EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0046

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 7 ta' April 2011.
Viking Gas A/S vs Kosan Gas A/S.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Højesteret - id-Danimarka.
Trade marks - Direttiva 89/104/KEE - Artikoli 5 u 7 - Ċilindri tal-gass protetti bħala trade mark tridimensjonali - Tqegħid fis-suq permezz ta’ liċenzja esklużiva - Attività ta’ kompetitur tal-persuna li għandha liċenzja li tikkonsisti li jimtlew dawn iċ-ċilindri.
Kawża C-46/10.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-06161

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:222

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-7 ta’ April 2011 (1)

Kawża C-46/10

Viking Gas A/S

vs

Kosan Gas A/S, li qabel kienet BP Gas A/S

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (id-Danimarka)]

“Direttiva 89/104 – Dritt tat-trade marks – Ċilindru tal-gass irreġistrat bħala trade mark tridimensjonali kkostitwita mill-kontenitur – Mili u bejgħ ta’ dawn iċ-ċilindri minn kompetitur tal-persuna li għandha liċenzja esklużiva”





I –    Introduzzjoni

1.        Impriża tista’ timla kontenitur użat minn kompetitur bil-prodott tagħha stess u tbigħu f’dik il-forma meta dan il-kontenitur ikun protett bħala trade mark? Din hija l-kwistjoni li qamet f’din il-kawża. Jekk wieħed jaħseb pereżempju fil-flixkun tal-Coca Cola li huwa magħruf sew, it-tweġiba hija ċara. Iżda dan japplika ukoll f’każ ta’ ċilindru tal-gass innovattiv li l-klijent ikun ħallas iktar għalih milli għall-gass li jkun fih?

II – Il-kuntest ġuridiku

2.        L-istrument ġuridiku rilevanti huwa l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar it-trade marks”).

3.        Id-drittijiet mogħtija minn trade mark jinsabu elenkati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar it-trade marks:

“1.      It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija [prodotti] jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

b)      kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija [prodotti] jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2.      Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija [prodotti] jew servizzi li mhux simili [ma jixxiebhux] għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu [sinjal] mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.

3.      Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

a)      li jitwaħħal is-simbolu ma’ l-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

b)      li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

ċ)      jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

d)      l-użu ta’ sinjal fuq karti tal-kummerċ [f’gazzetta kummerċjali] u fir-reklamar”.

4.        L-għaxar premessa tad-Direttiva dwar it-trade marks tispjega bil-mod kif ġej l-għan tal-protezzjoni tat-trade mark:

“Il-protezzjoni mogħtija lit-trade marks reġistrati, li l-funzjoni tagħhom hi partikolarment li jiggarantixxu t-trade mark bhala indikazzjoni ta’ oriġini, għandha tkun assoluta fil-każ ta’ identità bejn il-marka u s-sinjal u l-merkanzija jew is-servizzi [...]”.

5.        L-Artikolu 7 jirregola l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark, kif ukoll id-drittijiet li l-proprjetarju jibqagħlu f’dan il-każ:

“1.      It-trade mark ma tagħtix lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ merkanzija [prodotti] li tqiegħdet fuq is-suq taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi għall-proprjetarju biex jopponi aktar kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija, speċjalment fejn il-kundizzjoni tal-merkanzija hi mibdula jew danneġġjata wara li tqiegħdet fuq is-suq”

6.        Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet ġew trasposti fid-Danimarka f’termini li huma viċin dawk tad-Direttiva dwar it-trade marks.

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

7.        Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-fatti jistgħu jinġabru kif ġej.

8.        BP Gas A/S (iktar ’il quddiem “BP”, li saret Kosan Gas A/S, iktar ’il quddiem “Kosan”) teżerċita attivitajiet industrijali u kummerċjali li jikkonsistu b’mod partikolari fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-gass fiċ-ċilindri kemm lil individwi kif ukoll lin-negozji. L-isem u l-logo ta’ BP huma rreġistrati bħala trade marks Komunitarji. It-trade marks verbali u figurattivi t-tnejn huma rreġistrati b’mod partikolari għal prodotti kimiċi, fosthom il-gass.

9.        Mis-sena 2001, BP tbigħ il-gass fiċ-ċilindri fid-Danimarka f’ċilindri msejħa komposti (ċilindri ħfief). Il-forma partikolari taċ-ċilindru hija reġistrata bħala trade mark Komunitarja u bħala trade mark Daniża. Dawn iż-żewġ reġistrazzjonijiet jirrigwardaw marki tridimensjonali li jirrigwardaw kemm fjuwil f’forma ta’ gass kif ukoll il-kontenituri intiżi li jżommu fjuwil likwidu (3). Iċ-ċilindru kompost jintuża minn BP skont ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva konkluż mal-produttur taċ-ċilindru Norveġiż. BP għandha liċenzja għall-użu esklużiv taċ-ċilindru kompost fid-Danimarka bħala trade mark ikkostitwita mill-kontenitur u għandha d-dritt li tiftaħ proċedimenti ta’ vjolazzjoni tat-trade mark fid-Danimarka. It-trade mark verbali u/jew it-trade mark figurattiva ta’ BP huma mwaħħla maċ-ċilindru kompost.

10.      Meta jixtri għall-ewwel darba ċ-ċilindru kompost mimli bil-gass mingħand distributur ta’ BP, il-konsumatur iħallas ukoll għaċ-ċilindru li għaldaqstant isir proprjetà tiegħu. BP topera wkoll fil-mili taċ-ċilindri vojta. Dan isir bil-mod kif ġej: filwaqt li jħallas għall-gass, il-konsumatur jista’ jibdel mingħand distributur ta’ BP, ċilindru kompost vojt ma’ wieħed simili mimli minn BP.

