Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0021

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 24 ta' Marzu 2011.
    Károly Nagy vs Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Fővárosi Bíróság - l-Ungerija.
    Politika Agrikola Komuni - Finanzjament mill-FAEGG - Regolamenti (KE) Nri 1257/1999 u 817/2004 - Sostenn Komunitarju għall-iżvilupp rurali - Sostenn għal metodi ta’ produzzjoni agroambjentali - Għajnuna agroambjentali barra l-għajnuna ‘annimali’, li l-għoti tagħhom huwa suġġett għal ċerti densità ta’ bhejjem - Applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll - Sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat - Obbligu ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà.
    Kawża C-21/10.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-06769

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:180

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MAZÁK

    ippreżentati fl-24 ta’ Marzu 2011 (1)

    Kawża C-21/10

    Károly Nagy

    vs

    Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság (l-Ungerija)]

    “Politika agrikola komuni – Regolament (KE) Nru 1257/1999 – Regolament (KE) Nru 817/2004 – Applikazzjoni tas-sistema integrata lill-għajnuna agroambjentali li, għalkemm ma hijiex għall-annimali, hija dipendenti minn ċerta densità ta’ bhejjem”





    1.        Fil-kawża preżenti, il-Fővárosi Bíróság [Qorti Muniċipali ta’ Budapest (l-Ungerija] irreferiet għadd ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 (ir-“Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali”) (2) u tal-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004 (3). Il-każ jikkonċerna produttur agrikolu li ppreżenta rikors kontra Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal (Uffiċċju tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali; “il-Hivatal”) minħabba li dan irrifjuta li jagħtih l-għajnuna agroambjentali għal ħames snin, wara li verifiki żvelaw li l-informazzjoni li kien ipprovda fl-applikazzjoni għall-għajnuna ma kinitx korretta.

    2.        Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999 u l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, għall-iskopijiet tal-verifiki li għandhom isiru skont id-dispożizzjoni tal-aħħar, is-sistema integrata Ungeriża għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat (Egységes Nyilvántartási és Azonosítási Rendszer; l-“ENAR”) għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-għajnuna agroambjentali skont l-Artikolu 22, li l-għoti tagħha jsir bil-kundizzjoni li jkun hemm ċerta densità ta’ bhejjem anki meta l-għajnuna ma tkunx maħsuba għall-annimali, u jekk l-ENAR tistax tkun l-uniku mezz sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għal dik l-għajnuna jkunux ġew sodisfatti. Barra dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi x’obbligi għandha l-awtorità nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti ta’ informazzjoni lill-bdiewa dwar il-kundizzjonijiet li fuqhom tingħata l-għajnuna.

    I –    Il-kuntest ġuridiku Komunitarju (issa l-kuntest ġuridiku tal-Unjoni Ewropea ‘UE’)

    3.        L-Artikolu 66(1) u (4) tar-Regolament Nru 817/2004 jistabbilixxi, rispettivament, li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-iżvilupp rurali, fir-rigward tal-artijiet jew tal-annimali, li jkunu ġew ippreżentati separatament mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2419/2001, għandhom jindikaw l-artijiet u l-annimali kollha fl-impriża li huma rilevanti għall-kontroll tal-applikazzjonijiet skont il-miżura inkwistjoni, inkluż dawk li ma tkunx qed tintalab l-għajnuna għalihom, u li l-annimali u l-artijiet għandhom jiġu identifikati skont l-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (4).

    4.        L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 817/2004 jipprevedi:

    “1. L-Applikazzjonijiet inizjali sabiex jidħlu fi skema u l-applikazzjonijiet sussegwenti għall-ħlas għandhom jiġu kkontrollati b’manjiera illi tiżgura verifika effettiva ta’ konformità mal-kondizzjonijiet sabiex tingħata l-għajnuna.

    L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-metodi u l-mezzi sabiex jivverifikaw kull miżura ta’ għajnuna kif ukoll tal-persuni soġġetti għall-kontroll.

    Meta approprjat, Stati Membri għandhom jagħmlu użu minn amminstrazzjoni integrata u sistema ta’ kontoll introdotta [Sistema Integrata ta’ Ġestjoni u Kontroll [“SIĠK”] permezz tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

    [...]”

    5.        Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1782/2003, kull Stat Membru għandu jwaqqaf SIĠK.

    6.        L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jistipula li s-SIĠK għandha tinkludi l-elementi li ġejjin: “(a) ‘database’ kompjuterizzata; (b) sistema ta’ identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art agrikola; (ċ) sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament kif imsemmija fl-Artikolu 21; (d) applikazzjonijiet għall-għajnuna; (e) sistema integrata ta’ kontroll; u (f) sistema waħda biex tkun irreġistrata l-identità ta’ kull bidwi li jissottomentti applikazzjoni għall-għajnuna”.

    7.        L-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-regolament jistipula li meta jkunu qed jiġu applikati l-Artikoli 67, 68, 69, 70 u 71, “is-sistema integrata għandha tikkonsisti f’sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali stabbilita skont id-Direttiva 92/102/KEE [...] u r-Regolament (KE) Nru 1760/2000”.

