Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0155

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 16 ta' Ġunju 2011.
    Williams et. vs British Airways plc.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Supreme Court of the United Kingdom - ir-Renju Unit.
    Kundizzjonijiet tax-xogħol - Direttiva 2033/88/KE - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Dritt għal-leave annwali - Piloti tal-linji tal-ajru.
    Kawża C-155/10.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-08409

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:403

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    TRSTENJAK

    ippreżentati fis-16 ta’ Ġunju 2011 (1)

    Kawża C‑155/10

    Williams et

    vs

    British Airways plc

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (ir-Renju Unit)]

    “Kundizzjonijiet tax-xogħol – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol –Artikolu 7 tad‑Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali bi ħlas – Portata tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva fir-rigward tan-natura u l-ammont ta’ leave annwali bi ħlas – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri sabiex jistipulaw regoli preċiżi li jirregolaw il-leave annwali bi ħlas – Direttiva 2000/79/KE – Leave annwali bi ħlas dovut lil piloti tal-linji tal-ajru”





    Werrej

    I –   Introduzzjoni

    II – Il-kuntest leġiżlattiv

    A –   Id-dritt tal-Unjoni 

    B –   Id-dritt nazzjonali

    III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi magħmula

    IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    V –   L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    VI – Analiżi

    A –   Il-kwistjonijiet prinċipali mqajjma f’din il-kawża

    B –   Dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw in-natura u l-ammont tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas

    1.     Id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea

    a)     Il-prinċipji legali tal-Unjoni

    b)     Il-kompetenza tal-Istati Membri rigward it-traspożizzjoni

    2.     Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva 2000/79 u d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u t-trasponibbiltà tal-prinċipji stabbiliti bil-ġurisprudenza

    3.     Il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar id-dritt tal-leave annwali bil-ħlas

    a)     Ħlas kontinwu tar-remunerazzjoni matul il-perijodu tal-leave

    b)     Konklużjoni: Ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave ma tistax tkun ikkalkolata b’riferiment għall-obbligu tal-bżonn minimu

    4.     Il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex tkun ikkalkolata r-remunerazzjoni mħallsa għal-leave

    5.     Konklużjoni provviżorja

    C –   Il-proċedura f’każ ta’ strutturi ta’ pagi kumplessi

    1.     Il-kunsiderazzjonijiet generali

    2.     Ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u l-kompetenza li żammew l-Istati Membri f’materji li jikkonċernaw l-istipulazzjoni ta’ regoli li jirregolaw id-dettalji dwar ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave

    3.     Il-kompożizzjoni tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave

    a)     L-element materjali tar-“remunerazzjoni normali”

    i)     Il-kunċett ta’ remunerazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni

    ii)   ii) Is-salarju bażiku bħala parti essenzjali mir-remunerazzjoni

    iii) Il-klassifikazzjoni tal-pagamenti supplimentari bħala parti mir-remunerazzjoni

    b)     L-element temporali ta’ “remunerazzjoni normali”

    c)     Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni

    4.     Konklużjoni provviżorja

    VII – Konklużjoni

    I –    Introduzzjoni

    1.        F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, is‑Supreme Court tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja serje ta’ domandi dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (2) u tal-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal‑Ħinijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili konkluż mill‑Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal‑Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji tal-Ajru Reġjonali (ERA) u l‑Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Ajru (IACA) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Ewropew”), li huwa anness mad-Direttiva tal‑Kunsill 2000/79/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000 (3), għall-implementazzjoni tagħha.

    2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina mill-kawża bejn Williams u piloti oħra impjegati mil-linja tal-ajru British Airways, minn naħa, u min jimpjegahom min-naħa l-oħra, u li tikkonċerna kif għandha tkun ikkalkolata r-remunerazzjoni pagabbli għall-perijodi ta’ leave annwali bi ħlas. Huwa pjuttost diffiċli li tinstab soluzzjoni għal din it-tilwima minħabba diversi raġunijiet, kemm minħabba dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur tal-avjazzjoni, li jieħdu inkunsiderazzjoni aspetti tas-sigurtà tat-trasport bl-ajru u li għalhekk għandhom ikunu meqjusa li huma obbligatorji, u minħabba l-istruttura tas-salarji kumplessa mħaddma f’dik l-industrija, li tinkludi diversi bonuses u pagamenti supplimentari. Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw kemm il-qafas tal-oqsma ta’ kompetenza eżerċitati mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha u l-obbligi skont id-dritt tal-Unjoni, li l-imsieħba soċjali jridu josservaw meta ċerti drittijiet tax-xogħol – f’dan il-każ, id-dritt għal leave annwali bi ħlas, jagħmluhom is-suġġett ta’ ftehim vinkolanti skont it-tifsira tal-Artikolu 139 KE jew l-Artikolu 155 TFUE li huwa fis-seħħ.

    II – Il-kuntest leġiżlattiv

    A –    Id-dritt tal-Unjoni (4)

    3.        L-Artikolu 139 KE, id-dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 155 TFUE, għamilha possibbli li jkunu adottati direttivi bl-iskop li jkunu implementati ftehim konklużi bejn l-imsieħba soċjali:

    “(1)      Jekk min imexxi u l-ħaddiema hekk jixtiequ, id-djalogu bejniethom fil-livell Komunitarju jista’ jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inkluż[i] ftehim.

    (2)      Il-Ftehim konklużi fil-livell Komunitarju għandhom ikunu implementati skont il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 137, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu meta l-ftehim in kwistjoni jkun fih dispożizzjoni waħda jew aktar konnessi ma’ wieħed mill-oqsma li għalihom hija meħtieġa l-unanimità skond l-Artikolu 137(2). F’dak il-każ għandu jaġixxi b’mod unanimu”.

    4.        Fit-2 ta’ Awwissu 2004, id-Direttiva 2003/88 issostitwiet id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (5). L-għan tagħha, bħal dak tad-direttiva li ppreċedietha, huwa li tistabbilixxi obbligi minimi speċifiċi dwar sigurtà u saħħa fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, kif riprodott mingħajr bdil mid-direttiva preċedenti, jipprovdi dan li ġej:

    “Leave annwali

    (1)      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kundizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’ leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

    (2)      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l‑impieg tkun ġiet itterminata.”

    5.        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

    6.        Id-Direttiva 2000/79/KE timplementa l-Ftehim Ewropew, bil-Klawżola 3 tiegħu taqra kif ġej:

    “(1)      Il-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili huwa intitolat għal millinqas erba’ ġimgħat ta’ leave bi ħlas, skont il-kundizzjonijiet għall-intitolament għal, u għoti ta’, leave bħal dan stabbilit permezz ta’ leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

    (2)      Il-perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l‑impieg tkun ġiet itterminata.”

    B –    Id-dritt nazzjonali

    7.        Ir-Renju Unit adotta r-Regolament dwar l-Avjazzjoni Ċivili (Ħinijiet tax-Xogħol) 2004 [Civil Aviation (Working Time) Regulations 2004 (6), iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol”) sabiex jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2000/79/KE.

    8.        L-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol jgħid hekk:

    “(1)      Membru tal-ekwipaġġ huwa intitolat għal leave annwali bil-ħlas ta’ għallinqas erba’ ġimgħat, jew għal parti minn erba’ ġimgħat fir-rigward ta’ perijodu ta’ impjieg li jkun ta’ inqas minn sena.

    (2)      Leave li għalih membru tal-ekwipaġġ huwa intitolat

    (a)      jista’ jittieħed f’perijodi varji;

    (b)      ma jistax ikun mibdul bi ħlas, ħlief meta l-impjieg tal-membru tal-ekwipaġġ ikun ġie mitmum.

    9.        L-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol jirrikjedi li min jimpjega jiżgura li:

    fi kwalunkwe xahar

    (a)      l-ebda persuna impjegata minnu ma għandha tagħmilha ta’ membru tal-ekwipaġġ matul il-ħin tax-xogħol tagħha, jekk matul il-perijodu ta’ 12-il xahar li jagħlqu fl-aħħar tax-xahar qabel ix-xahar inkwistjoni, il-ħin totali aggregat ta’ titjir ta’ dik il-persuna jkun jeċċedi d-900 siegħa; u

    (b)      l-ebda membru tal-ekwipaġġ impjegat minnu ma għandu jkollu ħin totali tax-xogħol annwali ta’ iktar minn 2 000 siegħa matul il-perijodu ta’ 12-il xahar li jiskadu fi tmiem ix-xahar qabel ix-xahar inkwistjoni.”

    10.      Ir-Regolament dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol ma jinkludu l-ebda dispożizzjonijiet li jistabbilixxu n-natura u l-ammont tar-remunerazzjoni għal-leave qabel ma jkun ittieħed il-leave annwali.

    III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi magħmula

    11.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma piloti impjegati mal-British Airways plc. It-termini tal-impjieg tagħhom jiġu nnegozjati mal-British Airways mill-British Air Line Pilots Association (iktar ’il quddiem “BALPA”). It-termini tal-impjieg kurrenti huma inklużi f’Memorandum ta’ Ftehim (iktar ’il quddiem “MTF”) tal-1 ta’ April 2005.

    12.      Skont l-MTF, flimkien mar-regoli miftiehma kollettivament li jirregolaw il-ħin ta’ titjir fix-xahar, ir-remunerazzjoni tal-piloti tinkludi tliet elementi. L-ewwel element huwa somma annwali fissa. It-tieni u t-tielet elementi huma pagamenti supplimentari li jvarjaw skont il-ħin li pilota jkun għamel f’titjir (iktar ’il quddiem il-“Bonus Supplimentari għat-Titjir” jew “BST”, imħallas bir-rata ta’ GBP 10 għal kull siegħa ta’ titjir ippjanata) u l-ħin li pilota għamel ’il bogħod mill-bażi (iktar ’il quddiem l-“allowance għall-Ħin il Bogħod mill-Bażi” jew “ĦIBMB”, imħallas bir-rata ta’ GBP 2.73 fis-siegħa). Il-BST kollu huwa parti mir-remunerazzjoni u hu taxxabbli. Fil-każ tal-ĦIBMB 82 % tal-ħin ikun ittrattat bħala li kien imħallas akkont tal-ispejjeż, u għalhekk 18 % tiegħu jiġi ttrattat bħala remunerazzjoni u taxxabbli.

    13.      L-ammont ta’ ħin li pilota jagħmel f’titjir jiddependi fuq ir-rotta u r-roster tiegħu jew tagħha. Skont l-informazzjoni pprovvduta mill-qorti tar-rinviju, dan huwa tipikament madwar 15-il ġurnata fix-xahar.

    14.      Skont l-MTF, il-ħlas għal-leave annwali huwa bbażat fuq l-ewwel element tar-remunerazzjoni, is-somma annwali fissa. Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, skont id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, huma għandhom dritt għal ħlas fil-ġimgħa bbażat fuq it-tliet elementi kollha tar-remunerazzjoni.

    15.      Kemm l-Employment Tribunal u l-Employment Appeal Tribunal iddeċidew favur ir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra l-Court of Appeal qablet mat-talbiet tal-British Airways u laqgħet l-appell tagħha.

    16.      Is-Supreme Court hija tal-opinjoni li, għalkemm il-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinftiehem li tfisser li d-Direttiva 2000/79 tirrikjedi li jsir il-ħlas ta’ remunerazzjoni “normali” jew “komparabbli” u t-tifsira tat-terminu “leave annwali bil-ħlas” għandha titqies li teħtieġ iktar kjarifikazzjoni, mhux l-inqas minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari fil-kawża prinċipali. Jibqgħu ukoll mhux riżolti kwistjonijiet dwar il-livell ta’ diskrezzjoni disponibbli għal-leġiżlazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali sabiex ikunu stabbiliti “kundizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, tali leave”. Fil-fehma tas-Supreme Court, il-pożizzjoni legali f’każ bħal dak preżenti ma jistax jingħad għalhekk li hija ħielsa minn kull dubju.

    17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    (1)      Taħt (a) l-Artikol[u] 7 tad-Direttiva 93/104/KE u d-Direttiva 2003/83/KE u (b) il-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew anness mad-Direttiva 2000/79/KE: (1) sa fejn, jekk inhu l-każ, id-dritt Ewropew jiddefinixxi jew jistipula rekwiżiti fir-rigward tan-natura u/jew il-livell tal-ħlas meħtieġa fir-rigward tal-perijodi ta’ leave annwali bi ħlas; u (2) sa fejn, jekk inhu l-każ, jistgħu l-Istati Membri jiddeterminaw kif dan il-ħlas għandu jiġi kkalkolat?

    (2)      B’mod partikolari, huwa biżżejjed li, taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew il-prattika u/jew il-ftehim kollettivi u/jew l-arranġamenti kuntrattwali nnegozjati bejn min iħaddem u l-ħaddiema, il-ħlas li jsir jippermetti u jinkoraġġixxi lill-ħaddiem sabiex jieħu u jgawdi, fis-sens sħiħ ta’ dan il-kliem, il-leave annwali tiegħu; u ma jinvolvix xi riskju sinjifikattiv li l-ħaddiem ma jagħmilx dan?

    (3)      Jew huwa meħtieġ li l-ħlas ikun (a) ekwivalenti b’mod preċiż għal, jew (b) paragunabbli mal-paga “normali” tal-ħaddiem?

