Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0529

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ Jannar 2013.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni — Obbligu ta’ rkupru — Nuqqas ta’ implementazzjoni — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C‑529/09.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:31

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    24 ta’ Jannar 2013 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni — Obbligu ta’ rkupru — Nuqqas ta’ implementazzjoni — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja”

    Fil-Kawża C-529/09,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2009,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J.-J. Kasel (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2012,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, meta ma adottax fit-terminu previst il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/509/KE, tal-14 ta’ Ottubru 1998, dwar għajnuna mogħtija minn Spanja lill-impriżi tal-grupp Magefesa u lis-suċċessuri tiegħu (ĠU L 198, p. 15), għal dak li jirrigwarda l-impriża Industrias Domésticas SA (iktar ’il quddiem “Indosa”), ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 288(4) TFUE kif ukoll taħt l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Il-premessa 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), hija fformulata kif ġej:

    “Billi f’każijiet ta’ għajnuna llegali li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien; billi huwa xieraq li r-radd lura jsir f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali; billi l-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri m’għandhomx, billi jipprevjenu l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, timpedixxi l-qawmien mill-ġdid tal-kompetizzjoni effettiva; billi sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni”.

    3

    L-Artikolu 14 tar-regolament imsemmi, bit-titolu “Rkupru ta’ għajnuna”, jipprovdi:

    “1.   Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […] Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

    2.   L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] skond l-Artikolu [278 TFUE], ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità.”

    4

    Skont l-Artikolu 23(1) tal-istess regolament:

    “Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mad-deċiżjonijiet kondizzjonali jew negattivi, b’mod partikolari f’każijiet imsemmija fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni tista’ tirreferi l-argument lill-Qorti tal-Ġustizzja direttament […] f’konformità ma’ l-Artikolu [108(2) TFUE].”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    Il-kuntest fattwali

    5

    Magefesa huwa grupp ta’ impriżi industrijali Spanjoli li jiffabbrikaw oġġetti tad-dar.

    6

    Il-grupp Magefesa huwa kkostitwit, b’mod partikolari, minn erba’ impriżi, jiġifieri Indosa, stabbilita fil-País Vasco, Cubertera del Norte SA (iktar ’il quddiem “Cunosa”) u Manufacturas Gur SA (iktar ’il quddiem “GURSA”), stabbiliti f’Cantabria, kif ukoll Manufacturas Inoxidables Gibraltar SA (iktar ’il quddiem “MIGSA”), stabbilita f’Andalucía.

    7

    Peress li sab ruħu f’diffikultajiet finanzjarji gravi sa mis-sena 1983, il-grupp Magefesa kien is-suġġett ta’ programm ta’ azzjoni li kien jipprovdi, b’mod partikolari, għal tnaqqis fin-numru tal-ħaddiema tiegħu kif ukoll għall-għoti ta’ għajnuna mill-Gvern ċentrali Spanjol u mill-Gvernijiet reġjonali tal-Komunitajiet awtonomi tal-País Vasco, ta’ Cantabria u ta’ Andalucía, fejn kienu jinsabu d-diversi fabbriki tal-grupp.

    8

    Għall-finijiet tal-għoti ta’ din l-għajnuna, inħolqu kumpanniji ta’ amministrazzjoni fil-Komunitajiet awtonomi kkonċernati, jiġifieri Fiducias de la cocina y derivados SA (iktar ’il quddiem “Ficodesa”) fil-País Vasco, Gestión de Magefesa en Cantabria SA f’Cantabria u Manufacturas Damma SA f’Andalucía.

    9

    Peress li s-sitwazzjoni madankollu baqgħet tmur lura, Cunosa waqfet mill-attivitajiet tagħha fil-bidu tas-sena 1994 u ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment fit-13 ta’ April 1994, MIGSA waqfet mill-attivitajiet tagħha fl-1993 u ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment fis-17 ta’ Mejju 1999. Għal dak li jirrigwarda GURSA, din baqgħet inattiva mis-sena 1994 u, sussegwentement, ġiet iddikjarata insolventi.