    8.        Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, id-database kompjuterizzata għandha, għal kull impriża agrikola, tirreġistra l-informazzjoni miksuba mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna u, b’mod partikolari tippermetti li ssir konsultazzjoni diretta u immedjata, permezz tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, tal-informazzjoni relatata mas-snin kalendarji u/jew mas-snin kummerċjali mis-sena 2000. L-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu jistabilixxu ‘data bases’ deċentralizzati bil-kondizzjoni illi dawn, u l-proċeduri amministrattivi għar-reġistrazzjoni u l-assessjar tad-‘data’, huma disinjati b’mod omoġenju madwar it-territorju ta’ l-Istat Membru u huma kompatibbli wieħed ma’ l-ieħor biex ikunu jistgħu jsiru ‘cross-checks’”.

    9.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 (5) jipprovdi li l-“Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jdaħħlu proċeduri li bihom id-data li tkun tinsab fid-database komputerizzata għall-annimali tal-ifrat tkun tista’ tintuża għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna, kemm-il darba d-database komputerizzata għall-annimali tal-ifrat tkun toffri l-livell ta’ assigurazzjoni u implimentazzjoni meħtieġa għall-immaniġġar kif imiss ta’ l-iskemi ta’ għajnuna nvoluti. Dawk il-proċeduri jistgħu jkunu jikkonsistu f’sistema li skont din il-bidwi jkun jista’ japplika għall-għajnuna fir-rigward tal-annimali kollha li, f’data li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru, jikkwalifikaw għall-għajnuna fuq il-bażi tad-data li tkun tinsab fid-database komputerizzata dwar l-annimali tal-ifrat. F’dan il-każi, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiggarantixxu li:

    (a)      Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-perjodi relevanti taż-żamma ikunu identifikati b’mod ċar u mgħarrfa lill-bidwi;

    (b)      il-bidwi jkun konxju li l-annimali kollha li jinstabu li ma jkunux identifikati kif imiss jew reġistrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat għandhom jgħoddu bħala annimali misjuba b’irregolaritajiet kif imsemmi fl-Artikolu 59.

    [...]”

    10.      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 (6), is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat għandha tinkludi, inter alia, l-elementi li ġejjin: (a) tikketti tal-widnejn biex jidentifikaw l-annimali individwalment u (b) databases kompjuterizzati. Skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament “[l]-awtorità kompetenti tal-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ħażniet ta’ informazzjoni kkomputerizzata skont l-Artikoli 14 u 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE” (7).

    II – Il-fatti u d-domandi mressqa

    11.      Fis-26 ta’ Novembru 2004, K. Nagy ppreżenta applikazzjoni għall-għajnuna agroambjentali għal perijodu ta’ ħames snin. Skont l-Artikolu 32(2) tad-Digriet 150/2004 (X.12.) (iktar ’il quddiem id-“Digriet 150/2004”) tal-Ministeru Ungeriż tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (“il-Ministeru”), hija kundizzjoni tal-għoti tal-għajnuna li biex tintuża l-art għall-mergħa għandu jkun hemm minimu ta’ 0.2 annimali għal kull ettaru.

    12.      Fl-applikazzjoni tiegħu, K. Nagy ddikjara li kellu tnax-il fart u fl-10 ta’ Awwissu 2005 u s-6 ta’ Ottubru 2006, rispettivament, huwa rċieva l-flus tal-għajnuna fir-rigward tal-perijodu 2004/2005 u tal-perijodu 2005/2006. Madankollu, minn verifika fuq il-post imwettqa fit-18 ta’ Ottubru 2006 u mill-verifiki trażversali magħmula fir-reġistru tal-ENAR jirriżulta li fiż-żmien li fih hu ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna, K. Nagy ma kellux it-tnax-il fart iddikjarati fl-applikazzjoni.

    13.      Fil-15 ta’ Diċembru 2006, il-Hivatal ikkonkluda permezz tad-Deċiżjoni Nru 2030946187 li K. Nagy ma ssodisfax il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-għajnuna skont l-Artikolu 32(2) tad-Digriet 150/2004, sa fejn il-verifiki magħmula ma kkonfermawx li n-numru ta’ annimali ddikjarati fl-applikazzjoni kien korrett. B’riżultat ta’ dan, K. Nagy ġie eskluż mill-għajnuna agroambjentali għal ħames snin u ġie ordnat jirrimborsa l-ammont li kien diġà tħallas (EUR 5 230).

    14.      K. Nagy ppreżenta appell amministrattiv kontra din id-deċiżjoni mal-Ministeru li, bħala awtorità tat-tieni istanza, ikkonferma d-deċiżjoni tal-Hivatal fl-10 ta’ Awwissu 2007, abbażi tal-Artikolu 32(2) tad-Digriet 150/2004. K. Nagy kkontesta d-deċiżjoni tal-Ministeru quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostna li fil-fatt, fiż-żmien li fih ippreżenta l-applikazzjoni, kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-għadd ta’ annimali meħtieġ skont din id-dispożizzjoni, iżda li ma kienx jaf bl- ENAR u ma kienx jaf li biex jieħu l-għajnuna kien meħtieġ li jirreġistra f’din is-sistema. Ma kienet ingħatat ebda informazzjoni f’dan ir-rigward.