    Barra minn hekk, fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda (iii)(a) jew (b):

    (4)      Il-miżura rilevanti jew paragun hija (a) paga li l-ħaddiem kien jirċievi matul il-perijodu partikolari ta’ leave kieku kien qed jaħdem, u mhux bil-leave, jew (b) paga li huwa kien qed jirċievi matul xi perijodu ieħor, u f’dan il-każ liema, meta huwa kien qed jaħdem?

    (5)      Kif għandu l-paga “normali” jew “paragunabbli” tiġi evalwata f’ċirkustanzi (a) fejn ikun hemm żieda mas-salarju ta’ ħaddiem meta qed jaħdem, kemm-il darba u sa fejn huwa jimpenja ruħu f’attività partikolari, (b) fejn ikun hemm limitu annwali jew limitu ieħor sa fejn jew [sakemm], il-ħaddiem jista’ jimpenja ruħu f’dik l-attività, u dak il-limitu jkun diġà nqabeż jew kważi nqabeż fiż-żmien meta l-leave annwali jittieħed, biex b’hekk il-ħaddiem ma kienx fil-fatt jitħalla jimpenja ruħu f’dik l-attività li kieku kien qed jaħdem, u mhux bil-leave?”

    IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    18.      It-talba għal deċiżjoni preliminari, tal-24 ta’ Marzu 2010, ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2010.

    19.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Daniż u l-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-termini previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    20.      Waqt is-seduta tal-14 ta’ April 2011, saru osservazzjonijiet mir-rappreżentanti tal-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Daniż u mill-Kummissjoni.

    V –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    21.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jipproponu li t-tweġiba għat-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tkun li, taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, ħaddiem irid ikompli jitħallas ir-remunerazzjoni normali tiegħu matul il-perijodu meta huwa jieħu l-leave annwali tiegħu. Huwa veru li, meta jadottaw il-miżuri prattiki neċessarji, l-Istati Membri għandhom is-setgħa, inter alia, li jistabbilixxu l-metodu li bih ikun ikkalkolat il-leave annwali bil-ħlas. Madankollu, dak il-metodu jrid ikun jippermetti li l-ħaddiema jkomplu jitħallsu s-salarju normali tagħhom għall-perijodu tal-leave annwali tagħhom.

    22.      Fil-fehma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-remunerazzjoni trid tkun ikkalkolata abbażi ta’ perijodu rappreżentattiv. Normalment dan ikun perijodu qabel il-perijodu li matulu attwalment jittieħed il-leave annwali. Madankollu, b’mod eċċezzjonali jista’ jitqies perijodu ieħor sabiex ikun żgurat li tibqa’ titħallas ir-remunerazzjoni normali. Il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni li “remunerazzjoni normali” trid tirrifletti is-salarju medju fil-ġimgħa f’qafas ta’ żmien rappreżentattiv bħala riferiment.

    23.      Fil-fehma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-ħlas supplimentari li l-ħaddiem jirċievi talli jkun wettaq attività partikolari u li huma element tar-remunerazzjoni normali tal-ħaddiem, iridu jkomplu jitħallsu wkoll matul il-perijodu tal-leave annwali. Il-Kummissjoni tirrileva f’dan ir-rigward li l-limitazzjonijiet ġenerali kollha jitqiesu fil-kalkolu tal-ammont imħallas għal-leave.

    24.      Il-konvenut fil-kawża prinċipali jipproponi li t-tweġiba għad-domandi preliminari għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni ma jistipula l-ebda rekwiżiti fir-rigward tan-natura u l-ammont tal-ħlasijiet li għandhom isiru matul il-perijodu tal-leave annwali. Dan isostni, għas-sens ta’ kompletezza, li d-dritt tal-Unjoni jirrikjedi biss li l-livell tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave ikun stabbilit kollettivament jew individwalment. Fi kwalunkwe każ, ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave jrid ikun għoli biżżejjed li ma jkunx jiskoraġġixxi lill-ħaddiema milli jitolbu l-intitolament tagħhom għal-leave annwali.

    25.      Fil-fehma tal-konvenut fil-kawża prinċipali, huwa suffiċjenti jekk, konformi mal-leġiżlazzjoni, l-prattika u l-ftehim kuntrattwali rilevanti bejn minn jimpjega u l-ħaddiema, il-ħlas li jsir jagħmilha possibbli għall-ħaddiem li jieħu u li jgawdi l-leave annwali tiegħu b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda riskju sinjifikattiv li huwa ma jagħmilx dan. Għalhekk ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave ma għandux għalfejn neċessarjament ikun jikkorrispondi eżattament għas-salarju normali tagħhom.

    26.      Il-Gvern Daniż jipproponi li t-tweġiba għad-domanda preliminari għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni tagħti lill-ħaddiema d-dritt għal leave mħallas ta’ mill-inqas erbgħa ġimgħat u għall-ħlas matul dak il-perijodu ta’ ammont li jikkorrispondi għas-salarju normali tagħhom, konformi mal-kundizzjonijiet stipulati bil-leġiżlazzjoni u l-prattika tal-Istati Membri.

    27.      Għaldaqstant id-Direttiva 2003/88 ma teskludix li l-partijiet għal ftehim kollettiv milli jidħlu f’negozjati sabiex jistabbilixxu liema pagamenti supplimentari għandhom jitqiesu li jiffurmaw parti mir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave, sakemm din tal-aħħar ma tkunx stabbilita f’livell daqstant baxx li jkun jiddiswadi lill-ħaddiem milli jitlob l-intitolament għal-leave annwali bil-ħlas.

    VI – Analiżi

    A –    Il-kwistjonijiet prinċipali mqajma f’din il-kawża

    28.      Il-kawża preżenti tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiżviluppa iktar il-ġurisprudenza tagħha dwar l-intitolament ta’ kull ħaddiem għal-leave annwali bil-ħlas. Din tista’ sservi wkoll bħala okkażjoni xierqa, fl-interess tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi estiża l-ġurisprudenza għal oqsma oħra ta’ attività fir-rigward ta’ liema l-Unjoni stabbiliet regoli iktar speċifiċi li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tas-settur ta’ impjieg kkonċernat.

    29.      Id-domandi ddettaljati ppreżentati mill-qorti tar-rinviju jistgħu jkunu maqsuma fil-parti l-kbira fi tliet oqsma prinċipali, għalkemm dawn sa ċertu punt jikkoinċidu. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni li tikkonċerna l-kompetenza tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri tagħha li jipprovdu definizzjoni legali tat-terminu “leave annwali bil-ħlas” u li jistabbilixxu l-metodu għall-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave. Imbagħad, din qed titlob kjarifika dwar ir-relazzjoni kwantitattiva li trid teżisti bejn ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave u r-remunerazzjoni normali skont id-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, din tistaqsi sa liema punt il-ħlasijiet supplimentari għal attivitajiet partikolari, li huwa ntitolat għalihom ħaddiem taħt ftehim kollettiv, u kwalunkwe limiti fuq il-ħin li l-imsieħba soċjali jaqblu fuqhom kollettivament, irid ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi stabbilita r-remunerazzjoni mħallsa għal-leave.

    30.      Għas-sens ta’ kjarezza, id-domandi magħmula għalhekk għandhom ikunu organizzati mill-ġdid u kull waħda minnhom imwieġba fi ħdan il-kuntest ta’ eżami komprensiv tas-suġġett ikkonċernat. Jien nibda sabiex neżamina l-kwistjoni dwar sa liema punt id-dritt tal-Unjoni Ewropea jinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw in-natura u l-iskop tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas u liema kompetenza leġiżlattiva tinżamm mill-Istati Membri. Jien u nagħmel dan, nikkjarifika kif ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave għandha tkun stabbilita b’mod ġenerali fir-rigward tar-remunerazzjoni normali. Fl-aħħar nett, nindirizza l-kwistjoni dwar kif wieħed għandu jipproċedi f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, li jinvolvu struttura ta’ pagi kumplessa.

    B –    Dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw in-natura u l-ammont tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas

    1.      Id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea

    a)      Il-prinċipji legali tal-Unjoni

    31.      Kif iddikjarajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’Schultz‑Hoff (7), il-fatt li d-dritt ta’ kull ħaddiem għal leave annwali bil-ħlas huwa inkluż fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (8) jipprovdi l-iktar konferma attendibbli u definittiva li dan jikkostitwixxi dritt fundamentali. L-Artikolu 31(2) tal-Karta jistipula li: “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi ta’ xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perijodu annwali ta’ leave bil-ħlas” (9). Għalkemm, oriġinarjament, il-Karta kienet primarjament ta’ natura dikjaratorja sa fejn din kellha tinftiehem bħala l-espressjoni tal-impenn tal-Unjoni sabiex ikunu osservati d-drittijiet fundamentali, mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona (10), dik id-dispożizzjoni akkwistat l-istat definittiv ta’ dritt primarju fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, konformi mal-Artikolu 6(1) UE. Dan ifisser li, bis-saħħa tal-impenn favur id-drittijiet fundamentali stipulat fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, atti leġiżlattivi adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan il-qasam, issa jridu jkunu evalwati b’riferiment għal dik id-dispożizzjoni. L-Istati Membri minn issa huma wkoll marbuta b’dik id-dispożizzjoni sa fejn dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (11).

    32.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni juża’ l-istrument legali tad-direttiva sabiex jagħti effett leġiżlattiv lid-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Id-dispożizzjonijiet ċentrali li jirregolaw id-dritt fil-livell tal-Unjoni u li l-qorti tar-rinviju tixtieq li tingħata interpretazzjoni tagħhom huma inklużi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Dan l-artikolu adotta b’mod mhux emendat il-kliem tal-Artikolu 7 tad-direttiva preċedenti, jiġifieri d-Direttiva 93/104 u ġie mogħti l-istess valur normattiv mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha (12). Dan jistipula li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika. Madankollu, la din u lanqas id-Direttiva 2000/79 ma tinkludi xi regola espliċita li tikkonċerna l-livell tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave.

    33.      L-Artikolu 14 ta’ kull waħda mill-imsemmija żewġ direttivi jagħmilha possibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta dispożizzjonijiet iktar speċifiċi għal ċerti tipi ta’ xogħol jew attivitajiet professjonali li jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol, konformi mar-regola legali tas-supremazija. Id-Direttiva 2000/79, li f’dan ir-rigward, tinkludi dispożizzjonijiet iktar speċifiċi dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili, taqa’ f’dik il-kategorija ta’ dispożizzjonijiet, kif tindika espressament il-Klawżola 1(2) tal-Ftehim Ewropew. L-Unjoni Ewropea adottat dak l-att leġiżlattiv sabiex timplementa l-Ftehim Ewropew u bis-setgħa tal-poteri regolatorji mogħtija lilha bl-Artikolu 139(2) KE (l-Artikolu 155(2) TFEU). Bis-saħħa tal-inklużjoni tiegħu fiha, il-Ftehim Ewropew sar parti integrali tad-Direttiva 2009/79 (13). Dik id-direttiva, bħal kull direttiva oħra, hija suġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dik li hija interpretazzjoni (14), li jfisser li t-talba tal-qorti tar-rinviju għal interpretazzjoni hija ammissibbli wkoll fir-rigward ta’ Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew.

    b)      Il-kompetenza tal-Istati Membri rigward it-traspożizzjoni

    34.      Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li ġew adottati mill-Istati Membri sabiex jagħmlu t-traspożizzjoni tad-direttivi msemmija, min-naħa l-oħra ma humiex suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dik li hija interpretazzjoni. L-użu tad-direttiva bħala mezz leġiżlattiv jippermetti lill-Istati Membri jilleġiżlaw b’mod iktar iddettaljat dwar id-dritt tal-leave annwali bil-ħlas fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom. Din il-kompetenza hija mogħtija lilhom mhux biss bit-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE) li konformi miegħu l-għażla tal-forma u l-metodu ta’ kif jintleħaq l-għan vinkolanti tal-leġiżlazzjoni titħalla għall-awtoritajiet nazzjonali, imma anki, direttament mid-direttivi ndividwali.

    35.      Barra dan, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew, flimkien mal-premessa 11 tal-preambolu għad-Direttiva 2000/79 (15), il-legiżlatura tal-Unjoni li hija marbuta bil-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-eżerċizzju tal-poteri regolatorji tagħha, illimitat ruħha li tistabbilixxi regoli li jirregolaw ċerti materji essenzjali bħal perijodu minimu ta’ leave annwali, filwaqt li fir-rigward tal-kundizzjonijiet dwar l-intitolament għal, u l-għoti ta’ dan il-leave, din għamlet riferiment għal-“leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew il-prattika” kif indikata hawn fuq. Dak l-approċċ, kif kien ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (16), huwa konformi mar-responsabbiltà leġiżlattiva li timponi l-bażi legali li tagħti s-setgħa fit-Trattat, li tawtorizza l-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta obbligi minimi sabiex jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni, sabiex jintleħaq l-għan li jogħla l-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtá tal-ħaddiema, li hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri.

    36.      Kif kien ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, l-Istati Membri għandhom rwol importanti ħafna fl-implementazzjoni ta’ dan id-dritt peress li sabiex jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ traspożizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, huma marbuta li jadottaw ir-regoli dettaljati ta’ applikazzjoni meħtieġa fil-livell nazzjonali (17). Dan jinkludi li jkunu stabbiliti kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u l-implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas u l-Istati Membri huma liberi li jippreskrivu ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom il-ħaddiema jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt, li jgawdu minnu fir-rigward tal-perijodi kollha tax-xogħol ikkompletati (18).

