EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0548

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Novembru 2011.
Bank Melli Iran vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Appell - Politika barranija u ta’ sigurtà komuni - Miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari - Iffriżar tal-fondi ta’ bank - Nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni - Bażi legali - Drittijiet tad-difiża.
Kawża C-548/09 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:735

Kawża C-548/09 P

Bank Melli Iran

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar tal-fondi ta’ bank — Nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni — Bażi legali — Drittijiet tad-difiża”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Miżuri restrittivi kontra l-Iran

(Artikolu 254(1) u (2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikoli 7(2) u 15(3))

2.        Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Regolament dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran

(Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE; Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140; Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007)

3.        Dritt internazzjonali pubbliku — Karta tan-Nazzjonijiet Uniti — Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti – Obbligu tal-Unjoni li teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 7(2))

1.        Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l-awtorità tal-Unjoni li tadotta att li jimplika miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità għandha tikkomunika r-raġunijiet li fuqhom ikun ibbażat dan l-att, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta jiġi adottat dan l-att jew, minn tal-inqas, kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tiegħu, sabiex dawn il-persuni jew entitajiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ rikors tagħhom.

Huwa fid-dawl tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l‑Iran, jobbliga lill-Kunsill jagħti r-raġunijiet individwali u speċifiċi għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 7(2) tar-regolament imsemmi u jinforma lill-persuni, lill-entitajiet u lill-korpi kkonċernati dwar dawn ir-raġunijiet. Fil-fatt, l-iffriżar tal-fondi għandu konsegwenzi kunsiderevoli għall-entitajiet ikkonċernati minħabba li jista’ jillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Għalkemm ir‑Regolament Nru 423/2007 ma jipprevedix il‑forma li fiha dawn ir‑raġunijiet “jagħmilhom [ikunu] magħrufa” lill‑persuni, lill‑entitajiet u lill‑korpi kkonċernati, pubblikazzjoni f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea ma hijiex biżżejjed. Fil‑fatt, jekk il‑komunikazzjoni tar‑raġunijiet individwali u speċifiċi tkun tista’ titqies li twettqet bil‑pubblikazzjoni tad‑deċiżjoni f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea, ma jkunx jista’ jinftiehem għalfejn kienet prevista espliċitament din il‑komunikazzjoni, kif prevista fl‑imsemmi Artikolu 15(3), sa fejn fi kwalunkwe każ id‑deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi għandha tiġi ppubblikata, inkonformità mal‑Artikolu 254(1) u (2) KE, fid‑dawl tan‑natura ta’ regolament tagħha. Minn dan isegwi li l‑Kunsill għandu jwettaq l‑obbligu tiegħu previst minn din id‑dispożizzjoni permezz ta’ komunikazzjoni individwali.

Madankollu, għalkemm hija meħtieġa, bħala prinċipju, komunikazzjoni individwali, ebda forma preċiża ma hija meħtieġa mill‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007, li jsemmi biss l‑obbligu li “jagħmilhom [ikunu] magħrufa”. Huwa meħtieġ li din id‑dispożizzjoni tiġi implementata b’mod effettiv, jiġifieri li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal‑persuni u tal‑entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi adottati skont l‑Artikolu 7(2) tar‑regolament imsemmi. Dan ikun il-każ meta l‑komunikazzjoni ma ssirx mill‑Kunsill iżda meta awtorità bankarja nazzjonali tinforma b’mod suffiċjenti lid-destinatarju u meta dan tal‑aħħar ikun f’pożizzjoni li jippreżenta rikors, u dan sa fejn in-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-Kunsill ma kellux il‑konsegwenza li jċaħħad lil dan id-destinatarju mill‑possibbiltà li jkun jaf, fi żmien utli, il‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kontenzjuża u li jevalwa l‑fondatezza tal‑miżura ta’ ffriżar ta’ fondi adottata fir‑rigward tiegħu.

(ara l‑punti 47, 52, 55, 56)

2.        Skont it‑titolu tiegħu, ir‑Regolament Nru 423/2007 jikkonċerna l‑adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra r‑Repubblika Iżlamika tal‑Iran. Mill‑premessi u mid‑dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir‑regolament jirriżulta li l‑għan tiegħu huwa li jipprekludi jew li jrażżan il‑politika adottata minn dan l‑Istat fil‑qasam nukleari, fid‑dawl tal‑perikolu ta’ din il‑politika, permezz ta’ miżuri restrittivi fil‑qasam ekonomiku. Għalhekk, ma hijiex l-attività ġenerali tal-proliferazzjoni nukleari li hija miġġielda iżda r-riskji partikolari tal-programm Iranjan tal-proliferazzjoni nukleari.

L‑għan u l‑kontenut tal‑att inkwistjoni huma b’mod ċar l‑adozzjoni ta’ miżuri ekonomiċi li jikkonċernaw lir‑Repubblika Iżlamika tal‑Iran u għalhekk ma kienx meħtieġ li jintuża l‑Artikolu 308 KE sa fejn l‑Artikolu 301 KE jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti billi jippermetti li tittieħed azzjoni mill‑Komunità sabiex jitwaqqfu jew jitnaqqsu, parzjalment jew kompletament, ir‑relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż jew pajjżi terzi, azzjoni li tista’ tinkludi miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ entitajiet, bħalma huwa bank, li jkunu assoċjati mar‑reġim tal‑pajjiż terz ikkonċernat.

Fir‑rigward tal‑ħtieġa li l‑Pożizzjoni Komuni 2007/140 tiġi inkluża fost il‑bażijiet legali, din il‑ħtieġa hija kontradetta mit‑test stess tal‑Artikolu 301 KE, li jipprevedi l‑possibbiltà li jiġu adottati miżuri Komunitarji meta pożizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottati skont id‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat UE, fil‑verżjoni tiegħu preċedenti għat‑Trattat ta’ Lisbona, dwar il‑politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK) jipprevedu azzjoni mill‑Komunità. Dan it‑test jindika li l‑pożizzjoni komuni jew l‑azzjoni konġunta għandhom ikunu eżistenti sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri Komunitarji iżda ma jindikax li dawn il‑miżuri għandhom ikunu bbażati fuq din il‑pożizzjoni komuni jew fuq din l‑azzjoni konġunta.

Fi kwalunkwe każ, pożizzjoni komuni ma tistax tikkostitwixxi l‑bażi legali ta’ att Komunitarju. Fil‑fatt, il‑pożizzjonijiet komuni tal‑Kunsill fil‑qasam tal‑PBSK, bħall‑Pożizzjonijiet Komuni 2007/140 u 2008/479, huma adottati fil‑kuntest tat‑Trattat UE msemmi, skont l‑Artikolu 15 tiegħu, filwaqt li r‑regolamenti tal‑Kunsill, bħar‑Regolament Nru 423/2007, huma adottati fil‑kuntest tat‑Trattat KE. Għaldaqstant, il‑Kunsill ma setax jadotta att Komunitarju ħlief billi jistrieħ fuq il‑kompetenzi mogħtija lilu mit‑Trattat KE, jiġifieri, f’dan il‑każ, mill‑Artikoli 60 KE u 301 KE.

(ara l-punti 68-72)

3.        Ir‑riżoluzzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, minn naħa, u l‑pożizzjonijiet komuni tal‑Kunsill kif ukoll ir‑regolamenti tiegħu, min‑naħa l‑oħra, jagħmlu parti minn ordinamenti ġuridiċi distinti. Bl-istess mod, l‑atti adottati fil‑kuntest, minn naħa, tan‑Nazzjonijiet Uniti u, min‑naħa l‑oħra, tal‑Unjoni, jiġu adottati minn korpi li għandhom setgħat awtonomi, mogħtija lilhom mill‑karti fundamentali tagħhom, jiġifieri t‑trattati li ħolquhom.

Fit-tfassil ta’ miżuri Komunitarji intiżi sabiex jimplementaw riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà indirizzata minn pożizzjoni komuni, il-Komunità għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni t-termini u l-għanijiet tar-riżoluzzjoni kkonċernata. Bl-istess mod, għall‑finijiet tal‑interpetazzjoni tar‑regolament li jkun intiż li jimplementa riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t‑test u l‑għan ta’ din ir‑riżoluzzjoni. Madankollu, bla ħsara għas-supremazija ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà fuq livell internazzjonali, ir-rispett li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom juru fir-rigward tal-istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti ma jistax ikollu l-konsegwenza li l-legalità tal-att Komunitarju ma tiġix mistħarrġa fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

F’dan id‑dawl, obbligu li “jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni” t‑termini u l‑għanijiet tar‑riżoluzzjoni kkonċernata b’ebda mod ma jmur kontra l‑konstatazzjoni li l‑Kunsill jiddeċiedi b’mod awtonomu, b’osservanza tar‑regoli tal‑ordinament ġuridiku partikolari tiegħu.

(ara l-punti 100, 102, 106)







SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Novembru 2011 (*)

“Appell – Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fil‑konfront tar‑Repubblika Iżlamika tal‑Iran sabiex titwaqqaf il‑proliferazzjoni nukleari – Iffriżar tal‑fondi ta’ bank – Nuqqas ta’ notifika tad‑deċiżjoni – Bażi legali – Drittijiet tad‑difiża”

Fil‑Kawża C‑548/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l‑Artikolu 56 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑23 ta’ Diċembru 2009,

Bank Melli Iran, stabbilit f’Teheran (l‑Iran), irrappreżentat minn L. Defalque, avukat,

appellant,

il‑partijiet l‑oħra fil‑kawża li huma:

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u R. Szostak, bħala aġenti,

konvenut fl‑ewwel istanza,

Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard, kif ukoll minn G. de Bergues, L. Butel u E. Ranaivoson, bħala aġenti,

Ir‑Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn D. Beard, barrister,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Boelaert u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

intervenjenti fl‑ewwel istanza,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, E. Juhász, D. Šváby, M. Berger u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tad‑29 ta’ Marzu 2011,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat‑28 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        Permezz tal‑appell tiegħu, il‑Bank Melli Iran, bank Iranjan ikkontrollat mill‑Istat Iranjan, qiegħed jitlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tannulla s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej (li issa saret il‑Qorti Ġenerali tal‑Unjoni Ewropea) tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill (T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, iktar ’il quddiem is‑“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il‑qorti ċaħdet ir‑rikors tiegħu għall‑annullament tal‑punt 4 tat‑Tabella B tal‑Anness tad‑Deċiżjoni tal‑Kunsill 2008/475/KE, tat‑23 ta’ Ġunju 2008, li timplimenta l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l‑Iran (ĠU L 163, p. 29, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn jikkonċerna lill‑Bank Melli Iran u lill‑fergħat tiegħu.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Ir‑Riżoluzzjonijiet 1737 (2006) u 1747 (2007) tal‑Kunsill tas‑Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Uniti

2        Bl‑intenzjoni li ssir pressjoni fuq ir‑Repubblika Iżlamika tal‑Iran sabiex din ittemm l‑attivitajiet nukleari li fihom riskju ta’ proliferazzjoni u sabiex ittemm l‑aġġornament tas‑sistemi ta’ konsenja tal‑armi nukleari (iktar ’il quddiem il‑“proliferazzjoni nukleari”), il‑Kunsill tas‑Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il‑“Kunsill tas‑Sigurtà”) adotta, fit‑23 ta’ Diċembru 2006, ir‑Riżoluzzjoni 1737 (2006) li l‑Anness tagħha jelenka sensiela ta’ persuni u entitajiet involuti fil‑proliferazzjoni nukleari li l‑fondi u r‑riżorsi ekonomiċi tagħhom (iktar ’il quddiem il‑“fondi”) kellhom jiġu ffriżati. Il‑lista inkluża fl‑Anness tar‑Riżoluzzjoni 1737 (2006) kienet sussegwentement aġġornata permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet, u b’mod partikolari permezz tar‑Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, tal‑24 ta’ Marzu 2007, li permezz tagħha ġew iffriżati l‑fondi tal‑Bank Sepah, bank Iranjan, u tas‑sussidjarja tiegħu fir‑Renju Unit, Bank Sepah International plc. L‑appellant ma kienx is‑suġġett ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati min‑naħa tal‑Kunsill tas‑Sigurtà.

 Il‑Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK

3        Fir‑rigward tal‑Unjoni Ewropea, ir‑Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet implementata permezz tal‑Pożizzjoni Komuni tal‑Kunsill 2007/140/PESK, tas‑27 ta’ Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l‑Iran (ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 155).

4        L‑Artikolu 5(1) tal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140 huwa fformulat kif ġej:

“Il‑fondi [...] li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma jew kontrollati, direttament jew indirettament, minn

a)       persuni u entitajiet indikati fl‑Anness għa[r‑Riżoluzzjoni] 1737 (2006) [tal‑Kunsill tas‑Sigurtà] kif ukoll dawk ta’ persuni u entitajiet addizzjonali indikati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà jew mill‑Kumitat konformement mal‑Paragrafu 12 [tar‑Riżoluzzjoni] 1737 (2006) [tal‑Kunsill tas‑Sigurtà], fejn tali persuni jew entitajiet ikunu elenkati fl‑Anness I,

b)       persuni u entitajiet mhux koperti mill‑Anness I li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni ta’ l‑Iran jew għall‑iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew skond id‑direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jkunu proprjetà tagħhom jew kontrollati minnhom, anke permezz ta’ mezzi illeċiti, kif elenkat fl‑Anness II,

għandhom jiġu ffriżati.”

