Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0047

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Bot ippreżentati fid-9 ta' Ġunju 2011.
    Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 87 KE u 88(2) u (3) KE – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Motivi ta’ annullament li jistgħu jiġu invokati – Kunċett ta’ ‘parti interessata’ – Motivazzjoni tas-sentenzi – Oneru tal-prova – Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali – Artikoli 64 u 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
    Kawża C-47/10 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-10707

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:373

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2011 (1)

    Kawża C‑47/10 P

    Ir-Repubblika tal-Awstrija

    vs

    Scheucher-Fleisch GmbH et

    “Appell – Għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija fil-qasam tal-agrikoltura organika – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Dritt tal-‘partijiet interessati’ – Kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Kunċett ta’ ‘diffikultajiet serji’ – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali”






    1.        Din il-kawża turi għal darba oħra d-diffikultajiet marbuta mal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet ta’ min iressaq ilment fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. Hija tqajjem, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-portata tal-prerogattivi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-interpretazzjoni tal-motivi ssollevati minn parti interessata meta hija tinvoka, insostenn tar-rikors tagħha, kemm mezzi intiżi għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha kif ukoll motivi intiżi sabiex titqiegħed inkwistjoni l-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2).

    2.        Din il-kawża tagħti wkoll l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tfakkar il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni meta hija tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, kif ukoll il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju relatat magħha.

    3.        Fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2009, Scheucher-Fleisch et vs Il-Kummissjoni (3), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ippreżentat minn Scheucher-Fleisch GmbH kif ukoll minn impriżi oħra (4) bħala parzjalment ammissibbli u annullat id-deċiżjoni C(2004) 2037 finali tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Ġunju 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat NN 34A/2000 fir-rigward ta’ programmi ta’ kwalità u tikketti “AMA‑Biozeichen” u “AMA‑Gütesiegel” fl-Awstrija (5). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni kien iqajjem, fir-realtà, diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni li kien imisshom wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 88(2) KE. Din l-analiżi hija kkontestata mir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll mill-Kummissjoni, fejn din tal-aħħar ressqet appell inċidentali.

    4.        F’dawn il-konklużjonijiet, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dawn l-appelli.

    I –    Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

    5.        Qabel kollox, ser nippreżenta l-artikoli rilevanti tat-Trattat KE qabel ma nippreċiża d-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (6) li huwa r-Regolament li japplika l-Artikoli 87 KE u 88 KE. Ser nippreċiża wkoll il-punti pertinenti tal-linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar.

    A –    It-Trattat KE

    6.        Skont l-Artikolu 87 KE, l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, taħt kwalunkwe forma, li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni intra-Komunitarja, hija pprojbita bħala regola ġenerali, suġġetta għad-derogi elenkati fl-Artikolu 87(2) u (3) KE.

    7.        L-Artikolu 87(3) KE jelenka l-għajnuna li tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni. Fost din l-għajnuna nsibu l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi.

    8.        Sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, it-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikolu 88 KE tiegħu, jistabbilixxi proċedura ta’ stħarriġ kif ukoll ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-għajnuna mill-Istat, li r-rwol ċentrali tagħha ġie ddelegat lill-Kummissjoni. Din il-proċedura ta’ stħarriġ tikkonsisti f’żewġ fażijiet.

    9.        Il-fażi preliminari tal-eżami tal-għajnuna hija stabbilita fl-Artikolu 88(3) KE (7). Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri huma obbligati li jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-proġetti tagħhom li jagħtu lok għall-għoti jew għall-modifika tal-għajnuna u ma jistgħux iwettqu tali proġetti qabel ma l-Kummissjoni tkun waslet għal deċiżjoni. L-uniku skop ta’ din il-fażi huwa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni (8).

    10.      Jekk il-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, hija għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (9). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’tali mod sabiex tkun tista’ tikseb informazzjoni kompleta dwar l-elementi kollha tal-każ (10). Mal-konklużjoni ta’ dan l-eżami, jekk il-Kummissjoni tikkonstata li l-għajnuna inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mat-termini tal-Artikolu 87 KE jew li din l-għajnuna hija applikata b’mod abbużiv, hija tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jneħħiha jew jimmodifikaha fit-terminu ta’ skadenza ffissat minnha.

    B –    Ir-Regolament Nru 659/1999

    11.      Ir-Regolament Nru 659/1999 ikkodifika l-prassi tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattat. Huwa jistabbilixxi regoli li ġew imfassla b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (11).

    12.      B’hekk, l-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament jirriproduċi, f’termini kważi identiċi, id-definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-kunċett ta’ partijiet interessati, fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni (12), li ġiet ikkonfermata sussegwentement b’mod kostanti (13). Skont din id-dispożizzjoni, parti interessata hija “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta' għajnuna, b'mod partikolari l-benefiċjarju ta' l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”.

    13.      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jirrigwarda l-eżami preliminari li l-Kummissjoni għandha tagħmel meta Stat Membru jinnotifikalha proġett intiż sabiex jintroduċi jew jimmodifika għajnuna.

    14.      Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta tliet tipi ta’ deċiżjonijiet. Hija tista’ tiddeċiedi li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna. Hija tista’ wkoll tiddeċiedi li ma hemm l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-miżura nnotifikata, u tiddeċiedi li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Fl-aħħar nett, hija tista’ tiddeċiedi li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE jekk il-miżura nnotifikata tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

    15.      F’din l-aħħar ipoteżi, il-Kummissjoni għandha, b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, tistieden lill-Istat Membru kkonċernat kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu ffissat minnha.

    16.      L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jittratta speċjalment id-drittijiet tal-partijiet interessati. Huwa jfakkar, fis-subartikolu 1 tiegħu, li kull parti interessata tista’ tissottometti osservazzjonijiet wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Huwa jipprovdi wkoll, fis-subartikolu 2 tiegħu, li kull parti interessata tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna illegali u dwar kull allegat użu ħażin tal-għajnuna.

    C –    Il-linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar

    17.      Il-linji gwida Komunitarji applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar tal-prodotti li jaqgħu taħt l-Anness I tat-Trattat KE u ta’ ċerti prodotti li ma jaqgħux taħt l-Anness I (14) jinkwadraw il-miżuri ta’ intervent pubbliku li permezz tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali jgħinu l-finanzjament tal-promozzjoni u r-reklamar ta’ prodotti agrikoli, jew permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji diretti mill-baġit tagħhom, jew minn fondi pubbliċi, inklużi taxxi parafiskali jew kontribuzzjonijiet obbligatorji. Kemm-il darba jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tapprova dan it-tip ta’ attivitajiet, inkwantu dawn jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi fis-settur tal-agrikoltura kif ukoll il-kisba tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni (15).

    18.      Skont il-punt 10 tal-linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar, “[il-]projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat li tinsab fl-Artikolu 87(1) [KE] hija applikabbli biss jekk ir-reklamar iffinanzjat minn fondi pubbliċi joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni billi jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet. Meta dawn l-attivitajiet ta’ reklamar iffinanzjati minn fondi pubbliċi jagħmlu riferiment għall-oriġini nazzjonali jew reġjonali tal-prodotti kkonċernati, dawn jiffavorixxu manifestament ċerti prodotti, b’mod li l-Artikolu 87(1) huwa applikabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    19.      Il-punti 49 u 50 ta’ dawn il-linji gwida huma fformulati kif ġej:

    “49.      Sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità għandhom ikunu bbażati unikament fuq l-eżistenza ta’ karatteristiċi oġġettivi intrinsiċi […] u ma jistgħux ikunu bbażati fuq l-oriġini tal-prodotti jew fuq il-post tal-produzzjoni. Kemm jekk dawn is-sistemi ta’ kontroll ta’ kwalità jkunu obbligatorji jew fakultattivi, il‑prodotti kollha manifatturati fil-Komunità għandhom għaldaqstant ikollhom aċċess għalihom, indipendentement mill-oriġini tagħhom, sakemm huma jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa […].

    50.      Meta s-sistema hija limitata għall-prodotti ta’ oriġini partikolari […], din is-sistema tmur kontra t-Trattat u b’hekk huwa evidenti li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li l-għajnuna għar-reklamar favur l-imsemmija sistema hija kompatibbli mas-suq komuni [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    20.      Mill-punt 46 tal-imsemmija linji gwida, jirriżulta li l-oriġini tal-prodotti għandha tinftiehem bħala “oriġini nazzjonali, reġjonali jew lokali”.

    II – Il-fatti li wasslu għal din il-kawża

    21.      Il-fatti, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej.

    22.      Fl-1992, ir-Repubblika tal-Awstrija adottat il-liġi federali dwar l-istabbiliment tal-korp regolatorju tas-suq “Agrarmarkt Austria” (Bundesgesetz über die Errichtung der Marktordnungsstelle “Agrarmarkt Austria”) (16), fejn l-Artikolu 2(1) tagħha jistabbilixxi persuna ġuridika taħt id-dritt pubbliku msejħa “Agrarmarkt Austria” (iktar ’il quddiem, l-“AMA”). L-AMA għandha l-għan li tippromwovi l-marketing agrikolu. Għal dan il-għan, hija inkarigata mill-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom, b’mod partikolari, jitħallsu għat-tbiċċir tal-annimali, b’mod konformi mal-punt 3 tal-Artikolu 21c(1) tal-AMA‑Gesetz 1992.

    23.      L-għajnuna inkwistjoni hija intiża sabiex tinċentiva l-produzzjoni, it-trattament, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli fl-Awstrija permezz tat-tikketta bio “AMA” u tat-tikketta ta’ kwalità “AMA” (iktar ’il quddiem, it-“tikketti ‘AMA’”).

