Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0545

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-2 ta' Frar 2012.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
    Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-iskejjel Ewropej - Interpretazzjoni u applikazzjoni tal-Artikoli 12(4)(a) u 25(1) - Dritt tal-għalliema kkollokati li jkollhom aċċess għall-istess progressjoni fil-karriera u għall-istess żieda fis-salarju bħall-kollegi nazzjonali - Esklużjoni ta’ ċerti għalliema kkollokati mir-Renju Unit mal-iskejjel Ewropej mill-aċċess għall-iskali ta’ salarji iktar vantaġġużi u għal pagamenti addizzjonali mogħtija lill-kollegi nazzjonali - Inkompatibbiltà mal-Artikoli 12(4)(a) u 25(1).
    Kawża C-545/09.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:52

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    2 ta’ Frar 2012 ( *1 )

    “Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-iskejjel Ewropej — Interpretazzjoni u applikazzjoni tal-Artikoli 12(4)(a) u 25(1) — Dritt tal-għalliema kkollokati li jkollhom aċċess għall-istess avvanz fil-karriera u għall-istess progressjoni salarjali bħall-kollegi nazzjonali — Esklużjoni ta’ ċerti għalliema kkollokati mir-Renju Unit mal-iskejjel Ewropej mill-aċċess għall-iskali ta’ salarji iktar vantaġġużi u għal pagamenti addizzjonali mogħtija lill-kollegi nazzjonali — Inkompatibbiltà mal-Artikoli 12(4)(a) u 25(1)”

    Fil-Kawża C-545/09,

    li għandha bħala suġġett rikors skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-iskejjel Ewropej, ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2009,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u B. Eggers, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn H. Walker, bħala aġent, u J. Coppel, barrister,

    konvenut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2011,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-iskejjel Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 16, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni” ) għandu jiġi interpretat u applikat b’mod li jiżgura li l-għalliema kkollokati minn Stat Membru jkollhom aċċess, waqt il-kollokament tagħhom, għall-istess avvanz fil-karriera u l-istess progressjoni salarjali bħall-għalliema affettwati fit-territorju ta’ dan l-istat Membru, u li l-esklużjoni ta’ ċerti għalliema kkollokati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, waqt il-kollokament tagħhom, mill-aċċess għal skali tas-salarji iktar vantaġġużi (b’mod partikolari dawk magħrufa bħala “threshold pay”, “excellent teacher system” jew “advanced skills teachers”) u għal pagamenti oħra addizzjonali (bħat-“teaching and learning responsibility payments”) kif ukoll mill-avvanz fl-iskali tas-salarji eżistenti kif jibbenefikaw l-għalliema impjegati fl-iskejjel pubbliċi Ingliżi u ta’ Wales huwa inkompatibbli mal-Artikoli 12(4)(a) u 25(1) tal-Konvenzjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Konvenzjoni u r-Regolamenti tal-persunal ikkollokat

    2

    Il-ħolqien ta’ skejjel Ewropej oriġinarjament kien ibbażat fuq żewġ strumenti, jiġifieri, minn naħa, l-Istatut tal-Iskola Ewropea, iffirmat fil-Lussemburgu fit-12 ta’ April 1957 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 443, p. 129) u, min-naħa l-oħra, il-Protokoll dwar it-Twaqqif tal-Iskejjel Ewropej b’riferiment għall-Istatut tal-Iskola Ewropea, iffirmat fil-Lussemburgu fit-13 ta’ April 1962 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 752, p. 267).

    3

    Dawn l-istrumenti ġew issostitwiti bil-Konvenzjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2002 u tikkostitwixxi l-istrument attwalment applikabbli. Bil-kontra tal-istrumenti oriġinali, li kienu partijiet tagħhom l-Istati Membri biss, il-Konvenzjoni kienet ukoll konkluża mill-Komunitajiet Ewropej, li ġew awtorizzati jagħmlu hekk mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/557/KE, tas-17 ta’ Ġunju 1994, li tawtorizza lill-Komunità Ewropea u lill-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika sabiex tiffirma u tikkonkludi l-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 14).

    4

    It-tielet premessa tal-Konvenzjoni tistabbilixxi:

    “waqt li kunsidraw li s-sistema ta’ l-Iskejjel Ewropej hija ‘sui generis’; waqt li kunsidraw li tikkostitwixxi forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejniethom u l-Komunitajiet Ewropej filwaqt li jirrikonoxxu bis-sħiħ ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva tagħhom, u għad-diversitá kulturali u lingwistika tagħhom”.

    5

    L-Artikolu 3(2) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi:

    “Għandha tingħata istruzzjoni minn għalliema sekondati jew assenjati mill-Istati Membri skont id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord ta’ Gvernaturi taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12(4).”

    6

    L-Artikolu 12(4)(a) tal-imsemmija konvenzjoni, li tagħmel parti mit-tieni titolu, intitolat “Organi ta’ l-iskejjel”, jipprovdi:

    “Fi ħwejjeġ amministrattivi, il-Bord tal-Gvernaturi għandu:

    [...]

    (4)

    (a)

    jistabbilixxi kull sena, fuq proposta mill-Bordijiet ta’ l-Ispetturi, l-ħtiġijiet tal-persunal tal-għalliema billi joħloq jew jelimina karigi. Għandu jiżgura allokazzjoni ġusta ta’ karigi fost l-Istati Membri. Għandu jiftiehem mal-Gvernijiet fuq kwistjonijiet dwar n-nomini jew l-issekondar tal-għalliema ta’ l-iskola sekondarja, għalliema fl-iskola primarja u kunsillieri ta’ l-Iskola. Il-persunal għandu jżomm id-drittijiet ta’ promozzjoni u rtirar garantiti mir-regoli nazzjonali tagħhom”.

    7

    L-Artikolu 25 ta’ din l-istess konvenzjoni jaqra kif ġej:

    “Il-budget ta’ l-Iskejjel għandu jkun finanzjat minn:

    1.

    kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri permezz ta’ ħlas kontinwu għal rimunerazzjoni għall-persunal tal-għalliema sekondat jew nominat u, fejn xieraq, kontribuzzjoni finanzjarja deċiża mill-Bord tal-Gvernaturi li jaġixxu unanimament.”

    2)

    il-kontribuzzjoni mill-Komunitajiet Ewropej, li huma maħsuba biex ikopru d-differenza bejn l-ammont totali ta’ l-ispiża mill-Iskejjel u t-total ta’ dħul ieħor;

    3)

    kontribuzzjonijiet minn organizzazzjonijiet mhux mill-Komunitá li magħhom il-Bord tal-Gvernaturi jkun ikkonkluda Ftehim;

    4)

    l-introjtu proprju ta’ l-Iskola, notevolment il-miżati ta’ l-iskola mitluba mill-Bord tal-Gvernaturi u mħallsa mill-ġenituri;

    5)

    introjtu mixxellanju.

    L-arranġamenti biex tkun disponibbli l-kontribuzzjoni mill-Komunitajiet Ewropej għandhom jitniżżlu fi ftehim speċjali bejn il-Bord tal-Gvernaturi u l-Kummissjoni.”

    8

    Skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni tal-Iskejjel Ewropej, il-“Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni esklużiva f’tilwim bejn il-Partijiet Kontraenti rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni li ma jkunx ġie solvut mill-Bord tal-Gvernaturi”.

    9

    Abbażi tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija konvenzjoni, il-Bord tal-Gvernaturi adotta r-regolamenti tal-persunal ikkollokat mal-iskejjel Ewropej (iktar ’il quddiem: “ir-regolamenti tal-persunal ikkollokat”), li għandhom b’mod partikolari dispożizzjonijiet fuq ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema tal-iskejjel Ewropej.