5        L‑appellant ma huwiex imsemmi fl‑annessi tal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140.

 Ir‑Regolament (KE) Nru 423/2007

6        Għal dak li kellu x’jaqsam mal‑kompetenzi tal‑Komunità Ewropea, ir‑Riżoluzzjoni 1737 (2006) kienet implementata permezz tar‑Regolament (KE) Nru 423/2007, tad‑19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l‑Iran (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 969, rettifika fil‑ĠU L 64M, 10.3.2009, p. 423), regolament adottat fuq il‑bażi tal‑Artikoli 60 KE u 301 KE u li, filwaqt li jirreferi għall‑Pożizzjoni Komuni 2007/140, għandu kontenut essenzjalment simili għal dak ta’ din tal‑aħħar, bl‑istess ismijiet ta’ entitajiet u ta’ persuni fiżiċi inklużi fl‑Anness tiegħu.

7        L‑Artikolu 5 tar‑Regolament Nru 423/2007 jipprojbixxi ċerti tranżazzjonijiet ma’ persuni jew entitajiet li jkunu jinsabu fl‑Iran jew għall‑finijiet ta’ użu f’dan il‑pajjiż.

8        L‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 423/2007 huwa fformulat kif ġej:

“1.       Il‑fondi […] kollha li jappartjenu, huma l‑proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill‑persuni, entitajiet u korpi elenkati fl‑Anness IV għandhom ikunu ffriżati. L‑Anness IV għandu jinkludi l‑persuni, entitajiet u korpi indikati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà [...] jew mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet skond il‑paragrafu 12 ta[r‑Riżoluzzjoni] 1737 (2006) [tal‑Kunsill tas‑Sigurtà].

2.       Il‑fondi [...] kollha li jappartjenu, huma l‑proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill‑persuni, entitajiet u korpi elenkati fl‑Anness [V] għandhom ikunu ffriżati. L‑Anness V għandu jinkludi persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, mhux koperti mill‑Anness IV, li, f’konformità ma’ l‑Artikolu 5(1)(b) tal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140[...], ġew identifikati li

a)       kienu involuti fi, assoċjati direttament ma, jew jipprovdu appoġġ għall‑attivitajiet nukleari ta’ l‑Iran sensittivi għall‑proliferazzjoni, jew

b)       kienu involuti fi, assoċjati direttament ma, jew jipprovdu appoġġ għall‑iżvilupp ta’ l‑Iran ta’ sistemi ta’ konsenja għall‑iżvilupp ta’ armi nukleari, jew

ċ)       jaġixxu f’isem jew skond id‑direzzjoni ta’ persuna, entità jew korp imsemmi taħt (a) jew (b), jew

d)       huma persuna ġuridika, entità jew korp proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuna, entità jew korp imsemmija taħt (a) jew (b), inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti.

3.      L‑ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jintgħamlu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall‑benefiċċju tal‑persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l‑entitajiet jew il‑korpi elenkati fl‑Annessi IV u V.

4.       Il‑parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f’attivitajiet li l‑għan jew l‑effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, l‑evażjoni tal‑miżuri msemmija fil‑paragrafi 1, 2 u 3 għandha tiġi pprojbita.”

9        L‑appellant ma huwiex imsemmi fl‑annessi tar‑Regolament Nru 423/2007.

10      L‑Artikoli 8 u 9 tar‑Regolament Nru 423/2007 jipprevedu l‑possibbiltà li ċerti fondi jiġu rilaxxati sabiex tkun tista’ tiġi eżegwita garanzija jew deċiżjoni ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, jew inkella sabiex jitħallas dejn li jkun dovut. L‑Artikolu 10 ta’ dan ir‑regolament jipprevedi l‑possibbiltà li ċerti fondi jiġu rilaxxati sabiex, taħt il‑kontroll tal‑awtorità kompetenti, jitħallsu ċerti spejjeż, bħal dawk li jkunu meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti l‑ħtiġijiet bażiċi tal‑persuni li l‑fondi tagħhom ikunu ġew iffriżati jew sabiex jitħallsu l‑ispejjeż għall‑provvista ta’ servizzi legali.

11      L‑Artikolu 13 tar‑Regolament Nru 423/2007 jobbliga lill‑persuni u lill‑entitajiet ikkonċernati sabiex jipprovdu ċerta informazzjoni lill‑awtoritajiet kompetenti u sabiex jikkooperaw magħhom.

12      L‑Artikolu 15(2) u (3) tar‑regolament imsemmi huwa fformulat kif ġej:

“2.      Il‑Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l‑lista ta’ persuni, entitajiet u korpi msemmija fl‑Artikolu 7(2) u f’konformità sħiħa mad‑determinazzjonijiet li jsiru mill‑Kunsill fir‑rigward ta’ l‑Anness II għall‑Pożizzjoni Komuni 2007/140[...]. Il‑lista fl‑Anness V għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u ta’ l‑inqas kull 12‑il xahar.

3.       Il‑Kunsill għandu jiddikjara raġunijiet individwali u speċifiċi għal deċiżjonijiet meħuda skond il‑paragrafu 2 u jagħmilhom magħrufa lill‑persuni, entitajiet u korpi kkonċernati.”

13      L‑Artikolu 16 tar‑Regolament Nru 423/2007 jipprovdi li l‑Istati Membri għandhom jiddeterminaw is‑sanzjonijiet applikabbli fil‑każ ta’ ksur tad‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir‑regolament.

 Ir‑Riżoluzzjoni 1803 (2008) tal‑Kunsill tas‑Sigurtà

14      Skont il‑punt 10 tar‑Riżoluzzjoni 1803 (2008) tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, tat‑3 ta’ Marzu 2008, dan tal‑aħħar talab “lill‑Istati kollha sabiex ikunu viġilanti dwar attivitajiet tal‑istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit‑territorju tagħhom mal‑banek kollha domiċiljati fl‑Iran, b’mod partikolari mal‑Bank Melli u mal‑Bank Saderat, kif ukoll mal‑fergħat u aġenziji tagħhom barra l‑pajjiż, sabiex jiġi evitat li dawn l‑attivitajiet jikkontribwixxu għall‑proliferazzjoni nukleari jew għall‑aġġornament tas‑sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari”.

 Il‑Pożizzjoni Komuni 2008/479/PESK

15      Il‑Pożizzjoni Komuni tal‑Kunsill 2008/479/PESK, tat‑23 ta’ Ġunju 2008, li temenda l‑Pożizzjoni Komuni 2007/140 (ĠU L 163, p. 43), issostitwixxiet, b’mod partikolari, l‑Anness II ta’ din tal‑aħħar. Dan l‑anness jinkludi Tabella A, intitolata “Persuni fiżiċi” u Tabella B, intitolata “Entitajiet”.

16      Għalkemm ir‑Riżoluzzjoni 1803 (2008) ma imponietx l‑iffriżar tal‑fondi tal‑Melli Bank u tal‑Bank Melli Iran, dan kien xorta waħda previst mill‑Pożizzjoni Komuni 2008/479. Fil‑fatt, il‑punt 5 tat‑Tabella B tal‑Anness ta’ din tal‑aħħar jinkludi, taħt l‑ewwel kolonna bit‑titolu “Isem”, l‑indikazzjonijiet segwenti:

“Bank Melli, Melli Bank Iran u kull fergħa u sussidjarja tiegħu, inklużi

a)      Melli Bank plc

b)       Bank Melli Iran Zao”.

17      Fit‑tieni kolonna, bit‑titolu “Informazzjoni identifikattiva”, hemm indikat indirizz marbut mal‑isem ta’ kull wieħed mill‑banek ikkonċernati.

18      It‑tielet kolonna, bit‑titolu “Raġunijiet”, tinkludi t‑test segwenti:

“Jipprovdi jew jipprova jipprovdi sostenn finanzjarju lil kumpanniji li huma involuti fi jew li jakkwistaw merkanzija għall‑programmi nukleari u missilistiċi ta’ l‑Iran (AIO, SHIG, SBIG, AEOI, Kumpannija Novin Energy, Kumpannija Mesbah Energy, Kumpannija Kalaye Electric u DIO). Il‑Bank Melli jagħmilha ta’ faċilitatur għall‑attivitajiet sensittivi ta’ l‑Iran. Huwa ffaċilita bosta akkwisti ta’ materjal sensittiv għall‑programmi nukleari u missilistiċi ta’ l‑Iran. Huwa pprova [pprovda] firxa ta’ servizzi finanzjarji f’isem entitajiet marbuta ma’ l‑industriji nukleari u missilistiċi ta’ l‑Iran, inkluż il‑ftuħ ta’ ittri ta’ kreditu u ż‑żamma tal‑kontijiet. Bosta mill‑kumpanniji t’hawn fuq issemmew fir‑[Riżoluzzjonijiet] 1737 u 1747 [tal‑Kunsill tas‑Sigurtà]”

19      Fir‑raba’ kolonna, bit‑titolu “Data ta’ l‑elenkar”, hija indikata d‑data ta’ “23.6.2008”.

 Id‑deċiżjoni kontenzjuża

20      Fit‑23 ta’ Ġunju 2008, il‑Kunsill adotta wkoll id‑deċiżjoni kontenzjuża. L‑Anness ta’ din id‑deċiżjoni jissostitwixxi l‑Anness V tar‑Regolament Nru 423/2007. Dan l‑anness jinkludi Tabella A, intitolata “Persuni fiżiċi”, u Tabella B, intitolata “Persuni, Entitajiet u Korpi Legali”, tabelli li t‑tnejn li huma fihom l‑istess kolonni bħal dawk li jinsabu fl‑Anness tal‑Pożizzjoni Komuni 2008/479. L‑appellant huwa inkluż fil‑punt 4 tat‑Tabella B msemmija. L‑indikazzjonijiet dwar l‑appellant huma identiċi għal dawk li jinsabu fl‑Anness tal‑pożizzjoni komuni msemmija. Id‑deċiżjoni msemmija ġiet ippubblikata f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea fl‑24 ta’ Ġunju 2008.

21      Fil‑25 ta’ Ġunju 2009 ġie ppubblikat f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea avviż għall‑attenzjoni ta’ dawk il‑persuni, l‑entitajiet u l‑korpi li kienu inklużi mill‑Kunsill fil‑lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) 423/2007 (Anness V) (ĠU 2009, C 145, p.1). F’dan l‑avviż huwa mfakkar li, skont l‑Artikolu 15(2) tar‑regolament imsemmi, din il‑lista għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u tal‑inqas kull tnax‑il xahar. Għal dan il‑għan, il‑persuni, l‑entitajiet jew il‑korpi kkonċernati jistgħu jippreżentaw talba lill‑Kunsill, flimkien ma’ dokumentazzjoni ta’ appoġġ, sabiex id‑deċiżjoni li jiġu inklużi fil‑lista inkwistjoni tiġi rriveduta. Tali talbiet għandhom jintbagħtu lill‑Kunsill f’terminu ta’ xahar mid‑data tal‑pubblikazzjoni ta’ dan l‑avviż.

 Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Settembru 2008, l‑appellant ippreżenta rikors għall‑annullament tal‑punt 4 tat‑Tabella B tal‑Anness tad‑deċiżjoni kontenzjuża, u talab li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l‑imsemmi punt 4 sa fejn jikkonċernah, kif ukoll sa fejn jikkonċerna lis‑sussidjarji u lill‑fergħat tiegħu;

–        sussidjarjament, tiddikjara li l‑Artikolu 7(2) u l‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 ma japplikawx għal din il‑kawża; u

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill‑Kunsill għall‑ispejjeż.

23      Ir‑Repubblika Franċiża, ir‑Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq u l‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej tħallew jintervjenu quddiem il‑Qorti Ġenerali insostenn tat‑talbiet tal‑Kunsill għaċ‑ċaħda tar‑rikors.

24      Insostenn tat‑talbiet tiegħu, l‑appellant invoka ħames motivi. L‑ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal‑forom proċedurali sostanzjali, tat‑Trattat KE, tad‑dispożizzjonijiet legali dwar l‑applikazzjoni tiegħu u tal‑Artikolu 7(2) tal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140, fuq użu ħażin tal‑poter, kif ukoll fuq nuqqas ta’ bażi legali għad‑deċiżjoni kontenzjuża. It‑tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. It‑tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità u tad‑dritt ta’ proprjetà. Ir‑raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża, tad‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal‑obbligu ta’ motivazzjoni previst fl‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007. Il‑ħames motiv kien ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ kompetenza tal‑Kunsill sabiex jimponi “sanzjonijiet ta’ natura kriminali”, bħalma huma l‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, fil‑kuntest tat‑Trattat.

25      Preliminarjament u qabel ma eżaminat il‑motivi msemmija, il‑Qorti Ġenerali fakkret, fil‑punti 35 sa 37 tas‑sentenza appellata, il‑prinċipji applikabbli għall‑istħarriġ ġudizzjarju.

26      Il‑Qorti Ġenerali kompliet billi eżaminat u ċaħdet kull wieħed mill‑motivi invokati, kif ukoll ir‑rikors fl‑intier tiegħu.

 It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

27      Il‑Bank Melli Iran jitlob li l‑Qorti tal‑Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s‑sentenza appellata;

–        tilqa’ t‑talbiet li huwa ressaq quddiem il‑Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill‑konvenut fl‑ewwel istanza għall‑ispejjeż taż‑żewġ istanzi.

28      Il‑Kunsill jitlob li l‑Qorti tal‑Ġustizzja jogħġobha tiċħad l‑appell u tikkundanna lill‑appellant għall‑ispejjeż.

