EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0111

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fis-17 ta’ Jannar 2013.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 108(1) u (2) TFUE — Għajnuna mogħtija mir-Repubblika tal-Litwanja bil-għan li tinxtara art agrikola — Kompetenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea — Skema ta’ għajnuna eżistenti — Miżuri xierqa — Natura indissoċjabbli ta’ żewġ skemi ta’ għajnuna — Bdil fiċ-ċirkustanzi — Ċirkustanzi eċċezzjonali — Kriżi ekonomika — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C‑111/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:10

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-17 ta’ Jannar 2013 ( 1 )

Kawża C‑111/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Kompetenza tal-Kunsill — It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE — Sistemi ta’ għajnuna eżistenti — Proposta għal miżuri xierqa — Effetti — Regolament Nru 659/1999 — Għajnuna għall-investimenti fix-xiri ta’ art agrikola fil-Litwanja”

1. 

Permezz tar-rikors li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża l-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/983/UE, tas-16 ta’ Diċembru 2009, dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Litwanja għax-xiri ta’ art agrikola tal-Istat bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem: id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 2 ).

2. 

Permezz ta’ tliet rikorsi oħra ppreżentati parallelament, il-Kummissjoni kkontestat daqstant deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar għajnuna tal-istess tip mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja (Kawża C‑117/10) u mir-Repubblika tal-Ungerija (Kawża C‑121/10).

3. 

Ir-rikorsi kollha jirrigwardaw l-istess kwistjoni delikata: proposta ta’ miżuri xierqa magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni kostanti tas-sistemi ta’ għajnuna eżistenti fl-Istati Membri skont l-Artikolu 108(1) TFUE [jew skont l-Artikolu 88(1) fir-rigward tal-Kawża C‑117/10], tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni definittiva ta’ din l-istituzzjoni dwar il-kompatibbiltà tas-sistema inkwistjoni mas-suq intern, tali li twaqqaf l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Kunsill li ngħatatlu mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE [jew mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE] li jawtorizza għajnuna b’deroga mill-Artikolu 107 TFUE (jew mill-Artikolu 87 KE) u dispożizzjonijiet oħra applikabbli, f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikawh?

I – Il-kuntest ġuridiku

4.

Skont l-Artikolu 108(1) TFUE:

“Il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma’ l-Istati Membri is-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżistu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn tal-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv jew għall-funzjonament tas-suq intern”.

5.

It-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 108(2) jipprovdu kif ġej:

“Fuq talba ta’ kull Stat Membru, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, b’vot unanimu, li miżura ta’ għajnuna mogħtija jew li trid tingħata minn dak l-Istat għandha tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, b’deroga għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 107 jew tar-regolamenti previsti fl-Artikolu 109, jekk din id-deċiżjoni tkun ġustifikata b’ċirkustanzi eċċezzjonali. Jekk il-Kummissjoni diġà tkun bdiet il-proċedura preskritta fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, rigward l-għajnuna inkwistjoni, it-talba magħmula lill-Kunsill mill-Istat interessat għandha ġġib is-sospensjoni ta’ dik il-proċedura sakemm il-Kunsill ikun iddeċieda l-pożizzjoni tiegħu.

Madankollu, jekk il-Kunsill ma jkunx għarraf il-pożizzjoni tiegħu f’egħluq tliet xhur minn dik it-talba, għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni”.

6.

Fir-rigward tal-espożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Anness IV tal-Kapitolu 4 tal-Att tal-Adeżjoni tal-Litwanja għall-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem: “l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003”) ( 3 ), tar-Regolament Nru 659/1999/KE tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE ( 4 ), tal-Linji Gwida tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura (iktar ’il quddiem: il-“Linji Gwida dwar l-Agrikoltura tal-2000) ( 5 ), u tal-Linji Gwida tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura u tal-foresti 2007-2013 (iktar ’il quddiem: il-“Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007-2013”) ( 6 ), minħabba x-xebh sostanzjali tal-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża u tal-Kawża C-117/10, nagħmel riferiment għall-punti 5-16 tal-konklużjonijiet ippreżentati minni llum f’din il-kawża.

7.

F’komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-15 ta’ Marzu 2008 ( 7 ), il-Kummissjoni nnotat, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, “l-aċċettazzjoni espliċita u mingħajr kundizzjonijiet” tal-Litwanja mal-proposti ta’ miżuri utli li jinsabu fil-punt 196 tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007-2013, ikkomunikat bil-miktub mill-awtoritajiet tal-Litwanja lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Marzu 2007.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

8.

Fil-31 ta’ Awwissu 2004, wara l-proċedura prevista mill-Anness IV tal-Kapitolu 4 tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-2003, il-Litwanja nnotifikat lill-Kummissjoni l-miżuri li xtaqet li jiġu kkunsidrati bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE sal-aħħar tat-tielet sena suċċessiva għall-adeżjoni. Fost dawn kien hemm sistema ta’ “sostenn għax-xiri ta’ art” ( 8 ).

9.