11.      Viking Gas A/S (iktar ’il quddiem “Viking”) teżerċita attivitajiet kummerċjali ta’ bejgħ tal-gass u attivitajiet oħra relatati. Viking ma tipproduċix il-gass hija stess. Hija għandha ċentru għall-mili tal-gass fid-Danimarka, li minnu – u b’mod partikolari ċ-ċilindri komposti – wara li jkunu mtlew bil-gass, jiġu trasportati għal għand distributuri indipendenti li magħhom tikkollabora Viking. Wara l-mili taċ-ċilindri, Viking twaħħal maċ-ċilindru stiker li fuqha hemm isem id-ditta u n-numru taċ-ċentru tal-mili u stiker oħra li turi l-informazzjoni legali li tirrigwarda, b’mod partikolari, iċ-ċentru tal-mili u l-kontenut. It-trade marks ta’ BP li jinsabu fuq iċ-ċilindru la jitneħħew u lanqas jiġu mgħottija. Wara li jħallas għall-gass, il-konsumatur jista’ jibdel mingħand distributur ta’ Viking ċilindru tal-gass vojt – u b’mod partikolari ċilindru kompost – ma’ ċilindru simili mimli minn Viking.

12.      Qabel, BP kienet użat ukoll ċilindri oħra bħala ċilindri tal-gass. Dawn kienu ċilindri tal-azzar tal-istess tip bħal dawk użati minn kważi l-operaturi kollha fis-suq u li jintużaw bl-istess mod fil-parti kbira tad-dinja, jiġifieri ċilindri tal-azzar tal-istess tip, sofor, ta’ daqsijiet differenti. Dawn iċ-ċilindri l-oħra ma humiex irreġistrati bħala trade marks ikkostitwiti mill-kontenitur tagħhom, iżda, l-istess bħaċ-ċilindri komposti, għandhom it-trade mark verbali u/jew figurattiva ta’ BP. Viking issostni li BP aċċettat għal ħafna snin u għadha taċċetta li impriżi oħra jimlew dawn iċ-ċilindri (l-oħra).

13.      Il-kwistjoni tirrigwarda l-punt dwar jekk, bil-fatt li mliet u biegħet gass fiċ-ċilindri komposti ta’ BP, Viking kisritx id-drittijiet tat-trade mark ta’ BP. Kien hemm żewġ deċiżjonijiet preċedenti li pprekludew lil Viking milli tagħmel użu mit-trade mark ikkostitwita mill-kontenitur u minn trade marks oħra ta’ BP billi timla ċ-ċilindri komposti tal-istess BP bil-gass biex imbagħad tbigħhom.

14.      F’dan il-kuntest, il-Højesteret, il-qorti suprema tad-Danimarka, għamlet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1.      Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 7 ta[d-Direttiva dwar it-trade marks], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-impriża B tkun responsabbli għal vjolazzjoni meta timla u tbigħ gass f’tankijiet [ċilindri] tal-gass provenjenti mill-impriża A meta ċ-ċirkustanzi segwenti jkunu sodisfatti:

a)      A tbigħ il-gass f’tankijiet [ċilindri] imsejħa komposti li għandhom forma speċjali li hija rreġistrata bħala tali, jiġifieri bħala trade mark ikkostitwita mill-kontenitur, bħala trade mark Daniża u bħala trade mark Komunitarja. A mhijiex il-proprjetarja ta’ dawn it-trade marks ikkostitwiti mill-kontenitur, iżda għandha liċenzja esklużiva sabiex tagħmel użu minnhom fid-Danimarka, u għandha d-dritt li tressaq azzjoni abbażi tal-vjolazzjoni fid-Danimarka.

b)      Fil-mument tal-ewwel xirja ta’ tank [ċilindru] kompost mimli bil-gass mingħand distributur ta’ A, il-konsumatur iħallas ukoll għat-tank [ċilindru] u b’hekk isir proprjetarju tiegħu.

c)      A twettaq il-proċess ta’ mili tat-tankijiet [ċilindri] komposti fis-sens li l-konsumaturi jistgħu, billi jħallsu għall-gass, jiskambjaw, mingħand distributur ta’ A, tank [ċilindru] kompost vojt ma’ tank [ċilindru] simili li jkun ġie mimli minn A.

d).      B għandha bħala attività l-mili tat-tankijiet [ċilindri] tal-gass, u b’mod partikolari tat-tankijiet [ċilindri] komposti koperti mit-trade mark ikkostitwita mill-kontenitur imsemmija fil-punt a), fejn il-konsumaturi jistgħu, billi jħallsu għall-gass, jiskambjaw, mingħand distributur ta’ B, tank [ċilindru] kompost vojt ma’ tank [ċilindru] simili li jkun ġie mimli minn B.

e.      Meta t-tankijiet [ċilindri] komposti inkwistjoni jiġu mimlija bil-gass minn B, din tal-aħħar twaħħal fuqhom stickers li jindikaw li l-mili ġie mwettaq minnha?

2.      Jekk għandu jitqies li, bħala regola ġenerali, il-konsumaturi jkollhom l-impressjoni li teżisti rabta bejn B u A, dan ikun ta’ importanza għar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda?

3.      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, l-eżitu jista’ jiġi influwenzat mill-fatt li t-tankijiet [ċilindri] komposti - minbarra l-fatt li huma koperti mit-trade mark ikkostitwita mill-kontenitur imsemmija iktar ’il fuq - huma wkoll dotati bit-trade marks verbali u/jew figurattivi rreġistrati minn A (imnaqqxa fuq it-tank [ċilindru]) li jibqgħu viżibbli minkejja l-istickers ta’ B?

4.      Jekk ir-risposta għall-ewwel jew għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv, ir-riżultat jista’ jiġi influwenzat mill-premessa li, fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ tankijiet [ċilindri] li mhumiex koperti mit-trade mark ikkostitwita mill-kontenitur imsemmija iktar ’il fuq, iżda li huma dotati bit-trade mark verbali u/jew figurattiva ta’ A, din tal-aħħar aċċettat għal ħafna snin u għadha taċċetta sal-lum li impriżi oħra jimlew dawn it-tankijiet [ċilindri]?