29      Ir‑Repubblika Franċiża titlob li l‑Qorti tal‑Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l‑appell;

–        tipproċedi għas‑sostituzzjoni tal‑motivi għal dak li għandu x’jaqsam mal‑punti 86 sa 88 tas‑sentenza appellata, li permezz tagħhom il‑Qorti Ġenerali qieset li l‑Kunsill kien marbut jipproċedi għan‑notifika individwali tal‑persuni u tal‑entitajiet ikkonċernati mill‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati abbażi tar‑Regolament Nru 423/2007, u

–        tikkundanna lill‑appellant għall‑ispejjeż.

30      Ir‑Renju Unit jitlob li l‑Qorti tal‑Ġustizzja jogħġobha tiċħad l‑appell.

31      Il‑Kummissjoni titlob li l‑Qorti tal‑Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li ebda wieħed mill‑aggravji invokati mill‑appellant ma huwa ta’ natura tali li jwassal għall‑annullament tas‑sentenza appellata, u

–        konsegwentement, tiċħad l‑appell.

 L‑aggravji u l‑argumenti prinċipali

32      Il‑Bank Melli Iran jinvoka tliet aggravji prinċipali u tliet aggravji sussidjarji.

33      Prinċipalment, huwa jsostni, l‑ewwel nett, li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkunsidra bħala rekwiżit proċedurali sostanzjali l‑obbligu ta’ notifika individwali tal‑att ikkontestat u li l‑Qorti Ġenerali vvizzjat ir‑raġunament tagħha b’motivazzjoni żbaljata, it‑tieni nett, li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal‑bażijiet legali tar‑Regolament Nru 423/2007 u li vvizzjat ir‑raġunament tagħha b’motivazzjoni żbaljata u, it‑tielet nett, li l‑Qorti Ġenerali kisret l‑obbligu ta’ motivazzjoni tal‑atti, kif ukoll id‑drittijiet tad‑difiża u l‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

34      Sussidjarjament, huwa jsostni, l‑ewwel nett, li l‑Qorti Ġenerali kisret l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 u kkontradixxiet ruħha, it‑tieni nett, li wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir‑rigward tad‑dritt ta’ proprjetà tal‑appellant u, it‑tielet nett, li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal‑fatti meta inkluda u żamm lill-appellant fil‑lista li tinsab fl‑Anness V tar‑regolament imsemmi.

 Fuq l‑ewwel aggravju prinċipali, ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ notifika individwali u fuq motivazzjoni żbaljata tas‑sentenza appellata

35      Dan l‑aggravju jikkonċerna l‑punti 86 sa 90 tas‑sentenza appellata, li huma fformulati kif ġej:

“86.      Għall‑kuntrarju, l‑affermazzjoni tal‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, li l‑obbligu li l‑motivi jiġu kkomunikati [lill‑appellant] ġie sodisfatt bil‑pubblikazzjoni tad‑deċiżjoni [kontenzjuża] fil‑Ġurnal Uffiċjali ma tistax tiġi aċċettata. Fil‑fatt, deċiżjoni bħad‑deċiżjoni [kontenzjuża], li tadotta verżjoni emendata tal‑Anness V tar‑Regolament Nru 423/2007, għandha effetti erga omnes peress li hija indirizzata lil grupp ta’ destinatarji partikolari determinat b’mod ġenerali u astratt, li min‑naħa tagħhom huma obbligati jiffriżaw il‑fondi tal‑entitajiet inklużi fil‑lista tal‑imsemmi anness. Madankollu, tali deċiżjoni ma għandhiex natura esklużivament ġenerali peress li l‑iffriżar ta’ fondi jkopri entitajiet identifikati b’isimhom, li huma kkonċernati direttament u individwalment mill‑miżuri restrittivi individwali adottati fir‑rigward tagħhom (ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is‑sentenzi [tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351], punti 241 sa 244, u [tal‑Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665], punt 98). Barra minn hekk, l‑iffriżar ta’ fondi għandu konsegwenzi kunsiderevoli għall‑entitajiet ikkonċernati peress li jista’ jillimita l‑eżerċizzju tad‑drittijiet fundamentali tagħhom. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, fid‑dawl tan‑neċessità li jiġi żgurat ir‑rispett tal‑imsemmija drittijiet, kemm materjali kif ukoll proċedurali, [...] għandu jiġi kkunsidrat li l‑Kunsill huwa obbligat, sa fejn ikun possibbli, jinforma lill‑entitajiet ikkonċernati bil‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi permezz ta’ notifika individwali.

87.      L‑argumenti mqajma mill‑Kunsill ma humiex ta’ natura li jibdlu din il‑konklużjoni. Fil‑fatt, l‑ewwel nett, il‑fatt li n‑notifika individwali tkun impossibbli f’ċerti każijiet huwa bla ħsara għall‑interess tal‑entitajiet li jingħataw tali notifika u għalhekk ma huwiex rilevanti fil‑każijiet fejn l‑indirizz tal‑entità kkonċernata jkun magħruf. It‑tieni nett, ir‑regola li kulħadd huwa meqjus li jaf il‑liġi ma tistax tiġi invokata fil‑konfront [tal‑appellant] peress li d‑deċiżjoni [kontenzjuża] għandha, fir‑rigward tiegħu, in‑natura ta’ att individwali. It‑tielet nett, id‑distinzjoni invokata mill‑Kunsill fil‑konfront tal‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati fil‑kuntest tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu hija ineffettiva peress li n‑natura libelluża, jew le, tal‑motivi kkunsidrati tista’ tkun rilevanti biss, meta jkun il‑każ, sabiex tiġi evalwata jekk il‑pubblikazzjoni tal‑motivazzjoni fil‑Ġurnal Uffiċjali kinitx opportuna. Għall‑kuntrarju, ir‑rekwiżit ta’ notifika individwali tal‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jirriżulta mill‑fatt li dawn l‑istess miżuri jaffettwaw individwalment u b’mod kunsiderevoli d‑drittijiet tal‑entitajiet ikkonċernati. Issa, peress li l‑effetti tal‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati taħt ir‑Regolament Nru 423/2007 u ta’ dawk adottati fil‑kuntest tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu huma paragunabbli, il‑miżuri adottati għandhom jiġu kkomunikati lill‑entitajiet koperti bl‑istess mod fiż‑żewġ każijiet.

88.      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l‑Kunsill ma osservax l‑obbligu li jikkomunika l‑motivi tad‑deċiżjoni [kontenzjuża lill‑appellant], liema obbligu jirriżulta mill‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007, u dan peress li ma għamilx notifika individwali, minkejja li mill‑kontenut stess tal‑imsemmija deċiżjoni jirriżulta li kien jaf l‑indirizz tal‑uffiċċju rreġistrat [tal‑appellant].

89.      Madankollu, mill‑annessi tat‑talba għal miżuri provviżorji, imressqa [mill‑appellant] fil‑Kawża T‑390/08 R, jirriżulta li, permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Ġunju 2008, il‑Commission bancaire Franċiża informat lill‑fergħa [tal‑appellant] f’Pariġi dwar l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni [kontenzjuża] u dwar il‑pubblikazzjoni tagħha fil‑Ġurnal Uffiċjali, li saret fl‑istess ġurnata. B’hekk, [l‑appellant] kien informat, fi żmien utli u minn sors uffiċjali, dwar l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni [kontenzjuża], kif ukoll dwar il‑fatt li seta’ jikkonsulta l‑motivazzjoni tagħha fil‑Ġurnal Uffiċjali. Barra minn hekk, milli jidher [l‑appellant] effettivament ikkonsulta l‑kontenut tal‑imsemmija deċiżjoni u annetta kopja tagħha mar‑rikors.

90.      F’dawn iċ‑ċirkustanzi eċċezzjonali, għandu jiġi konkluż li l‑fatt li l‑Kunsill ma informax [lill‑appellant] dwar il‑motivi tad‑deċiżjoni [kontenzjuża] permezz ta’ notifika individwali ma kellux il‑konsegwenza li jċaħħad [lill‑appellant] mill‑possibbiltà li jkun jaf, fi żmien utli, il‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni [kontenzjuża] u li jevalwa l‑fondatezza tal‑miżura ta’ ffriżar ta’ fondi adottata fir‑rigward tiegħu. Għaldaqstant, l‑ommissjoni tal‑Kunsill ma tiġġustifikax l‑annullament tad‑deċiżjoni [kontenzjuża].”

 L‑argumenti tal‑partijiet

36      L‑appellant isostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkunsidra bħala rekwiżit proċedurali sostanzjali, li l‑ksur tiegħu jġib miegħu l‑annullament tal‑att, l‑obbligu ta’ notifika individwali tal‑att ikkontestat li jinsab fl‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007 u li l‑Qorti Ġenerali vvizzjat ir‑raġunament tagħha b’motivazzjoni żbaljata.

37      L‑appellant jenfasizza li, skont l‑Artikolu 254 KE, id‑deċiżjonijiet individwali jidħlu fis‑seħħ biss permezz tan‑notifika tagħhom. Fil‑każ tad‑deċiżjoni kontenzjuża, in‑notifika kienet iktar u iktar importanti fid‑dawl tal‑fatt li l‑appellant ma kienx instema’ qabel l‑adozzjoni tagħha.

38      Filwaqt li jirreferi għas‑sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (C‑227/92 P, Ġabra p. I‑4443), l‑appellant isostni li n‑notifika ta’ deċiżjoni hija rekwiżit proċedurali sostanzjali li n‑nuqqas ta’ osservanza tiegħu jimplika n‑nullità assoluta tal‑att. Din in‑nullità ma tistax tiġi rrimedjata permezz ta’ miżura ta’ informazzjoni mogħtija lid‑destinatarju tal‑att min‑naħa ta’ persuna jew entità oħra. Għalhekk, skont l‑appellant, il‑komunikazzjoni tad‑deċiżjoni kontenzjuża li saret mill‑Commission bancaire Franċiża ma setgħetx tissodisfa l‑kundizzjonijiet ta’ notifika speċifikati fir‑Regolament Nru 423/2007.

39      Minbarra l‑ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali, l‑appellant isostni li l‑Qorti Ġenerali mmotivat b’mod żbaljat is‑sentenza tagħha meta kkunsidrat li l‑informazzjoni mogħtija lill‑appellant mill‑Commission bancaire Franċiża kienet tirrimedja n‑nullità u meta kkunsidrat li kien hemm “ċirkustanzi eċċezzjonali” li kienu jiġġustifikaw in‑nuqqas tal‑Kunsill, u dan minkejja li n‑nuqqas ta’ notifika ta’ att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi ksur ta’ regola tad‑dritt tal‑Unjoni ta’ ordni pubbliku.

40      Ir‑Repubblika Franċiża u l‑Kummissjoni jikkontestaw ir‑raġunament tal‑Qorti Ġenerali u jissuġġerixxu lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tagħmel sostituzzjoni tal‑motivi. Fil‑fatt, skonthom, l‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007 ma jimponix obbligu ta’ notifika individwali tad‑deċiżjoni kontenzjuża u ebda obbligu ta’ notifika ma jirriżulta mid‑dritt primarju. Il‑Qorti Ġenerali għalhekk żbaljat meta, fil‑punt 88 tas‑sentenza appellata, ikkunsidrat li l‑Kunsill kellu jwettaq notifika individwali.

41      Il‑Kunsill, ir‑Repubblika Franċiża u l‑Kummissjoni jenfasizzaw in‑natura regolamentari ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal‑assi. Il‑Kunsill josserva li, minkejja r‑raġunament tagħha dwar l‑obbligu ta’ notifika, il‑Qorti Ġenerali ma kkonkluditx li l‑att ikkontestat kien deċiżjoni u mhux regolament.

42      Ir‑Repubblika Franċiża tikkontesta wkoll il‑paragun magħmul mill‑Qorti Ġenerali, fil‑punt 87 tas‑sentenza appellata, bejn miżura ta’ ffriżar ta’ fondi adottata fil‑kuntest tal‑ġlieda kontra l‑proliferazzjoni nukleari, li tikkonċerna pajjiżi terzi, u dik adottata fil‑kuntest tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu, li tikkonċerna individwi u entitajiet li jaġixxu b’mod awtonomu. Qatt ma ġie sostnut li miżura ta’ sanzjoni li tikkonċerna pajjiż terz kellha tkun is‑suġġett ta’ notifika individwali lil dan il‑pajjiż. Barra minn hekk, id‑differenza bejn l‑għanijiet hija riflessa wkoll f’differenza bejn il‑bażijiet legali, bir‑Regolament Nru 423/2007 adottat fuq il‑bażi tal‑Artikoli 60 KE u 301 KE filwaqt li l‑miżuri adottati fil‑qasam tat‑terroriżmu jiġu adottati fuq il‑bażi tal‑Artikolu 308 KE.

43      Matul is‑seduta, il‑Kunsill speċifika li n‑notifika tal‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ persuni marbuta mat‑terroriżmu titwettaq inkonformità mal‑indikazzjonijiet li jinsabu fil‑punt 147 tas‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri li, sabiex jiġi evitat li jiġu ppreġudikati l‑interessi leġittimi ta’ dawn il‑persuni, f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tiġi ppubblikata biss motivazzjoni ġenerali tad‑deċiżjoni filwaqt li l‑motivazzjoni speċifika u konkreta tiġi nnotifikata lil dawn il‑persuni.

