Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0058

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 22 ta' Marzu 2011.
    Monsanto SAS et. vs Ministre de l'Agriculture et de la Pêche.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - Franza.
    Agrikoltura - Għalf ġenetikament modifikat - Miżuri ta’ emerġenza - Miżura adottata minn Stat Membru - Sospensjoni provviżorja ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Direttiva 90/220/KEE - Bażi legali - Direttiva 2001/18/KE - Artikolu 12 - Leġiżlazzjoni settorali - Artikolu 23 - Klawżola ta’ Salvagwardja - Regolament (KE) Nru 1829/2003 - Artikolu 20 - Prodotti eżistenti - Artikolu 34 - Regolament (KE) Nru 178/2002 - Artikoli 53 u 54 - Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni.
    Każijiet Magħquda C-58/10 sa C-68/10.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-07763

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:170

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ppreżentati fit-22 ta’ Marzu 2011 (1)

    Kawżi magħquda C‑58/10 sa C‑68/10

    Monsanto SAS et

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État, (Franza)]

    “Ikel u għalf ġenetikament modifikat – Miżuri nazzjonali li jipprojbixxu jew jissospendu l-użu u/jew il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti wara li jkunu ġew awtorizzati biex jitqegħdu fis-suq – Kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu adottati dawn il-miżuri”





    1.        Bil-kawża preżenti, li toriġina mill-għaqda ta’ ħdax il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għal darba oħra l-opportunità li tippronunzja ruħha dwar organiżmi ġenetikament modifikati (iktar ’il quddiem: l-“OĠM”). Il-problema legali fundamentali li trid tiġi riżolta hija, fil-qofol tagħha, relattivament limitata. Fil-fatt din tikkonċerna ċerti prodotti awtorizzati fil-passat abbażi ta’ leġiżlazzjoni speċifika, iżda li l-awtorizzazzjoni tagħhom hija maħsuba li tkun imġedda u rregolata abbażi ta’ leġiżlazzjoni iktar reċenti, sabiex jiġi stabbilit jekk, fl-adozzjoni ta’ miżuri urġenti eventwali fil-perijodu tat-tranżizzjoni bejn l-awtorizzazzjoni l-antika u l-ġdida, għandhomx jiġu applikati r-regoli tal-ewwel jew tat-tieni leġiżlazzjoni, jew inkella dawk tat-tnejn li huma.

    2.        Il-prodott li huwa s-suġġett ta’ kontroversja huwa varjetà ta’ qamħirrun użat fit-territorju tal-Unjoni bħala għalf għall-annimali: dan huwa l-qamħirrun MON 810, żviluppat mill-kumpannija Monsanto, li, bis-saħħa ta’ modifika ġenetika, għandu reżistenza partikolari għal ċerti parassiti.

    I –    Il-kuntest ġuridiku

    3.        Il-qafas legali rilevanti għad-definizzjoni tal-kawża preżenti huwa magħmul minn tliet tipi ta’ regoli. Fl-ewwel lok hemm ir-regoli dwar l-“emissjoni intenzjonata fl-ambjent”, jiġifieri li jirrigwardaw primarjament il-kultivazzjoni u l-bejgħ ta’ OĠM inklużi fid-Direttiva 90/220/KEE u, illum, fid-Direttiva 2001/18/KE. Fit-tieni lok, hemm ir-regoli dwar is-sigurtà tal-ikel, u preċiżament ir-Regolament (KE) Nru 178/2002. Fit-tielet lok, fl-aħħar nett, hemm ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li jikkostitwixxi l-oġġett prinċipali ta’ interpretazzjoni fil-kawża li minħabba fih il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tintervjeni, u li permezz tiegħu l-leġiżlatur kellu l-ħsieb li jgħaqqad sa fejn possibbli r-regoli dwar l-OĠM: dan f’partijiet minnu issostitwixxa, u f’partijiet oħra tiegħu jimxi flimkien mar-regoli li kienu applikabbli preċedentement.

    A –    Id-Direttiva 90/220/KEE

    4.        Id-Direttiva 90/220 (2) hija l-ewwel waħda li introduċiet sistema uniformi għall-awtorizzazzjoni ta’ emissjonijiet fl-ambjent ta’ OĠM fil-livell Komunitarju. Il-mekkaniżmu li din stabbilixxiet huwa bbażat, b’mod ġenerali, fuq il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni minn naħa ta’ Stat Membru, suġġett għan-nuqqas ta’ oppożizzjoni mill-Istati l-oħra sa ċertu terminu. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, kien previst rwol deċiżjonali għall-Kummissjoni. L-awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru, madankollu, kienet valida għall-Komunità kollha.

    5.        Kif wieħed ikun jista’ jara minn rikostruzzjoni tal-fatti tal-kawża preżenti, il-MON 810 kien awtorizzat oriġinarjament abbażi ta’ din id-direttiva.

    B –    Id-Direttiva 2001/18/KE

    6.        Id-Direttiva 2001/18 (3) (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva”) abbrogat u ssostitwixxiet id-Direttiva 90/220. Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni tal-emissjoni ta’ OĠM fl-ambjent baqgħet fil-parti l-kbira simili għal dik tad-direttiva preċedenti, anki jekk sarilha xi tibdil. B’mod partikolari, kien introdott il-prinċipju tat-tul limitat (massimu ta’ għaxar snin) tal-awtorizzazzjoni, u ġiet stipulata proċedura ssemplifikata għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet li tkun diġà mogħtija abbażi tad-Direttiva 90/220.

    7.        L-Artikolu 12 tad-Direttiva jipprovdi b’mod partikolari:

    “1.      L-Artikoli 13 sa 24 ma japplikawx għal xi GMO bħal jew fi prodotti sakemm dawn ikunu awtoriżżati minn leġislazzjoni tal-Komunità li tipprovdi għall-istima ta’ riskju ambjentali speċifiku li ssir skond il-prinċipji stabbiliti fl-Anness II u fuq bażi ta’ informazzjoni speċifikata fl-Anness III mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti addizjonali provduti minn leġislazzjoni tal-Komunità msemmija fuq, u għal rekwiżiti dwar stima ta’ riskju, tikkettjar, sorveljar kif xieraq, informazzjoni lill-pubbliku u klawżola ta’ salvagwardja mill-inqas ekwivalenti għal dik stabbilita f’din id-Direttiva.

    […]”.

    8.        L-Artikolu 17 tad-Direttiva, intitolat “Tiġdid ta’ kunsens”, jistipula proċedura ta’ tiġdid speċifika u ssimplifikata għall-OĠM diġà awtorizzati abbażi tad-Direttiva 90/220. Tali notifika għandha ssir mhux iktar tard mis-17 ta’ Ottubru 2006.

    9.        L-Artikolu 22 tad-Direttiva, billi jissellef prinċipju fundamentali li kien diġà preżenti fid-Direttiva 90/220, jipprovdi li, “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, l-Istati Membru ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jirrifjutaw it-tpoġġija fis-suq ta’ GMOs, bħal jew fi prodotti, li josservaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva”.

