EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0538

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-26 ta' Mejju 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju tal-Belġju.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ambjent - Direttiva 92/43/KEE - Artikolu 6(3) - Żoni speċjali ta’ konservazzjoni - Evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-pjanijiet jew proġetti li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv is-sit protett - Eżenzjoni mill-evalwazzjoni tal-pjanijiet jew proġetti suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni - Traspożizzjoni inkorretta.
Kawża C-538/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:349

Kawża C-538/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Belġju

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttiva 92/43/KEE — Artikolu 6(3) — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-pjanijiet jew tal-proġetti li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv is-sit protett — Eżenzjoni mill-evalwazzjoni tal-pjanijiet jew tal-proġetti suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni — Traspożizzjoni inkorretta”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Obbligi tal-Istati Membri

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3))

2.        Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Obbligi tal-Istati Membri

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3))

3.        Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Obbligi tal-Istati Membri

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3))

1.        L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jissuġġetta l-kundizzjoni ta’ evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet ta’ pjan jew ta’ proġett għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li dan se jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. B’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv.

L-evalwazzjoni tal-probabbiltà għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew minn tali proġett.

(ara l-punti 39, 40)

2.        Il-kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew proġett fuq sit partikolari li timplika li, f’każ ta’ dubju rigward in-nuqqas ta’ effetti sinjifikattivi, hemm lok li ssir tali evalwazzjoni, ma tippermettix li jiġu eżentati mill-evalwazzjoni ċerti kategoriji ta’ proġetti fuq il-bażi ta’ kriterji mhux adatti sabiex jiġi ggarantit li dawn ma jistgħux jaffettwaw is-siti protetti b’mod sinjifikattiv.

Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ eżenzjoni ġenerali ta’ ċerti attivitajiet skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi Stat Membri, mill-ħtieġa tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat, ma hijiex tali li tiggarantixxi li dawn l-attivitajiet ma jaffettwawx b’mod ħażin l-integrità tas-sit protett.

B’hekk, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ma jistax jawtorizza lil Stat Membru jadotta regoli nazzjonali li permezz tagħhom, b’mod ġenerali, ikun jista’ jiġi evitat l-obbligu tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit tal-proġetti ta’ żvilupp jew minħabba l-ammont żgħir tal-ispejjeż previsti jew minħabba l-oqsma ta’ attività speċifiċi kkonċernati. Bl-istess mod, jekk jeżenta sistematikament il-programmi u l-proġetti ta’ xogħlijiet jew żvilupp suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni, mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, Stat Membru jkun qed jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

(ara l-punti 41-44)

3.        Meta Stat Membru jistabbilixxi sistema ta’ dikjarazzjoni, li b’hekk ma tipprovdix għal evalwazzjoni tar-riskju abbażi b’mod partikolari tal-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat, huwa dan l-Istat Membru li għandu juri li d-dispożizzjonijiet li huwa adotta jippermettu li jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li kull pjan jew proġett suġġett għal din is-sistema ta’ dikjarazzjoni jaffettwa sit Natura 2000 b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra.

Fil-fatt, jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu ma jkunux marbutin bl-obbligu li jwettqu evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett li ma huwiex direttament marbut ma’ jew meħtieġ għall-amministrazzjoni ta’ sit Natura 2000 biss jekk ikun jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa l-imsemmi sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra.

(ara l-punti 52, 53)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Mejju 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(3) – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-pjanijiet jew tal-proġetti li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv is-sit protett – Eżenzjoni mill-evalwazzjoni tal-pjanijiet jew tal-proġetti suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni – Traspożizzjoni inkorretta”

Fil-Kawża C‑538/09,

li għandha bħal suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia u A. Marghelis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn T. Materne, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti



Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi ma imponiex evalwazzjoni tal-effetti fuq l‑ambjent xierqa fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet meta dawn l-attivitajiet jistgħu jaffettwaw sit Natura 2000 u billi ssuġġetta ċerti attivitajiet għal sistema ta’ dikjarazzjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l‑Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva habitats”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

2        Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva “habitats” għandha bħala għan li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitat naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa fuq it-territorju Ewropew tal-Istati Membri fejn japplika t-Trattat FUE.