B’deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2006 ( 9 ), il-Kummissjoni eżaminat u awtorizzat sal-31 ta’ Diċembru 2010 proġett ta’ sistema ta’ għajnuna għall-investimenti għax-xiri ta’ art agrikola ta’ kejl mhux ikbar minn 300 ettaru, innotifikat mill-awtoritajiet tal-Litwanja u intiż sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħolqien ta’ azjendi agrikoli amministrati b’mod razzjonali. Abbażi ta’ dan il-proġett, l-għajnuna setgħet tingħata abbażi ta’ żewġ mekkaniżmi alternattivi. L-ewwel wieħed, aċċessibbli għall-bdiewa żgħażagħ biss, kien jipprevedi tnaqqis tal-prezz tax-xiri, billi dan tal-aħħar jiġi mmoltiplikat b’0.6 f’każ ta’ ħlas fi flus jew b’0.75 fil-każijiet l-oħra. Abbażi tat-tieni mekkaniżmu l-għajnuna kienet tikkonsisti fid-differenza bejn ir-rata ta’ interessi effettivament imħallsa mix-xerrej (ekwivalenti għal mill-inqas 5 %) u r-rata applikata mill-bank. L-għoti tal-għajnuna kienet suġġetta għall-osservanza ta’ ċerti obbligi oħra differenti skont il-mekkaniżmu applikat, bħal pereżempju, l-osservanza ta’ standards minimi għall-protezzjoni tal-ambjent jew il-benesseri tal-annimali jew l-obbligu li ma jiġux ittrasferiti l-artijiet mixtrija jew li ma tinbidilx id-destinazzjoni tal-artijiet mixtrija mill-Istat għall-perijodu ta’ ħames snin. Barra minn hekk il-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna kellhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet bħal li jkollhom esperjenza prattika fis-settur agrikolu jew li jkunu segwew taħriġ professjonali speċifiku ċċertifikat b’diploma. L-intensità tal-għajnuna ma setgħetx taqbeż l-40 % tal-ispiża ammissibbli. Is-sistema kienet intiża li tapplika sal-2010 ( 10 ).

10.

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jippreżentawlha proposti intiżi għas-simplifikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna fis-settur agrikolu. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ġunju 2006, il-Gvern Litwan talab lill-Kummissjoni sabiex iżomm il-possibbiltà li jagħti għajnuna lill-investimenti għax-xiri ta’ art agrikola, b’mod partikolari favur il-bdiewa żgħażagħ, fejn eventwalment inaqqas l-intensità ta’ din l-għajnuna. Dan l-Istat Membru kkonferma l-pożizzjoni tiegħu matul il-laqgħat li saru bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fit-22 u 23 ta’ Ġunju 2006.

11.

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Novembru 2009 indirizzata lill-Kunsill “agrikoltura u sajd” l-awtoritajiet Litwani talbu li l-għajnuna għax-xiri ta’ art agrikola fil-Litwanja tkun awtorizzata bħala eċċezzjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE. Fl-4 ta’ Diċembru 2009, l-imsemmi Stat Membru bagħat xi informazzjoni addizzjonali lill-Kunsill.

12.

Fis-16 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata b’vot unanimu (bl-astensjoni ta’ seba’ delegazzjonijiet). L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“L-għajnuna statali eċċezzjonali mill-awtoritajiet Litwani għal self għax-xiri ta’ art agrikola statali, li tammonta għal massimu ta’ LTL 55 miljun u li tingħata bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013, għandha tkun ikkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq intern”.

13.

L-għajnuna ddikjarata kompatibbli hija deskritta fil-premessi 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata fit-termini segwenti:

“(5)

L-għajnuna mill-Istat ser tingħata f’żewġ forom alternattivi: 1) bil-multiplikazzjoni tal-prezz tas-suq tal-art mixtrija b’fattur ta’ differenzazzjoni (0.6 jew 0.75 għall-bdiewa żgħażagħ, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fl-iskema ta’ għajnuna): 2) bil-bejgħ tal-art agrikola statali fuq bażi ta’ ħlas b’pagamenti, f’liema każ l-għajnuna tikkorrispondi għad-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax reali mħallsa mix-xerrej li hi ta’ 5 % bħala minimu u r-rata ta’ imgħax applikata mill-bank sellief.

(6)

L-għajnuna mill-Istat li għandha tingħata tammonta għal massimu ta’ 55 miljun litas Litwani (LTS) u għandha tippermetti x-xiri ta’ total ta’ 370000 ettaru ta’ art agrikola - bħala 300 ettaru massimu ta’ art agrikola għal kull xerrej - matul il-perijodu mill-2010 sal-2013. L-ammont medju ta’ għajnuna għal kull impriża għandu jkun ta’ madwar LTL 11000 [...]”.

III – Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

14.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża. B’digriet tad-9 ta’ Awwissu 2010, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

15.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż. Il‑Kunsill jitlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala infondat u tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż. L-Ungerija, il-Polonja u l-Litwanja jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala infondat. Il-Polonja ssostni t-talbiet tal-Kunsill anki għal dak li jirrigwarda l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

IV – Fuq ir-rikors

16.

Il-Kummissjoni ressqet erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill li jadotta d-deċiżjoni kkontestata, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

A – Fuq l-ewwel motiv dwar in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill

17.

Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors tagħha, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li l-proposta ta’ miżuri xierqa magħmula fil-punt 196 tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007-2013, flimkien mal-aċċettazzjoni ta’ din il-proposta mil-Litwanja, tikkostitwixxi “deċiżjoni” li biha hija ddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu kollu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija Linji Gwida, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2013. B’riferiment għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Ġunju 2004 ( 11 ) u tat‑22 ta’ Ġunju 2006 ( 12 ), li għall-analiżi tagħhom nirreferi għall-punti 27 sa 31 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża C-117/10, il-Kummissjoni tqis li l-prinċipju ta’ preferenza, li fuqu, skont dawn is-sentenzi, huwa bbażat il-kriterju ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill permezz tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kunsill ma kellux kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

18.

Id-dibattitu bejn il-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jqajjem essenzjalment tliet kwistjonijiet. L-ewwel kwistjoni tirrigwarda l-istatus tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata fid-deċiżjoni kkontestata u tirrikjedi b’mod partikolari li jiġi evalwat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, din l-iskema tikkorrispondix ma’ dik li kienet is-suġġett tal-proposta għal miżuri xierqa magħmula fil-punt 196 tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007-2013, jew inkella jekk, kif isostni l-Kunsill, tikkostitwixxix għajnuna ġdida u differenti (ara s-subtitolu 1 iktar ’il quddiem). It-tieni kwistjoni tirrigwarda l-effetti ta’ proposta għal miżuri xierqa aċċettata mill-Istat Membru kkonċernat (ara s-subtitolu 2 iktar ’il quddiem). Fl-aħħar nett, it-tielet kwistjoni tirrikjedi definizzjoni tal-portata tal-proposta għal miżuri xierqa magħmula fil-punt 196 tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007-2013 u tal-aċċettazzjoni relattiva min-naħa tal-Litwanja (ara s-subtitolu 3 iktar ’il quddiem).