    10

    L-Artikolu 10(1) tar-regolamenti tal-persunal ikkollokat jirrikjedi li l-għalliema kkollokati jkollhom il-kwalifiki u jissodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji għal pożizzjonijiet ekwivalenti fil-pajjiż tagħhom ta’ oriġini. Il-Kapitolu III ta’ dawn ir-regolamenti, intitolat “Evalwazzjoni”, għandu Artikolu 30 li jipprevedi, fl-ewwel subartikolu tiegħu, li “[i]l-kompetenza, l-effikaċja u l-aġir fis-servizz, ikunu s-suġġett għal kull membru tal-persunal li jgħallem u ta’ sorveljanza kif ukoll għall-assitenti tad-diretturi ta’ rapport ta’ evalwazzjoni redatt kemm mid-Direttur kif ukoll mill-ispettur nazzjonali bil-modi preskritti fir-regolament ta’ applikazzjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, ir-rapport tal-ispettur nazzjonali huwa predominanti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11

    Skont l-Artikolu 49 tal-imsemmija regolamenti, l-għalliema kkollokati jirċievu, minn naħa, is-salarji nazzjonali mħallsa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, id-differenza bejn ir-remunerazzjoni prevista minn dawn ir-regolamenti u l-valur tal-kambju tas-salarji nazzjonali mnaqqsa bil-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali, li jitħallsu mill-Iskola Ewropea (iktar ’il quddiem is-“suppliment Ewropew”) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    12

    Skont l-Artikolu 72(1) tar-regolamenti kkollokat, il-membru tal-persunal li jieqaf definittivament mid-dmirijiet tiegħu huwa ntitolat, meta jitlaq u sakemm dan it-tmiem ma jkunx riżultat ta’ miżura dixxiplinarja, għall-ħlas ta’ allowance ta’ tmiem l-impjieg proporzjonali għat-tul ta’ servizz effettivament imwettaq, sa massimu ta’ disa’ snin. Dan il-kumpens huwa kkalkolat, skont l-Artikolu 72(2), fuq il-bażi tad-differenza bejn l-ammont tas-salarju bażiku Ewropew ta’ xahar u nofs, skont il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni stabbilit għall-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u xahar u nofs tal-aħħar salarju bażiku nazzjonali għal kull sena ta’ servizz.

    13

    Għall-kuntrarju, ir-regolamenti ma jistabbilixxux skema ta’ irtirar għal-għalliema kkollokati, li jkomplu jikkontribwixxu għall-iskemi nazzjonali tagħhom matul il-kollokament tagħhom.

    Is-sistema applikabbli għall-għalliema impjegati fl-Ingilterra u Wales

    14

    Fir-Renju Unit, it-tagħlim jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet deċentralizzati li huma maqsuma fi tlett żoni separati, jiġifieri l-Ingilterra u Wales, li flimkien jiffurmaw żona waħda, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja. Il-kundizzjonijiet ta’ xogħol f’kull waħda minn dawn iż-żoni huma differenti.

    15

    Għal dak li jirrigwarda ż-żona ffurmata mill-Ingilterra u Wales, l-unika waħda li tiffigura f’din il-kawża, il-maġġoranza tal-għalliema huma impjegati minn waħda mill-iskejjel issussidjati (“maintained schools”). Ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn l-għalliema huma ddeterminati minn ordni tal-Ministru kompetenti, jiġifieri d-dokument dwar l-istatus u r-remunerazzjoni tal-għalliema tal-iskejjel (“School Teachers Pay and Conditions Document”, iktar ’il quddiem is-“STPCD”), li jorbot fuq kull kuntratt ta’ xogħol konkluż minn skola ssussidjata.

    16

    Numru ta’ għalliema huma impjegati mhux minn skola ssussidjata, imma minn skejjel ta’ tip ieħor, bħal pereżempju l-iskejjel pubbliċi indipendenti u dawk li jilqgħu studenti b’kapaċitajiet differenti ssussidjati minn sponsors (“academies”), l-iskejjel privati, l-iskola Ewropea ta’ Culham jew l-iskejjel immexxija minn gvernijiet barranin. Għal dawn l-iskejjel, il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti mis-STPCD għandhom natura mhux obbligatorja.

    17

    Fil-verżjoni tiegħu tal-2009, is-STPCD jipprovdi l-iskali ta’ remunerazzjoni li jinkludu l-elementi prinċipali li ġejjin.

    18

    L-għalliema jgawdu minn skala ta’ salarji bażika maqsuma fuq sitt skali. Il-kriterju prinċipali biex wieħed jitla’ dawn l-iskali huwa l-livell ta’ esperjenza kkalkolat fuq is-snin ta’ servizz imwettqa. B’hekk, apparti mill-każijiet eċċezzjonali ta’ riżultati mhux sodisfaċenti, l-avvanz fuq din l-iskala hija waħda awtomatika.

    19

    Fl-2000, żieda ġenerali fis-salarju ta’ 3 % ġiet applikata fl-Ingilterra u f’Wales. Fl-istess żmien kien hemm progressjoni salarjali ta’ 7 % abbażi ta’ skema ġdida msejħa “threshold pay”, li l-għalliema kellhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet sabiex jistgħu jibbenefikaw minnha.

    20

    Skont din l-iskema, l-għalliema Ingliżi u Welsh setgħu, ladarba jkunu waslu fl-aħħar skala ta’ salarju bażiku, japplikaw sabiex jaqbżu l-limitu u jaċċedu għal skala ta’ salarju ogħla (“post-threshold pay scale”), maqsuma fi tliet skali (U1 sa U3). L-għalliema li jkunu jixtiequ jitfgħu din l-applikazzjoni huma meħtieġa jissodisfaw ċerti standards professjonali, jipprovdu provi tal-kwalifiki tagħhom u jitolbu evalwazzjoni tal-ħiliet tagħhom, li ssir mill-kapijiet tal-iskejjel. L-istandards professjonali li għandhom jiġu sodisfatti jinsabu f’dokument imsejjaħ “Standards professjonali għall-għalliema” (“Professionnel Standards for Teachers”). Ladarba għalliem jaċċedi għal skala ogħla (“post-threshold teacher”), il-progress tiegħu ma jkunx wieħed awtomatiku, iżda jiddependi fuq ir-riżultati ta’ intervisti annwali ta’ evalwazzjoni.

    21

    Is-STPCD jipprovdi, barra minn hekk, il-possibbiltà għall-iskejjel issussidjati li joħolqu postijiet għal “għalliema eċċellenti” (“excellent teachers”) u għal għalliema li għandhom kapaċitajiet avvanzati (“advanced skills teachers”), li għalihom japplikaw skali ta’ salarji differenti, kif ukoll għal pożizzjonijiet li jagħtu dritt għal allowances għal responsabbiltà ta’ tagħlim u taħriġ edukattiv (“teaching and learning responsibility payments”). Għalliem ma jistax jokkupa iktar minn waħda minn dawn il-pożizzjonijiet fl-istess ħin.

    22

    L-għalliema li jkunu jixtiequ jidħlu fl-“excellent teacher scheme” għandhom ikunu kklassifikati għal mill-inqas sentejn fl-aħħar tliet skali tal-“post-threshold pay scale” u għandhom jagħtu prova ta’ ħiliet vokazzjonali speċifiċi, stabbiliti fil-“Professional Standards for Teachers”. Madankollu huma ma jkunux jistgħu jitolbu evalwazzjoni f’dan ir-rigward, li ssir minn evalwaturi esterni, ħlief fil-każ ta’ pożizzjoni ta’ “excellent teachers” vakanti fl-iskola tagħhom stess. Minbarra d-dmirijiet normali tagħhom fil-klassi, l-“excellent teachers” għandhom jgħinu lil għalliema oħra sabiex itejbu l-effettività tagħhom u l-kwalità tat-tagħlim tagħhom fl-iskola.

    23

    Sabiex ikunu eliġibbli għal kariga ta’ “advanced skills teachers”, il-kandidati mhux neċessarjament ikunu diġà aċċedew għall-“post-threshold pay scale” iżda madankollu għandhom jissodisfaw il-“post-threshold teacher standards” u b’mod iktar partikolari l-istandards professjonali speċifikament għall-“advanced skills teachers”, kif iddefiniti mill-“Professional Standards for Teachers”. L-evalwazzjonijiet f’dan ir-rigward jitwettqu minn evalwaturi esterni. Dawn il-pożizzjonijiet huma marbuta b’responsabbiltajiet addizzjonali, li jsiru għall-benefiċċju ta’ għalliema minn skejjel oħra.

    24

    Fl-aħħar nett, it-“teaching and learning responsibility payments” huma miftuħa għall-għalliema kollha li jaħdmu b’mod normali fil-klassijiet, mingħajr ma dawn l-għalliema jkunu meħtieġa li jaċċedu għall-“post-threshold pay scale”. Dawn l-allowances huma mogħtija lill-għalliema li għandhom “responsabbiltà addizzjonali għal tul ta’ żmien fil-kuntest tal-istruttura tal-persunal” tal-iskola. Dawn huma maħsuba sabiex jikkumpensaw b’mod partikolari l-għajnuna lill-istudenti barra mill-klassi jew ir-rwol promotur fl-iżvilupp tas-suġġetti jew tal-programm.