    37.      Ir-riferiment li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jagħmel għal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa intiż li jippermetti lill-Istati Membri jiddefinixxu kuntest leġiżlattiv li jirregola l-aspetti ta’ organizzazzjoni u l-aspetti proċedurali għat-tgawdija tal-leave, bħalma huma l-ippjanar tal-perijodi tal-leave, l-obbligu tal-ħaddiem li jinforma minn qabel lil min iħaddmu dwar il-perijodu tal-leave li huwa jkollu l-intenzjoni li jieħu, l-impożizzjoni ta’ perijodu minimu ta’ xogħol qabel ma jkun jista’ jittieħed il-leave, il-kriterji għall-kalkolu proporzjonali tad-dritt għal-leave annwali meta r-relazzjoni tal-impjieg tkun ta’inqas minn sena, etc (19). Iżda dawn dejjem jinvolvu miżuri intiżi sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-intitolament u għall-għoti tad-dritt għal-leave, u huma awtorizzati bħala tali bid-Direttiva 2003/88.

    38.      Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament i l-Istati Membri għandhom josservaw il-limiti imposti fuqhom mid-dritt tal-Unjoni meta jużaw is-setgħat tagħhom ta’ implementazzjoni (20). Din spjegat u kkjarifikat dawn il-limiti permezz tal-interpretazzjoni (21). Barra dan, il-ġurisprudenza tagħti gwida utli dwar kif għandha tkun stabbilita r-remunerazzjoni mħallsa għal-leave b’tali mod li jkun żgurat li d-dritt għal leave mħallas ma jkunx imneżża mill-funzjoni tiegħu. Ikun xieraq, għalhekk, li tkun analizzata din il-ġurisprudenza u jiġu misluta minnha xi prinċipji li jistgħu jkunu utli fit-tweġiba għad-domandi magħmula.

    2.      Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva 2000/79 u d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u t-trasponibbiltà tal-prinċipji stabbiliti bil-ġurisprudenza

    39.      Domanda li trid, madankollu, tkun ikkjarifikata l-ewwel hija jekk il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppati sa issa fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttivi dwar il-Ħin tax-Xogħol li sejjer neżamina iktar tard – jistgħux ikunu trasposti wkoll għall-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew. Din il-kwistjoni hija partikolarment rilevanti, peress li, kif diġà spjegajt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkontribwixxiet b’mod sinjifikattiv sabiex ikun stabbilit l-iskop leġiżlattiv ta’ dak id-dritt. L-interpretazzjoni mogħtija għal dik id-dispożizzjoni tad-direttivi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha wkoll possibbli li jkun aċċertat l-iskop tal-poteri regolatorji użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave. B’antiċipu għall-eżitu tal-evalwazzjoni tiegħi, nirrileva li, fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni, it-tifsira u l-iskop u l-oriġini tax-xogħlijiet preparatorji ta' dik id-dispożizzjoni, jindikaw li t-tweġiba għal dik id-domanda hija iva.

    40.      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-fatt li għandhom bażi legali differenti fit-Trattat, l-iskop kemm tad-Direttivi dwar il-Ħin tax-Xogħol u tad-Direttiva 2000/79 huwa li l-ħin tax-xogħol ikun organizzat b’tali mod li jkunu imposti ċerti limiti fuqu fl-interess tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem. Dan jidher pereżempju, mill-premessa 11 fil-preambolu għad-Direttiva 2000/79 u mill-premessa 11 fil-preambolu għad-Direttiva 2003/88. Barra dan il-kliem tal-Klawżola 3 huwa kważi identiku għal dak tal-Artikolu 7 tad-Direttivi dwar il-Ħin tax-Xogħol. Jekk il-partijiet firmatarji għall-Ftehim Ewropew kellhom l-iskop li jattribwixxu tifsira differenti għall-Klawżola 3, dawn kienu ċertament jużaw terminoloġija differenti minn dik użata fid-Direttivi dwar il-Ħin tax-Xogħol.

    41.      Barra dan, l-oriġini tax-xogħlijiet preparatorji għall-Ftehim Ewropew (22) turi li t-terminu “leave annwali bil-ħlas” fi Klawżola 3 kien maħsub li jkollu l-istess tifsira sostantiva bħalma għandu fid-Direttiva 93/104. Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-ħin tax-xogħol kienet tistipula li l-iskop tagħha kien li testendi għas-setturi ekonomiċi u għall-oqsma ta’ attivitajiet kollha. Madankollu, il-Kunsill, iddeċieda li jeskludi ċerti oqsma ta’ attivitajiet mill-iskop tad-direttiva, mhux għax kien tal-fehma li s-saħħa u s-sigurtà kienu protetti biżżejjed f’dawk l-oqsma imma għax kien konxju li l-ħaddiema impjegati f’dawk l-oqsma ta’ attività normalment ikollhom jaħdmu ’l bogħod mid-dar, u għallhekk ikkunsidra li kien neċessarju li jkunu adottati dispożizzjonijiet iktar speċifiċi. Fil-White Paper dwar setturi u attivitajiet esklużi mid-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol, il-Kummissjoni pproponiet inter alia approċċ differenzjat li taħtu kull qasam ta’ attività jkollu d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-ħin tax-xogħol u perijodi ta’ mistrieħ għall-ħaddiema mobbli (23). Wara li qieset ir-reazzjonijiet ta’ min jimpjega u tal-ħaddiema, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi dak l-approċċ li fl-aħħar mill-aħħar sab l-espressjoni tiegħu fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (24). Skont dan l-approċċ differenzjat, il-Ftehim Ewropew kellu japplika esklużivament għall-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili u li tinkludi b’mod mhux mibdul fi Klawżola 3 id-dritt għal leave annwali bil-ħlas ipprovdut bl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/104. Fl-aħħar nett il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva (25) turi li l-Ftehim Ewropew dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili kienet maħsuba, inter alia, sabiex timplementa d-dritt għal leave annwali bil-ħlas iggarantit bl-Artikolu 8 tal-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Fundamentali Soċjali tal-Ħaddiema. L-oriġini tax-xogħlijiet preparatorji għad-Direttiva 2000/79 tixhed għalhekk li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jestendi d-dispożizzjonijiet li diġà kienu fis-seħħ fir-rigward ta’ dak id-dritt sabiex ikopri ħaddiema mobbli fl-avjazzjoni ċivili mingħajr ma jbiddel il-kontenut essenzjali ta’ dak id-dritt.

    42.      L-oriġini ta’ kif ġiet ifformulata d-Direttiva 2003/88 tkompli tikkonferma li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dritt annwali mħallas kien ukoll maħsub li japplika għal ħaddiema mobbli, inklużi dawk fl-avjazzjoni ċivili. Id-Direttiva 93/104 kienet sussegwentement emendata bid-Direttiva 2000/34, u bħala parti minn dawk l-emendi, l-eċċezzjonijiet fir-rigward tat-trasport li kienu applikabbli qabel skont l-approċċ differenzjat kif propost (għajr fir-rigward tal-baħħara) kienu aboliti. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet dwar il-leave annwali kienu estiżi għal ħaddiema mobbli fis-setturi u fl-attivitajiet esklużi, kif joħroġ b’mod ċar mill-premessa 9 fil-preambolu għad-Direttiva 2000/34 (26). Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol u l-perijodi ta’ mistrieħ, min-naħa l-oħra, kienu sempliċement adattati għal ħaddiema mobbli skont il-premessa 10 (27). Barra dan, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/79 jagħmilha ċara li l-implementazzjoni tad-Direttiva taħt ebda ċirkustanza ma għandha tiġġustifika t-tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti b’din id-Direttiva. Fi kliem ieħor, din id-direttiva tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jagħtu livell ta’ protezzjoni li jkun inqas minn dak li nkiseb bid-Direttiva 93/104, kif emendata bid-Direttiva 2000/34. Dan huwa preċiżament identiku mat-terminoloġija użata fil-premessa 16 fil-preambolu għad-Direttiva 2000/79 (28).

    43.      Għalhekk, minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li ma hemm xejn li jeskludi li l-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fil-ġurisprudenza tagħha sa issa dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttivi dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol jkunu trasposti għall-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew.

    3.      Il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar id-dritt tal-leave annwali bil-ħlas

    a)      Ħlas kontinwu tar-remunerazzjoni matul il-perijodu tal-leave

    44.      L-importanza tad-dritt tal-leave annwali bil-ħlas ilha li ġiet rikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija ġurisprudenza stabbilita li dan id-dritt għandu jitqies bħala prinċipju partikolarment importanti tad-dritt soċjali tal-Unjoni li minnu ma jista’ jkun hemm l-ebda derogi u l-implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kompetenti għandha tkun ristretta fi ħdan il-limiti espressament stipulati bid-Direttiva 93/104 jew is-suċċessur tagħha id-Direttiva 2003/88 (29). Bid-dħul tad-dritt tal-leave annwali bil-ħlas fil-leġiżlazzjoni sekondarja, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jiżgura li fl-Istati Membri, ħaddiem ikun jista’ attwalment igawdi perijodi ta’ mistrieħ “bil-ħsieb li jiżgura protezzjoni effettiva tas-saħħa u tas-sigurtà tiegħu” (30). L-għan tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas huwa li jippermetti lill-ħaddiem li jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji (31).

    45.      Fir-rigward tad-dritt speċifiku tal-ħaddiem għall-ħlas tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave, rilevanti għall-iskopijiet ta’ din id-deċiżjoni preliminari, għandu jkun iddikjarat, kif ġie msemmi qabel, li la d-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol u lanqas id-Direttiva 2000/79 ma jinkludu dispożizzjonijiet li jistabbilixxu espressament il-livell tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave dovut jew il-metodu ta’ kif għandha tkun ikkalkolata. Madankollu, analiżi, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi gwida importanti dwar liema rekwiżiti għandhom ikunu segwiti mir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave skont id-dritt tal-Unjoni.

    46.      L-ewwel nett għandu jsir riferiment għas-sentenza Robinson‑Steele, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttivi dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol jittrattaw id-dritt għal-leave annwali u għar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave bħala “bħala żewġ aspetti tal-istess dritt” (32). L-ewwel konklużjoni importanti li wieħed jista’ jislet minn din id-dikjarazzjoni hija s-segwenti: peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-pożizzjoni li ż-ż-żewġ drittijiet huma inseparabbli minn xulxin, id-dritt tal-ħlas tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave bl-istess mod ma tistax issir deroga minnu meta wieħed jiġi sabiex jimplementa id-dritt tal-Unjoni fil-livell tal-Istati Membri, sakemm dan ma jkunx espressament previst mid-Direttivi dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol. Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma huwiex wieħed minn dawk id-dispożizzjonijiet li minnhom dik id-direttiva espressament tippermetti li ssir deroga. Peress li minn dik id-dispożizzjoni ma jistax ikun hemm deroga b’detriment għall-ħaddiem, la bil-liġi u lanqas bil-kuntratt, il-fehma tal-Gvern Daniż (33) fis-sens li d-dritt taħt il-liġi tal-Unjoni għall-ħlas tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave huwa ta’ natura mandatorja (34) għandha fil-prinċipju tkun sostnuta. Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li skont il-ġurisprudenza, dak il-prinċipju tal-liġi soċjali tal-Unjoni Ewropea, li huwa meqjus li hu partikolarment importanti, ma jistax lanqas ikun interpretat b’mod ristrett (35).

    47.      Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-obbligu li dan il-leave jiġi mħallas huwa li, jpoġġi lill-ħaddiem, matul dan il-leave, “f’sitwazzjoni li hija, f’dak li jikkonċerna s-salarju, paragunabbli mal-perijodi ta’ xogħol”. Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjonijiet ulterjuri tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-livell tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave huma ċari biżżejjed, peress li din ikkonstatat espressament f’punt 50 tas-sentenza Robinson‑Steele li t-terminu “leave annwali bil-ħlas” fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/104 jfisser li, “għat-tul ta’ żmien tal-leave annwali skont it-tifsira tad-direttiva, għandha tinżamm ir-remunerazzjoni”. Barra minn hekk, kwalunkwe dubju li jifdal dwar l-interpretazzjoni ta’ dik is-sentenza għandu jitneħħa bil-kjarifika sussegwenti (“fi kliem ieħor”) fis-sens li “l-ħaddiema għandhom jirċievu r-remunerazzjoni normali tagħhom għal dak il-perijodu ta’ mistrieħ”. Dik il-kjarifika għandha titqies li tfisser li l-livell tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave, għandu jikkorrispondi ma’ dak tar-remunerazzjoni normali.