1. Fuq l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata

19.

Fl-opinjoni tiegħi huwa diffiċli li jiġi kkontestat li l-iskemi ta’ għajnuna deskritti rispettivament fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2006 u fid-deċiżjoni kkontestata huma essenzjalment korrispondenti. Barra minn hekk, fl-ittra tat‑12 ta’ Novembru 2009, indirizzata lill-Kunsill, il-Litwanja titlob espressament lil dan tal-aħħar sabiex japprova “l-proroga tal-għajnuna attwalment mogħtija għax-xiri ta’ artijiet proprjetà tal-Istat sal‑31 ta’ Diċembru 2013”. L-argumenti mressqa mill-Kunsill sabiex juri d-differenza bejn iż-żewġ skemi, intiżi essenzjalment sabiex isostni li l-iskema approvata fid-deċiżjoni kkontestata għandha portata ratione temporis differenti, għandha tkun ta’ benefiċċju għal persuni differenti u hija bbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ dritt ġodda, għandhom, fl-opinjoni tiegħi jinċaħdu għall-istess raġunijiet esposti fil-punti 53, 54 u 56 tal-konklużjonijiet ippreżentati minni llum fil-Kawża C-117/10, li nagħmel riferiment għalihom. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill li l-implementazzjoni tas-sistema awtorizzata fid-deċiżjoni kkontestata tirrikjedi l-adozzjoni ta’ qafas ġuridiku ġdid, nosserva li l-Gvern Litwan ma jsemmix tali adozzjoni anzi jiddikjara ripetutament fir-risposti tiegħu li ma saret ebda emenda għal-leġiżlazzjoni nnotifikata lill-Kummissjoni fl-2005. Fl-aħħar nett għandu jiġi osservat li, fl-ittri tat‑12 ta’ Novembru 2009 u tal‑4 ta’ Diċembru 2009 ndirizzati lill-Kunsill, il-Litwanja titlob espressament lil dan tal-aħħar sabiex japprova “l-estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna diġà fis-seħħ”.

20.

Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-iskema ta’ għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq intern fid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li l-iskema nnotifikata mil-Litwanja fl-2005 kienet intiża sabiex tapplika biss sal-31 ta’ Diċembru 2009 u ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2006 sa dik id-data. Għalkemm, bħala prinċipju, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li din il-kwalifika ma hijiex fiha nnifisha deċiżiva fis-sens li teskludi l-kompetenza tal-Kunsill skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE (ara f’dan is-sens il-punt 50 tal-konklużjonijiet ippreżentati llum fil-Kawża C-117/10), madankollu, fil-każ inkwistjoni hija tikseb natura determinanti, kif ser jidher iktar ’il quddiem. F’dan ir-rigward jeħtieġ sempliċement li jiġi rrilevat li l-estensjoni tal-iskema approvata mill-Kummissjoni fl-2006 għal wara l-31 ta’ Diċembru 2009 kienet tirrikjedi notifika ġdida u deċiżjoni ġdida mill-Kummissjoni favur il-kompatibbiltà tagħha, peress li din l-iskema ma kinitx konformi mar-Regolament Nru 1875/06.

2. Fuq l-effetti ta’ proposta għal miżuri xierqa aċċettata mill-Istat Membru ikkonċernat

21.

Abbażi tar-raġunijiet esposti fil-punti 62-72 tal-konklużjonijiet ippreżentati llum fil-Kawża C-117/10, li għalihom nagħmel riferiment, jiena tal-opinjoni li proposta għal miżuri xierqa aċċettata mill-Istat Membru li għalih hija intiża tikkostitwixxi pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata u tipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji analogi għal dawk ta’ deċiżjoni. Fl-opinjoni tiegħi, dan l-att huwa għalhekk idonju, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE li ma jaqblux miegħu.

22.

Fid-dawl ta’ dan, jeħtieġ li tiġi ddefinita l-portata, minn naħa, tal-pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna għax-xiri ta’ art agrikola adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proposta għal miżuri xierqa prevista fil-punt 196 tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007-2013, u min-naħa l-oħra, tal-obbligi li l-Litwanja assumiet bl-aċċettazzjoni ta’ din il-proposta. L-eventwali konstatazzjoni tal-inkompetenza tal-Kunsill li jadotta d-deċiżjoni kkontestata tiddependi fil-fatt mill-eżitu ta’ dan l-eżami doppju.

3. Fuq il-portata tal-miżuri xierqa previsti fil-punt 196 tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007-2013 u tal-aċċettazzjoni tal-Litwanja

23.

Fil-punt 74 tal-konklużjonijiet ippreżentati llum fil-Kawża C‑117/10 osservajt li, għalkemm huwa minnu li l-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007-2013 jieħdu l-pożizzjoni fis-sens tal-inkompatibbiltà tal-prinċipju ta’ għajnuna għall-investimenti fix-xiri ta’ art agrikola mhux konformi mal-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 1857/2006, madankollu din il-pożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata, fiha nnifisha, bħala definittiva, peress li abbażi tal-istess punt 183 tal-imsemmija linji gwida, il-Kummissjoni xorta għandha, fil-każ ta’ għajnuna individwali jew skemi ta’ għajnuna ġodda, tikkonstata u tiddikjara din l-inkompatibbiltà permezz tal-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 108 TFUE. Għal din ir-raġuni, ċħadt l-argument tal-Kummissjoni, ripetut fir-rikors suġġett ta’ din il-kawża, li l-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007-2013 “jiddikjaraw” inkompatibbli mas-suq intern, mill‑31 ta’ Diċembru 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013, kull – u għalhekk anki dik li għadha ma ġietx istitwita – għajnuna għall-investimenti fix-xiri ta’ art agrikola li ma hijiex konformi magħhom. Kif fl-opinjoni tiegħi ġie korrettament osservat mill-Kunsill u mill-Gvern Litwan, dan l-argument ikun fil-fatt ifisser ir-rikonoxximent lill-Kummissjoni ta’ setgħa leġiżlattiva li tidderoga mill-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE.