44      Ir‑Renju Unit ifakkar li l‑funzjoni ta’ notifika hija li tinforma lid‑destinatarju ta’ deċiżjoni u li tippermettilu jippreżenta rikors. F’dan il‑każ, fir‑rigward tal‑iffriżar ta’ fondi, ma kienx possibbli li ssir notifika minn qabel minħabba l‑effett ta’ sorpriża meħtieġ. L‑Artikolu 254 KE ma jippreċiżax b’liema mod għandha ssir in‑notifika. F’dan id‑dawl, ir‑Renju Unit iqis li avviż ippubblikat f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea fl‑istess ħin bħad‑deċiżjoni huwa ta’ natura li jiġbed biżżejjed l‑attenzjoni. Fi kwalunkwe każ, l‑entità kkonċernata tħoss mill‑ewwel l‑effetti tal‑implementazzjoni tad‑deċiżjoni. F’dan il‑każ, il‑fergħa Franċiża tal‑appellat ġiet informata dwar id‑deċiżjoni kontenzjuża u l‑appellant seta’ jippreżenta rikors. L‑istess bħall‑Kunsill, bħar‑Repubblika Franċiża u bħall‑Kummissjoni, ir‑Renju Unit jenfasizza li l‑appellant ma ġarrab ebda dannu minħabba n‑nuqqas ta’ notifika tad‑deċiżjoni kontenzjuża.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

45      Għandu jiġi osservat, fl‑ewwel lok, li, minkejja t‑titolu tagħha, id‑deċiżjoni kontenzjuża għandha l‑istess natura bħal regolament. Din id‑deċiżjoni tinkludi biss anness, li jissostitwixxi l‑Anness V tar‑Regolament Nru 423/2007. Issa, l‑effett ta’ dan l‑anness huwa ddeterminat fit‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 19 ta’ dan ir‑regolament, li jipprovdi li r‑regolament imsemmi għandu jorbot fl‑intier tiegħu u japplika direttament fl‑Istati Membri kollha, effett li jikkorrispondi għall‑effetti ta’ regolament kif previsti fl‑Artikolu 249 KE.

46      Bħala prinċipju, għalhekk, it‑Trattat ma jirrikjedix in‑notifika ta’ tali att iżda l‑pubblikazzjoni tiegħu, skont l‑Artikolu 254(1) u (2) KE.

47      Fit‑tieni lok, fir‑rigward, b’mod iktar partikolari, tal‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007, għandu jitfakkar li l‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l‑awtorità tal‑Unjoni li tadotta att li jimplika miżuri restrittivi fil‑konfront ta’ persuna jew ta’ entità għandha tikkomunika r‑raġunijiet li fuqhom ikun ibbażat dan l‑att, sa fejn ikun possibbli, jew fil‑mument meta jiġi adottat dan l‑att jew, minn tal‑inqas, kemm jista’ jkun malajr wara l‑adozzjoni tiegħu, sabiex dawn il‑persuni jew entitajiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id‑dritt ta’ rikors tagħhom (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 336).

48      Issa, huwa fid‑dawl tal‑osservanza ta’ dan il‑prinċipju li l‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007 jobbliga lill‑Kunsill jagħti r‑raġunijiet individwali u speċifiċi għad‑deċiżjonijiet meħuda skont l‑Artikolu 7(2) tar‑regolament imsemmi u jinforma lill‑persuni, lill‑entitajiet u lill‑korpi kkonċernati dwar dawn ir‑raġunijiet.

49      Fil‑fatt, kif osservat il‑Qorti Ġenerali fil‑punt 86 tas‑sentenza appellata, l‑iffriżar tal‑fondi għandu konsegwenzi kunsiderevoli għall‑entitajiet ikkonċernati minħabba li jista’ jillimita l‑eżerċizzju tad‑drittijiet fundamentali tagħhom.

50      Għalkemm ir‑Regolament Nru 423/2007 ma jipprevedix il‑forma li fiha dawn ir‑raġunijiet “jagħmilhom [ikunu] magħrufa” lill‑persuni, lill‑entitajiet u lill‑korpi kkonċernati, it‑teżi tar‑Renju Unit, fis‑sens li pubblikazzjoni f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea hija biżżejjed, ma tistax tintlaqa’.

51      Fil‑fatt, jekk il‑komunikazzjoni tar‑raġunijiet individwali u speċifiċi tkun tista’ titqies li twettqet bil‑pubblikazzjoni tad‑deċiżjoni f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea, ma jkunx jista’ jinftiehem għalfejn kienet prevista espliċitament din il‑komunikazzjoni, kif prevista fl‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007, sa fejn fi kwalunkwe każ id‑deċiżjoni msemmija għandha tiġi ppubblikata, inkonformità mal‑Artikolu 254(1) u (2) KE, fid‑dawl tan‑natura ta’ regolament tagħha kif indikata fil‑punt 45 ta’ din is‑sentenza.

52      Minn dan isegwi li l‑Kunsill għandu jwettaq l‑obbligu tiegħu previst minn din id‑dispożizzjoni permezz ta’ komunikazzjoni individwali.

53      Din il‑konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill‑Artikolu 254(3) KE, li għalih jirreferi l‑appellant, dwar in‑notifika fil‑veru sens tal‑kelma ta’ deċiżjoni, u li tiegħu barra minn hekk ma jidhirx li ġie invokat ksur mill‑appellant quddiem il‑Qorti Ġenerali.

54      L‑istess jista’ jingħad għall‑punti 68 sa 73 tas‑sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li għalihom jirreferi l‑appellant u li għandhom jinftiehmu fid‑dawl tal‑argumenti tal‑partijiet li għalihom iwieġbu dawn il‑punti u fid‑dawl tal‑kuntest tagħhom. Kif jirriżulta mill‑punti 44 sa 53 tas‑sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u mill‑punti 21 sa 24 tal‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Cosmas f’dik is‑sentenza, Hoechst AG kienet qiegħda tinvoka n‑nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata u l‑fatt li t‑test li kien intbagħtilha ma kienx it‑test adottat fid‑data indikata. Fil‑punt 69 ta’ dik is‑sentenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja wieġbet għal dawn l‑argumenti billi għamlet riferiment għall‑punti 48 u 49 tas‑sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555), li jikkonċernaw irregolaritajiet bħall‑irregolarità li kienet inkwistjoni f’dik il‑kawża, jiġifieri n‑nuqqas ta’ awtentikazzjoni tal‑att. Fir‑rigward tal‑punt 72 tas‑sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, dan manifestament jagħmel riferiment għall‑kwistjoni deċiża permezz tas‑sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF et, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri dwar il‑konsegwenzi legali tan‑nuqqas ta’ awtentikazzjoni ta’ att.

55      F’dan il‑każ, il‑komunikazzjoni tar‑raġunijiet individwali u speċifiċi tal‑iffriżar ta’ fondi prevista fl‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007 ma saritx mill‑Kunsill iżda l‑Commission bancaire Franċiża kienet informat b’mod suffiċjenti lill‑appellant u dan tal‑aħħar kien f’pożizzjoni li jippreżenta rikors. Fid‑dawl ta’ dan, kien ukoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l‑Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil‑punt 90 tas‑sentenza appellata, li l‑fatt li l‑Kunsill ma kienx informa lill‑appellant dwar il‑motivi tad‑deċiżjoni kontenzjuża ma kellux il‑konsegwenza li jċaħħad lill‑appellant mill‑possibbiltà li jkun jaf, fi żmien utli, il‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kontenzjuża u li jevalwa l‑fondatezza tal‑miżura ta’ ffriżar ta’ fondi adottata fir‑rigward tiegħu.

56      Fil‑fatt, għalkemm, kif għadu kemm intqal, hija meħtieġa, bħala prinċipju, komunikazzjoni individwali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ebda forma preċiża ma hija meħtieġa mill‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007, li jsemmi biss l‑obbligu li “jagħmilhom [ikunu] magħrufa”. Huwa meħtieġ li din id‑dispożizzjoni tiġi implementata b’mod effettiv, jiġifieri li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal‑persuni u tal‑entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi adottati skont l‑Artikolu 7(2) tar‑regolament imsemmi, u dan kien il‑każ fil‑każ ineżami.

57      Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l‑ewwel aggravju huwa infondat.

 Fuq it‑tieni aggravju prinċipali, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal‑bażijiet legali tar‑Regolament Nru 423/2007 u fuq motivazzjoni żbaljata tas‑sentenza appellata

58      Dan l‑aggravvju jikkonċerna l‑punti 45 sa 50 tas‑sentenza appellata, li huma fformulati kif ġej:

“45.      L‑Artikoli 60 KE u 301 KE għandhom il‑karatteristika partikolari li jikkostitwixxu mogħdija li tgħaqqad l‑azzjonijiet tal‑Komunità li jinvolvu miżuri ekonomiċi mal‑għanijiet tat‑Trattat UE[, fil‑verżjoni tiegħu preċedenti għat‑Trattat ta’ Lisbona,] fir‑rigward tar‑relazzjonijiet esterni, fosthom il‑[politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK)] (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Kadi [u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni], iċċitata [...] iktar ’il fuq, punt 197). Fil‑fatt, l‑Artikoli 60 KE u 301 KE huma dispożizzjonijiet li jikkontemplaw espressament li azzjoni tal‑Komunità tista’ tkun neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed mill‑għanijiet mogħtija speċifikament lill‑Unjoni mill‑Artikolu 2 UE, jiġifieri l‑implementazzjoni ta’ politika barranija u ta’ sigurtà komuni.

46.      Madankollu, dan il‑fatt huwa bla ħsara għall‑koeżistenza tal‑Unjoni u tal‑Komunità bħala sistemi legali integrati iżda distinti kif ukoll għall‑arkitettura kostituzzjonali tal‑pilastri, kif mixtieqa mill‑awturi tat‑trattati li jinsabu fis‑seħħ (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Kadi [u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni], iċċitata [...] iktar ’il fuq, punt 202). Għaldaqstant, anki meta l‑azzjoni tal‑Komunità fil‑kuntest tal‑Artikoli 60 KE u 301 KE timplementa wieħed mill‑għanijiet tal‑Unjoni, din l‑azzjoni tittieħed madankollu abbażi tal‑pilastru Komunitarju. Għaldaqstant, il‑legalità tal‑atti meħuda f’dan il‑qasam, bħar‑Regolament Nru 423/2007 u bħall‑atti li jimplementawh, għandha tiġi evalwata fid‑dawl tal‑kundizzjonijiet stabbiliti mir‑regoli ta’ dan l‑istess pilastru, inkluż fir‑rigward tar‑regola tal‑vot adegwata.

47.      Minn dak li ntqal jirriżulta, kuntrarjament għal dak li jsostni [l‑appellant], li l‑Pożizzjoni Komuni 2007/140, li tagħmel parti mit‑tieni pilastru tal‑Unjoni, ma tikkostitwixxix bażi legali għar‑Regolament Nru 423/2007 u għall‑atti li jimplementawh, u dan jimplika li r‑regola tal‑vot applikabbli għall‑adozzjoni tal‑imsemmija pożizzjoni komuni u għall‑emenda tagħha hija irrilevanti. Fil‑fatt, l‑eżistenza ta’ pożizzjoni komuni jew ta’ azzjoni komuni adottata qabel fil‑qasam tal‑PBSK hija biss kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 301 KE, li jiddefinixxi wkoll ir‑regola tal‑vot applikabbli għall‑adozzjoni tal‑atti meħuda b’applikazzjoni tiegħu.

48.      Issa, f’din il‑kawża, ma huwiex ikkontestat li r‑Regolament Nru 423/2007 u d‑deċiżjoni [kontenzjuża] ġew adottati b’maġġoranza kwalifikata, inkonformità mar‑regola stabbilita fl‑Artikolu 301 KE. Lanqas ma huwa kkontestat li l‑adozzjoni tal‑istess regolament seħħet wara l‑adozzjoni, b’mod unanimu, tal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140 u li l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni [kontenzjuża] seħħet wara l‑adozzjoni, b’mod unanimu, tal‑Pożizzjoni Komuni 2008/479, li permezz tagħha [l‑appellant] ġie inkluż fil‑lista tal‑entitajiet koperti mill‑miżura ta’ ffriżar ta’ fondi skont l‑Artikolu 5(1)(b) tal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l‑kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 301 KE ġew osservati.

49.      Għaldaqstant, l‑ilment [tal‑appellant] ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ osservanza tar‑regola tal‑vot applikabbli għandu jiġi miċħud.

50.      Fir‑rigward tal‑ilmenti l‑oħra [tal‑appellant], għandu jitfakkar li att ikun ivvizzjat b’abbuż ta’ poter biss jekk jidher, fuq il‑bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil‑għan esklużiv, jew minn tal‑inqas bil‑għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil‑għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit‑Trattat għaċ‑ċirkustanzi inkwistjoni (ara s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 75, u s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il‑Kummissjoni, T‑158/99, Ġabra p. II‑1, punt 164, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’din il‑kawża, [l‑appellant] ma ressaq ebda prova li tissuġġerixxi li, meta adotta d‑deċiżjoni [kontenzjuża], il‑Kunsill kellu għan differenti minn dak li tiġi evitata l‑proliferazzjoni nukleari permezz tal‑iffriżar tal‑fondi tal‑entitajiet li huwa jikkunsidra li huma impenjati fi, huma assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ lill‑attivitajiet ikkonċernati, inkonformità mal‑proċedura prevista għal dan il‑għan mit‑Trattat KE u mir‑Regolament Nru 423/2007.”

 L‑argumenti tal‑partijiet

59      L‑appellant isostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal‑bażijiet legali tar‑Regolament Nru 423/2007 u vvizzjat is‑sentenza tagħha b’motivazzjoni żbaljata.

