This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CC0113
Opinion of Advocate General Sharpston delivered on 27 October 2011.#Zuckerfabrik Jülich AG and Others v Hauptzollamt Aachen and Others.#References for a preliminary ruling brought by the Finanzgericht Düsseldorf, by the High Court of Justice of England and Wales, Chancery Division, and the tribunal de grande instance de Nanterre.#Common agricultural policy — Common organisation of the markets — Producers of sugar and of isoglucose — Calculation of production levies — Validity of a method of calculation taking into account fictitious refund amounts for those quantities of sugar exported without refund — Retroactive effect of the legislation — Exchange rate — Award of interest.#Joined Cases C‑113/10, C‑147/10 and C‑234/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 27 ta' Ottubru 2011.
Zuckerfabrik Jülich AG (C-113/10) vs Hauptzollamt Aachen, British Sugar plc (C-147/10) vs Rural Payments Agency, an Executive Agency of the Department for Environment, Food & Rural Affairs u Tereos - Union de coopératives agricoles à capital variable (C-234/10) vs Directeur général des douanes et droits indirects u Receveur principal des douanes et droits indirects de Gennevilliers.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Düsseldorf - il-Ġermanja, High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division - ir-Renju Unit, Tribunal de grande instance de Nanterre - Franza.
Politika agrikola komuni - Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Produtturi taz-zokkor u tal-isoglukożju - Kalkolu tal-ammont tal-imposti fuq il-produzzjoni- Validità ta’ mod ta’ kalkolu li jieħu inkunsiderazzjoni ammonti ta’ rifużjonijiet fittizji għall-kwantitajiet ta’ zokkor esportati mingħajr rifużjoni - Retroattività tal-leġiżlazzjoni - Rata ta’ kambju - Dritt għal interessi.
Każijiet Magħquda C-113/10, C-147/10 u C-234/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 27 ta' Ottubru 2011.
Zuckerfabrik Jülich AG (C-113/10) vs Hauptzollamt Aachen, British Sugar plc (C-147/10) vs Rural Payments Agency, an Executive Agency of the Department for Environment, Food & Rural Affairs u Tereos - Union de coopératives agricoles à capital variable (C-234/10) vs Directeur général des douanes et droits indirects u Receveur principal des douanes et droits indirects de Gennevilliers.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Düsseldorf - il-Ġermanja, High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division - ir-Renju Unit, Tribunal de grande instance de Nanterre - Franza.
Politika agrikola komuni - Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Produtturi taz-zokkor u tal-isoglukożju - Kalkolu tal-ammont tal-imposti fuq il-produzzjoni- Validità ta’ mod ta’ kalkolu li jieħu inkunsiderazzjoni ammonti ta’ rifużjonijiet fittizji għall-kwantitajiet ta’ zokkor esportati mingħajr rifużjoni - Retroattività tal-leġiżlazzjoni - Rata ta’ kambju - Dritt għal interessi.
Każijiet Magħquda C-113/10, C-147/10 u C-234/10.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:701
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2011 ( 1 )
Kawżi Magħquda C-113/10, C-147/10 u C-234/10
Zuckerfabrik Jülich AGvsHauptzollamt AachenBritish Sugar plcvs
Rural Payments Agency
uTereosvs
Directeur général des douanes et droits indirects
[Rinviji għal deċiżjoni preliminari minn, rispettivament, il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), il-High Court of England and Wales (ir-Renju Unit) u t-Tribunal de grande instance de Nanterre (Franza)]
“Zokkor — L-iffissar ta’ imposti tal-produzzjoni — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Il-kalkolu tat-telf medju kull tunnellata — L-inklużjoni ta’ ammont teoriku ta’ ħlasijiet lura għal kwantitajiet esportati mingħajr ħlas lura — Ir-rimbors ta’ ammonti imposti taħt regolamenti li jiġu ddikjarati invalidi — Ir-rata tal-kambju applikabbli — L-għoti ta’ interessi”
1. |
Ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari preżenti jikkonċernaw is-snin tas-suq taz-zokkor bejn l-2001 u l-2006, meta kien hemm produzzjoni żejda fuq il-konsum fl-Unjoni Ewropea (“UE”) u l-prezzijiet kienu sostanzjalment iktar għoljin minn tas-suq dinji. Waħda mill-konsegwenzi ta’ dan kienet li ġew allokati kwoti lill-produtturi. Il-produzzjoni f’ċerti kwoti setgħet tkun esportata bil-ħlasijiet lura iffinanzjati mill-imposti tal-produzzjoni. Il-kalkolu tal-imposti kien jinvolvi l-multiplikazzjoni taż-“żieda esportabbli” bit-“telf medju kull tunnellata” għal kull sena tas-suq. Dan it-telf medju wieħed kien jasal għalih billi jiġi diviż “l-ammont totali ta’ rifużjoni” bit-tunnellaġġ totali ta’ “obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni li għandhom jitwettqu” fis-sena tas-suq. |
2. |
Il-kwistjoni prinċipali f’dawn il-każijiet hija d-definizzjoni tal-“ammont totali ta’ rifużjoni” f’dak il-kuntest. Inħolqot inċertezza mill-fatt li, għal ċerti kwantitajiet inklużi fil-prodotti pproċessati esportati, il-ħlasijiet lura fuq esportazzjonijiet li kienu jikkwalifikaw għalihom la kienu ntalbu u lanqas kienu tħallsu. |
3. |
F’regolamenti li jistabbilixxu l-imposti tal-produzzjoni għas-snin tas-suq bejn l-2003 u l-2006, il-Kummissjoni inkludiet dawn il-kwantitajiet fl-“eċċess esportabbli” imma mhux “fl-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni li għandhom jitwettqu”. Mitluba biex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ dak il-kalkolu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-2008, f’Zuckerfabrik Jülich et (“Jülich I”) ( 2 ), li l-kwantitajiet esportati kollha għandhom jitqiesu fiż-żewġ każijiet, indipendentement minn jekk ikunux saru ħlasijiet lura jew le, u li r-regolamenti inkwistjoni kienu invalidi għal dik ir-raġuni. Madankollu, din ma ddeċidietx jekk “l-ammont totali ta’ rifużjoni” kellux jinkludi bl-istess mod il-ħlasijiet lura kollha disponibbli, indipendentement minn jekk dawn kinux tħallsu jew le, jew il-ħlasijiet lura attwalment imħallsa biss. |
4. |
Fl-2009, il-Kummissjoni adottat regolament ġdid li kkoreġa dawk li kienu ġew iddikjarati invalidi. Fil-kalkoli tagħha, hi inkludiet fl-“ammont totali ta’ rifużjoni”, il-ħlasijiet lura kollha disponibbli, indipendentement minn jekk dawn kinux tħallsu jew le. L-imposti kkalkolati mill-ġdid ftit li xejn ivarjaw minn kif kienu ffissati oriġinarjament imma huma ogħla minn kif kienu jkunu li kieku l-ħlasijiet lura attwalment imħallsa biss kienu inklużi fl-“ammont totali ta’ rifużjoni”. |
5. |
Diversi produtturi kkontestaw kemm il-kalkolu kif ukoll il-bażi legali għall-adozzjoni tar-regolament il-ġdid, u tliet qrati nazzjonali talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni dwar il-validità tiegħu. Waħda minn dawn il-qrati qed titlob ukoll, fir-rigward ta’ ħlasijiet lura li huma magħrufa li huma dovuti, liema ċifri għandhom jintużaw biex ikunu applikati r-rati tal-kambju tal-flus u jekk jistax ikun mogħti interessi. |
Sfond legali u proċedurali
Il-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji
6. |
Ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej kienu rregolati fiż-żmien materjali bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597 ( 3 ) (“id-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji”) u r-Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000 ( 4 ), (“ir-regolament dwar ir-riżorsi proprji”). |
7. |
Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, dħul minn, inter alia, “kontribuzzjonijiet u dazji oħra pprovdut għalihom fl-ambitu tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq taz-zokkor” kellu jikkostitwixxi riżorsi proprji mdaħħlin fil-baġit tal-UE. |
8. |
L-Artikolu 2(3) jistipula: “L-Istati Membri għandhom iżommu 25 % tal-ammonti msemmija fil-paragrafu 1(a) bħala spejjeż tal-ġbir […]”. |
9. |
L-Artikolu 6 jistipula: “Id-dħul li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2 għandu jintuża bla distinzjoni biex jiffinanzja n-nefqa mdaħħla fil-budget. […]” |
10. |
L-Artikolu 8(1) tal-istess deċiżjoni jistipula: “Ir-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) […] għandhom ikunu miġbura mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali mposti bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva […]” |
11. |
Skont l-Artikolu 9(1) tar-regolament dwar ir-riżorsi tagħhom, kull Stat Membru kellu jiftaħ kont f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar, u jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji għal dak il-kont. |
12. |
L-Artikolu 11(1) tal-istess regolament jistipula li: “Kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti lok għall-ħlas tal-interessi min-naħa tal-Istat Membru konċernat.” ( 5 ) |
Ir-regolament bażiku
13. |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 ( 6 ) (“ir-regolament bażiku”) li rregola l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor mis-snin tas-suq 2001/2002 sal-2005/2006. Dan kien tħassar b’effett mill-1 ta’ Lulju 2006 ( 7 ). |
14. |
Il-preambolu ta’ dan ir-regolament jiddikjara, inter alia:
|
15. |
Għalhekk dan ir-regolament ipprovda biex il-produtturi jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-UE biex tiddisponi mill-ħażna tal-produzzjoni permezz ta’ imposti tal-produzzjoni. |
16. |
L-Artikolu 7(3) ikkonċeda ħlasijiet lura fuq il-produzzjoni ta’ zokkor li joriġina, jew li jkun fiċ-ċirkolazzjoni libera, fl-Istati Membri, li jintuża għall-manifattura ta’ ċerti prodotti tal-industrija kimika. L-ammont tal-ħlas lura kellu jiġi ffissat billi jingħata qies tal-ispiża tal-provvista fis-suq dinji. |
17. |
L-Artikoli 27 sa 29 jipprovdu għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, li jirriflettu d-differenza bejn il-prezz dinji u l-prezz tal-intervent. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 33 jistabbilixxi taxxa fuq l-esportazzjoni meta l-prezz dinji taz-zokkor ikun ogħla mill-prezz tal-intervent. Fil-prattika, il-prezz dinji dejjem kien iktar baxx, biex b’hekk l-esportazzjonijiet kollha ta’ zokkor A u B kienu jikkwalifikaw għal ħlasijiet lura u l-ebda imposti fuq l-esportazzjoni ma ġew imposti. |
18. |
Fir-rigward tal-kalkolu tal-imposti tal-produzzjoni, l-Artikolu 15 jistipula ( 10 ), b’mod partikolari: “1. Qabel it-tmiem ta’ kull sena tas-suq, is-segwenti għandu jkun irreġistrat:
2. Qabel l-aħħar tas-sena tas-suq 2005/2006 […], is-segwenti għandu jkun irreġistrat kumulattivament għas-snin tas-suq 2001/2002 sal-2005/2006:
3. […] jekk il-figuri rreġistrati taħt il-paragrafu 1 u aġġustati taħt il-paragrafu 2 jirriżultaw f’telf ġenerali li jista’ jkun previst, it-telf għandu jiġu maqsum bil-produzzjoni taz-zokkor A u B, l-isoglukożju A u B u x-xiropp ta’ l-insulina A u B li għandhom konnessjoni mas-sena tas-suq kurrenti [...] […] 4. Jekk it-taxxa massima permissibbli fuq il-produzzjoni bażika ma tkoprix għal kollox it-telf ġenerali riferit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, il-bilanċ mhux kopert għandu jkun maqsum bejn il-produzzjoni kkalkulata taz-zokkor tat-tip B, l-isoglukożi tat-tip B u l-insulina tat-tip B […] attribwiti għas-sena tas-suq involuta. L-ammont li jirriżulta għandu jkun impost fuq il-fabbrikanti bħala taxxa B fuq il-produzzjoni tagħhom taz-zokkor B [...] […] 5. Meta l-figuri rreġistrati taħt il-paragrafu 1 jissuġġerixxu li t-telf ġenerali li jista’ jkun previst għas-sena tas-suq kurrenti mhux probabbli li jkun kopert mid-dħul li mistenni jkun iġġenerat mit-taxxi minħabba l-limiti fuq it-taxxa bażika tal-produzzjoni u t-taxxa B ffissata fil-paragrafi 3 u 4, allura l-persentaġġ [perċentwal] massimu imsemmi fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 4 għandu jkun aġġustat sa fejn ikun neċessarju biex ikopri t-telf ġenerali, mingħajr ma jeċċedi s-37.5 %. […] 6. It-telf kollu li jirriżulta mill-għoti ta’ ħlas lura tal-produzzjoni skond l-Artikolu 7(3) għandu jkun kkunsidrat meta jkun ikkalkulat it-telf ġenerali li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1(e). 7. It-taxxi li hemm referenza dwarhom f’dan l-Artikolu għandhom jinġabru mill-Istati Membri. 8. Regoli dettaljati biex ikun applikat dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati […], u għandhom ikopru partikolarment:
|
19. |
L-Artikolu 16 jistipula li kellha tkun imponuta imposta addizzjonali jekk l-imposti previsti fl-Artikolu 15(3), (4) u (5) ma kinux ikopru għal kollox it-telf għas-sena kkonċernata. L-Artikolu 16(5) kien jipprovdi għal regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-imposta addizzjonali. |