24.

F’dan il-kuntest, huwa fid-dawl tal-effett konġunt tal-proposta għal miżuri xierqa magħmula fil-punt 196 tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007-2013 u l-obbligu li assuma l-Istat Membru kkonċernat li, fit-talbiet imsemmija iktar ’il fuq, ikkunsidrajt li l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni dwar l-iskemi ta’ għajnuna għax-xiri ta’ art agrikola eżistenti f’dak l-Istat Membru kienet ta’ natura definittiva u setgħet twaqqaf il-kompetenza tal-Kunsill abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE (ara l-punti 75-76).

25.

Fil-każ inkwistjoni, iċ-ċirkustanzi huma madankollu differenti u ma jippermettux li wieħed jasal għall-istess konklużjoni. Fil-fatt għalkemm huwa minnu li l-Litwanja bagħtet bil-miktub l-aċċettazzjoni tagħha “espliċita u mingħajr kundizzjonijiet” ( 13 ) għall-miżuri proposti mill-Kummissjoni fil-punt 196 tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007‑2013, u b’hekk assumiet fost oħrajn, bħall-Istati Membri l-oħra li nnotifikaw l-aċċettazzjoni tagħhom, l-obbligu li temenda l-iskema ta’ għajnuna tagħha għax-xiri ta’ art agrikola sal‑31 ta’ Diċembru 2009, madankollu huwa paċifiku li l-iskema inkwistjoni kienet waqfet tapplika f’dak l-istess jum. B’hekk jirriżulta li l-Litwanja ma kellha konkretament tipproċedi b’ebda emenda tal-iskema eżistenti u li l-obbligu li hija assumiet fil-fatt ġie fi tmiemu fl-istess mument li fih kellu jibda jipproduċi ruħu n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu.

26.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li huma differenti mill-każ tal-Polonja, id-deċiżjoni kkontestata ma lleġittimatx il-ksur ta’ ftehim konkluż bl-applikazzjoni tal-Artikolu 108(1) TFUE, u lanqas ma tikkuntrasta mal-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni, peress li, kif ġie osservat iktar ’il fuq, din il-pożizzjoni teżisti biss fir-rigward tal-iskemi msemmija fil-punt 196 tal-Linji Gwida 2007-2013, jiġifieri, fil-każ tal-Litwanja, għal skema intiża li tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2009 biss.

27.

Eventwalment tista’ tintlaħaq konklużjoni differenti biss jekk jiġi ddikjarat li l-Litwanja aċċettat il-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007‑2013 fl-intier tagħhom, u b’hekk assumiet l-obbligu li ma tistabbilixxix skemi ta’ għajnuna għax-xiri ta’ art agrikola li ma humiex konformi mal-imsemmija linji gwida għall-perijodu kollu inkluż bejn il-31 ta’ Diċembru 2009 u l‑31 ta’ Diċembru 2013. Madankollu, minn naħa, din id-dikjarazzjoni, li tinsab f’xi siltiet tar-risposti tal-Kummissjoni, hija kuntrarja għall-portata tal-kunsens innotifikat mil-Litwanja lill-Kummissjoni, li kif jidher mill-komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-15 ta’ Marzu 2008, kienet limitata għal miżuri xierqa li jinsabu fil-punt 196 ta’ dawn il-linji gwida. Min-naħa l-oħra, din id-dikjarazzjoni tawtorizza l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 108(1) TFUE, u stabbilit fl-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 659/1999, lil hinn mill-kuntest li għalih kienet maħsuba, jiġifieri r-reviżjoni permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti.

28.

Fl-aħħar nett, għalkemm huwa paċifiku li fil-Linji Gwida 2007‑2013 hemm pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fis-sens tal-inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna għall-investimenti fix-xiri ta’ art agrikola li ma tosservax il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1857/2006, kif ġustament tiddikjara l-Kummissjoni, madankollu din il-pożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata idonja sabiex twaqqaf il-kompetenza tal-Kunsill skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, sakemm ma tinbidilx il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li abbażi tagħha pożizzjoni definittiva biss jista’ jkollha dan l-effett. Għalkemm tista’ tidher eċċessivament formalistika, is-soluzzjoni li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ hija għalhekk l-unika kompatibbli mal-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ tqassim tal-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni u lill-Kunsill mill-Artikolu 108 TFUE mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-ġurisprudenza.

4. Konklużjonijiet dwar il-kompetenza tal-Kunsill li jadotta d-deċiżjoni kkontestata

29.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-ewwel motiv tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill.

B – Fuq it-tieni u t-tielet motivi dwar użu ħażin ta’ poter u ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali rispettivament

30.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li billi awtorizza l-miżuri ta’ għajnuna ddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni fil-punt 196 tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007‑2013, il-Kunsill uża l-kompetenza li ngħatatlu mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE għal finijiet differenti minn dawk previsti mit-Trattat. Skont il-Kummissjoni din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kunsill li jiddikjara kompatibbli mas-suq komuni, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għajnuna li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tawtorizza, iżda ma tagħtix lill-Kunsill is-setgħa li jinnewtralizza l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna li tinsab f’att li għandu effett vinkolanti.

31.

F’dan ir-rigward, naqbel mal-premessa li fuqha huwa bbażat il-motiv inkwistjoni, jiġifieri li l-punt 196 tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007‑2013, flimkien mal-aċċettazzjoni min-naħa tal-Litwanja tal-miżuri xierqa fih ifformulati, jikkostitwixxu pożizzjoni definittiva u vinkolanti tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ miżuri essenzjalment identiċi għal dawk li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, miċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni jirriżulta li din il-pożizzjoni, li kienet tirrigwarda skema li skadiet, bħal fir-rigward tal-obbligu li temendaha li assumiet il-Litwanja, fil-31 ta’ Diċembru 2009, ma setgħetx testendi l-effetti tagħha lil hinn minn dik id-data.

