This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CC0140
Opinion of Mr Advocate General Jääskinen delivered on 7 July 2011. # Greenstar-Kanzi Europe NV v Jean Hustin and Jo Goossens. # Reference for a preliminary ruling: Hof van Cassatie - Belgium. # Regulation (EC) No 2100/94, as amended by Regulation (EC) No 873/2004 - Interpretation of Articles 11(1), 13(1) to (3), 16, 27, 94 and 104 - Principle of exhaustion of Community plant variety rights - Licensing contract - Action for infringement against a third party - Infringement of the licensing contract by the person enjoying the right of exploitation in his contractual relationship with the third party. # Case C-140/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 7 ta' Lulju 2011.
Greenstar-Kanzi Europe NV vs Jean Hustin u Jo Goossens.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Cassatie - il-Belġju.
Regolament (KE) Nru 2100/94 kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 873/2004 - Interpretazzjoni tal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27, 94 u 104 - Prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti - Ftehim ta’ liċenzja - Proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra terzi - Ksur tal-ftehim ta’ liċenzja mill-persuna liċenzjata fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha mat-terzi.
Kawża C-140/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 7 ta' Lulju 2011.
Greenstar-Kanzi Europe NV vs Jean Hustin u Jo Goossens.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Cassatie - il-Belġju.
Regolament (KE) Nru 2100/94 kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 873/2004 - Interpretazzjoni tal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27, 94 u 104 - Prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti - Ftehim ta’ liċenzja - Proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra terzi - Ksur tal-ftehim ta’ liċenzja mill-persuna liċenzjata fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha mat-terzi.
Kawża C-140/10.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-10075
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:463
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2011 (1)
Kawża C‑140/10
Greenstar-Kanzi Europe NV
vs
Jean Hustin,
u
Jo Goossens
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (il‑Belġju)]
“Sistema ta’ protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti – Proprjetarju ta’ dritt – Ftehim ta’ liċenzja – Ksur tal-ftehim tal-liċenzja min-naħa tal-persuna li għandha liċenzja fir-relazzjonijiet tagħha mat-terz – Proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra terz – Prinċipju tal-eżawriment”
I – Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tressqet mill-Hof van Cassatie (il-Belġju), tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (2), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 873/2004, tad-29 ta’ April 2004 (3).
2. Din il-kawża ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-problemi speċifiċi li toħloq is-sistema ta’ protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti fil-kuntest iktar ġenerali tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-differenza li teżisti bejn is-sistema ta’ protezzjoni distinta prevista mir-regolament imsemmi għall-materjal ta’ multiplikazzjoni (f’dan il-każ is-siġra tat-tuffieħ “Nicoter”), minn naħa waħda, u għall-materjal maħsud (f’dan il-każ it-tuffieħ “Kanzi”), min-naħa l-oħra.
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrispondi għall-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tad-dritt Komunitarju dwar il-varjetajiet ta’ pjanti jistax jipprevalixxi ruħu mid-drittijiet esklużivi tiegħu, skont ir-Regolament Nru 2100/94, sabiex iressaq proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra terzi jew jekk, min-naħa l-oħra, għandux jiġi kkunsidrat li d-drittijiet tiegħu jkunu eżawriti meta l-persuna li għandha liċenzja tkun biegħet lil terzi materjal tal-varjetà li tkun is-suġġett tal-protezzjoni Komunitarja, mingħajr ma’ timponilhom il-limitazzjonijiet li kellu jkun hemm skont il-ftehim tal-liċenzja konkluż bejn il-persuna li għandha liċenzja u l-proprjetarju tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Konvenzjoni UPOV tal-1991
4. Fuq il-livell internazzjonali, il-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti hija s-suġġett ta’ konvenzjoni, iffirmata fit-2 ta’ Diċembru 1961, u riveduta fl-1991 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni UPOV tal-1991”). Il-Komunità Ewropea aderiet ma’ din il-Konvenzjoni fl-2005 (4). Il-leġiżlazzjoni Komunitarja hija ispirata ħafna mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.
B – Ir-Regolament Nru 2100/94
5. Il-premessa erbatax tar-Regolament Nru 2100/94 hija miktuba kif ġej:
“Billi, minħabba l-effett ta’ dritt tal-Komunità [dritt Komunitarju ta’ protezzjoni] ta[l-]varjet[ajiet] ta’ pjanti għandu jkun uniformi fil-Komunità kollha, tranżazzjonijiet kummerċjali suġġetti għall-ftehim tad-detentur [proprjetarju] għandhom ikun[u] magħmula [b’mod ċar]; billi l-iskop ta’ protezzjoni għandu jiġi estiż, meta mqabbel mal-parti l-kbira tas-sistemi nazzjonali, għal ċerti materjali tal-varjetà biex jagħti kont ta’ negozju minn pajjiżi barra l-Komunità mingħajr protezzjoni; billi, iżda, l-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ eżawriment tad-drittijiet għandu jassigura li l-protezzjoni ma tkunx eċċessiva”.
6. Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2100/94:
“Il-persuna li tkun kabbret, jew skopriet jew żviluppat il-varjetajiet, jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu, it-tnejn li huma – il-persuna u s-suċċessur tiegħu – hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘dak li jkabbar’, ikunu ntitolati għad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”.
7. Skont l-Artikolu 13(1) sa (3) tal-imsemmi regolament:
“1. [Id-]Dritt tal-Komunità [dritt Komunitarju ta’ protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi [l-proprjetarju jew il-proprjetarji] ta’ dritt tal-Komunità [dritt Komunitarju ta’ protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘id-detentur’ [‘proprjetarju’], ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.