    10.      L-Artikolu 23, intitolat “Klawżola ta’ Salvagwardja”, jistipula:

    “1.      Fejn Stati Membru, b’riżultat ta’ informazzjoni ġdida jew addizjonali li ssir disponnibli mid-data tal-kunsens u taffetwa l-stima ta’ riskju ambjentali jew eżami mill-ġdid ta’ informazzjoni eżiżtenti jew għarfien xjentifiku addizzjonali, għandhu raġunijiet iktar dettaljati biex tikkunsidra li GMO bħal jew fi prodott li ġie proprjament notifikat u rċieva kunsens bil-miktub skond din id-Direttiva jikkostitwixxi riskju lis-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista’ proviżorjament jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-użu u/jew bejgħ ta’ dik l-GMO bħal jew fi prodott fit-territorju tagħhom.

    […]

    L-Istat Membru għandu immedjatament jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’azzjonijiet li ttieħdu skond dan l-Artikolu u tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha […]

    2. Fi żmien 60 jum mid-data li jiġi irċevut it-tagħrif trażmess mill-Istat Membru għandha titteħed deċiżjoni dwar il-miżuri meħuda minn dak l-Istat Membru skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) […]”.

    C –    Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003

    11.      Ir-Regolament Nru 1829/2003 (4) (iktar ’il quddiem: “ir-Regolament”), minkejja li t-titolu tiegħu jista’ jwassal lil dak li jkun biex jikkunsidrah li japplika biss għall-konsum ta’ OĠM fl-ikel jew fl-għalf, fir-realtà introduċa sistema integrata, li tippermetti, lill-operaturi li jkunu hekk jixtiequ, li jiksbu awtorizzazzjoni unika, kemm għall-kultivazzjoni kif ukoll għall-użu bħala ikel ta’ prodott ġenetikament modifikat. Barra dan, fis-sistema taħt ir-Regolament, il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ma jsirx minn Stat Membru wieħed, imma b’riżultat ta’ proċedura li tiżvolġi primarjament fil-livell tal-Unjoni.

    12.      L-Artikolu 17 tar-Regolament, li jittratta t-talbiet għall-awtorizzazzjoni għall-għalf ġenetikament modifikat jipprovdi:

    “[…]

    5.      Fil-każ ta’ OMĠ jew għalf li jkun fih jew jikkonsisti f’OMĠ, l-applikazzjoni għandu jkollha magħha:

    a)      id-dossier tekniku komplet li jagħti l-informazzjoni meħtieġa mill-Annessi III u IV tad-Direttiva 2001/18/KE u l-informazzjoni u l-konklużjonijiet dwar il-verifika tar-riskju mwettqa skond il-prinċipji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE jew, meta t-tqegħid fis-suq tal-OMĠ ġie awtorizzat taħt it-taqsima Ċ tad-Direttiva 2001/18/KE, kopja tad-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni;

    […]”.

    13.      L-Artikolu 20 tar-Regolament jittratta s-sitwazzjoni tal-OĠM li kienu diġà awtorizzati abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħra. Dan jipprovdi b’mod partikolari, fis-subparagrafu (1) tiegħu, li “il-prodotti li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ din is-Sezzjoni li jkunu tqiegħdu fis-suq legalment fil-Komunità qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq, jiġu użati u pproċessati sakemm […] fil-każ ta’ prodotti li ġew awtorizzati taħt id-Direttivi 90/220/KEE jew 2001/18/KE, inkluż l-użu bħala għalf […] l-operaturi responsabbli għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti konċernati, għandhom fi żmien sitt xhur wara d-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-data li fiha tqiegħdu fis-suq fil-Komunità għall-ewwel darba”.

    14.      L-Artikolu 20(2) jipprovdi li “in-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha magħha d-dettalji msemmija fl-Artikolu 17(3) u (5), kif ikun xieraq, li l-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Awtorità u lill-Istati Membri”.

    15.      Barra dan, l-Artikolu 20(4) jkompli jgħid li, fil-każ ta’ prodotti li kienu awtorizzati taħt id-Direttivi 90/220/KEE jew 2001/18/KE, talba għal tiġdid trid tiġi ppreżentata “fi żmien disa’ snin mid-data li fiha l-prodotti […] tqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq, iżda f’ebda każ qabel ma jgħaddu tliet snin mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament”.

    16.      Anki r-Regolament jinkludi dispożizzjoni rigward il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza f’każ li jkun hemm riskji għas-saħħa jew għall-ambjent. Dan huwa l-Artikolu 34. B’mod koerenti man-natura tar-Regolament li ċċentralizza l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għall-OĠM, is-setgħa li jittieħdu miżuri urġenti hija mogħtija, fil-prinċipju lill-Kummissjoni. L-Artikolu 34 jipprovdi s-segwenti:

    “Fejn ikun evidenti li prodotti awtorizzati bi jew skont dan ir-Regolament x’aktarx jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa umana, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent, jew fejn, fid-dawl ta’ opinjoni ta’l-Awtorità maħruġa taħt l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 22, tinħoloq in-neċessità li urġentement tiġi sospiża jew modifikata awtorizzazzjoni, għandhom jittieħdu miżuri skond il-proċeduri previsti fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002”.

    D –    Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

    17.      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 178/2002 (5) rilevanti għall-kawża preżenti huma dawk imsemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, jiġifieri l-Artikoli 53-54.

    18.      L-Artikolu 53, intitolat “Miżuri ta’ emerġenza ta’ ikel u għalf li joriġina mill-Komunità jew importat minn pajjiż terz”, jindika l-miżuri li jistgħu jittieħdu biex tiġi mblukkata jew limitata, f’każ ta’ bżonn, iċ-ċirkulazzjoni ta’ ikel jew għalf li jistgħu joħolqu riskji. Rigward il-kompetenza u l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri, ir-Regolament jipprovdi dan li ġej:

    “1.      Fejn ikun ċar li ikel jew għalf li joriġina fil-Komunità jew impurtat minn pajjiż terz x’aktarx li jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa umana, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent u riskju bħal dak ma jkunx jista’ jiġi mrażżan b’mod sodisfaċenti permezz tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru/i kkonċernat/i, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura li għaliha jipprovdi l-Artikolu 58(2) fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ xi Stat Membru, għandha minnufih tadotta miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin, skond il-gravità tas-sitwazzjoni: […]”

    19.      L-Artikolu 54 jintegra l-artikolu preċedenti billi jipprovdi proċedura li tippermetti lill-Istati Membri li jintervjenu f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni. Dan l-Artikolu jipprevedi li:

    “1.      Fejn Stat Membru javża uffiċċjalment lill-Kummissjoni bil-ħtieġa ta’ teħid ta’ miżuri ta’emerġenza u fejn il-Kummissjoni ma tkunx aġixxiet skont l-Artikolu 53, l-Istat Membru jista’ jadotta miżuri interim protettivi. F’dan il-każ, għandu minnufih javża lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

    […]

    3.      L-Istat Membru jista’ jżomm il-miżuri interim nazzjonali protettivi sakemm jiġu adottati l-miżuri tal-Komunità.”

    II – Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

    20.      Il-qamħirrun OGM MON 810 kien awtorizzat għall-ewwel darba fit-territorju tal-Komunità fl-1998, abbażi tad-Direttiva 90/220. In-notifika rigward it-tqegħid fil-kummerċ saret lill-awtoritajiet Franċiżi, li għaddewha lill-Kummissjoni b’parir favorevoli. Bid-Deċiżjoni tat-22 ta’ April 1998 (6), il-Kummissjoni kkomunikat il-kunsens tagħha u Franza ħarġet l-awtorizzazzjoni permezz ta’ digriet ministerjali tat-3 ta’ Awwissu 1998 (7).