Ir-regolament ta’ implementazzjoni
20. |
Abbażi, inter alia, tal-Artikoli 15(8) u 16(5) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 314/2002 ( 14 ) (“ir-regolament ta’ implementazzjoni”), li kien jipprovdi għall-(fost affarijiet oħra) iffissar tal-kwantitajiet ta’ zokkor imwarrba għall-konsum fil-Komunità skont it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(b) u (2)(a) tar-regolament bażiku u d-definizzjoni ta’ obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni li għandhom ikunu mwettqa skont it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku. |
21. |
Skont l-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni kif emendat, il-kwantitajiet imwarrba għall-konsum fil-Komunità kellhom ikunu kkalkolati bħala (i) il-kwantitajiet totali maħżuna fil-bidu tas-sena tas-suq, il-kwantitajiet prodotti taħt il-kwoti A u B, kwantitajiet importati fl-istat naturali u l-kwantitajiet inklużi fil-prodotti pproċessati importati, esklużi (ii) il-kwantitajiet totali esportati fl-istat naturali, il-kwantitajiet inklużi fi prodotti pproċessati esportati, il-kwantitajiet maħżuna fl-aħħar tas-sena tas-suq u l-kwantitajiet inklużi fil-prodotti pproċessati esportati, u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati ta’ ħlas lura fuq il-produzzjoni konformi mal-Artikolu 7(3) tar-regolament bażiku — b’dawn l-aħħar kwantitajiet ikunu, effettivament, dawk użati fl-industrija kimika. |
22. |
L-Artikolu 6(5) tar-regolament ta’ implementazzjoni jiddefinixxi “obbligi [obbligazzjonijiet] ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu matul is-sena kurrenti tal-bejgħ” bħala, essenzjalment: iz-zokkor kollu li għandu jkun esportat fl-istat naturali bi ħlasijiet lura jew taxxi fuq l-esportazzjoni (a) ffissati minn offerti miftuħa fir-rigward ta’ dik is-sena tas-suq jew (b) fuq il-bażi tal-liċenzji ta’ esportazzjoni maħruġa matul dik is-sena tas-suq; (ċ) l-esportazzjonijiet ta’ zokkor fil-forma ta’ prodotti pproċessati kollha li huma prevedibbli ma’ ħlasijiet lura jew taxxi fuq l-esportazzjoni ffissati għal dak il-għan matul dik is-sena tas-suq; (d) kwantitajiet li għalihom ikunu maħruġa ċertifikati ta’ ħlas lura fuq il-produzzjoni konformi mal-Artikolu 7(3) tar-regolament bażiku matul is-sena tal-bejgħ; u (e) għajnuna fuq l-ikel. |
23. |
L-Artikoli 6 u 7 tar-regolament ta’ implementazzjoni pprovdew ukoll biex isiru ħlasijiet qabel tal-imposti tal-produzzjoni qabel l-aħħar tas-sena tas-suq, ikkalkolati abbażi ta’ stimi. Dan kien spjegat fil-premessa 7 tal-preambolu: “L-imposti fuq il-produzzjoni maħsuba fl-Artikolu 15 tar-[regolament bażiku] ma jistgħux ikunu ffisati ħlief wara li tispiċċa s-sena tal-bejgħ minħabba l-fatt li proporzjoni kbir ta’ l-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni jittieħdu fit-tieni nofs tas-sena tal-bejgħ u li d-data li tistabbilixxi l-imposti fuq il-produzzjoni tkun disponibbli biss f’dak iż-żmien. Għaldaqstant, sabiex tiġi mplimentata malli jkun possibbli r-responsabbiltà tal-produtturi, ħlas qabel ta’ l-imposti kkalkulat fuq il-bażi ta’ stimi għandu jsir ħafna qabel l-aħħar tas-sena tal-bejgħ. [...] L-imposti ma għandhomx ikunu ffisati jew miġbura sakemm informazzjoni li hija preċiża kemm jista’ jkun, b’mod partikolari fuq il-konsum, tkun disponibbli.” |
Il-formola ta’ kalkolu fil-qosor
24. |
Ir-rinviji preżenti għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw il-punt tat-tluq għall-kalkolu tal-imposti tal-produzzjoni, jiġifieri, “it-telf totali” għal kull sena tas-suq. |
25. |
Konformi mad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, dak “it-telf totali” kien, għal kull sena kkonċernata, “l-eċċess esportabbli” immultiplikat b’“it-telf medju għal kull tunnellata”. |
26. |
L-“eċċess esportabbli” kien, essenzjalment, il-produzzjoni A u B nieqes il-konsum fl-UE. Għalhekk dan kien jirrappreżenta biss l-eċċess tal-produzzjoni A u B matul is-sena. Barra dan, mhux biss iz-zokkor Ċ (il-produzzjoni fl-UE barra l-kwoti A u B) kellu jkun esportat mingħajr ħlasijiet lura, imma l-ħażniet ta’ zokkor A u B, flimkien ma’ ċerti kategoriji ta’ zokkor importat, setgħu jkunu esportati bil-ħlasijiet lura. |
27. |
Il-konsum fl-UE kien ikkalkolat billi titnaqqas il-kwantità totali li kien magħruf li ma ġietx ikkonsmata (essenzjalment: l-esportazzjonijiet, il-kwantitajiet użati fl-industrija kimika u l-ħażniet ta’ zokkor A u B fl-aħħar tas-sena tas-suq) mill-kwantità totali li kien magħruf li twarrbet għall-konsum (essenzjalment: il-ħażniet ta’ zokkor A u B fil-bidu tas-sena tas-suq, il-produzzjoni A u B matul is-sena u l-importazzjonijiet). |
28. |
It-“telf medju kull tunnellata” kien ikkalkolat billi “l-ammont totali ta’ rifużjoni” jiġi diviż bit-“tunnellaġġ totali tal-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni”. Dan għalhekk kien frazzjoni, bl-“ammont totali ta’ rifużjoni” bħala n-numeratur u “it-tunnellaġġ totali tal-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni” bħala d-denominatur. |
29. |
Il-kwistjoni prinċipali f’dawn il-każijiet hija jekk in-numeratur (“l-ammont totali ta’ rifużjoni”) f’dik il-frazzjoni għandux jinkludi ħlasijiet lura li għalihom kienu intitolati l-esportazzjonijiet imma li ma kinux mitluba; huwa stabbilit li d-denominatur (“it-tunnellaġġ totali ta’ obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni”) jinkludi l-kwantitajiet kollha intitolati għal ħlas lura, indipendentement minn jekk il-ħlas lura kienx mitlub jew le. |
L-imposti kif iffissati inizjalment u l-kontestazzjonijiet dwar dawk l-imposti
30. |
Mill-2003, fl-iffissar tal-imposti ta’ kull sena, il-Kummissjoni interpretat “obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni” bħala li tinkludi biss kwantitajiet li fir-rigward tagħhom fil-fatt kienu saru ħlasijiet lura (u mhux dawk li fir-rigward tagħhom kienu disponibbli ħlasijiet lura imma li ma kinux imħallsa). Dan naqqas id-denominatur fil-frazzjoni deskritta f’punt 28 iktar ’il fuq, u b’hekk żdied it-“telf medju kull tunnellata”. Fl-istess ħin, madankollu, il-Kummissjoni naqqset il-kwantitajiet kollha inklużi fil-prodotti pproċessati esportati (indipendentement minn jekk fil-fatt sarux il-ħlasijiet lura) mill-kwantità mwarrba għall-konsum fl-UE. Bħala riżultat, il-kalkoli stabbiliti f’punti 26 u 27 iktar ’il fuq ipproduċew “kwantitajiet mbassra li jkunu mwarrba għall-konsum fil-Komunità” iżgħar u “eċċess esportabbli” ikbar, minn kif altrimenti kien ikun il-każ. Meta mbagħad “l-eċċess esportabbli” kien immultiplikat bit-“telf medju kull tunnellata”, it-“telf totali” kien għalhekk ikbar, li min-naħa tiegħu, żied l-imposti tal-produzzjoni. L-effett kien, apparentement, sinjifikattiv, peress li f’ħafna okkażjonijiet il-produtturi taz-zokkor ma jitolbux ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ zokkor inkorporat fi prodotti pproċessati esportati. |
31. |
L-imposti tal-produzzjoni għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003, 2003/2004 u 2004/2005 kienu ffissati permezz tar-Regolamenti Nru 1837/2002, 1762/2003, 1775/2004 u 1686/2005 ( 15 ) rispettivament. Kontestazzjonijiet dwar il-kalkoli ta’ dawk l-imposti wasslu għal numru ta’ rinviji preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
32. |
Fil-5 ta’ Mejju 2008, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza f’Jülich I. Din ikkonstatat li, skont l-Artikolu 15(1)(c) u (d) tar-regolament bażiku, il-kwantitajiet kollha ta’ prodotti esportati li kienu jaqgħu taħt dan l-artikolu kellhom jitqiesu għall-iskop ta’ kalkolu kemm tal-“eċċess esportabli” (meta kellhom jitnaqqsu mill-konsum) u t-“telf medju kull tunnellata”, indipendentement minn jekk il-ħlasijiet lura kinux attwalment saru jew le. |
33. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-“eċċess esportabbli”, kien id-differenza bejn il-produzzjoni tal-UE ta’ zokkor A u B u l-konsum taz-zokkor fl-UE. Tali konsum għalhekk ma kienx maħsub li jinkludi kwalunkwe prodotti esportati, indipendentement minn jekk kinux ibbenefikaw minn ħlasijiet lura għall-esportazzjoni jew le. Jekk kwantitajiet esportati mingħajr ħlasijiet lura jiġu inklużi fil-konsum tal-UE, dan ikun sopravalutat u l-eċċess esportabbli sottovalutat, u dan ikun jinvolvi r-riskju li l-għan biex ikun żgurat li l-produtturi nfushom jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż biex jintremew l-eċċessi ma jintlaħaqx ( 16 ). |
34. |
Fir-rigward tat-“telf medju kull tunnellata”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kunċett ta’ “obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni li għandhom jitwettqu” (id-denominatur tal-frazzjoni li jsir riferiment għalih fil-punt 28 iktar ’il fuq, imfisser fl-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku) ma setax ikun interpretat b’mod konsistenti mal-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-regolament (li taħtu l-esportazzjonijiet kienu suġġetti għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-esportazzjoni, din stess suġġetta għal li tkun ipprovduta garanzija li l-esportazzjoni sseħħ matul it-terminu ta’ validità tal-liċenzja ( 17 )) bħala limitat għal dawk li fir-rigward tagħhom attwalment saru ħlasijiet lura għall-esportazzjoni. Hija ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li tali limitazzjoni, biż-żieda tal-livelli tal-imposti tal-produzzjoni, setgħet tiskoraġġixxi l-ħolqien ta’ eċċessi, u saħqet li l-kalkolu ma għandux imur lil hinn mill-għan ta’ awto-finanzjament ekwu mill-produtturi ( 18 ). |
35. |
Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolamenti Nri 1762/2003 u 1775/2004 kienu invalidi, peress li dawn qiesu, għall-iskopijiet ta’ kalkolu tat-“telf medju kull tunnellata”, dawk l-esportazzjonijiet li attiraw il-ħlasijiet lura biss. Madankollu, jekk wieħed jeżamina r-Regolament Nru 1837/2002 ma jirriżultax li kien hemm xi fatturi tali li jaffettwaw il-validità tiegħu, peress li dan qies il-kwantitajiet kollha esportati fil-forma ta’ prodotti pproċessati, indipendentement minn jekk dawk l-esportazzjonijiet kinux attwalment ibbenefikaw mill-ħlasijiet lura jew le. |
36. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx, u lanqas ma kienet mitluba biex tiddeċiedi jekk l-“ammont totali ta’ rifużjoni” kellux ikun ukoll ikkalkolat billi jingħata qies tal-kwantitajiet totali esportati fil-forma ta’ prodotti pproċessati, indipendentement minn jekk sarux jew le ħlasijiet lura. |
37. |
Imbagħad, f’SAFBA et (“SAFBA”) ( 19 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni ma kienx invalidu peress li dan, fir-rigward tal-kalkolu tal-imposti tal-produzzjoni ma kienx jipprovdi għall-esklużjoni mill-“eċċessi esportabbli” ta’ kwantitajiet inklużi fi prodotti pproċessati esportati li għalihom ma tkun ingħatat ebda ħlas lura u, min-naħa l-oħra, li r-Regolament Nru 1686/2005 kien invalidu għax ma kienx konformi mal-metodu ta’ kalkolu approvat f’Jülich I. |
Ir-regolament ikkontestat
38. |
Il-Kummissjoni ma kinitx adottat immedjatament xi miżura ġdida biex tikkonforma mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-proċedimenti biex ikunu rkuprati imposti mħallsa taħt ir-regolamenti li kienu ġew iddikjarati invalidi tkomplew quddiem diversi qrati nazzjonali. F’numru ta’ każijiet ingħataw digrieti għall-ħlas lura ta’ ammonti li bihom tali imposti ġew iddikjarati li kienu tħallsu żejda. Il-Kummissjoni, konxja ta’ dawn id-digrieti, ikkunsidrat li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali kienu qegħdin jisiltu konklużjonijiet skorretti mis-sentenza f’Jülich I. F’Jannar 2009, hija informat lill-Istati Membri li kienet qiegħda tfassal regolament ġdid li jkun jindika l-ammonti korretti ta’ imposti għas-snin tas-suq inkwistjoni, u li kienet ser tinformahom fi żmien propizju rigward l-azzjoni li kellha tittieħed. Dan l-abbozz kien diskuss fil-kumitat ta’ amministrazzjoni rilevanti f’Settembru u Ottubru 2009. Madankollu, il-kumitat kien riluttanti li jaċċetta l-kalkoli użati mill-Kummissjoni, u bosta Stati Membri xtaqu jużaw ċifri oħra, proposti mill-presidenza. |
39. |
Essenzjalment, il-Kummissjoni kkalkolat “ir-rifużjonijiet totali” billi mmultiplikat iċ-ċifra għall-esportazzjonijiet rilevanti kollha, kemm jekk kienet tħallset lura jew le, bl-ammont medju ta’ ħlas lura pagabbli għal tali esportazzjonijiet; in-numeratur u d-denominatur tal-frazzjoni msemmija f’punt 28 iktar ’il fuq it-tnejn li huma kienu jirriflettu l-ammont totali ta’ esportazzjonijiet li għandhom marbut magħhom id-dritt għal ħlas lura. Il-kalkolu tal-presidenza, għall-kuntrarju, kien jinkludi fin-numeratur l-ammont attwali biss tal-ħlasijiet lura imħallsa, filwaqt li d-denominatur baqa’ l-istess. Skont dak il-kalkolu , it-“telf totali” u, konsegwentement, il-livell tal-imposti tal-produzzjoni, it-tnejn li huma kienu iktar baxxi ( 20 ). |