    Is-sistema applikabbli għall-għalliema assenjati jew ikkollokati mill-Ingilterra u Wales mal-iskejjel Ewropej

    25

    Il-pożizzjonijiet fir-Renju Unit fl-iskejjel Ewropej huma miftuħa għall-għalliema kollha suffiċjentement ikkwalifikati, irrispettivament minn jekk, fil-mument li ġew assenjati jew ikkollokati, humiex impjegati minn skola ssussidjata, privata jew li tinsab barra t-territorju nazzjonali, jew minn kwalunkwe skola.

    26

    L-għalliema kkollokati mir-Renju Unit mal-iskejjel Ewropej ma jżommux ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom ma’ min kien jimpjegahom qabel, imma jiffirmaw, għall-finijiet tal-assenjazzjoni, kuntratt ġdid ta’ xogħol mad-“Department for Children, Schools and Families” (Ministeru tat-Tfal, tal-Iskejjel u tal-Familja, iktar ’il quddiem il-“Ministeru tal-Edukazzjoni”).

    27

    Dan il-kuntratt ta’ xogħol jipprovdi, għall-għalliema Ingliżi u Welsh, li s-STPCD ma japplikax għall-għalliema tal-iskejjel Ewropej. Madankollu dan jipprovdi li s-salarji nazzjonali mħallsa kull xahar lill-għalliema assenjati jiġu ffissati skont l-iskala ta’ salarju bażiku prevista mis-STPCD u li għandhom jitħallsu ż-żidiet annwali tas-salarji nnegozjati fuq il-livell nazzjonali, applikabbli skont is-STPCD. Huwa pprovdut li ebda żieda oħra tas-salarju nazzjonali ma għandha titħallas u li ebda għalliem ikkollokat ma jista’, matul iż-żmien li fih huwa jkun assenjat mal-iskejjel Ewropej, jitlob li jibbenefika minn skala ta’ salarju ogħla, minn allowance addizzjonali jew minn status addizzjonali msemmija mis-STPCD. Fl-aħħar nett, dan il-kuntratt ta’ xogħol jispeċifika li s-servizz fi skola Ewropea jagħti d-dritt għal pensjoni skont l-iskema ta’ rtirar tal-għalliema Ingliżi u Welsh u li l-kontribuzzjonijiet għal din l-iskema għandhom ikunu bbażati fuq is-salarju nazzjonali biss.

    Il-konsultazzjonijiet prekontenzjużi

    28

    Minħabba numru kbir ta’ lmenti mill-għalliema kkonċernati u wara mistoqsijiet parlamentari, il-Kummissjoni ripetutament sa mill-2000 kitbet lill-Ministri tal-Edukazzjoni suċċessivi tar-Renju Unit, fejn invokat l-inkompatibbiltà mal-Konvenzjoni tad-deċiżjoni li l-għalliema Britanniċi kkollokati mal-iskejjel Ewropej ma jingħatawx l-aċċess għall-iskala ta’ salarju ogħla. L-ewwel korrispondenza ta’ ittri matul is-snin 2000 u 2001 kif ukoll it-tieni korrispondenza fl-2007 ma wasslux sabiex din id-differenza tiġi solvuta. Il-Kummissjoni għalhekk talbet li l-kwistjoni tiġi eżaminata waqt il-laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi tal-20 sat-22 ta’ Ottubru 2008. Fl-20 ta’ Novembru 2008, saret vidjokonferenza bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, li madankollu ma wasslitx għal soluzzjoni tal-kwistjoni. Fit-13 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni bagħtet lill-Bord tal-Gvernaturi l-aħħar talba maħsuba sabiex issolvi l-kwistjoni, filwaqt li ddikjarat li jekk ma jinkiseb ebda riżultat, hija kienet ser tkun kostretta tressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    29

    Il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 12(4)(a) u 5(1) tal-Konvenzjoni ġiet eżaminata matul il-laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi tal-20 u l-21 ta’ Jannar 2009. Sussegwentement għal din il-laqgħa, il-Bord tal-Gvernaturi kkonkluda li “huwa ma rnexxilux isolvi din il-kwistjoni u ħa konjizzjoni tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta rikors għal interpretazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għall-applikazzjoni fil-konfront tar-Renju Unit ibbażata fuq l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni marbut mal-Artikoli 10 KE u 39 tat-Trattat”.

    30

    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

    Fuq ir-rikors

    31

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti li tiddeċiedi, skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni, minn naħa, fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) ta’ din il-konvenzjoni, u, min-naħa l-oħra, dwar jekk ir-Renju Unit, speċifikament rigward l-għalliema kkollokati mill-Ingilterra u Wales mal-iskejjel Ewropej, applikatx b’mod korrett din id-dispożizzjoni u b’hekk ikkonformatx mal-obbligi li jirriżultaw minnha kif ukoll mal-Artikolu 25(1) tal-istess konvenzjoni.

    Fuq l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a)tal-Konvenzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    32

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-għalliema kkollokati jżommu d-drittijiet għall-promozzjoni u għall-irtirar iggarantit mir-regoli nazzjonali tagħhom. Din il-konvenzjoni tagħti, minħabba dan il-fatt u f’dan ir-rigward, dritt lill-għalliema kkollokati.

    33

    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-formulazzjoni ċara u inkundizzjonata ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-kuntest u l-għan tagħha li hija li jiġi żgurat li l-għalliema ma jkunux penalizzati minħabba l-kollokament tagħhom.

    34

    Il-Kummissjoni barra minn hekk issostni li t-terminu “promozzjoni” għandu jirċievi interpretazzjoni awtonoma u huwa intiż sabiex ikopri d-diversi sistemi nazzjonali ta’ remunerazzjoni applikabbli għall-għalliema f’każ ta’ kollokament. B’hekk, il-portata wiesgħa ta’ dan it-terminu hija kkonfermata mill-analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti.

    35

    Għall-kuntrarju, ir-Renju Unit jikkunsidra li l-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni huwa indirizzat lill-Bord tal-Gvernaturi mingħajr ma jimponi ebda obbligi fuq l-Istati Membri.

    36

    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, minn naħa, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din tal-aħħar tagħmel parti mit-tieni titolu tal-Konvenzjoni, intitlolat “Organi ta’ l-iskejjel”, li l-ebda dispożizzjoni tagħha ma timponi obbligi fuq l-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, mir-riferiment li sar fl-Artikolu 3(2) tal-Konvenzjoni għall-Artikolu 12 tagħha.

    37

    Skont ir-Renju Unit, l-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni għandu l-effett li jimponi fuq il-Bord tal-Gvernaturi, meta jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, l-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-promozzjoni u l-irtirar. Fil-fatt, kien ikun jagħmel verament ftit sens li jiġi kkunsidrat li l-Konvenzjoni timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li josservaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

    38

    Barra minn hekk, ikun kuntrarju għall-Artikolu 165(1) TFUE, li tinżamm l-awtonomija tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tagħhom, li l-Konvenzjoni timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li l-għalliema kkollokati jew assenjati mal-iskejjel Ewropej jingħataw drittijiet li għalihom dawn tal-aħħar ma jkunux intitolati taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    39

    Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li, fis-sens tiegħu komunement aċċettat fir-Renju Unit, it-terminu “promozzjoni” ifisser biss l-avvanz ta’ għalliem għal pożizzjoni ogħla u li għandu iktar responsabbiltajiet fi ħdan l-istruttra tal-iskola, bħall-pożizzjoni ta’ kap ta’ skola jew ta’ assistent kap ta’ skola (“head teacher” jew “deputy head teacher”). Rigward it-termini “dritt għall-promozzjoni ggarantit mir-regoli nazzjonali”, ir-Renju Unit jiddefendi, essenzjalment, l-argument li din l-espressjoni għandha tiġi interpretata litteralment u restrittivament. B’hekk, promozzjoni li ma tingħatax awtomatikament minħabba l-anzjanità, iżda għandha tintalab mill-għalliem, li tingħatalu biss jekk jissodisfa ċerti numru ta’ kriterji, ma tikkostitwixxix dritt garantit mill-istatut nazzjonali.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    40

    Id-differenza bejn il-Kummissjoni u r-Renju Unit dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata għall-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni hija, essenzjalment, fuq żewġ kwistjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, jekk din id-dispożizzjoni timponix obbligu fuq l-Istati Membri partijiet għal din il-konvenzjoni u, min-naħa l-oħra, liema portata għandha tingħata lit-termini “drittijiet ta’ promozzjoni garantiti” mir-regoli nazzjonali.