3        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jistipula:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

[...]”

4        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jirregola l-proċedura intiża li tistabbilixxi n‑netwerk Natura 2000, kif ukoll l-għażla taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni mill-Istati Membri.

5        L-Artikolu 6 tad-Direttiva “habitats”, li jistipula l-miżuri ta’ konservazzjoni għall-imsemmija żoni, jiddisponi fil-paragrafi 2 u 3:

“2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l‑ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet [l-effetti] tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l‑evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Il-Liġi tat-12 ta’ Lulju 1973 dwar il-konservazzjoni tan-natura (Moniteur belge tal-11 ta’ Settembru 1973, p. 10306), kif emendata bid-Digriet tar-Reġjun tal-Wallonie tat-22 ta’ Mejju 2008 (Moniteur belge tas-17 ta’ Ġunju 2008, p. 31074, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-konservazzjoni tan-natura”), tinkludi l‑Artikolu 28(2) li jistipula dan li ġej:

“Il-projbizzjonijiet ġenerali applikabli fi jew, f’ċerti każijiet, barra mis-siti Natura 2000 kif ukoll kull miżura preventiva ġenerali oħra li għandha tittieħed fi jew, f’ċerti każijiet barra mis-siti sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats naturali u t-tfixkil sinjifikattiv tal-ispeċi li għalihom intgħażel is-sit, għandhom jiġu adottati mill-Gvern”.

7        Il-liġi dwar il-konservazzjoni tan-natura tistipula fl-Artikolu 29(2) dan li ġej:

“Kull pjan jew proġett suġġett għal permess, li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ natura regolamentari tad-digriet li jagħżel sit Natura 2000, ma huwiex marbut direttament jew ma huwiex meħtieġ għall-amministrazzjoni tas-sit iżda jista’ jaffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l‑ambjent prevista mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l‑ambjent fir-Reġjun tal-Wallonie, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit u skont il-modalitajiet stabbiliti mill-Gvern.

[...]”

8        Id-Digriet tar-Reġjun tal-Wallonie tal-11 ta’ Marzu 1999 dwar il-permess ambjentali (Moniteur belge tat-8 ta’ Ġunju 1999, p. 21114), fil-verżjoni applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999”), jipprovdi fl-Artikolu 3 tiegħu:

“L-installazzjonijiet u l-attivitajiet għandhom jiġu kklassifikati f’taqsimiet u għandhom jitqassmu fi tliet klassijiet (klassi 1, klassi 2 u klassi 3) f’ordni dejjem jonqos tal-importanza tal-effetti tagħhom fuq il-bniedem u fuq l-ambjent kif ukoll skont il-kapaċità tagħhom li jiġu ddefiniti minn kundizzjonijiet ġenerali, settorjali jew sħaħ.

It-tielet klassi tkopri l-installazzjonijiet u l-attivitajiet li għandhom effett żgħir fuq il-bniedem u l-ambjent li fir-rigward tagħhom il-Gven stipula kundizzjonijiet sħaħ.

[...]

Il-Gvern jista’ jistipula kriterji li jippermettu lid-dikjarant jiddetermina jekk l‑istabbiliment ippjanat fil-klassi 3 huwiex kapaċi jirrispetta l-kundizzjonijiet sħaħ. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-istabbiliment ippjanat jiġi kklassifikat fil-klassi 2 u d-dikjarant għandu jippreżenta applikazzjoni għal permess ambjentali fil-klassi 2. F’dan il-każ, il-Gvern għandu jiddetermina x’informazzjoni għandha tiġi mehmuża mal-applikazzjoni għal permess ambjentali”.

9        L-Artikolu 10(1) tad-digriet tal-11 ta’ Marzu 1999 jistipula:

“Ħadd ma jista’ jħaddem stabbiliment tal-klassi 1 jew tal-klassi 2 mingħajr permess ambjentali.

[...]”