    21.      Il-kumpannija Monsanto, titolari tal-awtorizzazzjoni, qatt ma għamlet talba għat-tiġdid tagħha abbażi tad-Direttiva 2001/18. Minflok din innotifikat skont it-termini preskritti, il-MON 810 bħala prodott eżistenti skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1829/2003. Sussegwentement, matul l-2007, Monsanto talbet it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni abbażi tal-Artikolu 20(4). Fis-sens tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament 1829/2003, fil-mori tal-proċeduri ta’ tiġdid l-awtorizzazzjoni eżistenti baqgħet tipproduċi effetti.

    22.      Fil-5 ta’ Diċembru 2007 b’digriet ministerjali (8) ġew ipprojbiti fit-territorju tar-Repubblika Franċiża ċ-ċessjoni u l-użu ta’ żerriegħa tal-qamħirrun MON 810. It-test kien jindika li kienet qed issir stima tal-effetti tal-MON 810 fuq l-ambjent u fuq is-saħħa, imma ma kien hemm l-ebda riferiment għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li fuqhom kienet ibbażata l-miżura. Il-Kummissjoni ssostni li qatt ma kienet ġiet innotifikata bil-miżura inkwistjoni.

    23.      Konsegwentement, fis-7 ta’ Frar 2008, b’digriet ministerjali ġdid (9), li kien ġie wkoll modifikat ftit tal-ġranet wara permezz ta’ digriet ministerjali tat-13 ta’ Frar (10), ġew iċċitati dubji li ġew espressi dwar il-MON 810 mill-comité de préfiguration de la Haute Autorité sur les organismes génétiquement modifiés (il-Kumitat provviżorju tal-Awtorità Għolja dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati) li ġie mwaqqaf reċentement, ipprojbixxa b’mod ġenerali l-kultivazzjoni tal-MON 810. Il-motivazzjoni għal din il-miżura tagħmel referenza b’mod ġenerali kemm għad-Direttiva u anki għar-Regolament, imma l-unika regola ta’ dritt tal-Unjoni Ewropea li hija indikata b’mod speċifiku hija l-Artikolu 23 tad-Direttiva.

    24.      Id-digriet ministerjali msemmi fil-punt preċedenti ġie nnotifikat lill-Kummisjoni, skont kif ġie indikat minnha, darbtejn. L-ewwel darba, fil-11 ta’ Frar 2008, bħala miżura adottata fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva. Il-ġurnata ta’ wara, fit-12 ta’ Frar 2008, dan kien innotifikat minflok bħala miżura bbażata fuq l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003.

    25.      Il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-MON 810 imposta mill-awtoritajiet Franċiżi ġiet ikkontestata permezz ta’ diversi rikorsi quddiem il-Conseil d’État, li ssospenda l-proċeduri u għamel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti (11):

    “1.      Meta organiżmu modifikat ġenetikament li jikkostitwixxi għalf għall-annimali tqiegħed fuq is-suq qabel il-pubblikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u li din l-awtorizzazzjoni nżammet fis-seħħ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, il-prodott inkwistjoni għandu jitqies, sakemm tingħata deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġdida li għandha tiġi ppreżentata skont dan ir-Regolament, fost il-prodotti msemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/18/KE ċċitati [...] u, f’dan il-każ, dan l-organiżmu modifikat ġenetikament huwa suġġett, għal dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ emerġenza li jistgħu jiġu adottati wara li tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fuq is-suq, biss għall-Artikolu 23 tad-Direttiva u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha?

    2.      Fil-każ li l-miżuri ta’ emerġenza jistgħu jiġu adottati biss fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) 1829/2003, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jadottaw, u taħt liema ċirkustanzi, miżura bħal dik tad-digriet ikkontestat, skont il-kontroll tar-riskju msemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jew miżuri kawtelatorji li jistgħu jiġu adottati minn Stat Membru abbażi tal-Artikolu 54 tal-istess regolament?

    3.      Fil-każ li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jintervjenu abbażi tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE jew abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, jew fuq dawn iż-żewġ bażijiet legali, ir-rikors iqajjem il-kwistjoni dwar liema livell ta’ rekwiżit, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-prinċipju ta’ prekawzjoni, huwa impost, rispettivament, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tad-Direttiva li jissuġġetta l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza bħas-sospensjoni jew il-projbizzjoni mill-użu tal-prodott għall-kundizzjoni li l-Istat Membru jkollu ‘raġunijiet iktar dettaljati biex [j]ikkunsidra li GMO [...] jikkostitwixxi riskju [għal]l-ambjent’ u dawk tal-Artikolu 34 tar-Regolament li jissuġġetta l-adozzjoni ta’ tali miżura għall-kundizzjoni li l-prodotti jkunu ‘x’aktarx jikkostitwixxu riskju serju [għal]l-ambjent’ fir-rigward tal-identifikazzjoni tar-riskju, tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà tiegħu u tal-eżami tan-natura tal-effetti tiegħu?”.

    III – Dwar l-ewwel domanda preliminari

    26.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema sistema legali għandha tiġi applikata għal prodott li ġie awtorizzat fis-sens tad-Direttiva 90/220 li abbażi tagħha ġie mbagħad mitlub it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni.

    27.      B’mod iktar speċifiku, jeħtieġ li jiġi kkjarifikat jekk, f’każ bħal dak preżenti, is-setgħa li jittieħdu miżuri urġenti, f’każ ta’ neċessità, tmissx fl-ewwel lok lill-Istati, skont il-mekkaniżmu tal-Artikolu 23 tad-Direttiva, jew lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament.

    28.      Tajjeb li jiġi enfasizzat, li l-problema tikkonċerna biss il-fażi “tranżitorja” fejn il-prodott ma jkunx għadu kiseb it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni. Ma jidhirx li jista’ jitqiegħed f’dubju serju – anki jekk il-kwistjoni mhijiex is-suġġett tal-proċeduri preżenti – il-fatt li, ladarba tkun imġedda l-awtorizzazzjoni abbażi tar-Regolament, għandhom jiġu applikati b’mod esklużiv ir-regoli ta’ dan tal-aħħar: għal dak li jirrigwardja l-miżuri urġenti, dawn għalhekk, jistgħu jiġu adottati biss abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament.