    48.      Il-qorti tar-rinviju hija korretta fl-asserzjoni tagħha li s-suġġett tat-tilwima f’Robinson‑Steele huwa differenti minn dak tal-kawża preżenti, b’tal-ewwel li kien jikkonċerna essenzjalment il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerta prattika li tikkonsisti fl-għoti tar-remunerazzjoni minima għal leave annwali fil-forma ta’ pagamenti parzjali mifruxin fuq il-perijodu ta’ xogħol annwali relattiv u mħallsa flimkien mar-remunerazzjoni għax-xogħol li jkun sar, pjuttost milli fil-forma ta’ pagament fir-rigward ta’ perijodu speċifiku li matulu l-ħaddiem jkun ħa l-leave. Barra dan, il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat id-deċiżjoni tagħha f’punt 50 ta’ dik is-sentenza, huma fformulati f’termini ġenerali u li bl-ebda mod ma huma relatati biss maċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dak il-każ. Pjuttost, dawn huma maħsuba sabiex ikunu ta’ applikazzjoni ġenerali u għalhekk dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-tweġiba għad-domandi magħmula. Il-validità ġenerali ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet hija evidenti mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tenniethom f’kuntest differenti fil-punt 58 tas-sentenza Schultz‑Hoff et, b’mod iktar speċifiku b’konnessjoni mal-kwistjoni ta’ kif għandu jkun ikkalkolat il-benefiċċju minflok previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, li hu pagabbli lil ħaddiem li, għar-raġunijiet ’il barra mill-kontroll tiegħu, ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal leave annwali bil-ħlas qabel it-tmiem tar-relazzjoni tal-impjieg tiegħu. F’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-interpretazzjoni tagħha fis-sens li, “għat-tul taż-żmien tal-leave annwali, għandha tinżamm ir-remunerazzjoni” u li “l-ħaddiema għandhom jirċievu r-remunerazzjoni normali tagħhom”.

    49.      Barra minn hekk, din il-pożizzjoni hija sostnuta b’argumenti bbażati kemm fuq interpretazzjoni skematika kif ukoll grammatika. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li d-Direttiva 2003/88 u d-Direttiva 2000/79 jiġu pparagunati ma’ atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni Ewropea li jipprovdu forma modifikata ta’ salarju kontinwu f’każ ta’ leave. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1982, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxi t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu riċentement, jew li qegħdin ireddgħu (36), bl-iskop li jkunu protetti ħaddiema tqal kontra riskji għas-sigurtà u s-saħħa tagħhom u kontra kull effetti fuq it-tqala jew it-treddiegħ tagħhom, tipprovdi għall-possibbiltà mhux biss li jkunu aġġustati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u li jkunu trasferiti għal xogħol ieħor imma li anki jingħataw leave mix-xogħol, u f’dan ir-rigward l-Artikolu 11(1) ta’ dik id-Direttiva jistipula li “d-drittijiet ta’ impjieg relatati mal-kuntratt tal-impjieg, inkluż il-ħarsien ta’ ħlas ta’, u/jew l-intitolament għall-benefiċċju xieraq, għall-ħaddiema għandhom ikunu żgurati skont il-liġi nazzjonali u/jew il-prattika”. Din id-dispożizzjoni tinkludi karatteristika mhux tas-soltu li ġustament il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għaliha riċenti ħafna fis-sentenzi Parviainen (37) u Gassmayr (38). F’dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li dik id-dispożizzjoni, skont il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tagħha li kienu jeżistu fi żmien l-adozzjoni tagħha, tagħmel riferiment għall-ħarsien biss “ta’ benefiċċju” u mhux “tal-benefiċċju” tal-ħaddiem ikkonċernat (39). Mill-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni u minn provi oħra l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li wara t-trasferiment provviżorju tagħha lejn post tax-xogħol differenti minn dak li kienet tokkupa qabel it-tqala tagħha, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85, ħaddiema tqila ma għandhiex dritt, skont l‑Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, għas-salarju medju li kienet tirċievi qabel l‑imsemmi trasferiment (40). Madankollu, il-pożizzjoni legali fir-rigward tal-benefiċċju stipulat fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u tal-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew ma hijiex komparabbli. Il-kliem ta’ dawk id-dispożizzjonijiet huwa ċar sa fejn il-verżjonijiet lingwistiċi kollha jistipulaw li l-leave annwali għandu sempliċement ikun “imħallas” (41), li fil-fatt isostni l-proposta dwar il-kontinwazzjoni jew il-ħarsien tar-remunerazzjoni taħt it-tifsira skont il-ġurisprudenza.

    50.      Fl-aħħar nett wieħed jista’ jsib appoġġ għal din il-pożizzjoni fil-prinċipji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO) li, skont il-premessa 6 fil-preambolu għad-Direttiva 2003/88 għandu jittieħed akkont tagħhom fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Fi ħdan il-kuntest tal-ILO, aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dritt għal perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas, sa issa kien is-suġġett ta’ żewġ konvenzjonijiet multilaterali, il-Konvenzjoni 132 (42) li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 1973 li kienet emendat il-Konvenzjoni 52 li kienet applikabbli qabel (43). Dawn jimponu kundizzjonijiet vinkolanti fuq l-Istati firmatarji fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dan id-dritt soċjali fundamentali fi ħdan l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom. Il-Konvenzjoni Nru 132, li r-rilevanza tagħha għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 kienet ikkonfermata riċenti ħafna fis-sentenza Schultz‑Hoff et (44), tistipula fl-Artikolu 7(1) li kull persuna li tieħu l-vaganzi kkontemplati f’dik il-konvenzjoni, għandu jirċievi fir-rigward tal-perijodu sħiħ ta’ dik il-vaganza “ir-remunerazzjoni normali jew medja tiegħu”.

    51.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi l-preżunzjoni espressa mill-qorti tar-rinviju fil-punt 29 tad-digriet tar-rinviju, fis-sens li meta l-Qorti tal-Ġustizzja użat il-kelma “komparabbli” fis-sentenza tagħha f’Schultz‑Hoff et (45) li (sabiex tiddeskrivi l-pożizzjoni li għandu jitqiegħed fiha l-ħaddiem matul il-perijodu tal-leave annwali bl-obbligu tal-ħlas għal dak il-leave), din setgħet kellha tifsira differenti f’moħħha, inkluż, fejn xieraq, il-possibbiltà li legalment ikun jista’ jsir tnaqqis mir-remunerazzjoni normali, hija probabbilment ibbażata fuq nuqqas ta’ ftehim dwar il-ġurisprudenza. Barra dan, il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza huma, għal kollox konsistenti mal-konklużjonijiet tiegħi fi Stringer et (46) fis-sens li l-benefiċċju minflok li jirċievi ħaddiem irid ikun “ekwivalenti” għall-ammont tas-salarju normali tiegħu. Għalkemm l-għażla tal-kelma hija differenti, it-tifsira fl-aħħar mill-aħħar hi l-istess, li tfisser li hu neċessarju li jkun żgurat, abbażi ta’ interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 7(1) tad-Direttivi dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol, li l-għanijiet ta’ dawk id-direttivi ma jkunux iffrustrati b’implementazzjoni li ma tkunx xierqa. B’mod partikolari, huwa neċessarju li jkun żgurat f’dan ir-rigward li l-ħaddiem ma jsofrix xi żvantaġġ konsegwenza talli jkun iddeċieda li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali. Eżempju ewlieni ta’ żvantaġġ bħal dan huwa kwalunkwe telf finanzjarju, skont is-sitwazzjoni tal-bidu, li jżommu milli jeżerċita dan id-dritt.

    52.      Fid-dawl ta’ dak kollu li intqal iktar ’il fuq, wieħed għandu jasal għall-konklużjoni li d-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jinkludi dispożizzjonijiet suffiċjentement ċari dwar kif għandha tkun stabbilita r-remunerazzjoni mħallsa għal-leave. Skont dawk id-dispożizzjonijiet, ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave fi kwalunkwe każ irid ikun ekwivalenti għal-livell tar-remunerazzjoni.

    b)      Konklużjoni: Ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave ma tistax tkun ikkalkolata b’riferiment għall-obbligu tal-bżonn minimu

    53.      Il-protezzjoni tar-remunerazzjoni għat-tul ta’ żmien tal-leave annwali, fl-aħħar mill-aħħar hija maħsuba li tagħti protezzjoni effettiva lill-funzjoni ta’ mistrieħ li għandu l-leave annwali. Fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttivi dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol skont it-tifsira u l-għan ta’ dawk id-direttivi, kif mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tipprojbixxi li jsir kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave bbażat fuq l-obbligu tal-bżonn minimu. Ikunu inkompatibbli mal-ġurisprudenza jekk, kif jipproponi l-konvenut fil-kawża prinċipali (47), ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave kellha tkun ikkalkolat biss b’riferiment għall-ammont li jkun kemm kemm biżżejjed sabiex jiżgura li l-ħaddiem ma jkunx miżmum milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas. L-ewwel nett tali miżura ma tammontax għal “protezzjoni tar-remunerazzjoni” għat-tul ta’ żmien tal-leave annwali. L-interpretazzjoni proposta, pjuttost tkun tammonta għal reviżjoni ex post facto tal-kundizzjonijiet stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja li jridu jiġu osservati sabiex ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave jkun konformi mad-direttivi, b’detriment għall-ħaddiema. It-tieni nett, l-effett ta’ din l-interpretazzjoni jkun li joħloq għall-ħaddiema pożizzjoni legali li la tkun tissodisfa l-obbligu ta’ livell minimu ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea u lanqas ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali.

    54.      B’livell minimu ta’ armonizzazzjoni, kif ifittex li jagħmel inter alia il-Ftehim Ewropew, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/79 għall-qasam tal-avjazzjoni, ma jfissirx li l-azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea hija limitata għall-inqas denominatur komuni. Għalhekk dan, bl-ebda mod ma huwa ugwali għal armonizzazzjoni minima. Għalhekk l-għan tiegħu ma huwiex li jkun estiż madwar l-Unjoni Ewropea l-iktar livell baxx ta’ protezzjoni fis-seħħ f’xi Stat Membru partikolari imma li tkun ifformulata l-protezzjoni bażika neċessarja għall-politika tal-Unjoni inkwistjoni (48). Kwalunkwe ħaġa oħra tkun inkompatibbli mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 136 KE, jiġifieri “[it-titjib] tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol” sabiex b’hekk “jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib” u sabiex jipprovdu “l-protezzjoni soċjali xierqa”. Dispożizzjoni li tistipula standards minimi għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandha tkun ifformulata b’mod oġġettiv u ċar sabiex ikun żgurat li din tkun implementata b’mod effettiv u uniformi fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe kriterju bbażat fuq li l-leave annwali jkun “finanzjarjament sostenibbli”, kif effettivament jipproponi l-konvenut fil-kawża prinċipali, ma jkunx prattiku, partikolarment peress li l-applikazzjoni tiegħu – kif effettivament jirrilevaw b’mod korrett ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (49) – ikun jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi involuti, b’mod partikolari l-piż finanzjarju li jġorr kull ħaddiem individwali. L-applikazzjoni ta’ kriterju vag bħal dan fl-aħħar mill-aħħar jimmina l-intitolament għal-leave annwali.

    4.      Il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex ikun ikkalkolata r-remunerazzjoni mħallsa għal-leave

    55.      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti fid-Direttivi dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol jew fid-Direttiva 2000/79, il-kompitu sabiex ikun stabbilit il-metodu tal-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave nnifsu jaqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri, li ġa spjegajt, għandhom l-obbligu li jadottaw ir-regoli ddettaljati nazzjonali neċessarji għall-implementazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjoni simili fis-sentenza Schultz‑Hoff et (50) b’rabta mal-kwistjoni li wkoll ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni, dwar kif tkun ikkalkolata l-allowance minflok li, taħt id-Direttiva 2003/88, tista’ tissostitwixxi l-perijodu jew perijodi minimi ta’ leave annwali bil-ħlas fejn ir-relazzjoni ta’ impjieg tkun itterminata. Din il-kwistjoni hija rregolata bil-“leġiżlazzjoni nazzjonali u jew bil-prattika” li jsir riferiment għaliha fid-direttivi. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jridu jieħdu kont tal-liġi nnifisha, inklużi l-prinċipji tal-ġurisprudenza li għamilt riferiment għalihom qabel.

    5.      Konklużjoni provviżorja

    56.      Fil-fehma tiegħi, l-ewwel domanda mqajma mill-qorti tar-rinviju, li hija fformulata f’termini ġenerali sa fejn din tikkonċerna aspetti fundamentali tad-dritt li tirċievi remunerazzjoni mħallsa għal-leave, hija mwieġba fl-analiżi ddettaljata tiegħi kemm dwar il-limitu tal-poteri regolatorji eżerċitati mil-leġiżlatur tal-Unjoni u dawk li nżammu mill-Istati Membri u dwar ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkun dedotti mid-Direttivi dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol, id-Direttiva 2000/79 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    57.      It-tweġibiet għad-domandi tnejn u tlieta li huma fformulati b’mod iktar speċifiku għandhom ikunu li, fil-prinċipju, ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave għandha tkun stabbilita b’tali mod li tkun tikkorrispondi għar-remunerazzjoni “normali” tal-ħaddiem. Fi kwalunkwe każ, allowance li tingħata minflok remunerazzjoni mħallsa għal-leave ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni meta tkun stabbilita f’livell kemm kemm biżżejjed sabiex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda riskju serju li l-ħaddiem ma jiħux il-leave annwali tiegħu.

    C –    Il-proċedura f’każ ta’ strutturi ta’ pagi kumplessi

    1.      Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali

    58.      Il-prinċipju li r-remunerazzjoni mħallsa għal-leave għandha tkun stabbilita b’tali mod li tkun tikkorrispondi għar-remunerazzjoni “normali” tal-ħaddiema, ovvjament jeħtieġ li jkun adattat f’każijiet fejn il-livell ta’ remunerazzjoni ma jkunx kostanti preċiżament għax jista’ jinbidel minn perijodu għal ieħor skont fatturi individwali li jkunu kkunsidrati rilevanti mill-partijiet għall-ftehim kollettiv. Dawn il-fatturi jistgħu jkunu konnessi jew mal-pożizzjoni professjonali ta’ ħaddiem fi ħdan l-impriża jew is-servizzi speċifiċi li huwa jwettaq. Din l-aħħar kategorija tinkludi pagamenti supplimentari fil-forma ta’ pagamenti speċjali u allowances għall-ispejjeż.