10      L-Artikolu 11(1) ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Ħadd ma jista’ jħaddem stabbiliment tat-tielet klassi mingħajr ma jkun għamel dikjarazzjoni minn qabel.

[...]”

11      L-Artikolu 13 tal-imsemmi digriet huwa fformulat kif ġej:

“Il-kunsill komunali tal-Komun li fit-territorju tiegħu jinsab l-istabbiliment ippjanat huwa kompetenti sabiex jeżamina d-dikjarazzjonijeit u l-applikazzjonijiet għal permessi ambjentali.

[...]”

12      Id-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie tal-4 ta’ Lulju 2002 li stabbilixxa l-lista tal-proġetti suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u tal-installazzjonijiet u attivitajiet ikklassifikati (Moniteur belge tal-21 ta’ Settembru 2002, p. 42502), fil-verżjoni applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem id-“digriet tal-4 ta’ Lulju 2002”), jindika fl-Artikolu 2(1) li:

“Il-proġetti suġġetti għal evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent u l‑installazzjonijiet u l-attivitajiet ikklassifikati huma elenkati fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan id-digriet”. 

13      L-Anness I tad-Digriet tal-4 ta’ Lulju 2002 jelenka ċertu numru ta’ proġetti, installazzjonijiet jew attivitajiet li ma humiex suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li fosthom il-Kummissjoni ssemmi speċifikament fir-rikors tagħha l-proġetti, l-installazzjonijiet jew l-attivitajiet li ġejjin:

–        kull bini jew kull infrastruttura oħra mhux koperta mit-taqsima 01.20.01.01 li kapaċi jakkomodaw 4 sa 500 annimal għall-attivitajiet ta’ tkabbir jew tħaxxin, li jaqgħu taħt is-settur tal-agrikoltura, ta’ annimali tal-ifrat ta’ 6 xhur u iktar, fit-taqsima 01.20.01.02.01;

–        il-ħażna ta’ ċereali, qamħ u prodotti oħra tal-għalf sfużi jew f’sajlos, bl-eċċezzjoni tat-tiben u l-ħuxlief, b’kapaċità ta’ iktar minn 50 m3, fit-taqsima 01.49.01.01;

–        l-installazzjonijiet ta’ distribuzzjoni ta’ fjuwil tal-idrokarbur likwidu bi flashpoint ta’ iktar minn 55 °C u ta’ inqas minn jew ta’ 100 °C, għal vetturi bil-mutur, għal finijiet kummerċjali għajr għall-bejgħ lill-pubbliku, bħad-distribuzzjoni tal-fjuwil tal-idrokarbur intiż biex jintuża għal grupp ta’ vetturi mmaniġjati separatament jew f’isem min jimmaniġja, b’mhux iktar minn żewġ distributuri tal-fjuwil u sakemm il-kapaċità ta’ ħażna tal-post fejn jinħażen il-fjuwil tal-idrokarbur tkun ogħla minn jew ta’ 3 000 litru u inqas minn 25 000 litru, fit-taqsima 50.50.01, u

–        unità ta’ trattament tal-ilma individwali ta’ inqas minn jew ta’ 20 ekwivalenti ta’ popolazzjoni, fit-taqsima 90.11.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

14      Matul is-sena 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment fejn ġie rrapportat l-użu irregolari ta’ maqjel industrijali għall-baqar li jinsab fit-territorju tal-Komun ta’ Philippeville, fir-Reġjun ta’ Wallonie (il-Belġju), li jikkonfina mas-sit Natura 2000 imsejjaħ “Bassin de Fagnard de l’Eau blanche en aval de Mariembourg”, magħżul bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni.

15      Il-persuna li lmentat semmiet fl-ilment id-deterjorament kbir tal-ambjent ta’ dan is-sit Natura 2000 minħabba l-ħmieġ li kien qed joħroġ mill-maqjel inkwistjoni, li, fil-fehma tagħha, kien qed jhedded diversi speċi msemmija fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98) u fl-anness tad-Direttiva “habitats”.