2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘il-materjal’, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur [tal-proprjetarju]:
a) produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);
b) kondizzjonar għall-għan ta’ propagazzjoni [moltiplikazzjoni];
ċ) toffri għall-bejgħ;
d) bejgħ jew tqegħid tal-prodott fis-suq;
e) esportazzjoni mill-Komunità;
f) importazzjoni lejn il-Komunità;
g) ħażna għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija fi (a) sa (f).
Id-detentur [Il-proprjetarju] jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.
3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom japplikaw dwar materjal maħsud biss jekk dan kien akkwistat permezz ta’ l-użu awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet protetti, u sakemm id-detentur [il-proprjetarju] kellu opportunità raġonevoli li jeżerċita id-dritt tiegħu dwar l-imsemmija kostitwenti ta’ varjetajiet”.
8. L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94, bit-titolu “Tmiem [Eżawriment] tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”, jipprevedi kif ġej:
“Id-drittijiet tal-Komunità [dritt Komunitarju ta’ protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti m’għandhomx ikunu jestendu għall-atti li jikkonċernaw kull materjal tal-varjetajiet protetti […]li jkun ġie mogħti lill-oħrajn mid-detentur [proprjetarju] jew bil-kunsens tiegħu, f’kull parti tal-Komunità, jew kull materjal meħud mill-imsemmi materjal, sakemm dawk l-atti:
a) jinvolvu aktar propagazzjoni [multiplikazzjoni] tal-varjetajiet in kwistjoni, ħlief meta dik il-propagazzjoni [multiplikazzjoni] kienet intiża [prevista] meta l-materjal kien ġie mogħti;
jew
b) jinvolvi l-esportazzjoni ta’ kostitwenti tal-varjetajiet f’pajjiż terż li ma jipproteġix varjetajiet tal-ġeneru tal-pjanti jew ta’ l-ispeċi li għalihom tkun tappartjeni l-varjetà, ħlief meta l-materjal esportat ikun għall-għanijiet ta’ konsum finali”.
9. Skont l-Artikolu 27 tar-regolament imsemmi, bit-titolu “Drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni [Liċenzji] kontrattwali”:
“1. [Id-d]rittijiet tal-Komunità [drittijiet Komunitarji ta’ protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti jistgħu jiffurmaw b’mod sħiħ jew in parti is-suġġett ta’ drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni [liċenzji] kontrattwalment mogħtija. Drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni [Dawn il-liċenzji] jistgħu jkunu esklużivi jew mhux esklużivi.
2. Id-detentur [Il-proprjetarju] jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija bid-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti kontra persuna li tkun tgawdi d-dritt ta’ l-esplojtazzjoni [l-liċenzja kuntrattwali] li tikser xi waħda mill-kondizzjonijiet jew mil-limitazzjonijiet marbutin mad-dritt tagħha ta’ l-esplojtazzjoni [mal-liċenzja tagħha] bis-saħħa tal-paragrafu 1”.
10. L-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, bit-titolu “Ksur tal-liġi”, jipprovdi dan li ġej:
“1. Kull min:
a) jaff[et]twa xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti; jew
[…]
jista’ jiġi mħarrek mid-detentur [mill-proprjetarju] biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn.
2. Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b’mod traskurat għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur [lill-proprjetarju] għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skont il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b’dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur”.
11. L-Artikolu 104 tar-Regolament Nru 2100/94, bit-titolu “Dritt li tinġieb azzjoni għal ksur tal-liġi”, huwa miktub kif ġej:
“1. Azzjonijiet għall-ksur tal-liġi jistgħu jinġiebu mid-detentur [mill-proprjetarju]. Persuni li jgawdu drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni jistgħu iressqu dawk l-azzjonijiet kemm-il darba dan ma jkunx espressament eskluż bi ftehim mad-detentur [mal-proprjetarju] fil-każ ta’ dritt esklussiv ta’ l-esplojtazzjoni jew mill-Uffiċċju bis-saħħa ta’ l-Artikoli 29 jew 100 (2).
2. Kull persuna li tkun tgawdi drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni għandha, għall-għan li tikseb kumpens għad-danni sofferti minnha, tkun intitolata li tintervjeni f’azzjoni ta’ ksur ta’ liġi miġjuba mid-detentur [mill-proprjetarju].”
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali ta’ bejn il-kumpannija Greenstar-Kanzi Europe NV (iktar ’il quddiem “GKE”), minn naħa waħda, u J. Hustin u J. Goossens, min-naħa l-oħra, li qiegħda quddiem il-Hof van Cassatie jistgħu jinġabru skont kif ġej (5).
A – Nicolaï NV u Better3fruit NV
13. Ser nibda billi nuri l-pożizzjoni li għandhom iż-żewġ kumpanniji li ma humiex partijiet fil-kawża prinċipali.
14. Nicolaï NV (iktar ’il quddiem “Nicolaï”) tkabbar varjetà ġdida ta’ siġar tat-tuffieħ, jiġifieri n-Nicoter. Din il-varjetà hija l-unika waħda li tipproduċi tuffieħ li jinbiegħu taħt it-trade mark Kanzi, u dan dment li jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ kwalità (6). Sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-kwalità tal-varjetà u tat-trade mark, ġiet implementata sistema ekwivalenti għal netwerk ta’ distribuzzjoni selettiv, li jinvolvi speċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jwasslu għal restrizzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni tas-siġra kif ukoll tal-produzzjoni, il-konservazzjoni, l-għażla u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott.