    59.      Essenzjalment, ir-raba’ u l-ħames domandi jitolbu li tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tifsira li għandha tingħata lil “remunerazzjoni normali” matul perijodu ta’ leave f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali. Ir-raba’ domanda għandha l-iskop li tivverifika jekk il-perijodu li għandu jingħata kont tiegħu huwiex il-perijodu attwali, jiġifieri l-perijodu li matulu l-ħaddiem kien bil-leave, jew xi perijodu ieħor. Bil-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-ħaddiem ikunx intitolat għal pagament supplimentari jekk, u sal-limitu li, hu jew hi kienu involuti f’attività partikolari. F’każ li t-tweġiba għal dik id-domanda tkun fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk għandux jingħata kont ta’ xi limiti massimi dwar sa liema punt, jew żmien li matulu, il-ħaddiem ikun involut f’dawn l-attivitajiet fil-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave.

    2.      Ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u l-kompetenza li żammew l-Istati Membri f’materji li jikkonċernaw l-istipulazzjoni ta’ regoli li jirregolaw id-dettalji dwar ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave

    60.      Evalwazzjoni definittiva ta’ xi tfisser “renumerazzjoni normali” skont it-tifsira mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija eskluża mhux l-inqas minħabba l-insuffiċjenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-kamp, liema fatt jimponi limiti fuq l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    61.      B’appoġġ għall-proposta li ma hemm l-ebda kompetenza minn naħa tal-Unjoni u għalhekk l-ebda ġurisdizzjoni għal dik li hija interpretazzjoni minn naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Daniż jagħmel riferiment għall-Artikolu 137(5) li jistipula espressament li dak l-Artikolu ma japplikax inter alia għall-pagi. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan mhux fejn attwalment teżisti id-diffikultà, peress li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rritjeniet fil-ġurisprudenza tagħha (51), huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li dik id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata b’mod strett sabiex ma taffettwax bla bżonn l-iskop tal-paragrafi 1 sa 4 u lanqas sabiex tqiegħed fid-dubju l-għanijiet segwiti bl-Artikolu 136 KE. Għalhekk dik id-dispożizzjoni tat-Trattat ma għandhiex tkun interpretata b’tali mod li testendi l-iskop tagħha għal kwalunkwe kwistjoni li tinvolvi xi xorta ta’ konnessjoni ma’ pagi. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Impact b’riferiment għas-sentenza Del Cerro Alonso (52), dik l-eċċezzjoni għandha pjuttost tkun interpretata li tkopri miżuri – bħal pereżempju l-ekwivalenza fl-Istati Membri tal-partijiet kostitwenti kollha tas-salarju u/jew tal-livelli tas-salarji jew ta’ wħud minnhom, jew l-istabbiliment tal-paga minima ggarantita fil-Komunità – li jammontaw għal indħil dirett mid-dritt tal-Unjoni fl-iffissar tal-pagi fi ħdan l-Unjoni Ewropea (53). Għalhekk, l-istabbiliment tal-livell tad-diversi partijiet kostitwenti tas-salarju ta’ ħaddiem jaqgħu barra mill-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni u bla dubju din hija materja għall-entitajiet kompetenti fid-diversi Stati Membri, għalkemm dawk l-entitajiet għandhom madankollu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom b’mod konsistenti mad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma li fihom l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza (54).

    62.      Madankollu, dan ma jgħid xejn dwar jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni għandux il-poter jistipula regoli li jirregolaw il-livell tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave fil-każ ta’ strutturi ta’ pagi kumplessi. Kif iddikjara korrettement l-Avukat Ġenerali Kokott fil-każ hawn fuq imsemmi, dik l-eċċezzjoni ma żżommx lill-Unjoni Ewropea milli tadotta leġiżlazzjoni b’konsegwenzi finanzjarji, bħal pereżempju fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol [l-Artikolu 137(1)(b) KE)]jew it-titjib tal-ambjent tax-xogħol sabiex ikunu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema [l-Artikolu 137(1)(a) KE]. Dan ma jżommx lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jimponi rekwiżiti fuq il-liġi nazzjonali tax-xogħol li jagħtu d-dritt lill-ħaddiem għal-leave annwali bil-ħlas, kif għamel l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 (55). Dan huwa veru bl-istess mod fil-każ tad-dispożizzjonijiet kważi identiċi fil-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew anness mad-Direttiva 2000/79, b’mod partikolari peress li l-eċċezzjoni maħluqa fl-Artikolu 137(5) KE tkopri wkoll il-bażi legali ta’ dik id-direttiva, l-Artikolu 139 KE (56). Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur tal-Unjoni mhux biss għandu l-kompetenza sabiex jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-materji koperti bid-Direttivi 2003/88 u 2000/79, imma wkoll, fil-prinċipju l-poter legali li jadotta dispożizzjonijiet iddettaljati li jikkonċernaw in-natura u l-ammont tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave.

    63.      Madankollu l-leġiżlatur tal-Unjoni qagħad lura milli jistipula fid-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, id-dettalji ta’ kif ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave għandha tkun stabbilita. Minflok dan għamel riferiment għal “legiżlazzjoni nazzjonali u/jew il-prattika”. L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli setgħa diskrezzjonali wiegħsa lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali hija dikjarata fil-premessa 10 fil-preambolu għad-Direttiva 2000/79 li tistipula li “l-istrument addattat għall-implementazzjoni tal-Ftehim huwa Direttiva fit-tifsira tal-Artikolu 249 tat-Trattat”. Fil-qasam tal-avjazzjoni, isir riferiment ulterjuri għal-liġi nazzjonali peress li l-premessa 12 tistipula li “fir-rigward tat-termini użati fil-Ftehim, li ma humiex definiti b’mod speċifiku fih”, id-Direttiva tħalli lill-Istati Membri liberi “[sabiex] jiddefinixxu dawk it-termini b’mod konformi mal-liġi nazzjonali u mal-prattika, kif fil-każ ta’ Direttivi ta’ politika soċjali oħra li jużaw l-istess termini, sakemm id-definizzjonijiet imsemmija jkunu konformi mal-Ftehim”. Barra dan, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/79 jirrikjedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw “li l-amministrazzjoni u l-ħaddiema jkunu ntroduċew l-miżura bil-ftehim”.

    64.      Għalhekk l-Unjoni Ewropea essenzjalment tieħu approċċ simili għal dak adottat fl-implementazzjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 132, li bl-istess mod ma tinkludi l-ebda dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave u minflok tħalli setgħa diskrezzjonali wiegħsa lill-Istati firmatarji (57). Għalhekk l-Artikolu 1 ta’ dik il-konvenzjoni jistipula li “id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, sa fejn ma jkunux saru effettivi b’mod ieħor, permezz ta’ ftehim kollettiv, deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, deċiżjonijiet tal-qorti, makkinarju għall-iffissar tal-pagi statutorji, jew b’xi mod ieħor li jkun konsistenti mal-prattika nazzjonali, kif jista’ jkun xieraq skont il-kundizzjonijiet nazzjonali, għandhom jingħataw effett bil-liġijiet u r-regoli nazzjonali”.

    65.      Approċċ bħal dan huwa konsistenti kemm mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-bżonn li tkun irrispettata l-awtonomija tal-imsieħba soċjali fir-rigward tan-negozjar kollettiv dwar is-salarju. Wieħed għandu jiftakar f’dan ir-rigward li d-dritt tan-negozjar kollettiv u l-awtonomija tan-negozjar inerenti f’dak id-dritt jikkostitwixxu drittijiet fundamentali li huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea (58). Id-dritt tan-negozjar kollettiv huwa rikonoxxut kemm mill-istrumenti legali internazzjonali differenti li fihom ipparteċipaw l-Istati Membri jew li kienu partijiet kontraenti tagħhom – bħall-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961 (59), li barra minn hekk isir riferiment dirett għaliha fl-Artikolu 136 KE – u bi strumenti żviluppati mill-Istati Membri fil-livell Komunitarju jew fi ħdan il-qafas tal-Unjoni Ewropea, bħal pereżempju l-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema adottata waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989 (60), u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea pproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (61).

    66.      Approċċ bħal dan huwa konsistenti wkoll ma’ rekwiżiti prattiki, partikolarment peress li huwa estremament diffiċli li jkunu adottati dispożizzjonijiet uniformi applikabbli għas-setturi kollha (62). Tabilħaqq, l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali juru proprju kif is-settur tal-avjazzjoni jiddependi ħafna fuq il-flessibbiltà. Iridu jkunu stabbiliti regoli li jieħdu kont tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull settur u jkunu aċċettati mill-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tieħu kont ukoll ta’ tali trażżin minn naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni meta jkun qiegħed jinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-diskrezzjoni disponibbli għall-Istati Membri, kif diġà ddikjarajt (63), ma hijiex bla limitu. Pjuttost, il-miżuri implementati jridu jkun konsistenti mal-qafas legali tal-Unjoni.

    67.      Huwa ċar mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq li, fl-assenza ta’ rekwiżiti kuntrarji taħt id-dritt tal-Unjoni, fil-prinċipju l-Istati Membri huma liberi li jagħmlu provvedimenti fil-liġi nazzjonali tax-xogħol tagħhom li jippermettu li r-remunerazzjoni tinqasam f’salarju bażiku u għadd ta’ pagamenti supplimentari li l-ħaddiema jirċievu skont ix-xogħol imwettaq minnhom.

    3.      Il-kompożizzjoni tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave

    a)      L-element materjali tar-“remunerazzjoni normali”

    68.      Fir-rigward tal-element materjali tar-“remunerazzjoni normali” f’każ ta’ struttura ta’ pagi kumplessa bħal dik li tifforma s-suġġett tal-ħames domanda magħmula, jiena tal-fehma li ma jistax ikun dedott awtomatikament mill-premessa 12 fil-preambolu għad-Direttiva 2000/79 li l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għandhom kompetenza esklużiva sabiex jistabbilixxu f’każijiet individwali liema ammonti għandhom jitqiesu li jiffurmaw parti mir-“remunerazzjoni mħallsa għal-leave”. Minħabba l-fatt li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni mħallsa għal-leave” huwa konness ma’ dak ta’ “salarju”, dan tal-aħħar għandu wkoll, bħala prinċipju jinżamm mingħajr tnaqqis matul il-perijodu tal-leave. It-tifsira ta’ dan l-aħħar terminu ġiet iffurmata estensivament fid-dritt tal-Unjoni.

    i)      Il-kunċett ta’ remunerazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni

    69.      Huwa veru li ma hemm l-ebda definizzjoni tat-terminu “remunerazzjoni” fid-Direttivi dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol jew fid-Direttiva 2000/79. Madankollu d-dritt tal-Unjoni, jipprovdi definizzjoni biżżejjed ċara fl-Artikolu 141(2) KE, u l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha bbażat ruħha fuq dik id-definizzjoni meta interpretat direttivi li – bħad-Direttiva 93/104 li inter alia teżisti kwistjoni dwarha hawnhekk – kienu adottati fuq il-bażi legali tal-Artikolu 118a KE (64). Barra minn hekk, dik id-definizzjoni hija konsistenti mal-istandards tal-liġi internazzjonali tax-xogħol, bl-oriġini tax-xogħlijiet preparatorji għaliha li tagħmilha ċara li hija bbażata fuq l-Artikolu 1(a) tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 100 (65) (66). B’dan l-isfond, jien tal-fehma li d-definizzjonijiet ipprovduti bil-liġi primarja jistgħu wkoll jiġu nvokati f’dan il-każ għall-iskopijiet ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/79.

    70.      Għalhekk huwa meħtieġ li jkun ikkunsidrat liema pagamenti għandhom jitqiesu bħala elementi tar-remunerazzjoni konformi ma’ dik id-definizzjoni.

    71.      Skont id-definizzjoni legali nkluża fl-Artikolu 141(2) tat-Trattat KE “paga” tfisser “is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand min iħaddmu”. Ma tagħmel l-ebda differenza f’dan ir-rigward jekk il-ħlas ikunx riċevut taħt kuntratt ta’ impjieg, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva jew fuq bażi voluntarja (67). B’mod ġenerali, din id-dispożizzjoni ġiet interpretata b’mod estensiv fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (68). Għal din ir-raġuni, it-tifsira ta’ salarju kif imfissra fl-Artikolu 141(2) KE, tista’ f’ċerti ċirkustanzi, testendi ħafna lil hinn mid-definizzjoni nazzjonali ta’ salarju (69). In-natura remunerattiva ta’ kwalunkwe ħlas trid tkun stabbilita permezz ta’ evalwazzjoni individwali.