5.      Jekk ir-risposta għall-ewwel jew għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv, l-eżitu jista’ jiġi influwenzat mill-fatt li l-konsumatur stess jirreferi direttament għal B sabiex

a)      jiskambja, billi jħallas għall-gass, tank [ċilindru] kompost vojt ma’ tank [ċilindru] simili li jkun ġie mimli minn B jew

b)      jimla bil-gass, billi jħallas, it-tank [ċilindru] kompost li jkun ħa miegħu?

15.      Viking, Kosan fil-kwalità tagħha ta’ suċċessur ta’ BP, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fil-proċedura bil-miktub u fis-seduta tal-20 ta’ Jannar 2011.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Fuq l-ewwel erba’ domandi

16.      Permezz tal-ewwel erba’ domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf fis-sustanza jekk, bil-fatt li terġa’ timla ċilindri tal-gass u tbigħhom, impriża tiksirx id-dritt għat-trade mark ta’ impriża oħra li hija l-proprjetarja, fuq iċ-ċilindru, ta’ trade mark ikkostitwita mill-kontenitur u intiż għall-gass u tal-kontenituri intiżi sabiex jimtlew bil-gass.

17.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar it-trade marks, it-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju dritt esklużiv fuqha. Skont l-Artikolu 5(1)(a), dan id-dritt esklużiv jipprovdi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jipprojbixxi lil kull terz li ma għandux il-kunsens tiegħu, milli juża, fin-negozju, sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti jew għal servizzi identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata din it-trade mark.

18.      Iċ-ċilindru kompost huwa reġistrat bħala trade mark għall-gass u għaċ-ċilindri tal-gass. F’dan il-każ, jinbiegħu kemm il-gass kif ukoll iċ-ċilindri tal-gass u għaldaqstant it-trade mark tintuża neċessarjament għaż-żewġ prodotti. Iċ-ċilindru tal-gass jiġi kopert bit-trade mark mal-bejgħ, u l-mili taċ-ċilindru tal-gass jikkorrispondi għall-għoti ta’ trade mark lill-gass. Dan il-każ jaqa’ għaldaqstant taħt l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks.

19.      Barra minn hekk, l-użu tas-sinjal identiku għat-trade mark – iċ-ċilindru kompost - iseħħ mingħajr dubju fil-kummerċ peress li jinsab fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex jinkiseb profitt u mhux fil-qasam privat (4).

20.      Jekk wieħed jikkunsidra b’mod iżolat il-kliem tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks, Kosan tkun tista’ konsegwentement tipprojbixxi lil Viking milli tbigħ ċilindri komposti mimlija. Jekk wieħed jeżamina din id-dispożizzjoni b’iktar reqqa, jirriżulta madankollu li dan id-dritt mogħti mit-trade mark huwa suġġett għal restrizzjonijiet sinjifikattivi. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn il-bejgħ taċ-ċilindru u l-bejgħ tal-gass.

1.      Fuq il-bejgħ taċ-ċilindru tal-gass

21.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar it-trade marks fih eċċezzjoni għad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark stabbilit fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, inkwantu jipprovdi li d-dritt tal-imsemmi proprjetarju li jipprojbixxi lil kwalunkwe terz l-użu tat-trade mark tiegħu huwa eżawrit f’dak li jikkonċerna l-prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq taż-ŻEE (5) taħt it-trade mark minn dan il-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, sakemm ma hemmx raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw li l-imsemmi proprjetarju jipprekludi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-imsemmija prodotti (6).

22.      Il-bejgħ mill-ġdid minn terzi ta’ prodotti użati, li kienu tqiegħdu inizjalment fis-suq mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn persuna li hija awtorizzata mill-imsemmi proprjetarju tat-trade mark, jikkostitwixxi “aktar kummerċjalizzazzjoni ta’ l-merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar it-trade marks. L-użu tal-imsemmija trade mark għal skopijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tista’ biss tiġi pprojbita mill-imsemmi proprjetarju meta hemm “raġunijiet leġittimi” fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu li jiġġustifikaw il-fatt li huwa jipprekludi din il-kummerċjalizzazzjoni (7).

23.      L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks isemmi b’mod partikolari, bħala raġuni leġittima għal oppożizzjoni, il-fatt li l-kundizzjoni tal-prodotti tkun ġiet mibdula jew danneġġata wara li tqiegħdu fis-suq. Din ir-raġuni leġittima teżisti, b’mod partikolari, meta l-użu mill-persuna li tirreklama ta’ sinjal identiku għal trade mark jippreġudika r-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark (8).

24.      Il-possibbiltà li r-reputazzjoni tiġi ppreġudikata minħabba l-bdil tal-prodott tirriżulta biss, f’dan il-każ, mill-argument ta’ Kosan, li hija s-suċċessur ta’ BP, dwar ir-riskju li ċ-ċilindru tal-gass jisplodi jew li jkun hemm nar li jħassar it-tikketta mwaħħla maċ-ċilindru. Kieku Viking – pereżempju minħabba xi żbalji waqt il-mili jew minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-gass li ntuża – kienet responsabbli għal dak l-inċident, iżda r-riferiment għal din ir-responsabbiltà jintilef, jista’ jkun li r-reputazzjoni ta’ Kosan tkun danneġġata.

25.      Madankollu, tali riskju jeżisti f’każ ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti użati u konsegwentement jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju, mill-prinċipju tal-eżawriment. Huwa possibbli wkoll li jissemma numru kbir ta’ prodotti li jistgħu jippreżentaw riskju ta’ ħsara, f’każ ta’ bejgħ mill-ġdid, ħafna ikbar minn ċilindru tal-gass li jiġi mimli, mingħajr ma l-produttur ikun jista’ jopponi għall-bejgħ mill-ġdid tagħhom: biżżejjed wieħed jaħseb fit-tipi kollha ta’ vetturi u, b’mod partikolari, fil-karozzi, fil-muturi u fir-roti. Dawn, minħabba l-fatt li jkunu ntużaw qabel, jistgħu jippreżentaw difetti moħbija li mbagħad, meta jkunu f’idejn ix-xerrej, iwasslu għal aċċidenti li jkollhom riperkussjonijiet fuq ir-reputazzjoni tal-produttur.