    24.      Peress li r-rikorrenti huma impriżi Awstrijaki speċjalizzati fit-tbiċċir u t-tqattigħ tal-annimali, huma suġġetti għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet lill-AMA. Madankollu, il-prodotti tagħhom ma jibbenefikawx mit-tikketti “AMA”. Għaldaqstant huma indirizzaw ilment lill-Kummissjoni fil-21 ta’ Settembru 1999, fejn sostnew li kienu jħossuhom leżi minn ċerti dispożizzjonijiet tal-AMA‑Gesetz 1992.

    25.      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżuri “innotifikati”. F’dan ir-rigward, hija kienet tal-fehma li l-imsemmija miżuri kienu kompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, inkwantu kienu konformi mal-kundizzjonijiet stipulati mil-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu (17) u mil-linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar.

    III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    26.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti talbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Huma invokaw, essenzjalment, tliet motivi insostenn tar-rikors tagħhom.

    27.      L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-ksur tar-regoli tal-proċedura. Dan kien maqsum f’erba’ partijiet ibbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ notifika lill‑Kummissjoni bl-għajnuna inkwistjoni, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE (18), it-tielet nett, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE (19). Insostenn tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti allegaw li l‑Kummissjoni kisret il-“klawżola ta’ waqfien” stabbilita mill-Artikolu 88(3) KE u mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 659/1999.

    28.      Il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti, fejn ikkunsidrat li huma ma kinux ikkonċernati, la direttament u lanqas individwalment, mid-deċiżjoni kontenzjuża. Fir-rigward tal-garanziji proċedurali ffissati mill-Artikolu 88(2) KE, hija kkunsidrat ukoll li ma kinitx obbligata li tintima lir-rikorrenti sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom inkwantu huma, billi kienu ppreżentaw ilment, kienu diġà ħadu pożizzjoni u b’hekk kienu eżawrixxew id-dritt tagħhom li jippreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    29.      Il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors parzjalment ammissibbli u annullat id-deċiżjoni kkontestata.

    IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    30.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Jannar 2010, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat appell kontra s-sentenza appellata.

    31.      Hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u, fil-kuntest tal-evokazzjoni tal-kawża, li tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob ukoll li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż fiż-żewġ istanzi.

    32.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fit-22 ta’ April 2010, il-Kummissjoni tindika li tappoġġa mingħajr riżervi l-appell ippreżentat mir-Repubblika tal-Awstrija u li taqbel mal-aggravji kollha invokati minn dan l-Istat. Madankollu, hija tifformula argumenti supplimentari sabiex tikseb l-annullament tas-sentenza appellata. Ir-rikorrenti kif ukoll ir-Repubblika tal-Awstrija interpretaw dawn l-iżviluppi bħala aggravji ġodda u rrispondew permezz ta’ noti separati, datati rispettivament it-28 ta’ Ġunju 2010 u t-22 ta’ Lulju 2010, billi invokaw l-Artikolu 117(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    33.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex argument jiġi kkwalifikat bħala appell inċidentali jeħtieġ, skont l-imsemmija dispożizzjoni, li l-parti li tinvokah tkun trid tikseb l-annullament totali jew parzjali tas-sentenza appellata fuq aggravju li ma kienx tqajjem fl-appell. Sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-kliem, l-għan u l-kuntest tas-silta inkwistjoni fir-risposta (20).

    34.      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni mkien ma tuża l-espressjoni “appell inċidentali”. Fil-punt 1 tal-imsemmija risposta, hija tindika li “peress li l-appell [tar-Repubblika tal-Awstrija] huwa mmotivat korrettament u b’mod tajjeb ħafna fuq il-punti kollha, [hija] ser tillimita ruħha biex tippreżenta argumenti kumplimentari”.

    35.      Għalkemm il-kliem ma jippermettux li jinsiltu konklużjonijiet dwar l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni, il-portata tal-argumenti tippermetti, madankollu, li jitqies li dan huwa appell inċidentali.

    36.      Nifhem li, effettivament, il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji ġodda. Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tipprova turi li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod korrett l-ammissibbiltà tar-rikors billi bbażat ruħha fuq argumenti li ma ġewx invokati mir-Repubblika tal-Awstrija. Fir-rigward tat-tieni u t-tielet aggravji, dawn huma bbażati rispettivament fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    37.      Il-Kummissjoni taqbel mat-talbiet kollha tar-Repubblika tal-Awstrija. Hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata u, fil-kuntest tal-evokazzjoni tal-kawża, tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, infondat. Hija titlob ukoll li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    38.      Ir-rikorrenti jitolbu, min-naħa tagħhom, li jiġi miċħud l-appell ippreżentat mir-Repubblika tal-Awstrija u jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkundanna lill-imsemmi Stat ibati l-ispejjeż.

    V –    Fuq l-appell prinċipali

    39.      Ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    40.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod korrett l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti. B’mod partikolari, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkwalifikat lil dawn tal-aħħar bħala “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE. Barra minn hekk, hija applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza billi ddikjarat l-ammisibbiltà tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, u tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, minkejja li r-rikorrenti ma wrewx li l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom kienet ġiet affettwata b’mod sostanzjali.

    41.      It-tieni aggravju huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-neċessità li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Billi rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u, barra minn hekk, naqset mid-dmir tagħha ta’ motivazzjoni.

    42.      It-tielet u r-raba’ aggravji huma bbażati rispettivament fuq allegat ksur tar-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova u tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    A –    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti

    43.      Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi, huwa neċessarju li nfakkar il-linji prinċipali tar-raġunament li l-Qorti Ġenerali adottat fis-sentenza appellata.

    1.      Is-sentenza appellata

    44.      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti kienu kkonċernati direttament bid-deċiżjoni kontenzjuża fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-għajnuna inkwistjoni kienet diġà ġiet implementata, u li l-possibbiltà li l-awtoritajiet Awstrijaki jiddeċiedu li ma jagħtuhomx kienet purament teoretika.

    45.      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk ir-rikorrenti kinux ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża. Għall-kuntrarju tal-kawżi li ppermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-ġurisprudenza tagħha għall-każ u, b’mod partikolari, għal dawk li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cook vs Il-Kummissjoni, Matra vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum kif ukoll għas-sentenzi Il-Ġermanja et vs Kronofrance (21) u British Aggregates vs Il-Kummissjoni (22), ir-rikorrenti invokaw kemm motivi intiżi sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet proċedurali tagħhom kif ukoll motivi intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’hekk evalwat l-ammissibbiltà tar-rikors skont kull wieħed mill-motivi invokati.

    46.      Fl-ewwel lok, fil-punti 51 sa 56 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet ammissibbli t-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-garanziji proċedurali. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikorrenti, li kienu joperaw fl-istess suq ġeografiku bħall-impriżi li jibbenefikaw mit-tikketti “AMA”, kienu kompetituri ta’ dawn tal-aħħar. Hija indikat ukoll, b’risposta għall-argument imqajjem mill-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma setgħux jiġu mċaħħda mid-dritt għar-rispett tal-garanziji proċedurali tagħhom minħabba l-fatt li huma kellhom il-possibbiltà, permezz tal-preżentata tal-ilment tagħhom, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura ta’ eżami preliminari abbażi tal-Artikolu 88(3) KE.

    47.      Fit-tieni lok, fil-punti 57 sa 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk ir-rikorrenti kellhomx locus standi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti ma wrewx, fis-sens tal-ġurisprudenza, li l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq setgħet tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna inkwistjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala inammissibbli, minn naħa, l-ewwel motiv, fl-ewwel u r-raba’ partijiet tiegħu bbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta’ notifika tal-għajnuna inkwistjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u, min-naħa l-oħra, it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-“klawsola ta' waqfien” iffissata mill-Artikolu 88(3) KE u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 659/1999.

    48.      Fit-tielet lok, fil-punti 62 sa 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qajmet id-domanda dwar l-ammissibbiltà tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dmir ta’ motivazzjoni u dik tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs L-Awtorità Għolja (23), il-Qorti Ġenerali interpretat dawn il-motivi fir-rigward tas-sustanza tagħhom pjuttost milli l-kwalifikazzjoni tagħhom. Hija kkunsidrat li l-imsemmija motivi kienu jipprovdu elementi insostenn tal-ksur tal-garanziji proċedurali allegat mir-rikorrenti u kkunsidrathom bħala ammissibbli.

    2.      L-argumenti tal-partijiet

    49.      Permezz tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Kummissjoni, tiddikjara li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-Qorti Ġenerali jmissha ċaħdet ir-rikors kollu bħala inammissibbli.

    50.      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat lir-rikorrenti bħala kkonċernati direttament u individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u billi kkwalifikat lil dawn tal-aħħar bħala partijiet “interessati” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE.

    51.      Fir-rigward tal-mod kif ġew affettwati direttament ir-rikorrenti, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma bbażatx ir-raġunament tagħha fuq l-implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Hija ssostni wkoll li r-rikorrenti ma kinux ikkonċernati direttament, la mill-AMA‑Gesetz 1992, peress li dak it-test kien jikkostitwixxi miżura ta’ portata ġenerali, u lanqas mid-deċiżjoni kontenzjuża. Ir-Repubblika tal-Awstrija tirrileva, barra minn hekk, li r-rikorrenti ma jipproċedux għat-tbiċċir u t-tqattigħ ta’ annimali importati minn Stati Membri oħra u barra minn hekk iddeċidew, liberament li jirrinunzjaw għall-għajnuna inkwistjoni.

    52.      It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ammettiet l-ammissibbiltà tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, minkejja li r-rikorrenti ma kinux urew li l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom kienet ġiet affettwata b’mod sostanzjali. Fil-fatt, ġaladarba r-rikorrenti kkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża, huma kienu obbligati li jġibu prova ta’ dan.