40. |
Madankollu, il-Kunsill ma setax jadotta regolament differenti fiż-żmien rikjest ( 21 ). Għalhekk, il-Kummissjoni adottat l-abbozz fil-forma proposta, bħala Regolament Nru 1193/2009 ( 22 ) (“ir-regolament ikkontestat”), li ffissa imposti ġodda fuq il-produzzjoni kemm għas-snin ikkonċernati bir-regolamenti li kienu ddikjarati invalidi u għas-sena tas-suq 2005/2006, li għaliha kien ġie użat l-istess metodu ta’ kalkolu ( 23 ). |
41. |
Il-bażi legali għar-regolament ikkontestat iċċitata fil-preambolu tiegħu kienu t-Trattat KE u r-regolament bażiku, b’mod partikolari l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 15(8) u l-Artikolu 16(5) tiegħu. |
42. |
Skont il-premessi 5 sa 6 fil-preambolu tar-regolament ikkontestat:
|
43. |
L-Artikoli 1 sa 4 tar-regolament ikkontestat jiffissaw imposti ġodda biex jieħdu post dawk stabbiliti preċedentement bir-regolamenti rilevanti. Minn dawn il-21 imposta kkonċernati, 12 baqgħu mhux mibdula, sitta ħarira iktar baxxi u tlieta ftit iktar għoljin mill-ammonti kif ikkalkolati preċedentement. |
44. |
Skont l-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat, l-Artikoli 1 sa 4 japplikaw mid-dati tad-dħul fis-seħħ tar-regolamenti rispettivi li d-dispożizzjonijiet tagħhom qegħdin jissostitwixxu. |
Kontestazzjonijiet tar-regolament ikkontestat u d-domandi rrinvijati
Kawża C-113/10 Zuckerfabrik Jülich
45. |
Zuckerfabrik Jülich AG (“Jülich”) hija produttriċi taz-zokkor Ġermaniża. Il-kontestazzjonijiet tagħha tal-imposti għas-snin tas-suq 2002/2003, 2004/2005 u 2005/2006 abbażi tar-Regolamenti Nri 1762/2003, 1686/2005 u 164/2007 wasslu għas-sentenza f’Jülich I. Wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, l-aġenzija nazzjonali stabbilixxiet imposti ġodda fuq il-produzzjoni għas-snin tas-suq inkwistjoni. Jülich imbagħad ikkontestat l-avviżi li ddeterminaw dawk l-imposti quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) Düsseldorf, fejn argumentat li r-regolament ikkontestat kien invalidu. |
46. |
Dik il-qorti tosserva li l-Kummissjoni rrikalkolat l-ammont totali ta’ ħlas lura għas-snin tas-suq inkwistjoni billi inkludiet ħlasijiet lura għall-esportazzjoni fittizji li fir-rigward tagħhom l-ebda ħlas lura ma kien sar. Din tesprimi dubju rigward il-kompatibbiltà ta’ tali reviżjoni, sa fejn tmur lil hinn mill-kundizzjonijiet imposti fis-sentenza Jülich I u hija applikabbli għal snin tas-suq li issa huma magħluqin, mal-prinċipju tal-UE tan-non-retroattività. |
47. |
Għalhekk, il-Finanzgericht Düsseldorf talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni preliminari dwar id-domanda: “[Ir-regolament ikkontestat] huwa validu?” |
Il-kawża C-147/10 British Sugar
48. |
British Sugar plc (“British Sugar”), produttur ta’ prodotti taz-zokkor, qiegħda titlob il-ħlas lura, bl-interessi, tal-ammont ta’ imposti tal-produzzjoni li ssostni li kienet mitluba tħallas żejjed mill-aġenzija nazzjonali kompetenti matul is-snin tas-suq 2002/2003 sa 2005/2006. Din tikkalkula l-ammont abbażi ta’ Jülich I, għal madwar EUR 12 531 000, qabel l-interessi. Din issostni, l-ewwel, li r-regolament ikkontestat għandu l-istess difett fundamentali bħar-Regolamenti Nri 1762/2003, 1775/2004 u 1686/2005. Il-metodu ta’ kalkolu, b’mod partikolari fir-rigward ta’ “it-telf medju kull tunnellata” hu bbażat fuq telf ipotetiku li jirrifletti ħlasijiet lura tal-esportazzjoni li fit-teorija kienu disponibbli imma li attwalment qatt ma tħallsu. Għalhekk “it-telf totali” huwa minfuħ. It-tieni, ir-regolament ikkontestat huwa invalidu sa fejn jeħtieġ li ħlasijiet lura mhux bl-euro jsiru bir-rati tal-kambju applikabbli fiż-żmien li l-imposta kienet ikkalkolata oriġinarjament. Fl-aħħarnett, British Sugar tagħmel talba għall-interessi fuq l-ammonti li għandhom jitħallsu lura. Din għalhekk tat bidu għall-proċedimenti quddiem il-High Court of Justice of England and Wales. |
49. |
L-aġenzija nazzjonali ssostni li r-regolament ikkontestat issa jistabbilixxi l-formula legali għall-kalkolu tal-ħlas lura dovut lil British Sugar u hija legalment vinkolanti. Skont dan il-kalkolu, l-ammont dovut huwa GBP 366 590.79. L-aġenzija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja approvat il-metodoloġija tar-Regolament Nru 1837/2002, peress li din ma kkonkludietx li r-regolament huwa invalidu. Ir-regolament ikkontestat isegwi l-istess skema u bl-istess mod huwa validu. Ir-rata tal-kambju xierqa hija dik li kienet tapplika meta l-imposti tal-produzzjoni oriġinali kienu kkalkolati. Fl-aħħarnett, British Sugar ma għandhiex tingħata interessi. Kull ħlas lura ser ikun rifless b’pagament mill-Kummissjoni lill-aġenzija taħt is-sistema tal-UE tar-riżorsi proprji. Ma hemm l-ebda bażi legali fil-leġiżlazzjoni tar-riżorsi proprji biex l-Istati Membri jirkupraw l-interessi mill-Kummissjoni, u l-istess prinċipju għandu japplika għal kwalunkwe ħlas lura lil British Sugar. |
50. |
Għalhekk il-High Court qed titlob li tingħata deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:
|
Il-Kawża C-234/10 Tereos
51. |
Peress li ssostni li kienet ħallset imposti iżjed milli suppost taħt ir-Regolament Nru 1686/2005, il-produttriċi taz-Zokkor Franċiża Tereos applikat fit-2 ta’ Mejju 2007 mal-aġenzija nazzjonali rilevanti għal ħlas lura parzjali. Meta ma rċeviet ebda risposta, din għamlet kawża quddiem it-Tribunal de grande instance (Qorti Reġjonali), Nanterre, fejn sostniet li r-Regolament Nru 1686/2005 kien invalidu u talbet ħlas lura ta’ EUR 11 600 782. Wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, Tereos talbet lill-qorti nazzjonali sabiex tingħata deċiżjoni preliminari dwar il-validità tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku u biex tkun ordnata ħlas lura lil Tereos tas-somma mitluba bl-interessi. |
52. |
Il-qorti nazzjonali tosserva li, fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma kkalkolatx mill-ġdid l-imposta billi tapplika b’mod strett il-metodu ta’ kalkolu meħud mill-Artikolu 15 tar-regolament bażiku kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Jülich I, imma użat il-metodu li kien diġà applikat għas-sena tas-suq 2001/2002, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li minn evalwazzjoni tar-Regolament Nru 1837/2002 ma rriżultax li kienu jeżistu xi fatturi tali li jaffettwaw il-validità tiegħu. |
53. |
Din hija r-raġuni li għaliha hija għamlet dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
54. |
It-tliet rinviji għal deċiżjoni preliminari ngħaqdu mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-għanijiet tal-proċedura orali u s-sentenza. |
55. |
Kienu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fit-tliet settijiet ta’ proċedimenti, mill-gvern tal-Ġermanja, ta’ Spanja, Franza, il-Litwanja, l-Awstrija u r-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni. Fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2011, saru sottomissjonijiet orali f’isem ir-rikorrenti, il-gvern Ġermaniż u l-gvern Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni. Dawk kollha li għamlu sottomissjonijiet, apparti l-Kummissjoni u, sa ċertu punt, ir-Renju Unit, iqisu li r-regolament ikkontestat huwa invalidu. |
Proċedimenti għall-annullament simultanji quddiem il-Qorti Ġenerali
56. |
Barra dan, Jülich, British Sugar u ċerti produtturi oħra taz-zokkor ressqu kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali fejn talbu l-annullament tar-regolament ikkontestat, u r-Repubblika tal-Polonja ressqet kawża fejn talbet l-annullament tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-regolament ( 24 ). Il-proċeduri f’dawk il-kawżi kollha ġew sospiżi pendenti l-eżitu tal-proċedimenti preżenti. |
Evalwazzjoni
57. |
Il-kwistjoni prinċipali fit-tliet kawżi kollha hija jekk il-kalkolu tal-Kummissjoni fir-regolament ikkontestat kienx validu, sa fejn kien jinkludi fl-“ammont totali ta’ rifużjoni” li għalihom kienu intitolati l-esportaturi, imma li fil-fatt ma ġewx mitluba. |
58. |
Madankollu, ir-regolament huwa kkontestat ukoll, b’mod partikolari, għar-rigward tal-validità formali tiegħu, abbażi li r-regolament bażiku, iċċitat bħala l-bażi legali tiegħu, kien tħassar qabel ma kien adottat ir-regolament ikkontestat. Loġikament, jiena tal-opinjoni li, din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata l-ewwel. Jien imbagħad ser nikkunsidra l-validità tal-kalkolu, segwit b’numru ta’ punti oħrajn relatati mal-kompatibbiltà tagħha mas-sentenza Jülich I. |
59. |
Barra dan, tqajmu żewġ kwistjonijiet oħra fir-rinviju ta’ British Sugar: id-data ta’ referenza korretta biex ikunu stabbiliti rati tal-kambju għall-ammonti li għandhom jitħallsu lura f’muniti li ma humiex l-euro, u d-disponibbiltà ta’ interessi fuq tali ammonti. Jien ser inħalli dawn għall-aħħar, u nibda bid-disponibbiltà ta’ interessi, kwistjoni li tikkonċerna lill-Istati Membri kollha u li tidher li tiġi qabel dik li toħroġ minn rati tal-kambju li jvarjaw. |
Validità formali — bażi legali
60. |
L-Artikoli 15(8) u 16(5) tar-regolament bażiku jipprovdu għall-adozzjoni ta’ regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artikoli, konformi mal-proċedura li jsir riferiment għaliha fl-Artikolu 42(2) tiegħu, li, min-naħa tiegħu, jagħmel riferiment għad-deċiżjoni dwar il-komitoloġija ( 25 ). Fil-qosor, dawn taw lill-Kummissjoni bażi legali għall-adozzjoni ta’ regolamenti li jiffissaw l-imposti tal-produzzjoni għal kull sena tas-suq konformi mal-proċedura tal-kumitat tal-amministrazzjoni. |
61. |
Madankollu, ir-Regolament Nru 318/2006 ( 26 ) abbroga r-regolament bażiku b’effett mill-1 ta’ Lulju 2006. |
62. |
Konsegwentemnt, dan tal-aħħar ma kienx iktar fis-seħħ meta r-regolament ikkontestat kien adottat fit-3 ta’ Novembru 2009. Madankollu, il-bażi legali ċċitata hija, l-ewwel nett, it-Trattat KE u, it-tieni nett, ir-regolament bażiku “u b’mod partikolari l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 15(8) u l-Artikolu 16(5) tiegħu”. |
63. |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li fit-3 ta’ Novembru 2009, ir-regolament bażiku kien tħassar u mibdul bi strument ġdid li stabbilixxa reġim differenti għas-settur taz-zokkor u ma pprovda l-ebda bażi legali għal att li jiffissa imposti taħt ir-reġim preċedenti. Madankollu, din tirrileva li kien meħtieġ bl-Artikolu 233 KE (li issa huwa l-Artikolu 266 TFUE) li tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma mad-deċiżjonijiet f’Jülich I u SAFBA. Dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni ssostni, li għalhekk kellhom l-effett li “jipprevalu fin-nuqqas apparenti ta’ bażi legali” u “kienu taw ħajja ġdida, bħallikieku, għall-Artikoli 15(8) u 16(5) tar-regolament bażiku, sal-punt neċessarju li jagħmilha possibbli li jkunu rettifikati l-illegalitajiet misjuba mill-Qorti tal-Ġustizzja”. |
64. |
Jiena ma nistax naqbel. Il-ħtieġa taċ-ċertezza legali tirrikjedi li kull att li jkun intiż biex jikkrea effetti legali jislet l-effett vinkolanti tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li għandha tiġi indikata b’mod speċifiku bħala bażi legali u li tistabbilixxi l-forma ġuridika li għandu jkollu l-att ( 27 ). Id-dispożizzjoni li tifforma l-bażi legali ta’ att u li tagħti s-setgħa lill-istituzzjoni tal-Unjoni biex tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fiż-żmien meta l-att ikun adottat ( 28 ). Dispożizzjoni li tkun tħassret ma tissodisfax dawk il-kriterji. Lanqas tista’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirxoxta miżura mħassra ħlief billi tiġi ddikjarata invalida l-mizura li tkun ħassritha. |
65. |
Dan ma jfissirx, madankollu, li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda mezzi biex tieħu — kif kienet meħtieġa li tagħmel bl-Artikolu 233 KE — il-miżuri neċessarji biex tikkonforma mad-deċiżjonijiet f’Jülich I u SAFBA. Tal-inqas kienu miftuħin għaliha żewġ rotot. |
66. |
L-ewwel, il-Kummissjoni setgħet titlob lill-Kunsill jagħtiha l-kompetenza li tadotta regolament li jiffissa imposti ġodda għas-snin tas-suq inkwistjoni. Jien m’iniex konvint bis-sottomissjoni tal-Kummissjoni li talba bħal din kienet tkun inutli għaliex iż-żewġ istituzzjonijiet ma qablux dwar il-kalkolu korrett. Il-miżura rikjesta kienet tkun tikkonċerna biss il-kompetenza formali tal-Kummissjoni li tiffissa l-imposti mill-ġdid, mhux il-mod li bih dawn l-imposti kienu kkalkolati. |