26.      Fin-nuqqas ta’ bdil jew alterazzjoni tal-prodott, il-proprjetarju tat-trade mark ma jistax madankollu jopponi għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti li jġorru t-trade mark tiegħu, minkejja dan ir-riskju għar-reputazzjoni tiegħu.

27.      Kosan tinvoka wkoll ir-riskju ta’ responsabbiltà minħabba dannu magħmul mill-prodotti; madankollu, din ir-responsabbiltà tippreżumi, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/374/KEE (9), li l-vittma tipproduċi prova tad-difett u r-rabta kawżali bejn id-difett u l-ħsara. Fin-nuqqas ta’ difett fil-prodott li għalih Kosan hija responsabbli, ir-responsabbiltà minħabba dannu magħmul mill-prodotti tkun għaldaqstant eskluża. Konsegwentement, dan ir-riskju lanqas ma jwassal għal interess leġittimu biex ikun hemm oppożizzjoni għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti.

28.      Hemm ukoll raġuni leġittima fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks meta l-bejjiegħ mill-ġdid jagħti l-impressjoni li hemm rabta ekonomika bejnu u l-proprjetarju tat-trade mark, u b’mod partikolari li l-impriża tal-bejjiegħ mill-ġdid tappartjeni għan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark jew li hemm relazzjoni speċjali bejn dawn iż-żewġ impriżi. Fil-fatt, din l-impressjoni tkun ta’ ingann u, fuq kollox, ma hijiex meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti mqiegħda fis-suq mill-proprjetarju bit-trade mark tiegħu jew bil-kunsens tiegħu u, għalhekk, sabiex jiġi żgurat l-għan tar-regola ta’ eżawriment stabbilita mill-Artikolu 7 (10).

29.      Konsegwentement, it-tikkettar adegwat taċ-ċilindru jkun irid jagħti l-impressjoni li teżisti rabta bejn iż-żewġ impriżi tat-tip li tissemma fit-tieni domanda. Jekk, kif tagħti x’tifhem ir-raba’ domanda, il-konsumaturi huma mdorrija li ċ-ċilindri tal-gass jimtlew minn impriżi oħra, dan ma għandux ikun ostaklu li ma jistax jiġi evitat (11).

30.      Madankollu, dawn l-istikers ma għandhomx jinterferixxu mat-trade marks eventwali ta’ Kosan li jkunu mwaħħla fuq iċ-ċilindru kompost, li jindikaw l-oriġini taċ-ċilindru, sal-punt li jgħattuhom. Fil-fatt, f’każ bħal dan, ikun hemm preġudizzju għall-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tindika u li tiggarantixxi l-oriġini tal-prodott, u jkun hemm ostakolu sabiex il-konsumatur jagħmel distinzjoni bejn il-prodotti li joriġinaw mill-proprjetarju tat-trade mark minn dawk li joriġinaw mill-bejjiegħ mill-ġdid jew minn terzi oħra (12).

31.      Huwa minnu li mhux dejjem l-eliminazzjoni ta’ trade mark tipprekludi f’kull każ il-bejgħ mill-ġdid tal-prodott (13). Madankollu, meta din l-eliminazzjoni ma tkunx ibbażata fuq interess leġittimu tax-xerrej tal-prodott (14), id-dritt tat-trade marks jipproteġi l-interess, li fil-prinċipju huwa leġittimu, tal-proprjetarju tat-trade mark biex juri x-xogħol tiegħu.

32.      Peress li l-qorti tar-rinviju tindika li t-trade marks ta’ Kosan li jinsabu fuq iċ-ċilindru la tneħħew u lanqas ma ġew mgħottija u tistaqsi wkoll, permezz tat-tielet domanda, jekk dan il-fatt jaffettwax ir-riżultat, għandu jiġi kkunsidrat li t-tikkettar taċ-ċilindri komposti mimlija mill-ġdid kien jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

33.      Għal dak li jikkonċerna l-interess biex iċ-ċilindri komposti jintużaw esklużivament għall-kummerċjalizzazzjoni tal-gass fiċ-ċilindri, dan l-interess ma jaqax taħt il-protezzjoni mogħtija bit-trade mark biex jiġi indikat l-oriġini taċ-ċilindri tal-gass. Konsegwentement, dan għandu jiġi eżaminat iktar ’l isfel fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-gass.

34.      Ċilindru tal-gass li huwa rreġistrat bħala trade mark jista’ għaldaqstant jerġa’ jinbiegħ wara li jkun tpoġġa fis-suq għall-ewwel darba mill-proprjetarju, u dan sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari li jagħtu lok għal interess leġittimu li jiġġustifika li l-proprjetarju tat-trade mark jopponi dan. Madankollu, f’dan il-każ ma jidhirx li hemm tali interess.

2.      Fuq il-bejgħ tal-gass

35.      Għandu issa jiġi verifikat jekk il-proprjetarju tad-dritt tat-trade mark jistax jopponi l-bejgħ tal-gass fiċ-ċilindru tal-gass reġistrat bħala trade mark.

36.      L-eżawriment tad-dritt tat-trade mark irrappreżentata miċ-ċilindru kompost ma jidħolx inkunsiderazzjoni f’dak li jikkonċerna l-gass mimli minn Viking, u dan peress li l-istess gass ma kienx tpoġġa fis-suq minn qabel mill-proprjetarju taħt din it-trade mark. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar it-trade marks ma jipprekludix għaldaqstant l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a).