    53.      Billi aċċettat l-ammissibbiltà ta’ dawn l-argumenti, il-Qorti Ġenerali konsegwentement żnaturat ir-rekwiżiti ffissati mill-ġurisprudenza u estendiet, b’mod sostanzjali, iċ-ċirku ta’ rikorrenti potenzjali. Barra minn hekk, hija vvizzjat il-motivazzjoni tagħha b’kontradizzjoni.

    54.      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tagħmel kritika mqanqla fir-rigward tal-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cook vs Il-Kummissjoni, Matra vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, li fuqha tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Sa fejn din il-ġurisprudenza toħloq drittijiet proċedurali favur il-partijiet interessati, hija tmur kontra l-Artikolu 88 TFUE, peress li din id-dispożizzjoni tipproteġi biss l-interessi tal-Istati Membri.

    55.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq Cook vs Il-Kummissjoni u Matra vs Il-Kummissjoni twassal għal kontradizzjonijiet li ma jistgħux jiġu solvuti. Individwu li jippreżenta rikors sabiex jissalvagwarda d-drittijiet proċedurali tiegħu taħt l-Artikolu 88(2) KE huwa affettwat individwalment, minkejja li ma jissodisfax il-kriterji ffissati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni (24). Tali approċċ iġib fix-xejn is-sinjifikat kollu tal-kunċett ta’ “tirrigwarda [...] individwalment”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, u jiftaħ il-possibbiltà ta’ actio popolaris.

    56.      Tali kontradizzjonijiet huma aċċentwati bl-approċċ tal-Qorti Ġenerali, li għandha tendenza li tinterpreta l-motivi ta’ rikorrent abbażi tas-sustanza tagħhom pjuttost milli mill-kwalifika tagħhom. Il-Kummissjoni għaldaqstant tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika, fil-każijiet kollha fejn ir-rikorrent jikkontesta deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, il-kriterju tal-interess dirett u individwali ffissat mill-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

    57.      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali applikat il-ġurisprudenza b’mod preċiż u setgħet ġustament tevalwa b’mod distint il-motivi differenti mqajma fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħhom. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkwalifikathom bħala partijiet “interessati”, sa fejn id-deċiżjoni kontenzjuża kkonstatat li ċerti impriżi kienu ffavoriti, indipendentement mill-pożizzjoni tagħhom fil-katina ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni.

    3.      L-evalwazzjoni tiegħi

    58.      Qabel ma neżamina l-fondatezza tal-argumenti mqajma mir-Repubblika tal-Awstrija, huwa neċessarju li qabel kollox tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet tal-persuna li tilmenta fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat.

    a)      Il-ġurisprudenza dwar id-drittijiet tal-persuna li tilmenta fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat

    59.      Il-ġurisprudenza dwar id-drittijiet tal-persuna li tilmenta fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq il-premessa li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest huma indirizzati lill-Istati Membri, inkluż meta dawn id-deċiżjonijiet jingħataw wara lmenti kontra miżura bħala għajnuna li tmur kontra t-Trattat (25).

    60.      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra biss jekk din id-deċiżjoni tkun tikkonċernaha direttament u individwalment.

    61.      Id-drittijiet tal-persuna li tilmenta fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, hekk kif kienu ġew ippreċiżati mill-ġurisprudenza, jiddependu, minn naħa, fuq il-punt dwar jekk dawn il-persuni li jagħmlu lment jistgħux jitqiesu li huma “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE u, min-naħa l-oħra, fuq is-suġġett tar-rikors tagħhom.

    62.      Qabel kollox, għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “partijiet interessati” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dan ġie ddefinit b’mod ġenerali bħala li jinkludi l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu eventwalment affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu bejniethom u l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ. Din id-definizzjoni kienet adottata fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999.

    63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ħafna fakkret li l-kwalità partikolari ta’ parti interessata hija biżżejjed sabiex impriża tiġi individwalizzata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    64.      B’hekk kull impriża li tista’ tinvoka relazzjoni ta’ kompetizzjoni, anki jekk potenzjali, tista’ tiġi kkwalifikata bħala “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, u titqies bħala kkonċernata direttament u individwalment mid-deċiżjoni inkwistjoni (26).

    65.      Sussegwentement, fir-rigward tad-dritt ta’ rimedju għal dawn il-partijiet interessati, dan huwa bbażat fuq id-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom minn din id-dispożizzjoni. B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, huwa meta l-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u biss f’dan l-istadju, li hija obbligata tiġbor il-kummenti tagħhom (27).

    66.      Issa, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma għandhiex tittieħed azzjoni dwar ilment jew jidhrilha li l-miżura ddenunzjata mill-persuni li jilmentaw ma tikkostitwixxix għajnuna jew tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, hija ma tagħtix bidu għall-fażi ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk iċċaħħad lill-persuni li jilmentaw, sa fejn huma partijiet interessati, mill-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet.

    67.      Sabiex ikunu jistgħu jiksbu r-rispett ta’ dan id-dritt proċedurali, il-ġurisprudenza rrikonoxxitilhom għaldaqstant li għandhom dritt jikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qrati tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan ir-rikors jista’ jkollu bħala suġġett biss is-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li dan għandu jqiegħed inkwistjoni n-nuqqas ta’ bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dan id-dritt għal rimedju, li ġie stabbilit fis-sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni u Matra vs Il-Kummissjoni, ġie kkonfermat sussegwentement b’mod kostanti (28).

    68.      Minn dan isegwi li l-kwalità ta’ parti “interessat[a]”, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-persuna li tagħmel ilment hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, inkwantu hija tikkontesta n-nuqqas ta’ bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (29).

    69.      Min-naħa l-oħra, meta r-rikorrent iqiegħed direttament inkwistjoni l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, huwa jsib ruħu fl-istess sitwazzjoni bħal kull persuna li jkollha l-intenzjoni li tikkontesta deċiżjoni li ma tkunx indirizzata lilha. Is-sempliċi fatt li jista’ jitqies bħala parti “interessata” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE ma huwiex biżżejjed u għalhekk irid jiġi pprovat li huwa għandu status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (30). Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta tali prova u tiddeċiedi li r-rikors huwa ammissibbli meta r-rikorrent juri li l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fis-suq hija affettwata b’mod sostanzjali mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (31).

    70.      B’hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li jekk rikorrent jikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-fażi ta’ investigazzjoni formali billi jallega li d-drittijiet proċedurali tiegħu ġew miksura, huwa għandu juri li huwa parti “interessata” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE inkwantu l-interessi tiegħu jistgħu jiġu affettwati (32) mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni.

    71.      Jekk, min-naħa l-oħra, dan ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, huwa għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jistabbilixxi li l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fis-suq hija affettwata b’mod sostanzjali (33). Għaldaqstant l-aċċess tiegħu għall-qorti tal-Unjoni Ewropea huwa inqas faċli milli fl-ewwel każ.

    72.      Din il-ġurisprudenza, li ġiet ikkonfermata ulterjorment fis-sentenzi mogħtija fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Ġermanja et vs Kronofrance u British Aggregates vs Il-Kummissjoni, kienet suġġetta għal ħafna kritika (34).

    73.      Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tqajjem ċerti mistoqsijiet u ma tagħtix kontenut ċar lill-Artikolu 88(3) KE. Din il-kawża hija eżempju perfett ta’ dan għaliex turi d-diffikultajiet li tista’ tiltaqa’ magħhom il-qorti meta jkollha tiddistingwi l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-uniku u l-istess rikors ippreżentat kontra l-unika u l-istess deċiżjoni skont jekk ir-rikors ikunx jittratta s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali jew il-kontestazzjoni tad-deċiżjoni fuq il-mertu.

    74.      Din il-kawża b’hekk tqajjem problema partikolari, li diġà semmejt fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħi mogħtija fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq (35).

    75.      Ġie kkonstatat li huwa totalment artifiċjali li ssir distinzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-uniku u l-istess rikors ippreżentat kontra l-unika u l-istess deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors li fl-aħħar mill-aħħar ikollu l-istess suġġett. Fil-fatt, l-għan tar-rikorrent huwa, fl-opinjoni tiegħi, identiku indipendentement mill-fatt li huwa jinvoka s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tiegħu jew li jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna. Fiż-żewġ każijiet inkwistjoni, l-għan tar-rikorrent, permezz tar-rikors tiegħu, huwa li jingħata bidu għall-fażi formali tal-eżami tal-għajnuna.

    76.      Għalhekk din il-ġurisprudenza twassal għar-restrizzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-parti interessata fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi drittijiet lil dawn il-partijiet meta dawn jallegaw, insostenn tar-rikors tagħhom, ksur tal-garanziji proċedurali taghhom, hija fl-istess ħin iċċaħħadhom minnhom meta dawn jixtiequ jikkontestaw il-fondatezza nfisha tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna. L-aċċess għall-qorti tal-Unjoni huwa madankollu wieħed mill-oqsma li, fl-opinjoni tiegħi, iktar minn kwalunkwe settur ieħor, jeżiġi li d-dritt ikun ċar u koerenti. Ir-restrizzjonijiet fuq id-dritt li għandhom il-persuni li jiksbu stħarriġ ġudizzjarju tar-regoli u l-miżuri li l-istituzzjonijiet japplikaw għall-attività jew għas-sitwazzjoni tagħhom għandhom jinftiehmu faċilment.

    77.      Barra minn hekk, tali distinzjoni trendi l-kompitu tal-qorti tal-Unjoni delikat peress li mhux dejjem huwa faċli, fil-qari ta’ rikors għal annullament, li ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ każijiet. Din il-kawża b’hekk hija eżempju perfett ta’ dan, peress li fil-preżent il-Qorti Ġenerali qed tiġi kkritikata talli ma wettqitx il-funzjoni tagħha b’mod korrett, inkwantu r-rikorrenti invokaw kemm motivi intiżi sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet proċedurali tagħhom kif ukoll motivi li jqiegħdu inkwistjoni l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

    78.      F’dan il-każ, għandu jiġi aċċettat l-argument li l-Gvern Awstrijak qajjem f’din il-kawża u, jekk ir-rikorrenti ma ġewx affettwati b’mod sostanzjali, l-appell għandu jitqies bħala inammissibbli fit-totalità tiegħu jew għandu jitqies bħala parzjalment inammissibbli bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata?