67. |
It-tieni, kif kien irrilevat mir-rikorrenti, l-adozzjoni ta’ regolament kien biss mod wieħed kif tintlaħaq il-konformità ( 29 ). Il-ħlasijiet lura huma kwistjoni, l-ewwel, bejn il-produtturi taz-zokkor u l-aġenziji nazzjonali (bl-aġġudikazzjoni, fejn xieraq, issir mill-qrati nazzjonali) ( 30 ). Evidentement, huwa mixtieq, wara Jülich I, li l-imposti jkunu aġġustati b’mod konsistenti matul l-UE. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni setgħet toħroġ gwida rigward il-kalkoli xierqa. Kull kwistjoni dwar din il-gwida setgħet tkun irrinvijata lil din il-Qorti għal deċiżjoni preliminari, bħalma ġara fil-każi preżenti (għalkemm seta’ jagħti l-każ li ma jkunx possibbli li jitressqu kawżi għall-annullament quddiem il-Qorti Ġenerali). |
68. |
Madankollu, sa fejn ir-regolament ikkontestat iċċita wkoll it-Trattat KE bħala l-bażi legali tiegħu, qamet il-mistoqsija dwar jekk l-Artikoli 37 jew 233 KE (issa, rispettivament, l-Artikoli 43 u 266 TFUE) setgħu ma tawx il-kompetenza fuq il-Kummissjoni. Jiena ma nistax naqbel. |
69. |
L-ewwel, il-Gwida Prattika Konġuta għall-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja ( 31 ) tindika: “Jekk il-bażi legali diretta ta’ att hija dispożizzjoni tat-Trattat, iċ-ċitazzjoni ġenerali tkun akkumpanjata mill-kliem ‘, u b’mod partikolari”, segwita bl-artikolu rilevanti […] Jekk, b’kuntrast ma’ dan, il-bażi legali diretta tal-att tinstab li hija fil-leġiżlazzjoni sekondarja […], l-att partikolari kkonċernat ikun iċċitat fit-tieni ċitazzjoni, bl-artikolu rilevanti, preċedut bil-kliem b’mod partikolari’.” Fuq il-premessa li l-Kummissjoni kienet qed issegwi l-linji gwida tagħha dwar l-abbozzar, għalhekk ma kien hemm l-ebda invokazzjoni ta’ xi dispożizzjoni partikolari tat-Trattat bħala bażi legali diretta għar-regolament ikkontestat. Kienu invokati biss l-Artikoli 15(8) u 16(5) tar-regolament bażiku. |
70. |
It-tieni, l-Artikolu 37 KE ma ta l-ebda kompetenza leġiżlattiva lill-Kummissjoni fis-settur agrikolu ħlief li tippreżenta proposti lill-Kunsill. Kull miżura adottata fuq dik il-bażi kellha tkun adottata mill-Kunsill. |
71. |
It-tielet, l-Artikolu 233 KE filwaqt li jeħtieġ li jkun hemm konformità mas-sentenza f’Jülich I, dan minnu nnifsu ma pprovdiex lill-Kummissjoni b’bażi legali biex ikun adottat regolament li għalih ma kienet teżisti ebda awtorità oħra la fit-Trattat u lanqas fil-leġiżlazzjoni sekondarja — għall-inqas meta, bħal fil-każ preżenti, kienu disponibbli modi differenti ta’ konformità. |
72. |
Għalhekk jiena tal-opinjoni li r-regolament ikkontestat huwa formalment invalidu, u huwa nieqes minn bażi legali li kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-adozzjoni tiegħu. |
73. |
Madankollu, dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha toqgħod lura milli teżamina l-konformità mar-regolament bażiku tal-kalkolu li fuqu r-regolament ikkontestat kien ibbażat. Anki jekk dan tal-aħħar kien formalment invalidu, l-imposti tal-produzzjoni għandhom xorta jkunu aġġustati biex jieħdu kont ta’ Jülich I, b’iktar gwida jew mingħajrha mill-Kummissjoni, minn aġenziji nazzjonali li jkunu sarulhom talbiet, u minn qrati nazzjonali li jkollhom tilwim quddiemhom. Dan l-aġġustament għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tar-regolament bażiku, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ma jkunx sensibbli li dik l-interpretazzjoni tiġi posposta għal meta jkollha tittratta kawża futura Jülich III. |
Il-validità tal-kalkolu
74. |
Il-kwistjoni essenzjalment hija waħda sempliċi: fit-twettiq tal-kalkolu rikjest bl-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni kellha tinkludi, fl-“ammont totali ta’ rifużjoni”, ħlasijiet lura li setgħu jkunu mitluba fir-rigward tal-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni imma li fil-fatt qatt ma kienu mitluba jew imħallsa? |
75. |
Sfortunatament, kif intwera fil-każijiet preżenti, il-frażi użata (“ammont totali ta’ rifużjoni”) jista’ jkollha żewġ tifsiriet: “l-ammont totali ta’ rifużjonijiet li jistgħu jintalbu” jew “l-ammont totali ta’ rifużjoni mħallsa”. |
76. |
L-iktar inferenza ovvja minn dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni hija li, meta d-dispożizzjoni kienet tfasslet għall-ewwel darba, il-leġiżlatura ma kinitx irrikonoxxiet li seta’ jkun hemm xi ambigwità. Jiena nsibha diffiċli nimmaġina li l-leġiżlatura, meta kien tfassal u dibattut il-metodu ta’ kalkolu tal-imposti tal-produzzjoni, setgħet tkun konxja ta’ interpretazzjonijiet alternattivi tal-frażi “ammont totali ta’ ħlas lura”, li jwasslu għal żewġ riżultati differenti meta kien sar il-kalkolu, mingħajr ma speċifikat liema wieħed minnhom kellu jkun użat, jew tal-inqas tipprovdi għall-għażla li kellha ssir fl-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni. |
77. |
Spjegazzjoni plawżibbli hija li l-leġiżlatura ppreżumiet li l-ħlasijiet lura kollha kienu fil-fatt ser jiġu mitluba u mħallsa. Meta tiġi użata kelma bħal “rifużjonijiet” mingħajr ebda kwalifika oħra, u sakemm il-kuntest ma jiddettax mod ieħor, l-unika interpretazzjoni naturali hija li din tagħmel riferiment għal ħlasijiet lura attwalment imħallsa. |
78. |
Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-punt tat-tluq irid ikun prużunzjoni b’saħħitha, anki jekk mhux neċessarjament irribattibbli, li l-“ammont totali ta’ rifużjoni” tfisser biss il-ħlasijiet lura attwalment imħallsa, bl-esklużjoni ta’ ħlasijiet lura purament potenzjali li qatt ma ntalbu jew tħallsu. |
79. |
Madankollu, il-Kummissjoni ressqet diversi raġunijiet favur l-interpretazzjoni tal-frażi li tkun tinkludi l-ħlasijiet lura potenzjali kollha, u dawk is-sottomissjonijiet iridu jiġu analizzati. Fil-qosor: (i) din kienet l-interpretazzjoni li fuqha r-Regolament Nru 1837/2002, li ma nstabx li kien invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Jülich I, kien ibbażat; (ii) hija konsistenti mal-inklużjoni tal-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni li fuqhom ma ntalbu ebda ħlasijiet lura fid-denominatur tal-frazzjoni; (iii) hija konsistenti mar-riferimenti għal kwantitajiet imbassra u l-ammonti fl-Artikolu 15 tar-regolament bażiku; u (iv) din tiżgura li l-produtturi jkopru l-ispejjeż tal-ħlasijiet lura għall-esportazzjoni. Jiena ser nanalizza mbagħad dawn is-sottomissjonijiet. |
Konsistenza ma’ interpretazzjoni li ma nstabitx li kienet invalida
80. |
Il-Kummissjoni ssostni li hija sempliċement użat l-istess bażi ta’ kalkolu għar-regolament ikkontestat bħal dak tar-Regolament Nru 1837/2002, li ġie analizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Jülich I u li ma nstabx li kien invalidu. Biex tkun żgurata l-konsistenza matul il-ħames snin tas-suq koperti bir-regolament bażiku, din kellha terġa’ lura għal dak il-metodu fir-regolament ikkontestat. Barra dan, mingħajr ma kien hemm xi kontestazzjoni mill-produtturi taz-zokkor, hija kienet użat l-istess bażi ta’ kalkolu fis-snin tas-suq preċedenti taħt regolamenti differenti li jinkludu sostanzjalment kliem identiku għal dak tar-regolament hawnhekk inkwistjoni. |
81. |
Jien ma nistax naċċetta dik il-ġustifikazzjoni, anki jekk il-kalkoli f’dawk is-snin preċedenti kienu ħadu “l-ammont totali ta’ rifużjoni” u “it-tunnellaġġ totali tal-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni” li jinkludu, rispettivament, ħlasijiet lura li setgħu jkunu, imma li ma ġewx, mitluba u l-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni li fuqhom setgħu ntalbu ħlasijiet lura imma ma ntalbux ( 32 ). |
82. |
F’Jülich I, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tinterpreta r-regolament bażiku fir-rigward taż-żewġ elementi fil-kalkolu ġenerali: l-“eċċess esportabbli” u t-“tunnellaġġ totali tal-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni” użat fil-kalkolu ulterjuri tat-“telf medju kull tunnellata”. Din ma ntalbitx tiddeċiedi, u lanqas ma ddeċidiet, dwar l-interpretazzjoni korretta tal-element l-ieħor fl-aħħar kalkolu, jiġifieri, l-“ammont totali ta’ rifużjoni”. Għalhekk, il-konklużjoni tagħha li “minn analiżi tar-Regolament Nru 1837/2002 ma jirriżultax li kienu jeżistu xi fatturi tali li jaffettwaw il-validità tagħha” ma jista’ jkollha l-ebda rilevanza dwar il-mod li bih il-Kummissjoni interpretat l-“ammont totali ta’ rifużjoni” f’dak ir-regolament. Anki jekk, kif tistqarr il-Kummissjoni, l-elementi kollha użati fil-kalkolu kienu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi rrinvijati u, konsegwentement, l-analiżi tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja kienu ristretti għal uħud minn dawk l-elementi. Dawn ma kinux jinkludu l-element hawnhekk inkwistjoni. |
83. |
Lanqas tista’ tkun ta’ xi rilevanza jekk, taħt ir-regolamenti preċedenti li jirregolaw is-settur u li jinkludu sostanzjalment regoli simili, il-Kummissjoni kienet b’mod konsistenti użat l-istess interpretazzjoni ta’ “ammont totali ta’ rifużjoni”, meta kkalkolat it-“telf medju kull tunnellata”. Anki jekk din il-bażi fil-fatt kienet użata u ma saritx oġġezzjoni għaliha, il-legalità tagħha trid tiddependi mhux fuq użu ripetut u kunsens taċitu imma fuq interpretazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni rilevanti li tippermetti dan. |
84. |
Jien naċċetta li, meta kienu rettifikati l-kalkoli li nstabu li kienu korretti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li wieħed jerġa’ lura għal metodu onorat biż-żmien li ma kienx instab li kien skorrett. Madankollu, il-fatt li l-interpretazzjoni tagħha ta’ “ammont totali ta’ rifużjoni” fir-Regolament Nru 1837/2002 qabel ma kienx hemm oġġezzjoni għaliha u, konsegwentement, ma ġietx iċċensurata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jfissirx li l-interpretazzjoni alternattiva, użata fir-regolamenti ddikjarati invalidi, ma kinitix korretta. Din, ukoll, la kienet ikkontestata u lanqas iċċensurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
85. |
Jien naċċetta wkoll li, indipendentement minn affarijiet oħra, dispożizzjonijiet li huma sostanzjalment l-istess għandhom ikunu interpretati b’mod konsistenti. Madankollu, ir-regolament bażiku stabbilixxa reġim għas-settur taz-zokkor li kien sostanzjalment differenti kemm mill-predeċessur u mis-suċċessur tiegħu. Fin-nuqqas ta’ kontinwità tal-kuntest, ma kien hemm l-ebda ħtieġa deċiżiva ta’ kontinwità fl-interpretazzjoni f’kull rigward. Barra dan, fir-rigward tal-ħames snin tas-suq koperti bir-regolament bażiku, il-Kummissjoni setgħet — jekk wieħed jassumi li kienet disponibbli bażi legali xierqa — tirretifika b’mod konsistenti l-ħames regolamenti kollha li jiffissaw l-imposti tal-produzzjoni, jekk dan kien meħtieġ bis-sentenza Jülich I. Madankollu, ma jidhirx li din ikkunsidrat dik il-possibbiltà. |
86. |
Jien nikkonkludi li l-fatt li l-frażi “ammont totali ta’ rifużjoni” qabel kienet interpretata (u anki b’mod sistematiku) mill-Kummissjoni bħala li tinkludi ħlasijiet lura li setgħu jkunu, imma li ma ġewx, mitluba ma jaffettwax il-mod li bih dik il-frażi kellha tkun interpretata fil-kuntest tal-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku. |
Konsistenza bejn in-numeratur u d-denominatur
87. |
Il-Kummissjoni tissottometti li huwa loġikament konsistenti, meta jiġi ddeterminat it-“telf medju kull tunnellata” (l-“ammont totali ta’ rifużjoni” diviż bit-“tunnellaġġ totali tal-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni”), li kemm in-numeratur tal-frazzjoni (“l-ammont totali ta’ rifużjoni”) u d-denominatur (“it-tunnellaġġ totali tal-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni”) jitqies li kull wieħed minnhom jinkludi jew il-każijiet kollha fejn setgħu jingħataw ħlasijiet lura, kemm jekk fil-fatt tħallsu u anki jekk le, jew dawk il-każijiet biss fejn fil-fatt kienu saru ħlasijiet lura. Ma jkunx konsistenti jekk in-numeratur ikun jinkludi biss dawk il-każijiet fejn fil-fatt ikunu saru ħlasijiet lura filwaqt li d-denominatur ikun jinkludi l-każijiet kollha fejn setgħu jkunu mogħtija ħlasijiet lura, kemm jekk ikunu tħallsu u anki jekk le. Peress li skont Jülich I, id-denominatur irid jinkludi l-każijiet kollha fejn setgħu jkunu mogħtija ħlasijiet lura, l-istess għandu japplika għan-numeratur. |
88. |
Fl-aħħar mill-aħħar, dan l-argument li superfiċjalment jidher attraenti, ma huwiex konvinċenti. |
89. |