37.      Il-proprjetarju tat-trade mark, abbażi tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks, ma jistax madankollu jopponi l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark tiegħu, jekk dan l-użu ma jkun jista’ jippreġudika ebda waħda mill-funzjonijiet tagħha (15). Fost dawn il-funzjonijiet hemm mhux biss il-funzjoni essenzjali tat-trade mark li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz (16), iżda wkoll il-funzjonijiet l-oħra tagħha, bħal b’mod partikolari, dik li tiggarantixxi l-kwalità ta’ dan il-prodott jew servizz, jew dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tar-reklamar (17).

a)      Fuq il-funzjoni tal-oriġini

38.      Il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark tkun ippreġudikata meta l-użu ta’ din tal-aħħar ma jħallix, jew iħalli b’mod diffiċli biss, lill-konsumatur li huwa normalment informat u raġonevolment attent, li jsir jaf jekk il-prodotti jew is-servizzi msemmija joriġinawx mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn impriża li għandha rabta ekonomika miegħu jew, għall-kuntrarju, minn terzi (18).

39.      Konsegwentement, il-preġudizzju lill-funzjoni tal-oriġini ma jseħħx biss meta l-konsumaturi jippreżumu, huma u jixtru ċ-ċilindru tal-gass mimli minn impriża oħra, li l-gass ikun provenjenti mill-proprjetarju tat-trade mark, imma wkoll, biex nirriproduċi l-kliem tat-tieni domanda, meta, bħala regola ġenerali, il-konsumaturi jkollhom l-impressjoni li teżisti rabta bejn il-proprjetarju tat-trade mark u l-impriża li tkun imliet iċ-ċilindri. Il-proprjetarju tad-dritt tat-trade mark ikun jista’ jopponi dan l-użu.

40.      Madankollu, il-funzjoni tal-oriġini ma tkunx preġudikata jekk it-tikkettar xieraq jipprekludi effettivament kull żball dwar l-oriġini tal-gass jew fuq l-eżistenza ta’ rabta bejn min jimla l-gass u l-proprjetarju tat-trade mark. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jingħataw preċiżazzjonijiet fuq il-lok tal-bejgħ u dan peress li l-impressjoni li ċ-ċilindru fih gass li jkun imtela mill-proprjetarju tat-trade mark tista’ tinbet f’post li ma jkunx il-lok tal-bejgħ (19). Min-naħa l-oħra, dan l-argument ma jistax jiġi invokat kontra t-tikkettar taċ-ċilindru stess.

41.      Il-punt dwar jekk l-istikers imsemmija mill-qorti tar-rinviju jindikawx b’mod suffiċjentement ċar li l-gass fiċ-ċilindru ma joriġinax mill-proprjetarju tat-trade mark huwa kwistjoni ta’ fatt. Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha teżamina dan.

42.      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod li bih il-konsumatur medju ta’ din il-kategorija ta’ prodotti jifhem it-tikkettar (20) u, għaldaqstant, il-prattiki kummerċjali fis-suq tal-gass fiċ-ċilindri. Jekk, kif tagħti x’tifhem ir-raba’ domanda, il-konsumaturi huma mdorrija li ċ-ċilindri tal-gass jimtlew minn impriżi li ma jkunux poġġewhom fis-suq l-ewwel darba, il-probabbiltà li jsir żball ser dejjem tonqos.

43.      Il-punt dwar jekk għadhomx viżibbli t-trade marks l-oħra tal-impriża li biegħet iċ-ċilindru għall-ewwel darba, biex nirriproduċi l-kliem tat-tielet domanda, minkejja t-tikkettar magħmul mill-persuna li mliet iċ-ċilindri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni jekk dan l-aħħar tikkettar huwiex biżżejjed biex jeskludi kull żball fir-rigward tal-oriġini tal-gass.

44.      F’każ li jiġi effettivament evitat żball fir-rigward tal-oriġini tal-gass, għandu jiġi verifikat jekk l-użu taċ-ċilindru minn impriża oħra għall-bejgħ tal-gass jippreġudikax waħda mill-funzjonijiet l-oħra tat-trade mark.

b)      Il-garanzija tal-kwalità tal-prodott

45.      Il-funzjoni tal-garanzija tal-kwalità tal-prodott hija, bħala regola ġenerali, marbuta mal-funzjoni tal-oriġini. It-trade mark turi li l-prodott huwa konformi mal-istandards ta’ kwalità tal-proprjetarju viżibbli tat-trade mark. Konsegwentement, ġeneralment il-funzjoni tal-kwalità tkun ippreġudikata meta prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ kwalità jinbiegħu taħt dik it-trade mark, kemm minn xi persuna li jikollha liċenzja (21), kif ukoll wara xi alterazzjoni mix-xerrej (22).

46.      Madankollu, meta t-tikkettar taċ-ċilindri jeskludi kull rabta mal-proprjetarju tat-trade mark, il-konsumaturi ma għandhomx għalfejn jippreżumu f’dan il-każ li l-proprjetarju tat-trade mark qiegħed jiggarantixxi l-kwalità tal-gass.

47.      Ċertament, jeżistu wkoll każijiet fejn it-trade mark tindika l-kwalità ta’ prodott, mingħajr ma tirreferi għall-oriġini speċifika tiegħu. Assoċjazzjoni ta’ impriżi Ġermaniżi tal-ilma minerali hija għalhekk proprjetarja ta’ trade mark kollettiva fil-forma ta’ flixkun tal-ilma. Dan il-flixkun jintuża minn diversi impriżi u għaldaqstant ma jistax jindika l-oriġini tal-ilma. Min-naħa l-oħra, dan il-flixkun huwa riżervat għall-ilma minerali u għaldaqstant jimmarka din il-karatteristika tal-prodott. Konsegwentement, il-funzjoni tal-kwalità tiġi preġudikata jekk huwa jintuża għall-ilma tal-vit (23).

48.      F’dan il-każ ineżami, ma hemm xejn li jindika madankollu li ċ-ċilindru tal-gass huwa intiż li jiggarantixxi ċerta kwalità ta’ gass li hija indipendenti, f’dan is-sens, mill-oriġini tal-gass. Il-Kummissjoni fakkret barra minn hekk li l-gass fiċ-ċilindri huwa prodott standardizzat, tant li l-konsumaturi jippretendu, fil-prinċipju, l-istess kwalità mill-fornituri kollha.