60      L‑appellant ifakkar li l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 jikkonċerna l‑entitajiet li “[huma] involuti fi, assoċjati direttament ma, jew jipprovdu appoġġ” għall‑proliferazzjoni nukleari”. Filwaqt li jibbaża ruħu fuq is‑sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 167), l‑appellant isostni li, sa fejn il‑kriterju rilevanti adottat mir‑Regolament Nru 423/2007 u mid‑deċiżjoni kontenzjuża ma huwiex il‑fatt li l‑entità tkun ikkontrollata minn pajjiż terz iżda l‑fatt li din l‑entità tipparteċipa f’ċerti attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari, dawn id‑dispożizzjonijiet ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikoli 60 KE u 301 KE. Għaldaqstant, skont l‑appellant, kien indispensabbli li d‑dispożizzjonijiet imsemmija ma jkunux ibbażati biss fuq l‑Artikoli 60 KE u 301 KE iżda wkoll fuq l‑Artikolu 308 KE, li jirrikjedi votazzjoni b’mod unanimu.

61      L‑appellant isostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l‑Pożizzjoni Komuni 2007/140 ma kinitx tikkostitwixxi bażi legali għar‑Regolament Nru 423/2007 u għad‑deċiżjoni kontenzjuża iżda kienet sempliċement “kundizzjoni” meħtieġa mill‑Artikolu 301 KE. B’hekk, il‑Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni li ma tinsabx fir‑regoli stabbiliti mit‑Trattat. L‑appellant jenfasizza li l‑lista li tinsab fl‑Anness V tar‑Regolament Nru 423/2007 hija identika għal dik li tinsab fl‑Anness II tal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140, lista li, skont l‑Artikolu 7(2) ta’ din tal‑aħħar, tista’ tiġi emendata biss b’vot unanimu. Peress li r‑regolament imsemmi huwa bbażat fuq l‑Artikoli 60 KE u 301 KE kif ukoll fuq il‑pożizzjoni komuni msemmija, dan l‑Anness V kien imissu ġie emendat skont ir‑regola tal‑unanimità. Skont l‑appellant, meta adotta d‑deċiżjoni kontenzjuża bi ksur ta’ din ir‑regola, il‑Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter.

62      Ir‑Repubblika Franċiża tqis li l‑aggravju invokat mill‑appellant jinsab f’kontradizzjoni mat‑termini stess tal‑Artikolu 301 KE.

63      Il‑Kunsill, ir‑Renju Unit u l‑Kummissjoni jenfasizzaw li r‑Regolament Nru 423/2007 jikkonċerna b’mod ċar lir‑Repubblika Iżlamika tal‑Iran u li, għalhekk, ma kienx meħtieġ li l‑Artikolu 308 KE jintuża bħala bażi legali. F’dan ir‑rigward, is‑sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex rilevanti minħabba li tikkonċerna sitwazzjoni differenti. Fil‑fatt, ir‑regolament inkwistjoni f’dik il‑kawża ma kienx jirreferi għal pajjiż terz, għall‑kuntrarju tal‑każ ineżami. Il‑Kummissjoni żżid li, jekk hawnhekk l‑appellant qiegħed jikkontesta r‑rabtiet tiegħu mar‑Repubblika Iżlamika tal‑Iran, dan jammonta għal motiv ġdid li huwa inammissibbli.

64      Fir‑rigward tal‑użu ħażin ta’ poter, il‑Kummissjoni tikkunsidra li l‑Qorti Ġenerali wieġbet b’mod korrett fil‑punt 50 tas‑sentenza appellata billi għamlet riferiment għall‑ġurisprudenza applikabbli għal dan il‑qasam.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

65      L‑appellant jikkontesta r‑raġunament tal‑Qorti Ġenerali dwar il‑bażi legali tar‑Regolament Nru 423/2007, filwaqt li jikkunsidra li dan ir‑regolament kien imissu ġie adottat b’mod unanimu, jew fuq il‑bażi tal‑Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, jew fuq il‑bażi tal‑Artikoli 60 KE u 301 KE flimkien mal‑Pożizzjoni Komuni 2007/140. Għaldaqstant, skont l‑appellant, id‑deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx tiġi adottata b’maġġoranza kkwalifikata, kif jipprovdi l‑Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 fir‑rigward tal‑emendi tal‑lista tal‑persuni, tal‑korpi u tal‑entitajiet prevista fl‑Artikolu 7(2) tar‑regolament imsemmi.

66      Skont ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, l‑għażla tal‑bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, elementi li jinkludu, b’mod partikolari, l‑għan u l‑kontenut tal‑att (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 182).

67      L‑appellant ma huwiex qiegħed jikkontesta l‑użu tal‑Artikoli 60 KE u 301 KE. L‑appellant qiegħed jikkontesta biss il‑fatt li r‑Regolament Nru 423/2007 huwa bbażat fuq dawn id‑dispożizzjonijiet biss.

68      Skont it‑titolu tiegħu, ir‑Regolament Nru 423/2007 jikkonċerna l‑adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra r‑Repubblika Iżlamika tal‑Iran. Mill‑kunsiderazzjonijiet u mid‑dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir‑regolament jirriżulta li l‑għan tiegħu huwa li jipprekludi jew li jrażżan il‑politika adottata minn dan l‑Istat fil‑qasam nukleari, fid‑dawl tal‑perikolu ta’ din il‑politika, permezz ta’ miżuri restrittivi fil‑qasam ekonomiku. Kif josserva l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 75 tal‑konklużjonijiet tiegħu, ma hijiex l‑attività ġenerali tal‑proliferazzjoni nukleari li hija miġġielda iżda r‑riskji partikolari tal‑programm Iranjan tal‑proliferazzjoni nukleari.

69      L‑għan u l‑kontenut tal‑att inkwistjoni huma b’mod ċar l‑adozzjoni ta’ miżuri ekonomiċi li jikkonċernaw lir‑Repubblika Iżlamika tal‑Iran u għalhekk ma kienx meħtieġ li jintuża l‑Artikolu 308 KE sa fejn l‑Artikolu 301 KE jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti billi jippermetti li tittieħed azzjoni mill‑Komunità sabiex jitwaqqfu jew jitnaqqsu, parzjalment jew kompletament, ir‑relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż jew pajjżi terzi, azzjoni li tista’ tinkludi miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ entitajiet li, bħall‑Bank Melli Iran, ikunu assoċjati mar‑reġim tal‑pajjiż terz ikkonċernat.

70      Fir‑rigward tal‑ħtieġa li l‑Pożizzjoni Komuni 2007/140 tiġi inkluża fost il‑bażijiet legali, kif isostni l‑appellant, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il‑ħtieġa hija kontradetta mit‑test stess tal‑Artikolu 301 KE, li jipprevedi l‑possibbiltà li jiġu adottati miżuri Komunitarji meta pożizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottati skont id‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat UE, fil‑verżjoni tiegħu preċedenti għat‑Trattat ta’ Lisbona, dwar il‑PBSK jipprevedu azzjoni mill‑Komunità. Dan it‑test jindika li l‑pożizzjoni komuni jew l‑azzjoni konġunta għandhom ikunu eżistenti sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri Komunitarji iżda ma jindikax li dawn il‑miżuri għandhom ikunu bbażati fuq din il‑pożizzjoni komuni jew fuq din l‑azzjoni konġunta.

71      Fi kwalunkwe każ, pożizzjoni komuni ma tistax tikkostitwixxi l‑bażi legali ta’ att Komunitarju. Fil‑fatt, il‑pożizzjonijiet komuni tal‑Kunsill fil‑qasam tal‑PBSK, bħall‑Pożizzjonijiet Komuni 2007/140 u 2008/479, huma adottati fil‑kuntest tat‑Trattat UE msemmi, skont l‑Artikolu 15 tiegħu, filwaqt li r‑regolamenti tal‑Kunsill, bħar‑Regolament Nru 423/2007, huma adottati fil‑kuntest tat‑Trattat KE.

72      Għaldaqstant, il‑Kunsill ma setax jadotta att Komunitarju ħlief billi jistrieħ fuq il‑kompetenzi mogħtija lilu mit‑Trattat KE, jiġifieri, f’dan il‑każ, mill‑Artikoli 60 KE u 301 KE.

73      Il‑Qorti Ġenerali għalhekk kellha raġun meta ddeċidiet, fil‑punt 47 tas‑sentenza appellata, li l‑eżistenza ta’ pożizzjoni komuni adottata qabel fil‑qasam tal‑PBSK hija biss kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 301 KE.

74      Fir‑rigward tal‑ilment ibbażat fuq l‑użu ħażin ta’ poter, għandu jiġi kkonstatat li l‑appellat ma jurix f’liema sens il‑punt 50 tas‑sentenza appellata huwa żbaljat.

75      Minn dawn il‑kunsiderazzjonijiet jirriżulta li t‑tieni aggravju prinċipali ma huwiex fondat.

 Fuq it‑tielet aggravju prinċipali, ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tal‑att, tad‑drittijiet tad‑difiża u tal‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

76      Dan l‑aggravju jikkonċerna l‑punti 80 sa 85 tas‑sentenza appellata, li huma fformulati kif ġej:

“80.      L‑obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fl‑Artikolu 253 KE u, b’mod iktar partikolari f’dan il‑każ, fl‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007, għandu l‑għan, minn naħa, li jagħti lill‑persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l‑att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat minn difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l‑validità tiegħu quddiem il‑qorti Komunitarja u, min‑naħa l‑oħra, li jippermetti lill‑qorti Komunitarja teżerċita l‑istħarriġ tagħha dwar il‑legalità ta’ dan l‑att. L‑obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il‑mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad‑dritt Komunitarju li ma jistgħux isiru derogi minnu ħlief fil‑każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il‑motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill‑persuna kkonċernata fl‑istess ħin bħall‑att li jikkawżalha preġudizzju, u n‑nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill‑fatt li l‑persuna kkonċernata ssir taf il‑motivi tal‑att matul il‑proċedura quddiem il‑qorti Komunitarja. Barra minn hekk, l‑osservanza tal‑obbligu ta’ motivazzjoni hija iktar u iktar importanti fil‑każ ta’ deċiżjoni inizjali li permezz tagħha l‑fondi ta’ entità jiġu ffriżati peress li l‑osservanza ta’ dan l‑obbligu hija l‑unika garanzija li permezz tagħha l‑persuna kkonċernata tkun tista’ tuża b’mod utli r‑rimedji għad‑dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l‑legalità tad‑deċiżjoni inkwistjoni, u dan peress li din il‑persuna ma għandhiex dritt għal smigħ qabel l‑adozzjoni tagħha (ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is‑sentenza [tal‑Qorti Ġenerali Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill], iċċitata [...] iktar ’il fuq, punti 138 sa 140, u l‑ġurisprudenza ċċitata.

81.      Għaldaqstant, sakemm il‑komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas‑sigurtà tal‑Komunità jew tal‑Istati Membri tagħha jew mal‑mod kif jitmexxew ir‑relazzjonijiet internazzjonali tagħhom (ara, b’analoġija, is‑sentenza Kadi [u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni], iċċitata [...] iktar ’il fuq, punt 342), il‑Kunsill huwa obbligat, skont l‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007, li jagħti lill‑entità kkonċernata raġunijiet speċifiċi u konkreti meta tiġi adottata deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi bħalma hija d‑deċiżjoni [kontenzjuża]. Għalhekk, huwa għandu jsemmi l‑punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l‑ġustifikazzjoni legali tal‑miżura u l‑kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu l‑miżura. Sa fejn ikun possibbli, din il‑motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata jew fl‑istess ħin tal‑adozzjoni tal‑miżura inkwistjoni jew malajr kemm jista’ jkun wara din l‑adozzjoni (ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is‑sentenza [tal‑Qorti Ġenerali Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill], iċċitata [...] iktar ’il fuq, punti 143 sa 148, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

82.      Madankollu, il‑motivazzjoni għandha tkun adattata għan‑natura tal‑att inkwistjoni u għall‑kuntest li fih ikun adottat. Ir‑rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi tal‑każ, b’mod partikolari tal‑kontenut tal‑att, tan‑natura tal‑motivi invokati u tal‑interess li jista’ jkollhom id‑destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill‑att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l‑motivazzjoni tispeċifika l‑punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in‑natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid‑dawl mhux biss tal‑formulazzjoni tagħha iżda anki fid‑dawl tal‑kuntest tagħha u tar‑regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il‑qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill‑persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il‑portata tal‑miżura meħuda fir‑rigward tagħha (ara s‑sentenza [tal‑Qorti Ġenerali Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill], iċċitata [...] iktar ’il fuq, punt 141, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

83.      Kif ġie osservat fil‑punt 57 iktar ’il fuq, għall‑implementazzjoni tal‑Artikolu 7(2)(a) u (b) tar‑Regolament Nru 423/2007 huwa meħtieġ li l‑entità kkonċernata tkun impenjata fi, tkun assoċjata direttament ma’ jew tipprovdi appoġġ għall‑proliferazzjoni nukleari. Għaldaqstant, minbarra l‑indikazzjoni tal‑bażi legali tal‑miżura adottata, l‑obbligu ta’ motivazzjoni li għandu l‑Kunsill jikkonċerna preċiżament dan il‑fatt. Mill‑banda l‑oħra, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallega [l‑appellant], il‑Kunssil la kien obbligat jimmotiva l‑għażla tiegħu li jmur lil hinn mill‑miżuri adottati fir‑Riżoluzzjoni 1830 (2008), peress li kif ġie kkonstatat fil‑punt 65 iktar ’il fuq id‑deċiżjoni [kontenzjuża] ma implementatx din ir‑riżoluzzjoni, u lanqas ma kien obbligat li jimmotiva l‑għażla tiegħu li jittratta [lill‑appellant] b’mod differenti mill‑banek Iranjani l‑oħra.