    41

    Fir-rigward l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kwistjonijiet, għandu, qabel kollox, jitfakkar li l-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni jipprovdi li, fi kwistjonijiet amministrattivi, il-Bord tal-Gvernaturi jistabbilixxi, kull sena, fuq proposta mill-Bordijiet tal-Ispetturi, il-ħtiġijiet tal-persunal tal-għalliema billi joħloq jew jelimina karigi. Huwa għandu jiżgura allokazzjoni ġusta ta’ karigi fost l-Istati Membri. Huwa jiftiehem mal-Gvernijiet fuq, kwistjonijiet dwar l-assenjazzjoni jew il-kollokament tal-għalliema tal-iskola sekondarja, tal-għalliema fl-iskola primarja, u tal-kunsilliera tal-iskola. Dawn iżommu d-drittijiet għall-promozzjoni u għall-irtirar garantiti mir-regoli nazzjonali tagħhom.

    42

    Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, filwaqt li l-ewwel tliet sentenzi tagħha jitfgħu r-responsabbiltajiet fuq il-Bord tal-Gvernaturi, li għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu implementati b’kollaborazzjoni mal-gvernijiet, l-aħħar sentenza tagħha hija fformulata b’mod newtrali, billi tikkonstata d-dritt tal-għalliema li jżommu d-drittijiet għall-promozzjoni u għall-irtirar garantiti mir-regoli nazzjonali tagħhom, mingħajr ma tispeċifika min għandu jiżgura li dawn id-drittijiet jinżammu.

    43

    Issa, huwa evidenti li l-imsemmija drittijiet ma jistgħux jinżammu jekk l-Istati Membri partijiet għal din il-konvenzjoni kienu ħielsa li jiżviluppaw ir-regoli nazzjonali tagħhom u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-assenjazzjoni jew il-kollokament tal-għalliema tagħhom għal skola Ewropea b’mod li jċaħħduhom, matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni jew ta’ kollokament, minn dawn id-drittijiet.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-drittijiet għall-promozzjoni u għall-irtirar tal-għalliema assenjati jew ikkollokati lill-iskejjel Ewropej ma humiex kompletament regolati mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi u, konsegwentement, huwa impossibbli li l-Bord tal-Gvernaturi jiżgura li dawn id-drittijiet jinżammu meta l-imsemmija leġiżlazzjonijiet ma jippermettux tali żamma. Barra minn hekk, għalkemm il-Bord tal-Gvernaturi huwa ċertament marbut b’dawn il-leġiżlazzjonijiet, il-fatt jibqa’ li, minn naħa, l-applikazzjoni ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet lill-imsemmija għalliema ma jeħtieġ l-ebda intervent min-naħa ta’ dan il-Bord, u, min-naħa l-oħra, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li l-imsemmi bord jista’, fid-dawl tas-setgħat limitati tiegħu u stabbiliti b’mod strett mill-Konvenzjoni, jippreġudika d-drittijiet għall-promozzjoni u għall-irtirar mogħtija lil dawn l-għalliema permezz tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom.

    45

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni proposta mir-Renju Unit, li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni hija maħsuba esklużivament għall-Bord tal-Gvernaturi sabiex huwa jkun obbligat josserva l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-promozzjoni u l-irtirar, iċaħħad din id-dispożizzjoni minn kwalunkwe effettività.

    46

    Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li timponi ukoll fuq l-Istati Membri li huma partijiet għall-Konvenzjoni l-obbligu li jiġi żgurat li l-għalliema jżommu, matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni jew ta’ kollokament tagħhom mal-iskejjel Ewropej, id-drittijiet għall-promozzjoni u għall-irtirar garantiti mir-regoli nazzjonali tagħhom.

    47

    Din il-konstatazzjoni ma hija invalidata la mill-fatt li l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni jagħmel parti mit-tieni titolu, intitolat “Organi ta’ l-iskejjel” u jelenka r-responsabbiltajiet tal-Bord tal-Gvernaturi fi kwistjonijiet amministrattivi, u lanqas mir-riferiment għall-Artikolu 3(2) tal-Konvenzjoni fl-Artikolu 12.

    48

    Fil-fatt, għalkemm huwa paċifiku li l-Artikolu 12 jiddikjara, prinċipalment, ir-responsabbiltajiet imposti fuq il-Bord tal-Gvernaturi, għandu madankollu jiġi rrilevat li dan l-artikolu jirreferi wkoll, fis-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-paragrafu 4(a) tiegħu “il-Gvernijiet” u li l-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, kif ġie ikkonstatat fil-punt 47 tas-sentenza ta’ din il-kawża, ma hijiex ifformulata bħala responsabbiltà tal-Bord tal-Gvernaturi iżda bħala dritt mingħajr kundizzjoni tal-għalliema assenjati kew kollokati lill-iskejjel Ewropej.

    49

    Barra minn hekk, il-pożizzjoni tas-sentenza tal-aħħar dispożizzjoni msemmija hija dovuta għal raġunijiet storiċi u għar-rabta intrinsika li teżisti bejn l-għan ta’ din l-aħħar sentenza u dik tas-sentenza preċedenti. Għaldaqstant, fl-Istatut tal-iskejjel Ewropej, imsemmi fil-punt 2 tas-sentenza ta’ din il-kawża, fil-verżjoni tiegħu tat-12 ta’ April 1957, dawn is-sentenzi ta’ din id-dispożizzjoni kienu magħquda u l-Artikolu 12(3) ta’ dan l-Istatut għaldaqstant jipprovdi li l-Bord tal-Gvernaturi jirregola “mal-gvernijiet, kwistjonijiet relatati mal-assenjazzjoni jew il-kollokament ta’ għalliema tal-iskola sekondarja, għalliema fl-iskola primarja, u kunsilliera tal-iskola b’tali mod li huma jżommu d-drittijiet statutorji nazzjonali garantiti għall-promozzjoni u għall-irtirar u jibbenefikaw minn vantaġġi mogħtija lill-uffiċjali tal-kategorija tagħhom barra mill-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Mill-verżjoni preċedenti tal-Istatut jirriżulta b’mod ċar li l-Bord tal-Gvernaturi u l-Gvernijiet għandhom flimkien jiżguraw li jirregolaw il-kwistjonijiet relatati mal-kollokament u mal-assenjazzjoni, sabiex ikun żgurat li l-għalliema ma jkunux żvantaġġjati minħabba l-kollokament tagħhom jew l-assenjazzjoni tagħhom ma’ skola Ewropea. Għalkemm il-Konvenzjoni, fil-verżjoni attwali tagħha, iktar issaħħaħ il-protezzjoni tal-għalliema billi tagħtihom dritt espliċitu u mingħajr kundizzjonijiet, hija bl-ebda mod ma għandha l-intenzjoni li teħles lill-gvernijiet mill-obbligu tagħhom f’dan ir-rigward.

    50

    Kuntrarjament għal dak li jidher li jissuġġerixxi r-Renju Unit, dan l-obbligu ma huwiex, barra minn hekk, nieqes minn għan minħabba l-fatt li l-Istati Membri għandhom josservaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess. Mill-punti preċedenti jsegwi, fil-fatt, li r-responsabbiltà tal-Istati Membri partijiet għall-Konvenzjoni sabiex jinkiseb l-għan imsemmi fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni tinkludi mhux biss l-obbligu li josservaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-promozzjoni u tal-irtirar, iżda wkoll li jiġi żgurat li din il-leġiżlazzjoni tiġi magħmula b’tali mod li ma teskludix l-għalliema assenjati jew ikkollokati mal-iskejjel Ewropej.

    51

    Obbligu bħal dan ma huwiex, barra minn hekk, inkompatibbli mal-Artikolu 165 TFUE. Minn naħa, il-limitazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni prevista f’dan l-artikolu ma tikkonċernax biss il-Konvenzjoni peress li din ma hijiex att sekondarju adottat mill-organi tal-Unjoni, iżda strument ta’ dritt internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej. Min-naħa l-oħra, u sa fejn it-tielet premessa tal-Konvenzjoni tipprovdi wkoll li din is-sistema ta’ kooperazzjoni sui generis bejn l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropea tirrispetta r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi edukattivi tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li din ir-responsabbiltà ma hija bl-ebda mod affettwata mill-obbligu tal-Istati Membri li ma jippenalizzawx, fir-rigward tad-drittijiet għall-promozzjoni u għall-irtirar, l-għalliema assenjati jew ikkollokati mal-iskejjel Ewropej.

    52

    Rigward it-tieni kwistjoni ta’ interpretazzjoni, li fuqha l-partijiet ma jaqblux u li tittratta l-portata tat-termini “drittijiet ta’ promozzjoni […] garantiti” mir-regoli nazzjonali, li jinsabu fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)a) tal-Konvenzjoni, għandu jiġi rrilevat li din il-portata, u għaldaqstant il-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni lill-għalliema assenjati jew kollokati mal-iskejjel Ewropej, ma tistax tvarja skont il-post ta’ oriġini tagħhom u li l-imsemmija termini jirrikjedu, konsegwentement, interpretazzjoni awtonoma.