    29.      Skont il-Gvern Franċiż, li mal-pożizzjoni tiegħu jaqblu sostanzjalment il-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Greċja u tal-Polonja, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża preżenti, l-Artikolu 23 tad-Direttiva jibqa’ applikabbli, u għalhekk Stat jista’ jinvokah sabiex jadotta direttament miżuri ta’ emerġenza. Għall-kuntrarju, skont il-Kummissjoni (u skont Monsanto u l-kumpanniji l-oħra rikorrenti fil-kawżi prinċipali) in-notifika tal-MON 810 peress li dan huwa “prodott eżistenti” skont ir-Regolament ikollu l-konsegwenza li jirrendi inapplikabbli l-Artikolu 23 tad-Direttiva, b’mod partikolari minħabba l-Artikolu 12 tal-istess Direttiva.

    30.      Nosserva li, mill-perspettiva legali, il-qofol tal-kontroversja jidher li jikkonsisti f’li jiġi stabbilit l-ambitu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/18. Kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-kuntest leġiżlattiv, dan l-Artikolu jeskludi l-applikabbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, fosthom l-Artikolu 23 dwar il-materja ta’ miżuri urġenti, għal OĠM “awtorizzati minn leġislazzjoni tal-Komunità li tipprovdi għall-istima ta’ riskju ambjentali speċifiku li jsir skond il-prinċipji stabbiliti fl-Anness II u fuq bażi ta’ informazzjoni speċifikata fl-Anness III […] u għal rekwiżiti dwar stima ta’ riskju, tikkettjar, sorveljar kif xieraq, informazzjoni lill-pubbliku, u klawżola ta’ salvagwardja mill-inqas ekwivalenti għal dik stabbilita f’din id-Direttiva”.

    31.      Minn kif jidher, għalhekk, l-Artikolu 23 tad-Direttiva ma huwiex applikabbli, minħabba l-Artikolu 12 tal-istess Direttiva, għal OĠM li jissodisfaw ċerti rekwiżiti speċifiċi: 1) iridu jkunu OĠM “awtorizzati minn leġislazzjoni tal-Komunità” (naturalment, differenti mid-Direttiva); 2) din il-leġiżlazzjoni għandha tinkludi stima tar-riskju ambjentali tat-tip rikjest mid-Direttiva; 3) dawn l-atti għandhom jimponu rekwiżiti tal-inqas ekwivalenti għal dak li huwa tikkettjar, informazzjoni lill-pubbliku, eċċ.

    32.      Għalhekk irid jiġi stabbilit jekk OĠM awtorizzat abbażi tad-Direttiva 90/220 u nnotifikat fis-sens tar-Regolament Nru 1829/2003 għandux ir-rekwiżiti indikati fil-punt preċedenti.

    33.      Nosserva fl-ewwel lok li, evidentement, l-Artikolu 12 tad-Direttiva ma setax jagħmel referenza espliċita għar-Regolament, peress li dan tal-aħħar huwa att leġiżlattiv li ġie sentejn wara d-direttiva nnifisha.

    34.      Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku r-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 12 tad-Direttiva, wieħed jista’ jirrileva kif inhuwa ovvju li l-qamħirrun MON 810 ġie awtorizzat abbażi tar-rekwiżiti tal-inqas ekwivalenti għal dawk tad-Direttiva: dan peress li dan ġie awtorizzat proprju abbażi tad-direttiva (jew aħjar, biex wieħed ikun iktar eżatt, abbażi tad-Direttiva Nru 90/220, li ġiet ikkonsolidata bid-Direttiva 2001/18, li ħaditilha postha (12)). Però dak li jikkaratterizza l-MON 810 huwa l-fatt li, meta Monsanto għażlet li tinnotifikah biss abbażi tar-Regolament, u mhux tad-Direttiva 2001/18, din kellha l-ħsieb li tagħti lil dak il-prodott qafas legali bbażat b’mod esklużiv fuq ir-Regolament Nru 1829/2003, biex tieħu vantaġġ minn iktar sempliċità offruta mis-sistema ta’ “awtorizzazzjoni unika” għall-kultivazzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni. Jekk il-MON 810 kien innotifikat bħala “prodott eżistenti” anki (jew biss) fis-sens tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/18, m’hemmx dubju dwar il-fatt li l-Artikolu 23 tad-Direttiva jkun applikabbli.

    35.      Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi vverifikat, b’mod konkret, jekk il-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni u/jew il-kultivazzjoni imposti mir-Regolament humiex minn tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti mid-Direttiva.

    36.      Il-fatt li l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 12 tad-Direttiva hija l-fatt li l-prodott ikun ġie “awtorizzat” abbażi ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (differenti mid-Direttiva) ma jiffurmax, fil-fehma tiegħi, element li jista’ jeskludi l-applikabbiltà tal-istess Artikolu 12 għal prodott sempliċement “notifikat” fis-sens tar-Regolament. Huwa veru fil-fatt li, mingħajr in-notifika fis-sens tar-Regolament, il-MON 810 la jista’ jiġi kkultivat u lanqas ikkumerċjalizzat: konsegwentement, għal kull effett prattiku, hija proprju n-notifika fis-sens tar-Regolament l-element li “jawtorizza” lill-prodott sabiex jiġi kkultivat u/jew ikkumerċjalizzat fit-territorju tal-Unjoni. Dak li jħoll u jorbot, wara kollox, huma l-kundizzjonijiet li jilleġittimaw il-kultivazzjoni u/jew il-kummerċjalizzazzjoni, lil hinn mit-titolu formali tal-att li jippermettih (“in-notifika” jew “l-awtorizzazzjoni”).

    37.      F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) u tal-Artikolu 17(5) (13), meħuda flimkien, tar-Regolament Nru 1829/2003 jindikaw b’mod ċar li, biex jiġi nnotifikat prodott eżistenti fis-sens tar-Regolament, trid tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha neċessarja fis-sens tal-Annessi II, III u IV tad-Direttiva 2001/18.

    38.      Konsegwentement, prodott bħal MON 810, wara li ġie awtorizzat abbażi tad-Direttiva 90/220, jista’ jibqa’ fiċ-ċirkulazzjoni, abbażi tar-Regolament, wara li tkun saret notifika li trid issir billi jiġu kkomunikati l-elementi kollha neċessarji biex tinkiseb awtorizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva.

    39.      Anki r-rekwiżiti l-oħra indikati fl-Artikolu 12 tad-Direttiva jidhru li ġew sodisfatti mir-Regolament. Iridu jkunu mfakkra b’mod partikolari l-Artikolu 29, fir-rigward tal-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni, l-Artikoli 12-14 u 24-26 dwar tikkettjar, kif ukoll naturalment l-Artikolu 34 dwar miżuri urġenti. Jista’ jkun utli li jitfakkar ukoll li l-‘premessa 33’ tar-Regolament tippreċiża li l-istima tar-riskju li ssir fl-ambitu tar-Regolament trid “tosserva il-ħtiġiet tad-Direttiva 2001/18/KE”. B’mod iktar ġenerali, id-disa’ ‘premessa’ tinvoka n-neċessità li “l-proċeduri l-ġodda ta’ awtorizzazzjoni” jsegwu “il-prinċipji l-ġodda ntrodotti bid-Direttiva 2001/18/KE”.