84.      Fil‑każ ineżami, il‑Kunsill indika, kemm fit‑titolu tad‑deċiżjoni [kontenzjuża] u kemm fil‑premessa 2 tagħha, li l‑miżuri meħuda kienu bbażati fuq l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007. Huwa speċifika wkoll, fil‑punt 4 tat‑Tabella B tal‑Anness tad‑deċiżjoni [kontenzjuża], ir‑raġunijiet individwali u speċifiċi li wassluh sabiex jikkunsidra li [l‑appellant] kien jagħti sostenn lill‑proliferazzjoni nukleari. Fil‑fatt, il‑Kunsill semma, l‑ewwel nett, it‑tip ta’ sostenn mogħti [mill‑appellant], jiġifieri l‑provvista ta’ servizzi finanzjarji li jinkludu l‑ftuħ ta’ ittri ta’ kreditu u ż‑żamma tal‑kontijiet, it‑tieni nett, l‑attivitajiet marbuta mal‑proliferazzjoni nukleari kkonċernati minn dawn is‑servizzi, jiġifieri l‑akkwist ta’ materjal sensittiv, u, it‑tielet nett, il‑benefiċjarji tas‑sostenn mogħti [mill‑appellant], jiġifieri t‑tmien entitajiet identifikati b’isimhom.

85.      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tqis li l‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni [kontenzjuża] fir‑rigward [tal‑appellant] hija suffiċjenti [...]”

77      It‑tielet aggravju prinċipali jikkonċerna wkoll il‑punt 97 tas‑sentenza appellata, li huwa fformulat kif ġej:

“F’dan id‑dawl, għandha tiġi miċħuda l‑allegazzjoni [tal‑appellant] li l‑Kunsill kien obbligat jagħti ex officio aċċess għall‑elementi fil‑fajl tiegħu. Fil‑fatt, ladarba ġiet ikkomunikata informazzjoni preċiża biżżejjed, li permezz tagħha l‑entità kkonċernata setgħet tesprimi b’mod utli l‑opinjoni tagħha dwar l‑elementi inkriminanti kkunsidrati fil‑konfront tagħha mill‑Kunsill, il‑prinċipju ta’ rispett tad‑drittijiet tad‑difiża ma jimplikax li l‑Kunsill huwa obbligat jagħti, b’mod spontanju, aċċess għad‑dokumenti li jinsabu fil‑fajl tiegħu. Huwa biss meta ssir talba mill‑parti kkonċernata li l‑Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad‑dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il‑miżura inkwistjoni (ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑11 ta’ Lulju 2002, Hyper vs Il‑Kummissjoni, T‑205/99, Ġabra p. II‑3141, punti 63 sa 65, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Il‑komunikazzjoni spontanja tal‑elementi ta’ fajl effettivament tikkostitwixxi rekwiżit eċċessiv peress li ma jkunx ċert fil‑mument tal‑adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi li l‑entità kkonċernata jkollha l‑intenzjoni tivverifika, permezz tal‑aċċess għall‑fajl, il-punti ta’ fatt li fuqhom ikunu bbażati l‑allegazzjonijiet ikkunsidrati kontriha mill‑Kunsill.”

78      Fl‑aħħar nett, għandhom jiġu riprodotti wkoll il‑punti 102 sa 104 tas‑sentenza appellata:

“102. Fir‑rigward tal‑fatt li l‑Kunsill ma ppreżentax b’mod spontanju l‑provi li jissostanzjaw il‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni [kontenzjuża], mill‑punt 97 iktar ’il fuq u mill‑punt 107 iktar ’il quddiem jirriżulta li ma kienx obbligat jagħmel hekk, la qabel u lanqas wara l‑preżentata ta’ dan ir‑rikors.

103.      Bl‑istess mod, [l‑appellant] ma jispjegax kif in‑neċessità li jivverifika waħda waħda r‑relazzjonijiet tiegħu mal‑entitajiet identifikati fid‑deċiżjoni [kontenzjuża] waqfitu milli jitlob aċċess għall‑fajl tal‑Kunsill jew milli jitlob seduta għas‑smigħ. Għall‑kuntrarju, tali passi, permezz tad‑dokumenti kkonsultati jew tal‑preċiżjonijiet miksuba, setgħu ffaċilitaw ir‑riċerki li kellu jagħmel.

104.      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li, peress li [l‑appellant] ma ppreżentax talba f’dan is‑sens quddiem il‑Kunsill, dan tal‑aħħar ma kienx obbligat jagħti aċċess għall‑fajl jew li jorganizza smigħ, u dan jimplika li l‑ilment ibbażat fuq il‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża għandu jiġi miċħud.”

 L‑argumenti tal‑partijiet

79      L‑appellant jikkontesta, l‑ewwel nett, il‑konklużjoni tal‑Qorti Ġenerali, li tinsab fil‑punti 84 u 85 tas‑sentenza appellata, li l‑appellant kellu informazzjoni preċiża biżżejjed dwar il‑motivi tal‑iffriżar tal‑fondi tiegħu, it‑tieni nett, il‑konklużjoni tal‑Qorti Ġenerali, li tinsab fil‑punt 97 tas‑sentenza appellata, li l‑Kunsill ma kienx obbligat jagħtih aċċess għall‑elementi fil‑fajl, it‑tielet nett, il‑konklużjoni tal‑Qorti Ġenerali, li tinsab fil‑punti 102 u 104 tas‑sentenza appellata li, minħabba li l‑appellant ma kienx ressaq talba f’dan is‑sens quddiem il‑Kunsill, dan tal‑aħħar ma kienx obbligat jagħtih aċċess għall‑fajl, la qabel u lanqas wara l‑preżentata tar‑rikors, kif ukoll, ir‑raba’ nett, il‑konklużjoni tal‑Qorti Ġenerali, li tinsab fil‑punt 106 tas‑sentenza appellata, fejn il‑Qorti Ġenerali kkunsidrat li kienet f’pożizzjoni li teżerċita b’mod sħiħ l‑istħarriġ tagħha.

80      L‑appellant ifakkar li, skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑persuna kkonċernata għandha tirċievi, sa mill‑proċedura amministrattiva, l‑indikazzjonijiet kollha meħtieġa għad‑difiża tal‑interessi tagħha. L‑appellant iżid, filwaqt li jirreferi għas‑sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 1991, Al‑Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill (C‑49/88, Ġabra p. I‑3187, punti 17 u 18), li din il‑persuna għandha titqiegħed f’pożizzjoni fejn tkun tista’ tesprimi effettivament il‑fehma tagħha dwar ir‑realtà u r‑rilevanza tal‑fatti u taċ‑ċirkustanzi allegati u dwar il‑provi invokati kontriha. Skont is‑sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punti 76 u 78), il‑ksur ta’ dan id‑dritt ma jistax jiġi rregolarizzat mill‑fatt li l‑aċċess għall‑fajl kien possibbli fi stadju ulterjuri, matul rikors intiż għall‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata. A fortiori, fuq il‑bażi ta’ din il‑ġurisprudenza, id‑drittijiet tad‑difiża u d‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jkunux irrispettati meta l‑aċċess għall‑fajl ma jkun ingħata qatt, lanqas matul il‑proċedura għal annullament.

81      Skont l‑appellant, il‑punti kkontestati tas‑sentenza appellata jinsabu f’kontradizzjoni mal‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ġenerali stess, jiġifieri mas‑sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill (T‑284/08, Ġabra p. II‑3487, punti 74 u 85), kif ukoll mal‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, jiġifieri mas‑sentenzi Saadi vs L‑Italja tat‑28 ta’ Frar 2008 (§ 138 u 139), kif ukoll A et vs Ir‑Renju Unit tad‑19 ta’ Frar 2009 (§ 126).

82      Ir‑Repubblika Franċiża u r‑Renju Unit isostnu li d‑deċiżjoni kontenzjuża, fil‑punt 4 tat‑Tabella B tal‑Anness tagħha, tinkludi informazzjoni ċara u suffiċjenti fir‑rigward tal‑appellant. Għalhekk, skont dawn l‑Istati Membri, ma kienx meħtieġ li l‑appellant jingħata aċċess għall‑elementi tal‑fajl, kif osservat il‑Qorti Ġenerali fil‑punt 97 tas‑sentenza appellata.

83      Ir‑Repubblika Franċiża tindika li s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex rilevanti minħabba li tikkonċerna l‑proċedura applikabbli għas‑sanzjonijiet fil‑qasam tat‑terroriżmu filwaqt li d‑deċiżjoni kontenzjuża tikkonċerna sanzjonijiet li jikkonċernaw pajjiż terz. Fir‑rigward tal‑ġurisprudenza marbuta ma’ kawżi li jikkonċernaw il‑kompetizzjoni, il‑Kunsill u r‑Renju Unit isostnu wkoll li din il‑ġurisprudenza ma hijiex rilevanti fil‑kawża ineżami. Barra minn hekk, ir‑Renju Unit u l‑Kummissjoni jqisu li l‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem ma hijiex tali li tissostanzja r‑raġunament tal‑appellant.

84      Il‑Kunsill u l‑Kummissjoni jsostnu, fir‑rigward tal‑produzzjoni ta’ provi matul il‑proċedura ġudizzjarja, li l‑appellant ma jiħux inkunsiderazzjoni l‑punti 30, 31 u 107 tas‑sentenza appellata, li minnhom jirriżulta li “fir‑rikors ma hemm ebda motiv li jikkontesta l‑konstatazzjoni tal‑Kunsill li [l‑appellant] ipprovda sostenn finanzjarju għall‑proliferazzjoni nukleari minkejja li din il‑konstatazzjoni tikkostitwixxi l‑bażi tad‑deċiżjoni [kontenzjuża] sa fejn tikkonċerna [lill‑appellant] u li, għaldaqstant, tali motiv seta’ jitqajjem sa mill‑formulazzjoni tar‑rikors, jekk kien hemm bżonn billi jiġi ppreċiżat li kienu ser jitressqu provi addizzjonali malli dawn ikunu disponibbli” (punt 30), b’tali mod li l‑Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, fil‑punt 107 tas‑sentenza appellata, li ma kienx meħtieġ li l‑Kunsill jipproduċi provi insostenn tar‑raġunijiet indikati fid‑deċiżjoni inkwistjoni.

85      Meta saritlu mistoqsija dwar dan il‑punt, l‑appellant sostna li motiv li jikkontesta l‑kontribut ta’ sostenn finanzjarju għall‑proliferazzjoni kien impliċitament inkluż fir‑rikors ippreżentat quddiem il‑Qorti Ġenerali u li huwa kellu l‑intenzjoni jiżviluppa argumenti addizzjonali dwar dan il‑motiv wara li jirċievi l‑fajl bil‑provi li fuqu kien ibbaża ruħu l‑Kunsill meta adotta d‑deċiżjoni kontenzjuża.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

86      Fir‑rigward tal‑parti ta’ dan l‑aggravju bbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li, fin‑nuqqas ta’ notifika mill‑Kunsill tar‑raġunijiet individwali u speċifiċi li mmotivaw id‑deċiżjoni kontenzjuża skont l‑Artikolu 15(3) tar‑Regolament Nru 423/2007, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l‑motivazzjoni li tinsab fid‑deċiżjoni msemmija, kif din ġiet ippubblikata u indikata lill‑appellant mill‑Commission bancaire Franċiża.

87      Il‑Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil‑punti 84 u 85 tas‑sentenza appellata, li l‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjenti fid‑dawl tal‑ġurisprudenza dwar l‑obbligu ta’ motivazzjoni. Il‑Qorti Ġenerali osservat, b’mod partikolari, li d‑deċiżjoni msemmija kienet tindika l‑bażi legali li fuq il‑bażi tagħha kienet ġiet adottata kif ukoll ir‑raġunijiet individwali u speċifiċi li kienu wasslu lill‑Kunsill sabiex jikkunsidra li l‑appellant kien jipprovdi sostenn għall‑proliferazzjoni nukleari fl‑Iran. Fid‑dawl tal‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonfermat li tali elementi kienu suffiċjenti sabiex l‑appellant ikun jista’ jifhem dak li kien qiegħed jiġi akkużat bih u jkun jista’ jevalwa l‑fondatezza tad‑deċiżjoni msemmija.

88      Madankollu, il‑kwistjoni tal‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni kontenzjuża hija distinta minn dik tal‑prova tal‑aġir li bih kien akkużat l‑appellant, jiġifieri l‑fatti msemmija f’din id‑deċiżjoni u l‑klassifikazzjoni ta’ dawn il‑fatti bħala parteċipazzjoni fi jew sostenn għall‑attivitajiet nukleari tar‑Repubblika Iżlamika tal‑Iran li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni jew għall‑aġġornament, minn dan l‑Istat, tas‑sistemi ta’ konsenja tal‑armi nukleari, fis‑sens tal‑Artikolu 7(2)(a) u (b) tar‑Regolament Nru 423/2007.

89      Kif sostnew ir‑Renju Unit u l‑Kummissjoni, il‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem invokata mill‑appellant ma hijiex rilevanti. Fil‑fatt, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Saadi vs L‑Italja kif ukoll A. et vs Ir‑Renju Unit jikkonċernaw l‑Artikolu 3 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad‑Drittijiet tal‑Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”), dwar il‑projbizzjoni assoluta tat‑tortura, tal‑pieni u tat‑trattamenti inumani u degradanti. Issa, id‑dritt ta’ proprjetà, ippreġudikat mill‑iffriżar ta’ fondi, ma jgawdix minn tali protezzjoni assoluta, la fil‑kuntest tal‑KEDB u lanqas fil‑kuntest tad‑dritt tal‑Unjoni (dwar in‑natura assoluta tal‑projbizzjoni tat‑tortura ara s‑sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 80), b’tali mod li l‑ġurisprudenza invokata ma tistax tiġi ttrasposta għal dan id‑dritt.