    53

    Tali interpretazzjoni għandha b’mod partikolari tippermetti li jintlaħaq effettivament l-għan intiż minn din id-dispożizzjoni u għalhekk tiżgura li l-għalliema ma jbatux, minħabba l-assenjazzjoni jew il-kollokament tagħhom fi skola Ewropea, żvantaġġi fil-qasam tal-promozzjoni u tal-irtirar.

    54

    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tat-terminu “promozzjoni”, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dan il-għan, dan it-terminu ma jistax jingħata l-interpretazzjoni restrittiva proposta mir-Renju Unit. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan it-terminu ma huwiex intiż għall-adeżjoni ta’ għalliem għal pożizzjonijiet ta’ grad ogħla fil-ġerarkija ta’ skola u li huma b’iktar responsabbiltajiet, bħal dik ta’ kap ta’ skola, iżda wkoll għal kull avvanz fil-karriera. B’hekk huwa jinkludi wkoll l-aċċess għal gradi fi ħdan l-istess karriera, li jinvolvi l-applikazzjoni ta’ remunerazzjoni iktar vantaġġuża, mingħajr ma jimplika r-rikonoxximent ta’ titolu differenti jew ta’ responsabbiltajiet addizzjonali.

    55

    Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li jidher li jissuġġerixxi r-Renju Unit, ma jistax jiġi dedott mit-termini “drittijiet ta’ promozzjoni […] garantiti” mir-regoli nazzjonali li, fil-prinċipju, dawn huma intiżi biss għal sitwazzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi promozzjoni awtomatika marbuta mal-anzjanità. Kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punti 53 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni u mill-għan tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha l-intenzjoni li żżommm, għall-benefiċċju tal-għalliema assenjati jew ikkollokati mal-iskejjel Ewropej, id-drittijiet kollha relatati mal-avvanz fil-karriera, kif previsti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi, irrispettivament mill-forma li għandhom dawn id-drittijiet. B’hekk, skont il-kontenut tad-drittijiet rikonoxxuti minn dawn il-leġiżlazzjonijiet, dawn id-drittijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ dritt awtomatiku għall-promozzjoni jew biss ta’ dritt li jipparteċipaw fil-proċeduri li jippermettu li jsir progress fil-karriera. Madankollu, dawn id-drittijiet ma jistgħux ikollhom portata inqas wiesgħa minn dawk li jibbenefikaw minnhom l-imsemmija għalliema li kieku baqgħu fil-kariga fl-iskola tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

    56

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni għandha jiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-Istati Membri partijiet għal din il-konvenzjoni sabiex jiżguraw li l-għalliema kkollokati jew assenjati mal-iskejjel Ewropej igawdu, matul iż-żmien tal-kollokament jew tal-assenjazzjoni tagħhom, l-istess drittijiet għall-avvanz fil-karriera u għall-irtirar bħal dawk applikabbli għall-kollegi tagħhom nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

    Fuq l-applikazzjoni magħmula mir-Renju Unit tal-ewwel sentenza tal-Artikoli 12(4(a) u 25(1) tal-Konvenzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    57

    Il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-kuntratt ta’ xogħol obbligatorjament iffirmat mill-għalliema fl-Ingilterra u Wales mal-Ministeru tal-Edukazzjoni għall-finijiet tal-kollokament tagħhom mal-iskejjel Ewropej jiffriża s-salarju ta’ dawn l-għalliema fil-livell eżistenti għall-perijodu kollu ta’ kollokament, billi jostakolahom milli jkunu eliġibbli għal waħda mill-iskali ogħla tas-salarji jew milli jibbenefikaw minn “teaching and learning responsibility payments” previsti mis-STPCD, huwa inkompatibbli mal-Artikoli 12(4)(a) u 25(1) tal-Konvenzjoni.

    58

    L-ewwel nett, il-kandidati potenzjali jkunu żvantaġġati mill-impossibbiltà, matul iż-żmien tal-kollokament tagħhom, milli jipparteċipaw fl-evalwazzjoni li tippermettilhom aċċess għall-“post-threshold pay scale”. Minħabba dan il-fatt, meta huma jirritornaw lejn ir-Renju Unit wara l-kollokament tagħhom, huma jistgħu japplikaw biss għal pożizzjoni li tikkorrispondi għall-iskala tas-salarju bażiku, u dan jillimita l-firxa tal-pożizzjonijiet disponibbli.

    59

    It-tieni nett, il-fatt li ma jistgħux jikkwalifikaw għal xi bonus jew promozzjoni matul kollokament ta’ disa’ snin inaqqas kunsiderevolment is-salarju meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-drittijiet għall-irtirar u għaldaqstant l-ammont tal-pensjoni ta’ irtirar futura.

    60

    Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li l-imsemmija esklużjoni twassal għal telf finanzjarju kunsiderevoli għall-baġit tal-Unjoni, peress li dan il-baġit ser iġarabb differenza ikbar bejn is-salarju nazzjonali iktar baxx u s-salarju armonizzat taħt ir-regolamenti tal-persunal kollokat.

    61

    Hija tqis, abbażi ta’ kalkolu approssimattiv, li l-baġit tal-Unjoni fl-2008 kellu jġarrab spiża addizzjonali ta’ madwar EUR 720000 biss għal 194 għalliem Ingliżi u Welsh ikkollokati. Dawn l-ispejjeż jirriżultaw mid-differenza ogħla li kellha titħallas taħt l-Artikolu 49(2)(a) tar-regolamenti tal-persunal ikkollokat u, konsegwentement, skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni. Abbażi ta’ dan il-kalkolu, jista’ raġonevolment jiġi kkunsidrat li l-impossibbiltà għall-għalliema Ingliżi u Welsh ikkollokati sabiex jaċċedu għall-“post-threshold pay” tinvolvi fiha nnifisha spiża addizzjonali għall-baġit annwali tal-Unjoni ta’ bejn EUR 500000 u EUR 1000000.

    62

    Il-Kummissjoni tenfasizza li hija ma tippretendix li l-għalliema Ingliżi u Welsh ikkollokati għandhom awtomatikament ikollhom aċċess għall-iskali ogħla tas-salarju previsti għall-“post-threshold teacher”, “advanced teacher” u “excellent teacher” u jagħmlu progress bl-istess mod fuq dawn tal-aħħar, jew li jibbenefikaw ukoll mit-“teaching and learning responsibility payments”. It-talba tagħha hija limitata biss sabiex dawn l-għalliema jibbenefikaw minn avvanz tas-salarju bl-istess kundizzjonijiet bħal kull għalliem oħra impjegati fir-Renju Unit u għaldaqstant, b’mod partikolari, li huma jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ evalwazzjoni previsti għall-aċċess għal dawn l-iskali.

    63

    Skont il-Kummissjoni, analiżi dettaljata tal-istandards professjonali differenti u tal-kompiti li japplikaw għal dawn l-iskali u għal dawn l-allowances turi li l-għalliema kkollokati mal-iskejjel Ewropej spiss iwettqu kompiti li, fil-prinċipju, jistgħu jippermettulhom li jaċċedu għall-imsemmija skali jew li jibbenefikaw mill-imsemmija allowances.

    64

    Il-Kummissjoni tqis li r-Renju Unit ma jistax jinvoka allegati diffikultajiet tekniċi sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza mal-obbligi taħt il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-fatt li tali diffikultajiet jeżistu jew li dawn ma setgħux jiġu solvuti permezz ta’ sforz proporzjonat għall-interessi inkwistjoni.

    65

    Rigward, l-ewwel nett l-organizzazzjoni tal-evalwazzjonijiet tal-organizzazzjoni tal-għalliema kkollokati, hija tosserva, qabel kollox, li l-evalwazzjoni sabiex ikun hemm aċċess għall-“post-threshold pay scale” issir mill-kapijiet tal-iskejjel lokali u mad-daqqa t’għajn ma hemm l-ebda raġuni li timpedixxi li din il-missjoni tiġi fdata f’idejn il-Kap tal-Iskola Ewropea. Sussegwentement, għażliet oħra huma wkoll possibbli. B’hekk, ir-Renju Unit jista’ jibgħat spetturi, li jistħarrġu l-evalwazzjoni magħmula mid-diretturi tal-iskejjel Ewropej, jew evalwaturi esterni, li jwettqu huma stess l-evalwazzjoni, jew ukoll jagħżel kombinazzjoni ta’ dawn is-soluzzjonijiet. Fl-aħħar nett, xejn ma jimpedixxi lill-evalwaturi tal-aġenzija nazzjonali milli jwettqu l-evalwazzjonijiet ta’ kandidati nazzjonali għall-pożizzjonijiet ta’ “advances skills teachers” u ta’ “excellent teachers” milli jżuru l-iskejjel Ewropej, peress li huma diġà jagħmlu evalwazzjonijiet fl-iskejjel tal-Ministeru tad-Difiża fil-Ġermanja u f’pajjiżi oħra barra r-Renju Unit.