    15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “(1)      L-Artikoli 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 u [6]8 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 817/2004 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ programm speċifiku ta’ amministrazzjoni ta’ mergħa li taqa’ taħt l-għajnuna għall-ambjent agrikolu [agroambjentali] stabbilita mill-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999, il-verifika tad-data li tinsab fid-databases ENAR [Egységes Nyilvántartási és Azonosítási Rendszer, Sistema Unika ta’ Identifikazzjoni u ta’ Reġistrazzjoni], li hija stabbilita bl-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004, għandha tinkludi l-ħlasijiet għal medda ta’ art li hija suġġett għar-rekwiżit ta’ densità ta’ bhejjem?

    (2)      Iż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, meta l-għajnuna tkun suġġetta għar-rekwiżit ta’ densità ta’ bhejjem, mingħajr ma tkun tirrigwarda l-ħlasijiet għal medda ta’ art [primjum tal-annimali], għandhom japplikaw ukoll it-transverifiki tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni [ġestjoni] u ta’ kontroll?

    (3)      Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti tista’, jew għandha, tivverifika l-eżistenza effettiva tar-rekwiżiti ta’ għajnuna indipendentement mis-sistema ENAR meta hija tiddeċiedi fuq l-għoti ta’ ħlasijiet għal medda ta’ art?

    (4)      Fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, liema obbligu ta’ kontroll huwa impost fuq l-awtorità kompetenti skont l-obbligu ta’ kontroll u ta’ transverifika stabbilit mid-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija iktar ’il fuq? Jista’ l-kontroll ikun limitat biss għall-verifika tad-data tas-sistema ENAR?

    (5)      Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jimponu fuq l-awtorità nazzjonali obbligu ta’ informazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti eliġibbli għal għajnuna (bħal, pereżempju, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni mal-ENAR)? Jekk iva, b’liema mod u sa fejn?”

    16.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn K. Nagy, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni.

    III – Evalwazzjoni

    A –    L-ewwel u t-tieni domandi

    17.      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, għall-iskopijiet tal-għoti tal-għajnuna skont id-dispożizzjoni ta’ qabel, u suġġett għall-kundizzjoni li tirrigwarda ċerta densità ta’ bhejjem, li jagħmlu verifiki trażversali skont is-SIĠK u, b’mod partikolari, li jibbażaw ruħhom fuq informazzjoni rreġistrata taħt Sistema Integrata għall-Identifikazzjoni u r-Reġistrazzjoni nazzjonali, bħalma hija l-ENAR.

    18.      K. Nagy jsostni li r-reġistru tal-ENAR ma huwiex rilevanti għall-għoti ta’ flus fir-rigward tal-artijiet suġġetti għall-kundizzjoni li tirrigwarda ċerta densità ta’ bhejjem, minħabba li din l-għajnuna ma hijiex għall-annimali u, barra minn hekk, minħabba li l-għan tal-għoti ta’ flus fir-rigward tal-artijiet huwa differenti mill-għan tal-għoti ta’ flus fir-rigward tal-annimali.

    19.      Il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni jsostnu li, essenzjalment, il-verifiki trażversali magħmula permezz tas-SIĠK u, b’mod partikolari, dawk magħmula permezz tal-informazzjoni li tinsab fir-reġistru tal-ENAR, għandhom isiru wkoll meta l-għajnuna tkun suġġetta għall-kundizzjoni li tirrigwarda ċerta densità ta’ bhejjem – anki jekk l-għajnuna ma tkunx għall-annimali.

    20.      Il-Gvern Ungeriż isostni li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 ma jagħmilx is-sistemi tal-applikazzjoni tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali obbligatorji - dan jagħmel hekk biss fil-każ ta’ ċerti tipi ta’ għajnuna, u l-għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ ma hijiex waħda minn dawn it-tipi. Ir-Regolament Nru 817/2004, min-naħa l-oħra, isostni l-inferenza li għandha tiġi applikata l-ENAR, anki f’każijiet bħal dawn. Għalhekk, skont il-Gvern Ungeriż, huwa neċessarju li tiġi applikata s-SIĠK – jew pjuttost, xi ftit mill-elementi tagħha, inkluż Sistema Integrata għall-Identifikazzjoni u r-Reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat, bħalma hija l-ENAR – kull meta dan ikun possibbli.

    21.      Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jistabbilixxi li l-verifiki amministrattivi għandhom ikunu eżawrjenti, din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għad-densità tal-bhejjem. Konsegwentement, huwa xieraq li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-SIĠK u, b’mod partikolari, dawk li għandhom x’jaqsmu mas-sistemi integrati għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat, bħal ma hija l-ENAR, fir-rigward tal-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999, li ma tkunx għall-annimali.

    22.      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Unjoni Ewropea adottat SIĠK fl-1992 (8) sabiex ittejjeb l-effiċjenza li biha kienu jsiru l-pagamenti diretti lill-bdiewa fil-kuntest tal-PAK (9). B’mod partikolari, l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu reġistri elettroniċi li jinkludu, fir-rigward ta’ kull biċċa art agrikola rilevanti koperta minn talba, l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-verifika trażversali tat-talbiet, inkluż l-identità tal-proprjetarju, id-data ta’ stabbilimenti, id-data tal-aħħar attivazzjoni, l-oriġini u t-tip ta’ dritt, kif ukoll fejn tinsab l-art u l-kejl eżatt. Madankollu, is-SIĠK ma tirreġistrax informazzjoni li tirrigwarda l-kundizzjonijiet tad-dritt tal-pussess tal-art, minħabba li din hija mezz ta’ ġestjoni maħsub sabiex jiffaċilita l-għoti tal-flus għall-għajnuna lill-bdiewa. Skont il-Qorti tal-Awdituri, is-“SIĠK, meta applikata b’mod korrett, hija sistema effettiva ta’ kontroll biex tnaqqas ir-riskju ta’ żbalji jew ta’ infiq irregolari” (10).