32.

Inqis għalhekk li anki t-tieni motiv dwar użu ħażin ta’ poter għandu jinċaħad.

33.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ħeles lil-Litwanja mill-obbligu ta’ kooperazzjoni impost fuqha fid-dawl tar-reviżjoni kostanti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti prevista fl-Artikolu 108(1) TFUE u mill-obbligu li hija kienet assumiet bl-aċċettazzjoni tal-miżuri xierqa rrakkomandati mill-Kummissjoni. B’dan il-mod il-Kunsill kiser l-ekwilibriju istituzzjonali stabbilit mit-Trattat, billi interferixxa mal-kompetenza li dan l-ekwilibriju ta lill-Kummissjoni.

34.

Fl-opinjoni tiegħi anki dan il-motiv għandu jinċaħad. Dan il-motiv huwa fil-fatt ibbażat fuq il-premessa li d-deċiżjoni kkontestata kellha xi effett fuq l-obbligu li l-Litwanja assumiet fil-konfront tal-Kummissjoni li temenda l-iskema ta’ għajnuna eżistenti għax-xiri ta’ art agrikola sabiex tagħmilha konformi mal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007‑2013. Peress li dan l-obbligu naqas li jidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2009, id-data tal-iskadenza tal-imsemmija skema, l-interferenza li dwarha qed tilmenta l-Kummissjoni ma ġietx ipprovata indipendentament minn kull kunsiderazzjoni oħra.

C – Fuq ir-raba’ motiv dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali u ksur tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

35.

Fir-rigward tar-raba’ motiv tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tqajjem żewġ ilmenti li iktar ’il quddiem ser neżamina separatament. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni targumenta li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li ċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġu ġġustifikati l-miżuri ta’ għajnuna awtorizzati ma humiex ta’ natura eċċezzjonali. Fit-tieni lok, hija ssostni li dawn il-miżuri huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li jridu jintlaħqu, b’mod partikolari minħabba t-tul tal-awtorizzazzjoni mogħtija.

36.

Għal dak li jirrigwarda b’mod ġenerali l-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, in-natura u l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill fl-eżerċizzju tal-kompetenza li ngħatatlu minn dan l-artikolu u l-limiti tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-deċiżjonijiet adottati permezz ta’ dan tal-aħħar, nagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 86 u 87 tal-konklużjonijiet ippreżentati llum fil-Kawża C-117/10.

1. Fuq l-ewwel ilment dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE

37.

Qabel kollox il-Kummissjoni targumenta li d-deċiżjoni kkontestata b’mod żbaljat tippreżenta bħala ċirkustanzi eċċezzjonali ċerti problemi strutturali tas-settur agrikolu fil-Litwanja. Hija tirreferi b’mod partikolari għal-premessa 2 ta’ din id-deċiżjoni, li fiha l-Kunsill isostni li “[m]inħabba dħul agrikolu insuffiċjenti, hu diffiċli li titjieb l-istruttura mhux favorevoli taż-żona tal-impriżi Litwani” u jippreċiża li “[f]l-2009, 52.5 % tal-azjendi agrikoli kollha kienu azjendi agrikoli ta’ mhux aktar minn 5 ettari”. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Kunsill ippreżenta b’mod żbaljat bħala ċirkustanza eċċezzjonali “l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq” u b’mod partikolari, it-tnaqqis matul l-2009 tal-prezzijiet tal-produtturi ta’ prodotti agrikoli, imsemmi fil-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-fatturi msemmija fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri n-“nuqqas ta’ kapital ta’ ekwità tal-bdiewa” u “r-rati għolja ta’ interess applikati minn istituzzjonijiet ta’ kreditu fuq self għax-xiri ta’ art agrikola” fl-aħħar tal-2008 u fl-2009, il-Kummissjoni tosserva li l-ewwel fattur huwa ta’ natura strutturali u li t-tieni fattur, inkwantu huwa effett tal-kriżi ekonomika, ma huwiex indipendenti mis-sitwazzjoni ġenerali mqajma fil-premessa 3 tad-deċiżjoni.

38.

F’dan ir-rigward, qabel kollox nosserva li, fl-opinjoni tiegħi, huwa korrett li l-Kummissjoni ssostni li l-elementi msemmija fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri t-tnaqqis fid-daqs tal-azjendi agrikoli u l-livell baxx ta’ dħul agrikolu, ma jikkostitwixxux fihom infushom ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, minħabba n-natura strutturali, li ma hijiex ikkontestata la mill-Kunsill u lanqas mil-Litwanja u n-natura mhux provviżorja tagħhom.

39.

Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-istituzzjoni rikorrenti, fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-elementi ma humiex ippreżentati bħala ċirkustanzi eċċezzjonali iżda, preċiżament, bħala fatturi li jikkaratterizzaw l-istruttura tal-ekonomija agrikola Litwana, u r-riferiment għalihom huwa fuq kollox funzjonali għall-evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ natura ekonomika u soċjali prodotti mir-riċessjoni, li hija l-element prinċipali li abbażi tagħha, abbażi tal-premessi 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni, huma ġġustifikati l-miżuri awtorizzati. L-istess jista’ jingħad għan-nuqqas ta’ kapital proprju tal-bdiewa, li dwarha l-Kummissjoni qajmet in-natura strutturali mingħajr madankollu ma pproduċiet il-provi.

40.

Min-naħa l-oħra, mis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, tad-29 ta’ Frar 1996, joħroġ b’mod ċar li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) KE l-Kunsill jista’ jibbaża ruħu fuq il-persistenza jew l-iggravar ta’ problemi strutturali ta’ settur partikolari tal-ekonomija bl-iskop li jevalwa l-effetti ta’ sitwazzjoni sfavorevoli fuq dak is-settur ( 14 ).

41.

Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li t-tnaqqis tal-livell ta’ dħul u t-tnaqqis tal-prezzijiet tal-produtturi ta’ prodotti agrikoli rreġistrati fl-2009, kif ukoll il-kriżi ekonomika li bdiet fil-Ħarifa tal-2008 u kompliet matul l-2009, kienu jirrigwardaw l-Istati Membri kollha, infakkar li, abbażi tal-ġurisprudenza, il-fatt li sitwazzjoni partikolari tista’ tirrigwarda iktar minn Stat Membru wieħed kontemporanjament, jew eventwalment tinteressa setturi differenti tal-ekonomija, ma jeskludix li dan xorta waħda jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE ( 15 ), anki fid-dawl tal-konsegwenzi partikolari li seta’ pproduċa fi Stat Membru partikolari. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni stess tenfasizza fir-risposti tagħha li l-Litwanja ġiet affettwata b’mod gravi bil-kriżi ekonomika, li, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, jikkostitwixxi fattur prinċipali li fuqu bbaża ruħu l-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk il-Kummissjoni ma teskludix li sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika ġenerali tista’ tikkostitwixxi b’mod astratt ċirkustanza eċċezzjonali.

42.

Abbażi tal-argumenti preċedenti nqis li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanzi idonji li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE.

2. Fuq in-natura mhux xierqa u sproporzjonata tal-miżuri awtorizzati fid-deċiżjoni kkontestata

43.

Qabel kollox il-Kummissjoni targumenta li l-iskemi ta’ għajnuna għax-xiri ta’ art agrikolu ma jippermettux li jissolvew, u lanqas jittejbu, problemi strutturali bħad-daqs imnaqqas tal-azjendi agrikoli. Għajnuna bħal dik approvata mill-Kunsill tkabbar it-talba għal art agrikola u twassal għal żieda fil-prezzijiet ta’ din l-art iktar milli għall-evoluzzjoni tal-istruttura tal-proprjetà agrikola, u b’hekk fl-aħħar mill-aħħar tirriżulta iktar vantaġġjuża għall-bejjiegħa milli għax-xerrejja. Billi bbażat ruħha fuq data elaborata mill-Eurostat – integrata, kif rikjest mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma’ data ġejja mill-istituzzjoni tal-istatistika Litwana – il-Kummissjoni tosserva li, minkejja l-iskema ta’ għajnuna għax-xiri ta’ art agrikola ilha teżisti fil-Litwanja sa mill-2003, id-daqs medju tal-azjendi agrikoli żdied biss b’mod marġinali matul is-snin. Fir-replika tagħha hija tippreċiża, mingħajr ma kien hemm kontestazzjoni mill-Gvern Litwan, wara li ntalab jieħu pożizzjoni permezz ta’ mistoqsija li saritlu mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ż-żieda rreġistrata fl-2006 u fl-2007 xorta ma tistax tkun il-konsegwenza tal-għoti ta’ għajnuna peress li ebda talba għall-ispejjeż għal dan il-għan ma ġiet innotifikata mil-Litwanja lill-Kummissjoni għal dawn is-snin. Fir-risposta għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Litwanja targumenta li d-data tal-Eurostat tirrigwarda fuq kollox ir-restituzzjoni ta’ art suġġetta għan-nazzjonalizzazzjoni lura lis-sidien preċedenti, filwaqt li analiżi tal-istatistika dwar il-privatizzazzjoni ta’ art proprjetà tal-Istat, li fil-kuntest tagħha kien previst l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, turi żieda sinjifikattiva fid-daqs medju tar-raba’ agrikola mill-2005 sal-2009.

44.

Indipendentement mill-interpretazzjoni tal-istatistika pprovduta mill-Kummissjoni u mil-Litwanja, inqis li, anki jekk minn din id-data jirriżulta li d-daqs medju tal-azjendi agrikoli Litwani kellu biss żieda żgħira matul is-snin, dan waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-Kunsill qabeż b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ġaladarba l-miżuri approvati fid-deċiżjoni kkontestata kienu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-premessa 10 ta’ din id-deċiżjoni, li, minbarra t-titjib tal-istruttura tal-azjendi agrikoli u tal-effiċjenza tal-biedja fil-Litwanja, jinkludu wkoll it-tmiem tar-riforma agrikola fis-seħħ f’tali Stat Membru. Bl-istess mod ma nqisx li s-sempliċi affermazzjoni li l-applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna għall-investiment fix-xiri ta’ art agrikola ma ppermettietx li jitbaxxa l-livell, strutturalment għoli, tar-rati ta’ interess fuq self għax-xiri ta’ art agrikola fil-Litwanja hija, fin-nuqqas ta’ provi, suffiċjenti sabiex jintwera n-natura manifestament mhux xierqa ta’ tali skema sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ titjib tal-prospettivi ta’ aċċess għal dan is-self min-naħa tal-bdiewa. Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, li lanqas ma huwa sostnut bi provi, li l-għajnuna għall-investimenti f’xiri ta’ art agrikola għandha bħala unika konsegwenza ż-żieda fil-prezzijiet ta’ din l-art, nosserva li l-iskema ta’ għajnuna approvata għandha bħala uniku għan tagħha t-trasferiment ta’ art proprjetà tal-Istat, liema element għandu jillimita manuvri spekulattivi.

45.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li, sabiex tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi, hija adottat, fl-2009, komunikazzjoni partikolari dwar qafas temporanju Komunitarju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat insostenn tal-aċċess għall-finanzi fis-sitwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali ( 16 ) (iktar ’il quddiem, il-“qafas temporanju”), li abbażi tiegħu, grazzi għal emendi suċċessivi ( 17 ), ġew awtorizzati forom differenti ta’ intervent tal-Istati Membri favur l-azjendi agrikoli, fosthom, b’mod partikolari, għajnuna temporanja ta’ ammont massimu ta’ EUR 15 000 sal-aħħar tal-2010. Il-Kummissjoni tqis li peress li naqas milli jikkunsidra din l-għajnuna diretta b’mod partikolari għall-istess problemi konnessi mal-kriżi u billi naqas, b’mod partikolari, milli jeżamina jekk din l-għajnuna kinitx ser issolvi dawn il-problemi, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill missu ħa inkunsiderazzjoni strumenti ta’ għajnuna oħra, fosthom ir-Regolament Nru 1535/2007 ( 18 ), li jistgħu jiġu użati mill-awtorità Litwana sabiex issolvi l-problemi tal-bdiewa identifikati fid-deċiżjoni kkontestata.