    79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha kif iddeċidiet kwistjoni identika fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq.

    80.      Fis-sentenza Kronoply u Kronotex vs Il-Kummissjoni (36), il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha għal sempliċi formulazzjoni tal-motivi mqajma mill-impriżi. Hija investigat jekk, mis-sustanza tagħhom stess, uħud mill-argumenti mqajma minnhom isostnux l-eżistenza ta’ ksur tal-garanziji proċedurali tagħhom u jqajmux dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE. Il-Qorti Ġenerali b’hekk eżaminat il-motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u ksur tal-Artikolu 87(1) u (3)(ċ) KE. Skont il-qorti tal-ewwel istanza, dawn l-argumenti jistgħu jsiru wkoll fir-rigward tal-motiv li jallega l-ksur tal-garanziji proċedurali li ġie invokat ukoll mill-impriżi.

    81.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi rraġunat hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkommettiet ebda żball ta’ liġi.

    82.      F’dan ir-rigward, huwa interessanti li jsir riferiment għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tinsab fil-punt 59 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq:

    “Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jikkontesta l-fatt li [din id-deċiżjoni] mingħajr ma [l-Kummissjoni] tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li għandha l-Kummissjoni, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura notifikata, kellha tqajjem dubji dwar il-kumpatibbiltà tagħha mas-suq komuni […]”.

    83.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk tidher li solviet uħud mid-diffikultajiet ikkawżati mill-ġurisprudenza klassika billi adottat soluzzjoni li tirrispetta iktar id-drittijiet fundamentali mogħtija lill-persuni mill-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    84.      Fil-fatt, meta persuna tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, adottata wara t-tmiem tal-eżami preliminari, hija neċessarjament tqiegħed inkwistjoni n-nuqqas ta’ bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u għaldaqstant għandha l-għan li tikseb id-difiża tad-drittijiet proċedurali tagħha. Ir-rikors ta’ din il-persuna għandu l-għan li jagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li fil-kuntest tagħha r-rikorrent ikun jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, u dan huwa l-għan waħdieni tagħha, indipendentement mill-motiv invokat. Bl-istess mod, meta persuna tinvoka s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha, hija neċessarjament tqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ dubji jew ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni li, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, jiġġustifikaw il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    85.      Huwa f’dan il-kuntest ġurisprudenzjali li issa għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-Repubblika tal-Awstrija.

    b)      Fuq il-kwalità tar-rikorrenti fl-ewwel istanza bħala partijiet interessati

    86.      Huwa fil-punti 51 sa 53 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk ir-rikorrenti effettivament kellhomx locus standi sabiex jiksbu s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħhom. Fuq dik il-bażi, il-Qorti Ġenerali identifikat il-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni billi bbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-punti 14 u 27 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors tagħhom. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li l-benefiċjarji tat-tikketti “AMA” “ma humiex biss il‑bejjiegħa bl-imnut”, iżda “jinkludu t-totalità tal-impriżi li jagħmlu parti mill-katina ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni speċifika għat‑tikketti ‘AMA’”.

    87.      Il-Qorti Ġenerali sussegwentement studjat il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti f’dan is-suq. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li “ir-rikorrenti, impriżi li jispeċjalizzaw fit-tbiċċir u t‑tqattiegħ tal-annimali, jikkompetu mal-impriżi ta’ tbiċċir u ta’ tqattiegħ tal-annimali li jibbenifikaw mit-tikketti ‘AMA’ [u li huma] joperaw ukoll fuq l-istess suq ġeografiku, jiġifieri l-Awstrija”. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikorrenti għandhom locus standi sa fejn għandhom l-intenzjoni li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħhom taħt l-Artikolu 88(2) KE.

    88.      Jidhirli li dan l-eżami ma huwa vvizzjat minn ebda żball ta’ liġi.

    89.      Qabel kollox, hemm lok sabiex ma titqiegħedx inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-fatti li saret mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, għalkemm ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkwalifikat lir-rikorrenti bħala “impriżi kompetituri tal-impriżi tat-tbiċċir u t-tqattiegħ tal-annimali”, hija ma tallegax li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi mill-proċess. Ir-Repubblika tal-Awstrija b’hekk tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa mill-ġdid il-fatti li ġew sottomessi lill-Qorti Ġenerali, li ma jaqax taħt il-kompetenza tagħha fil-kuntest ta’ appell.

    90.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225(1) KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. B’hekk il-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti. Barra minn hekk, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li jkunu tressqu quddiemha, ladarba l-provi li hija tkun qieset insostenn ta’ dawn il-fatti jkunu nkisbu b’mod regolari u, ladarba l-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ biss il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali misluta mill-Qorti Ġenerali, sakemm l-appellant ma jallegax li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi sottomessi lilha. F’din l-ipoteżi, l-appellant għalhekk għandu jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (37).

    91.      Issa, f’din il-kawża, tali prova hija nieqsa.

    92.      B’dan premess, issa għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, inkwantu huma speċjalizzati fit-tbiċċir u t-tqattigħ tal-annimali, setgħux ġustament jiġu kkwalifikati bħala partijiet “interessati” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE.

    93.      Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju dwar dan. Fil-fatt, ir-rikorrenti huma attivi fis-suq tat-tbiċċir u t-tqattigħ tal-annimali fl-Awstrija bħala l-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna. Is-suq tal-prodotti b’hekk huwa l-istess, kif inhu s-suq ġeografiku. Peress li huma impriżi kompetituri tal-kumpanniji li jibbenefikaw mill-miżuri ddenunzjati, b’hekk ma hemm ebda dubju li r-rikorrenti jinsabu fost il-partijiet “interessati” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE (38).

    94.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, din il-kwalità b’hekk hija biżżejjed sabiex jiġu meqjusa bħala direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża.

    95.      Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ġustament setgħet tiddikjara, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li t-talba tar-rikorrenti biex tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ammissibbli inkwantu huma riedu jissalvagwardaw id-drittijiet proċedurali tagħhom.

    96.      Fir-rigward ta’ din il-konklużjoni, jidhirli li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-kritika li tagħmel ir-Repubblika tal-Awstrija fil-konfront tal-punti 36 sa 39 tas-sentenza appellata, dwar l-effett dirett fuq ir-rikorrenti. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali għamlet analiżi klassika tal-interess dirett tar-rikorrenti meta din ma kinitx meħtieġa. Fil-fatt, kif għadni kif semmejt, il-kwalità ta’ partijiet interessati kienet biżżejjed sabiex jitqiesu li huma kkonċernati direttament (39) u individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (40).

    97.      Għaldaqstant jidhirli li l-kritika tar-Repubblika tal-Awstrija ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, anki kieku kienet fondata, ma tistax tinvalida l-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali fil-punt 55 tas-sentenza appellata.

    c)      Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tat-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE

    98.      Infakkar li r-Repubblika tal-Awstrija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ddikjaratx ir-rikors inammissibbli kollu kemm hu u talli aċċettat, fin-nuqqas ta’ effett sostanzjali fuq ir-rikorrenti, l-ammissibbiltà tal-motivi li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    99.      Fil-fehma tiegħi, din il-kritika għandha tiġi miċħuda fid-dawl tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq.

    100. Fil-fatt, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali adottat raġunament identiku għal dak li jinsab fis-sentenza Kronoply u Kronotex vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Hija eżaminat it-tielet parti tal-ewwel motiv kif ukoll it-tieni motiv invokati mir-rikorrenti, u kienet tal-fehma li dawn l-argumenti setgħu jissostanzjaw l-eżistenza ta’ ksur tal-garanziji proċedurali tagħhom u joħolqu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, u b’hekk jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE.

    101. Huwa evidenti, fil-fehma tiegħi, li l-eżami tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jipprovdi elementi insostenn ta’ allegat ksur tal-garanziji proċedurali.

    102. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tispjega b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għalfejn il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati fl-ilment tagħhom ma kinux biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (41). L-istess rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu, fil-fehma tiegħi, jirriżulta jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżura li fil-konfront tagħha tqajjem l-ilment tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq komuni. Fin-nuqqas, kif tirrileva l-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-partijiet interessati ma jistgħux ikunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ddeċidiet li ma kienx hemm diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni, li jiġġustifikaw eżami iktar fil-fond.

    103. Issa, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, l-evalwazzjoni tiegħu effettivament twassal lill-Qorti tal-Unjoni sabiex teżamina l-argumenti relatati mal-merti tal-għajnuna inkwistjoni. Għaldaqstant, jidhirli li dan l-eżami huwa neċessarju.

    104. Fil-fatt, jidhirli li r-rikorrenti għandhom dritt li l-Qorti tal-Unjoni tistħarreġ l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni li, fid-dawl tal-informazzjoni li hija kellha fit-30 ta’ Ġunju 2004, din tal-aħħar setgħet legalment tipproċedi għal deċiżjoni u, impliċitament, tgħid li ma kien hemm ebda dubju dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni.

    105. Ma għandux jintesa li, billi pprovdiet rimedju għal min iressaq ilment, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet li d-drittijiet proċedurali ggarantiti mill-Artikolu 88(2) KE jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni partikolari u jistgħu jagħtu lok għal stħarriġ ġudizzjarju. Issa, billi għaldaqstant wessgħet l-aċċess għall-qrati Komunitarji, il-Qorti tal-Ġustizzja saħħet ukoll l-istħarriġ tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, billi ppermettiet lil kompetitur, anki jekk potenzjali, tal-benefiċjarju tal-miżura kontenzjuża jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura ma toħloqx diffikultajiet serji fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

    106. Għaldaqstant, jidhirli li l-Qorti Ġenerali setgħet leġittimament taċċetta l-ammissibbiltà tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u dik tat-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

    107. B’hekk, l-ilment tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq kontradizzjoni ta’ motivi għandu jiġi miċħud.