90      Ir‑Regolament Nru 423/2007 ma jipprevedix proċedura amministrattiva li tippreċedi d‑deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi, la fir‑rigward tad‑deċiżjoni inizjali, fid‑dawl tal‑effett ta’ sorpriża mistenni, u lanqas fir‑rigward tad‑deċiżjoni ta’ reviżjoni. Huwa biss l‑avviż f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea deskritt fil‑punt 21 ta’ din is‑sentenza li jindirizza l‑interessi tal‑persuni, tal‑entitajiet u tal‑korpi inklużi f’lista billi jawtorizzahom iressqu talba, flimkien ma’ dokumentazzjoni ta’ appoġġ, għar‑reviżjoni tad‑deċiżjoni li permezz tagħha jkunu ġew inklużi fil‑lista msemmija.

91      Fid‑dawl, fil‑kawża ineżami, tan‑nuqqas ta’ proċedura amministrattiva organizzata, il‑ġurisprudenza tal‑Unjoni invokata mill‑appellant ma hijiex rilevanti. Fil‑fatt, is‑sentenza Al‑Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, ingħatat fil‑kuntest ta’ proċedura dwar dumping li għaliha kien japplika r‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2176/84, tat‑23 ta’ Lulju 1984, dwar il‑protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji min‑naħa ta’ pajjiżi mhux membri tal‑Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 201, p. 1), u s‑sentenza Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ingħatat f’kawża dwar kompetizzjoni li għaliha kienu japplikaw ir‑Regolament tal‑Kunsill Nru 17, tas‑16 ta’ Frar 1962, l‑ewwel Regolament li jimplimenta l‑Artikoli [81] u [82] tat‑Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, 3), u r‑Regolament tal‑Kummissjoni Nru 99/63/KEE, tal‑25 ta’ Lulju 1963, dwar is‑smigħ previst fl‑Artikolu 19(1) u (2) tar‑Regolament tal‑Kunsill Nru 17 (ĠU 1963, 127, p. 2268).

92      Fi kwalunkwe każ, fil‑punt 97 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti Ġenerali fakkret li huwa biss meta ssir talba mill‑parti kkonċernata li l‑Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad‑dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il‑miżura inkwistjoni. Madankollu, l‑appellant ma jispjegax f’liema sens il‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet hekk. Barra minn hekk, mill‑konstatazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali li jinsabu fil‑punti 103 u 104 tas‑sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati mill‑appellant fl‑appell tiegħu, jirriżulta li l‑appellant ma talabx aċċess lill‑Kunsill għall‑fajl tiegħu.

93      Minn dawn il‑kunsiderazzjonijiet jirriżulta li t‑tielet aggravju prinċipali ma huwiex fondat.

 Fuq l‑ewwel aggravju sussidjarju, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 u fuq kontradizzjoni bejn il‑motivi li tivvizzja s‑sentenza appellata

94      Dan l‑aggravju jikkonċerna b’mod partikolari l‑punti 51, 52, 64 u 65 tas‑sentenza appellata, li huma fformulati kif ġej:

“51.      Fl‑aħħar lok, sa fejn [l‑appellant] isostni li l‑Artikolu 15(2) u l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 ma jistgħux jikkostitwixxu bażi legali valida għad‑deċiżjoni [kontenzjuża] peress li jippermettu lill‑Kunsill jadotta miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li jmorru lil hinn mill‑miżuri adottati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà, għandu jiġi rrilevat li fl‑Artikoli 60 KE u 301 KE ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l‑kompetenza li dawn id‑dispożizzjonijiet jikkonferixxu fuq il‑Komunità hija limitata għall‑implementazzjoni tal‑miżuri deċiżi mill‑Kunsill tas‑Sigurtà. Għaldaqstant, il‑Kunsill kellu l‑kompetenza li jadotta mhux biss l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 423/2007, li jimplementa r‑Riżoluzzjoni 1737 (2006) billi jordna l‑iffriżar tal‑fondi tal‑entitajiet li huma identifikati fiha, iżda anki l‑Artikolu 7(2) tal‑istess regolament, li jippermetti l‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fir‑rigward ta’ entitajiet oħra li, fil‑fehma tal‑Kunsill, huma impenjati fi, huma assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għall‑proliferazzjoni nukleari.

52.      F’dan il‑kuntest, huwa minnu li l‑premessa 6 tar‑Regolament Nru 423/2007 tobbliga lill‑Kunsill li jeżerċita s‑setgħa mogħtija lilu mill‑Artikolu 7(2) tal‑istess regolament ‘fid‑dawl ta’ l‑objettivi ta’ l‑UNSCR 1737 (2006)’. Madankollu, l‑obbligu li jiġu segwiti l‑għanijiet tar‑Riżoluzzjoni 1737 (2006) bl‑ebda mod ma jimplika li l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 jista’ jiġi implementat biss fir‑rigward tal‑entitajiet koperti mill‑miżuri restrittivi adottati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà bis‑saħħa tal‑istess riżoluzzjoni. In‑nuqqas ta’ miżuri meħuda mill‑Kunsill tas‑Sigurtà jew it‑teħid ta’ pożizzjoni speċifika minn dan tal‑aħħar jistgħu, l‑iktar l‑iktar, jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien ma’ elementi rilevanti oħra, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il‑kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 humiex sodisfatti jew le.

[...]

64.      Preliminarjament, mill‑punti 51 u 52 iktar ’il fuq jirriżulta li l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 jagħti lill‑Kunsill setgħa awtonoma, li l‑implementazzjoni tagħha hija indipendenti mill‑adozzjoni mill‑Kunsill tas‑Sigurtà ta’ miżuri restrittivi fil‑konfront tal‑entitajiet ikkonċernati. Fil‑fatt, is‑suġġett tal‑Artikolu 7(2) tal‑imsemmi regolament u tad‑deċiżjoni [kontenzjuża], li ġiet adottata bis‑saħħa tiegħu, ma huwiex li jimplementaw riżoluzzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà adottati fil‑qasam tal‑proliferazzjoni nukleari iżda sempliċement li jiżguraw li l‑għanijiet ta’ waħda mir‑riżoluzzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri r‑Riżoluzzjoni 1737 (2006), jintlaħqu permezz tal‑adozzjoni ta’ miżuri restrittivi awtonomi.

65.      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni [l‑appellant], la l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 u lanqas id‑deċiżjoni [kontenzjuża] ma jimplementaw ir‑Riżoluzzjoni 1803 (2008) u dan jimplika li l‑kontenut u l‑għanijiet ta’ din ir‑riżoluzzjoni tal‑aħħar ma jikkostitwixxux kriterju li fid‑dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l‑kompatibbiltà tad‑deċiżjoni [kontenzjuża] mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.”

 L‑argumenti tal‑partijiet

95      L‑appellant isostni li l‑Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tal‑Kunsill fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 meta naqset li tirrikonoxxi r‑rilevanza tar‑riżoluzzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurta għal din is‑setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, il‑Qorti Ġenerali, skont l‑appellant, wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni tal‑fatti meta ċaħdet il‑motivi bbażati fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità u tad‑dritt ta’ proprjetà, filwaqt li l‑motivazzjoni tagħha hija vvizzjata minn kontradizzjoni bejn il‑motivi.

96      Skont l‑appellant, ir‑relazzjoni bejn ir‑Regolament Nru 423/2007 u r‑riżoluzzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà ma tistax tiġi miċħuda. Ir‑regolament imsemmi huwa intiż li jimplementa dawn ir‑riżoluzzjonijiet. Issa, ir‑Riżoluzzjoni 1803 (2008) kienet talbet biss li l‑Istati jkunu “viġilanti” fir‑rigward tal‑Bank Melli Iran.

97      Barra minn hekk, skont l‑appellant, ir‑raġunament tal‑Qorti Ġenerali huwa vvizzjat minn kontradizzjoni bejn il‑motivi. Fil‑fatt, fil‑punt 52 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti Ġenerali tirrileva r‑rilevanza tar‑riżoluzzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà filwaqt li, fil‑punti 64 u 65 tas‑sentenza appellata, hija tiddeskrivi s‑setgħa tal‑Kunsill bħala awtonoma.

98      Il‑Kunsill, ir‑Repubblika Franċiża, ir‑Renju Unit u l‑Kummissjoni jinsistu fuq in‑natura awtonoma tal‑miżuri adottati mill‑Kunsill. Ir‑Repubblika Franċiża tosserva li, fir‑Riżoluzzjoni 1803 (2008), il‑Kunsill tas‑Sigurtà ħalla diskrezzjoni lill‑Istati. Fi kwalunkwe każ, il‑fatt li l‑Kunsill tas‑Sigurtà kien irrakkomanda l‑viġilanza ma jfissirx li l‑iffriżar ta’ fondi huwa miżura sproporzjonata. Il‑Kummissjoni tenfasizza li l‑Kunsill kien qiegħed isegwi l‑għan tar‑Riżoluzzjoni 1737 (2006).

99      Dawn l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet jirreferu wkoll għad‑derogi previsti fir‑Regolament Nru 423/2007, b’mod partikolari fl‑Artikolu 9 tiegħu, u jikkonkludu li ma hemmx ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

100    Għandu jitfakkar qabel kollox li r‑riżoluzzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, minn naħa, u l‑pożizzjonijiet komuni tal‑Kunsill kif ukoll ir‑regolamenti tiegħu, min‑naħa l‑oħra, jagħmlu parti minn ordinamenti ġuridiċi distinti.

101    Ir‑riżoluzzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, bħar‑Riżoluzzjonijiet 1737 (2006) u 1803 (2008), ġew adottati fil‑kuntest tal‑Organizzazzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti, li fiha la l‑Unjoni u lanqas il‑Komunità ma huma msieħba. Il‑pożizzjonijiet komuni tal‑Kunsill fil‑qasam tal‑PBSK, bħall‑Pożizzjonijiet Komuni 2007/140 u 2008/479, ġew adottati fil‑kuntest tat‑Titolu V tat‑Trattat UE, fil‑verżjoni tiegħu li tippreċedi t‑Trattat ta’ Lisbona, skont l‑Artikolu 15 ta’ dan it‑trattat. Fir‑rigward tar‑regolamenti tal‑Kunsill, bħar‑Regolament Nru 423/2007, dawn ġew adottati fil‑kuntest tat‑Trattat KE, li jikkostitwixxi l‑pilastru Komunitarju tal‑Unjoni.

102    L‑atti adottati fil‑kuntest, minn naħa, tan‑Nazzjonijiet Uniti u, min‑naħa l‑oħra, tal‑Unjoni, jiġu adottati minn korpi li għandhom setgħat awtonomi, mogħtija lilhom mill‑karti fundamentali tagħhom, jiġifieri t‑trattati li ħolquhom.

103    Fis‑sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet dwar ir‑rabtiet eżistenti bejn riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà u regolament Komunitarju. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari, fil‑punt 296 tas‑sentenza msemmija, li, fit‑tfassil ta’ miżuri Komunitarji intiżi sabiex jimplementaw riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà indirizzata minn pożizzjoni komuni, il‑Komunità għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni t‑termini u l‑għanijiet tar‑riżoluzzjoni kkonċernata.

104    Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet ukoll diversi drabi li għall‑finijiet tal‑interpetazzjoni tar‑regolament li jkun intiż li jimplementa riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t‑test u l‑għan ta’ din ir‑riżoluzzjoni (sentenzi tat‑30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, Ġabra p. I‑3953, punt 14; tas‑27 ta’ Frar 1997, Ebony Maritime u Loten Navigation, C‑177/95, Ġabra p. I‑1111, punt 20; tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf‑Niehuus, C‑117/06, Ġabra p. I‑8361, punt 54; Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 297; tad‑29 ta’ April 2010, M et, C‑340/08, Ġabra p. I‑3913, punt 45, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, Ġabra p. I‑6213, punt 72).

105    Madankollu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, bla ħsara għas‑supremazija ta’ riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà fuq livell internazzjonali, ir‑rispett li l‑istituzzjonijiet Komunitarji għandhom juru fir‑rigward tal‑istituzzjonijiet tan‑Nazzjonijiet Uniti ma setax ikollu l‑konsegwenza li l‑legalità tal‑att Komunitarju ma tiġix mistħarrġa fir‑rigward tad‑drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill‑prinċipji ġenerali tad‑dritt Komunitarju (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 288 u 326).

106    Dawn l‑elementi jissostanzjaw b’mod suffiċjenti l‑konklużjoni tal‑Qorti Ġenerali, li tinsab fil‑punt 64 tas‑sentenza appellata, li s‑setgħa mogħtija lill‑Kunsill permezz tal‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 423/2007 hija setgħa awtonoma. F’dan id‑dawl, obbligu li “jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni” t‑termini u l‑għanijiet tar‑riżoluzzjoni kkonċernata b’ebda mod ma jmur kontra l‑konstatazzjoni li l‑Kunsill jiddeċiedi b’mod awtonomu, b’osservanza tar‑regoli tal‑ordinament ġuridiku partikolari tiegħu. Għaldaqstant, għall‑kuntrarju ta’ dak li jsostni l‑appellant, il‑Qorti Ġenerali ma kkontradixxietx lilha nfisha meta rrilevat, fil‑punt 52 tas‑sentenza appellata, ir‑rilevanza tar‑riżoluzzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà filwaqt li, fil‑punti 64 u 65 tal‑istess sentenza, iddeskriviet is‑setgħa tal‑Kunsill bħala awtonoma.

