Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CB0076

    Kawża C-76/10: Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas- 16 ta’ Novembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Krajský súd v Prešove — ir-Repubblika Slovakka) — Pohotovosť s.r.o. vs Iveta Korčkovská ( Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti — Direttiva 2008/48/KE — Direttiva 87/102 — Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum — Rata perċentwali annwali ta’ ħlas — Proċedura ta’ arbitraġġ — Sentenza ta’ arbitraġġ — Fakultà tal-qorti nazzjonali li tevalwa ex officio l-eventwali natura inġusta ta’ ċerti klawżoli )

    ĠU C 30, 29.1.2011, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 30/12


    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Novembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Krajský súd v Prešove — ir-Repubblika Slovakka) — Pohotovosť s.r.o. vs Iveta Korčkovská

    (Kawża C-76/10) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti - Direttiva 2008/48/KE - Direttiva 87/102 - Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum - Rata perċentwali annwali ta’ ħlas - Proċedura ta’ arbitraġġ - Sentenza ta’ arbitraġġ - Fakultà tal-qorti nazzjonali li tevalwa ex officio l-eventwali natura inġusta ta’ ċerti klawżoli)

    2011/C 30/18

    Lingwa tal-kawża: l-Islovakk

    Qorti tar-rinviju

    Krajský súd v Prešove

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Pohotovosť s.r.o.

    Konvenuta: Iveta Korčkovská

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Krajský súd v Prešove — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) u tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66) — Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li jistipula rata ta’ interessi użurarja u l-użu ta’ proċedura ta’ arbitraġġ f’każ ta’ disputa — Fakultà tal-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressqet proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni arbitrali definittiva, li tevalwa ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli

    Dispożittiv

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, timponi fuq qorti nazzjonali, li quddiemha tressaq rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, l-obbligu li tevalwa, anki ex officio, in-natura inġusta tal-penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-fornitur tal-kreditu u konsumatur, fejn l-imsemmija penali tkun ġiet applikata fl-imsemmija sentenza, meta din il-qorti jkollha l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa għal dan il-għan u, skont ir regoli tal-proċedura nazzjonali, l-imsemmija qorti tista’ tipproċedi b’din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali.

    (2)

    Hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tiddetermina jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi, skont il-konstatazzjonijiet magħmula minn din il-qorti, penali li hija sproporzjonalment għolja u li trid titħallas mill-konsumatur, għandhiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti meta ġie konkluż il-kuntratt, titqies bħala inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13. Fl-affermattiv, hija l-imsemmija qorti li għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jiġix marbut mill-imsemmija klawżola.

    (3)

    Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rata perċentwali annwali ta’ ħlas f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, liema indikazzjoni hija importanti ħafna fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, jista’ jikkostitwixxi element deċisiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali sabiex tistħarreġ jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum dwar l-ispiża tiegħu li fih ma hemmx l-imsemmija indikazzjoni hijiex abbozzata b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4 tad Direttiva 93/13. Jekk dan mhux il-każ, din il-qorti għandha l-fakultà li tevalwa, anki ex officio, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preżenti meta dan il-kuntratt ġie konkluż, in-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rata perċentwali annwali ta’ ħlas fil-klawżola ta’ dan il-kuntratt dwar l-ispiża ta’ dan il-kreditu jistax jagħti lil din il-klawżola natura inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13. Madankollu, minkejja l-possibbiltà li l-imsemmi kuntratt jiġi evalwat skont id-Direttiva 93/13, id-Direttiva 87/102 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva u li jistabbilixxu li l-konsegwenza tan-nuqqas tal-indikazzjoni tar-rata perċentwali annwali ta’ ħlas f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum hija li l-kreditu mogħti jitqies bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż.


    (1)  ĠU C 134, 22.05.2010


    Top