    108. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali evalwat korrettament l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament imressaq mir-rikorrenti fil-konfront tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    109. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju, li huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti, bħala infondat.

    B –    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni

    1.      L-argumenti tal-partijiet

    110. Permezz tat-tieni aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija, appoġġjata mill-Kummissjoni, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni kienet tqajjem diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 88(2) KE.

    111. L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat l-evalwazzjoni tagħha esklużivament fuq it-test tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992 li jillimita, fil-punt 1 tiegħu, l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni biss għall-prodotti nazzjonali. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impenji meħuda mir-Repubblika tal-Awstrija sabiex tneħħi din il-limitazzjoni. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-emendi li saru wara s-26 ta’ Settembru 2002 għat-testi tad-direttivi tal-AMA u naqset ukoll milli tikkunsidra t-test tal-punt 5 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992.

    112. It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni kellha ssir biss fir-rigward tad-direttivi tal-AMA, inkwantu dawn jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ din l-għajnuna, peress li l-AMA-Gesetz 1992 tippreċiża biss l-għanijiet ġeneriċi u l-kundizzjonijiet tal-finanzjament ta’ din l-għajnuna.

    113. It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, fin-nuqqas ta’ analiżi ġuridika tad-direttivi tal-AMA, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

    114. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li l-Qorti Ġenerali ma pproponietx kriterji ċari li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, peress li fil-fehma tagħha dan il-kunċett huwa suġġettiv. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cook vs Il-Kummissjoni u Matra vs Il-Kummissjoni, ma ppreċiżatx il-kundizzjonijiet li fihom għandha tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li hija adottat id-deċiżjoni kontenzjuża fuq il-bażi tal-wegħda tal-awtoritajiet Awstrijaki li d-direttivi tal-AMA biss, u mhux l-Artikolu 21a tal-AMA-Gesetz 1992, ser jiġu applikati.

    115. L-appellanti jikkontestaw dawn l-evalwazzjonijiet.

    2.      L-evalwazzjoni tiegħi

    116. Qabel ma neżamina l-fondatezza tal-kritika li saret mir-Repubblika tal-Awstrija, infakkar il-prinċipji ġenerali tal-ġurisprudenza dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari meta jkollha diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni.

    a)      L-obbligi tal-Kummissjoni

    117. Il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mat-Trattat. Fuq din il-bażi, hija għandha l-obbligu li tara li ebda għajnuna kontra t-Trattat ma tingħata jew tinżamm fis-seħħ (42).

    118. B’hekk, meta l-Kummissjoni jkollha quddiemha lment li jiddenunzja għajnuna allegatament illegali, hija għandha l-obbligu, qabel kollox, li tipproċedi għal eżami diliġenti u imparzjali ta’ dan l-ilment (43).

    119. Sussegwentement, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżura ddenunzjata fl-ilment ma tikkostiwixxix għajnuna, hija għandha l-obbligu li tispjega b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għalfejn il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati fl-ilment ma kinux suffiċjenti sabiex jipprovaw l-eżistenza ta’ tali għajnuna (44).

    120. Finalment, jekk, fi tmiem il-fażi preliminari tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni (45) li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni jew jekk ma jkunx irnexxielha tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna, hija ssib ruħha fl-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (46). Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar il-fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni tavża lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (47).

    121. F’dan ir-rigward, is-setgħa tal-Kummissjoni hija ristretta (48). Fil-fatt, il-qorti għandha tendenza li tippreżerva d-drittijiet mogħtija lill-partijiet interessati, peress li jekk jiġi rikonoxxut li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali, ikun hemm riskju li dawn id-drittijiet jinbidlu billi huwa diffiċli li tinġieb prova ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    122. Fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, il-qorti tal-Unjoni b’hekk trid issaqsi dwar jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u legali li huma partikolari għall-kawża, il-Kummissjoni kellhiex l-obbligu li tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE (49).

    123. Fir-rigward tal-kunċett ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni, dan ma ġiex iddefinit, la mil-leġiżlatur tal-Unjoni u lanqas mill-qrati tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza, dan il-kunċett għandu, madankollu, jkun ta’ natura oġġettiva u ċerti kriterji jistgħu jippermettu lill-qorti tal-Unjoni tiddetermina jekk l-evalwazzjoni ta’ għajnuna kinitx tqajjem, fil-fatt, dan it-tip ta’ diffikultajiet (50). B’hekk din il-qorti għandha teżamina ċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tal-att ikkontestat u, b’mod partikolari, il-kontenut tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Hija għandha teżamina wkoll il-kontenut ta’ dan l-att, billi tqabbel il-motivi tad-deċiżjoni mal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha meta tat deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża. Finalment, il-qorti tal-Unjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-proċedura preliminari.

    b)      Fuq il-fondatezza tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni

    124. Jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-limitazzjoni għall-prodotti nazzjonali stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992 toħloq dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni u li għaldaqstant dan imissu wassal lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE.

    125. Wara li fakkret, ġustament, l-obbligi li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali għamlet sforz, fil-punti 75 sa 85 tas-sentenza appellata, sabiex teżamina ċ-ċirkustanzi tal-każ li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

    126. Fil-punti 75 sa 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, qabel kollox, l-evalwazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Hija bbażat ruħha, sostanzjalment, fuq id-direttivi tal-AMA sabiex tikkunsidra li l-miżuri nnotifikati ma kinux limitati għall-prodotti Awstrijaki, u dan b’mod konformi mal-linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar.

    127. Fil-punti 81 sa 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sussegwentement qajmet il-kwistjoni tal-kontradizzjonijiet li jirriżultaw mit-test tal-Artikolu 21a tal-AMA-Gesetz 1992. Fil-fatt, skont il-punt 1 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992, il-kontribuzzjoni lill-AMA trid tippermetti li tiġi żgurata “il-promozzjoni u l-garanzija tal-bejgħ tal-prodotti agrikoli u tal-foresti nazzjonali [(51)]”.

    128. Issa, hekk kif tirrileva l-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma kkontestatx il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni peress li r-Repubblika tal-Awstrija impenjat ruħha li tneħħi t-terminu “nazzjonali” b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007.

    129. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fil-mument meta l-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-Artikolu 21a tal-AMA-Gesetz 1992 kienu għaldaqstant jirrigwardaw biss il-prodotti nazzjonali.

    130. Finalment, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-dispożizzjonijiet tal-punt 5 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992 kif ukoll l-emendi li saru għad-direttivi tal-AMA.

    131. Skont dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali kkonstatat kontradizzjoni bejn il-kliem tal-AMA-Gesetz 1992, li jikkostitwixxu r-regola bażika, u dawk tad-direttivi tal-AMA li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha.

    132. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-limitazzjoni għall-prodotti nazzjonali ddikjarata fil-punt 1 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992 kienet tqajjem diffikultajiet serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mal-linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar.

    133. Kif jidher, huwa diffiċli li wieħed isostni li kontradizzjoni bejn ir-regola bażika u r-regolamenti ta’ applikazzjoni, li jikkostitwixxu rispettivament l-AMA-Gesetz 1992 u d-direttivi tal-AMA, ma kinitx toħloq diffikultajiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Sa fejn din il-kontradizzjoni kienet tirrigwarda element ta’ evalwazzjoni essenzjali, jiġifieri l-inklużjoni tal-prodotti barranin fil-kamp ta’ prodotti li jibbenefikaw mit-tikketti “AMA”, hija tqajjem apertament il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema inkwistjoni mal-Artikolu 28 KE u l-linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar (52). Dan tal-ewwel jipprojbixxi kull restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri. Fir-rigward tal-aħħar, dawn jippreċiżaw li skema nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità, li tkun limitata għall-prodotti ta’ oriġini partikolari (oriġini nazzjonali, reġjonali jew lokali), huwa kontra t-Trattat.

    134. Il-portata tad-diskussjonijiet li saru bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Awstrija kienet tali li tiżvela l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ evalwazzjoni (53), peress li dan l-Istat Membru ntrabat li jimmodifika ulterjorment it-test tal-punt 1 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992.

    135. Fil-fehma tiegħi, din il-wegħda ma kinitx tippermetti li jiġu riżolti dawn id-diffikultajiet, b’mod partikolari fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna mhux innotifikata u ma kinitx tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tirrinunzja għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    136. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi tinvoka ċirkustanzi li ma humiex dawk marbuta mal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. B’hekk, kif tfakkar il-Qorti Ġenerali fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-interess ta’ terzi fil-proċedura jew kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija proċedurali jew ta’ konvenjenza amministrattiva sabiex tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, tinvoka l-wegħda li saret mir-Repubblika tal-Awstrija fir-rigward tal-modifika ulterjuri tal-punt 1 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992. Il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni għandha tiġi evalwata b’mod oġġettiv u ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiddependi minn dikjarazzjonijiet, wegħdiet jew aġir li l-Istat Membru kkonċernat ikun beħsiebu jadotta fil-futur. F’dan il-każ, wieħed għandu jammetti li t-test tal-punt 1 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992 kien iqajjem, fil-mument meta l-Kummissjoni eżaminat l-iskema inkwistjoni u ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, diffikultà li l-impenn tar-Repubblika tal-Awstrija ma kienx jippermetti li tiġi megħluba.

