Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0322

Kawża C-322/09 P: Appell ippreżentat fit- 12 ta’ Awwissu 2009 minn NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) mogħtija fid- 9 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-152/06: NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU C 233, 26.9.2009, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 233/12


Appell ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2009 minn NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) mogħtija fid-9 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-152/06: NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-322/09 P)

2009/C 233/21

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellanti: NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB (rappreżentanti: M. Merola u L. Armati, avvocati)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

tiddikjara l-azzjoni ta’ Destination Stockholm fil-Kawża T-152/06 ammissibbli u fondata, u għaldaqstant tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Sussidjarjament:

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tiddikjara l-azzjoni ta’ Destination Stockholm fil-Kawża T-152/06 ammissibbli;

tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-eżami tal-mertu tal-każ;

tirriżerva l-ispejjeż tal-kawżi tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza:

applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 230 KE billi manifestament żnaturat il-kontenut tal-ittri kkontestati, l-intenzjoni tal-awtur tagħhom u l-provi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

ikklassifikat b’mod żbaljat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri kkontestati bħala preliminari u użat raġunament kontradittorju għall-istess kwistjoni;

għamlet riferiment inadegwat għall-Artikolu 88(1) KE billi qieset li l-Kummissjoni ċaħdet talba li tirrakomanda miżuri xierqa;

applikat b’mod żbaljat l-Artikoli 4, 10, 13 u 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 (1), b’mod partikolari billi ddeċidiet li l-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżuri kkontestati bħala għajnuna eżistenti tipprevjeni ċ-ċaħda ta’ lment milli tiġi kkontestata.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1)


Top