Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0265

    Kawża C-265/09 P: Appell ippreżentat fil- 15 ta’ Lulju 2009 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija fid- 29 ta’ April 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-23/07, BORCO-Marken-Import Matthiesen vs UASI (α)

    ĠU C 233, 26.9.2009, p. 7–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 233/7


    Appell ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2009 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija fid-29 ta’ April 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-23/07, BORCO-Marken-Import Matthiesen vs UASI (α)

    (Kawża C-265/09 P)

    2009/C 233/11

    Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellant: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentant: G. Schneider)

    Appellata: BORCO-Marken-Import Matthiesen GmbH & Co. KG

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-30 ta’ Novembru 2006 fil-Każ R 808/2006-4, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

    tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż kemm tal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll tal-proċedura tal-appell.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Dan l-appell sar mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tannulla d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-30 ta’ Novembru 2006, li kienet ċaħdet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal “α” tal-appellata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Bord tal-Appell għamel applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, meta kkonkluda li s-sinjal ippreżentat kien nieqes minn karattru distintiv biss minħabba n-nuqqas tiegħu ta’ tibdil jew ornamenti grafiċi fir-rigward tal-forma ta’ kitba Times New Roman, mingħajr ma pproċeda għal eżami konkret tal-kapaċità tiegħu li jiddistingwi, mill-perspettiva tal-pubbliku ta’ riferiment, il-prodotti inkwistjoni minn dawk li joriġinaw minn kompetituri tal-appellata.

    Insostenn tal-appell qed jiġi invokat ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-UASI huwa tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin din id-dispożizzjoni bi tliet modi.

    Fl-ewwel lok, l-UASI jafferma li, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-eżami għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 mhux dejjem jirrikjedi li l-karattru distintiv ta’ sinjal jiġi vverifikat permezz ta’ eżami konkret, magħmul fir-rigward ta’ prodotti differenti. Għal ċerti kategoriji ta’ sinjali (pereżempju, sinjali tridimensjonali, trade marks ta’ kuluri, slogans, ismijiet ta’ domains), il-ġurisprudenza aċċettat verifika tal-karattru distintiv konkret fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 permezz ta’ dikjarazzjonijiet ġenerali dwar il-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-kundizzjonament tagħhom, u għalhekk mingħajr ma jsir, ħafna drabi, eżami konkret tal-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet ukoll li s-sinjali li jappartjenu għal ċerti kategoriji jistgħu biss, bħala regola ġenerali, jiksbu karattru distintiv bl-impożizzjoni tagħhom fuq il-pubbliku.

    Fit-tieni lok, l-UASI jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li injorat il-fatt li l-eżami tal-karattru distintiv jikkostitwixxi deċiżjoni bbażata fuq previżjoni u li għalhekk din ikollha dejjem in-natura ta’ suppożizzjoni.

    Fit-tielet lok, l-UASI jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza injorat it-tqassim tal-oneru tal-preżentata tal-każ fil-kuntest tal-eżami għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidrat li l-UASI kellu dejjem juri n-nuqqas ta’ karattru distintiv fuq il-bażi ta’ fatti konkreti. Il-proċediment ta’ reġistrazzjoni huwa proċediment amministrattiv u mhux kontradittorju, li fil-kuntest tiegħu l-UASI huwa marbut li jġib il-prova tar-raġunijiet għal rifjut. Għalhekk, meta applikant isostni li, b’mod kuntrarju għall-evalwazzjoni tal-UASI, it-trade mark proposta għar-reġistrazzjoni jkollha karattru distintiv, huwa l-applikant li għandu juri, permezz ta’ affermazzjonijiet konkreti u fondati, li l-imsemmija trade mark hija intrinsikament distintiva jew li din tkun kisbet karattru distintiv permezz tal-użu.


    Top