    23.      B’mod partikolari, fir-rigward tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dak li għamel il-Gvern Ungeriż, fil-fatt, huwa li segwa r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula f’ittra tas-7 ta’ Frar 2006 li tirrigwarda r-riżultati ta’ kontroll li sar mis-17 sal-21 ta’ Ottubru 2005 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta’ nfiq għall-iżvilupp rurali ffinanzjat jew koiffinanzjat mill-EAGGF u mis-SAPARD (11). F’din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni ħeġġet lill-awtoritajiet Ungeriżi sabiex “jinkludu, fid-databases li jirrigwardaw l-annimali, il-verifiki trażversali li jikkonċernaw l-annimali ddikjarati, fl-interess li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet rilevanti, għal kull miżura li hija suġġetta għall-kundizzjoni għall-eliġibbiltà ta’ ċertu densità ta’ bhejjem”. Għalhekk, l-awtoritajiet Ungeriżi wettqu verifiki trażversali retroattivi fir-rigward tal-ewwel perijodu tal-programmi agroambjentali (2004/2005) – inkluż verifika trażversali tal-każ ta’ K. Nagy – u ddeċidew li jwettqu verifiki trażversali mal-ENAR fil-każijiet kollha fil-futur, billi jibdew b’dawk tat-tieni perijodu.

    24.      Biex nerġa’ nirreferi għal-leġiżlazzjoni rilevanti, nixtieq niġbed l-attenzjoni li, skont il-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999, l-għajnuna agroambjentali sservi sabiex tippromwovi inter alia “[i]l-konservazzjoni ta’ ambjenti agrikoli ta’ valur naturali għoli li jinsabu mhedda”.

    25.      L-Artikolu 37(4) tar-Regolament Nru 1257/1999 jgħid li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu iżjed jew iktar kundizzjonijiet restrittivi għall-għoti ta’ sostenn mill-UE għal żvilupp rurali, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ikunu konsistenti mal-oġġettivi u mal-ħtiġiet ipprovduti fl-imsemmi regolament.

    26.      Fil-każ preżenti, il-pjan ta’ żvilupp rurali tal-Ungerija, li ġie awtorizzat mill-Kummissjoni (12), stabbilixxa, bħala kundizzjoni sabiex tkun tista’ ssir talba għall-għajnuna, li għall-użu tal-art għall-mergħa, irid ikun hemm minimu ta’ 0.2 annimali għal kull ettaru, sabiex tiġi ppreżervata l-mergħa li jkollha abbundanza ta’ flora u fawna.

    27.      Għaldaqstant, jista’ jingħad li din il-kundizzjoni hija għalhekk konsistenti mal-kundizzjoni ċċitata iktar ’il fuq stabbilita fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament Nru 1257/1999.

    28.      Il-Gvern Ungeriż ġustament irrileva li l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jipprovdi b’mod ċar li l-verifiki amministrattivi għandhom ikunu eżawrjenti u li għandhom jinkludu l-verifiki trażversali kull fejn dan ikun xieraq, “inter alia permezz tal-informazzjoni mill-[IACS]” (fil-verżjoni l-Ġermaniża, “unter anderem in allen geeigneten Fällen” u, fil-verżjoni l-Franċiża, “entre autres, dans tous les cas appropriés”).

    29.      Barra dan, dan il-punt huwa enfasizzat fil-premessa 38 fil-preamoblu tar-Regolament Nru 817/2004, li tgħid li: “Ir-regoli amministrattivi għandhom jippermettu għall-amminstrazzjoni, monitoraġġ u kontroll aħjar ta’ l-appoġġ tal-iżvilupp rurali” u li “Fl-interess tas-si[m]pliċità, is-[SIĠK] previst[a]i fir-Regolament (KE) Nru 1782/20  għandhom ikunu [għandha tiġi] applikata kull meta possibbli”.

    30.      Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jikkonċerna wkoll il-kundizzjoni li tirrigwarda ċerta densità ta’ bhejjem, minħabba li din hija kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna stabbilita mill-Ungerija. Għalhekk, fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà, huwa xieraq ukoll li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-għajnuna għall-annimali.

    31.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 66(4) tar-Regolament Nru 817/2004 jistipula li l-identifikazzjoni tal-annimali u tal-artijiet għandha titwettaq skont l-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 1782/2003.

    32.      Konsegwentement, peress li d-dritt nazzjonali jeżiġi, bħala kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna inkwistjoni, ċerta densità ta’ bhejjem, huwa possibbli u xieraq għall-awtorità kompetenti li twettaq verifika trażversali tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għall-għajnuna, sabiex b’hekk taċċerta li l-kundizzjoni li tirrigwarda ċerta densità ta’ bhejjem tkun ġiet sodisfatta – abbażi tal-IACS (13) u tal-ENAR; jiġifieri s-sistema integrata għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat stabbilita skont ir-Regolament Nru 1760/2000, u li hija msemmija fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1782/2003. Fi kliem ieħor, huwa xieraq għall-awtorità kompetenti li tivverifika jekk ir-reġistru tal-ENAR jikkonfermax l-għadd ta’ annimali ddikjarat fl-applikazzjoni għall-għajnuna.