    72.      Madankollu, qabel ma neżamina n-natura remunerattiva tal-elementi tas-salarju inkwistjoni, jien nagħmel riferiment fil-qosor għall-bżonn li wieħed jaderixxi għall-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija qabel lit-tifsira ta’ salarju fid-dritt tal-Unjoni. Wara kollox, huwa preċiżament f’każijiet bħal dawn, fejn ir-remunerazzjoni tikkonsisti f’diversi elementi, li jkun hemm ir-riskju li interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tagħti lil min iħaddem inċentiv li jiddikjara li elementi individwali ma jiffurmawx parti mir-remunerazzjoni u/jew anki li jiffragmenta r-remunerazzjoni ulterjorment sabiex iħallas kemm jista’ jkun mill-inqas bħala remunerazzjoni mħallsa għal-leave. Madankollu, l-effett ta’ tali prattika jkun li jiskoraġġixxi lill-ħaddiem milli jieħu l-leave annwali bil-ħlas u għalhekk, li jġib fix-xejn il-funzjoni rekuperattiva ta’ dak il-leave. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jagħmlu riferiment għal dak ir-riskju, b’mod korrett fil-fehma tiegħi (70).

    ii)    ii) Is-salarju bażiku bħala parti essenzjali mir-remunerazzjoni

    73.      Fid-dawl tal-kliem ċar tiegħu, ma hemmx dubju li l-Artikolu 141(2) KE jkopri kwalunkwe korrispettiv li l-ħaddiem jirċievi bħala “salarju bażiku”. Dan kien ikkonfermat espressament mill-Qorti tal-Ġustizzja riċenti ħafna fis-sentenza Parviainen li kienet tikkonċerna air hostess li wettqet funzjonijiet ta’ purser ma’ linja tal-ajru. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat il-kwistjoni ta’ jekk ħaddiema tqila, konformi mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85, li tkun temporanjament ittrasferita għal xogħol ieħor għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà, tibqax intitolata, għaż-żmien ta’ dak it-trasferiment, mhux biss għas-salarju bażiku dovut lilha skont il-kuntratt tagħha jew ir-relazzjoni tal-impjieg tagħha, imma anki għall-elementi tal-paga tagħha jew allowances supplimentari marbuta mal-anzjanità tagħha, tul ta’ servizz u kwalifiki professjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet dik id-domanda fl-affermattiv, wara li qieset mill-bidu nett li s-salarju bażiku tar-rikorrent li jaqa’ fi ħdan il-kunċett ta’ salarju skont it-tifsira tal-Artikolu 141 KE (71). L-ammont fiss dovut awtomatikament lil kull pilota taħt l-MFT flimkien mad-dispożizzjonijiet maqbula kollettivament dwar ħinijiet ta’ titjir fix-xahar, jaqa’ wkoll fi ħdan il-kategorija tas-salarju bażiku. Dak is-salarju hu stabbilit f’livell preċiż li huwa ddettat minn fatturi speċifiċi bħal pereżempju r-rank tal-pilota u l-flotta tal-ajruplani li huwa ngaġġjat magħha l-pilota inkwistjoni. Għalhekk ma hemmx dubju, li l-element fiss u invarjabbli tas-salarju ta’ kull pilota jifforma parti mir-“remunerazzjoni normali” li, konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, trid tibqa’ tkun imħallsa lill-ħaddiem matul il-perijodu kollu tal-leave.

    iii) Il-klassifikazzjoni tal-pagamenti supplimentari bħala parti mir-remunerazzjoni

    74.      B’kuntrast ma’ dan, huwa pjuttost iktar diffiċli sabiex tkun riżolta l-kwistjoni ta’ jekk il-pagamenti supplimentari inkwistjoni jaqgħux ukoll fi ħdan it-tifsira ta’ salarju kif definit fl-Artikolu 141(2) KE. Skont l-informazzjoni pprovduta mil-qorti tar-rinviju, is-salarju bażiku jinkludi żewġ elementi oħra li huma differenti fir-rigward tal-funzjoni u l-metodu ta’ tassazzjoni tagħhom. Il-livell ta’ pagamenti supplimentari jiġi stabbilit skont iż-żmien pilota jagħmel itir (BST) u ż-żmien li jagħmel ’il bogħod mill-bażi (ĦIBMB). L-BST jitqies li huwa għal kollox remunerazzjoni skont il-liġi nazzjonali u jiġi ntaxxat bħala tali. Fil-każ tal-ĦIBMB, 82 % jiġi ttrattat bħala li kien imħallas akkont tal-ispejjeż, bir-riżultat li 18 % biss jiġi ttrattat bħala remunerazzjoni taxxabbli.

    75.      Indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom taħt il-liġi nazzjonali, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni huwa possibbli li pagamenti supplimentari bħal dawn jistgħu jitqiesu bħala “kwalunkwe remunerazzjoni oħra” skont it-tifsira tad-definizzjoni legali hawn fuq imsemmija. Dan l-aspett għandu jiġi eżaminat iktar ’il quddiem. Jekk il-kriterju rilevanti huwa l-funzjoni tar-remunerazzjoni bħala korrispettiv minn min jimpjega għal xogħol li jsir mill-impjegat, “kwalunkwe remunerazzjoni oħra” ikollha tfisser kull benefiċċju monetarju li jifforma tali korrispettiv fis-sens wiegħsa tat-terminu u mhux esklużivament għal raġunijiet oħra (pereżempju produttività miżjuda, kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-klima mtejba, promozzjoni tas-saħħa) (72).

    76.      Madankollu, l-ewwel nett huwa meħtieġ li jkun limitat l-iskop tal-eżami għal dawk l-oqsma fejn id-domandi huma rilevanti għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, huwa ċar mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (73) li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin isostnu li huma ntitolati għall-ħlas tal-BST u tas-sehem taxxabbli tal-ĦIBMB, li kien ikklassifikat bħala element tar-remunerazzjoni skont il-liġi nazzjonali. Din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub imressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari peress li dawn jagħmlu riferiment esklużivament proprju għall-istess elementi tas-salarju fin-nota tal-osservazzjonijiet tagħhom fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. (74) Għalhekk id-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju għandhom jinftiehmu bħala li jippruvaw jiżguraw jekk il-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave għandux jieħu inkunsiderazzjoni pagamenti supplimentari, kif ukoll is-salarju bażiku, fir-rigward biss tal-BST u tas-sehem taxxabbli tat-ĦIBMB. Għaldaqstant, peress li ma huwiex rilevanti għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex meħtieġ li l-evalwazzjoni li trid titwettaq tkun estiża għal dik il-parti tal-ĦIBMB li hija ttrattata bħala allowance għall-ispejjeż.

    77.      Fil-prinċipju, id-definizzjoni wiesgħa ta’ salarju fl-Artikolu 141(2) KE tkopri mhux biss ir-remunerazzjoni pagabbli strettament bħala korrispettiv għax-xogħol imwettaq, imma anki kull element addizzjonali bħal bonuses, pagamenti supplimentari u allowances, konċessjonijiet minn min iħaddem u pagamenti ex gratia (75). Ċertament il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet bħala salarju, skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni, allowances ibbażati fuq il-kriterju tal-mobbiltà, jiġifieri allowances li jippremjaw id-disponibbiltà tal-ħaddiem li jaħdem f’ħinijiet differenti (76). Għaldaqstant, allowance għal sigħat ta’ xogħol inkonvenjenti (77), ħlas ta’ sahra (78) u ħlas ta’ sahra għall-attendenza ta’ kors ta’ taħriġ, bit-tul ta’ żmien tiegħu li jkun jeċċedi s-sigħat ta’ xogħol tal-individwu (79), ukoll ġew meqjusa li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta’ dik id-definizzjoni. Għalhekk, loġikament dik il-kategorija tkun tinkludi pagamenti supplimentari għas-sahra, pagamenti supplimentari għax-xogħol f’btajjel pubbliċi, allowances għax-xift u kwalunkwe pagamenti oħra komparabbli (80).

    78.      Is-similarità tal-pagamenti hawn fuq imsemija, li ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti mal-pagamenti supplimentari inkwistjoni hawnhekk hija ovvja, peress li dawn huma kollha fl-aħħar mill-aħħar konnessi mar-rieda tal-pilota li jagħmel lilu nnifsu disponibbli għax-xogħol sakemm min iħaddem jikkunsidra dan neċessarju. Madankollu, hemm differenza kbira bejn iż-żewġ tipi ta’ pagamenti supplimentari inkwistjoni sa fejn il-BST jirrappreżenta korrispettiv dirett għall-attività li tipikament tkun imwettqa minn pilota (jiġifieri t-titjir ta’ ajruplan), filwaqt li l-ĦIBMB għandha iktar min-natura ta’ kumpens minħabba l-fatt li l-pilota neċessarjament irid ikun ’il bogħod mill-bażi normali tiegħu għal raġunijiet relatati ma’ vjaġġar. Il-fatt li n-natura potenzjalment kompensatorja ta’ pagament ma tipprekludix awtomatikament il-klassifikazzjoni tagħha bħala paga skont it-tifsira tal-Artikolu 141(2) KE tintwera mhux l-inqas mill-fatt li, konformi mal-ġurisprudenza anki l-kumpens skont il-liġi għal tkeċċija inġusta jaqa’ fi ħdan l-iskop ta’ dik it-tifsira (81). Imqabbla ma’ pagamenti ta’ din ix-xorta, madankollu, in-natura kumpensatorja tal-ĦIBMB – jew tal-inqas il-porzjoni mhux taxxabbli tagħha li hawn kwistjoni dwarha hawnhekk – hija evidentement inqas qawwija. Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, differenti mill-parti mhux taxxabbli tal-ĦIBMB, il-parti taxxabbli ma hijiex allowance għall-ispejjeż imma diġà hija kklassifikata bħala paga taħt il-liġi nazzjonali. Fil-fehma tiegħi dik il-klassifikazzjoni hi korretta, b’mod partikolari peress li din tal-aħħar tikkostitwixxi korrispettiv indirett għall-attività mwettqa li huwa ta’ natura kumpensatorja u komparabbli ma’ allowance għal sigħat ta’ xogħol ta’ inkonvenjenza. Indipendentement minn dak li ntqal iktar ’il fuq, iż-żewġ pagamenti huma benefiċċji monetarji li jitħallsu apposta minn min iħaddem għal attività speċifika mill-pilota, li jfisser li n-natura remunerattiva taż-żewġ allowances ma tistax titqiegħed fid-dubju.

    79.      Għalhekk dawk il-pagamenti supplimentari jammontaw għal kwalunkwe remunerazzjoni oħra li l-ħaddiem jirċievi fir-rigward tar-relazzjoni tal-impjieg tiegħu konformi mal-Artikolu 141(2) KE. Għalhekk, dawk l-elementi tal-paga jiffurmaw parti wkoll mir-“remunerazzjoni normali” li konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iridu jibqgħu jitħallsu lill-ħaddiem matul il-perijodu tal-leave tiegħu. Għalhekk fil-prinċipju, ħaddiem huwa intitolat għal dawk il-pagamenti supplimentari normalment dovuta lilu anki fir-rigward tal-perijodi ta’ leave annwali.

    80.      Il-fatt li l-ħaddiem jeżerċita d-dritt għal-leave annwali ma jistax jikkostitwixxi raġuni legalment permissibbli sabiex b’mod eċċezzjonali tingħata interpretazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni daqstant ristretta li teskludi pagamenti supplimentari li jkunu dovuti matul dak il-perijodu. L-effett ta’ dan ikun li ħaddiem ikun ittrattat b’mod differenti mil-lat finanzjarju, skont jekk ikunx qiegħed jaħdem jew fuq leave, li kif diġà spjegajt fit-tul, dan ma jkunx jaqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    81.      Madankollu, il-fatt li dritt għall-pagamenti supplimentari normalment pagabbli huwa rikonoxxut bħala li hu infurzabbli fuq il-merti ma jfissirx neċessarjament li l-ħaddiem għandu dritt bla limitu għall-pagamenti supplimentari kollha li wieħed jista’ jimmaġina. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet limitu fuq dak id-dritt sa fejn il-ġurisprudenza tista’ tkun interpretata li tfisser li l-ħaddiem għandu jkun intitolat għal mhux iktar mir-“remunerazzjoni normali tiegħu”. Jien issa nispjega l-konsegwenzi ta’ dik l-interpretazzjoni.

    b)      L-element temporali ta’ “remunerazzjoni normali”

    82.      Kif indikajt mill-bidu nett, il-kunċett ta’ “remunerazzjoni normali” għandu wkoll element temporali. Skont it-tifsira naturali tal-kelma, “normali” tista’ qed tagħmel riferiment għal xi ħaġa li eżistiet matul ċertu perijodu ta’ żmien u tista’ wara tiġi użata bħala punt ta’ riferiment bħala paragun. Kif il-Kummissjoni (82) u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali (83) jirrilevaw korrettement, dik l-espressjoni timplika li r-remunerazzjoni li minnha nnifisha tvarja f’intervalli regolari, tiġi llivellata f’ammont li jirrappreżenta l-qligħ medju. Kif korrettement jirrikonoxxu l-partijiet, l-iffissar ta’ “remunerazzjoni normali” tirrikjedi neċessarjament perijodu ta’ riferiment suffiċjentement rappreżentattiv imma hemm diversi perijodi differenti li jistgħu jkunu invokati għal dan l-iskop fil-kawża prinċipali. Huwa possibbli li jew jitqies il-perijodu speċifiku ta’ meta l-ħaddiem kien bil-leave, sabiex ikun ikkalkolat il-qligħ medju ipotetiku tiegħu, jew xi perijodu iktar kmieni meta l-ħaddiem kien kontinwament attiv, sabiex ikun ikkalkolat il-qliegħ attwali medju tiegħu. Fir-raba’ domanda jsir riferiment għaż-żewġ possibbiltajiet. Min-naħa l-oħra jkun vijabbli bl-istess mod, li jiġi kkalkolat livell uniformi ta’ remunerazzjoni mħallsa għal-leave għal kull kategorija ta’ piloti. Madankollu, l-ebda wieħed mill-approċċi potenzjali ma jidhirx iktar attraenti mill-ieħor fil-prattika, peress li t-tnejn li huma għandhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Għalhekk, pereżempju, l-ewwel approċċ għandu l-iżvantaġġ li mhux dejjem ikun possibbli li jkun stabbilit b’ċertezza liema kompiti il-pilota bil-leave x’aktarx li kien iwettaq fil-perijodu inkwistjoni, sa fejn huwa żgur li wieħed jassumi mis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, li l-kompitu inkwistjoni seta’ fil-prinċipju jkun imwettaq minn kwalunkwe pilota ieħor (84). Min-naħa l-oħra t-tieni approċċ, jista’ jwassal għal diffikultajiet meta jkun il-waqt li jsiru ħatriet ġodda, peress li ma jkun hemm l-ebda perijodu reali bħala riferiment li wieħed jista’ jibbaża fuqu (85). Jibqa’ l-fatt, kif jirrilevaw ir-rikorrenti (86) li fi kwalunkwe każ ma huwiex probabbli li jkun hemm xi differenza kwantitattiva sinjifikattiv fil-prattika bejn l-ammonti kkalkolati taħt l-ewwel u t-tieni approċċ.