46.

L-argumenti tal-Kummissjoni jirrikjedu li jiġi evalwat jekk, u sa fejn il-Kunsill għandu jikkunsidra l-miżuri diġà adottati fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex isolvi s-sitwazzjonijiet invokati mill-Istat Membru li jagħmel talba taħt ċirkustanzi eċċezzjonali. F’dan ir-rigward, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 96 tal-konklużjonijiet ippreżentati llum fil-Kawża C-117/10, li għalihom nagħmel riferiment, inqis li l-Kunsill għandu l-obbligu li tal-inqas jikkunsidra, fl-evalwazzjoni magħmula skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-miżuri li jeżistu diġà intiżi b’mod partikolari sabiex isolvu s-sitwazzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni ( 19 ), mingħajr ma dan ipoġġi piż fuq l-istituzzjoni li teżamina, jew li tindika fid-deċiżjoni tagħha r-regoli legali kollha li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni.

47.

F’dan il-każ mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kunsill eżamina jekk il-Litwanja użatx il-possibiltajiet offerti mill-qafas temporanju ta’ riferiment u x’effetti seta’ kellhom dawn l-eventwali interventi ( 20 ). Madankollu nosserva li l-għajnuna diretta f’ammont limitat li għalih tirreferi l-Kummissjoni, minn naħa, għalkemm għandu l-funzjoni li jnaqqas il-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi, ma kienx intiż speċifikament sabiex jinċentiva investimenti magħmula għat-titjib tal-istruttura tal-azjendi agrikoli jew sabiex jikkompleta r-riforma agrarja fis-seħħ f’dak l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra seta’ jingħata biss sal-31 ta’ Diċembru 2010, kif wara kollox ġie osservat mil-Litwanja fl-ittri tagħha għall-Kunsill tat‑12 ta’ Novembru 2009 u tal‑4 ta’ Diċembru 2009. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kunsill seta’ ġustament jikkunsidra, fl-opinjoni tiegħi, li intervent iktar dirett u b’portata temporanja iktar wiesgħa seta’ jilħaq, eventwalment anki flimkien ma’ strumenti oħra, l-għan li jnaqqas il-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, u b’mod partikolari d-diffikultajiet ta’ aċċess għal kreditu min-naħa tal-bdiewa, huwa aħjar sabiex jirrispondi għal problemi strutturali tal-ekonomija agrikola Litwana. Madankollu ma jidhirlix li l-Kunsill kellu obbligu speċifiku li jikkunsidra, kif issostni l-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 1535/2007 ( 21 ), peress li dan jitratta strument li ma huwiex intiż speċifikament sabiex jilħaq l-għanijiet indikati fid-deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, l-iskema approvata fid-deċiżjoni kkontestata hija intiża sabiex tinċentiva l-investiment fix-xiri ta’ art agrikola u topera għalhekk fuq livell differenti meta mqabbla mal-imsemmi regolament.

48.

Fit-tielet lok il-Kummissjoni tosserva li ma hemmx rabta bejn il-problemi strutturali li l-miżuri approvati għandhom isolvu u l-ġustifikazzjonijiet ta’ dawn il-miżuri. F’dan ir-rigward, diġà osservajt li l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fis-settur agrikolu fil-Litwanja jikkostitwixxu r-raġuni essenzjali li fuqha hija bbażata, fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni. Għalhekk prima facie l-Kummissjoni għandha raġun issostni li ma hemmx rabta bejn dawn il-ġustifikazzjonijiet u l-konklużjoni li għaliha jasal il-Kunsill fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li “[...] jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali, li jagħmlu l-konsiderazzjoni ta’ tali għajnuna possibbli, b’deroga u safejn hu meħtieġ strettament biex ir-riforma tal-art tintemm b’suċċess u biex jitjiebu l-istruttura tal-impriżi u l-effiċjenza tal-biedja fil-Litwanja, biex ikunu kompatibbli mas-suq intern”. Madankollu jekk id-deċiżjoni kkontestata tinqara fid-dawl tat-talba mressqa mil-Litwanja (li toħrog b’mod partikolari mill-ittra tal-Kunsill tat-12 ta’ Novembru 2009), jirriżulta b’mod ċar li l-miżuri inkwistjoni huma prinċipalment intiżi sabiex jippermettu li r-riforma tal-art f’dak l-Istat Membru tiġi kkompletata, u li għalhekk għandhom mill-ewwel jikkumbattu jew mill-inqas inaqqsu l-effetti negattivi, eċċezzjonali u imprevedibbli li l-kriżi pproduċiet fis-settur agrikolu Litwan, kif jispjega l-Gvern Litwan fir-risposti tiegħu, kemm fis-sens ta’ problemi strutturali ta’ dan is-settur li marru għall-agħar u kif ukoll tnaqqis tal-possibbiltà ta’ aċċess tal-bdiewa għal self għall-akkwist ta’ art agrikola. Moqrija f’dan is-sens, id-deċiżjoni kkontestata ma fihiex l-inkoerenza sostnuta mill-Kummissjoni.

49.

Fl-aħħar nett il-Kummissjoni targumenta li l-estensjoni temporanja tal-miżuri approvati, kif ukoll it-tul fiż-żmien tal-effetti li dawn joħolqu (li jitrattaw finanzjamenti ta’ self fuq tul ta’ żmien), jagħmlu dawn il-miżuri sproporzjonati.

50.