    B –    It-tielet u r-raba’ domandi

    33.      Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tiddetermina jekk, għall-iskopijiet tal-verifika tal-eliġibbiltà għall-għajnuna agroambjentali skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999, din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004, tippermettix lill-awtoritajiet kompetenti li jivverfikaw biss id-data fis-sistema nazzjonali integrata għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat (bħal ma hija l-ENAR) jew, għall-kuntrarju, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jeħtiġux lill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu verifiki oħra. Jekk ikollhom isiru verifiki oħra, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina n-natura ta’ dawn il-verifiki.

    34.      F’dan ir-rigward, K. Nagy jissottometti li, fid-data tal-applikazzjoni, huwa ssodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti kollha u li l-leġiżlatur tal-UE ma setax kellu l-intenzjoni, fil-każ tal-ħlas fir-rigward tal-art, li r-reġistru tal-ENAR ikun l-uniku mezz sabiex jikkonferma l-għadd ta’ bhejjem preżenti fl-impriża tiegħu.

    35.      Madankollu, bi qbil mal-Gvern Ungeriż u mal-Kummissjoni, jien inqis li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, fejn ikun xieraq, jibbażaw ruħhom esklużivament fuq data żvelata bħala riżultat tal-verifiki trażversali magħmula mar-reġistru tal-ENAR.

    36.      Mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li K. Nagy huwa “min iżomm l-animali” skont l-Artikolu 2(q) tar-Regolament Nru 2419/2001. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1760/2000, kull persuna li żżomm l-annimali għandha tinforma lill-awtorità kompetenti dwar l-għadd ta’ annimali preżenti fl-impriża tagħha (14).

    37.      Barra dan, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 817/2004 – u, b’mod impliċitu, fil-paragrafi 1 u 4 tal-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament - isir riferiment għas-SIĠK, li hija maħsuba inter alia sabiex tidentifika l-annimali preżenti fl-impriżi. Din is-sistema topera, b’mod partikolari, permezz ta’ database kompjuterizzata u tirreferi, inter alia, għas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat mwaqqfa skont ir-Regolament Nru 1760/2000.

    38.      F’dan ir-rigward, f’Maatschap Schonewille‑Prins (15), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li anki l-għoti ta’ primjum għall-qtil tal-annimali kien jingħata bil-kundizzjoni li l-persuni li jżommu l-annimali kkonċernati jikkonformaw mar-regoli rilevanti tal-UE dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat.

    39.      Għal dak li jirrigwarda s-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 796/2004 jistipula, kif ġustament semmiet il-Kummissjoni, li, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw dawn l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li fir-rigward tagħhom ikun possibbli li tintuża d-data li tinsab fid-database kompjuterizzata għall-annimali tal-ifrat, kif ukoll il-kundizzjonijiet li skonthom jistgħu jiġu aċċettati l-applikazzjonijiet fir-rigward ta’ annimali, skont id-database kompjuterizzata, li kienu eliġibbli għall-għajnuna f’data ddeterminata mill-Istat Membru. Barra dan, l-Artikolu 57(4)(b) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta l-irregolaritajiet misjuba jkunu relatati ma’ dħul żbaljat fir-reġsitru, għandha ssir it-tieni verifika sabiex jiġi stabbilit jekk il-preżenza tal-annimali kkonċernati għandhiex titqies bħala “mhux stabbiliti”. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-ewwel riżultat għandu jitqies validu, jiġifieri, inkluż dawk il-każijiet li għalihom ma jkunx hemm data disponibbli.

    40.      Wieħed jista’ jżid jgħid li għal dak li jirrigwarda s-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali, ġie nnotat, fir-Rapport Speċjali Nru 6/2004 tal-Qorti tal-Awdituri li s-sistema integrata għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat ġiet introdotta fl-1992 preċiżament sabiex tipprevjeni pagamenti mhux iġġustifikati; li din is-sistema saret element importanti tas-SIĠK; u li għandha rwol importanti fis-sistema ta’ kontroll amministrattiv tal-għajnuna għall-iżvilupp rurali. Ir-Rapport Speċjali Nru 6/2004 jgħid li l-funzjonament prattiku u fl-aħħar mill-aħħar l-affidabbiltà tad-database jiddependu mill-persuni li jżommu l-annimali, li għandhom jikkontribwixxu għad-database b’mod eżawrjenti u jiżguraw li din tiġi aġġornata fil-pront (16). Skont dan ir-rapport, ir-reġistru kompjuterizzat tal-annimali tal-ifrat, element ċentrali tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni, jintuża b’mod immirat sabiex ikun jista’ jiġi deċiż jekk l-applikazzjonijiet għall-għajnuna humiex leġittimi jew le.