107    Fil‑punt 65 tas‑sentenza appellata, il‑Qorti Ġenerali kkunsidrat li l‑kontenut u l‑għanijiet tar‑Riżoluzzjoni 1803 (2008) ma kinux jikkostitwixxu kriterju li fid‑dawl tiegħu kellha tiġi evalwata l‑kompatibbiltà tad‑deċiżjoni kontenzjuża mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità. Din l‑affermazzjoni għandha tinftiehem fid‑dawl tat‑test tar‑Riżoluzzjoni 1803 (2008), li ma tobbligax lill‑Istati jieħdu miżuri preċiżi iżda titlob li jkunu viġilanti fir‑rigward tal‑attivitajiet eżerċitati mill‑istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fit‑territorju tagħhom, b’mod partikolari mill‑Bank Melli Iran, sabiex jiġi evitat li dawn l‑attivitajiet jikkontribwixxu għal attivitajiet li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni nukleari.

108    Tali test b’ebda mod ma jipprojbixxi lill‑Istati milli jadottaw miżuri konkreti ta’ ffriżar ta’ fondi fir‑rigward tal‑Bank Melli Iran.

109    Minn dawn il‑kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l‑ewwel aggravju sussidjarju ma huwiex fondat.

 Fuq it‑tieni aggravju sussidjarju, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir‑rigward tad‑dritt ta’ proprjetà tal‑appellant

110    Dan it‑tieni aggravju jikkonċerna b’mod iktar partikolari l‑punti 70 u 71 tas‑sentenza appellata, li huma fformulati kif ġej:

“70.      Ir‑raba’ nett, fir‑rigward tal‑inkonvenjenti kkawżati [lill‑appellant] u fir‑rigward tar‑restrizzjoni imposta fuq id‑drittijiet fundamentali tiegħu, fosthom id‑dritt ta’ proprjetà u d‑dritt li jeżerċita attività ekonomika, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑imsemmija drittijiet jagħmlu parti integrali mill‑prinċipji ġenerali tad‑dritt li l‑qorti Komunitarja tiżgura r‑rispett tagħhom. B’hekk, ir‑rispett tad‑drittijiet fundamentali jikkostitwixxi kundizzjoni tal‑legalità tal‑atti Komunitarji (ara s‑sentenza Kadi [u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni], iċċitata [...] iktar ’il fuq, punt 284, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, mill‑ġurisprudenza jirriżulta wkoll li d‑drittijiet fundamentali ma humiex prerogattivi assoluti u li l‑eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet ġustifikati mill‑għanijiet ta’ interess ġenerali li l‑Komunità tkun qiegħda ssegwi. Għalhekk, kull miżura restrittiva ekonomika jew finanzjarja timplika, kif jidher mid‑definizzjoni tagħha stess, effetti li jaffettwaw id‑dritt ta’ proprjetà u l‑libertà li jiġu eżerċitati attivitajiet professjonali, u għalhekk tikkawża preġudizzju b’mod partikolari għall‑entitajiet li jeżerċitaw l‑attivitajiet li l‑miżuri restrittivi inkwistjoni jkollhom l‑intenzjoni li jwaqqfu. L‑importanza tal‑għanijiet segwiti mil‑leġiżlazzjoni kontenzjuża hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi [iċċitati iktar ’il fuq] tal‑Qorti tal‑Ġustizzja [...] Bosphorus, [...] punti 21 sa 23, u Kadi [u Al Barakaat International Foundation], [...] punti 355 u 361).

71.      F’din il‑kawża, il‑libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika kif ukoll id‑dritt ta’ proprjetà [tal‑appellant] huma limitati b’mod kunsiderevoli minħabba l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni [kontenzjuża] peress li [l‑appellant] ma jistax, b’mod partikolari, juża l‑fondi tiegħu li jinsabu fit‑territorju tal‑Komunità jew li huma miżmuma minn ċittadini Komunitarji, ħlief bis‑saħħa ta’ awtorizzazzjonijiet partikolari, u peress li l‑fergħat tiegħu, domiċiljati fl‑imsemmi territorju, ma jistgħux jikkonkludu tranżazzjonijiet ġodda mal‑klijenti tagħhom. Madankollu, fid‑dawl tal‑importanza primordjali taż‑żamma tal‑paċi u tas‑sigurtà internazzjonali, l‑inkonvenjenti kkawżati ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal‑għanijiet inkwistjoni, u dan jgħodd iktar u iktar fid‑dawl tal‑fatt li, minn naħa, dawn ir‑restrizzjonijiet jikkonċernaw biss parti mill‑assi [tal‑appellant] u, min‑naħa l‑oħra, l‑Artikoli 9 u 10 tar‑Regolament Nru 423/2007 jipprovdu għal ċerti eċċezzjonijiet li jippermettu lill‑entitajiet koperti mill‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jħallsu l‑ispejjeż essenzjali.”

 L‑argumenti tal‑partijiet

111    L‑appellant isostni li, skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem, b’mod partikolari skont is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Saadi vs L‑Italja (§ 138 u 139) kif ukoll A. et vs Ir‑Renju Unit (§ 126), il‑protezzjoni tad‑drittijiet fundamentali ggarantiti mill‑KEDB ma tistax tiġi bbilanċjata mal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu u l‑protezzjoni kontra t‑terroriżmu. L‑istess raġunament japplika, minħabba l‑istess raġunijiet, għall‑miżuri li għandhom jittieħdu għaż‑żamma tal‑paċi u tas‑sigurtà internazzjonali. Il‑ġustifikazzjoni mogħtija għall‑miżuri restrittivi meħuda, jiġifieri ż‑żamma tal‑paċi u tas‑sigurtà internazzjonali, tikkostitwixxi motivazzjoni żbaljata fir‑rigward tal‑protezzjoni tad‑drittijiet tal‑bniedem li r‑rispett tagħhom fl‑ordinament ġuridiku Komunitarju għandu jiġi żgurat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja.

112    Il‑Kunsill, ir‑Repubblika Franċiża, ir‑Renju Unit u l‑Kummissjoni jfakkru li d‑dritt ta’ proprjetà ma huwiex dritt assolut. Huma jenfasizzaw li s‑sentenza appellata hija konformi mal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bosphorus kif ukoll Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni) u mal‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem [sentenza Hava Yollari Turizm ve Ticaret Anonim Şirketi (Bosphorus Airways) vs L‑Iralnda tat‑30 ta’ Ġunju 2005, Receuil des arrêts et décisions 2005‑VI, § 155]. Huma josservaw, barra minn hekk, li l‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem iċċitata mill‑appellant ma hijiex rilevanti peress li ma tikkonċernax id‑dritt ta’ proprjetà.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

113    Mingħajr ma huwa meħtieġ li tittieħed pożizzjoni dwar il‑kwistjoni jekk l‑appellant, bħala entità kkontrollata kompletament mill‑Istat Iranjan, setax jinvoka l‑protezzjoni tad‑dritt ta’ proprjetà bħala dritt fundamentali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l‑Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil‑punt 70 tas‑sentenza appellata, li d‑drittijiet fundamentali inkwistjoni fil‑kawża ineżami ma humiex prerogattivi assoluti u li l‑eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet ġustifikati mill‑għanijiet ta’ interess ġenerali li l‑Komunità tkun qiegħda ssegwi.

114    Fil‑fatt, dan huwa l‑każ fir‑rigward tad‑dritt ta’ proprjetà u tal‑libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il‑Kummissjoni, 4/73, Ġabra p. 491, punt 14; tal‑10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, Ġabra p. I‑7411, punti 67 u 68; Swedish Match, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, kif ukoll Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 355). Għaldaqstant, kemm id‑dritt li tiġi eżerċitata liberament attività professjonali u kif ukoll l‑użu tad‑dritt ta’ proprjetà jistgħu jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet bil‑kundizzjoni li dawn ir‑restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw l‑għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u bil-kundizzjoni li ma jikkostitwixxux, fid‑dawl tal‑għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l‑essenza stess tad‑drittijiet iggarantiti (sentenza Swedish Match, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

115    F’dan id‑dawl, ir‑raġuni mogħtija mill‑Qorti Ġenerali fil‑punt 71 tas‑sentenza appellata, fejn tenfasizza l‑importanza primordjali taż‑żamma tal‑paċi u tas‑sigurtà internazzjonali, hija suffiċjenti sabiex jiġi identifikat l‑għan ta’ interess ġenerali segwit. Dan l‑argument għandu fil‑fatt jinqara fid‑dawl tad‑diversi atti li fil‑kuntest tal‑adozzjoni tagħhom taqa’ d‑deċiżjoni kontenzjuża.

116    Kif ġie indikat fil‑punt 89 ta’ din is‑sentenza, il‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem invokata mill‑appellant ma hijiex rilevanti.

117    Barra minn hekk, il‑Qorti Ġenerali enfasizzat, minn naħa, li r‑restrizzjonijiet jikkonċernaw biss parti mill‑assi tal‑appellant u, min‑naħa l‑oħra, li l‑Artikoli 9 u 10 tar‑Regolament Nru 423/2007 jipprovdu għal ċerti eċċezzjonijiet li jippermettu lill‑entitajiet koperti mill‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jħallsu l‑ispejjeż essenzjali. Tali kunsiderazzjoni tikkostitwixxi verifika impliċita iżda suffiċjenti tan‑natura proporzjonata tal‑miżuri msemmija.

118    Għaldaqstant, it‑tieni aggravju sussidjarju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it‑tielet aggravju sussidjarju, ibbażat fuq l‑iżball manifest ta’ evalwazzjoni li jirriżulta mill‑inklużjoni u miż‑żamma tal‑appellant fil‑lista li tinsab fl‑Anness V tar‑Regolament Nru 423/2007

 L‑argumenti tal‑partijiet

119    L‑appellant isemmi r‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1100/2009, tas‑17 ta’ Novembru 2009, li jimplimenta l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament (KE) 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l‑Iran u li jħassar id‑Deċiżjoni 2008/475 (ĠU L 303, p. 31). Skont l‑appellant, dan ir‑regolament jikkostitwixxi element ġdid li jippermettilu jressaq motivi ġodda. Issa, minn ittra tal‑Kunsill tat‑18 ta’ Novembru 2009 jirriżulta li dan ir‑regolament huwa bbażat kemm fuq il‑ġustifikazzonijiet li kienu inizjalment wasslu għall‑inklużjoni tal‑appellant fil‑lista li tinsab fl‑Anness V tar‑Regolament Nru 423/2007 kif ukoll fuq elementi ġodda deskritti f’ittra tal‑Kunsill tal‑1 ta’ Ottubru 2009. Sa fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tikkunsidra li, minkejja l‑preżentata ta’ rikors għall‑annullament tad‑deċiżjoni kontenzjuża, l‑appellant ma kkontestax, b’mod ċert, anki jekk b’mod impliċitu, l‑allegazzjoni tal‑Kunsill relatata mal‑parteċipazzjoni tiegħu fil‑proliferazzjoni nukleari, issa huwa possibbli għall‑appellant li jikkontesta din l‑allegazzjoni.

120    L‑appellant isostni li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal‑fatti bl‑inklużjoni u biż‑żamma tiegħu fil‑lista li tinsab fl‑Anness V tar‑Regolament Nru 423/2007 u f’dan ir‑rigward jirreferi għad‑dokumenti kollha li huwa ppreżenta sabiex jikkontesta r‑Regolament Nru 1100/2009.

121    Il‑Kunsill, ir‑Repubblika Franċiża, ir‑Renju Unit u l‑Kummissjoni jikkunsidraw li dan l‑aggravju huwa inammissibbli peress li permezz tiegħu l‑appellant qiegħed jipprova jressaq quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja tilwima iktar wiesgħa minn dik li eżaminat il‑Qorti Ġenerali.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

122    Anki jekk ir‑Regolament Nru 1100/2009 jikkostitwixxi element ġdid li jippermetti lill‑appellant iressaq motiv ġdid, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il‑motiv ikun jikkonċerna l‑mertu tat‑tilwima u mhux il‑proċedura ta’ appell. Issa, fil‑kuntest ta’ din il‑proċedura, il‑kompetenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja hija limitata għall‑evalwazzjoni tas‑soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill‑motivi diskussi quddiem il‑qorti tal‑ewwel istanza jew li l‑Qorti Ġenerali jkun missha qajmet ex officio.

123    Minn dan isegwi li dan l‑aggravju huwa inammissibbli.

124    Peress li ebda wieħed mill‑aggravji invokati mill‑appellant ma ntlaqa’, l‑appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l‑ispejjeż

125    Skont l‑Artikolu 122 tar‑Regoli tal‑Proċedura, meta l‑appell ma jkunx fondat il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l‑ispejjeż. Skont l‑Artikolu 69(2) ta’ dawn ir‑regoli, applikabbli għall‑proċeduri ta’ appell bis‑saħħa tal‑Artikolu 118 tal‑istess regoli, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l‑appellant tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall‑ispejjeż, kif mitlub mill‑Kunsill, mir‑Repubblika Franċiża, mir‑Renju Unit u mill‑Kummissjoni.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L‑appell huwa miċħud.

2)      Il‑Bank Melli Iran huwa kkundannat għall‑ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Franċiż.

Top