    40.      Wara kollox lanqas jibqa’ dubji dwar il-fatt li, fl-intenzjoni tal-leġiżlatur, ir-Regolament Nru 1829/2003 jista’ jissostitwixxi b’mod sħiħ, jekk il-proprjetarju jagħżel li jagħmel dan, is-sistema tad-Direttiva (14). Wieħed jista’ jistaqsi għalhekk dwar l-effett utili tar-Regolament fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kellhom ikomplu jiġu kkunsidrati applikabbli anki għal prodotti li, mill-perspettiva ġuridika, huma rregolati totalment mir-Regolament.

    41.      Għalhekk wieħed jista’ jżid ukoll li, anki fejn l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/18 ma jkunx applikabbli għall-prodott innotifikat fis-sens tar-Regolament Nru 1829/2003, bħall-MON 810, il-possibbiltà li tiġi użata l-klawżola ta’ salvagwardja taħt l-Artikolu 23 tad-Direttiva tkun, f’każ bħal dak preżenti, pjuttost dubbjuża. Wieħed irid jiftakar li l-MON 810 qatt ma ġie awtorizzat abbażi tad-Direttiva 2001/18, u li l-awtorizzazzjoni mogħtija abbażi tad-Direttiva preċedenti setgħet tibqa’ jkollha l-effetti tagħha minħabba biss li kienet innotifikata abbażi tar-Regolament Nru 1829/2003. Għalhekk jidher dubjuż li dispożizzjoni (l-Artikolu 23) inkluża f’direttiva tal-2001 jista’ jkollha effett li jibdel fis-sustanza regolament tal-2003 (b’mod partikolari tal-Artikolu 34 tiegħu), li ma jistipula b’mod espliċitu l-ebda deroga ta’ dan it-tip.

    42.      Punt li għandu neċessarjament jiġi enfasizzat huwa li l-għażla bejn l-Artikolu 23 tad-Direttiva u l-Artikolu 34 tar-Regolament bħala bażi legali sabiex jiġu adottati miżuri urġenti mhijiex għażla bejn protezzjoni “iktar b’saħħitha” (abbażi tad-Direttiva) u protezzjoni “iktar dgħajfa” (abbażi tar-Regolament). Minkejja l-formulazzjoni xi ftit differenti taż-żewġ dispożizzjonijiet, li niġi għaliha fit-trattazzjoni dwar it-tielet domanda preliminari, l-unika differenza sinjifikattiva huwa s-suġġett li, fil-leġiżlazzjoni, huwa msejjaħ biex jieħu l-miżura: Stat Membru fil-każ tad-Direttiva, u l-Kummissjoni fil-każ tar-Regolament. Madankollu ma jistax ikun ikkunsidrat li l-Kummissjoni – li tajjeb li jitfakkar, irċeviet id-dokumentazzjoni kollha rilevanti fil-mument meta l-prodott ġie nnotifikat – toffri inqas garanziji minn Stat Membru. Anzi, ladarba l-għan essenzjali tar-regoli tal-Unjoni dwar is-suġġett tal-OĠM huwa dak li jinżamm bilanċ bejn iċ-ċirkulazzjoni tal-prodotti u l-ħarsien tas-saħħa (15), l-għażla li jiġi mogħti l-poter li jsiru interventi urġenti għandha warajha raġunament b’saħħtu.

    43.      Bl-istess mod, fil-kuntest tad-diskussjoni dwar l-ewwel domanda preliminari, ir-riferiment għall-prinċipju tal-prekawzjoni huwa għalkollox irrilevanti: dan, minn kif se naraw meta neżaminaw it-tielet domanda, huwa essenzjali biex jiġi stabbilit jekk u b’liema mod, tista’ tiġi adottata miżura urġenti, imma ma taffettwa bl-ebda mod id-deċiżjoni dwar min huwa kompetenti biex jadottaha.

    44.      Jekk wieħed jiġbor fil-qosor dak li ntqal fil-punti preċedenti, l-Artikolu 23 tad-Direttiva ma jistax ikun ikkunsidrat li hu applikabbli għal dan il-każ. Dan minħabba li l-applikazzjoni tiegħu hija eskluża mill-Artikolu 12 tad-Direttiva nnifisha, u, b’mod iktar ġenerali, għax il-MON 810 qatt ma kien innotifikat abbażi tad-Direttiva 2001/18.

    45.      Għalhekk insostni li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li, fil-każ ta’ OĠM awtorizzat fis-sens tad-Direttiva 90/220, innotifikat bħala prodott eżistenti fis-sens tar-Regolament Nru 1829/2003 u li fir-rigward tiegħu tkun pendenti l-proċedura għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni, miżuri urġenti eventwali għandhom jiġu adottati biss abbażi tar-Regolament innifsu, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tiegħu.

    IV – Dwar it-tieni domanda preliminari

    46.      Bit-tieni domanda preliminari il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tindika jekk, ladarba l-miżuri urġenti li jistgħu jiġu użati jkunu biss dawk taħt l-Artikolu 34 tar-Regolament – kif ipproponejt jien lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara –, Stat Membru jista’ madankollu jadotta miżuri unilaterali, kif għamlet ir-Repubblika Franċiża fil-każ preżenti.

    47.      Mad-daqqa ta għajn jidher li din id-domanda għandha risposta sempliċi. L-Artikolu 34 tar-Regolament jagħmel referenza, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri urġenti, għall-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Nru 178/2002, li jikkontemplaw intervent ta’ prijorità min-naħa tal-Kummissjoni (l-Artikolu 53) u intervent ta’ Stat b’mod sussidjarju f’każ biss ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni nnifisha (l-Artikolu 54). Konsegwentement, mal-ewwel daqqa ta għajn jidher ċar li Stat ma jistax jadotta miżuri urġenti unilaterali mingħajr ma jinforma minn qabel u jitlob lill-Kummissjoni taġixxi fis-sens tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002.

    48.      Fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet ibbażaw ruħhom, b’mod partikolari l-Kummissjoni u Monsanto sabiex isostnu li, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea applikabbli, il-Gvern Franċiż ma setax jipprojbixxi b’mod unilaterali l-MON 810 mingħajr ma qabel jitlob l-intervent tal-Kummissjoni.

    49.      Madankollu teżisti diffikultà li ġiet irrilevata minn partijiet oħra li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kawża preżenti: din toriġina mill-formulazzjoni tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002 li għadu kif ġie ċċitat. Kif rajna iktar qabel, fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri xierqa ladarba r-riskju “ma jkunx jista’ jiġi mrażżan b’mod sodisfaċenti permezz tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru/i kkonċernat/i”. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom, għal dawk li huma miżuri urġenti li għandhom jiġu adottati, rwol prijoritarju fir-rigward tar-rwol tal-Kummissjoni, skont il-mudell klassiku tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    50.      Madankollu, insostni li fir-rigward tal-OĠM dan ma huwiex il-każ, u minn eżami tar-regoli applikabbli huwa kkonfermat li r-regola u l-kompetenza sabiex jiġu adottati miżuri urġenti għal dawk li huma OĠM abbażi tad-dispożizzjonijiet meħudin flimkien tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 u tal-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Nru 178/2002 huma primarjament tal-Kummissjoni, u mhux tal-Istati Membri.