16      B’ittra tat-23 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni stiednet lir-Renju tal-Belġju jibagħtilha l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.

17      Fid-dawl tar-risposta mogħtija mir-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-realtà, il-leġiżlazzjoni Belġjana ma kinitx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” peress li ma kinitx timponi evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u kienet tipprovdi għal sistema ta’ dikjarazzjoni għal ċerti attivitajiet meta dawn setgħu jaffettwaw sit Natura 2000.

18      Wara li, fit-23 ta’ Marzu 2007, intimat lir-Renju tal-Belġju sabiex jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni, fis-6 ta’ Mejju 2008 bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, li fiha stednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn minn meta jirċeviha.

19      Fil-11 ta’ Lulju 2008, ir-Renju tal-Belġju wieġeb din l-opinjoni motivata billi sostna li l-azjenda agrikola li dwarha kienet oriġinarjament tqajmet il-kwistjoni fil-frattemp kienet ġiet mgħammra b’impjant għat-trattament tal-ilma u ma baqax jintrema ilma maħmuġ fis-sit Natura 2000. Dan l-Istat Membru żied li l-liġi fuq il‑konservazzjoni tan-natura issa kienet tinkludi l-Artikolu 28(2), riprodott fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, u li digriet li jimplementa din id-dispożizzjoni kien fil-proċess tal-adozzjoni finali.

20      Wara “package meeting” li nżamm bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Marzu 2009, dan l-Istat Membru, fil-5 ta’ Mejju 2009, ikkompleta r-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata billi ta informazzjoni fuq id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari adottati mir-Reġjun ta’ Wallonie sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ ħsara għall-ambjent.

21      Peress li kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux li jiġi żgurat li jkun hemm evalwazzjoni sistematika tal-effetti fuq is-sit protett, kif meħtieġ mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

22      Il-Kummissjoni tenfasizza li b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jawtorizzaw it-twettiq ta’ pjan jew ta’ proġett biss wara li jkunu wettqu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li għandha turi l-impatt reali jew potenzjali tal-pjan jew tal-proġett fuq is-sit protett.

23      Meta kriterji ta’ esklużjoni ta’ kategorija ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti ma jkunux biżżejjed biex jiggarantixxu b’ċertezza li l-pjanijiet jew il-proġetti kkonċernati ma humiex ser ikollhom effetti dannużi sinjifikattivi għal dak li jirrigwarda l-integrità tas-sit protett, tali evalwazzjoni għandha, skont il-Kummissjoni, issir sistematikament.

24      F’dan il-każ, mill-Artikolu 29(1) tal-Liġi dwar il-konservazzjoni tan-natura jirriżulta li l-pjanijiet jew il-proġetti li ma humiex suġġetti għal permess ambjentali, fosthom il-kategoriji ta’ pjanijiet u proġetti suġġetti għal sempliċi dikjarazzjoni mal-amministrazzjoni Komunali, ma jeħtiġux evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

25      Din l-esklużjoni mill-obbligu li ssir tali evalwazzjoni għall-pjanijiet u l-proġetti suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni ma hijiex ibbażata fuq kriterju oġġettiv. Fil-fatt, dejjem jibqa’ possibbli li l-attivitajiet li jkunu taħt il-limiti stabbiliti mid-digriet tal-4 ta’ Lulju 2002 ikollhom impatt sinjifikattiv fuq is-sit ikkonċernat.

26      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-attivitajiet u l-installazzjonijiet imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza u tindika li maqjel ta’ 500 annimal tal-ifrat jista’ jkollu, minħabba l-ħmieġ li joħroġ minnu, effetti fuq sit partikolari, minkejja li dan il-ħmieġ jista’ ma jkollux effett fuq xi sit ieħor.