    41.      Dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 817/2004 li qed tipprova tinterpreta l-qorti tar-rinviju jikkorroboraw ir-rwol importanti tar-reġistru tal-ENAR għal dak li jirrigwarda l-kontroll amministrattiv tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali. Kif semmejna iżjed ’il fuq, il-premessa 38 ta’ dan ir-regolament tenfasizza li “[i]r-regoli amministrattivi għandhom jippermettu għall-amminstrazzjoni, monitoraġġ u kontroll aħjar ta’ l-appoġġ tal-iżvilupp rurali” u li “s-[SIĠK] għandhom ikunu [għandha tiġi] applikata kull meta possibbli”.

    42.      L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 817/2004 jistabbilixxi li l-applikazzjonijiet inizjali sabiex jidħlu fi skema u l-applikazzjonijiet sussegwenti għall-ħlas, għandhom jiġu kkontrollati b’manjiera li tiżgura verifika effettiva ta’ konformità mal-kundizzjonijiet sabiex tingħata l-għajnuna. Skont l-Artikolu 68, il-“verifiki amministrattivi għandhom ikunu eżawrenti u għandhom jinkludu trans-verifiki kull meta xieraq bi, inter alia, dettalji mis-[SIĠK]. Għandhom jirrelataw ma’ ħbula ta’ l-art u annimali koperti minn miżuri ta’ għajnuna sabiex jevitaw il-ħlas inġustifikat ta’ għajnuna [...]”

    43.      Kif osserva sew il-Gvern Ungeriż, jirriżulta minn dak li ntqal iżjed ’il fuq li d-data fir-reġsitru tal-ENAR mhux biss għandha tkun affidabbli, iżda anki kompleta sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eliġibbiltà għall-għajnuna jkunux ġew sodisfatti. Tabilħaqq, f’Maatschap Schonewille-Prins, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, “is-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-bhejjem ta’ l-ifrat tkun totalment effettiva u li wieħed ikun jista’ jiddependi fuqha f’kull mument sabiex, b’mod partikolari, tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jindividwaw malajr kemm jista’ jkun, fil-każ ta’ epiżootomija, il-provenjenza ta’ annimal u li tieħu immedjatament il-miżuri neċessarji sabiex tevita kull riskju għas-saħħa pubblika” (17).

    44.      Għalhekk, huwa possibbli li wieħed jaqbel mal-argument li r-reġistru tal-ENAR, bħala parti minn sistema kumplessa, juri jekk il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà jkunux ġew sodisfatti, kemm għal dak li jirrigwarda l-għadd ta’ frat kif ukoll għal dak li jirrigwarda d-densità ta’ bhejjem. B’riżultat ta’ dan, ikun jidher li l-Hivatal tassew kienet intitolata, hekk kif hija ddeterminat, esklużivament abbażi tal-ENAR, li K. Nagy ma kellux l-għadd ta’ frat iddikjarat fl-applikazzjoni għall-għajnuna, li ma tirrikorrix għal xi mezzi oħra ta’ provi.

    45.      Jirriżulta mid-deliberazzjonijiet ta’ hawn fuq li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 796/2004, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, sabiex jirrifjutaw li jagħtu l-għajnuna, joqogħdu esklużivament fuq informazzjoni li ssir magħrufa mill-verifiki trażversali mar-reġistru tal-ENAR, sakemm dawk l-awtoritajiet ikunu wettqu l-obbligu tagħhom li jagħtu l-informazzjoni relatata matul il-proċedura.

    C –    Il-ħames domanda

    46.      Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1257/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004, jimponix obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jipprovdu informazzjoni li tirrigwarda l-pre-kundizzjonijiet għall-għajnuna agroambjentali skont l-Artikolu 22. Fil-każ li dan l-obbligu jeżisti, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina n-natura ta’ u sa fejn iwassal dan l-obbligu.

    47.      K. Nagy jissottometti li, fiż-żmien li fih huwa ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna, ma kienx konxju tal-fatt li kien meħtieġ iniżżel fl-ENAR l-għadd ta’ bhejjem preżenti fl-impriża tiegħu. Barra dan, ħadd ma kien indikalu, la bil-kliem u l-anqas bil-mitkub, permezz ta’ notifika, informazzjoni, avviż jew istruzzjoni, li din il-formalità kienet meħtieġa u li kienet, fil-fatt, kundizzjoni fundamentali għall-għajnuna li kienet qed issir applikazzjoni għaliha.

    48.      Il-Gvern Ungeriż jargumenta li la r-Regolament Nru 1257/1999 u l-anqas ir-Regolament Nru 817/2004 ma jsostnu l-inferenza li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jagħtu informazzjoni speċifika li tmur lil hinn mid-dover li jagħmel possibbli għall-applikanti prospettivi li jiffamiljarizzaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet legali dwar l-għajnuna inkwistjoni billi jagħmlu arranġamenti sabiex dawn jiġu ppubblikati. Barra dan, il-Gvern Ungeriż jikkundsidra li, apparti l-informazzjoni ġenerali li tiġi pprovduta fl-avviżi, fid-dokumenti u fil-manwali li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, il-bdiewa jistgħu jiksbu l-informazzjoni billi jistaqsu għaliha mingħand il-korpi rilevanti.

    49.      Il-Kummissjoni essenzjalment tissottometti li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 796/2004, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-Istat Membru kkonċernat ħax il-miżuri neċessarji.