Jekk it-“telf medju kull tunnellata” kellu jkun determinat fir-rigward biss tat-tunnellaġġ tal-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni li fir-rigward tagħhom ġew attwalment saru ħlasijiet lura, imbagħad kemm in-numeratur u d-denominatur ikollhom ikunu limitati għal każijiet fejn saru ħlasijiet lura. Dan kien l-approċċ li ttieħed fir-regolamenti li nstab li kienu invalidi, imma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-denominatur għandu jinkludi l-kwantitajiet kollha ta’ prodotti esportati, indipendentement minn jekk kinux saru ħlasijiet lura jew le. |
90. |
Tenut kont ta’ dan, u sakemm il-frażi “telf medju kull tunnellata” trid tingħata tifsira lil hinn mill-użu normali ( 33 ), it-total tat-telf attwali (jiġifieri tal-ħlasijiet lura attwali) irid ikun diviż bin-numru totali ta’ tunnellati attwalment esportati. Iktar impenjattiv minn dan, l-ammont ta’ ħlas lura mħallas fuq kull tunnellata esportata jista’ jkun ikkalkolat xi kultant li jkun żero) u l-medja li tiġi stabbilita billi jkunu magħduda dawk l-ammonti kollha flimkien u mbagħad ikunu diviżi bin-numru ta’ tunnellati (inklużi dawk li fuqhom ingħataw ammonti żero bħala ħlasijiet lura). Li dawk l-ammonti żero jinbidlu b’ammonti teoretiċi jidhirli li jkun l-oppost tal-konsistenza loġika. |
91. |
Kif ġie argumentat minn wieħed mill-avukati ta’ Tereos waqt is-smigħ, jekk negozjant joffri erba’ kilos ta’ zokkor għal prezz ta’ tlieta, il-prezz medju għal kull kilo mħallas mill-klijent huwa t-total diviż b’erbgħa, u mhux bi tlieta. Li kellu t-total ikun diviż bi tlieta, dan ikollu l-effett li jiġi injorat ir-raba’ kilo li jkun ġie “b’xejn” fid-denominatur tal-frazzjoni. It-traspożizzjoni ta’ dik l-analiżi għall-kalkolu fl-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku twassal biex jiġu injorati kwantitajiet esportati li fuqhom ebda ħlasijiet lura ma jkunu saru — li jmur kontra is-sentenza Jülich I. |
92. |
Il-Kummissjoni ma ħaditx eżattament dan l-approċċ fir-regolament ikkontestat, imma waslet għall-istess riżultat billi għaddet man-numeratur. Jekk (fl-eżempju tal-“erbgħa għall-prezz ta’ tlieta”), il-prezz normali ta’ kilo jingħadd man-numeratur, ir-riżultat ikun l-istess daqs li kieku r-raba’ kilo tħalla barra mid-denominatur. L-approċċ tal-Kummissjoni b’mod ġenerali ġie nnewtralizzat bit-tibdil fid-denominatur li kien rikjest mis-sentenza Jülich I — li evidentement jispjega għalfejn l-imposti l-ġodda ffissati f’dak ir-regolament ftit li xejn huma differenti minn dawk iffissati fir-regolamenti preċedenti ddikjarati invalidi mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
93. |
Ma nara l-ebda mod li bih dak it-tibdil fin-numeratur kien iddettat minn xi konsiderazzjoni ta’ konsistenza interna fid-definizzjoni tal-elementi tad-diviżjoni li kellha titwettaq. |
Konsistenza mat-telf globali “prevedibbli”
94. |
Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku ripetutament jagħmel riferiment għal kwantitajiet u ammonti mbassra ( 34 ), u għall-obbligazzjonijiet “li għandhom jitwettqu”. B’mod partikolari, il-kalkolu fl-Artikolu 15(3), li juża ċifri li kienu l-ewwel stmati għal kull sena tas-suq, imbagħad aġġustati fid-dawl tat-totali kumulattivi għall-ħames snin tas-suq ikkonċernati, jagħmel riferiment għal “telf globali prevedibbli” anki wara dak l-aġġustament. Barra dan, f’Jülich I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “il-metodu ta’ kalkolu tal-estimi tat-telf globali huwa intiż, f’kull każ, sabiex jistabbilixxi b’mod iffokat u konvenzjonali t-telf dovut għar-rimi tal-eċċess tal-produzzjoni Komunitarja” ( 35 ). Il-Kummissjoni tiddeduċi li l-ammonti u l-kwantitajiet li għandhom jitqiesu fil-kalkoli ma humiex maħsuba li jkunu ċifri attwali kif stabbiliti b’mod definittiv wara li tiġi riċevuta d-data kollha, imma pjuttost li jkunu jirriflettu l-bżonn li jkunu antiċipati l-ispiża u d-dħul fil-baġit rilevanti. Għalhekk, din issostni, li l-kalkoli kienu maħsuba biex jagħtu qies tal-ħlasijiet lura potenzjalment pagabbli kollha, u mhux dawk li jkunu attwalment imħallsa, indipendentement minn jekk sussegwentement jiġux stabbiliti ċifri definittivi. |
95. |
Huwa veru li r-regolament bażiku juża terminoloġija ta’ tbassir. Dan jidher li kien inevitabbli jekk — kif jistipula r-regolament — iċ-ċifri għandhom ikunu rreġistrati [taħt l-Artikolu 15(1)] b’mod individwali qabel it-tmiem ta’ kull sena tas-suq jew [taħt l-Artikolu 15(2)] b’mod kumulattiv qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Madankollu, dan ma jfissirx li ma għandhomx ikunu użati ċifri definittivi ladarba dawn ikunu disponibbli; tabilħaqq, l-Artikolu 15(2)(a) — li jaffettwa l-kalkoli kollha fl-Artikolu 15(2), anki jekk dawn għandhom jitwettqu qabel t-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin — jagħmel riferiment għaċ-“ċifra definittiva” u l-premessa 14 fil-preambolu ssemmi t-“telf totali rreġistrat”. |
96. |
Nosserva wkoll illi r-regolament ikkontestat kien adottat f’Novembru 2009, iktar minn tliet snin wara tmiem l-aħħar sena tas-suq ikkonċernata, u ma ġiex issuġġerit li sa dakinhar ma kinux disponibbli ċifri definittivi tal-ħlasijiet lura għall-esportazzjoni attwalment imħallsa. (Tabilħaqq, ir-regolamenti kkoreġuti bir-regolament ikkontestat kienu kollha adottati iktar minn tliet xhur wara tmiem is-sena tas-suq rilevanti.) Barra dan, il-premessa 7 fil-preambolu fir-regolament ta’ implementazzjoni, adottat mill-Kummissjoni nnifisha, jindika li l-approċċ maħsub kien li jinkiseb ħlas bil-quddiem tal-imposti tal-produzzjoni abbażi ta’ stimi, pjuttost milli biex ikunu ffissati l-imposti b’mod definittiv ġaladarba tkun disponibbli informazzjoni preċiża. |
97. |
Li kieku kien maħsub li l-kalkolu jkun limitat għal ħlasijiet lura tal-esportazzjoni prevedibbli, indipendentement minn jekk dawn kinux tħallsu jew le u anki la darba jkunu disponibbli ċifri definittivi, jien kont nistenna dikjarazzjoni ċara f’dan is-sens fil-leġiżlazzjoni. Il-kliem kif inhu, moqri fil-kuntest tiegħu, mhux indikattiv ta’ xi ħsieb bħal dan. |
98. |
Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-argument tal-Kummissjoni, ma jirribattix il-preżunzjoni li “l-ammont totali ta’ rifużjoni” tfisser biss ħlasijiet lura attwalment imħallsa, bl-esklużjoni ta’ ħlasijiet lura purament potenzjali li qatt ma ntalbu jew tħallsu. |
Riżultat iktar preċiż
99. |
Fl-osservazzjonijiet tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni inkludiet tabella li kienet turi, għal kull waħda mill-ħames snin tas-suq irregolati bir-regolament bażiku: (i) l-ammont ta’ ħlasijiet lura mogħtija lill-produtturi ( 36 ), (ii) l-imposti kif ikkalkolati fir-regolament ikkontestat u (iii) l-imposti kkalkolati mill-ġdid konformi mal-metodu favorit tar-rikorrent fil-proċedimenti prinċipali. Dawk iċ-ċifri għandhom l-intenzjoni li juru li, fuq il-perijodu ta’ ħames snin, l-imposti ffissati bir-regolament ikkontestat waqgħu b’xi EUR 60 miljun taħt il-ħlasijiet lura mogħtija, filwaqt li l-imposti ffissati skont il-metodu tar-rikorrenti jaqgħu EUR 346 minn taħt. Għalhekk il-Kummissjoni ssostni li l-ispiża tal-ħlasijiet lura diġà ma hijiex koperta bl-imposti skont ir-regolament ikkontestat, u l-metodu tar-rikorrenti jkun jibbenefika anki iktar lill-produtturi. |
100. |
Iċ-ċifri tal-Kummissjoni tal-ammonti ta’ ħlasijiet lura mogħtija kienu kkontestati bil-kbir. B’mod partikolari, ġie sostnut li dawn kienu jinkludu ħlasijiet lura tal-esportazzjoni li attwalment ma tħallsux ( 37 ) u/jew ħlasijiet lura tal-produzzjoni. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreżentaw ċifri alternattivi, li kellhom l-intenzjoni li juru li, fuq il-perijodu ta’ ħames snin, l-imposti ffissati bir-regolament ikkontestat kienu iktar mill-ħlasijiet lura mogħtija bejn EUR 325 u EUR 338 miljun, filwaqt li l-imposti ffissati skont il-metodu tar-rikorrenti kienu iktar mill-ħlasijiet lura bejn EUR 39 miljun u EUR 53 miljun. (Barra dan, l-ebda wieħed mit-totali għall-ħlasijiet lura mogħtija ma jista’ jkun relatat faċilment maċ-ċifri mogħtija fid-dokumenti mogħtija mill-kumitat tal-amministrazzjoni mfassla mill-Kummissjoni u mill-presidenza — u li dawn id-dokumenti tal-aħħar jidhru li ma jaqblux bejniethom rigward l-ammonti inkwistjoni.) |
101. |
“Judex non calculat”, kif sostna l-aġent tal-gvern Ġermaniż waqt is-seduta. Iffaċċjata minn varjetà ta’ ċifri bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja tabilħaqq għandha toqgħod attenta li tirreżisti kull tentazzjoni li tfittex soluzzjoni aritmetika. |
102. |
Madankollu, joħroġ ċar punt wieħed miċ-ċifri ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-ebda wieħed mill-kalkoli proposti ma jasal għal parità bejn il-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni u l-imposti tal-produzzjoni. Kull ammont jista’ jkun ogħla mill-ieħor u, hu liema hu l-metodu użat, id-devjazzjoni tvarja minn sena għal oħra (pereżempju, taħt iż-żewġ metodi, l-imposti tal-produzzjoni huma iktar baxxi mill-ħlasijiet lura għall-esportazzjoni għas-sena tas-suq 2002/2003, u huma ogħla għall-2003/2004). |
103. |
Evidentement, ikun mixtieq li wieħed ikun jista’ jinterpreta r-regolament bażiku b’tali mod li d-devjazzjoni tinżamm kemm jista’ jkun baxxa. Madankollu, il-grad ta’ varjabbiltà fiċ-ċifri ppreżentati jissuġġerixxi bil-qawwa li ebda eżitu bħal dan ma jista’ jkun iggarantit, kemm jekk “l-ammont totali ta’ rifużjoni” jinkludi ħlasijiet lura potenzjali li attwalment ma jkunux tħallsu u anki jekk jeskludiehom. Dan jista’ jkun hekk għax ir-riżultat globali huwa influwenzat minn fatturi oħra li ma humiex relatati mal-kalkolu fl-Artikolu 15(1) tar-regolament bażiku. Madankollu, hi x’inhi l-ispjegazzjoni, din ma tiġġustifikax li jkunu mgħawwġa l-parametri tal-kalkolu biex jinkiseb riżultat partikolari. |
104. |
Jien nosserva wkoll, mill-Artikoli 2(3) u 6 tad-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji ( 38 ), li 75 % biss tal-ammont ta’ imposti tal-produzzjoni miġbura jidħlu fil-baġit tal-UE u dan l-ammont imħallas ma jiġi allokat għall-ebda użu partikolari. Għalhekk, il-ġustifikazzjoni biex tintlaħaq parità preċiża bejn l-imposti u l-ħlasijiet lura tonqos kunsiderevolment. |
105. |
Għalhekk, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra l-mod li bih ir-regolament bażiku huwa mfassal biex jiżgura li l-imposti tal-produzzjoni jkopru l-ispiża tal-ħlasijiet lura għall-esportazzjoni, pjuttost milli l-mod li bih kalkoli speċifiċi jistgħu jiddevjaw minn dak li jista’ jitqies li huwa r-riżultat ideali. |
106. |
Huwa l-għan tar-regolament bażiku li “il-produtturi għandhom iġorru r-responsabbiltà kollha finanzjarja għat-telf magħmul f’kull sena tas-suq mir-rimi ta’ dik il-parti mill-produzzjoni tal-Komunità li hija taħt il-kwota li hija żejda għall-konsum intern tal-Komunità” ( 39 ). Madankollu, dan ir-riżultat għandu jintlaħaq “b’mod ġust iżda effiċjenti” ( 40 ) u mhux sempliċement bir-rigorożità matematika ta’ diviżjoni sempliċi tat-telf bl-eċċess ( 41 ). |
107. |
Jista’ jkun utli li wieħed jara l-passi fil-kalkolu f’ordni differenti minn dak fl-Artikolu 15(1) tar-regolament bażiku. |
108. |
It-“telf globali” li għandu jkun kopert bl-imposti tal-produzzjoni ma huwiex it-telf totali li ġġarrab l-UE fir-rigward tal-ħlasijiet lura kollha mħallsa b’konnessjoni mal-esportazzjoni matul is-sena tas-suq. Huwa l-proporzjon ta’ dak it-telf attribwibbli għall-“eċċess esportabbli”. L-“eċċess esportabbli” huwa dik il-parti tal-produzzjoni tal-UE fi ħdan il-kwoti A u B li huwa eċċess għall-konsum intern. Indipendentement minn jekk kwantitajiet speċifiċi ta’ zokkor ikunux attwalment esportati, l-eżistenza ta’ tali eċċess toħloq il-bżonn ta’ esportazzjoni u, għalhekk, tagħti lok għall-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni. Madankollu, anki jekk il-produzzjoni ma kinitx teċċedi l-konsum, xi esportazzjonijiet xorta jkunu jikkwalifikaw għal-ħlasijiet lura. Għalhekk huwa loġiku — u konformi kompletament mal-prinċipju tal-awto-finanzjament li jifred ir-regolament bażiku — li tiġi attribwita lill-eċċess esportabbli dik il-parti tal-ispiża tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni li ma kinitx tkun imġarrba ħlief minħabba l-eżistenza ta’ dak l-eċċess, u biex l-imposti tal-produzzjoni jkunu limitati għal livelli li jkopru biss dik il-parti tal-ispiża totali. |
109. |