27      Fir-replika tagħha l-Kummissjoni żżid li, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il‑possibbiltà li l-istabbilimenti jiġu ttrasferiti mit-tielet għat-tieni klassi, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tad-digriet tal-11 ta’ Marzu 1999 jitfa’ din ir‑responsabbiltà fuq id-dikjarant, filwaqt li, b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jivverifikaw, permezz ta’ studju xieraq, li l-pjanijiet u l-proġetti ma jagħmlux ħsara lill-integrità tas-sit ikkonċernat. Barra minn hekk, mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmi digriet, jirriżulta li t-trasferiment mit-tielet għat-tieni klassi huwa marbut mal-impossibbiltà li jiġu osservati l-kundizzjonijiet sħaħ u mhux mar-riskju sostnut minn sit Natura 2000.

28      Barra minn hekk, il-projbizzjonijiet ġenerali msemmija fl-Artikolu 28(2) tal-Liġi dwar il-konservazzjoni tan-natura jaqgħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, li ma jikkonċernax l-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit għal proġett ġdid. Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 28(2) ma huwiex biżżejjed sabiex jiżgura traspożizzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

29      Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-kontrolli li saru mid-dipartimenti tiegħu ma wrew ebda impatt negattiv tal-maqjel imsemmi fl-ilment fuq is-sit Natura 2000 imsejjaħ “Bassin de Fagnard de l’Eau blanche en aval de Mariembourg”.

30      B’mod iktar ġenerali, mill-Artikolu 3 tad-Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999 jirriżulta li t-tielet klassi ta’ stabbilimenti, suġġetta għal sistema ta’ dikjarazzjoni, tinkludi fiha, minnha nnifisha, l-installazzjonijiet u l-attivitajiet li għandhom impatt żgħir fuq il-bniedem u fuq l-ambjent.

31      Barra minn hekk, it-tħaddim ta’ installazzjoni jew ta’ attività tat-tielet klassi jimplika li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-ambjent kif ukoll il‑kundizzjonijiet sħaħ stipulati għal kull settur ta’ attività. Dawn il-kundizzjonijet sħaħ huma intiżi biex jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u sabiex jiġi evitat li tiġi kkawżata ħsara lis-siti Natura 2000.

32      Barra minn hekk, meta r-Reġjun ta’ Wallonie fasslet il-lista ta’ attivitajiet jew installazzjonijiet ikklassifikati, hija wettqet studju fuq l-attivitajiet li jistgħu jkollhom effetti fuq l-ambjent, u ttieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l‑istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).

33      Sabiex jitnaqqas kull riskju ta’ ħsara għall-ambjent riżultanti minn sitwazzjoni imprevedibbli, id-Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999 jipprovdi wkoll għall-possibbiltà ta’ bidla fil-klassi fir-rigward ta’ stabbiliment tat-tielet klassi, jekk dan ma jkunx f’pożizzjoni li josserva l-kundizzjonijiet sħaħ applikabbli għalih. F’dak il-każ, id‑dikjarant ikollu jippreżenta applikazzjoni għal permess ambjentali għat-tieni klassi u l-awtorità kompetenti tista’, abbażi tal-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni għal permess, tiddeċiedi li timponi evalwazzjoni tal-effetti tal-istabbiliment fuq is-sit Natura 2000 ikkonċernat.

34      L-Artikolu 28 tal-Liġi dwar il-konservazzjoni tan-natura jikkostitwixxi l-aħħar aspett tal-protezzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 28(1) jipprovdi li kull operatur huwa marbut bil-projbizzjoni ġenerali li jikkawża deterjorament fil-habitats naturali u li jfixkel l-ispeċi li għalihom intgħażlu s-siti Natura 2000. Għal dak li jirrigwarda l‑paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 28, dan jippermetti lill-gvern ikopri, permezz ta’ miżuri ġenerali, l-attivitajiet kollha li jista’ jkollhom impatt fuq siti Natura 2000. Din id-dispożizzjoni ġiet implementata mid-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie tat-23 ta’ Ottubru 2008 li jistabbilixxi miżuri preventivi ġenerali applikabbli għas-siti Natura 2000 (Moniteur belge tas-27 ta’ Novembru 2008, p. 62636) kif ukoll mid-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie tat-23 ta’ Ottubru 2008 li jistabbilixxi ċerti modalitajiet tas-sistema preventiva applikabbli għas-siti Natura 2000 (Moniteur belge tas-27 ta’ Novembru 2008, p. 62644).