    50.      Fil-fehma tiegħi, sabiex tingħata risposta għall-ħames domanda, huwa l-ewwel u qabel kollox neċessarju li jitfakkar li, għal dak li jirrigwarda d-drittijiet fundamentali, huwa importanti li, fid-dawl tal-fatt li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona, tittieħed inkunsiderazzjoni l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-"Karta"), li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE għandu “jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati”.

    51.      Bla dubju, is-sistema ġuridika tal-UE tipprova tiżgura li jkun hemm konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali bħala prinċipju ġuridiku ġenerali. Dan il-prinċipju huwa ppreżervat ukoll fl-Artikolu 20 tal-Karta. Għalhekk ma jista’ jkun hemm ebda dubju li l-għan li wieħed jikkonforma mal-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa kompatibbli mad-dritt tal-UE.

    52.      Fil-kawża preżenti, l-Artikolu 20 hawn fuq imsemmi huwa applikabbli skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta minħabba li l-Istat Membru hawn qed jimplementa d-dritt tal-UE.

    53.      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (18).

    54.      Huwa veru li, fil-każ preżenti, ir-Regolamenti Nru 1257/1999 u Nru 817/2004 ma jittrattawx il-kwistjoni ta’ jekk jeżistix obbligu speċifiku min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jipprovdu informazzjoni li tirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà għall-għajnuna agroambjentali, u għalhekk jidher li d-difiża tas-K. Nagy ma hijiex issostanzjata.

    55.      Madankollu, skont is-sistema, jew aħjar, is-sottosistema, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna fil-kuntest tal-PAK, huwa fil-fatt possibbli li jiġi identifikat dan l-obbligu.

    56.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 796/2004 jistipula li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, skont il-proċeduri applikabbli, jibbażaw ruħhom biss fuq id-database tal-annimali tal-ifrat, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet (ara l-punt 9 iżjed ’il fuq).

    57.      Għalkemm l-obbligu li wieħed jinforma ma huwiex direttament rilevanti għall-każ ta’ K. Nagy, huwa ċar li dan huwa rilevanti għall-bdiewa li jkunu qed japplikaw għall-għajnuna bl-istess mod li għamel K. Nagy. Għalhekk, fil-prinċipju, taħt sistema tal-għoti tal-għajnuna, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-obbligu li jżommu lill-applikanti u lill-applikanti prospettivi informati.

    58.      Għalhekk, K. Nagy wkoll suppost ġie informat adegwatament.

    59.      Li kieku kellu jiġi aċċettat li, fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-obbligu ta’ informazzjoni ma ġiex sodisfatt ma kellu ebda effetti ġuridiċi, ikun ifisser li għall-inqas żewġ kategoriji ta’ applikanti nħolqu f’sistema waħda ta’ għajnuna għall-bdiewa: (i) dawk li għandhom dritt li jiġu informati bil-konsegwenzi legali jekk jinstab li l-annimali ma ġewx identifikati jew irreġistrati b’mod korrett, minħabba li l-leġiżlazzjoni applikabbli timponi, b’mod espliċitu, l-obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti li jżommuhom informati; u (ii) dawk li, minkejja l-fatt li essenzjalment isibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni, ma għandhomx dan id-dritt – minħabba li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tagħmel ebda dispożizzjoni espliċita.

    60.      Fil-fehma tiegħi, din id-differenza tirriżulta fi ksur tal-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza quddiem il-liġi, li l-manifestazzjoni konkreta tagħha fil-kawża preżenti hija d-dritt ta’ K. Nagy li, bħala applikant għall-għajnuna, jiġi mgħarraf dwar il-konsegwenzi legali jekk ma jkunx irreġsitra kif suppost l-għadd ta’ annimali tal-ifrat fir-reġistru tal-ENAR, bħal ma dan id-dritt huwa rrikonoxxut fil-każ ta’ applikanti għall-għajnuna skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 796/2004. Għandu jingħad ukoll li huwa ċar li ma hemm ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għal din id-differenza fit-trattament. Jien tal-opinjoni li ksur bħal dan imur kontra l-Artikolu 20 tal-Karta.

    61.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-domanda 5 għandha tingħata risposta fis-sens li, f’kawża bħal dik ta’ quddiem il-qorti tar-rinviju, l-awtorità nazzjonali kellha l-obbligu li tipprovdi lill-applikant għall-għajnuna (K. Nagy) b’informazzjoni li tippermettilu, mhux biss li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex jikseb l-għajnuna, iżda anki sabiex jevita l-konsegwenzi negattivi – iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew l-obbligu li jirrimborsa l-għajnuna li tkun diġà ngħatatlu – talli ma jkunx aġixxa skont din l-informazzjoni.

    62.      Madnakollu, hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha tistabbilixxi, fuq il-fatti, jekk kienx il-każ jew le li l-informazzjoni pprovduta lil K. Nagy qabel ma ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna, kinetx biżżejjed sabiex tiżgura li kellu possibilità realistika li jevita li tinċaħad l-għajnuna li applika għaliha, u l-obbligu li jirrimborsa l-għajnuna li tkun diġà ngħatatlu.