Il-proporzjon tal-ispiża totali li għandha tkun attribwita għall-eċċess esportabbli tiġi kkalkolata pro rata. Għat-tunnellaġġ totali ta’ obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni f’sena tas-suq partikolari, hemm ammont totali ta’ ħlas lura li jikkorrispondi. Dak l-ammont totali (in-numeratur), diviż b’dak it-tunnellaġġ totali (id-denominatur), jagħti ħlas lura medju fir-rigward ta’ kull tunnellata, li mbagħad tkun mmultiplikata bit-tunnellaġġ tal-eċċess esportabbli biex jinkiseb l-ammont attribwibbli għal dak l-eċċess — it-“telf ġenerali” li ser jistabbilixxi l-ammont ta’ imposti tal-produzzjoni. |
110. |
Fil-punti 89 et seq iktar ’il fuq spjegajt għalfejn fl-opinjoni tiegħi huwa loġiku li jekk il-kwantitajiet esportati għandhom ikunu inklużi kollha fid-denominatur tal-frazzjoni, għandhom ikunu inklużi fin-numeratur il-ħlasijiet lura attwalment imħallsa biss sabiex jiġi stabbilit “it-telf medju kull tunnellata”. Imma din il-pożizzjoni hija konsistenti man-natura u l-oriġini tal-kalkolu tat-“telf globali” li minnu l-imposti tal-produzzjoni jkunu stabbiliti? Jien nemmen li dan huwa l-każ. |
111. |
L-“eċċess esportabbli” ma jagħtix kont tal-kwantitajiet kollha esportati bi dritt għal ħlas lura (jekk fhimt sew il-Kummissjoni waqt is-smigħ, dan huwa ekwivalenti għal madwar nofs dawk il-kwantitajiet). Il-konsum intern jiġi sodisfatt parzjalment bl-importazzjonijiet jew bil-ħażniet miġjuba ’l quddiem mis-sena tas-suq preċedenti. Għalhekk, mill-produzzjoni fi ħdan il-kwoti A u B matul sena tas-suq partikolari, xi kwantitajiet ser ikunu kkonsmati fl-UE, oħrajn ser ikunu esportati u oħrajn ser jitpoġġew fil-ħażna sabiex jinġiebu ’l quddiem għas-sena tas-suq li jmiss. Madankollu, il-proporzjonijiet ma humiex ser jikkorrispondu mad-diviżjoni bejn il-konsum intern u l-eċċess esportabbli fl-Artikolu 15(1) tar-regolament bażiku. |
112. |
L-iskop li jkun identifikat l-“eċċess esportabbli” bħala wieħed mill-passi biex ikun stabbilit “it-telf globali” għalhekk ma huwiex li jkun possibbli li ssir stima tal-ammont ta’ ħlas lura attwalment imħallas għal kull tunnellata. Huwa pjuttost li jiġi ddeterminat sa liema punt l-ammont totali ta’ ħlas lura jiżdied bl-eżistenza tal-eċċess esportabbli. Il-kwantitajiet attwalment esportati huma magħmula minn dawk esportati fl-istat naturali u dawk esportati fi prodotti pproċessati, u dawn tal-aħħar jinkludu kwantitajiet li fir-rigward tagħhom isiru ħlasijiet lura u dawk li fir-rigward tagħhom ma jsiru l-ebda ħlasijiet lura. Jidher li huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-proporzjonijiet rilevanti japplikaw għall-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni mwettqa, kemm jekk attribwibbli għall-eċċess esportabbli u anki jekk le. Dawk il-proporzjonijiet għandhom għalhekk ikunu riflessi fit-“telf medju kull tunnellata” attribwit għall-eċċess. Dan ir-riżultat jintlaħaq billi jkunu esklużi l-ħlasijiet lura li attwalment ma jitħallsux mill-“ammont totali ta’ rifużjoni” fl-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku, imma li ma jkunux inklużi f’dak l-ammont. |
113. |
Għalhekk, mill-ġdid ma nara l-ebda raġuni għalfejn wieħed ma għandux jibqa’ jżomm mal-preżunzjoni li toriġina mill-kliem tad-dispożizzjoni fil-punti 74 et seq iktar ’il fuq. Jien għalhekk nikkunsidra li l-espressjoni “ammont totali ta’ rifużjoni” fl-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku tkopri biss il-ħlasijiet lura attwalment imħallsa, u li r-regolament ikkontestat huwa invalidu sa fejn il-kalkolu tal-imposti ffissati għas-snin tas-suq ikkonċernati jinkludi, “fl-ammont totali ta’ rifużjoni” fi ħdan it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni, ħlasijiet lura li setgħu jkunu mitluba fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni imma li fil-fatt qatt ma ntalbu jew tħallsu. |
Raġunijiet oħra għall-invalidità li ġew imressqa
114. |
Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq jidhru li huma suffiċjenti biex jitwieġbu d-domandi rrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-validità formali u sostantiva tar-regolament ikkontestat u l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku. Madankollu, tressqu għad ta’ oġġezzjonijiet oħra dwar il-validità tar-regolament ikkontestat matul il-proċedimenti. Jien ser nindirizza dawn fil-qosor. |
115. |
Dawk l-oġġezzjonijiet kollha joriġinaw, essenzjalment, mill-fatt li, fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha biex timplementa strettament l-interpretazzjoni tar-regolament bażiku mogħtija fid-deċiżjoni f’Jülich I. Jien għamiltha ċara li naqbel mar-rikorrenti fil-proċedimenti prinċipali — u mal-gvernijiet kollha (ħlief wieħed) li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom — li l-bidla fil-kalkolu tal-“ammont totali ta’ rifużjoni” fir-regolament ikkontestat mhux biss ma kinitx rikjesta b’dik is-sentenza imma kienet inkompatibbli magħha sa fejn din innewtralizzat l-effett tad-deċiżjoni li “l-obbligazzjonijiet dwar l-esportazzjoni li kellhom jitwettqu” kienu jinkludu l-kwantitajiet kollha esportati, indipendentement minn jekk kinux saru ħlasijiet lura jew le. Abbażi ta’ din l-inkompatibbiltà, kien sostnut li r-regolament ikkontestat kien jikser il-prinċipji taċ-ċertezza legali, tan-non-retroattività u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi; u l-Kummissjoni wettqet abbuż tal-poteri. |
116. |
Fir-rigward tat-tliet prinċipji li allegatament kienu miksura, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi li l-punt ta’ tluq tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jkun iffissat għal data qabel dik tal-pubblikazzjoni tiegħu, ħlief meta, bħala eċċezzjoni, l-għan mixtieq jeżiġi dan u l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati ( 42 ). Għalhekk, suġġett għal dawk il-kundizzjonijiet, irid ikun aċċettat li, meta regolament tal-Kummissjoni jkun ġie ddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ difetti speċifiċi, il-Kummissjoni tista’ tippromulga leġiżlazzjoni ġdida li jkollha effett retroattiv biex tirrimedja dawk id-difetti fejn is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-invalidità hija inkompatibbli mad-dritt tal-UE u fejn dik l-inkompatibbiltà ma tkunx tista’ tissewwa mingħajr dik il-leġiżlazzjoni ġdida. |
117. |
Fil-każ preżenti, kif diġà rrilevajt ( 43 ), il-leġiżlazzjoni ġdida kienet biss wieħed mill-mezzi kif tkun ittrattata s-sitwazzjoni. Għalhekk, ma huwiex ċert li l-għan li jrid jintlaħaq fil-fatt kien jitlob li jkun adottat regolament ġdid. Hu x’inhu l-każ, madankollu, id-deċiżjoni f’Jülich I ma kinitx teħtieġ bidla fil-metodu ta’ kalkolu tal-“ammont totali ta’ rifużjoni”, kemm b’mod espliċitu kif ukoll b’mod impliċitu. Sal-punt li dak l-aspett tal-kalkolu ma kienx is-suġġett ta’ xi evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawk kollha kkonċernati seta’ kellhom l-aspettattiva leġittima li dan ma kienx ser ikun mibdul b’mod retroattiv. Għalhekk, jiena naqbel li r-regolament ikkontestat kiser il-prinċipji taċ-ċertezza legali, tan-non-retroattività u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
118. |
Fir-rigward tal-obbligu tal-Kummissjoni li tistqarr r-raġunijiet għalfejn bidlet il-metodu ta’ kalkolu tal-“ammont totali ta’ rifużjoni”, għandu jkun rikonoxxut li l-preambolu għar-regolament ikkontestat jinkludi spjegazzjoni — anki jekk, fl-opinjoni tiegħi, ma hijiex waħda valida — għalfejn wieħed għandu jmur lura għall-metodu ta’ kalkolu użat fir-Regolament 1837/2002. Huwa ċar ukoll li l-kalkoli ddettaljati tal-Kummissjoni u ċ-ċifri li fuqhom huma bbażati kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri fil-kumitat tal-amministrazzjoni. Barra dan, il-produtturi taz-zokkor ma jidhirx li kellhom xi diffikultà biex jiksbu dawk iċ-ċifri f’ħin suffiċjenti sabiex iressqu kawżi ta’ ksur quddiem il-Qorti Ġenerali, u d-dokumenti rilevanti li tressqu quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja bħala annessi għal numru ta’ settijiet ta’ osservazzjonijiet. F’dawk iċ-ċirkustanzi, jien inkun riluttanti li nsib li r-regolament ikkontestat huwa invalidu abbażi biss li ma kienx jinkludi dikjarazzjoni sħiħa tar-raġunijiet li fuqhom kien ibbażat. |
119. |
Fl-aħħarnett, l-allegazzjoni ta’ abbuż ta’ poteri tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’żewġ modi. B’mod iktar ġenerali, ġie argumentat li l-poter tal-Kummissjoni li tadotta regolament ġdid ma kienx jestendi għal li tagħmel tibdil fil-metodu ta’ kalkolu tal-“ammont totali ta’ rifużjoni”. Filwaqt li jien naqbel ma’ dik il-proposta, ma nqisx li huwa neċessarju li wieħed iqisha bħala raġuni separata għall-invalidità. B’mod iktar speċifiku, ġie argumentat li l-approċċ tal-Kummissjoni kien immotivat mhux minn xi tħassib biex tkun żgurata konformità mal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku imma mill-għarfien li ma kienx hemm biżżejjed riżorsi fil-baġit tar-riżorsi proprji biex isiru l-ħlasijiet lura li jkunu meħtieġa jekk ma jsir l-ebda tibdil fl-“ammont totali ta’ rifużjoni”, u b’hekk ikunu meħtieġa kontribuzzjonijiet ulterjuri mill-Istati Membri. Dan, jekk jiġi stabbilit, fl-opinjoni tiegħi jkun jammonta għal abbuż ċar ta’ poteri. Madankollu, fil-kuntest tar-rinviji preżenti għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-provi quddiemha biex tasal għal fehma konklussiva dwar jekk dan kienx, jew ma kienx, il-każ. |
120. |
Jien issa ser ngħaddi għaż-żewġ domandi mressqa biss fi British Sugar, li minnhom it-tnejn, waħda hija madankollu rilevanti fil-proċedimenti simili kollha kemm huma u l-oħra tista’ tkun rilevanti f’xi Stati Membri. |
Interessi fuq ħlasijiet lura
121. |
Huwa evidenti li xi ammonti ta’ imposti tal-produzzjoni tħallsu żejda abbażi ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li kienet invalida. Meta jkunu debitament mitluba, dawn iridu jitħallsu lura, xi snin wara li jkunu nġabru, lill-produtturi mill-aġenziji nazzjonali u, min-naħa tal-aġenziji nazzjonali mill-UE. Fi kwalunkwe proċedimenti fejn jintalab tali ħlas lura, huwa importanti li wieħed ikun jaf jekk għandhomx jitħallsu interessi fuq dawk l-ammonti. |
122. |
Fil-proċedimenti prinċipali fi British Sugar, taħt il-liġi Ingliża bħala prinċipju tista’ ssir talba għall-interessi imma l-aġenzija nazzjonali ssostni li ma jitħallsux interessi, għax hija nnifisha ma tistax titlob il-ħlas lura tal-interessi mill-UE. Din tibbaża fuq il-punt 4 tal-gwida tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tar-regolament ikkontestat ( 44 ) li jistipula, essenzjalment, li kwalunkwe interessi fuq ammonti mħallsin lura lill-produtturi mill-Istati Membri ma jistgħux jitħallsu mir-riżorsi proprji tal-UE, peress li l-leġiżlazzjoni rilevanti ma tipprovdi l-ebda bażi għal tali tnaqqis. |
123. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, jekk id-dritt tal-UE jipprekludix il-ħlas ta’ interess lill-produtturi jekk ma jkun jista’ jintalab l-ebda interess korrispondenti mill-aġenzija nazzjonali mir-riżorsi proprji tal-UE, jekk huwiex veru li l-ebda interess bħal dan ma jista’ jintalab u jekk id-dritt tal-UE jipprekludix qorti jew aġenzija nazzjonali milli jużaw id-diskrezzjoni tagħhom, taħt il-liġi nazzjonali li ma jagħtu ebda interess. |
124. |
Hija ġurisprudenza stabbilita, li fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE rigward il-ħlas lura ta’ tariffi indebitament imposti abbażi ta’ regolamenti tal-UE li jkunu ġew iddikjarati invalidi, kull kwistjoni anċillari, bħall-ħlas ta’ interessi, inkluż ir-rata ta’ interess u d-data li minnha għandu jkun ikkalkolat, għandha tkun stabbilita skont ir-regoli nazzjonali ( 45 ). Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta sa liema punt ir-regoli tal-UE, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-possibbiltà — jew l-impossibbiltà — li Stat Membru jikseb interessi minn fondi tal-UE, jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli nazzjonali. |
125. |
Jiena tal-opinjoni li, il-punt tat-tluq irid ikun ir-raġuni sottostanti għalfejn għandu jingħata l-interess. U dik ir-raġuni trid tinstab fil-projbizzjoni tal-arrikkiment li fil-lingwaġġ tal-common law jkun “indebitu” jew, f’ħafna mis-sistemi tad-dritt ċivili, “bla ebda kawża” jew mhux dovut ( 46 ). |
126. |