35      Jekk l-applikazzjoni flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jiżguraw protezzjoni effettiva tas-siti Natura 2000, tirriżulta insuffiċjenti, il-Gvern ta’ Wallonie dejjem ikollu l-possibbiltà jadotta miżuri ġenerali ta’ protezzjoni applikabbli barra mis-siti Natura 2000, li jissupplimentaw dawk li jikkonċernaw is-siti stess.

36      Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jenfasizza li l-uniku limitu għall-applikabbiltà tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” huwa n-nuqqas eventwali ta’ effetti sinjifikattivi fuq iż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni. L-awtoritajiet Belġjani kkonformaw ruħhom ma’ dan l-approċċ permezz tal-Artikolu 3 tad-Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999.

37      Fir-rigward tal-possibbiltà li l-istabbilimenti tat-tielet klassi jiġu ttrasferiti għat-tieni klassi, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija żbaljata, peress li d-dikjarant għandu jibbaża ruħu fuq kriterji ddeterminati mill-Gvern ta’ Wallonie sabiex jikkonstata li l-istabbiliment ikkonċernat huwa suġġett għal permess ambjentali u mhux għal dikjarazzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-argument li l-imsemmi trasferiment jiddependi mill-osservanza tal-kundizzjonijiet sħaħ, ir-Renju tal-Belġju jispeċifika li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Belġjana, stabbiliment tat-tielet klassi li josserva l-kundizzjonijiet sħaħ applikabbli għalih ma jkollux effetti fuq is‑saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent jew ikollu ftit effetti fuqhom.

38      B’hekk, ir-Renju tal-Belġju ttraspona b’mod korrett l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” billi stabbilixxa sistema ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-attivitajiet kollha li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq sit protett.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” jissuġġetta r‑rekwiżit ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Meta jiġi kkunsidrat b’mod partikolari l-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jeżisti meta ma jistax jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punti 43 u 44; tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑6/04, Ġabra p. I‑9017, punt 54, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, Ġabra p. I‑10947, punt 226).

40      L-evalwazzjoni tar-riskji għandha ssir b’mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn tali pjan jew minn tali proġett (ara s-sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑179/06, Ġabra p. I‑8131, punt 35).

41      Barra minn hekk, il-kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit partikolari li timplika li, f’każ ta’ dubju rigward in‑nuqqas ta’ effetti sinjifikattivi, hemm lok li ssir tali evalwazzjoni, ma tippermettix li jiġu eżentati mill-evalwazzjoni ċerti kategoriji ta’ proġetti fuq il‑bażi ta’ kriterji mhux adatti sabiex jiġi ggarantit li dawn ma jistgħux jaffettwaw is-siti protetti b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑98/03, Ġabra p. I‑53, punt 41).

42      Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ eżenzjoni ġenerali ta’ ċerti attivitajiet skont il‑leġiżlazzjoni fis-seħħ, mill-ħtieġa tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat, ma hijiex tali li tiggarantixxi li dawn l-attivitajiet ma jaffettwawx b’mod ħażin l-integrità tas-sit protett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’ il fuq, punti 43 u 44, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑241/08, Ġabra p. I-01697, punt 31).

43      B’hekk, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” ma jistax jawtorizza lil Stat Membru jadotta regoli nazzjonali li permezz tagħhom, b’mod ġenerali, ikun jista’ jiġi evitat l-obbligu tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit tal-proġetti ta’ żvilupp jew minħabba l-ammont żgħir tal-ispejjeż previsti jew minħabba l-oqsma ta’ attività speċifiċi kkonċernati (ara s-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑256/98, Ġabra p. I‑2487, punt 39).

44      Bl-istess mod, jekk jeżenta sistematikament il-programmi u l-proġetti ta’ xogħlijiet jew żvilupp suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni, mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, Stat Membru jkun qed jonqos milli jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’ il fuq, punt 62).

