EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0089

Kawża C-89/09: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ Marzu 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubbkika Franċiża

ĠU C 113, 16.5.2009, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/23


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubbkika Franċiża

(Kawża C-89/09)

2009/C 113/45

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Rozet u E. Traversa, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

tikkonstata li, billi llimitat għal massimu ta’ kwart l-ishma u għalhekk id-drittijiet tal-vot ta’ persuni li mhumiex bijologi f’Kumpannija ta’ Professjonisti li jaħdmu għal rashom ta’ Responsabbiltà Limitata li topera laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika u billi ma ppermettietx sehem fil-kapital ta’ iktar minn żewġ kumpanniji kkostitwiti sabiex joperaw flimkien wieħed jew iktar laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 tat-Trattat KE;

tikkundanna lir-Repubbkika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqajjem żewġ ilmenti insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 43 tat-Trattat KE.

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti tirrileva li, billi llimitat għal massimu ta’ 25 % tal-kapital azzjonarju l-ishma miżmuma mill-azzjonisti li mhumiex professjonisti f’Kumpanniji ta’ Professjonisti li jaħdmu għal rashom ta’ Responsabbiltà Limitata li topera laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrestrinġi indebitament il-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat. L-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, invokat mill-konvenuta bħala ġustifikazzjoni, jista’ jintlaħaq b’miżuri inqas restrittivi minn dawk inkwistjoni fil-każ preżenti. Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li, għalkemm ir-rekwiżit li l-analiżi ta’ bijoloġija medika jsiru minn persuni kompetenti li għandhom taħrig professjonali xieraq jidher li huwa ġustifikat, ir-rekwiżit ta’ tali kwalifiki bl-iskop biss li tinżamm il-proprjetà jew id-dritt li joperaw l-laboratorji ta’ bijoloġija medika jidher, min-naħa l-oħra, li huwa disproporzjonat fil-rigward tal-għan li jrid jikseb.

Permezz tat-tieni ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-projbizzjoni ġenerali imposta fil-konfront ta’ persuni li mhumiex professjonisti sabiex twaqqafhom milli jkollhom sehem fil-kapital ta’ iktar minn żewġ kumpanniji kkostitwiti sabiex joperaw flimkien wieħed jew iktar laboratorji ta’ analiżi ta’ bijoloġija medika. L-għan invokat mill-konvenuta li tinżamm is-setgħa deċiżjonali u l-indipendenza finanzjarja tal-professjonisti fis-settur, kif ukoll il-bżonn li jiġi assigurat qsim omoġenju tal-laboratorji fuq it-territorju kollu nazzjonali ma jiġġustifikawx il-miżuri restrittivi nazzjonali.


Top