Fl-opinjoni tiegħi, min-natura eċċezzjonali tal-kompetenza tal-Kunsill skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE jirriżulta li d-deroga mogħtija permezz ta’ din id-dispożizzjoni għandha tkun ristretta ratione temporis u mogħtija biss għall-perijodu strettament neċessarju sabiex jissolvew iċ-ċirkustanzi mqajma bħala bażi tad-deċiżjoni ( 22 ). Dan jimplika li f’każ li deċiżjoni fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE tkun tirrigwarda skemi ta’ għajnuna intiżi li japplikaw għal perijodu ta’ żmien relattivament twil, bħal fil-każ inkwistjoni, il-Kunsill għandu jindika r-raġunijiet li għalihom iqis li dan huwa neċessarju fid-dawl taċ-ċirkustanzi mqajma insostenn tad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà. Fil-każ inkwistjoni, għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi biss indikazzjonijiet limitati dwar ir-raġunijiet għalfejn tqis neċessarju li tiġi awtorizzata l-iskema inkwistjoni għal perijodu ta’ erba’ snin, dawn jistgħu jiġu kkonstatati mill-kuntest li fih tidħol tali deċiżjoni kif ukoll min-natura tal-miżuri awtorizzati, mill-problemi li dawn kellhom jikkontribwixxu sabiex isolvu u mill-għanijiet li jridu jintlaħqu. Barra minn hekk, il-kwistjoni tat-tul tal-miżuri li għandhom jiġu approvati kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mil-Litwanja fl-ittri tagħha tat‑12 ta’ Novembru u tad‑9 ta’ Diċembru 2009, li kienu jirreferu essenzjalment għat-tnaqqis fil-proċess tal-privatizzazzjoni tal-artijiet minħabba l-kriżi finanzjarja u tal-impossibbiltà li dan jintemm f’perijodu qasir ta’ żmien u fi kwalunkwe każ sal-31 ta’ Diċembru 2010, li hija d-data tal-iskadenza tal-qafas temporanju ta’ riferiment. Permezz tar-riferiment għal din it-talba magħmul fid-deċiżjoni kkontestata, jista’ jitqies li l-Kunsill b’implikazzjoni għamel tiegħu l-istess raġunijiet imressqa mill-Istat Membru. Fl-aħħar nett il-Kunsill ippreċiża u enfasizza dawn il-motivazzjonijiet fl-atti tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

51.

Għal dak li jirrigwarda l-meritu tal-ilment magħmul mill-Kummissjoni, inqis li dan huwa bbażat essenzjalment fuq il-konstatazzjoni tax-xebh bejn it-tul tad-deroga mogħtija mid-deċiżjoni kkontestata u l-ambitu tal-applikazzjoni ratione temporis tal-Linji Gwida dwar l-Agrikoltura 2007-2013, li, skont l-istituzzjoni rikorrenti, turi li l-għażla tal-Kunsill tikkorrispondi iktar mal-volontà li titwaqqaf l-applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida milli ma’ dik tar-restrizzjoni tad-deroga tal-miżuri strettament neċessarja għall-korrezzjoni tal-iskwilibriji kkonstatati. Issa, għalkemm nieħu konjizzjoni ta’ din il-koinċidenza, inqis li, fid-dawl tal-għanijiet fuq tul ta’ żmien li d-deċiżjoni trid tilħaq (b’mod partikolari li tiġi kkompletata r-riforma agrikola) u tal-effetti, li anki huma jistgħu jestendu għall-perijodu twil ta’ żmien, tal-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, invokati bħala ċirkustanzi eċċezzjonali insostenn ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma writx li billi ġiet awtorizzata s-sistema inkwistjoni għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill qabeż b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li huwa jgawdi fl-eżerċizzju tal-kompetenza li ngħatatlu mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE.

52.

Abbażi tal-motivi esposti inqis li anki r-raba’ motiv għandu jinċaħad.

V – Konklużjonijiet

53.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u

tiddikjara li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU L 338, p. 93.

( 3 ) Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 33), b’mod partikolari p. 798.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol.1, p 339.

( 5 ) ĠU C 28, p. 2.

( 6 ) ĠU C 319, p. 1.

( 7 ) ĠU C 70, p. 11.

( 8 ) ĠU C 147 tas-17 ta’ Ġunju 2005, p. 2. Fir-rigward tal-Litwanja, it-titolu tas-sistema inkwistjoni jissemma fil-punt 20.

( 9 ) N 112/05, Sostenn għax-xiri ta’ art, ĠU C 317, p. 6. Il-verżjoni Ingliża tad-deċiżjoni tista’ tkun ikkonsultata mis-sit Internet ta’ DG COMP fl-indirizz http://ec.europa.eu/agriculture/stateaid/decisions/n11205_en.pdf.

( 10 ) Ara l-punt 2.2 tad-deċiżjoni.

( 11 ) Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-110/02, Ġabra I-6333).

( 12 ) Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-399/03, Ġabra I-5629).

( 13 ) Ara l-komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-15 ta’ Marzu 2008.

( 14 ) C-122/94, Ġabra p. I-881, punt 21.

( 15 ) Argument simili tal-Kummissjoni nċaħad fil-punt 22 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill tad-29 ta’ Frar 1996, imsemmija iktar ’il fuq.

( 16 ) ĠU C 83, p. 1.

( 17 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Qafas Komunitarju Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU 2009 C 261, p. 2).

( 18 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007, tal-20 ta’ Diċembru 2007, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, p. 35).

( 19 ) F’dan is-sens, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-Kawża ċċitata C‑122/94, b’mod partikolari l-punt 85.

( 20 ) Nirrileva madankollu li kemm fl-ittra tat-12 ta’ Novembru u kif ukoll f’dik tal-4 ta’ Diċembru 2009 mibgħuta lill-Kunsill, l-awtoritajiet Litwani esponew ir-raġunijiet li għalihom huma ħassew li l-qafas temporanju ma kienx biżżejjed sabiex jilqa’ għad-diffikultajiet maħluqa mill-kriżi ekonomika u finanzjarja.

( 21 ) Iċċitat iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.

( 22 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25.

Top