    66

    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument tar-Renju Unit ibbażat fuq li l-aċċess għall-iskali tas-salarju ogħla huwa suġġett għall-ħolqien ta’ pożizzjonijiet, il-Kummissjoni tiddikjara li dan ma huwiex il-każ għall-aċċess għal “post-threshold pay scale”, u l-introduzzjoni ta’ din tal-aħħar tikkostitwixxi, essenzjalment, progressjoni salarjali ġenerali moħbija. Dwar l-aċċess għall-iskali l-oħra tas-salarji ogħla, dan jinvolvi l-ħolqien ta’ pożizzjoni fis-sens tal-baġit. Issa, xejn ma jipprevjeni lir-Renju Unit milli jagħti lill-Ministeru tal-Edukazzjoni numru adegwat ta’ pożizzjonijiet ta’ “advanced skills teachers” u ta’ “excellent teachers” għall-għalliema kkollokati.

    67

    Ir-Renju Unit jirrifjuta l-argument li l-politika tiegħu fir-rigward tal-għalliema kkollokati hija kontra l-Artikoli 12(4)(a) u 25 tal-Konvenzjoni.

    68

    Ir-Renju Unit iqis li r-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-istatus professjonali tal-għalliema kkollokati u tan-natura tal-elementi ta’ remunerazzjoni addizzjonali prevista mis-STPCD. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jenfasizza b’mod partikolari li l-għalliema Ingliżi u Welsh ikkollokati ma kinux neċessarjament minn qabel okkupati fi ħdan skola nazzjonali ssussidjata u huma, għaldaqstant, jistgħu ma jkunux suġġetti għas-STPCD qabel il-kollokament tagħhom. Is-STPCS ma jikkostitwixxix “regoli nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni.

    69

    Barra minn hekk, l-għalliema Ingliżi u Welsh ikkollokati deliberatament ħallew l-impjieg preċedenti tagħhom sabiex jieħdu pożizzjoni ġdida fi skola Ewropea abbażi ta’ kuntratt ġdid ta’ xogħol konkluż mal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Dan l-imsemmi kuntratt jippreċiża ġustament li għalliem ikkollokat ma jistax japplika sabiex jibbenefika minn skali tas-salarju ogħla u minn allowances addizzjonali previsti fis-STPCD. L-imsemmija għalliema b’hekk volontarjament għażlu li jaċċettaw impjieg li s-STPCD ma japplikax għalih.

    70

    Barra minn hekk, ir-Renju Unit isostni li l-elementi addizzjonali ta’ remunerazzjoni previsti mis-STPCD ma humiex “garantiti” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u ma jikkostitwixxux “drittijiet” għall-promozzjoni, fis-sens tal-Artikolu 12(4) tal-Konvenzjoni. Fil-fatt, dawn l-elementi ma humiex awtomatikament mogħtija minħabba l-anzjanità, iżda għandhom jintalbu u jingħataw skont ċerti kriterji. Barra minn hekk, it-“teaching and learning responsibility payments” u l-iskemi ta’ “advances skills teachers” u ta’ “excellent teachers” huma aċċessibbli biss sa fejn skola tiddeċiedi li toħloq pożizzjonijiet f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-elementi ta’ remunerazzjoni addizzjonali ma jikkostitwixxux “promozzjonijiet” fis-sens tal-imsemmi artikolu, peress li l-għalliema li lilhom jingħataw tali kumpens iżommu l-pożizzjoni ta’ “għalliem” u ma jkollhomx aċċess għal pożizzjoni ta’ grad ogħla.

    71

    Ir-Renju Unit iqis li jekk l-għalliema kkollokati jkollhom dritt għall-elementi ta’ remunerazzjoni addizzjonali mingħajr ma jkunu marbuta li jiżguraw ir-responsabbiltajiet li jakkumpanjawhom, dan ser joħloq diskriminazzjoni kontra l-għalliema nazzjonali. Ir-Renju Unit jikkontesta b’mod partikolari li l-għalliema kkollokati jissodisfaw il-kriterji għall-ksib ta’ elementi addizzjonali ta’ remunerazzjoni addizzjonali. B’hekk, ma hemm l-ebda ekwivalenza reali bejn is-sitwazzjoni ta’ għalliema Ewropej u dik ta’ għalliema ta’ skejjel issussidjati mir-Renju Unit.

    72

    Tali diskriminazzjoni tirriżulta wkoll mill-istħarriġ tal-kompetenza professjonali tal-għalliema tal-iskejjel Ewropej ma jkunx tant preċiż u rigoruż bħall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ previst fil-livell nazzjonali. Is-soluzzjoni ssuġġerita mill-Kummissjoni, jiġifieri li l-imsemmi stħarriġ jitwettaq minn spetturi mibgħuta mir-Renju Unit fl-iskejjel Ewropej, ma hijiex biżżejjed sabiex tiżgura ekwivalenza f’dan ir-rigward.

    73

    Fl-aħħar nett, rigward l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni, ir-Renju Unit isostni li anki jekk li l-interpretazzjoni tagħha tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) kellha tintwera li hija inkorretta, dan ma jirriżultax f’telf għall-baġit tal-Unjoni. Ċertament, huwa possibbli li wħud mill-għalliema Ingliżi u Welsh ikkollokati jew assenjati mal-iskejjel Ewropej ikunu intitolati li jirċievu kumpens addizzjonali fil-ġejjieni, jekk jippreżentaw applikazzjoni xierqa u jekk din tkun aċċettata. Madankollu, sa fejn l-għoti ta’ dan id-dritt ikun jiddependi fuq evalwazzjoni individwali ta’ kull għalliem, ebda wieħed mill-imsemmija għalliema ma seta’ jippretendi dan issa. Konsegwentement, ir-Renju Unit, sal-preżent, issodisfa l-obbligu tiegħu li jħallas l-ammont sħiħ tar-remunerazzjoni li dawn l-għalliema huma intitolati għaliha.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    74

    Essenzjalment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju Unit talli ma żgurax li l-għalliema assenjati jew ikkollokati mill-Ingilterra jew Wales mal-iskejjel Ewropej iżommu d-drittijiet għall-promozzjoni u għall-irtirar iggarantiti mir-regoli nazzjonali tagħhom, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni u, konsegwentement, li ma żammx iktar ir-remunerazzjoni mħallsa lill-imsemmija għalliema, bi ksur tal-Artikolu 25(1) tal-imsemmija konvenzjoni.

    75

    Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandu, qabel kollox, jiġi stabbilit jekk is-STPCD jikkostitwixxix, għal dawn l-għalliema, ir-regoli nazzjonali fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) ta’ din il-konvenzjoni.

    76

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm l-Istati Membri partijiet għall-Konvenzjoni jibqgħu, kif tfakkar it-tielet premessa tal-Konvenzjoni, totalment responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva tagħhom, madankollu dawn ma jistgħux jinvokaw il-karatteristiċi partikolari ta’ din sistema sabiex jevitaw l-obbligi li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni u sabiex iċaħħdu lill-għalliema li huma jassenjaw jew jikkollokaw mal-iskejjel Ewropea mill-protezzjoni prevista mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-imsemmija konvenzjoni.

    77

    Issa, din hija preċiżament il-konsegwenza tal-argument imressaq mir-Renju Unit li jgħid li s-STPCD ma jikkostitwixxix ir-regoli nazzoinali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni għall-għalliema Ingliżi u Welsh. Fil-fatt, skont dan l-argument, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-sistema edukattiva ta’ dan l-Istat Membru, sempliċiment ma jeżistu l-ebda regoli nazzjonali għal dan.

    78

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li s-STPCD huwa obbligatorju għall-iskejjel kollha ssussidjati fl-Ingilterra u Wales u li l-maġġoranza tal-għalliema impjegati f’din iż-żona huma effettivament impjegati minn tali skola, iżda wkoll il-fatt li, anki fost l-iskejjel mhux issussidjati, ħafna minn dawn tal-aħħar japplikaw kompletament jew parzjalment is-STPCD. Il-Kummissjoni ddikjarat f’dan ir-rigward, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-Renju Unit, li l-iskejjel mhux issussidjati li japplikaw biss parzjalment is-STPCD fil-fatt jużaw il-kundizzjonijiet previsti minn dan tal-aħħar bħala l-minimu u jżidu benefiċċji addizzjonali u li fir-realtà is-STPCD japplika għal 90 % tal-għalliema kollha impjegati f’dan l-Istat Membru.