49.      Għaldaqstant, fil-każ fejn l-indikazzjonijiet dwar l-impriża li timla ċ-ċilindri huma biżżejjed, ma jkunx hemm indikazzjoni ta’ preġudizzju lill-funzjoni tal-kwalità.

c)      Il-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni, ta’ investiment u ta’ reklamar

50.      Madankollu, il-kummerċjalizzazzjoni taċ-ċilindri mimlija tista’ tippreġudika l-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni, investiment u reklamar tat-trade mark.

51.      Sallum, kien fis-sentenza Google France u Google biss li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq il-portata ta’ funzjoni speċifika, jiġifieri l-funzjoni tar-reklamar. Skont din is-sentenza, il-proprjetarju tat-trade mark huwa intitolat li jipprojbixxi l-użu, mingħajr il-kunsens tiegħu, ta’ sinjal identiku għat-trade mark tiegħu fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark hija rreġistrata, meta dan l-użu jippreġudika l-użu tat-trade mark, mill-proprjetarju tagħha, bħala element ta’ promozzjoni tal-bejgħ jew bħala strument ta’ strateġija kummerċjali (24).

52.      Il-bejgħ tal-gass ta’ impriża oħra fiċ-ċilindri komposti jista’ jippreġudika l-użu taċ-ċilindru bħala element ta’ promozzjoni tal-bejgħ jew bħala strument ta’ strateġija kummerċjali.

53.      Kosan ma tistax manifestament issostni fil-kuntest tar-reklamar tagħha, li hija l-unika impriża li tbigħ il-gass f’dawn iċ-ċilindri partikolarment prattiċi jekk Viking tuża wkoll dawn iċ-ċilindri. Dan l-iżvantaġġ jirreferi madankollu għall-karatteristiċi tekniċi partikolari taċ-ċilindru kompost bħala kontenitur intiż għall-gass. L-isfruttament ekonomiku ta’ karatteristiċi tekniċi ma huwiex indirizzat mid-dritt dwar it-trade marks, iżda jirriżulta pereżempju mill-protezzjoni tal-brevetti jew tad-disinni. Jekk f’dan is-sens jeżisti dritt ta’ proprjetà intellettwali, dan ġie barra minn hekk eżawrit permezz tal-ewwel bejgħ taċ-ċilindru kompost. F’dan ir-rigward, għaldaqstant, ma jistax jiġi kkonstatat preġudizzju għall-funzjonijiet tat-trade mark.

54.      Min-naħa l-oħra, il-fatt li ċ-ċilindru lanqas ma hu assoċjat esklużivament mal-gass ta’ Kosan għandu riperkussjonijiet fuq l-importanza taċ-ċilindru tal-gass bħala trade mark u fuq l-użu tiegħu għar-reklamar.

55.      Id-dritt tat-trade mark huwa intiż direttament li jiggarantixxi l-użu esklużiv tat-trade mark b’mod li jippermetti lill-proprjetarju jsaħħaħ ir-rabta bejn dan is-sinjal u l-prodotti u s-servizzi tiegħu. Jekk huwa juża dan is-sinjal b’mod intensiv, iżda esklużiv, is-sinjal jikseb karattru distintiv. Il-prodotti u servizzi indikati mit-trade mark jistgħu iktar faċilment jiġu identifikati bħala li joriġinaw mingħand il-proprjetarju tat-trade mark. Dan isaħħaħ il-kompetizzjoni peress li jippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu distinzjoni aħjar bejn id-diversi għażliet (25).

56.      Din il-funzjoni tat-trade mark tiġi ppreġudikata jekk terzi jużaw it-trade mark, anki jekk jiġi ppreċiżat fil-kuntest ta’ dan l-użu li l-prodotti jew servizzi għandhom oriġini differenti. Fil-fatt, il-konsumaturi li jkunu xtraw prodotti ta’ impriża oħra b’din it-trade mark jassoċjawhom inqas faċilment mal-proprjetarju tagħha.

57.      Dawn ir-riperkussjonijiet huma manifesti f’dan il-każ: b’mod partikolari, il-konsumatur li mill-bogħod jara ċilindru kompost għall-bejgħ ma jippreżumix bilfors li l-istess ċilindru fih gass minn ta’ Kosan jekk huwa jaf li Viking tbigħ ukoll gass f’dawn iċ-ċilindri.

58.      Għal Kosan, dan jikkostitwixxi żvantaġġ li jaffettwa l-funzjonijiet tat-trade mark. Ma hijiex biss il-funzjoni tar-reklamar li hija kkonċernata, iżda wkoll il-funzjoni tal-komunikazzjoni ta’ din it-trade mark u, indirettament – minħabba l-ispiża tal-liċenzja relatata maċ-ċilindru kompost – il-funzjoni tal-investiment. Jekk il-kumpens dovut biex tinkiseb liċenzja għad-dritt tat-trade mark fuq iċ-ċilindru kompost jinkludi wkoll prezz għall-użu bħala trade mark għall-gass, wieħed jista’ jistenna li Kosan ma tkunx tista’ tibqa’ tikseb il-korrispettiv ekonomiku mistenni.

59.      Madankollu, kwalunkwe riperkussjoni sfavorevoli fuq dawn il-funzjonijiet ma tiġġustifikax li jiġi applikat l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar it-trade marks. Fil-fatt, il-protezzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax – fl-ewwel lok – ixxejjen mis-sens tagħhom il-kundizzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet speċjali ta’ protezzjoni (26) u għandha – fit-tieni lok – tosserva interessi superjuri oħra (27).

