li jkollhom bħala effett titjib għal kollox marġinali tas-sitwazzjoni ambjentali.

    86.

    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, insostni li r-raġunament li sar mir-Renju Unit huwa validu, u fil-każ inkwistjoni l-Kummissjoni ma rnexxilix turi l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tas-sistema ta’ ġbir ta’ Whitburn. Fil-fatt, minkejja li l-iskariki ta’ ilma mhux ittrattat f’din iż-żona saru b’mod regolari, ir-Renju Unit wera li xogħlijiet eventwali ta’ tisħiħ tas-sistema ta’ ġbir, li saru biex jikkonformaw mal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fil-fażi prekontenzjuża, wasslu għal benefiċċji minimi, li ma kinux biżżejjed sabiex jiġġustifikaw li jsiru x-xogħlijiet. L-ewwel parti tar-rikors tal-Kummissjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda.

    D – Fuq is-sitwazzjoni ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden

    1. Il-fatti u l-pożizzjoni tal-partijiet

    87.

    Ir-rikors tal-Kummissjoni jikkonċerna, fir-rigward ta’ Londra, it-tliet żoni ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden. B’mod iktar preċiż, ir-rikors jikkonċerna l-impjanti ta’ trattament tat-tliet lokalitajiet, li kienu kkunsidrati li huma insuffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva, u għalhekk tqiesu li jiksru l-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva. Barra minn hekk fir-rigward ta’ Beckton u Crossness, il-Kummissjoni tallega wkoll li kien hemm ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, u ssostni għalhekk li anki s-sistemi ta’ ġbir kienu insuffiċjenti.

    88.

    It-tliet lokalitajiet kollha jiffurmaw parti minn sistema ta’ ġbir u trattament tal-ilmijiet ta’ Londra, li sservi b’kollox iktar minn popolazzjoni ekwivalenti ta’ 9 miljuni. Din hija sistema fil-parti l-kbira tagħha unitarja, imfassla matul is-seklu 19 u gradwalment estiża u mibdula matul is-snin mal-iżvilupp tal-agglomerazzjoni urbana.

    89.

    Il-problemi li kien hemm f’Londra huma ta’ żewġ tipi. Fl-ewwel lok, meta tinqabeż il-kapaċità tas-sistemi ta’ ġbir, jintervjenu, bħalma ġara f’Whitburn, il-katusi tat-tifwir tal-ilma tax-xita. Is-sistema ta’ Londra għandha 57 minnhom, li kważi kollha jiskarikaw fit-Thames u għadhom sa issa neqsin, skont il-faxxikolu, minn sistemi fundamentali ta’ filtraġġ ta’ ilma skarikat. Fit-tieni lok, uħud mill-impjanti ta’ trattament li jinġarr l-ilma miġbur lejhom mis-sistemi ta’ ġbir ma humiex attrezzati sabiex jittrattaw il-kwantitajiet kollha ta’ ilma mormi rċevut: f’dawn il-każijiet ftit mill-ilma jiġi skarikat wara li jiġi suġġett biss għal trattament minimu.

    90.

    L-element prinċipali ta’ prova li fuqu tibbaża l-argumenti tagħha l-Kummissjoni, fir-rigward ta’ Londra, huwa studju, li sar fi Frar 2005, minn grupp ta’ ħidma fl-ambitu tat-Thames Tideway Strategic Study (iktar ’il quddiem it-“TTSS”). It-TTSS ġie stabbilit fis-sena 2000 mill-Gvern tar-Renju Unit, bl-inkarigu li tiġi evalwata s-sitwazzjoni ambjentali tat-Thames.

    91.