    83.      Minn evalwazzjoni iktar profonda tal-kwistjonijiet imqajma, jidher ċar li l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull approċċ, kif diskussi fit-tul mill-partijiet fil-kawża prinċipali, għandhom x’jaqsmu l-iktar mal-parti prattika tal-implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Fi kliem ieħor, dak li huma attwalment ikkonċernati miegħu huwa liema approċċ huwa l-iktar adattat għall-iskop sabiex ikun implementat effettivament id-dritt mogħti bid-dritt tal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa sabiex tistabbilixxi, billi tagħti l-interpretazzjoni tagħha, liema rekwiżiti li huma legalment vinkolanti huma imposti mid-dritt tal-Unjoni fuq il-liġi nazzjonali implementata rilevanti (87), u, fil-kuntest tal-koperazzjoni ġudizzjarja, li tagħti deċiżjoni dwar il-punti ta’ liġi mqajma fid-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali. B’dan l-isfond, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun li, kif il-konvenut fil-kawża prinċipali korrettement josserva (88), id-dritt tal-Unjoni ma jimponi l-ebda approċċ partikolari.

    84.      Fl-assenza ta’ obbligi ddettaljati fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, wieħed għandu jassumi li l-kompetenza sabiex ikun stabbilit il-perijodu ta’ riferiment inkwistjoni u sabiex tkun ikkalkolata r-remunerazzjoni medja għal dak il-perijodu taqa’ fuq l-Istati Membri, “bil-legiżlazzjoni nazzjonali u/jew il-prattika” ikunu rilevanti hawnhekk, konformi mal-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew u l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/88. Imiss lil-leġiżlatur nazzjonali, skont l-ordinament ġuridiku rilevanti, sabiex jadotta d-dispożizzjonijiet neċessarjament implementati u lill-imsieħba soċjali sabiex jadottaw regoli maqbula kollettivament li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom tali remunerazzjoni medja tista’ tkun imħallsa.

    85.      L-istess huwa veru fir-rigward tal-liġi tax-xogħol internazzjonali, li minnha ġew dedotti prinċipji internazzjonali. Il-kliem tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 132 ċertament jindika li l-iffissar tal-qligħ medju jifforma prinċipju, sa fejn dan jipprovdi espressament li kull persuna li tieħu l-vaganza kkontemplata f’dik il-konvenzjoni għandha tirċievi fir-rigward tal-perijodu sħiħ ta’ dik il-vaganza tal-inqas ir-remunerazzjoni normali jew medja tiegħu. Din l-alternattiva hija evidentement maħsuba sabiex tieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjonijiet ta’ impjieg speċifiċi fejn il-ħaddiema ma jirċevux remunerazzjoni normali. Min-naħa l-oħra, dik id-dispożizzjoni ma tgħid xejn dwar kif tali remunerazzjoni medja għandha tkun ikkalkolata, jew b’mod partikolari, liema perijodu ta’ riferiment għandu jkun użat bħala l-bażi għall-kalkolu. Minflok, din tagħmel riferiment għall-kompetenza tal-Istat individwali meta tasserixxi li dik ir‑remunerazzjoni għandha tkun “ikkalkulata b’mod li jkun stabbilit mill-awtorità kompetenti jew permezz tal-makkinarju adattat ta’ kull pajjiż”.

    c)      Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni

    86.      L-interpretazzjoni li semmejt iktar ’il fuq tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sens li l-intitolament tal-ħaddiem ma għandux jestendi lil hinn mir-“remunerazzjoni normali tiegħu”, twassal minn naħa, għall-obbligu li jkun illivellat u kkalkolat il-qligħ medju. Dan imbagħad ifisser li l-paga u kull pagament supplimentari ma għandhomx ikunu awtomatikament aggregati fejn dawn tal-aħħar mhux soltu jitħallsu. F’dan ir-rigward is-sottomissjoni tal-Gvern Daniż (89) li dawn il-pagamenti supplimentari għandhom ikunu inklużi fil-kalkolu ta’ somma medja f’każ biss li dawn jkunu elementi regolari tal-paga, għandha tkun issekondata espressament.

    87.      Din l-interpretazzjoni essenzjalment timplika wkoll li ħaddiem li jieħu l‑leave ma għandux ikun ittrattat b’mod differenti, mil-lat finanzjarju, minn dak li jkun qiegħed jaħdem. Fid-dawl tal-għan regolatorju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, dan ir-rekwiżit huwa mmirat primarjament lejn l-iżvantaġġi finanzjarji għall-ħaddiem. Madankollu, dan ma jfissirx li ħaddiem li jieħu l-leave annwali tiegħu għandu jitqiegħed f’pożizzjoni finanzjarja aħjar minn ħaddiema oħra. Wara kollox, l-għoti ta’ “remunerazzjoni normali” tfisser li għandhom bħala prinċipju jkunu applikati ir-restrizzjonijiet tas-soltu. B’analoġija ma’ dan, l-istess huwa veru għal-limiti annwali jew limiti massimi oħra rigward sa liema punt jew żmien li matulu l-ħaddiem jista’ jinvolvi ruħu f’attività partikolari li tkun ippremjata bl‑għoti ta’ pagament supplimentari. Abbażi ta’ dan, għandhom jitqiesu dawn il‑limiti massimi fil-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave.

    4.      Konklużjoni provviżorja

    88.      It-tweġiba għar-raba’ domanda għandha tkun li, f’sitwazzjoni bħal dik fil‑kawża prinċipali, fejn il-livell ta’ remunerazzjoni jvarja, ħaddiem huwa intitolat għar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave li jkun ekwivalenti għall-qligħ medju tiegħu. Il-kalkolu ta’ dik ir-remunerazzjoni medja għandha tkun ibbażata fuq perijodu ta’ riferiment li jkun biżżejjed rappreżentattiv.

    89.      It-tweġiba għall-ħames domanda għandha tkun li l-kalkolu ta’ dik ir‑remunerazzjoni medja għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-pagamenti supplimentari normalment dovuta lill-ħaddiem bħala parti mir-remunerazzjoni tiegħu u kwalunkwe restrizzjoni fir-rigward ta’ limiti annwali jew limiti oħra dwar sa liema punt jew iż-żmien li matulu, il-ħaddiem jista’ jinvolvi ruħu f’attività partikolari li tiġi ppremjata bl-għoti ta’ pagament supplimentari.

    VII – Konklużjoni

    90.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court bil-mod kif ġej:

    1)         L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u tal-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Mobbli fl‑Avjazzjoni Ċivili konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l‑Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji tal-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Ajru (IACA), li huwa anness mad‑Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jfissru li r-remunerazzjoni mħallsa għal-leave għandha tkun ikkalkolata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew il-prattika.

    2)         F’dan ir-rigward, ir-remunerazzjoni mħallsa għal-leave, bħala prinċipju, għandha tkun stabbilita b’tali mod li tkun ekwivalenti għar-remunerazzjoni normali tal-ħaddiem. Fi kwalunkwe każ allowance mogħtija bħala remunerazzjoni mħallsa għal-leave ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal‑Unjoni jekk tkun stabbilita f’livell li huwa suffiċjenti biss sabiex jiżgura li ma hemm l-ebda riskju serju li l-ħaddiem ma huwiex jieħu l-leave annwali tiegħu.

    3)         F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn il-livell tar-remunerazzjoni tvarja, il-ħaddiem huwa intitolat għal remunerazzjoni mħallsa għal-leave li tkun ekwivalenti għall-qligħ medju tiegħu. Il-kalkolu ta’ dik ir‑remunerazzjoni medja għandu jkun ibbażat fuq perijodu ta’ riferiment li jkun rappreżentattiv biżżejjed.

    4)         Il-kalkolu ta’ dik ir-remunerazzjoni medja għandu jieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ pagamenti supplimentari dovuti normalment lill-ħaddiem bħala parti mir-remunerazzjoni tiegħu u kwalunkwe restrizzjonijiet fir-rigward ta’ limiti annwali jew limiti oħra fuq sa liema punt, jew iż-żmien li matul tiegħu, il‑ħaddiem jista’ jinvolvi ruħu f’attività partikolari li tiġi ppremjata bl-għoti ta’ pagament supplimentari.


    1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż. Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


    2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.


    3 – Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, dwar il-Ftehim Ewropew fuq l‑Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji tal-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat‑Trasportazzjoni bl-Ajru (IACA) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 75).


    4 – Skont id-denominazzjonijiet użati fit-TUE u fit-TFUE, l-espressjoni l-kunċett ta’ “dritt tal-Unjoni” jiġi użat bħala terminu ġeneriku għad-dritt Komunitarju u għad-dritt tal-Unjoni. Kwalunkwe riferimenti fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet għal elementi individwali ta’ dritt primarju jużaw l-ismijiet tad-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis.


    5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197.


    6 – SI 2004 Nru 756.


    7 – Konklużjonijiet tal-24 ta’ Jannar 2008, Schultz‑Hoff (C‑350/06, sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Ġabra p. I‑179, punt 38.


    8 – ĠU 2007, C 303, p. 1.


    9 – Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303 p. 17), tindika li dik id-dispożizzjoni hija bbażata fuq id-Direttiva 93/104, l-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea tal-1961 u l-punt 8 tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema ta’ Diċembru 1989.


    10 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, Ġabra p. I‑0000, punt 22).


    11 – Ara H. D. Jarass, Charta der Grundrechte der Europäischen Union – Kommentar, München 2010, Artikolu 31, punt 3, p. 277, u l-Artikolu 51, punt 6, p. 413.


    12 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda (C‑277/08, Ġabra p. I‑8405, punt 18).


    13 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 58), tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 u C‑380/07, Ġabra p. I‑3071, punt 195), u tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez‑Limón (C‑537/07, Ġabra p. I‑6525, punt 34). J. Egger, “Rechtswirkungen von Rahmenvereinbarungen im Sozialbereich”, Neueste Entwicklungen im Zusammenspiel von Europarecht und nationalem Recht der Mitgliedstaaten (edizzjoni Waldemar Hummer), Vjenna 2010, p. 223, jirrileva li l-ftehim minnhom infushom għad ma għandhomx effett leġiżlattiv. Qabel ma jkun implementat b’deċiżjoni tal-Kunsill il-ftehim ta’ qafas ma jsirx parti diretta mid-dritt sekondarju tal-Unjoni u suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.


    14 – Ara R. Rebhahn, EU-Kommentar (edizzjoni ta’ Jürgen Schwarze), it-tieni edizzjoni, Baden‑Baden 2009, Artikolu 139 KE, punti 4 u 10, p. 1378 et seq, li jirrileva li l-implementazzjoni ta’ ftehim bejn l-imsieħba soċjali b’deċiżjoni tal-Kunsill twassal għal att leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea. Il-ġurisdizzjoni sabiex tkun interpretata d-direttiva u l-ftehim inkluż fiha hija tal-Qorti tal-Ġustizzja.


    15 – Il-premessa 11 fil-preambolu għad-Direttiva 2000/79 tikkonferma li l-prinċipju tas-sussidjarjetà kien implementat kif ġej: “Minħabba n-natura ntegrata sew tas-settur tal-avjazzjoni ċivili u l-kundizzjonijiet kompettivi prevalenti fiha, l-għanijiet ta’ din id-Direttiva biex ikunu protetti s-saħħa u s-sigurtá tal-ħaddiem ma jistgħux jintleħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk hija meħtieġa azzjoni min-naħa tal-Komunità skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit bl-Artikolu 5 tat-Trattat. Din id-Direttiva ma tmurx ’l hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintleħqu dawn l-għanijiet”.


    16 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑84/94, Ġabra p. I‑5755, punt 47).


    17 – Ibid. (punt 47) u s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson‑Steele et (C‑131/04 u C‑257/04, Ġabra p. I‑2531, punt 57).


    18 – Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, Ġabra p. I‑4881, punt 53).