60.      L-iżvantaġġ deskritt għall-proprjetarju tat-trade mark, qiegħed fil-fatt tad-dilwit (28) li kontrih huma biss it-trade marks ta’ reputazzjoni li jibbenefikaw, fil-prinċipju, minn protezzjoni partikolari skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks. Il-qorti tar-rinviju titlaq manifestament mill-idea li ċ-ċilindru kompost ma huwiex trademark ta’ reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(2). Iktar minn hekk, din il-protezzjoni tippreżumi li l-użu tas-sinjal mingħajr raġuni ġusta jwassal indebitament preġudizzju għan-natura distintiva tat-trade mark ta’ reputazzjoni.

61.      Ċertament, f’każ ta’ użu ta’ sinjali identiċi għall-prodotti u servizzi koperti mit-trade mark, it-trade marks sempliċi jgawdu, fil-prinċipju, minn protezzjoni kontra d-dilwit. Madankollu, din il-protezzjoni ma hijiex ħlief ir-rifless tal-protezzjoni tal-funzjoni ta’ oriġini. Il-fatt li hija ma għandhiex rilevanza waħedha huwa muri bil-fatt li t-trade marks sempliċi jistgħu jintużaw minn terzi għal prodotti u servizzi li ma jixxiebhux. Anki tali użu jista’ jdgħajjef in-natura distintiva tat-trade mark.

62.      Anki kieku hemm it-tendenza li t-trade mark tiġi protetta minħabba li l-effett ta’ dilwit żdied minħabba l-użu ta’ prodotti li jixxiebhu, hemm madankollu interessi oħra li jipprevalu f’dan il-każ.

63.      Il-fatt li tali bbilanċjar huwa possibbli huwa muri fis-sentenza Google France u Google ċċitata fil-kuntest tal-funzjoni ta’ reklamar (29). F’dik il-kawża rriżulta li l-użu ta’ trade mark minn terzi fil-kuntest ta’ servizz ta’ referenzar fuq l-internet seta’ jfisser, għall-proprjetarju ta’ din it-trade mark, żieda fl-ispiża tal-użu ta’ dak is-servzz għar-reklamar tiegħu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li dan l-iżvantaġġ seta’ jippreġudika l-funzjoni ta’ reklamar, u ddeċidiet li dan it-tip ta’ reklamar għandu biss importanza sekondarja.

64.      Dan ir-riżultat huwa r-rifless tal-eżerċizzju ta’ bbilanċjar tal-interessi li, fil-fehma tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, irid isir fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-portata tal-protezzjoni tal-funzjonijiet kollha tat-trade mark – ħlief għall-funzjoni tal-oriġini (30).

65.      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, id-dritt tal-proprjetà tal-konsumaturi fuq iċ-ċilindru kompost u l-protezzjoni tal-kompetizzjoni (31) jipprevalu fuq il-funzjonijiet tat-trade mark li jkunu milquta.

66.      Il-konsumaturi ma jkunux iktar liberi fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ proprjetà fuq iċ-ċilindru, iżda jkunu marbutin fil-prattika ma’ fornitur wieħed, peress li l-fornituri l-oħra jkunu pprojbiti milli jagħmlu użu utli miċ-ċilindri.

67.      Iktar minn hekk, dan inaqqas kunsiderevolment il-kompetizzjoni fis-suq tal-gass fiċ-ċilindri. Jekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jibdlu ċ-ċilindri tal-gass vojta mingħand Kosan biss, huma ma jistgħux iktar jagħmlu parti mill-klijenti potenzjali ta’ fornituri oħra. F’dan ir-rigward is-sitwazzjoni tixbah lil dik fejn jingħataw servizzi ta’ tiswija għal trade mark partikolari ta’ karozzi. Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar it-trade marks, li ma japplikax f’dan il-każ, huwa permess li jsir reklamar għal dawn is-servizzi billi tintuża d-ditta tal-karozzi, u dan peress li, fil-każ invers, tkun qegħda tiġi eskluża kull kompetizzjoni bejn il-garaxxijiet tan-netwerk u l-garaxxijiet indipendenti (32).

68.      Minn dan għandu jiġi konkluż li l-użu ta’ trade marks sempliċi kkostitwiti mill-kontenitur għal prodotti li jixxiebhu, mingħajr preġudizzju għall-funzjoni tal-oriġini, ma jkunx fi kwalunkwe każ illegali peress li huwa jkun ta’ preġudizzju għall-karattru distintiv biss jekk il-projbizzjoni kontra dak l-użu tkun tillimita kunsiderevolment id-dritt ta’ proprjetà tal-konsumaturi u l-kompetizzjoni. F’dan il-każ ma huwiex meħtieġ li jiġi deċiż il-punt dwar x’evalwazzjoni għandha ssir ta’ dan l-użu tat-trade mark jekk il-preġudizzju għall-kompetizzjoni kienet inqas u jekk ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ proprjetà tal-konsumaturi kienet inqas sinjifikattiva fil-valur.

69.      Konsegwentement għandha tingħata risposta għall-ewwel erba’ domandi preliminari fis-sens li l-proprjetarju tad-dritt ta’ trade mark fuq ċilindru tal-gass irreġistrat bħala trade mark ma jistax jopponi l-bejgħ tal-gass, minn impriża oħra, f’ċilindri minn dawn li l-proprjetarju poġġa fis-suq qabel, meta jkun indikat b’mod suffiċjentement ċar li l-gass mibjugħ ma joriġinax mill-proprjetarju u li ma teżisti ebda rabta ma’ dan tal-aħħar.

B –    Fuq il-ħames domanda

70.      Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-riżultat tal-kwistjoni jkunx differenti jekk il-konsumatur stess jirrikorri direttament għall-impriża li timla ċ-ċilindri tal-gass biex jibdel mingħandha, billi jħallas għall-gass, ċilindru kompost vojt ma’ ċilindru li jixxiebah mimli mill-ġdid jew biex jimla bil-gass, bi ħlas, iċ-ċilindru kompost li huwa jkun ġab.