    L-istudju tat-TTSS jirrileva b’mod partikolari li, mis-57 katusa tat-tifwir, 36 minnhom jikkawżaw effetti negattivi fuq l-ambjent. Bħala medja, kull sena ikun hemm madwar 60 skariku ta’ ilma mhux ittrattat fis-sistema, anki f’perijodi ta’ xita limitata. Kull sena, fl-ambjent jintefgħu miljuni ta’ tunnellati ta’ ilma mhux ittrattat, li huma ekwivalenti għall-produzzjoni ta’ ilma mormi ta’ agglomerazzjoni ta’ popolazzjoni ta’ mijiet ta’ eluf. Il-problema tiggrava ruħha bil-fatt li l-ilma tat-Thames jasal fil-baħar bil-mod ħafna, bir-riżultat li l-ilma mniġġes skarikat jieħu żmien twil sabiex jitħallat.

    92.

    Skont l-istudju tat-TTSS, is-sitwazzjoni tal-impjanti ta’ trattament ma hijiex aħjar minn dik tas-sistema ta’ ġbir. Il-kapaċità tagħhom hija suffiċjenti f’kundizzjonijiet ta’ temp xott, iżda fejn ikun hemm ix-xita dawn jiskarikaw fl-ambjent ilma li jiġi ttrattat biss parzjalment, u b’hekk jiġi aggravat it-tniġġis li diġà huwa pjuttost kunsiderevoli, ikkawżat mill-katusi tat-tifwir tal-ilma tax-xita tas-sistemi ta’ ġbir.

    93.

    F’Novembru 2005, it-TTSS pprepara studju addizzjonali għall-Gvern tar-Renju Unit, fejn indika s-soluzzjonijiet possibbli għall-problema tat-tniġġis tax-xmara Thames. B’mod partikolari, is-soluzzjoni li tqieset li hija l-aħjar waħda tinvolvi l-bini ta’ mina taħt l-art, twila 30 km u b’kapaċità ta’ 1.5 miljun m3, li tista’ taħżen l-ilma eċċessiv f’każ ta’ avvenimenti ta’ xita, sabiex terġa’ tintroduċieh fis-sistema iktar tard, b’mod li tippermetti t-trattament tiegħu.

    94.

    F’April 2007, il-Gvern tar-Renju Unit ħabbar id-deċiżjoni li kien ser jipproċedi sabiex iwettaq il-proposta tat-TTSS, b’mod partikolari, il-bini ta’ mina ġdida. F’ittra tas-17 ta’ April 2007 mibgħuta mill-Ministru tal-Ambjent lill-kumpannija li tiġġestixxi s-sistema ta’ ġbir u trattament tal-ilmijiet ta’ Londra, liema ittra ġiet ippreżentata f’din il-kawża mir-Renju Unit, ġie indikat li d-deċiżjoni li tinbena mina hija intiża “sabiex Londra tingħata xmara li tkun xierqa għas-seklu 21 u sabiex ir-Renju Unit jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva (…)” ( 19 ). Kif ġie kkonstatat waqt is-smigħ, anki l-Gvern Brittaniku attwali kkonferma, reċentement, l-appoġġ tiegħu li ssir il-mina taħt l-art, li għandha titlesta bejn is-sena 2021 u s-sena 2023. Fl-istqarrija ministerjali bil-miktub ippreżentata fil-Parlament fit-3 ta’ Novembru 2011 ( 20 ), b’mod partikolari, ġie indikat li “tibqa’ konvinċenti il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sistema ta’ ġbir ta’ Londra, li f’ċerti punti teżawrixxi l-kapaċità tagħha anki f’kundizzjonijiet ta’ temp xott, u li tinstab soluzzjoni għall-isfidi ambjentali (…)”. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għandhom jibdew fl-2016.

    95.

    Ir-Renju Unit ma jikkontestax il-fatti kif ippreżentati mill-Kummissjoni. Huwa jenfasizza li, minbarra l-proġett li ssir il-mina ġdida taħt l-art, qegħdin isiru xogħlijiet oħra sabiex tiġi estiża l-kapaċità tal-impjanti ta’ trattament ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden. Dawn ix-xogħlijiet għandhom jitlestew bejn l-2012 u l-2014. Barra minn hekk, għandha tinbena t-tieni mina, ta’ daqs iżgħar, li għandha titlesta fl-2014 u għandha tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-iskariki ta’ ilma mhux ittrattat fiż-żoni ta’ Beckton u Crossness.