    137. Kien biss billi tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE li l-Kummissjoni setgħet tkun f’pożizzjoni li tiċċara dawn id-dubji u tiddetermina jekk, b’mod konformi mat-test tal-punt 1 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992, l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni kienx jikkostitwixxi jew le ksur tal-Artikoli 28 KE u 87 KE u, b’hekk, jekk l-iskema ta’ għajnuna kinitx kompatibbli mas-suq komuni jew le. Il-ftuħ ta’ din il-proċedura b’hekk kien jidher wisq iżjed ġustifikat fir-rigward tal-obbligi li għandha l-Kummissjoni fir-rigward tat-trattament tal-ilmenti. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipproċedi għal eżami diliġenti u imparzjali tal-ilment (54) b’mod li tiggarantixxi li ebda għajnuna li tmur kontra s-suq komuni ma tkun tista’ tiġi implementata.

    138. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena b’hekk naqbel mal-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-limitazzjoni għall-prodotti nazzjonali msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992 toħloq diffikultajiet serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni u li, għaldaqstant, kien imissha wasslet lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE.

    139. Nirrimarka li din il-konklużjoni kienet meħtieġa wkoll fir-rigward tat-tul tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, li huwa argument li ġie invokat ukoll mir-rikorrenti.

    140. Fil-fatt, nosserva li d-deċiżjoni kontenzjuża, tat-30 ta’ Ġunju 2004, ġiet adottata fi tmiem fażi preliminari ta’ investigazzjoni li bdiet fil-21 ta’ Settembru 1999, id-data tal-preżentata tal-ilment tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, jiġifieri iktar minn erba’ snin u disa’ xhur qabel. Ċertament, f’każ fejn, bħal f’dan inkwistjoni, l-għajnuna kkonċernata ma tkunx ġiet innotifikata, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tipproċedi għal eżami preliminari ta’ dawn il-miżuri fit-terminu ta’ xahrejn imsemmi mill-ġurisprudenza (55). Għaldaqstant, meta terz ikun issottometta lment lill-Kummissjoni dwar miżuri statali li ma kienu suġġetti għal ebda notifika, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu, fil-kuntest tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, li tipproċedi għal eżami diliġenti u imparzjali ta’ dan l-ilment (56).

    141. Issa, f’dan il-każ, jidhirli li t-termini jaqbżu dak li huwa normalment meħtieġ għal eżami preliminari, li l-uniku skop tiegħu huwa li jippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni dwar il-kwalifika tal-miżuri suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha u dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (57).

    c)      Fuq in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji

    142. Għandu jiġi mfakkar li r-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma hijiex kompleta inkwantu l-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha unikament fuq it-test tal-Artikolu 21a tal-AMA-Gesetz 1992 mingħajr ma pproċediet għal analiżi ġuridika tad-direttivi tal-AMA.

    143. Jiena ma ninsabx konvint b’dan l-argument.

    144. Għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jeħtieġx li din twettaq preżentazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u individwalment ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l-motivazzjoni tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (58). Fir-rigward ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni jimplika li l-Qorti Ġenerali teżamina l-motivi ta’ annullament invokati mir-rikorrent u tesponi r-raġunijiet li wasslu għaċ-ċaħda tal-motiv jew għall-annullament tal-att ikkontestat.

    145. Issa, f’dan il-każ, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ddikjarat u spjegat b’mod korrett ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li hemm diffikultajiet ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni. Kif ġie kkonstatat, hija ma bbażatx ruħha biss fuq it-termini tal-Artikolu 21a tal-AMA-Gesetz 1992, iżda fuq iċ-ċirkustanzi kollha li jirrigwardaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li juru ġustament u b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ kontradizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma setgħetx tiġi riżolta permezz ta’ analiżi ġuridika tad-direttivi tal-AMA. Barra minn hekk ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ppermetta lir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll lill-Kummissjoni jsiru jafu u jikkritikaw is-sentenza appellata u jippermetti, fil-fehma tiegħi, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

    146. F’dan il-kuntest, jidhirli li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punti 75 sa 87 tas-sentenza appellata, ma tistax tiġi kkritikata.

    147. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad it-tieni aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tan-neċessità li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bħala infondat.

    C –    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq allegat ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova

    1.      L-argumenti tal-partijiet

    148. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Kummissjoni, tirrileva li, skont il-ġurisprudenza, huma r-rikorrenti fl-ewwel istanza li għandhom l-oneru li jipprovaw l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni. Issa, f’din il-kawża, huma ma rnexxilhomx jipproduċu tali prova. Fil-fatt, il-miżuri konkreti ta’ applikazzjoni tal-iskema msemmija mir-rikorrenti fl-ewwel istanza ma jaqgħux, a priori, fl-ambitu tad-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, huma ma kinux f’pożizzjoni li jipproduċu prova li l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni kien limitat għall-produtturi nazzjonali. Għall-kuntrarju, ir-Repubblika tal-Awstrija pprovat li t-tikketti “AMA” jingħataw ukoll lil produtturi barranin.

    149. L-appellati jikkontestaw din l-evalwazzjoni.

    2.      L-evalwazzjoni tiegħi

    150. Inqis li t-tielet aggravju ma huwiex ammissibbli.

    151. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tendenza, min-naħa l-oħra, li tqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjonijiet ta’ fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali kif ukoll il-valur mogħti minn din tal-aħħar lid-diversi provi prodotti lilha. Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-fatti u l-valur li għandu jingħata lill-elementi sottomessi lilha, sakemm l-appellant ma jallegax żnaturament ta’ dawn l-elementi. F’din il-kawża, ir-Repubblika tal-Awstrija tillimita ruħha sabiex tikkritika l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma tipprova l-iżbalji li allegatament wasslu lil din tal-aħħar għall-iżnaturament tal-provi. Il-kritika tagħha b’hekk tikkostitwixxi biss tentattiv li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali bil-verżjoni tagħha tal-fatti, li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    152. Fi kwalunkwe każ u li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis dan l-ilment bħala ammissibbli, jidhirli li ma huwiex fondat.

    153. Fil-fatt, billi pproduċew quddiem il-Qorti Ġenerali t-test tal-AMA-Gesetz 1992, l-appellanti fil-fehma tiegħi pprovdew indikazzjoni b’saħħitha biżżejjed tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni u ppermettew lill-Qorti Ġenerali tevalwa, permezz tad-domandi li għamlet lill-Kummissjoni, iċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża.

    154. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet aggravju bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

    D –    Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

    1.      L-argumenti tal-partijiet

    155. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Kummissjoni, tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha billi ma adottatx il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-kawża. B’mod partikolari, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali jmissha talbet lir-rikorrenti fl-ewwel istanza sabiex jipprovdu informazzjoni konkreta li turi l-kwalità tagħhom ta’ partijiet interessati. Barra minn hekk, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma vverifikatx l-impatt tat-test tal-punt 1 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992 fuq il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni.

    156. L-appellati jikkontestaw din l-evalwazzjoni.

    2.      L-evalwazzjoni tiegħi

    157. Qabel kollox, dan l-ilment għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li ġejjin.

    158. L-ewwel nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija l-Qorti Ġenerali biss li għandha tiġġudika dwar in-neċessità eventwali li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi li jitressqu quddiemha (59).

    159. It-tieni nett, inqis li r-Repubblika tal-Awstrija ma tistax tifformula din il-kritika inkwantu hija ma talbet ebda miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura lill-Qorti Ġenerali.

    160. It-tielet nett, mill-atti tal-proċess u, b’mod partikolari, mid-domandi li l-Qorti Ġenerali indirizzat lill-partijiet jirriżulta li l-punti msemmija mir-Repubblika tal-Awstrija ġew ikkunsidrati espressament.

    161. B’hekk, fil-kuntest tad-domandi tagħha għal risposta bil-miktub, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti fl-ewwel istanza “biex jippreċiżaw, b’mod dettaljat, kif l-interessi tagħhom huma milquta mill-għoti tal-għajnuniet inkwistjoni”, “jekk huma jinsabux f’kompetizzjoni diretta mal-impriżi tat-tbiċċir u tat-tqattiegħ li jibbenefikaw mill-għajnuniet inkwistjoni, billi jispeċifikaw jekk huma joperawx fl-istess suq ġeografiku bħal dawk l-impriżi u f'liema forma dawn tal-aħħar jirċievu l-għajnuniet inkwistjoni”, “ir-raġunijiet għalfejn huma ma jibbenefikawx mill-għajnuniet inkwistjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet li huma għandhom jirrispettaw biex jibbenefikaw minnhom” u, finalment, “jekk u kif il-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija milquta sostanzjalment mill-għajnuniet li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata”.

    162. Barra minn hekk, f’dan l-istess kuntest, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-pożizzjoni tagħha dwar it-test tal-punt 1 tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992 kif ukoll fuq limitazzjoni possibbli tal-iskema inkwistjoni għall-prodotti nazzjonali.

    163. Fil-kuntest tad-domandi tagħha għal risposta bil-miktub u waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali sussegwentement stiednet lill-partijiet kollha fil-kawża sabiex jippreċiżaw jekk l-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor setgħux jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni.

    164. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-kritika tar-Repubblika tal-Awstrija ma hijiex fondata.

    165. Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġenerali, bħala infondat.

    166. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-appell ippreżentat mir-Repubblika tal-Awstrija bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    VI – Fuq l-appell inċidentali

    167. Għar-raġunijiet li semmejt iktar ’il fuq, inqis li fil-kuntest tar-risposta tagħha l-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali.

    168. Nifhem li hija tissolleva tliet aggravji.

    169. Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tipprova li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod korrett l-ammissibbiltà tar-rikors billi bbażat ruħha fuq żewġ argumenti li ma ġewx invokati fil-kuntest tal-appell prinċipali. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju u t-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-dmir ta’ motivazzjoni.

    A –    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza

    170. L-ewwel aggravju jikkonsisti f’żewġ partijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq nuqqas ta’ effett dirett fuq ir-rikorrenti fl-ewwel istanza filwaqt li t-tieni aggravju huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-drittijiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li jifformulaw osservazzjonijiet.