15. It-talba li tikkonċerna l-varjetà tas-siġar tat-tuffieħ Nicoter li ġiet ippreżentata fis-27 ta’ April 2001 minn Nicolaï, ġiet ippubblikata fil-15 ta’ Ġunju 2001 fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti.
16. Id-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti marbut ma’ dik it-talba ngħata minn Nicolaï lill-kumpannija Better3fruit NV (iktar ’il quddiem “Better3fruit”) fit-3 ta’ Settembru 2002.
17. Għaldaqstant Better3fruit hija l-proprjetarja tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti mogħti għas-siġar tal-varjetà Nicoter.
18. Better3fruit hija ukoll il-proprjetarja tat-trade mark tat-tuffieħ Kanzi.
19. Fis-sena 2003, Better3fruit u Nicolaï ikkonkludew ftehim ta’ liċenzja (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-liċenzja”) (7) li jippermetti lil Nicolaï li takkwista d-dritt esklużiv li tkabbar u tikkummerċjalizza s-siġar tat-tuffieħ tal-varjetà Nicoter.
20. Il-ftehim tal-liċenzja jipprevedi li Nicolaï “[…] ma għandhiex tassenja u lanqas tbiegħ ebda prodott li huwa s-suġġett tal-liċenzja jekk ma jkunx ġie konkluż bil-miktub minn qabel ftehim ta’ liċenzja mal-kokontraent ikkonċernat, għat-tkabbir imsemmi fl-Anness 6 (għall-kokontraenti li jkabbru) jew ftehim ta’ liċenzja għall-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Anness 7 (għall-kokontraenti negozjanti)”.
21. Il-ftehim tal-liċenzja tas-sena 2003 bejn Better3fruit u Nicolaï ġie konkluż fl-20 ta’ Jannar 2005.
B – Il-kawża prinċipali bejn GKE u J. Hustin u J. Goossens
22. F’data li fuqha ma hemmx qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, GKE kisbet liċenzji esklużivi, kif previsti għad-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti fir-rigward tas-siġar tat-tuffieħ Nicoter. Għaldaqstant GKE saret il-persuna li għandha liċenzja minflok Nicolaï (8).
23. Fl-24 ta’ Diċembru 2004, Nicolaï biegħet 7 000 siġra tat-tuffieħ tal-varjetà “Nicoter” lil Jean Hustin. Fil-kuntest ta’ din it-transazzjoni, J. Hustin ma ntrabat b’ebda kundizzjoni partikolari dwar it-tkabbir tat-tuffieħ “Kanzi” u dwar il-bejgħ tal-prodott maħsud.
24. Fl-4 ta’ Diċembru 2007, ġie kkonstatat li J. Goossens kien qiegħed ibiegħ tuffieħ li kellu l-isem Kanzi. Dan it-tuffieħ irriżulta li ġie fornut lilu minn J. Hustin.
25. GKE, għaldaqstant, ippreżentat rikors kontra J. Hustin u J. Goossens. Fid-29 ta’ Jannar 2008, il-president tar-rechtbank van koophandel te Antwerpen, f’istanza għal miżuri provviżorji, iddeċieda li kemm J. Hustin kif ukoll J. Goossens kienu kisru d-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti li kellha GKE. J. Goossens kien kiser ukoll id-dritt tat-trade marks mogħti lit-trade mark Kanzi.
26. Il-hof van beroep te Antwerpen biddlet din id-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ April 2008. Din il-qorti ddeċidiet li ma kienx hemm ksur, min-naħa ta’ J. Hustin u J. Goossens, tad-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti ta’ GKE, u lanqas ksur tad-drittijiet tat-trade marks tagħha, u dan peress li l-limitazzjonijiet inklużi fil-ftehim tal-liċenzja ma kinux japplikaw kontra J. Hustin u J. Goossens.
27. GKE appellat minn din is-sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen fil-qorti ta’ kassazzjoni. Il-Hof van Cassatie, li kellha dubji dwar il-portata li għandha tingħata lid-dispożizzjoni dwar l-eżawriment tad-drittijiet stabbilita fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:
“1. L-Artikolu 94 tar-Regolament […] Nru 2100/94, […] kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 873/2004 , moqri flimkien mal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27 u 104 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju jew il-persuna liċenzjata tista’ tressaq azzjoni għal ksur ta’ liġi [proċedimenti ta’ vjolazzjoni] kontra kull persuna li twettaq atti fir-rigward ta’ materjal mibjugħ jew ittrasferit lil din tal-aħħar mill-persuna liċenzjata fil-każ fejn il-limiti stabbiliti fil-ftehim tal-liċenzja konkluż bejn il-persuna liċenzjata u l-proprjetarju tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ tali materjal ma ġewx osservati?
2. Jekk ir-risposta li tingħata tkun fl-affermattiv, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ksur, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk il-persuna li tkun wettqet l-atti msemmija iktar ’il fuq tkunx ġiet informata jew kellhiex tiġi informata bl-imsemmija limiti inklużi fil-ftehim tal-liċenzja?”
28. Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Hof van Cassatie rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark, billi semmiet b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk l-eżawriment tad-drittijiet marbutin mad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti kellux jiġi interpretat b’mod iktar strett, u dan fid-dawl tal-karatteristiċi stess tas-sistema ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti.
29. GKE, J. Hustin u J. Goossens, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ebda parti ma talbet li tinżamm seduta.