F’Masdar ( 47 ), l-Awla Manja ddikjarat: “Skont il-prinċipji komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, persuna li tkun sofriet telf li jżid il-ġid ta’ persuna oħra mingħajr ma jkollu l-ebda bażi legali valida għal dak l-arrikkiment għandu d-dritt, bħala regola ġenerali, għar-restituzzjoni mill-persuna arrikkita, sal-ammont tat-telf. [...] Ir-rimedju legali għal arrikiment indebitu, kif stipulat fil-maġġoranza tas-sistemi legali nazzjonali, ma huwiex neċessarjament suġġett għall-kundizzjoni tal-illegalità jew tort għar-rigward tal-kondotta tal-konvenut. […] Mill-banda l-oħra […] huwa essenzjali li ma jkun hemm l-ebda bażi legali għall-arrikkiment. […] Peress li l-arrikkiment indebitu, kif iddefinit hawn fuq, jikkostitwixxi sors ta’ obbligu mhux kontrattwali komuni fis-sistemi legali tal-Istati Membri, il-Komunità ma tistax tevita l-applikazzjoni ta’ dawn l-istess prinċipji fir-rigward tagħha meta persuna fiżika jew morali tallega li l-istess Komunità ġiet arrikkita indebitament b’dannu għaliha.” Dawn l-osservazzjonijiet jidhru li huma partikolarment applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawżi preżenti. |
127. |
Meta l-baġit tal-UE jkun irċieva mingħand operatur ekonomiku, kemm jekk direttament kif ukoll indirettament, somma li legalment ma kellux dritt għaliha, dan jiġi indebitament arrikkit. Din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata b’mod kunsiderevoli bil-ħlas lura tas-somma kapitali kkonċernata. Madankollu, matul il-perijodu bejn il-ġbir u l-ħlas lura, is-somma tkun għad-dispożizzjoni tal-UE u mhux tal-operatur ekonomiku. U flus li jkunu għad-dispożizzjoni ta’ parti waħda pjuttost milli tal-oħra għandhom iġorru l-interessi għal tal-ewwel, imma mhux għal tal-aħħar. |
128. |
F’dik is-sitwazzjoni, dak li jimporta ma huwiex wisq l-arrikkiment indebitu potenzjali tal-parti li jkollha fil-pussess tagħha s-somma imma l-impossibbiltà ta’ arrikkiment normali għall-parti li tiċċaħħad mill-pussess. Dik kienet il-loġika sottostanti fil-punti 82 sa 89 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Metallgesellschaft ( 48 ), li kkonkludiet li l-impożizzjoni prematura ta’ taxxa, li tmur kontra d-dritt tal-UE, tintitola lill-persuna taxxabbli titlob “l-ammont ta’ interessi li kien ikun iġġenerat b’dik is-somma, l-użu ta’ liema kien mitluf b’riżultat tal-impożizzjoni prematura tat-taxxa”. Konformi ma’ Masdar, il-prinċipju għandu japplika wkoll fejn l-UE nnifisha, pjuttost milli l-Istat Membru, tkun responsabbli għall-iżball fil-ġbir tal-imposta. |
129. |
Għalhekk, jiena nqis li l-prinċipju ġenerali li jipprekludi l-arrikkiment indebitu jirrikjedi li jkun possibbli għal produttur taz-zokkor, intitolat għall-ħlas lura ta’ imposta miġbura mill-aġenzija nazzjonali kompetenti u inkluża fil-baġit tal-UE, li jitlob l-interessi fuq is-somma kkonċernata fir-rigward tal-perijodu li matulu dik is-somma ma kinitx disponibbli għall-użu tiegħu. |
130. |
Barra dan, sal-punt li s-somma kkonċernata kienet disponibbli għall-baġit tal-UE nnifsu pjuttost milli għall-Istati Membri, l-aġenzija nazzjonali li għandha d-dmir li tħallas l-interessi trid tkun f’pożizzjoni li tirkupra dawk l-interessi, kif ukoll is-somma kapitali, mill-baġit tal-UE. |
131. |
F’dan l-aħħar rigward, jiena mhux konvint mill-argumenti fis-sens li ma hemm xejn fil-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji li jipprovdi għal dawn l-interessi. L-ebda dispożizzjoni espliċita ma hija meħtieġa li tkun tippermetti l-applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali bħal dak inkwistjoni, u l-ebda dispożizzjoni ma kienet iċċitata li tista’ tipprekludi l-ħlas ta’ interessi. Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 49 ) tipprovdi espliċitament għall-ħlas ta’ interessi mill-Istati Membri fejn ikun hemm dewmien biex ikunu kkreditati l-ammonti dovuti. Ma jkunx ekwu jekk ma jkun hemm ebda possibbiltà li jinkisbu interessi fis-sitwazzjoni bil-maqlub, fejn l-ammonti jkunu ġew ikkreditati indebitament. |
132. |
Madankollu l-Kummissjoni ssostni li l-25 % tal-ammont ta’ imposti tal-produzzjoni miżmuma mill-Istati Membri “bħala spejjeż tal-ġbir” għandhom iservu biex jiġu rkuprati l-interessi kollha li l-aġenzija nazzjonali hija obbligata li tħallas skont il-liġi nazzjonali. Din tibda fuq il-premessa li, meta s-somom ikunu imposti minn Stati Membri u mdaħħlin fir-riżorsi proprji tal-UE, ir-relazzjoni bejn il-persuna taxxabbli u l-Istat Membru ma tistax titqiegħed fuq l-istess livell bħar-relazzjoni bejn l-Istat Membru u l-UE. In-nuqqas ta’ aġenzija nazzjonali li tiġbor imposta li hija dovuta ma teżonerax lill-Istat Membru mill-obbligazzjoni tiegħu li jittrasferixxi s-somma kkonċernata fil-baġit tal-UE, flimkien ma’ xi interessi relattivi ( 50 ). Bl-istess mod, il-fatt li Stat Membru jista’ jkun obbligat li jħallas l-interessi fuq ħlasijiet lura ta’ ammonti ta’ riżorsi proprji imposti indebitament ma jfissirx dritt relattiv għalih li jitlob l-interessi mill-UE fil-kuntest ta’ korrezzjoni tal-kontijiet. Il-25 % miżmuma minn Stat Membru huma maħsuba li jkopru l-ispejjeż kollha assoċjati mal-ġbir, inklużi dawk li jirriżultaw minn litigazzjoni nazzjonali li tikkonċerna l-konsegwenzi ta’ ħlasijiet żejda. Peress li l-ħlasijiet ta’ interessi jiġu ordnati skont il-liġi nazzjonali fil-qafas ta’ tali litigazzjoni nazzjonali, dawn għandhom jitqiesu bħala spejjeż ta’ ġbir. |
133. |
M’iniex konvinta. Jekk in-nuqqas ta’ aġenzija nazzjonali li tiġbor imposta dovuta ma teżonerax l-Istat Membru mill-obbligazzjoni li jittrasferixxi s-somma kkonċernata fil-baġit tal-UE, flimkien ma’ xi interessi relattivi, il-konklużjoni loġika mbagħad tkun li, meta l-leġiżlatura tal-UE timponi indebitament imposta li tinġabar u li tiġi ttrasferita fil-baġit tal-UE mill-Istati Membri, li mbagħad huma rikjesti li jħallsu lura l-ammonti kkonċernati lill-persuni taxxabbli flimkien mal-interessi, l-UE ma hijiex eżonerata mill-obbligu tagħha li tħallas lura dawk l-ammonti lill-Istati Membri flimkien mal-interessi relattivi. |
134. |
Fir-rigward tal-25 % miżmuma mill-Istati Membri, huwa veru li tali perċentwal jassumi livell sorprendenti ta’ ineffiċjenza jekk huwa maħsub li jkopri xejn iktar għajr l-ispejjeż tal-ġbir. Wieħed għandu jittama li porzjon biss minnu ser iservi dak l-iskop. Madankollu, ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji li l-bqija huwa maħsub li jkopri l-interessi fuq il-ħlas lura ta’ ammonti imposti indebitament abbażi tar-regolamenti tal-UE li kienu ġew iddikjarati invalidi — li ma jaqax fi ħdan it-tifsira normali ta’ “ġbir”. |
135. |
F’dan ir-rigward, jiena tal-opinjoni li l-iktar approċċ ovvju huwa dak li ttieħed mill-gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, li jqis l-ammont totali tal-imposta bħala li huwa sempliċement maqsum bejn l-UE u l-Istat Membru. 75 % tal-imposta kienu ttrasferiti fil-baġit tal-UE u l-25 % kienu miżmuma mill-Istat Membru. Għalhekk, 75 % tal-ammont li għandhom jitħallsu lura, flimkien mal-interessi li jmiss fuq dak il-proporzjon għandhom jitħallsu mill-baġit tal-UE, u l-bqija mill-Istat Membru. |
136. |
L-ewwel żewġ partijiet tar-raba’ domanda tal-High Court għalhekk għandhom jitwieġbu fis-sens li d-dritt tal-UE ma jipprekludix operaturi ekonomiċi milli jirkupraw l-interessi fuq ammonti mħallsa żejda taħt regolament invalidu mill-aġenzija nazzjonali rilevanti, jew lil dik l-aġenzija milli tirkupra interessi ekwivalenti mill-baġit tal-UE. |
137. |
Jifdal it-tielet parti ta’ dik id-domanda: jekk id-dritt tal-UE jipprekludix il-qorti nazzjonali milli teżerċita xi diskrezzjoni li jista’ jkollha taħt il-liġi nazzjonali li toqgħod lura milli tagħti xi forma ta’ interessi. |
138. |
Għal dak li jirrigwarda l-qorti tar-rinviju, tali diskrezzjoni hija stipulata fl-Artikolu 35A(1) tas-Senior Courts Act 1981: “[…] f’proċedimenti […] għall-irkupru ta’ debitu […] jista’ jkun hemm inkluż fi kwalunkwe somma li fuqha tingħata sentenza l-interessi sempliċi, b’dik ir-rata li l-qorti jidhrilha li tkun xierqa, fuq id-dejn kollu jew xi parti minnu […] għall-perijodu kollu jew xi parti minnu bejn id-data meta l-kawża ta’ azzjoni tkun qament u [l-ħlas jew is-sentenza]”. |
139. |
Skont il-ġurisprudenza, tali regoli nazzjonali huma applikabbli għad-determinazzjoni ta’ kwalunkwe għoti ta’ interessi f’każijiet bħal dawk preżenti. |
140. |
Madankollu, dan hu minnu “fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt [tal-UE] rigward ħlas lura ta’ tariffi indebitament imposti abbażi ta’ regolamenti [tal-UE] li jkunu ġew iddikjarati invalidi” ( 51 ). |
141. |
Fil-każijiet preżenti jista’ jkun li ma hemmx “dispożizzjonijiet” tad-dritt tal-UE bħal dawn imma fl-opinjoni tiegħi is-supremazija tar-regoli nazzjonali individwali għandhom iwasslu għall-prinċipju ġenerali li huwa komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri u li huwa rikonoxxut fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE. Skont dan il-prinċipju, l-interessi jistgħu jiġu rkuprati biex jikkumpensaw għaċ-ċaħda mit-tgawdija tal-użu tal-ammonti li ġew imposti indebitament. Jekk ikun hemm raġuni tajba għalfejn jitnaqqas l-ammont ta’ interessi mogħti (b’riżultat, pereżempju, tal-imġiba tar-rikorrent), il-qorti nazzjonali tista’ tuża kwalunkwe diskrezzjoni li għandha taħt il-liġi nazzjonali biex tagħmel dan. Madankollu, is-sempliċi fatt li jista’ jkun hemm telf għall-baġit tal-UE ma jistax jitqies li huwa raġuni tajba għal dak l-iskop bis-saħħa tad-dritt tal-UE. |
Rata tal-kambju xierqa
142. |
L-aħħar domanda li għandha tiġi indirizzata hija rilevanti biss fejn il-ħlasijiet lura għandhom isiru f’munita li ma hijiex l-euro. Mit-tliet settijiet ta’ proċedimenti prinċipali, din għalhekk tikkonċerna biss il-każ British Sugar, għalkemm tista’ tkun rilevanti għal Stati Membri oħrajn. Peress li (i) l-ammonti mħallsa żejjed oriġinarjament kienu kkalkolati f’ewro, imbagħad fi żminijiet differenti kienu kkonvertiti fi sterlina meta ġew biex jinġabru, (ii) kwalunkwe ħlasijiet lura lill-aġenzija nazzjonali mill-baġit tal-UE jridu jkunu kkonvertiti bejn ewro u sterlina f’data iktar tard, u (iii) kien hemm ċaqliq fir-rata tal-kambju matul il-perijodu kkonċernat, liema data jew dati għandhom jistabbilixxu l-kalkolu tal-konverżjonijiet neċessarji? |
143. |
Skont l-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat, l-Artikoli 1 sa 4 japplikaw mid-dati tad-dħul fis-seħħ tar-regolamenti rispettivi li d-dispożizzjonijiet tagħhom qegħdin jissostitwixxu. Barra dan, il-punt 5 tal-gwida tal-Kummissjoni lill-Istati Membri għall-applikazzjoni tar-regolament ikkontestat ( 52 ) jistipula: “Fil-każ ta’ imposti fuq iz-zokkor miġbura, Stati Membri li ma addottawx l-Euro ikkonvertew l-ammonti f’Euro fir-regolamenti taz-zokkor rilevanti sabiex jirreġistraw l-ammonti fil-kont tagħhom tar-riżorsi proprja. Għal raġunijiet ta’ konsistenza u peress li r-regolament korrettorju japplika retroattivament, l-istess rata tal-kambju użata mill-Istati Membri fiż-żmien li l-imposti oriġinali fuq iz-zokkor kienu kkalkolati għandha tkun użata wkoll biex ikunu kkonvertiti l-imposti kkorreġuti. Għalkemm il-ħlas lura ta’ imposti mħallsa indebitament hija regolata bil-liġi nazzjonali, l-użu ta’ rati tal-kambju storiċi jidher li huwa konsistenti man-natura inerenti u l-għanijiet tal-ħlas lura u mal-għan li jkun evitat tgħawwiġ fl-implementazzjoni ta’ ħlasijiet lura madwar Stati Membri differenti”. Il-gwida mbagħad tfakkar lill-Istati Membri fir-regolamenti annwali li ffissaw għal kull sena tas-suq ikkonċernata r-rata tal-kambju speċifika applikabbli għal, b’mod partikolari, l-imposti tal-produzzjoni, fil-munita ta’ dawk l-Istati Membri li għadhom ma adottawx il-munita unika. |
144. |
Fl-Ingilterra u Wales, rikorrent jista’, wara li jagħti r-raġunijiet, ifittex għal somma flus li tkun espressa f’munita barranija. Jekk it-talba tiegħu tintlaqa’, il-kundanna tkun għas-somma f’dik il-munita “jew għall-ekwivalenti fi sterlina fiż-żmien tal-pagament” ( 53 ). Abbażi ta’ dan, British Sugar qiegħda tfittex, quddiem il-qorti nazzjonali, il-ħlas lura tal-ammont imħallas żejjed, iffissat f’euro u kkonvertit fl-isterlina bir-rata applikabbli fiż-żmien tal-ħlas lura. |
145. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rata applikabbli hijiex stabbilita mid-dritt tal-UE; jekk dan huwa l-każ, jekk l-Artikolu 6 tar-regolament ikkontestat jirrikjedix l-applikazzjoni tar-rata applikabbli għall-kalkolu tal-imposta oriġinali; u, jekk dan huwa l-każ, jekk l-Artikolu 6 huwiex validu. |
146. |
Jien diġà wasalt għall-konklużjoni li r-regolament ikkontestat huwa formalment invalidu fit-totalità tiegħu, u li fis-sustanza huwa invalidu sa fejn huwa bbażat fuq metodu ta’ kalkolu partikolari. Fid-dawl ta’ dan, jidher li jkun irrilevanti li tiġi analizzata iktar fil-fond it-tifsira u l-validità tal-Artikolu 6, li tikkonċerna biss id-dati tad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jien nikkunsidra li huma invalidi. |