71.      Ma hemmx differenzi sostanzjali bejn l-ewwel ipotesi u l-każ li għadni kif semmejt: l-impriża li timla ċ-ċilindri tbigħ gass f’ċilindru rreġistrat bħala trade mark minn impriża oħra.

72.      Jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari li t-tieni ipotesi hija ta’ natura fittizja. Fil-każ ineżami, ma huwiex il-każ eżattament li l-klijent jimla ċ-ċilindru mingħandha, iżda li jibdel iċ-ċilindri vojta ma’ dawk mimlija. Mill-argumenti tal-partijiet jirriżulta wkoll li dan ma huwiex realistiku, u dan peress li jeżistu biss ftit wisq ċentri għall-mili taċ-ċilindri tal-gass fejn il-konsumaturi jkunu jistgħu jiddepositaw direttament ċilindru biex jimtela. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrispondix għal domandi ipotetiċi (33), din il-parti tad-domanda hija inammissibbli.

V –    Konklużjoni

73.      Nipproponi, konsegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula lilha:

“Il-proprjetarju tad-dritt ta’ trade mark fuq ċilindru tal-gass irreġistrat bħala trade mark ma jistax jopponi l-bejgħ tal-gass, minn impriża oħra f’ċilindri minn dawn li l-proprjetarju poġġa fis-suq qabel, meta jkun indikat b’mod suffiċjentement ċar li l-gass mibjugħ ma joriġinax mill-proprjetarju u li ma teżisti ebda rabta ma’ dan tal-aħħar.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 92, emendata l-aħħar permezz tal-Anness XVII tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 1994, L. 1, p. 482), imħassra u sostitwita permezz tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 299, p. 25).


3 – It-trade mark Komunitarja (Nru 003780343) hija rreġistrata ukoll għall-kontenituri tal-gass.


4 – Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club (C‑206/01, Ġabra, p. I‑10273, punt 40).


5 – Il-kummerċjalizzazzjoni fi Stati Membri oħra twassal għall-eżawriment taċ-ċilindri li Viking timporta sussegwentement fid-Danimarka, ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1976, Terrapin (119/75, Ġabra p. 1039, punt 6); tal-20 ta’ Jannar 1981, Musik-Vertrieb Membran u K-tel International (55/80 u 57/80, Ġabra p. 147, punt 10), u tat-28 ta’ April 1998, Metronome Musik (C‑200/96, Ġabra p. I‑1953, punt 14).


6 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Portakabin (C‑558/08, p. I‑6963, punt 74).


7 – Ibidem, punt 76).


8 – Ibidem, punt 79).


9 – Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol 1, p. 257), fil-verżjoni emendata permezz tad-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 147).


10 – Sentenza Portakabin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 80).


11 – Ibidem, punt 84).


12 – Ibidem, punt 86).


13 – Bħala eżempju ara l-punti 73 et seq tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fid-9 ta’ Diċembru 2010 fil-kawża L’Oréal et (C‑324/09) li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


14 – Għaldaqstant, il-konsumaturi finali għandhom ikollhom interess leġittimu, f’każ ta’ trade marks li faċilment jiġu rikonoxxuti, li ma jservux ta’ kanali ta’ reklamar tal-proprjetarju tat-trade mark, mingħajr ma l-eliminazzjoni tat-trade mark tipprekludihom milli jerġgħu jbigħu l-prodott.


15 – Sentenza Arsenal Football Club (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 51); tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C‑487/07, Ġabra p. I‑5185, punt 60); tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 76), kif ukoll Portakabin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 29).


16 – Peress li l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva dwar it-trade marks jeħtieġ li jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni – jiġifieri preġudizzju għall-funzjoni tal-oriġini –, huwa diffiċli li fil-każ ta’ sinjali li ma humiex identiċi tiġi immaġinata vjolazzjoni li tirriżulta esklużivament mill-funzjonijiet l-oħra tat-trade mark, ara s-sentenzi L’Oréal et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 59) kif ukoll Portakabin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 50 et seq); ara wkoll il-punt 100 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Google France u Google (sentenza iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15).


17 – Sentenzi L’Oréal et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 58), Google France u Google (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 77) kif ukoll Portakabin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 30).


18 – Sentenza Google France u Google (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 – Sentenza Arsenal Football Club (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 57).


20 – Sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 23); tat-23 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 25), u tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé (C‑353/03, Ġabra p. I‑6135, punt 25).


21 – Artikolu 8(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks, ara l-punti 28 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Copad (sentenza tat-23 ta’ April 2009, C‑59/08, Ġabra p. I‑3421).


22 – F’dan il-każ, huwa l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks li jista’ jiġi applikat.


23 – Is-sentenza mogħtija mill-Oberlandesgerichts Zweibrücken fit-8 ta’ Jannar 1999 fil-kawża “Nachfüllen von Brunneneinheitsflaschen” (2 U 21/98, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, 2000, 511) tgħid li din hija eċċezzjoni għall-prinċipju tal-eżawriment fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks.


24 – Sentenza Google France u Google (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 92).


25 – Ara l-punt 45 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruíz-Jarabo Colomer ippreżentati fil-kawża Arsenal Football Club (sentenza iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


26 – Ara ukoll il-punt 42 tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Parfums Christian Dior (sentenza tal-4 ta’ Novembru 1997, C‑337/95, Ġabra p. I‑6013), li ma tantx kien favorevoli għall-protezzjoni ta’ trade mark abbażi ta’ dawn il-funzjonijiet meta ma jkunx hemm riskju ta’ żball dwar l-oriġini jew il-kwalità tal-prodott.


27 – Punt 102 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Google France u Google (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15).


28 – Ara d-definizzjoni li tinsab fis-sentenza L’Oréal et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 39).


29 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 94 sa 97.


30 – Punt 102 tal-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Google France u Google (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15).


31 – Ibidem, punt 103.


32 – Ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 1999, BMW (C‑63/97, Ġabra p. I‑905, punt 62).


33 – Ġurisprudenza stabbilita, ara pereżempju s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio (C‑77/09, p. I‑13533, punt 25).

Top