30. Għal dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li d-digriet tar-rinviju ma ppreċiżax jekk Better3fruit kinitx fetħet kawża kontra Nicolaï, li naqset milli tinforza l-kundizzjonijiet tal-liċenzja kontra J. Hustin (9). Huwa ċar li ma teżisti ebda rabta kuntrattwali bejn GKE u J. Hustin.
IV – Analiżi
A – Fuq l-ewwel domanda preliminari
1. Osservazzjonijiet preliminari
31. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tingħata preċiżazzjonijiet li jikkonċernaw il-portata tal-eżawriment tad-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti, fil-każ fejn ikunu ġew konklużi kuntratti li jirrigwardaw materjal mibjugħ jew trasferit minn persuna li għandha liċenzja lil terz, bi ksur tal-limitazzjonijiet stipulati fil-ftehim tal-liċenzja li jorbot lill-persuna li għandha liċenzja mal-proprjetarju tad-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti.
32. Ir-Regolament Nru 2100/94 rarament wassal għal talbiet għal deċiżjoni preliminari (10). B’mod partikolari, il-portata tad-drittijiet ta’ protezzjoni tal-proprjetarju u l-eżawriment tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti huma kwistjonijiet ġodda għall-Qorti tal-Ġustizzja.
33. Għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi għal livelli differenti ta’ protezzjoni.
34. Fl-ewwel lok, teżisti protezzjoni “primarja” li tkopri l-kostitwenti tal-varjetajiet skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94. Il-materjal maħsud, min-naħa tiegħu, huwa s-suġġett ta’ protezzjoni “sekondarja”, li, għalkemm tissemma xorta fl-Artikolu 13(2), hija limitata ħafna bil-paragrafu 3 tal-istess artikolu (11). Għaldaqstant, għalkemm il-kostitwenti tal-varjetajiet u l-materjal maħsud jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “materjal” (12), fis-sens tal-imsemmi Artikolu 13(2), il-protezzjoni prevista għal dawn iż-żewġ kategoriji hija madankollu differenti.
35. Ir-Regolament Nru 2100/94 jistabbilixxi protezzjoni iktar wiesgħa għall-kostitwenti tal-varjetajiet (f’dan il-każ, is-siġar tat-tuffieħ) milli għall-prodotti maħsuda (f’dan il-każ, it-tuffieħ) (13). Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju hija meħtieġa għall-atti ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-siġar tat-tuffieħ bħala kostitwenti tal-varjetajiet, skont l-Artikolu 13(2), iżda, fir-rigward tat-tuffieħ bħala l-materjal maħsud, tali awtorizzazzjoni hija meħtieġa biss fil-każijiet previsti fl-Artikolu 13(3). Nosserva li din id-distinzjoni essenzjali fil-qasam tad-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti toħroġ b’mod iktar ċar mill-konvenzjoni UPOV tal-1991 (14).
36. Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ J. Goossens li biegħ it-tuffieħ Kanzi u għaldaqstant il-materjal maħsud, għandu jiġi osservat li l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti għall-bejgħ jew għal kull forma ta’ kummerċjalizzazzjoni hija meħtieġa biss jekk il-materjal maħsud ikun ġie miksub bl-użu mhux awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet tal-varjetà protetta u sakemm il-proprjetarju seta’ raġonevolment jeżerċita d-dritt tiegħu fir-rigward tal-kostitwenti tal-varjetajiet imsemmija.
2. Fuq il-prinċipju tal-eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
37. Anki jekk il-kontenut eżatt tiegħu jvarja skont id-diversi fergħat tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, il-prinċipju tal-eżawriment huwa regola bażika tad-dritt Ewropew tal-proprjetà intellettwali. Minn dan il-prinċipju jirriżulta li, jekk il-proprjetarju tad-dritt, mal-ewwel kummerċjalizzazzjoni, seta’ jirrealizza l-valur ekonomiku tad-dritt esklużiv tiegħu fir-rigward tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-protezzjoni, dawk il-prodotti ikunu suġġetti għall-moviment liberu (15).
38. Fid-dritt tal-Unjoni, dan il-prinċipju ġie stabbilit inizjalment bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u dwar id-dispożizzjonijiet tal-kompetizzjoni, iżda l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jirrigwardaw id-diversi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ġeneralment fihom dispożizzjoni li tistabbilixxi dan il-prinċipju (16). Il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-eżawriment irrigwardat essenzjalment it-trade marks, iżda din il-kwistjoni ġiet trattata ukoll f’kuntesti oħra (17).
39. L-atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jistabbilixxu l-eżawriment ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jipprevedu li d-dritt jiġi eżawrit meta l-oġġetti koperti mid-dritt inkwistjoni jkunu tpoġġew fis-suq f’post kwalunkwe fit-territorju tal-Unjoni Ewropea mill-proprjetarju tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jiddefinixxu normalment il-każijiet li ma jwasslux għall-eżawriment.
40. L-atti leġiżlattivi msemmija spiss ikun fihom ukoll dispożizzjoni dwar il-liċenzji kuntrattwali. Għaldaqstant, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 2100/94 jipprevedi l-possibbiltà li tingħata liċenzja li tirrigwarda d-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti. Barra minn hekk, dawn l-atti leġiżlattivi jawtorizzaw lill-proprjetarju sabiex jinvoka d-drittijiet ta’ proprjetà tiegħu kontra l-persuna li għandha liċenzja li tikser xi waħda mill-kundizzjonijiet jew mil-limitazzjonijiet inklużi fil-ftehim tal-liċenzja (18).