    96.

    Id-difiża tar-Renju Unit hija bbażata, b’mod partikolari, fuq id-dimensjonijiet għal kollox eċċezzjonali tas-sistema ta’ Londra, u fuq il-kumplessità inevitabbli ta’ kull intervent fuq serje ta’ sistemi ta’ ġbir li ġew żviluppati matul is-seklu 19. Fid-dawl ta’ dan, ma jistax jitqies li hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tar-Renju Unit, minħabba l-fatt li, mad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, huwa ta bidu għall-attivitajiet kollha ta’ studju u ppjanar neċessarji sabiex ikun hemm konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni. Il-klawżola BTKNEEC tistabbilixxi li ma għandux jitqies li hemm ksur tad-direttiva, jekk l-Istat Membru jkun konkretament wettaq l-attivitajiet kollha neċessarji, fl-iqsar żmien possibbli, sabiex tiġi implementata.

    2. Evalwazzjoni

    97.

    Fl-ewwel opinjoni motivata tagħha l-Kummissjoni kienet ikkontestat, b’mod ġenerali, l-operat tas-sistema kollha ta’ Londra. Fl-opinjoni motivata addizzjonali, madankollu, hija ddeċidiet, li wara li eżaminat l-argumenti kollha tar-Renju Unit b’risposta għall-opinjoni motivata, li tnaqqas is-suġġett tar-rikors, billi tillimitah għall-kwistjonijiet imsemmija fir-rikors.

    98.

    B’mod partikolari, kif diġà ġie indikat, il-Kummissjoni tikkontesta l-insuffiċjenza, għall-iskopijiet tal-konformità mad-Direttiva, tal-impjanti ta’ trattament ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden, kif ukoll tas-sistemi ta’ ġbir li jikkonverġu fl-ewwel tnejn minn dawn it-tliet impjanti.

    99.

    Preliminarjament, għandu jiġi stabbilit liema tip ta’ prova għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hawnhekk m’iniex qiegħed nirreferi għall-oneru tal-prova, fuq dan il-punt il-ġurisprudenza hija ċara u stabbilita: hija l-Kummissjoni li għandha tipprova n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u ma tista’ tibbaża ruħha fuq ebda preżunzjoni ( 21 ). Dak li qiegħed nirreferi għalih hawnhekk huwa s-suġġett tal-prova tal-Kummissjoni.

    100.

    Il-qari tar-rikors fil-fatt juri li l-Kummissjoni, minkejja li ddeċidiet li tillimita l-kontestazzjonijiet tagħha għal ċerti partijiet speċifiċi tas-sistema ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma mormi ta’ Londra, ma indikatx b’mod ċar liema huma l-karatteristiċi tas-setturi li huma s-suġġett tar-rikors. Għal kuntrarju, hija bbażat l-argumentazzjoni kollha tagħha fuq provi — b’mod partikolari l-istudju tat-TTSS — li jirreferi għall-problemi tas-sistema b’mod ġenerali, u mhux għal dawk speċifiċi tal-partijiet tas-sistema (iż-żoni ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden) li huma s-suġġett tar-rikors.

    101.

    Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni, li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ sitwazzjoni problematika f’Londra b’mod ġenerali, stabbilixxewx l-irwol speċifiku ta’ kull waħda minn dawn il-lokalitajiet li toħloq sitwazzjoni ambjentali problematika ( 22 ).

    102.