    51.      Fil-fatt għandu jiġi osservat li l-klawżola tas-sussidjarjetà li, fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002 tillimita s-setgħa ta’ intervent mill-Kummissjoni għall-każijiet fejn l-awtoritajiet ma jistgħux jintervjenu b’mod xieraq, hija kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-Artikolu 53 fil-kuntest tar-Regolament li fih huwa inkluż. Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 178/2002, għandu ambitu ta’ applikazzjoni iktar wiesgħa: fil-fatt dan jittratta dwar l-ikel u l-għalf b’mod ġenerali, u mhux l-OĠM b’mod speċifiku. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet indikati fl-Artikolu 53 ma għandhomx applikazzjoni ġenerali, għall-każijiet kollha fejn ikunu neċessarji miżuri ta’ emerġenza fi kwistjonijiet dwar ikel. Fir-rigward ta’ OĠM awtorizzati abbażi tar-Regolament Nru 1829/2003, madankollu l-leġiżlatur għażel li jadotta regola speċifika, li hija eċċezzjoni għas-sistema “normali” għall-adozzjoni ta’ miżuri urġenti.

    52.      B’mod partikolari, f’kuntest bħal dan, il-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002, fejn ikunu jeżistu r-riskji indikati fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, toriġina direttament mill-istess Artikolu 34, li jistipula li, fejn jokkorru ċerti kundizzjoniet, “għandhom jittieħdu miżuri skont il-proċeduri previsti fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (16)”. Għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1829/2003 ma jagħmilx riferiment għall-kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Nru 178/2002 – li l-applikazzjoni tagħhom hija marbuta strettament mal-kuntest ta’ dan ir-regolament – li tikkonsisti fl-eżistenza ta’ riskju li “ma jkunx jista’ jitrażżan b’mod sodisfaċenti permezz tal-miżuri meħuda mill-Istat/i Membru/i kkonċernat/i”. Ir-Regolament Nru 1829/2003 għall-kuntrarju jirreferi għall-“proċeduri” previsti f’dawn l-artikoli, li jikkonsistu, minn naħa, fil-possibbiltà ta’ intervent mill-Kummissjoni (l-Artikolu 53), u min-naħa l-oħra, fil-possibbiltà ta’ interventi provviżorji statali f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni (l-Artikolu 54).

    53.      L-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Nru 178/2002 huma għalhekk rilevanti, fil-każ ta’ OĠM awtorizzati abbażi tar-Regolament Nru 1829/2003, biss għall-proċeduri ta’ adozzjoni tal-miżuri, u mhux għall-kundizzjonijiet li, fejn ikunu jeżistu, ikunu jistgħu jiġu adottati l-miżuri ta’ emerġenza. U dawn il-proċeduri huma b’mod inekwivokabbli ċċentrati fuq l-eżerċizzju ta’ żewġ kompetenzi distinti: il-kompetenza prinċipali tal-Kummissjoni u l-kompetenza sussidjarja u eċċezzjonali tal-Istati Membri.

    54.      Bħala konklużjoni, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fl-ambitu tal-OĠM, ir-rwol irrikonoxxut lill-Istati Membri rigward l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza, għalkemm mhux ekwivalenti għal dak tal-Kummissjoni, huwa madankollu pjuttost sinjifikanti, kif muri mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli. Minn naħa, fil-fatt, kif diġà jirriżulta minn dak li ntqal b’mod ċar iktar qabel, fis-sens tal-Artikolu 53 tar-Regolament 178/2002 l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni li tadotta miżuri urġenti. Min-naħa l-oħra, f’każ li l-Kummissjoni tonqos milli taġixxi minnufih minkejja t-talbiet mill-Istati, l-Istati jistgħu, fis-sens tal-Artikolu 54 jadottaw “miżuri [kawtelatorji interim]”.

    55.      Bħala konklużjoni tal-analiżi tiegħi dwar it-tieni domanda, nipproponi li din għandha tingħata risposta billi jiġi ddikjarat li, fl-ambitu tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza taħt l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri unilaterali b’mod provviżorju biss, skont il-modalitajiet imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 178/2002, esklużivament fil-każ fejn, minkejja li Stat Membru jkun ippropona li jiġu adottati miżuri urġenti, il-Kummissjoni ma tkunx aġixxiet minnufih.

    V –    Dwar it-tielet domanda preliminari

    56.      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża liema huma l-kundizzjonijiet – b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna r-riskji possibbli – li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri urġenti abbażi, rispettivament, tal-Artikolu 23 tad-Direttiva u tal-Artikolu 34 tar-Regolament.

    57.      Fid-dawl tar-risposti li pproponejt li għandhom jingħataw għall-ewwel żewġ domandi, ma jkunx neċessarju li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari. Fil-fatt ladarba l-Gvern Franċiż ma kellux awtorità li jadotta miżuri unilaterali mingħajr ma jkun ressaq il-problema quddiem il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġu adottati miżuri urġenti mhumiex iktar rilevanti għad-deċiżjoni f’dawn il-proċeduri.

    58.      Madankollu nsostni li jkun utli li xorta waħda tiġi analizzata din id-domanda, minħabba żewġ tipi ta’ raġunijiet. Minn naħa, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li ma taqbilx mal-pożizzjoni tiegħi dwar id-domandi preċedenti; u min-naħa l-oħra, għalkemm fil-fehma tiegħi Franza ma tkunx tista’ tadotta b’mod immedjat dawk il-miżuri, din tkun tista’ titlob lill-Kummissjoni tagħmel dan, u kjarifika min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevita iktar inċertezzi u nuqqas ta’ qbil.

    59.      Mill-formulazzjoni litterali, kif wieħed seta’ jara mill-espożizzjoni dwar il-kuntest ġuridiku, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri urġenti ġew deskritti f’termini differenti fl-Artikolu 23 tad-Direttiva u tal-Artikolu 34 tar-Regolament. Skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ emerġenza jekk ikollhom, b’riżultat ta’ informazzjoni ġdida, “raġunijiet iktar dettaljati biex [j]ikkunsidraw li OĠM bħal jew fi prodott li ġie notifikat […] jikkostitwixxi riskju lis-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 34 tar-Regolament jillimita l-adozzjoni ta’ miżuri simili għall-każijiet fejn “x’aktarx jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa umana, għas-saħħa tal-annimali jew l-ambjent” jew fejn, fid-dawl ta’ opinjoni tal-Awtorità maħruġa taħt l-Artikoli 10 u 22 “tinħoloq in-neċessità li tiġi sospiża jew modifikata urġentement awtorizzazzjoni”.