41. Jidher li s-sistema ta’ protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti tixbah minn diversi aspetti s-sistema ta’ protezzjoni tal-brevetti. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisprudenza f’dan il-qasam u ta’ indikazzjonijiet fid-digriet tar-rinviju, wieħed għandu jibda biex jagħmel paragun mad-dritt tat-trade marks.
42. Fid-dritt tat-trade marks, il-kwistjoni tal-eżawriment ġiet analizzata b’mod partikolari fis-sentenza Peak Holding (19). F’dik il-kawża, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja analizzat l-effetti li jġib miegħu n-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni kontra l-assenjazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ li jirrigwarda prodotti li jgawdu minn trade mark konkluż bejn il-proprjetarju tat-trade mark u operatur stabbilit fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja tali projbizzjoni kontra l-assenjazzjoni tikkonċerna biss lir-rapporti tal-kontraenti f’dak l-att. Għaldaqstant, din il-kundizzjoni ma teskludix li l-prodott jitqiegħed fuq is-suq fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/104 u għaldaqstant ma tipprekludix l-eżawriment tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid li huwa illegali fiż-ŻEE.
43. Sussegwentement ingħatat sentenza li tidher li ma ssegwix l-istess linja. Fil-fatt, fis-sentenza Copad, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja analizzat l-effetti tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ klawżola tal-ftehim tal-liċenzja fil-kuntest tal-prodotti ta’ lussu. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti koperti bit-trade mark min-naħa tal-persuna li għandha liċenzja, bi ksur ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja, isir mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, meta jkun stabbilit li din il-klawżola tikkorrispondi għal waħda minn dawk stipulati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 (20).
44. F’din il-kawża, diversi partijiet iddeduċew mill-imsemmija sentenza li kien hemm rabta bejn l-interpretazzjoni tal-effetti tal-kuntratti tal-liċenzja msemmija fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 2100/94 u l-eżawriment previst fl-Artikolu 16 ta’ dan l-istess regolament. Madankollu, l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 2100/94, b’kuntrast mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104, ma fih ebda lista eżawrjenti ta’ klawżoli tal-ftehim tal-liċenzja li jekk ma jiġux osservati mill-persuna li għandha liċenzja jippermettu lill-proprjetarju biex jinvoka d-drittijiet li huwa jingħata mid-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti.
45. GKE tidher li tikkonkludi li ma jistax ikun hemm eżawriment jekk il-persuna li għandha liċenzja tkun kisret xi kundizzjoni jew limitazzjoni stabbilita fil-ftehim tal-liċenzja, tkun xi tkun, u dan peress li f’dak il-każ, il-kunsens tal-proprjetarju tad-dritt, fir-rigward tat-trasferiment tal-materjal tal-varjetà protetta lil terzi, ikun nieqes. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni li huwa biss il-ksur min-naħa tal-persuna li għandha liċenzja ta’ xi waħda mill-kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet li jikkonċernaw l-atti li, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94, jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju, li jistgħu jipprekludu l-eżawriment.
46. Din il-kawża ma tikkonċernax direttament l-interpretazzjoni tad-Direttiva 89/104, minkejja li din issemmiet fid-digriet tar-rinviju. Irrid hawnhekk nindika madankollu li ma naqbilx mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Copad, iċċitata iktar ’il fuq.
47. Fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jirrigwardaw il-possibbiltà li l-proprjetarju jinvoka d-dritt ta’ proprjetà intellettwali tiegħu kontra l-persuna li għandha liċenzja ma fihom ebda indikazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi invokat ukoll dan id-dritt kontra terzi fil-kuntest tal-eżawriment. Din il-kwistjoni hija s-suġġett ta’ dispożizzjoni differenti (21).
48. Fit-tieni lok, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jagħtu lill-proprjetarju l-possibbiltà li jinvoka kontra l-persuna li għandha liċenzja l-mezzi ta’ protezzjoni legali previsti fl-att leġiżlattiv ikkonċernat, li joħorġu mid-dritt tal-proprjetà intellettwali, b’żieda mal-protezzjoni mogħtija mid-dritt ġenerali tal-kuntratti (22).
49. Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li torbot il-kunċett tal-kunsens tal-proprjetarju, fil-kuntest tal-eżawriment fil-konfront ta’ terzi, mal-kundizzjonijiet kuntrattwali li bilfors għandhom effett relattiv, jidhirli li tostakola l-kompetizzjoni u l-moviment liberu tal-merkanzija b’mod li ma huwiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li, fil-konfront ta’ terzi, jiġu invokati l-limitazzjonijiet territorjali imposti fuq il-persuna li għandha liċenzja.
50. Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja riedet issegwi l-linja li jidher li kienet dik adottata fis-sentenza Copad, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kuntest tad-Direttiva 89/104, dan jikkuntrasta mal-kliem tal-artikoli rilevanti tar-Regolament Nru 2100/94, jiġifieri mal-Artikoli 16 u 27 tar-regolament imsemmi, li huma differenti minn dawk tal-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 89/104.
51. Kif ikkonstatajt diġà, l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 2100/94 ma fih ebda lista tal-kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet li l-proprjetarju jista’ jinvoka kontra l-persuna li għandha liċenzja (23).
52. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-linja proposta mill-Kummissjoni, isegwi li l-ksur ta’ waħda mill-kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet li jikkonċernaw l-atti elenkati fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 ikun jipprekludi l-eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetarju, jekk ma jkunx hemm il-kunsens tiegħu (24). Konsegwentement, sakemm il-ftehim tal-liċenzja jkun jikkonċerna d-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni msemmi fl-Artikolu 27(1) tar-regolament imsemmi, dawn il-kundizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu invokati kontra terzi. Jidhirli li dan ftit li xejn huwa kompatibbli mal-premessa erbatax tar-Regolament Nru 2100/94 fejn jingħad li l-introduzzjoni tal-eżawriment tad-drittijiet għandu madankollu jiggarantixxi li l-protezzjoni ma tkunx eċċessiva.
53. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ eżawriment huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94 u jikkontempla b’mod partikolari l-każijiet ta’ multiplikazzjonijiet ulterjuri mhux awtorizzati. Barra minn hekk, l-att li jwassal għall-eżawriment jinvolvi t-trasferiment tal-materjal tal-varjetà protetta lil terzi min-naħa tal-proprjetarju, jew bil-kunsens tiegħu.
54. Għaldaqstant, id-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti ma jestendix għall-atti li jikkonċernaw il-materjal tal-varjetà protetta (jew il-materjal li jinħareġ mill-materjal imsemmi) li jkun ġie trasferit lil terzi min-naħa tal-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu f’xi post kwalunkwe tal-Komunità, sakemm dawk l-atti ma jinvolvux multiplikazzjoni ulterjuri tal-varjetà inkwistjoni li ma kinitx prevista waqt it-trasferiment tal-materjal.
55. Għaldaqstant id-dritt jiġi eżawrit skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94 malli jkun seħħ it-trasferiment lil terz, ħlief jekk it-terz ikkonċernat jaħdem għal multiplikazzjoni tal-varjetà mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.
56. Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt, ninnota li, skont GKE, fil-ftehim tal-liċenzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Better3fruit tat lil Nicolaï id-dritt esklużiv li tkabbar u tikkummerċjalizza s-siġar tat-tuffieħ Nicoter, kif ukoll l-użu tad-drittijiet relatati ma’ dawn tal-aħħar.
57. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li Nicolaï ma osservatx l-obbligi tagħha li huma intiżi li jissalvagwardjaw is-selettività tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tat-tuffieħ Kanzi, billi naqset milli titlob li l-kokontraenti jikkonkludu minn qabel ftehim ta’ liċenzja għat-tkabbir, jiġifieri ftehim ta’ liċenzja għall-kummerċjalizzazzjoni (25), ma jippermettix li jiġi konkluż li Nicolaï ttrasferiet il-materjal tal-varjetà protetta mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju. Permezz tal-liċenzja li tat lil Nicolaï, Better3fruit awtorizzatha espressament sabiex tbiegħ is-siġar tat-tuffieħ Nicoter. Billi assenjat lil Nicolaï d-drittijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-materjal protett, Better3fruit użat il-valur ekonomiku tad-dritt esklużiv tagħha. Jekk Nicolaï ma tikkonformax ruħha mal-obbligi kuntrattwali tagħha lejn Better3fruit, hija din tal-aħħar, u mhux terzi, li għandha tbati l-konsegwenzi li jirriżultaw. Fil-fehma tiegħi, il-ksur tal-kundizzjonijiet marbutin mal-awtorizzazzjoni minn qabel ma jistax jiġi mqabbel, fid-dritt, man-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li jista’ jiġi invokat kontra terzi.
58. Għal dak li jikkonċerna l-portata tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, huwa ċertament minnu li dan jirreferi biss għall-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, huwa fundamentali li dan jinqara flimkien mal-istess Artikolu 13(3) (26), u dan peress li l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 għall-materjal maħsud, f’dan il-każ it-tuffieħ, huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.
59. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għall-ewwel domanda fin-negattiv.
60. It-tieni domanda saret biss b’mod sussidjarju, fil-każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda tkun waħda fl-affermattiv. Peress li jiena qiegħed nipproponi li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, huwa biss b’mod sussidjarju li ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin fir-rigward tat-tieni domanda.
B – Fuq it-tieni domanda preliminari
61. Permezz tat-tieni domanda, il-Hof van Cassatie tixtieq tkun jaf jekk, fil-każ li tingħata risposta għall-ewwel domanda fl-affermattiv, huwiex importanti li jiġi stabbilit jekk il-persuna li tkun wettqet l-atti msemmija iktar ’il fuq tkunx ġiet informata jew kellhiex tiġi informata bl-imsemmija limitazzjonijiet inklużi fil-ftehim tal-liċenzja, sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm eżawriment tad-drittijiet.
62. Fil-fehma tiegħi, il-punt dwar jekk terza persuna li twettaq l-atti li jirrigwardaw il-materjal protett hijiex in bona fide jew le hija rrilevanti jekk id-dritt tal-proprjetarju ma jkunx ser jiġi meqjus bħala eżawrit.
63. Għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom il-proprjetarju tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni jista’ jibda proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra l-awtur tal-ksur, u dan sabiex jikseb it-tneħħija tal-ksur u/jew il-ħlas ta’ kumpens ġust jew għal dawn it-tnejn f’daqqa.
64. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 94 jelenka l-każijiet li fihom il-proprjetarju jista’, fuq kollox, jibda proċediment ta’ vjolazzjoni sabiex jikseb kumpens għad-danni minħabba l-ksur. It-test jipprovdi li biex il-proprjetarju jkun jista’ jitlob tali kumpens, l-awtur tal-ksur irid ikun aġixxa intenzjonalment jew b’negliġenza. Fil-każ ta’ negliġenza ħafifa, id-dritt għall-kumpens tal-proprjetarju jista’ jitnaqqas proporzjonalment.
