Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CA0409

Kawża C-409/10: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal- 15 ta’ Diċembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof — Il-Ġermanja) — Hauptzollamt Hamburg-Hafen vs Afasia Knits Deutschland GmbH (Politika kummerċjali komuni — Reġim preferenzjali għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) — Irregolaritajiet żvelati waqt investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi (OLAF) fl-Istat ACP ta’ esportazzjoni — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni)

ĠU C 39, 11.2.2012, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof — Il-Ġermanja) — Hauptzollamt Hamburg-Hafen vs Afasia Knits Deutschland GmbH

(Kawża C-409/10) (1)

(Politika kummerċjali komuni - Reġim preferenzjali għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) - Irregolaritajiet żvelati waqt investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi (OLAF) fl-Istat ACP ta’ esportazzjoni - Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni)

(2012/C 39/07)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Hauptzollamt Hamburg-Hafen

Konvenuta: Afasia Knits Deutschland GmbH

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesfinanzhof — Interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 1 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinanti” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva tal-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal -gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 35, p. 3), kif ukoll tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru-2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) — Esportazzjoni ta’ tessuti magħmula fiċ-Ċina mill -Ġamajka lejn l-Unjoni Ewropea — Kontroll a posteriori tal-prova tal-oriġini li saret mill-OLAF u mhux mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-esportazzjoni kif previst fl-imsemmi Protokoll Nru 1 — Protezzjoni taċ-ċertezza legali possibbli tal importatur

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/159/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2002, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riżultati ta’ verifika a posteriori li tirrigwarda l-eżattezza ta’ oriġini ta’ merkanziji indikati fiċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa minn Stat ACP u, kienet, għall-parti l-kbira, tikkonsisti f’investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, u iktar speċifikament mill-OLAF, f’dan l-Istat u fuq stedina ta’ dan tal-aħħar, jorbtu l-awtoritajiet tal-Istat Membru minn fejn il-merkanziji ġew importati, sakemm, u din hija kwistjoni li hija l-qorti tar-rinviku li għandha tevalwa, dawn l-awtoritajiet irċievew dokument li jirrikonoxxi mingħajr ekwivoku li dan l-Istat ACP japprova l-imsemmija riżultati.

(2)

L-Artikolu 220 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn iċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa għall-importazzjoni ta’ merkanziji fl-Unjoni huma annullati minħabba li l-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati kien ivvizzjat minn irregolaritajiet u li l-oriġini preferenzjali indikata fuqhom ma setgħatx tiġi kkonfermata waqt verifika a posteriori, l-importatur ma jistax joġġezzjona rkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni billi jsostni li ma jistax jiġi eskluż li, fir-realtà, uħud minn dawn il-merkanziji għandhom l-imsemmija oriġini preferenzjali.


(1)  ĠU C 274, 9.10.2010


Top