    F’dan ir-rigward, id-dokumentazzjoni li kienet annessa mar-rikors tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari r-risposta pprovduta mir-Renju Unit, fil-15 ta’ Ġunju 2006, għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, jidhru li huma determinanti. F’dan id-dokument, fir-risposta tiegħu għal ilment li kien jikkonċerna s-sistema kollha ta’ Londra, ir-Renju Unit essenzjalment ittraċċa l-problema għall-partijiet speċifiċi tas-sistema li għalihom il-Kummissjoni, sussegwentement iddeċidiet li tillimita r-rikors tagħha. B’mod partikolari, minkejja li formalment ma jikkonstatax li kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Gvern tar-Renju Unit indika fil-konklużjonijiet ta’ dan id-dokument li “jaċċetta li huwa neċessarju li jkun hemm żieda fil-kapaċità tal-impjanti ta’ trattament ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden” u li “jaċċetta li huma neċessarji miżuri sabiex jitnaqqas it-tniġġis li joriġina minn uħud mill-katusi tat-tifwir tal-ilma tax-xita li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ ġbir ta’ Beckton u ta’ Crossness”.

    103.

    Fid-dawl ta’ dan id-dokument, insostni li l-provi pprovduti mill-Kummissjoni, sa fejn din tirreferi għas-sistema ta’ Londra fit-totalità tagħha, jistgħu jiġu kkunsidrati li jistgħu jintużaw b’riferiment speċifiku għall-impjanti ta’ trattament ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden, kif ukoll għas-sistemi ta’ ġbir ta’ Beckton u Crossness. Ir-Renju Unit, fil-fatt, ma fformula l-ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward.

    104.

    Jonqos issa li jiġi stabbilit jekk il-provi pprovduti mill-Kummissjoni humiex suffiċjenti sabiex jippruvaw li kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Anki f’dan il-każ ser ngħaddi biex nagħmel din l-evalwazzjoni billi nsegwi t-test ta’ żewġ fażijiet li diġà użajt għas-sitwazzjoni f’Whitburn.

    105.

    Fir-rigward tal-eżistenza tal-problema u tal-fatt li ma sseħħx biss fuq bażi okkażjonali, l-istudju tat-TTSS li fuqu bbażat parti essenzjali mir-rikors tagħha il-Kummissjoni, huwa, fil-fehma tiegħi, indikazzjoni li mhux biss hija suffiċjenti, iżda li anki diffiċilment tkun ikkontestata, iktar u iktar minħabba l-fatt li dan huwa dokument li kien ikkummissjonat mill-Gvern tar-Renju Unit innifsu. B’mod partikolari, kif diġà rajna, dan ir-rapport jikkonferma l-frekwenza kunsiderevoli tal-iskariki, kemm ta’ ilma mhux ittrattat li joriġina minn sistema ta’ ġbir, kif ukoll ta’ ilma bi trattament minimu mill-impjanti ta’ trattament. Barra minn hekk, dawn l-iskariki, iktar milli limitati għal sitwazzjonijiet atmosferiċi straordinarji, iseħħu regolarment anki f’każ ta’ xita moderata.

    106.

    Għaldaqstant, jista’ jitqies li l-Kummissjoni stabbilixxiet in-natura mhux eċċezzjonali u mhux okkażjonali tal-iskariki li kkontestat mar-Renju Unit: barra minn hekk, dan l-Istat Membru ma jikkontestax il-korrettezza tad-data pprovduta mill-Kummissjoni.

    107.

    Fl-aħħar nett, jonqos li jiġi vverifikat jekk il-Gvern tar-Renju Unit stabbilixxiex il-prova dwar l-impossibbiltà teknika li jikkonforma mad-Direttiva jew li l-ispejjeż huma sproporzjonati mal-benefiċċji, li jistgħu jiġġustifikaw, abbażi tal-klawżola BTKNEEC, ġbir u/jew trattament mhux kompleti tal-ilma mormi.

    108.

    Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

    109.

    Fil-fatt, minn naħa, ir-Renju Unit indika li issa ġie deċiż li jsir proġett ġdid kbir (mina fejn jinħażen l-ilma) li, kif osservat il-Kummissjoni stess, ikun jista’ jwassal għal konformità sħiħa mad-Direttiva. Is-soluzzjonijiet tekniċi sabiex jinkiseb titjib tas-sitwazzjoni huma għalhekk eżistenti, u l-ispiża tagħhom ma għandhiex titqies li hija sproporzjonata, ladarba diġà ttieħdet id-deċiżjoni li jiġu implementati.