65. Jidhirli li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jagħmlu użu minn kriterji oġġettivi biss f’dak li jikkonċerna l-kunċett tal-ksur u l-possibbiltà li jiġu invokati miżuri ta’ protezzjoni legali preventiva (27). Għaldaqstant, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi suġġettivi, ħlief sabiex jiġi kkumpensat id-dannu kkaġunat bil-ksur (28). Jien naqbel għaldaqstant mal-osservazzjoni tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ element suġġettiv fl-imsemmi Artikolu 94(1), fil-forma ta’ rekwiżit biex l-aġir ikun irid ikun intenzjonat jew negliġenti, flimkien mar-riferiment għal tali element fil-paragrafu 2 tal-artikolu msemmi jikkonferma li l-elementi suġġettivi, bħalma huma l-għarfien dwar id-dispożizzjonijiet inklużi fi ftehim ta’ liċenzja, fil-prinċipju ma għandhom ebda rwol għall-finijiet biex jiġi evalwat il-ksur u għad-dritt biex wieħed jipproċedi kontra l-awtur ta’ dak il-ksur. L-iktar l-iktar, dawn l-elementi jidħlu waqt id-diskussjonijiet dwar il-kumpens tad-dannu kkaġunat, jiġifieri wara li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur.
V – Konklużjoni
66. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi skont kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie:
“1) L-Artikolu 94 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 873/2004, tad-29 ta’ April 2004, moqri flimkien mal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27 u 104 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju jew il-persuna li għandha liċenzja tista’ tressaq proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra kull persuna li twettaq atti fir-rigward ta’ materjal mibjugħ jew ittrasferit lil din tal-aħħar mill-persuna li għandha liċenzja meta l-istess persuna li għandha liċenzja tkun ġiet awtorizzata tbiegħ jew tittrasferixxi l-materjal protett f’xi post kwalunkwe tal-Unjoni Ewropea u meta l-limitazzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tal-liċenzja konkluż bejn il-persuna li għandha liċenzja u l-proprjetarju tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti ma ġewx osservati fil-kuntest tal-bejgħ ta’ dak il-materjal.
2. Ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari.
B’mod sussidjarju, jingħad li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ksur, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk il-persuna li tkun wettqet l-atti msemmija iktar ’il fuq tkunx ġiet informata jew kellhiex tiġi informata bl-imsemmija limitazzjonijiet inklużi fil-ftehim tal-liċenzja”.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2– ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 16, p. 390
3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 45, p. 178.
4 – Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/523/KE, tat-30 ta’ Mejju 2005, li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti, kif riveduta f’Ġinevra fid-19 ta’ Marzu 1991 (ĠU 2006 L 164M, p. 288).
5 – Għandu jiġi rrilevat li l-espożizzjoni tal-fatti tqajjem ċertu numru ta’ problemi: il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq diversi punti ta’ fatt u ta’ dritt; din hija proċedura għall-miżuri proviżorji u l-persuna liċenzjata (Nicolaï NV) ma hijiex parti fil-proċedura tal-kawża prinċipali.
6 – Fis-sena 2009, fl-Ewropa kienu jeżistu 3 156 000 siġar tat-tuffieħ tal-varjetà Nicoter, li l-produzzjoni tagħhom kienet tirrappreżenta 25 000 tunnellata ta’ tuffieħ. Madwar tliet kwarti minn dan it-tuffieħ kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità meħtieġa mit-trade mark Kanzi. Ara European Fruit Magazine, Nru 12, 2009, p. 6 (ara s-sit internet www.fruitmagazine.eu)
7 – Il-ftehim ta’ liċenzja ma għandux data.
8 – Id-dokument li fuqu huma bbażati d-drittijiet ta’ GKE ma ddaħħalx fil-proċess tal-kawża. Jidher li dan hu ftehim ta’ liċenzja, konkluż bejn GKE u kumpannija bl-isem ta’ “EFC BVBA”, li min-naħa tagħha, kienet ikkonkludiet ftehim ta’ liċenzja ma’ Better3fruit, li hija l-proprjetarja tad-dritt tal-Komunità.
9 – Skont il-klawżola tal-ġurisdizzjoni li tinsab fil-ftehim ta’ liċenzja, huma l-qrati ta’ Louvain (il-Belġju) li huma kompetenti biex jisimgħu tali kawża.
10 – Ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Schulin (C‑305/00, Ġabra p. I‑3525); tal-11 ta’ Marzu 2004, Saatgut-Treuhandverwaltungsgesellschaft (C‑182/01, Ġabra p. I‑2263); tal-14 ta’ Ottubru 2004, Brangewitz, C-336/02, Ġabra p. I-9801, u tat-8 ta’ Ġunju 2006, Saatgut-Treuhandverwaltung (C‑7/05 sa C‑9/05, Ġabra p. I‑5045).
11 – Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprevedi ukoll il-possibbiltà li tiġi stabbilita, bħala regola ta’ implementazzjoni tar-regolament imsemmi, protezzjoni “terzjarja” fir-rigward tal-prodotti miksuba direttament minn materjal tal-varjetà protetta. Sa fejn naf jien, tali dispożizzjoni ma ġietx adottata, u fi kwalunkwe każ, din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti għal din il-kawża. B’mod konkret, din il-protezzjoni terzjarja tapplika, pereżempju, għall-meraq miksub mit-tuffieħ (protezzjoni sekondarja) li jkun ġej minn siġar tat-tuffieħ ta’ varjetà protetta (protezzjoni primarja).