    IV – Konklużjoni

    63.      Għaldaqstant jiena tal-opinjoni li r-risposti għad-domandi mressqa mill-Fővárosi Bíróság għandhom ikunu kif ġej:

    –        Domandi 1 u 2: Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna agroambjentali, meta l-għoti tal-għajnuna tkun suġġetta għal kundizzjoni li tirrigwarda ċerta densità ta’ bhejjem, anki jekk l-għajnuna ma tkunx għall-annimali, huwa xieraq li jsiru verifiki trażversali permezz tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (is-SIĠK) u s-Sistema Integrata għall-Identifikazzjoni u r-Reġistrazzjoni nazzjonali (bħal ma hija l-ENAR).

    –        Domandi 3 u 4: Abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tal-kundizzjonalità, tal-modulazzjoni u tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u verifika li dwarhom hemm dispożizzjoni fir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, meta tinqara flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti regolamenti, kif emendat, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004 tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew tal-Gwida u l-Garanzija (FAEGG), l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu, fejn ikun xieraq, jibbażaw ruħhom esklużivament fuq data miksuba minn verifiki trażversali mar-reġistru tal-ENAR.

    –        Domanda 5: Għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eliġibbiltà għall-għajnuna, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li:

    1)      skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-perijodi rilevanti taż-żamma jkunu identifikati b’mod ċar u mgħarrfa lill-bidwi;

    2)      il-bidwi jkun konxju li l-annimali kollha li jinstabu li ma kinux ġew identifikati korrettament jew irreġistrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat ser jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala annimali misjuba b’irregolaritajiet, riżultat li jikkaġuna effetti ġuridiċi.

          Hija l-qorti tar-rinviju waħedha li tistabbilixxi, fuq il-fatti, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ġewx sodisfatti fil-kawża quddiemha.


    1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


    2 – Regolament tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1783 tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 338).


    3 – Regolament tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew tal-Gwida u l-Garanzija (FAEGG) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 46, p. 87).


    4 – Rispettivament ir-Regolament tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2001 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269).


    5 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243). Skont l-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament, ir-referenzi għar-Regolament Nru 2419/2001 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għar-Regolament Nru 796/2004, u r-Regolament Nru 2419/2001 huwa mħassar.


    6 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Lulju 2000, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 248).


    7 – Direttiva tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 1964, dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffetwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità tas-26 ta’ Ġunju 1964, dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju tal-annimali bovini u l-ħnieżer (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1,p. 13).


    8 – Ara r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92, tas-27 ta’ Novembru 1992, li jistabbilixxi sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 223). Dan ir-Regolament tħassar bir-Regolament Nru 1782/2003, li speċifika li r-Regolament Nru 3508/92 għandu jkompli japplika għal applikazzjonijiet għall-ħlasijiet diretti għal dak li jirrigwarda s-snin kalendarji qabel l-2005.


    9 – Bħala eżempju, jidher li fl-2005, saru saħansitra 5 280 068 applikazzjoni mill-bdiewa (għall-għajnuna bbażata fuq biċċa art iddikjarata). Madankollu, l-elementi li għandhom jiġu kkontrollati huma iżjed sempliċi u jistgħu jiġu vverifikati b’mod effettiv permezz tal-użu tad-databases, issupplimentati b’għadd żgħir ta’ kontrolli fuq il-post. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni ddeċidiet toħloq is-SIĠK fl-1992. Jidher li 100% tal-applikazzjonijiet għandhom jiġu kkontrollati permezz ta’ verifiki amministrattivi u li 7% tal-applikazzjonijiet ġew ivverifikati fuq il-post (meta l-minimu huwa 5%). Ara ‘IACS: A successful risk management system’, DĠ Agrikoltura, Kummissjoni Ewropea, 2007, http://ec.europa.eu/budget/library/documents/implement_control/conf_risk_1007/iacs_risk_en.pdf.


    10 – Idem, p. 5.


    11 – L-“Għajnuna għal miżuri ta’ Qabel l-Adeżjoni għal Żvilupp Agrikolu u Rurali” (“SAPARD”) tgħin lill-pajjiżi li jkunu qed japplikaw għas-sħubija fl-UE biex jippreparaw għall-PAK u għal miżuri oħra relatati ma’ strutturi agrikoli u mal-iżvilupp rurali.


    12 – Fis-26 ta’ Awwissu, bid-Deċiżjoni C(2004) 3235, il-Kummissjoni awtorizzat il-pjan għall-iżvilupp rurali tal-Ungerija. Skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1257/1999, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-pjanijiet proposti sabiex tiddetermina jekk humiex konsistenti ma’ dan ir-Regolament.


    13 – Ara l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1782/2003.


    14 – Fil-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins (C‑45/05, Ġabra I‑3997, punt 36), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet kont tal-fatt li “din id-dispożizzjoni hija fformulata f’termini imperattivi li jiddeskrivu b’mod dettaljat il-portata ta’ l-obbligu tan-notifika għal minn iżomm l-annimali u jiddefinixxu bi preċiżjoni t-terminu impost fuq persuni li jżommu l-annimali sabiex iwettqu l-imsemmi obbligu”.


    15 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 48.


    16 – Rapport Speċjali Nru 6/2004, “L-Organizzazzjoni tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini fl-Unjoni Ewropea” flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni (skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 248(4) tat-Trattat tal-UE) (ĠU 2005 C 29, p. 1, punt 57.


    17 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 14, punt 41.


    18 – Ara, inter alia, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C‑343/09, p. I‑7027, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top