45      Konsegwentement, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bħala regola, Stat Membru, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, ma jistax jeżenta, b’mod sistematiku u ġenerali, lil ċerti kategoriji ta’pjanijiet u ta’ proġetti mill-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-siti Natura 2000, skont il‑qasam ta’ attività jew billi tiġi stabbilita sistema ta’ dikjarazzjoni.

46      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li, f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet adottati mir-Renju tal-Belġju humiex konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 29(2) tal-Liġi dwar il‑konservazzjoni tan-natura jipprovdi li kull pjan jew kull proġett suġġett għal permess, li jista’ jaffettwa sit Natura 2000 b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u ma’ proġetti oħrajn, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti prevista mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l‑ambjent fir-Reġjun ta’ Wallonie.

48      Fl-istess ħin, id-Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999 jistipula li l-attivitajiet u l‑installazzjonijiet tat-tielet klassi għandhom sempliċement ikunu s-suġġett ta’ dikjarazzjoni minn qabel quddiem il-Kunsill Komunali tal-Komun li fit-territorju tiegħu jinsab l-istabbiliment ippjanat.

49      Minn dawn id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien il-Kummissjoni tiddeduċi li l‑attivitajiet u l-installazzjonijiet tat-tielet klassi ma humiex suġġetti għal permess u, konsegwentement, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq sit Natura 2000, ħaġa li ma hijiex ikkontestata mir-Renju tal-Belġju.

50      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-Anness I tad-Digriet tal-4 ta’ Lulju 2002 li jispeċifika liema huma l-proġetti, l-installazzjonijiet jew l-attivitajiet li ma humiex suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, fosthom dawk elenkati fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, li jaqgħu taħt it-tielet klassi.

51      Konsegwentement, ir-Renju tal-Belġju stabbilixxa sistema ta’ dikjarazzjoni li teżenta lil ċerti attivitajiet u installazzjonijiet, b’mod ġenerali, mill-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq sit Natura 2000. Dan l-Istat Membru b’hekk jippreżumi li l-pjanijiet u l-proġetti suġġetti għal din is-sistema ta’ dikjarazzjoni ma jistgħux jaffettwaw b’mod sinjifikattiv sit protett.

52      F’ċirkustanzi bħal dawn, meta Stat Membru jistabbilixxi sistema ta’ dikjarazzjoni, li b’hekk ma tipprovdix għal evalwazzjoni tar-riskju abbażi b’mod partikolari tal‑karatteristiċi u l-kundizzjonijiet ambjentali tas-sit ikkonċernat, huwa dan l-Istat Membru li għandu juri li d-dispożizzjonijiet li huwa adotta jippermettu li jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li kull pjan jew kull proġett suġġett għal din is‑sistema ta’ dikjarazzjoni jaffettwa sit Natura 2000 b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’ il fuq, punt 32).

53      Fil-fatt, jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu ma jkunux marbutin bl-obbligu li jwettqu evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut ma’ jew meħtieġ għall-amministrazzjoni ta’ sit Natura 2000 biss jekk ikun jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa l‑imsemmi sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, punt 45, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 238).

54      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Belġju jirreferi għall-Artikolu 3 tad-digriet tal-11 ta’ Marzu  1999, li jipprovdi li s-sistema ta’ dikjarazzjoni tikkonċerna biss l-installazzjonijiet u l-attivitajiet li għandhom impatt żgħir fuq il-bniedem u fuq l-ambjent, li fir-rigward tagħhom il-gvern adotta kundizzjonijiet sħaħ.

55      Madankollu, għandu jitfakkar li anki proġett żgħir jista’ jkollu effetti notevoli fuq l-ambjent meta jkun jinsab f’post fejn il-fatturi ambjentali bħall-fawna u l-flora, l‑art, l-ilma, il-klima jew il-patrimonju kulturali jkunu sensittivi għall-inqas bidla (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 85/337, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru  1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑392/96, Ġabra p. I‑5901, punt 66).