147. |
Madankollu, peress li l-istess kwistjoni ser tqum fl-okkażjoni ta’ kull regolament sussegwenti li jkun adottat biex jieħu post ir-regolament ikkontestat, huwa rilevanti li wieħed jistaqsi jekk id-data biex tiġi ffissata r-rata tal-kambju applikabbli hijiex b’xi mod materja tad-dritt tal-UE. |
148. |
Ir-rata tal-kambju applikabbli hija, fil-prinċipju, “materja anċillari dwar rifużjoni” skont it-tifsira tal-ġurisprudenza ( 54 ) u, li bħala tali, għandha tkun stabbilita b’mod konformi mar-regoli nazzjonali. |
149. |
Madankollu, il-Kummissjoni tirrileva li dawk ir-regoli ma joperawx f’kuntest maqtugħ għalih, u l-qorti nazzjonali ma tistax tinjora aspetti li huma rregolati mid-dritt tal-UE — b’mod partikolari l-fatt li rati tal-kambju speċifiċi, iffissati għal kull sena tas-suq, kienu applikati meta l-imposti tal-produzzjoni kienu oriġinarjament miġbura. Jien naqbel mal-Kummissjoni li jkun jidher li huwa loġiku, jekk it-talba ta’ produttur tiġi ddeterminata abbażi ta’ restitutio in integrum, biex jingħata qies ta’ dawk ir-rati tal-kambju. Madankollu, li kellha tkun applikata rata tal-kambju iktar reċenti b’riżultat ta’ regoli nazzjonali, jidher li jkun xieraq ukoll li l-qorti nazzjonali żżomm f’moħħha kwalunkwe qligħ (jew telf) mhux mistennija fl-għoti tal-interessi. |
Konklużjoni
150. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jien tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi kif ġej b’risposta għad-domandi mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf, mill-High Court of Justice (England and Wales) u mit-Tribunal de grande instance, Nanterre:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Sentenzi Magħquda tat-8 ta’ Mejju 2008 (C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06, Ġabra p. I-3231).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200), li issa ġiet mibdula bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007 L 163, p. 17).
( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta [d-Deċiżjoni Nru 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007] dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).
( 5 ) Kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004, tas-16 ta’ Novembru 2004, li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU L 153 M, 7.6.2006, p. 162). Il-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 11 ma kellha ebda paragrafi numerati imma kienet tinkludi l-istess dispożizzjoni, segwita bid-dettalji tar-rati tal-interessi li kellhom ikunu applikati.
( 6 ) Tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17). Il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor tinkludi z-zokkor, l-isoglukożi u x-xiropp tal-insulina. Peress li għall-iskopijiet preżenti m’hemm l-ebda distinzjoni rilevanti li tista’ ssir bejn il-prodotti differenti, jien ser nevita kwalunkwe riferiment ieħor għal prodotti oħra ħlief iz-zokkor.
( 7 ) Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, p. 1), li kien imħassar u mibdul bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1).
( 8 ) Fiż-żmien rilevanti kien hemm tliet klassijiet ta’ produzzjoni fis-settur taz-zokkor. Il-produzzjoni A u B kienet fil-limiti tal-kwoti li jikkorrispondu fil-prinċipju, rispettivament, għad-domanda fis-suq intern u għall-esportazzjoni ta’ ħażniet ta’ zokkor bi ħlas lura tal-esportazzjoni. Iz-zokkor Ċ kien prodott barra mil-limiti ta’ dawk il-kwoti u ma setax jitqiegħed liberament fis-suq fl-UE; dan kellu jiġi esportat mingħajr ħlas lura għad-detriment tal-industrija taz-zokkor.
( 9 ) Iktar ’l isfel jien ser nagħmel riferiment għall-imposta bażika fuq il-produzzjoni, l-imposta B u l-imposta addizzjonali, kollettivament, bħala “l-imposti tal-produzzjoni”.
( 10 ) Madankollu, il-kliem baqa’ essenzjalment l-istess mill-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta’ Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 177, p. 4).
( 11 ) Għad definizzjoni ta’ tali kwantitajiet, ara l-punti 21 u 32 iktar ’il quddiem.
( 12 ) Għad-definizzjoni ta’ tali obbligazzjonijiet, ara l-punti 22 u 32 iktar ’il quddiem. L-użu tat-terminu “obbligazzjonijiet” jirrifletti l-fatt li, skont l-Artikolu 22(1), il-liċenzji tal-esportazzjoni kienu suġġetti għad-depożitu ta’ garanzija biex tiġi ggarantita l-esportazzjoni matul ċertu perijodu.
( 13 ) Peress li qatt ma ntalab il-ħlas ta’ xi imposti fuq l-esportazzjoni, “id-differenza bejn l-ammont totali tal-ħlas lura u l-ammont totali tad-dħul mit-taxxi” kienet tammonta sempliċement għall-ammont totali ta’ ħlas lura.
( 14 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 314/2002, tal-20 ta’ Frar 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti għas-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 190), kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1140/2003, tas-27 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 172). Dan kien abrogat u mibdul, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2006, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 952/2006, tad-29 ta’ Ġunju 2006, li jipprovdi regoli dettaljati għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-ġestjoni tas-suq intern taz-zokkor u l-iskema tal-kwoti (ĠU L 330 M, 9.12.2008, p. 328).
( 15 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1837/2002, tal-15 ta’ Ottubru 2002, li jistabbilixxi l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjenti għall-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2001/02 (ĠU L 278, p. 13); ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, li jistabbilixxi imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2002/03 (ĠU L 254, p. 4); ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004, tal-14 ta’ Ottubru 2004, li tistabbilixxi imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2003/04 (ĠU L 316, p. 64); u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1686/2005, tal-14 ta’ Ottubru 2005, li jistabbilixxi l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjenti għall-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2004/05 (ĠU L 271, p. 12).
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, punti 37 u 44 tas-sentenza Jülich I.
( 17 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq.
( 18 ) Ara, b’mod partikolari, punti 48 sa 60 tas-sentenza Jülich I.
( 19 ) Digriet tas-6 ta’ Ottubru 2008 SAFBA (C-175/07 sa C-184/07 Ġabra p. I-142).
( 20 ) Il-vot fil-kumitat ta’ amministrazzjoni kien irreġistrat b’37 vot favur il-proposta tal-Kummissjoni (sitt Stati Membri) u 281 vot kontra (17-il Stat Membru), b’27 astensjoni (erba’ Stati Membri). Minn kif jidher, voti negattivi bħal dawn huma rari.
( 21 ) Skont il-proċedura tal-amministrazzjoni applikabbli — ara l-Artikolu 42 tar-regolament bażiku u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li jistipulaw il-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (ĠU 1999 L 184, p. 23, id-“deċiżjoni tal-komitoloġija”) — sabiex tkun adottata miżura differenti mill-abbozz ippreżentat mill-Kummissjoni, il-Kunsill kien ikollu jaqbel fuq miżura permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata kif imfisser fl-Artikolu 205(2) KE (maġġoranza ta’ voti u maġġoranza tal-Istati Membri) f’perijodu ta’ xahar. Irriżulta li dan kien impossibbli, anki jekk maġġoranza bħal din kienet opponiet għall-abbozz tal-Kummissjoni.
( 22 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2009, tat-3 ta’ Novembru 2009, li kkorreġa r-Regolamenti (KE) Nru 1762/2003, (KE) Nru 1775/2004, (KE) Nru 1686/2005, (KE), Nru 164/2007 u li ffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006 (ĠU L 321, p. 1).
( 23 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 164/2007, tad-19 ta’ Frar 2007, li ffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2005/06 (ĠU L 51, p. 17).
( 24 ) Kawża Zuckerfabrik Jülich vs Il-Kummissjoni (T-66/10); British Sugar vs Il-Kummissjoni (T-86/10); Nordzucker vs Il-Kummissjoni (T-100/10); Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T-01/10), u Südzucker et vs Il-Kummissjoni (T-102/10).
( 25 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq.
( 26 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.
( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, (C-370/07, Ġabra p. I-8917, punt 39).
( 28 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni (C-201/09 P u C-216/09 P, Ġabra p. I-2239, punt 75). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet valida, iċ-ċirkustanzi kienu differenti minn dawk fil-każijiet preżenti peress li kien hemm regola proċedurali ġdida li tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tieħu d-deċiżjonijiet tat-tip ikkonċernat.
( 29 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 1980, Könecke Fleischwarenfabrik vs Il-Kummissjoni, (76/79, Ġabra p. 665, punti 14 u 15).
( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, (C-351/04, Ġabra p. I-7723, punti 67 u 68). Ara wkoll l-Artikolu 8(1) tad-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, iċċitata f’punt 10 iktar ’il fuq.
( 31 ) Gwida Prattika Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal persuni involuti fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunità, 2003, aġġornata fl-2009, punti 9.4 u 9.5.
( 32 ) Din il-preżunzjoni ma ġietx formalment ikkontestata, imma waqt is-smigħ intqal li la l-produtturi taz-zokkor u lanqas l-Istati Membri ma kienu f’pożizzjoni li jivverifikawha.
( 33 ) Ma ġiex issuġġerit li “medja” hawnhekk tfisser xi ħaġa differenti minn “medja aritmetika”.
( 34 ) Għalkemm il-verżjoni bl-Ingliż u xi verżjonijiet lingwistiċi oħrajn jużaw varjetà ta’ termini (bl-Ingliż, “forecast”, “estimate” u “foreseeable”) oħrajn jużaw l-istess terminu l-ħin kollu (pereżempju, fil-Franċiż, “prévisible” u, fil-Ġermaniż, “voraussichtlich”), u l-ebda distinzjoni ma tidher li kienet maħsuba.
( 35 ) Punt 43 tas-sentenza.
( 36 ) It-titolu preċiż ta’ din il-kolonna jvarja bejn il-verżjonijiet li kienu ppreżentati f’każijiet differenti. F’verżjoni minnhom, huwa speċifikat li l-ħlasijiet lura huma ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, u f’verżjoni oħra li dawn huma ħlasijiet lura “imħallsa” lill-produtturi. Iċ-ċifri, madankollu, huma identiċi.
( 37 ) Jien nosserva li, jekk (imma biss jekk) tali ħlasijiet lura jkunu inklużi fit-total ta’ “rifużjoniet mogħtija”, konsegwenza ta’ dan ikunu meħtieġa imposti tal-produzzjoni iktar għoljin biex ikopruhom; u mod wieħed ta’ kif jinkisbu imposti tal-produzzjoni iktar għoljin huwa li jiġu inklużi l-istess ħlasijiet lura li attwalment ma tħallsux fin-numeratur tal-frazzjoni kkonċernata.
( 38 ) Ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq.
( 39 ) Premessa 11 tar-regolament bażiku.
( 40 ) Premessa 9 tar-regolament bażiku.
( 41 ) Ara wkoll Jülich I, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43.
( 42 ) Ara, iktar reċentement, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland, (C-256/07, Ġabra p. I-1951, punt 32).
( 43 ) Ara l-punt 66 iktar ’il fuq.
( 44 ) “Non-paper”, ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 45 ) Ara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1998, Ansaldo Energia et (C-279/96 sa C-281/96, Ġabra p. I-5025, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll s-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Metallgesellschaft et, (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 86), kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, Ġabra p. I-7409, punt 60).
( 46 ) Għal ħarsa ġenerali komparattiva, ara Unjust enrichment and public law, a comparative study of England, France and the EU, Rebecca Williams, Hart, 2010.
( 47 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C-47/07 P, Ġabra p. I-9761, punti 44 sa 47).
( 48 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 iktar ’il fuq.
( 49 ) Artikolu 11(1) tar-regolament dwar ir-riżorsi proprji (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).
( 50 ) Ara l-kawża tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-392/02, Ġabra p. I-9811, punt 63).
( 51 ) Sentenza Ansaldo Energia et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 28.
( 52 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 iktar ’il fuq.
( 53 ) British Sugar tirreferi għall-Practice Directions 16, paragrafi 9.1, u 40B, punt 10, tar-Regoli ta’ Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules).
( 54 ) Ara l-punt 124 iktar ’il fuq.