12 – Nosserva li l-użu tal-kliem “kostitwenti tal-varjetajiet” jew “materjal” ma huwiex koerenti fir-Regolament Nru 2100/94. Ara G. Würtenberger, et, European Community Plant Variety Protection, Oxford University Press, Oxford, 2009, p. 119 sa 120.
13 – Jidhirli li t-tuffieħ, li fih iż-żerriegħa, għandu jitqies bħala “materjal maħsud” u mhux bħala “kostitwenti tal-varjetajiet”, u dan peress li ż-żerriegħa ma tistax tintuża direttament għall-produzzjoni ta’ pjanti sħaħ, li għandhom l-istess karatteristiċi bħal dawk li huma protetti. Ara G. Würtenberger, et, iċċitat iktar ’il fuq, p. 118.
14 – L-Artikolu 14 tal-konvenzjoni tal-1991 UPOV tal-1991, bit-titolu “L-għan [Il-portata] tad-dritt ta’ min ikabbar”) jippreżenta b’mod separat l-atti li jikkonċernaw il-materjal ta’ riproduzzjoni jew dak għall-multiplikazzjoni (paragrafu 1), l-atti fil-konfront ta’ materjal maħsud (paragrafu 2), l-atti fil-konfront ta’ ċerti prodotti (paragrafu 3) u l-atti addizzjonali possibbli (paragrafu 4).
15 – Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (C‑414/99 sa C‑416/99, Ġabra p. I‑8691, punt 33); tat-8 ta’ April 2003, Van Doren + Q (C‑244/00, Ġabra p. I‑3051, punt 26), u tat-30 ta’ Novembru 2004, Peak Holding (C‑16/03, Ġabra p. I‑11313, punt 40).
16 – Ara l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/54/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1986, dwar il-protezzjoni legali ta’ topografiji ta’ prodotti semikundutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 8, p. 231); l-Artikolu 7 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 92) imħassra permezz tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU L 299, p. 25) (ara l-Artikolu 7 tagħha); l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146), imħassar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) (ara l-Artikolu 13 tiegħu); l-Artikolu 15 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 21, p. 120); l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 230) u l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol 27, p. 142).
17 – Ara pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1985, Pharmon (19/84, Ġabra p. 2281, punti 16 u 26) dwar l-eżawriment tad-dritt tal-brevett fil-każ ta’ liċenżji obbligatorji mogħtija fuq brevett parallel, tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 1999, Micro Leader vs Il‑Kummissjoni (T‑198/98, Ġabra p. II‑3989, punt 34) fir-rigward tad-Direttiva 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114) u tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken (C-479/04, Ġabra p. I‑8089, punt 27) dwar id-Direttiva 2001/29
18 – Ara l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2008/95 u l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 207/2009.
19 – Sentenza iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punt 56.
20 – Sentenza tat-23 ta’ April 2009, Copad (C‑59/08, Ġabra p. I‑3421, punt 51).
21 – Ara f’dan ir-rigward, l-Artikoli 17, 27 u 94 tar-Regolament Nru 2100/94.
22 – Din l-idea hija espressa b’mod iktar ċar fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 6/2002 (“Mingħajr preġudizzju għal kull proċediment legali msejjes fuq il-liġijiet tal-kuntratti, il-pussessur [il-proprjetarju] jista’ jinvoka d-drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju kontra wieħed bil-liċenzja li jikser kull dispożizzjoni fil-kuntratt tiegħu tal-liċenzja […]”. Ara ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2008/95; l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/29.
23 – Min-naħa l-oħra, il-lista tal-kundizzjonijiet li tinsab fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 hija eżawrjenti (ara s-sentenza Copad, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).
24 – Għandu jitfakkar li l-klawsoli f’kuntratt ta’ liċenzja huma normalment kunfidenzjali u jistgħu, fil-kummerċ intrakomunitarju, jinkitbu f’lingwa li l-kokontraenti tal-liċenzja jew il-klijenti tagħhom ma jkunux jifhmu.
25 – Kif imsemmija fl-Annessi 6 u 7 tal-ftehim tal-liċenzja konkluż bejn il-proprjetarju tad-dritt tal-varjetajiet ta’ pjanti u l-persuna liċenzjata (imsemmija fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
26 – Ara, f’dan is-sens, G. Würtenberger. et, op.cit., p. 173.
27 – Dan japplika ukoll għall-kunċett ta’ eżawriment, ara s-sentenza Zino Davidoff u Levi Strauss, iċċitata iktar ’il fuq (punti 63 sa 66).
28 – Madankollu, l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 87/54, jidher li jagħmel eċċezzjoni għal dan il-prinċipju. Skont din id-dispożizzjoni “[p]ersuna li, meta takkwista prodott semikunduttur, ma tkunx taf, jew ma jkollha ebda raġuni raġonevoli li temmen, li l-prodott hu protett minn dritt esklussiv mogħti minn Stat Membru f’konformità ma’ din id-Direttiva ma għandhiex tinżamm milli tisfrutta dak il-prodott kummerċjalment. Iżda, għal atti kommessi wara li dik il-persuna tkun taf, jew għandha raġunijiet raġonevoli biex temmen, li l-prodott semikunduttur hu protett hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fuq talba tad-detentur tad-dritt tribunal jista’ jitlob, bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali applikabbli, il-pagament ta’ remunerazzjoni adegwata”.