    1.      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ effett dirett fuq ir-rikorrenti fl-ewwel istanza

    a)      L-argumenti tal-partijiet

    171. Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fejn hija kkonkludiet, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza huma direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    172. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat tali effett fuq l-obbligu li għandhom ir-rikorrenti fl-ewwel istanza li jikkontribwixxu għall-AMA. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-taxxi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE, sakemm ma jkunux jikkostitwixxu l-mezzi ta’ finanzjament ta’ għajnuna mill-Istat. Issa, f’dan il-każ, ma hemm ebda rabta bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet lill-AMA u l-vantaġġi mogħtija. Għaldaqstant, dawn il-kontribuzzjonijiet ma jagħmlux parti integrali mill-għajnuna u, b’hekk, l-effett dirett fuq ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ma jistax jiġi ġġustifikat fuq din il-bażi.

    b)      L-evalwazzjoni tiegħi

    173. Fl-opinjoni tiegħi dan l-argument huwa infondat.

    174. Minn qari tal-punti 36 sa 39 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx l-effett dirett fuq ir-rikorrenti fl-ewwel istanza fuq l-obbligu li għandhom dawn tal-aħħar li jikkontribwixxu għall-AMA. Fir-raġunament relattivament qasir tagħha, ma tiġi kkonstatata ebda indikazzjoni li tippermetti li wieħed jasal għall-konklużjoni tal-Kummissjoni.

    175. Fil-fatt, wara li fakkret il-ġurisprudenza dwar l-effett dirett fuq l-individwi, il-Qorti Ġenerali rrilevat dan li ġej fil-punti 37 sa 39 tas-sentenza appellata:

    “37      F’din il-kawża, mill-proċess jirriżulta li, fid-data tal-adozzjoni tad‑deċiżjoni [kontenzjuża], it-30 ta’ Ġunju 2004, l-għajnuna inkwistjoni kienet diġà ġiet implementata mir-Repubblika tal-Awstrija. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jipproduċu paġni tal-Internet tal-AMA u ta’ bejjiegħ bl‑imnut, li minnhom jirriżulta li t-tikketti “AMA” kienu diġà nħarġu qabel id-deċiżjoni kkontestata. Huma jipproduċu wkoll l-ordnijiet għal pagament indirizzati mill-AMA lil Grandits [GmbH] f’dak li jirrigwarda l‑kontribuzzjonijiet dovuti għall-perijodu bejn [ix-xahar ta’] Mejju 2002 u [x-xahar ta’] April 2003, li jkopri, mill-inqas parzjalment, il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-deċiżjoni [kontenzjuża].

    38      Għaldaqstant, il-possibbiltà li l-awtoritajiet Awstrijaċi jiddeċiedu li ma jagħtux l-għajnuna inkwistjoni tidher bħala purament teoretika.

    39      Isegwi li r-rikorrenti huma direttament ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mid-deċiżjoni [kontenzjuża].”

    176. Għalkemm il-Qorti Ġenerali ssemmi l-intimazzjoni għall-ħlas indirizzata lil Grandits GmbH, dan huwa biss bl-iskop li jiġi pprovat li l-iskema kienet diġà ġiet implementata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, u mhux sabiex tibbaża r-raġunament tagħha dwar il-kontribuzzjonijiet dovuti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 21c(1) tal-AMA-Gesetz 1992.

    177. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi ma hemmx lok li tiġi aċċettata din l-ewwel parti bbażata fuq nuqqas ta’ effett dirett fuq ir-rikorrenti.

    178. Fi kwalunkwe każ, għar-raġunijiet li diġà semmejt fil-punti 96 u 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli li din il-kritika ma hijiex valida. Fil-fatt, anki li kieku kienet fondata, inqis li ma tistax tinvalida l-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-locus standi tar-rikorrenti.

    179. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju bħala infondata u, fi kwalunkwe każ, invalida.

    2.      Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tad-drittijiet tar-rikorrenti li jifformulaw osservazzjonijiet

    a)      L-argumenti tal-partijiet

    180. Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-preżentata ta’ lment ma hijiex biżżejjed sabiex iċċaħħad lir-rikorrenti fl-ewwel istanza mid-dritt li jiġu mħarsa l-garanziji proċedurali mogħtija lilhom mill-Artikolu 88(2) KE.

    181. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti diġà kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom meta ppreżentaw l-ilment tagħhom fil-21 ta’ Settembru 1999 u b’hekk eżawrew id-dritt tagħhom li jerġgħu jesprimu ruħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tispjega li ma tara li hemm ebda interess li persuna li tilmenta titħalla tippreżenta osservazzjonijiet għat-tieni darba. Finalment, hija tirrimarka li l-Artikolu 88(2) KE “ma jagħti […] ebda dritt lill-persuni” u “sempliċement jimponi obbligu fuq il-Kummissjoni”.

    b)      L-evalwazzjoni tiegħi

    182. Fil-fehma tiegħi l-eżami tal-argumenti mqajma mill-Kummissjoni ma jeħtieġx analiżi dettaljata tant jidhirli li huma infondati.

    183. Fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “l-fatt li […] ir-rikorrenti kellhom il‑possibbiltà, permezz tal-preżentata tal-ilment tagħhom […], li jsostnu l-argumenti tagħhom diġà waqt il-proċedura preliminari ta’ eżami, abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, ma jċaħħadhomx mid-dritt għar-rispett tal-garanziji proċedurali tagħhom mogħti lilhom b’mod espliċitu mill-Artikolu 88(2) KE”.

    184. Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi.

    185. Dan ir-raġunament huwa perfettament konformi mat-test u l-istruttura tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat u konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    186. Għalkemm huwa paċifiku li r-Regolament Nru 659/1999 ma jipprovdix drittijiet partikolari lill-persuni li jilmentaw bħala tali, l-Artikoli 6(1) u 20(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jirrikonoxxu espressament id-dritt tal-partijiet interessati li jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe għajnuna allegatament illegali kif ukoll id-dritt li jippreżentaw osservazzjonijiet wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Billi ppermetta lill-partijiet interessati li jippreżentaw quddiem il-Kummissjoni lment li jiddenunzja allegata għajnuna mill-Istat, il-leġiżlatur tal-Unjoni għaldaqstant ma kellux il-ħsieb li jċaħħad lil dawn tal-aħħar mid-dritt li jippreżentaw osservazzjonijiet ladarba tkun infetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    187. Il-preżentata ta’ lment u l-formolazzjoni ta’ osservazzjonijiet ma humiex paragunabbli.

    188. Il-preżentata ta’ lment tippermetti li wieħed jiddenunzja lill-Kummissjoni l-ksur possibbli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan l-ilment jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jidhrilha li għajnuna allegatament illegali ngħatat minn Stat Membru. Hija tagħti lok għall-ftuħ tal-fażi preliminari tal-investigazzjoni li matulha l-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-persuna li tilmenta, tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-miżura inkwistjoni (60). Fl-ilment, il-persuna li tilmenta għandha tagħti informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-Istat Membru kkonċernat, il-miżuri ta’ għajnuna preżunti kif ukoll dwar il-motivazzjonijiet tal-ilment (61). F’dan l-istadju tal-proċedura, il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li tisma’ lill-persuna li tilmenta jew lill-partijiet interessati l-oħra fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE.

    189. Meta jitwettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-ilment (62), il-Kummissjoni tista’ tadotta erba’ tipi ta’ deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħlaq l-ilment mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri. Hija tista’ tiddeċiedi wkoll, b’mod konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, li l-miżura inkwistjoni jew ma hijiex għajnuna, jew tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, jew inkella tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha u tkun teħtieġ, konsegwentement, il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    190. Huwa fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura li l-persuni li jilmentaw għandhom id-dritt li jippreżentaw osservazzjonijiet, b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) KE kif ukoll mal-Artikoli 6(1) u 20(1) u (2), tar-Regolament Nru 659/1999. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt huwa rriżervat biss għall-partijiet interessati, jiġifieri għall-impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-kummerċ li jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni, anki jekk potenzjali, mal-impriżi benefiċjarji tal-miżura kontenzjuża. Kif diġà ġie kkonstatat, il-benefiċċju ta’ dan id-dritt ma jitpoġġiex f’dubju mill-fatt li jkun ġie ppreżentat ilment qabel. Għall-kuntrarju, ir-rispett tad-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet huwa s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju msaħħaħ meta l-Kummissjoni tirrifjuta impliċitament li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u b’hekk iċċaħħad lill-persuna li tilmenta minn dan id-dritt. Dan jirriżulta diġà b’mod ċar mill-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cook vs Il‑Kummissjoni u Matra vs Il‑Kummissjoni u li diġà spjegajt qabel. Madankollu, dan huwa saħansitra iktar evidenti wara s-sentenzi Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (63) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni li jingħalaq ilment mingħajr ma tittieħed azzjoni kienet tikkostitwixxi att kontestabbli inkwantu, billi tirrifjuta impliċitament li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, din id-deċiżjoni ċċaħħad lill-persuna li tilmenta mid-dritt li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) KE.

    191. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u inkwantu l-appellati jistgħu jiġu kkwalifikati bħala partijiet “interessati”, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi li, billi ppreżentaw ilment, dawn tal-aħħar ma ġewx imċaħħda mid-dritt li jifformulaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 88(2) KE.

    192. Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ma tilqax it-tieni parti tal-ewwel aggravju, bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tad-drittijiet tal-appellanti li jifformulaw osservazzjonijiet.

    193. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidhirli li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, ma huwiex fondat.

    B –    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

    194. Insostenn tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qabżet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha billi ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni kienet toħloq diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet teħtieġ evalwazzjonijiet ta’ ċirkustanzi ekonomiċi u soċjali kumplessi, il-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, bil-konsegwenza li l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju kienet limitata.