    79

    Barra minn hekk, il-kuntratt standard ta’ xogħol li l-għalliema assenjati jew ikkollokati mill-Ingilterra u Wales għal skejjel Ewropej jiffirmaw mal-Ministeru tal-Edukazzjoni għal din l-assenjazzjoni jew dan il-kollokament jipprovdi li s-salarji nazzjonali li jitħallsu kull xahar lil dawn l-għalliema huma stabbiliti skont l-iskali tas-salarji previsti mis-STPCD u li ż-żidiet fis-salarji annwali nnegozjati fil-livell nazzjonali, applikabbli skont is-STPCD, jitħallsu. Huwa paċifiku li anki għall-imsemmija għalliema l-kundizzjonijiet ta’ xogħol huma parzjalment regolati mis-STPCD u li għaldaqstant huwa biss b’mod selettiv, u b’mod partikolari fir-rigward tal-benefiċċju ta’ skala tas-salarju ogħla u ta’ bonus addizzjonali, li l-imsemmi kuntratt jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan.

    80

    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-STPCD jikkostitwixxi għall-għalliema Ingliżi u Welsh r-regoli nazzjonali fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni.

    81

    Fir-rigward tal-argument tar-Renju Unit li jgħid li huwa ma jistax jiġi obbligat li jagħti d-drittijiet għall-promozzjoni previsti mis-STPCD lill-għalliema kollha li huwa jassenja jew jikkolloka mal-iskejjel Ewropej, peress li parti minnhom biss ġew impjegati, qabel l-assenjament tagħhom jew il-kollokament tagħhom, fi ħdan skola sussidjata fl-Ingilterra jew Wales, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tallega, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li l-imsemmija drittijiet previsti mis-STPCD ma jkunux applikati għall-għalliema kollha assenjati jew ikkollokati minn dan l-Istat Membru, iżda biss għal dawk li ġejjin mill-Ingilterra u Wales. Konsegwentement, il-fatt li s-STPCD ma japplikax b’mod partikolari għall-għalliema impjegati fl-Iskozja ma għandu ebda rilevanza għal dan ir-rikors.

    82

    Barra minn hekk, sa fejn mhux biss l-iskejjel issussidjati fl-Ingilterra u Wales, iżda wkoll il-biċċa l-kbira tal-iskejjel mhux issussidjati japplikaw, kompletament jew parzjalment, is-STPCD, jista’ jiġi preżunt li, fost l-għalliema Ingliżi u Welsh assenjati jew ikkollokati mal-iskejjel Ewropej, maġġoranza minnhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet previsti mis-STPCD qabel l-assenjazzjoni tagħhom jew il-kollokament tagħhom. Issa, anki jekk ikun jidher li parti minn dawn l-għalliema ma jkunux ġew suġġetti għas-STPCD minħabba l-fatt li dawn l-għalliema kienu impjegati qabel jew minn skola ssussidjata li ma għażlitx li tapplika s-STPCD, jew minn xi skola oħra, dan il-fatt ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika l-esklużjoni mir-Renju Unit, abbażi tat-tip ta’ kuntratt standard li l-għalliema għandhom jiffirmaw għall-assenjazzjoni jew għall-kollokament tagħhom mal-iskejjel Ewropej, l-applikazzjoni ta’ ċerti benefiċċji previsti mis-STPCD għall-għalliema kollha Ingliżi u Welsh.

    83

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, din l-esklużjoni ma hijiex iġġustifikata mis-sempliċi fatt li dawn l-għalliema jiffirmaw dan il-kuntratt volontarjament u xjentement. Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament minnu li l-imsemmija għalliema bl-ebda mod ma huma sfurzati li jitolbu li jiġu assenjati jew ikkollokati ma’ skola Ewropea u jistgħu jkunu jafu l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ġdid ta’ xogħol, madankollu jibqa’ l-fatt li dawn l-għalliema ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jaċċettaw li jiffirmaw l-imsemmi kuntratt li l-kundizzjonijiet tiegħu huma imposti fuqhom mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Sakemm l-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni ma titneħħilhiex l-effettività tagħha, ma jistax jiġi validament sostnut li, f’tali ċirkustanzi, l-għalliema jkunu deliberatament irrinunzjaw għall-imsemmija benefiċċji previsti mis-STPCD u għad-dritt mogħti lilhom minn din id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni.

    84

    Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-aċċess għall-iskali tas-salarji iktar vantaġġużi, bħall-“post-threshold pay scale” kif ukoll l-iskali li japplikaw għall-“excellent teachers” u għall-“advanced skills teachers”, kif ukoll l-aċċess għal pagamenti oħra addizzjonali, bħat-“teaching and learning responsibility payments”, previsti mis-STPCD, li jikkostitwixxux dritt għall-promozzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jitfakkar li diġà ġie kkonstatat fil-punti 59 u 60 tal-preżenti sentenza f’din il-kawża li dawn id-drittijiet huma kkostitwiti wkoll minn dawn id-drittijiet li jirriżultaw fl-applikazzjoni ta’ kumpens iktar vantaġġuż, mingħajr ma dan il-vantaġġ ikun marbut mal-għoti ta’ titolu differenti għall-għalliem, kif ukoll dawk li ma humiex mogħtija awtomatikament skont l-anzjanità, iżda li jeħtieġu l-parteċipazzjoni fil-proċeduri u s-sodisfazzjon ta’ ċerti kriterji.

    85

    Minn dan jirriżulta li għandhom jiġu skartati l-argumenti tar-Renju Unit bbażati fuq il-fatt li l-għalliema li għalihom japplikaw dawn l-iskali u dawn il-pagamenti jżommu l-pożizzjoni tagħhom u kellhom jiġu suġġetti għal dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssostnix li l-għalliema assenjati jew ikkollokati mill-Ingilterra u Wales għandhom awtomatikament jibbenefikaw mill-imsemmija skali u mill-imsemmija pagamenti, iżda li huma għandhom ikollhom aċċess għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għall-għalliema Ingliżi u Welsh suġġetti għas-STPCD.

    86

    Għalkemm ir-Renju Unit isostni li l-għalliema assenjati jew ikkollokati ma jistgħux, fil-prinċipju, jissodisfaw l-istandards professjonali li abbażi tagħhom jingħata l-aċċess għal dawn l-iskali tas-salarji kif ukoll ir-responsabbiltajiet addizzjonali relatati mal-applikazzjoni ta’ xi wħud minn dawn l-iskali u ma’ xi wħud minn dawn il-pagamenti, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni wettqet analiżi dettaljata ta’ dawn il-kriterji u r-responsabbiltajiet u spjegat b’mod plawżibbli li ħafna mill-imsemmija għalliema jissodisfaw dawn il-kriterji u jeżerċitaw responsabbiltajiet ekwivalenti fi ħdan l-iskejjel Ewropej.

    87

    Din l-analiżi u dawn l-ispjegazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-argumenti speċifiċi mressqa mir-Renju Unit, li jgħidu li, essenzjalment, ma hemmx ekwivalenza reali bejn is-sitwazzjoni reali ta’ għalliema fl-iskejjel Ewropej u dik tal-kollegi tagħhom nazzjonali. Fil-fatt, tali dikjarazzjoni tikkonfliġġi mal-Artikolu 10 tar-regolamenti tal-persunal ikkollokati, li jirrikjedi li l-għalliema assenjati jew ikkollokati jkollhom il-kwalifiki u jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jokkupaw pożizzjonijiet ekwivalenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Barra minn hekk, sa fejn dawn l-imsemmija argumenti tar-Renju Unit huma bbażati fuq il-kunċett li dawn l-istandards u dawn ir-responsabbiltajiet ma jistgħux, skont id-definizzjoni tagħhom, jiġu sodisfatti mill-imsemmija għalliema minħabba li l-iskejjel Ewropej ma jaħdmux b’mod identiku bħall-iskejjel issussidjati fl-Ingilterra u Wales, huma jiksru l-istatus partikolari u l-karattru sui generis tal-iskejjel Ewropej.

