Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CA0571

    Kawża C-571/10: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal- 24 ta’ April 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale di Bolzano — l-Italja) — Servet Kamberaj vs Istituto per l’Edilizia sociale della Provincia autonoma di Bolzano (IPES), Giunta della Provincia autonoma di Bolzano, Provincia autonoma di Bolzano (Żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja — Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/109/KE — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu residenti għat-tul — Dritt għal trattament ugwali f’dak li jikkonċerna s-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali — Deroga għall-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-miżuri li jaqgħu taħt l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali — Esklużjoni tal- “benefiċċji prinċipali” mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal għajnuna għall-akkomodazzjoni għall-kerrejja l-inqas vantaġġati — Ammont tal-fondi ddestinati għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz stabblit skont medja mwieżna differenti — Ċaħda ta’ applikazzjoni ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni minħabba l-eżawriment tal-baġit iddestinat għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz)

    ĠU C 174, 16.6.2012, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 174/9


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ April 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale di Bolzano — l-Italja) — Servet Kamberaj vs Istituto per l’Edilizia sociale della Provincia autonoma di Bolzano (IPES), Giunta della Provincia autonoma di Bolzano, Provincia autonoma di Bolzano

    (Kawża C-571/10) (1)

    (Żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja - Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Direttiva 2003/109/KE - Status ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu residenti għat-tul - Dritt għal trattament ugwali f’dak li jikkonċerna s-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali - Deroga għall-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-miżuri li jaqgħu taħt l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali - Esklużjoni tal-“benefiċċji prinċipali” mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal għajnuna għall-akkomodazzjoni għall-kerrejja l-inqas vantaġġati - Ammont tal-fondi ddestinati għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz stabblit skont medja mwieżna differenti - Ċaħda ta’ applikazzjoni ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni minħabba l-eżawriment tal-baġit iddestinat għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz)

    2012/C 174/12

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Qorti tar-rinviju

    Tribunale di Bolzano

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Servet Kamberaj

    Konvenuti: Istituto per l'Edilizia Sociale della Provincia autonoma di Bolzano (IPES), Giunta della Provincia autonoma di Bolzano, Provincia Autonoma di Bolzano

    fil-preżenza ta’: Associazione Porte Aperte/Offene Türen, Human Rights International, Associazione Volontarius, Fondazione Alexander Langer

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunale di Bolzano — Protezzjoni tal-minoranzi lingwistiċi — Leġiżlazzjoni provinċjali li timplementa l-prinċipju fundamentali tas-sistema kostituzzjonali nazzjonali ta’ protezzjoni tal-minoranzi lingwistiċi — Politika soċjali — Applikazzjoni ta’ koeffiċjenti differenti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ allowances għall-akkomodazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi — Kriterji ta’ għażla differenti applikabbli għall-għoti tal-allowances għall-akkomodazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi — Kompatibbiltà mal-Artikoli 2 u 6 TUE u mal-Artikoli 21 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Kompatibbiltà mal-Artikoli 18, 45, 49 TFUE — Kompatibbiltà mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità [trattament ugwali tal-persuni irrispettivament mir-razza jew mill-oriġini etnika] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23) u mad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6. p. 272) — Applikabbiltà diretta ta’ dispożizzjonijet tad-dritt tal-Unjoni — Kompatibbiltà mal-Artikolu 14 KEDB u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 12 KEDB — Applikabbiltà diretta tal-KEDB skont l-Artikolu 6 TUE — Sanzjonijiet applikabbli fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43/KE

    Dispożittiv

    (1)

    L-ewwel u r-raba’ sas-seba’ domandi magħmula mit-Tribunale di Bolzano fil-Kawża C-571/10 huma inammissibbli.

    (2)

    Ir-riferiment li jagħmel l-Artikolu 6(3) TUE għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (KEDB), ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali, f’każ ta’ kunflitt bejn regola ta’ dritt nazzjonali u din il-konvenzjoni, li jiġu applikati direttament id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, billi tiġi skartata l-applikazzjoni tar-regola ta’ dritt nazzjonali inkompatibbli magħha.

    (3)

    L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni, trattament differenti għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva meta pparagunat ma’ dak irriżervat għaċ-ċittadini residenti fl-istess provinċja jew reġjun waqt it-tqassim tal-fondi ddestinati għal din l-għajnuna, sa fejn tali għajnuna taqa’ taħt waħda mit-tliet kategoriji msemmija f’din id-dispożizzjoni u li l-paragrafu 4 tal-istess artikolu ma japplikax.


    (1)  ĠU C 46, 12.02.2011.


    Top