56      Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jassumi li ċerti kategoriji ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti, iddefiniti minn oqsma ta’ attività u installazzjonijiet speċifiċi, ser ikollhom impatt żgħir fuq il-bniedem u fuq l-ambjent.

57      Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Belġju jindika li, meta r-Reġjun ta’ Wallonie fassal il‑lista tal-attivitajiet jew tal-installazzjonijiet ikklassifikati, huwa wettaq studju fuq l-attivitajiet li jista’ jkollhom effetti fuq l-ambjent, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 85/337.

58      Għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju ma pproduċiex dan l-istudju. Fi kwalunkwe każ, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li jeżiġi l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, tali studju minn qabel, b’mod partikolari, ma jistax jippermetti li jiġu previsti, bħala regola, l-effetti eventwali ta’ pjan jew ta’ proġett, flimkien ma’ pjanijiet u ma’ proġetti oħra, fuq sit partikolari.

59      Fit-tielet lok, ir-Renju tal-Belġju jsostni li, b’mod konformi mad-Digriet tal-11 ta’ Marzu  1999, meta stabbiliment ippjanat tat-tielet klassi ma jkunx jista’ josserva l‑kundizzjonijiet sħaħ applikabbli għalih, jiġi ttrasferit għat-tieni klassi. L-awtorità kompetenti, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta mid-dikjarant fl-applikazzjoni għal permess ambjentali għat-tieni klassi, b’hekk tkun tista’ tiddeċiedi li timponi evalwazzjoni tal-effetti tal-istabbiliment ippjanat fuq is-sit Natura 2000 ikkonċernat, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit.

60      Madankollu, ir-Renju tal-Belġju la pproduċa d-dispożizzjonijiet tal-kundizzjonijiet sħaħ fir-rigward tal-installazzjonijiet u l-attivitajiet imsemmija mill-Kummissjoni u lanqas ma pproduċa l-kriterji li jippermettu lid-dikjarant jiddetermina jekk l-istabbiliment ippjanat tat-tielet klassi huwiex f’pożizzjoni li josserva dawn il-kundizzjonijiet sħaħ. Dan l-Istat Membru lanqas ma jispjega b’liema mod, b’mod konkret, dawn id-dispożizzjonijiet ipattu għan-nuqqas ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-pjanijiet jew tal-proġetti li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv is-sit protett.

61      Fir-raba’ lok, ir-Renju tal-Belġju jinvoka d-dispożizzjonijiet li jimplementaw l‑Artikolu 28(2) tal-Liġi dwar il-konservazzjoni tan-natura li, fi kwalunkwe każ, tiżgura protezzjoni effettiva tas-siti Natura 2000 fir-Reġjun ta’ Wallonie.

62      Madankollu, dan l-Istat Membru jagħti biss ir-referenzi taż-żewġ Digrieti tal-Gvern ta’ Wallonie tat-23 ta’ Ottubru 2008 msemmija fil-punt 34 ta’ din is‑sentenza, mingħajr ma jeżamina l-kontenut tagħhom jew jispjega għalfejn dawn id-digrieti huma, fil-fehma tiegħu, biżżejjed sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

63      Fil-ħames lok, ir-Renju tal-Belġju jsemmi wkoll l-obbligu li jiġi osservat il-odiċi tal-ambjent iżda ma jispeċifikax, b’mod konkret, b’liema mod id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi, moqrija flimkien mal-kundizzjonijiet ġenerali, huma xierqa biex jiżguraw il-ħarsien tal-ambjent.

64      Mis-suespost jirriżulta li r-Renju tal-Belġju ma pproduċiex provi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet li adotta humiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li kull pjan jew proġett suġġett għas-sistema ta’ dikjarazzjoni jaffettwa sit Natura 2000 b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet suesposti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma imponiex fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet, suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni, evalwazzjoni tal-effetti ambjentali xierqa meta dawn l-attivitajiet jistgħu jaffettwaw sit Natura 2000, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma imponiex fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet, suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni, evalwazzjoni tal-effetti ambjentali xierqa meta dawn l-attivitajiet jistgħu jaffettwaw sit Natura 2000, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

2)      Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top