    60.      Iż-żewġ formulazzjonijiet, kif wieħed jista’ jara, mhumiex identiċi, u mal-ewwel daqqa t’għajn dik tal-Artikolu 23 tad-Direttiva tidher li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri urġenti f’għadd ikbar ta’ każijiet, peress li tagħmel riferiment sempliċement għal “riskju” mingħajr ma tisħaq li dan ikun wieħed “serju” – kif minflok jagħmel ir-Regolament. Barra dan, filwaqt li d-Direttiva tisħaq li Stat Membru jkollu “raġunijiet iktar dettaljati” sabiex isostni li jkun jeżisti riskju, ir-Regolament jisħaq li r-riskju jkun “manifest”.

    61.      Il-formulazzjonijiet differenti jistgħu jispjegaw irwieħhom meta jingħata qies tal-ambitu differenti li l-miżuri urġenti jista’ jkollhom fiż-żewġ każijiet. Miżura urġenti fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva fil-fatt għandha ambitu limitat għal Stat Membru, filwaqt li miżura meħudha abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament ikollha effett fuq it-territorju kollu tal-Unjoni. Konsegwentement, jidher li jkun raġonevoli li tingħata iktar attenzjoni qabel ma jiġu adottati miżuri li għandhom konsegwenzi ta’ intensità partikolari.

    62.      Madankollu nsostni li dawn id-differenzi ma għandhomx jiġu ssopravalutati, u lil hinn mid-differenzi lessikali l-kundizzjonijiet sabiex wieħed jirrikorri għaż-żewġ tipi ta’ miżuri jistgħu jkunu kkunsidrati li b’mod ġenerali huma omoġenji.

    63.      Qabel xejn, l-Artikolu 34 tar-Regolament, b’differenza mill-Artikolu 23 tad-Direttiva, jistipula li l-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri urġenti, apparti li fil-każ tal-eżistenza manifesta ta’ “riskju serju”, fil-każijiet kollha meta l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel tifformula opinjoni li tindika n-neċessità li awtorizzazzjoni tiġi sospiża jew modifikata urġentement. L-opinjoni tal-Awtorità nħarġet abbażi tal-Artikolu 10 (għall-ikel) u l-Artikolu 22 (għall-għalf) tar-Regolament, u tista’ tinħareġ fuq talba ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, jew anki fuq inizjattiva proprja tal-Awtorità nnifisha. Madankollu, dak li huwa importanti huwa li r-raġunijiet għalfejn l-opinjoni tista’ tissuġġerixxi li awtorizzazzjoni tiġi sospiża jew modifikata urġentement mhumiex speċifikati mir-Regolament, u għalhekk jitħallew fid-diskrezzjoni tal-Awtorità nnifisha, li abbażi tal-komptenzi tekniċi proprju tagħha, trid tivverifika jekk OĠM “għadux josserva l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament”.

    64.      Fit-tieni lok, element li jikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-uniformità tal-kundizzjonijiet preskritti mid-Direttiva u mir-Regolament huwa kkostitwit mill-prinċipju tal-prekawzjoni, li l-klawżoli ta’ salvagwardja bħall-Artikolu 23 tad-Direttiva u l-Artikolu 34 tar-Regolament huma l-espressjoni tiegħu (17). Dan il-prinċipju, li dwar materji ambjentali huwa stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, skont ġurisprudenza kostanti jinvolvi li “meta jkunu jeżistu inċertezzi rigward l-eżistenza jew l-ambitu ta’ riskji […], l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw miżuri protettivi mingħajr ma wieħed ikollu għalfejn jistenna li jintwerew b’mod komprensiv ir-realtà u s-serjetà ta’ dawn ir-riskji” (18).

    65.      It-Trattat ma jinkludi ebda tifsira tal-prinċipju tal-prekawzjoni, imma fid-dritt idderivat wieħed isib formulazzjoni simili għal dik stabbilita fil-ġurisprudenza. B’mod partikolari, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002, li mhuwiex direttament applikabbli għall-każ preżenti, imma li ċertament għandu jiġi osservat, jistipula dan li ġej:

    “1.      F’ċirkostanzi speċifiċi fejn, wara stima tat-tagħrif disponibbli, il-possibbiltà ta’ effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tiġi identifikata iżda tkun tippersisti inċertezza xjentifika, miżuri provviżorji ta’ l-amministrazzjoni tar-riskju meħtieġa biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa magħżula fil-Komunità jistgħu jiġu adottati, sakemm ikun hemm iktar tagħrif xjentifiku disponibbli għal stima tar-riskju aktar komprensiva.

    2.      Miżuri adottati fuq il-bażi tal-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati u ma jkunux aktar restrittivi għan-negozju milli meħtieġ biex jintlaħaq il-livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa magħżul fil-Komunità, waqt li jingħata kont tal-possibbiltà teknika u ekonomika u ta’ fatturi oħra meqjusa bħala legittimi fil-kwistjoni taħt konsiderazzjoni. Il-miżuri għandhom jiġu riveduti f’perijodu raġonevoli ta’ żmien skond in-natura tar-riskju għall-ħajja jew saħħa identifikat u t-tip ta’ tagħrif xjentifiku meħtieġ biex tiġi ċċarata l-inċertezza xjentifika u biex titwettaq stima tar-riskju aktar komprensiva”.

    66.      Fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u tal-interpretazzjoni li tiegħu jagħtu l-Qorti tal-Ġustizzja u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, għalhekk, għall-adozzjoni ta’ miżuri urġenti, indipendentement mill-fatt li dawn stess jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 23 tad-Direttiva jew tal-Artikolu 34 tar-Regolament, huwa neċessarju li jkun jeżisti riskju sinjifikattiv, jiġifieri li ma jkunx sempilċement ipotetiku (19), b’konsegwenzi negattivi għas-saħħa jew għall-ambjent: madankollu mhuwiex indispensabbli li r-riskju jkun, mill-bidu nett, kwantifikabbli b’mod eżatt. Il-preċiżazzjoni li r-riskju jrid ikun “serju”, fis-sens tal-Artikolu 34 tar-Regolament, fil-fehma tiegħi irid jinftiehem fis-sens li l-probabbiltà li sseħħ xi ħaġa li tikkawża ħsara huma konkreti, u ma jidħlux fil-limiti normali tar-riskju li huwa inerenti f’kull attività umana.

    67.      Huwa impossibbli li jiġi mfisser b’mod rigoruż u minn qabel liema huwa l-livell ta’ riskju li jiġġustifika, b’mod ġenerali, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza. Kull formulazzjoni astratta fil-ġurisprudenza tkun ta’ ftit jew ta’ ebda utilità għad-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fil-konkret. L-istima relattiva tar-riskju trid issir minn każ għal każ min-naħa tas-suġġett li huwa mitlub jieħu d-deċiżjonijiet, u għalhekk, fil-każ tal-Artikolu 34 tar-Regolament, mill-Kummissjoni.