    195. Jidhirli li dan l-ilment għandu jiġi miċħud qabel kollox bħala infondat.

    196. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tikkonkludi li teżisti għajnuna mill-Istat u sabiex tevalwa l-applikabbiltà tad-derogi previsti espressament fl-Artikoli 87(2) u (3) KE (64). Fil-fatt, f’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn tipproċedi għal evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika jew soċjali kumplessi. L-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali għaldaqstant bilfors irid ikun limitat għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter.

    197. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

    198. Il-kwistjoni li ġiet sottomessa lill-Qorti Ġenerali ma hijiex dwar jekk il-miżuri implementati mir-Repubblika tal-Awstrija jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “għajnuna mill-Istat” jew jekk jistgħux jiġu ġġustifikati abbażi tal-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi, iżda dwar jekk il-Kummissjoni, fid-dawl tal-eżami preliminari tagħha, tosservax l-obbligi tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat.

    199. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni meta hija tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Is-setgħa tagħha hija ristretta. Il-Kummissjoni b’hekk hija obbligata li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(3) KE meta ma jkunx irnexxielha tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwisjtoni, fi tmiem l-eżami preliminari tagħha. Dan l-obbligu huwa kkonfermat espressament mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4(4) u 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (65). Il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali b’hekk ma jaqax, stricto sensu, taħt l-ambitu ta’ evalwazzjoni ta’ natura ekonomika jew soċjali kumplessa, iżda taħt l-ambitu ta’ obbligu ġuridiku li l-osservanza tiegħu għandha, konsegwentement, tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ.

    200. Meta wieħed iqis li l-Kummissjoni jmissha applikat l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament u billi konsegwentement annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali għamlet stħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni fil-limiti tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 230 KE.

    201. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, bħala infondat.

    C –    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    202. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma antiċipatx l-eżitu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali qabel ma annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, fejn minħabba f’hekk is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali jmissha saqsiet lilha nfisha jekk l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mill-Kummissjoni kinitx tkun differenti li kieku kellha tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, skont il-Kummissjoni, kien evidenti li r-risposta għal din id-domanda kellha tkun waħda negattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrimarka li l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jwassal għal dewmien fit-trattament tal-kawża, li huwa inkompatibbli mal-obbligi ta’ diliġenza stabbiliti fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (66).

    203. Nipproponi sabiex dawn l-argumenti jiġu miċħuda mill-ewwel.

    204. Fil-fatt, ma jistax jiġi sostnut li l-eżistu ta’ dan ir-rikors jista’ jiddependi minn xi antiċipazzjoni jew estrapolazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u wisq inqas jista’ jitqies li dan jista’ jivvizzja s-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

    205. Dan l-argument imur kontra l-prinċipji li jirregolaw il-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-kwalifika tal-għajnuna għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, u mhux fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet (67). Barra minn hekk, hija ma tistax tiddependi fuq evalwazzjoni li ssir fil-livell tal-proċedura preliminari u fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju (68). Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li ma huwiex fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, iżda huwa fil-kompetenza tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kompetenza esklużiva mogħtija lilha mit-Trattat, li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma huwiex fakultattiv, iżda obbligu (69) tal-Kummissjoni meta hija ssib ruħha f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni.

    206. Finalment, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-Kummissjoni hija effettivament obbligata tipproċedi għal eżami diliġenti tal-ilment, dan l-obbligu jeħtieġ b’mod partikolari li hija tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni.

    207. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li t-tielet aggravju huwa infondat.

    208. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni bħala infondat.

    VII – Fuq l-ispejjeż

    209. Skont l-Artikolu 69(2) tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    210. F’din il-kawża, peress li r-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

    VIII – Konklużjoni

    211. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’dan il-mod:

    “1)      L-appelli huma miċħuda.

    2)      Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea huma kkundannati għall-ispejjeż.”


    1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


    2 – Fuq dan il-punt, ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, Ġabra p. I‑0000), mogħtija f’seduta tal-Awla Magna u li għaliha ser nerġa’ nirreferi.


    3 – T‑375/04, Ġabra p. II‑4155, iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”.


    4 – Tauernfleisch Vertriebs GmbH, Wech-Kärntner Truthahnverarbeitung GmbH, Wech-Geflügel GmbH u Johann Zsifkovics. Dawn huma kollha impriżi stabbiliti taħt id-dritt Awstrijak, speċjalizzati fit-tbiċċir u t-tqattigħ tal-annimali.


    5 – Iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kontenzjuża”.


    6 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


    7 – Din il-fażi hija rregolata wkoll mill-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 659/1999.


    8 – Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (C‑521/06 P, Ġabra p. I‑5829, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    9 – Din il-fażi hija rregolata wkoll mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 659/1999.


    10 – Sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    11 – Il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament.


    12 – 323/82, Ġabra p. 3809. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuni kkonċernati huma l-persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi kompetituri u l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ (punt 16).


    13 – Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni (C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punt 24); tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 18), u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 36).


    14 – ĠU 2001, C 252, p. 5, iktar ’il quddiem, il-“linji gwida applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar”.


    15 – Punt 1.


    16 – BGBl. 376/1992, iktar ’il quddiem, l-“AMA-Gesetz 1992”.


    17 – ĠU 2000, C 28, p. 2.


    18 – Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti kienu sostnew espressament li l-Kummissjoni kien missha bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, abbażi tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, minħabba dubji li kienu jeżistu dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni.


    19 – F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, b’mod partikolari, li garanzija tal-kwalità, bħal dik prevista sabiex wieħed jibbenefika mit-tikketti “AMA”, ma tikkonċernax il-kunċett ta’ “żvilupp” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


    20 – Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punti 184 sa 188).


    21 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008 (C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra p. I‑6619).


    22 – Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008 (C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515).


    23 – 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 559, 588.


    24 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963 (25/62, Ġabra p. 197).


    25 – Sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 45).


    26 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq (punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


    27 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    28 – Ara s-sentenza Il-Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    29 – Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li William Cook plc kienet parti “interessata” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE inkwantu hija kienet tipproduċi tagħmir identiku għal dak tal-impriża li kienet tibbenefika mill-għajnuna. F’dik il-kwalità, William Cook plc kellha b’hekk titqies bħala direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni u b’hekk setgħet titlob l-annullament tagħha abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (punti 23, 25 u 26). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kawża Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li Matra SA setgħet titqies bħala parti interessata inkwantu l-interessi tagħha kienu affettwati mill-għoti tal-għajnuna kontenzjuża “fil-kwalità tagħha bħala l-produttur ewlieni fil-Komunità ta’ vetturi għal diversi skopijiet u bħala kompetitur futur tal-impriża [benefiċjarja tal-għajnuna]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li b’hekk ir-rikors ta’ annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ammissibbli (punti 17, 19 u 20).


    30 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    31 – Idem.


    32 – Enfasi miżjuda minni.


    33 – Idem.


    34 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża li tat lok għas-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u, finalment, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fil-kawża Il-Belġju vs Deutsche Post et (C‑148/09 P), li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


    35 – Nirreferi għall-punti 103 sa 113 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    36 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2008 (T‑388/02).


    37 – Sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, Ġabra p. I‑7831, punti 63 u 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


    38 – Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni (C‑322/09 P, Ġabra p. I‑11911, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    39 – Enfasi miżjuda minni.


    40 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq (punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


    41 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 64).


    42 – Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra p. 1141, 1162), kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punti 73 u 74).


    43 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62).


    44 – Ibidem (punt 64).


    45 – Enfasi miżjuda minni.


    46 – Ara s-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


    47 – Sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    48 – Sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.


    49 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑204/97, Ġabra p. I‑3175).


    50 – Sentenzi Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 63), kif ukoll tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il-Kummissjoni (T‑49/93, Ġabra p. II‑2501, punt 60).


    51 – Enfasi miżjuda minni.


    52 – F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mill-istruttura ġenerali tat-Trattat jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. B’hekk, għajnuna mill-Istat li, għal ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni (sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra p. I‑2577, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    53 – Bħala prinċipju, is-sempliċi fatt li jkunu saru diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat matul il-fażi preliminari tal-eżami ta’ għajnuna u li, f’dan il-kuntest, tkun setgħet intalbet informazzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni dwar il-miżuri suġġetti għall-kontroll tagħha ma jistax, fih innifsu, jitqies bħala prova li l-istituzzjoni kienet qed tiffaċċja diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni li jirrikjedu li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) KE. Madankollu, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, ma jistax jiġi eskluż li l-portata tad-diskussjonijiet li saru bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat matul din il-fażi preliminari tal-proċedura tkun, f’ċerti ċirkustanzi, tali li tiżvela l-eżistenza ta’ dawn id-diffikultajiet (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑46/97, Ġabra p. II‑2125, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    54 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62).


    55 – Sentenza SIC vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    56 – Ibidem (punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    57 – Ibidem (punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    58 – Sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    59 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri (C‑315/99 P, Ġabra p. I‑5281, punt 19), kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni (C‑57/00 P u C‑61/00 P, Ġabra p. I‑9975, punt 47).


    60 – Ara l-Artikolu 10(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999.


    61 – Din il-formola hija disponibbli fuq dan is-sit internet: http://ec.europa.eu/eu_law/state_aids/state_aids_complaints_fr.htm.


    62 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 62).


    63 – Ara s-sentenzi Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (C‑362/09 P, Ġabra p. I‑13275).


    64 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq British Aggregates vs Il-Kummissjoni (punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Il-Kummissjoni vs Deutsche Post (punti 93 sa 98).


    65 – Sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    66 – 120/73, Ġabra p. 1471.


    67 – Sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    68 – Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑400/99, Ġabra p. I‑7303, punt 58).


    69 – Enfasi miżjuda minni.

    Top