    19 – Ara f’dan is-sens l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawża BECTU, li għalihom għamel riferiment l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Frar 2002 f’dik il-kawża (punt 34).


    20 – Ara s-sentenzi BECTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 53), is-sentenza Schultz‑Hoff et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 46), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu, fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom, kundizzjonijiet dwar l-eżerċizzju u l-implementazzjoni tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas, li joriġina direttament mid-Direttiva 93/104 jew id-Direttiva 2003/88, suġġett għal kwalunkwe prekundizzjonijiet ikunu xi jkunu.


    21 – Dwar l-impatt tal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ara T. Nowak “The Working Time Directive and The European Court of Justice”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, Volum 15 (2008), Nru 4, p. 447.


    22 – Ara l-White Paper dwar setturi u attivitajiet esklużi mid-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol, COM(97) 334 finali, punti 11 sa 13.


    23 – Ibid, punt 74.


    24 – Ara, C. Barnard, EC Employment Law, it-2 edizzjoni, Oxford 2002, p. 403.


    25 – Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tikkonċerna l-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Ajru (IACA) COM(2000) 382 finali.


    26 – Il-premessa 9 fil-preambolu għad-Direttiva 2000/34 tgħid: “Id-dispożizzjonijiet eżistenti li jikkonċernaw l-leave annwali u l-istimi tas-saħħa għax-xogħol ta’ bil-lejl u x-xogħol bix-xift għandhom jiġu estiżi biex jinkludu l-ħaddiema li jiċċaqilqu fis-setturi u l-attivitajiet esklużi”. Ara f’dan is-sens M. I. Pujol, “Comentario de la jurisprudencia del Tribunal de Justicia de las Comunidades Europeas”, Cuadernos Europeos de Deusto, 2009, Nru 41, p. 165.


    27 – Il-premessa 10 fil-preambolu għad-Direttiva 2000/34 tgħid: “Id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ jeħtieġu li jkun addattati għal ħaddiema li jiċċaqilqu fis-setturi u l-attivitajiet esklużi”.


    28 – Il–premessa 16 fil-preambolu għad-Direttiva 2000/79 tgħid: “L-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva m’għandhiex isservi biex tiġġustifika kwalunkwe rigressjoni f’dak li għandu x’jaqsam mas-sitwazzjoni li teżisti llum f’kull stat membru”.


    29 – Ara s-sentenzi BECTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 43), tat-18 ta’ Marzu 2004, Gómez (C‑342/01, Ġabra p. I‑2605, punt 29), u Robinson‑Steele et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 48); dwar id-Direttiva 2003/88, ara Urteile Schultz‑Hoff et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 22), Vicente Pereda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 18) u tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (C‑486/08, Ġabra p. I‑0000, punt 28).


    30 – Ara s-sentenzi BECTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 44), Merino Gómez, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 30), Schultz‑Hoff et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 23) u Vicente‑Pereda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 21).


    31 – Ara s-sentenzi Schultz‑Hoff et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 25) u Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 30).


    32 – Sentenza Robinson-Steele et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 58).


    33 – Ara punt 16 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Daniż.


    34 – L-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO twassal ukoll għal din il-konklużjoni. Din id-dispożizzjoni tiddikjara li ftehim fejn ikun ġie rrinuzjat id-dritt għall-bonus minimu tal-vaganzi mħallas stipulat fl-Artikolu 3(3) ta’ dik il-Konvenzjoni jew li tkun irrinunzjata tali vaganza, jew il-kumpens jew mod ieħor, għandha, kif ikun xieraq għall-kundizzjonijiet nazzjonali, tkun nulla jew bla effett jew tkun ipprojbita. Ara wkoll R. Blanpain, “The Holidays With Pay Convention of the ILO (N 132): a Commentary”, The International Journal of Comparative Labour Law and Industrial Relations, Volum 16/4, 2000, p. 364.


    35 – Sentenza Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 29).


    36 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110.


    37 – Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Parviainen (C‑471/08, Ġabra I‑0000).


    38 – Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr (C‑194/08, Ġabra I‑0000).


    39 – Sentenza Parviainen (iċċitatata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 50) u s-sentenza Gassmayr (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 61).


    40 – Sentenza Parviainen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 62).


    41 – Ara pereżempju l-verżjonijiet lingwistiċi bil-Ġermaniż (“bezahlt”), bil-Franċiż (“payé”), bid-Daniż (“med løn”), bl-Ispanjol (“retribuidas”), bil-Portugiż (“remuneradas”), bis-Sloven (“plačanega”), bit-Taljan (“retribuite”), bl-Isvediż (“betald”) u bl-Olandiż (“betaald”).


    42 – Il-Konvenzjoni Nru 132 li tikkonċerna l-vaganzi annwali mħallsa, li kienet adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, fl-24 ta’ Ġunju 1970, u li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 1973.


    43 – Il-Konvenzjoni Nru 52 li tikkonċerna l-vaganzi annwali mħallsa, li kienet adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, fl-24 ta’ Ġunju 1936, u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ Settembru 1939. Din il-Konvenzjoni kienet iriveduta bil-Konvenzjoni Nru 132, li għadha miftuħha għar-ratifika.


    44 – Sentenza Schultz‑Hoff et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 38). Ara l-kummentarju legali li jikkonċerna s-sinjifikat mogħti lill-konvenzjonijiet tal-ILO fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. M. Korda u F. Pennings f’“The legal character of international social security standards”, European Journal of SocialSecurity, Volum 10 (2008), Nru 2, p. 132, jieħdu l-pożizzjoni li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex il-kompetenza li toħloq standards ta’ sigurtà soċjali li jkunu legalment vinkolanti. Għal din ir-raġuni, il-konvenzjonijiet iffirmati fil-kuntest tal-ILO u tal-Kunsill tal-Ewropa għandhom importanza ċentrali fl-iżvilupp tal-istandards internazzjonali tas-sigurtà soċjali. B. Bercusson, f’“The European Court of Justice, Labour Law and ILO Standards”, 50 Jahre EU – 50 Jahre Rechtsprechung des Europäischen Gerichtshofs zum Arbeits- und Sozialrecht, Baden‑Baden 2008, p. 58 et seq, jisħaq fuq rwol iktar attiv għall-Qorti tal-Ġustizzja fil-kostituzzjonalizzazzjoni tal-mudell soċjali Ewropew, u huwa tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti kont tal-istandards tal-ILO meta tinterpreta d-dritt primarju u d-dritt sekondarju tal-Unjoni. J. Murray f’“The Working Time Directive and Future Prospects for ILO Rules on Working Time” Transnational Labour Regulation – The ILO and EC compared, p. 175, jesprimi l-fehma li hemm livell sinjifikattiv ta’ konverġenza bejn is-suġġett u l-iskop tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol u l-liġi tax-xogħol tal-ILO rispettivament.


    45 – Sentenza Schultz‑Hoff et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 60).


    46 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi C‑350/06 u C‑520/06 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 38).


    47 – Ara l-punti 41, 43 u 76 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-konvenut fil-kawża prinċipali.


    48 – Ara Leible/Streinz, EUV/EGV, München 2003, Artikolu 95, punt 44, p. 1248.


    49 – Ara l-punt 74 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.


    50 – Sentenza Schultz‑Hoff et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 57 sa 62).


    51 – Ara s-sentenza Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 125).


    52 – Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, Ġabra p. I‑7109).


    53 – Sentenza Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 124).


    54 – Ibid (punt 129).


    55 – Ara l-punt 175 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tad-9 ta’ Jannar 2008, Impact, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13).


    56 – Ara, f’dan is-sens, R. Rebhahn, op. cit., (nota ta’ qiegħ il-paġna 14), Artikolu 137, punt 56, p. 1363.


    57 – Skont S. Böhnert, Das Recht der ILO und sein Einfluss auf das deutsche Arbeitsrecht im Zeichen der europäischen Integration, Baden‑Baden 2002, p. 100, il-Konvenzjonijiet tal-ILO jużaw l-hekk imsejħa “klawżoli ta’ flessibbiltà”. Dawn jagħmlu riferiment għal varjetà ta’ miżuri, inkluż l-użu ta’ termini ġeneriċi, u l-għoti ta’ diskrezzjoni wiegħsa fit-twettiq tal-obbligi u l-iffissar tal-għanijiet li għandhom jintleħqu.


    58 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-14 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑271/08, sentenza tal-5 ta’ Lulju 2010, Ġabra p. I‑0000, punt 77).


    59 – L-Artikolu 6 tal-Karta Soċjali Ewropea, riprodott verbatim fl-Artikolu 6 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta ffirmata fi Strasbourg fit-3 ta’ Mejju 1996, bil-ħsieb li jkun żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt tan-negozjar kollettiv, jirrikjedi li l-partijiet kontraenti, inter alia jippromwovu konsultazzjoni konġunta bejn il-ħaddiema u min jimpjega u li jippromwovu, fejn meħtieġ jew ikun adatt, makkinarju għal negozjati volontarji bejn min iħaddem jew organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u organizzazzjonijiet tal-ħaddiema bil-ħsieb li jkunu regolati t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg permezz ta’ ftehim kollettivi.


    60 – Il-punt 12 tal-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema jistipula li min iħaddem jew l-organizzazzjoni ta’ min iħaddem, minn naħa, u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema min-naħa l-oħra, għandu jkollhom id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prattika.


    61 – Konformi mal-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-ħaddiema u min iħaddem, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom skont id-dritt Komunitarju u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi, fil-livelli xierqa u f’każijiet ta’ konflitt ta’ interess, li jieħdu azzjoni kollettiva hiex jiddefendu l-interessi tagħhom inkluż id-dritt tal-istrajk.


    62 – Ara d-deskrizzjoni tiegħi, f’punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar il-metodu regolatorju differenzjat li kien applikat mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li fl-aħħar mill-aħħar wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva 2000/79 fis-settur speċifiku tal-avjazzjoni ċivili.


    63 – Ara l-punti 38, 45, 53, 54 u 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    64 – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, McKenna (C‑191/03, Ġabra p. I‑7631, punt 29).


    65 – L-Artikolu 1(a) tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 100 jaqra kif ġej: “it-terminu remunerazzjoni jinkludi l-paga jew salarju ordinarju bażiku jew minimu u kwalunkwe qligħ ieħor mill-impjieg ikun xi jkun, pagabbli direttament jew indirettament, jew fi flus jew in natura, minn min iħaddem lill-ħaddiem u li jirriżultaw mill-impjieg tal-ħaddiem”.


    66 – Ara S. Krebber, EUV/EGV – Kommentar (edizzjoni ta’ Christian Calliess u Matthias Ruffert), it-3 edizzjoni, München 2007, Artikolu 141, punt 23, p. 1629.


    67 – Sentenza McKenna (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64, punt 29).


    68 – Ara E. Eichenhofer, EUV/EGV – Kommentar, München 2003, Artikolu 141 KE, punt 10, p. 1530.


    69 – Ara R. Rebhahn, op. cit. (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14), Artikolu 141 KE, punt 10, p. 1386.


    70 – Ara l-punt 73 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.


    71 – Sentenza Parviainen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 49 u 50).


    72 – Ara S. Krebber, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 66), punt 25, p. 1630.


    73 – Ara s-sentenza tal-Employment Tribunal tal-11 ta’ Mejju 2007, S A Williams et vs British Airways Plc (Każ Nru: 3314875/2006), punti 27 u 29, p. 8 (Anness 2 għan-nota tal-konvenut fil-kawża prinċipali) u d-Dikjarazzjoni Maqbula tal-Fatti u Kwistjonijiet fis-Supreme Court tar-Renju Unit (“Agreed Statement of Facts and Issues in the Supreme Court of the United Kingdom”), punt 8, p. 3 (Anness 1 għall-osservazzjonijiet bil-miktub tal-konvenut fil-kawża prinċipali).


    74 – Ara l-punt 11 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.


    75 – M. Fuchs u F. Marhold, Europäisches Arbeitsrecht, it-2 edizzjoni., Vjenna 2006, p. 123.


    76 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Danfoss (109/88, Ġabra p. 3199, punt 3).


    77 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Jämställdhetsombudsmannen (C‑236/98, Ġabra p. I‑2189, punt 39 et seq).


    78 – Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Voß (C‑300/06, Ġabra p. I‑10573, punti 12 et seq).


    79 – Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 1992, Bötel (C‑360/90, Ġabra p. I‑3589, punt 13), u tas-6 ta’ Frar 1996, Lewark (C‑457/93, Ġabra p. I‑2343, punt 23).


    80 – Ara S. Krebber, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 66, punt 28, p. 1631).


    81 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour‑Smith (C‑167/97, Ġabra p. I‑623, punt 28).


    82 – Ara l-punt 27 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


    83 – Ara l-punti 55 u 100 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.


    84 – Ara punti 42 u 74 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-konvenut fil-kawża prinċipali.


    85 – Ibid, punt 42.


    86 – Ibid, punt 102.


    87 – L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tikkjarifika u tiddefinixxi t-tifsira u l-iskop ta’ dik ir-regola kif trid jew kellha tkun mifhumha u applikata mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħħa (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, Ġabra p. 1205, punt 16, tal-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Telekom, C‑50/96, Ġabra p. I‑743, punt 43, u tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C‑453/00, Ġabra p. I‑837, punt 21).


    88 – Ara l-punt 42 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-konvenut fil-kawża prinċipali.


    89 – Ara l-punt 20 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Daniż.

    Top