    68.      Fi kliem ieħor, jekk wieħed jifformula l-idea f’termini iktar ġenerali fir-rigward tal-Artikolu 34 tar-Regolament, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza huwa neċessarju: a) li jkun jeżisti riskju li x’aktarx se joħloq ħsara; b) li hemm probabbiltà sinjifikattiva li l-ħsara sseħħ, anki jekk mhijiex neċessarjament stabbilita b’mod preċiż (in-natura “serja” tar-riskju, interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni).

    69.      Il-grad ta’ probabbiltà li sseħħ il-ħsara li jkun jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri urġenti ma jistax jiġi stabbilit minn qabel. Dan għaliex, minn kif rajna, ikun jorbot b’mod riġidu ż-żejjed is-suġġetti li jridu jieħdu d-deċiżjoni, kemm għaliex, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, miżura tista’ tiġi adottata anki fejn ikunu jeżistu marġini ta’ inċertezza fir-rigward tal-probabbiltà effettiva li jseħħ l-att li jagħmel ħsara. Fl-istima tagħhom minn każ għal każ, l-awtoritajiet kompetenti naturalment iridu jagħmlu wkoll stima tal-perċentwali ta’ riskju ammissibbli abbażi ta’ rapport dwar l-ispejjeż/il-benefiċċji: ikbar ma jkunu l-benefiċċji li jġib miegħu prodott, ikbar ma jkun il-livell ta’ riskju li jkun ikkunsidrat aċċettabbli.

    70.      Id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti huma mbagħad suġġetti, bħala tali, għal stħarriġ ġudizzjarju. Fil-każ tal-Kummissjoni, li hi kompetenti fis-sens tal-Artikolu 34 tar-Regolament, l-istħarriġ huwa naturalment dak tal-qrati tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar tal-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu f’dan is-settur jeħtieġu, minħabba ċ-ċirkustanzi, stimi tekniċi kumplessi, l-istħarriġ ġudizzjarju jrid, skont it-tagħlim ta’ ġurisprudenza stabbilita, ikun limitat sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ żball immanifestat fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u n-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (20).

    71.      Għalhekk qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-tielet domanda preliminari tingħata risposta billi tiddikjara li, għall-adozzjoni ta’ miżuri urġenti rigward orġaniżmi modifikati ġenetikament, fis-sens tal-Artikoli 34 tar-Regolament, huwa neċessarju li tiġi vverifikata l-eżistenza mhux biss ipotetika tar-riskju ta’ ħsara għas-saħħa umana, għas-saħħa tal-annimali u għall-ambjent, u li l-probabbiltà li sseħħ din il-ħsara, anki jekk ma tkunx stabbilita bi preċiżjoni, ma tkunx insinjifikanti.

    VI – Konklużjoni

    72.      Bħala konklużjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi tal-Conseil d’État bil-mod li ġej:

    1.      Fil-każ ta’ OĠM awtorizzat fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar l-emissjoni intenzjonata fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, innotifikat bħala prodott eżistenti fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, u li fir-rigward tiegħu tkun pendenti l-proċedura tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni, miżuri urġenti eventwali għandhom jiġu adottati biss abbażi tar-Regolament innifsu, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tiegħu.

    2.      Fl-ambitu tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza taħt l-Artikolu 34 tar-Regolament 1829/2003, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri unilaterali b’mod provviżorju biss, skont il-modalitajiet imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel esklużivament fil-każ meta, minkejja li Stat Membru jkun ippropona li jiġu adottati miżuri urġenti, il-Kummissjoni ma tkunx aġixxiet minnufih.

    3.      Għall-adozzjoni ta’ miżuri urġenti rigward organiżmi modifikati ġenetikament, fis-sens tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, huwa neċessarju li tiġi vverifikata l-eżistenza mhux biss ipotetika tar-riskju ta’ ħsara għas-saħħa umana, għas-saħħa tal-annimali u għall-ambjent, u li l-probabbiltà li sseħħ din il-ħsara, anki jekk ma tkunx stabbilita bi preċiżjoni, ma tkunx insinjifikanti.


    1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


    2 – Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar l-emissjoni intenzjonata fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, p. 15).


    3 – Direttiva  2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77).


    4 – Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432).


    5 – Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463).


    6 – Deċiżjoni 98/294/KE tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ April 1998, rigward it-tqegħid fil-kummerċ tal-qamħirrun modifikat ġenetikament (Zea mays L. line MON 810) skont id-Direttiva 90/220/KEE tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 77).


    7 – JORF tal-5 ta’ Awwissu.1998, p. 11985.


    8 – JORF tas-6 ta’ Diċembru.2007, p. 19748.


    9 –      JORF tad-9 ta’ Frar 2008, p. 2462.


    10 – JORF tad-19 ta’ Frar 2008, p. 3004.


    11 – It-test li qed jiġi riprodott hawnhekk huwa dak tad-domandi fil-Kawża C‑58/10. Id-domandi fil-kawżi l-oħra huma identiċi, b’differenza waħda li r-regola nazzjonali indikata fit-tieni domanda tagħhom, hija d-digriet ministerjali tas-7 ta’ Frar 2008.


    12 – Ara, b’mod partikolari, it-tielet ‘premessa’ u l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2001/18.


    13 – Dawn huma regoli dwar prodotti maħsuba għall-konsum mill-annimali, bħal MON 810. Għall-prodotti maħsuba wkoll għall-konsum mill-bniedem, ir-regoli ekwivalenti huma l-Artikoli 5 u 8 tar-Regolament.


    14 – Ara anki x-xogħlijiet preparatorji għar-Regolament, li matulhom, sa mill-bidu, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha bħala li kienet maħsuba biex tintroduċi sistema hekk imsejħa “bieb wieħed – ċavetta waħda”, li tkun tista’ tippermetti li tinkiseb awtorizzazzjoni unika valida kemm għat-tqegħid ta’ OĠM fl-ambjent kemm għall-użu tiegħu bħala ikel u/jew għalf. Ara pereżempju l-proposta tal-bidu tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Lulju 2001, COM(2001) 425 finali, . (ĠU C 304E, p. 221) punt 3 tal-introduzzjoni.


    15 – Ara l-‘premessi 1‑3’ tar-Regolament Nru 1829/2003. Fir-rigward tal-ġurisprudenza, ara pereżempju, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, (Kawża C-236/01, Ġabra p.  I‑8105, punti 74 u 106).


    16 – Il-korsiv huwa tiegħi.


    17 – Sentenza Monsanto Agricoltura Italia et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 (punt 110).


    18 – Sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et, (Kawża C-157/96, Ġabra I‑2211, punt 63). Ara wkoll, iktar reċentement, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 2004, Greenham u Abel, (Kawża C-95/01, Ġabra I‑1333, punt 43), u tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, (Kawża C-504/04, Ġabra I‑679, punt 39).


    19 – Sentenza Monsanto Agricoltura Italia et iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 (punt 106).


    20 – Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio, (Kawża C-77/09, li għadha ma hijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 56 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata). B’riferiment speċifiku għall-adozzjoni ta’ miżuri urġenti, ara s-sentenza National Farmers’ Union et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 39.

    Top