    110.

    L-argumenti tar-Renju Unit li huma bbażati fuq il-kumplessità u fuq it-tul ta’ żmien tax-xogħlijiet li ser jitwettqu, ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jeħtieġ li jiġi evalwat fid-data stabbilita fl-opinjoni motivata (jiġifieri fl-1 ta’ Frar 2009), u li Stat Membru ma jistax jippretendi li r-rikors jiġi miċħud abbażi tal-fatt biss li qegħdin isiru xogħlijiet li ser iwasslu sabiex fil-futur, ma jkunx hemm iktar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 23 ). Barra minn hekk, ma għandux jintesa li d-Direttiva tmur lura 20 sena: u dan ma huwiex test li għandu jitqies li l-Istati Membri ma kellhomx iż-żmien ikunu familjari miegħu. Fir-rigward, b’mod preċiż, tad-Direttiva 91/271/KEE, iżda dwar artikolu differenti minn dawk li inkwistjoni f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-terminu tad-9 ta’ Settembru 2004, stabbilit fl-opinjoni motivata, kien iżjed minn biżżejjed ( 24 ).

    111.

    Ir-Renju Unit deher jissuġġerixxi, b’mod partikolari waqt is-seduta, li ż-żmien relattivament twil tax-xogħlijiet għandu jitqies bħala prova li timmilita favur l-applikazzjoni tal-klawżola BTKNEEC: meta Stat Membru għandu jwettaq xogħlijiet fuq skala kbira sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni, ma jistax jiġi sostnut li hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jekk dawn ix-xogħlijiet ikunu qegħdin jipprogressaw, fuq perijodu ordinarju u raġonevoli.

    112.

    Tali raġunament ma jistax jiġi aċċettat. Kif diġà ntwera, il-klawżola BTKNEEC għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għal soluzzjonijiet tekniċi li, b’mod ġenerali, jistgħu jiġu implementati, u mhux għal mument li fih jistgħu jiġu implementati. Il-mument li għandu jsir riferiment għalih sabiex tiġi evalwata l-konformità ma’ test legali tal-Unjoni huwa dak stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Id-diskors kien ikun differenti li kieku r-Renju Unit wera li s-soluzzjoni magħżula minn qabel bħala soluzzjoni għall-problema, u għalhekk, b’mod partikolari, dik tal-mina għall-ħażna tal-ilma, fil-passat ma kinitx teknikament possibbli. F’dan il-każ il-klawżola BTKNEEC setgħet tiġi validament invokata. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk: ir-Renju Unit f’ebda mument ma ssuġġerixxa li l-bini tal-mina u t-tisħiħ tal-impjanti saru biss teknikament possibbli reċentement.

    113.

    Konsegwentement, bħala konklużjoni, insostni li l-parti tar-rikors rigward il-belt ta’ Londra għandha tintlaqa’.

    E – Fuq l-ispejjeż

    114.

    Kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Renju Unit talbu, kif indikajt iktar ’il fuq, li l-parti l-oħra tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li qiegħed nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ waħda miż-żewġ partijiet tar-rikors tal-Kummissjoni, u tiċħad il-parti l-oħra, insostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, u konsegwentement tordna li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

    V – Konklużjoni

    115.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’dan il-mod:

    Billi naqas milli jiżgura, minn naħa, li sistemi ta’ ġbir xierqa jiġu implementati, skont l-Artikolu 3(1) u l-Anness IA tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, f’Beckton u Crossness, u min-naħa l-oħra, li jkun hemm trattament xieraq tal-ilma mormi fl-impjanti ta’ trattament ta’ Beckton, ta’ Crossness u ta’ Mogden, skont l-Artikoli 4 u 10, kif ukoll l-Anness IB tal-imsemmija Direttiva, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

    Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26).