    88

    Kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, l-aċċess għall-għalliema assenjati jew ikkollokati mill-Ingilterra u Wales mal-iskejjel Ewropej għall-imsemmija skali tas-salarji u għall-imsemmija pagamenti addizzjonali ma jirriżultax f’diskriminazzjoni kontra l-kollegi tagħhom nazzjonali peress li jkun impossibbli li jiġi żgurat stħarriġ tal-kompetenza professjonali ta’ dawn l-għalliema tant speċifiku u strett bħall-istħarriġ li jsir fuq livell nazzjonali. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 87 sa 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-argument huwa infondat sa fejn jeżistu soluzzjonijiet għal kollox vijabbli sabiex jiżguraw tali stħarriġ. Ir-Renju Unit lanqas ma spjega r-raġunijiet għaliex huwa jqis li l-għażliet differenti proposti f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni ma jippermettux li jinkiseb riżultat sodisfaċenti, iżda sempliċement iddikjara li ma jkunx suffiċjenti li jintbagħtu spetturi nazzjonali fl-iskejjel Ewropej.

    89

    Ir-Renju Unit jsostni wkoll li ħafna għalliema ta’ skejjel issussidjati fl-Ingilterra u Wales ma jibbenefikawx mill-iskali tas-salarji previsti għall-“excellent teachers” u l-“advanced skills teachers” jew “teaching and learning responsibility payments” minħabba l-fatt li l-ebda waħda jew ftit mill-pożizzjonijiet li jagħtu dritt għal dawn l-iskali u għal dawn il-pagamenti nħolqu fl-iskejjel tagħhom. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax l-esklużjoni tal-għalliema kollha Ingliżi u Welsh assenjati jew ikkollokati mal-iskejjel Ewropej mill-benefiċċju ta’ dawn l-iskali u ta’ dawn il-pagamenti.

    90

    Barra minn hekk, bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni li jiġu assenjati mal-iskejjel Ewropej numru ta’ tali pożizzjonijiet bi proporzjon għal dik dak eżistenti fl-Ingilterra u Wales, ir-Renju Unit ma kkontestax li tali assenjazzjoni kienet effettivament possibbli, iżda ddikjara li l-għadd ta’ postijiet assenjati mal-iskejjel Ewropej ikun għalhekk ftit ħafna, jew ineżistenti, u jkun diffiċli f’dawn il-kundizzjonijiet li jiġi ddeterminat l-iskejjel Ewropej li għandhom effettivament jibbenefikaw minn dawn il-pożizzjonijiet. Issa, tali diffikultajiet prattiċi fid-distribuzzjoni ta’ pożizzjonijiet li jagħtu dritt għall-imsemmija skali u għall-imsemmija pagamenti ma jistgħux jiġġustifikaw ir-rifjut totali ta’ assenjazzjoni ta’ tali pożizzjonijiet mal-iskejjel Ewropej. Barra minn hekk huwa paċifiku li, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni, ir-Renju Unit jista’ jkun assistit mill-Bord tal-Gvernaturi sabiex isolvi dawn id-diffikultajiet sabiex, b’mod partikolari, jidentifika fi ħdan l-iskejjel Ewropej pożizzjonijiet li għandhom jimtlew ta’ “excellent teachers” u “advanced skills teachers”.

    91

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-aċċess għall-iskali tas-salarji iktar vantaġġużi, bħall-“post-threshold pay scale” kif ukoll l-iskali li japplikaw għall-“excellent teachers” u għall-“advanced skills teachers”, u l-aċċess għall-pagamenti l-oħra addizzjonali bħat-“teaching and learning responsibility payments” previsti mis-STPCD, jikkostitwixxu dritt għall-promozzjoni fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni, li r-Renju Unit għandu jiżgura l-osservanza tagħha għall-benefiċċju tal-għalliema assenjati jew ikkollokati mill-Ingilterra u Wales mal-iskejjel Ewropej. Barra minn hekk, peress li l-aċċess għal dawn l-iskali u l-aċċess għal dawn il-pagamenti għandu influwenza diretta fuq l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar li dawn l-għalliema jistgħu jippretendu, huwa jirrappreżenta ukoll dritt għall-irtirar iggarantit mir-regoli nazzjonali tagħhom, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    92

    Fl-aħħar nett, dwar jekk ir-Renju Unit japplikax b’mod korrett l-Artikolu 25(1) tal-Konvenzjoni, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri sabiex jikkontribwixxu għall-baġit tal-iskejjel Ewropej permezz taż-żamma tar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-għalliema li huma jikkollokaw jew jassenjaw ma’ dawn l-iskejjel. Skont il-punt 2 ta’ dan l-istess artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 49 tar-regolamenti tal-persunal ikkollokat, l-Unjoni tikkontribwixxi għall-imsemmi baġit billi tħallas is-suppliment Ewropew. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-Renju Unit, ressqet data b’ċifri li turi b’mod plawżibbli, li l-iffriżar tar-remunerazzjonijiet tal-għalliema Ingliżi u Welsh assenjati jew ikkollokati mal-iskejjel Ewropej kellu bħala korollarju li l-Unjoni kellha tħallas suppliment ogħla Ewropew lil dawn l-għalliema, li wassal għaż-żieda tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-imsemmija skejjel.

    93

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex b’mod partikolari kkontestata mill-argument tar-Renju Unit li jsostni li l-aċċess għall-iskali ogħla u għall-pagamenti addizzjonali jiddependi fuq evalwazzjoni individwali ta’ kull għalliem, li għadu ma sarx għall-għalliema fl-Ingilterra u Wales assenjati jew issekondati mal-iskejjel Ewropej. Fil-fatt, dan l-argument jinjora b’mod ċar il-fatt li minn naħa, tali evalwazzjonijiet għadhom ma sarux, preċiżament, minħabba l-esklużjoni sistematika ta’ dawn l-għalliema mill-imsemmija skali u mill-imsemmija pagamenti, u, min-naħa l-oħra, jista’ raġonevolment jiġi preżunt li, fin-nuqqas ta’ tali esklużjoni, uħud minn dawn l-għalliema effettivament diġà kellhom aċċess għal dawn l-iskali u għal dawn il-pagamenti.

    94

    Minn dan isegwi li, sa fejn l-interpretazzjoni korretta u l-applikazzjoni korretta tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni mir-Renju Unit twassal għal kontribuzzjoni ogħla ta’ dan l-Istat Membru għall-baġit tal-iskejjel Ewropej, hemm rabta, għall-inqas indirettament, bejn il-ksur tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni u l-obbligu li għandhom l-Istati Membri taħt l-Artikolu 25(1) tal-imsemmija konvenzjoni, rabta li lanqas ma ġiet ikkontestata mir-Renju Unit. Konsegwentement, billi tipprevjeni lill-imsemmija għalliema milli japplikaw għal waħda mill-iskali tas-salarji ogħla jew milli jibbenefikaw mit-“teaching and learning responsibility payments”, ir-Renju Unit kiser ukoll l-Artikolu 25(1) tal-Konvenzjoni.

    95

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li, meta eskluda l-għalliema Ingliżi u Welsh assenjati jew ikkollokati mal-iskejjel Ewropej, matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni jew ta’ kollokament tagħhom, mill-aċċess għall-iskali ta’ salarji iktar vantaġġużi, b’mod partikolari dawk magħrufa bħala “threshold pay”, “excellent teacher system” jew “advanced skills teachers”, u mill-aċċess għall-pagamenti addizzjonali oħra, bħalma huma t-“teaching and learning responsibility payments”, previsti mis-STPCD, ir-Renju Unit applika b’mod żbaljat l-Artikoli 12(4)(a) u 25(1) tal-Konvenzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    96

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(4)(a) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-iskejjel Ewropej, tal-21 ta’ Ġunju 1994, għandha jiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-Istati Membri partijiet għal din il-konvenzjoni sabiex jiżguraw li l-għalliema kkollokati jew assenjati mal-iskejjel Ewropej igawdu, matul iż-żmien tal-kollokament jew tal-assenjazzjoni tagħhom, l-istess drittijiet għall-avvanz fil-karriera u għall-irtirar bħal dawk applikabbli għall-kollegi tagħhom nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

     

    2)

    Meta eskluda l-għalliema Ingliż u Welsh assenjati jew ikkollokati mal-iskejjel Ewropej, matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni jew ta’ kollokament tagħhom, mill-aċċess għall-iskali ta’ salarji iktar vantaġġużi, b’mod partikolari dawk magħrufa bħala “threshold pay”, “excellent teacher system” jew “advanced skills teachers”, u mill-aċċess għall-pagamenti addizzjonali oħra, bħalma huma t-“teaching and learning responsibility payments”, previsti mis-“School Teachers Pay and Conditions Document”, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq applika b’mod żbaljat l-Artikoli 12(4)(a) u 25(1) ta’ din il-konvenzjoni.

     

    3)

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top