    ( 3 ) Stabbilit għal ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ 2000. Il-kunċett ta’ “ekwivalenti ta’ popolazzjoni” huwa inkluż fl-Artikolu 2(6) iżda ma huwiex rilevanti hawnhekk: fil-fatt huwa paċifiku li l-obbligi tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva jikkonċernaw il-lokalitajiet kollha indikati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha.

    ( 4 ) Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C-280/02, Ġabra p. I-8573, punti 16 u 17).

    ( 5 ) COM(89) 518 finali (ĠU 29.11.1989, C 300, p. 8), Artikolu 9.

    ( 6 ) Sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-530/07, punti 28 u 53), u tal-14 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-343/10, punti 56 u 62).

    ( 7 ) Ara l-verżjoni Ġermaniża (“Regenüberläufen”) u dik Olandiża (“hemelwater”).

    ( 8 ) Ara, il-verżjoni Taljana (“piogge violente”), Franċiża, (“pluies d’orage”), Ingliża (“storm”), u Spanjola (“aguas de tormenta”). Huwa stabbilit li, f’każ li verżjoni lingwistika waħda tkun differenti mill-oħrajn, din ma tistax, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tintuża bħala bażi għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni legali li tkun f’kunflitt mal-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas (C-372/88, Ġabra I-1345, punt 18); tad-19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien (C-455/05, Ġabra I-3225, punt 19) u tal-25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller (C-451/08, Ġabra I-2673, punt 38).

    ( 9 ) Għalkemm, naturalment, din ma hijiex deċiżiva. Kif għadni kif irrilevajt, it-test ta’ verżjoni lingwistika waħda ma jistax, waħdu, iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni li tmur kontra verżjonijiet lingwistiċi oħra.

    (

    10

    )

    “Extremsituationen, wie z.B. bei ungewöhnlich starken Niederschlägen”.

    ( 11 ) Inċidentalment din il-klawżola ma ġietx inkluża fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, u ġiet inkluża biss fit-test finali tad-Direttiva approvat mill-Kunsill.

    ( 12 ) Sentenza tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-293/05, punt 35).

    ( 13 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

    ( 14 ) Ara pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-390/07, punti 43-45). Għal spjegazzjoni ġenerali dwar l-oneru tal-prova fi proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ara anki l-punti 42-46 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2009, fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-335/07) u Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-438/07) (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Ġabra p. I-9459 u p. I-9517).

    ( 15 ) Il-fluss ta’ temp xott ta’ sistema ta’ ġbir huwa l-kwantità ta’ ilma li tinġabar fin-nuqqas ta’ xita.

    ( 16 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 16.5.1.4, 16.5.1.5, 16.5.1.7 sa 16.5.1.9, 16.5.5.1, 16.5.11.2 u 16.5.11.3. Madankollu, ir-rapport esprima opinjoni favorevoli għall-modifika tat-termini tal-awtorizzazzjoni eżistenti sabiex jingħata permess lill-kumpannija ta’ ġestjoni tiskarika ilma mormi mhux ittrattat, billi tintuża katusa taħt il-baħar ta’ Whitburn, f’każ ta’ emerġenza. Min-naħa l-oħra, il-kritika tal-Ispettur kienet iffukata, kif ġie aċċennat, fuq il-ġestjoni tal-iskariki f’sitwazzjonijiet normali.

    ( 17 ) Ara f’dan ir-rigward, id-Direttiva tal-Kunsill 76/160/KEE, tat-8 ta’ Diċembru 1975, dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 26).

    ( 18 ) Dan huwa l-istudju TTSS, li ġie diskuss fil-punti 90 et seq.

    ( 19 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

    ( 20 ) Dan id-dokument, li ġie ppreżentat mir-Renju Unit waqt is-seduta, ġie ammess mill-Qorti tal-Ġustizzja u inkluż fil-proċess.

    ( 21 ) Ara, pereżempju, sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Ara, b’analoġija, sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 88).

    ( 23 ) Ara, pereżempju, sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-119/02, punti 52-54), u tat-8 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-27/03, punti 39-40).

    ( 24 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 (punti 25 sa 28).

    Top