    10

    Fir-rigward ta’ Indosa, din ġiet iddikjarata, wara talba f’dan is-sens min-naħa tal-impjegati tagħha, fi stat ta’ interruzzjoni ta’ ħlas permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tad-19 ta’ Lulju 1994, b’effett retroattiv ta’ din id-dikjarazzjoni għall-24 ta’ Frar 1986. Indosa, madankollu, ġiet awtorizzata, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ġdida, tkompli bl-attivitajiet tagħha sabiex ma jitpoġġiex f’sitwazzjoni perikoluża l-impjieg tal-478 ħaddiem tal-impriża.

    11

    Għal dak li jirrigwarda l-kumpanniji ta’ amministrazzjoni, Ficodesa ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment fid-19 ta’ Jannar 1995 u Manufacturas Damma SA kif ukoll Gestión de Magefesa en Cantabria SA waqfu l-attivitajiet tagħhom.

    Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

    12

    Il-grupp Magefesa kien is-suġġett ta’ żewġ proċeduri dwar għajnuna mill-Istat.

    13

    Fl-20 ta’ Diċembru 1989, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 91/1/KEE dwar l-għajnuna mogħtija fi Spanja mill-Gvern ċentrali u minn diversi Gvernijiet awtonomi lil MAGEFESA, produttur ta’ tagħmir għall-kċina magħmul mill-azzar li ma jissaddadx u ta’ strumenti elettriċi żgħar għad-dar (ĠU 1991, L 5, p. 18), li permezz tagħha din l-istituzzjoni ddikjarat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija lill-impriżi tal-grupp Magefesa, taħt il-forma ta’ garanziji ta’ self, ta’ self b’kundizzjonijiet differenti minn dawk tas-suq, ta’ għajnuna li ma hijiex rimborsabbli kif ukoll ta’ sussidju tal-interessi.

    14

    L-għajnuna, mogħtija mill-Komunità awtonoma tal-País Vasco li kienet ġiet ikkunsidrata bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni skont id-Deċiżjoni 91/1, hija maqsuma kif ġejja:

    garanzija ta’ self ta’ ESP 300 miljun, mogħtija direttament lil Indosa;

    garanzija ta’ self ta’ ESP 672 miljun, mogħtija lil Ficodesa; u

    sussidju tal-interessi ta’ ESP 9 miljuni.

    15

    Permezz tal-istess deċiżjoni, l-awtoritajiet Spanjoli kienu ġew mistiedna, b’mod partikolari, sabiex jirtiraw il-garanziji ta’ self, sabiex ibiddlu s-self issussidjat fi kreditu normali u sabiex jirkupraw l-għajnuna li ma hijiex rimborsabbli.

    16

    Fl-1997, il-Kummissjoni rċeviet ilmenti ġodda rigward il-vantaġġi li jirriżultaw għall-impriżi tal-grupp Magefesa min-nuqqas ta’ ħlas lura tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 91/1 kif ukoll min-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi finanzjarji u fiskali ta’ dawn l-impriżi. Sussegwentement, din l-istituzzjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 88(2) KE, li mbagħad sar l-Artikolu 108 TFUE] fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lil dawn l-impriżi jew lill-impriżi suċċessuri tagħhom wara s-sena 1989 u hija adottat, fl-14 ta’ Ottubru 1998, id-Deċiżjoni 1999/509. Din tal-aħħar ġiet innotifikata lill-Gvern Spanjol fid-29 ta’ Ottubru 1998.

    17

    Permezz tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli b’mod partikolari lil Indosa, taħt forma ta’ nuqqas ta’ ħlas kostanti tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet soċjali, kemm sal-jum tad-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ din l-impriża kif ukoll wara din id-data u sa Mejju tas-sena 1997.

    18

    Permezz tal-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni, ir-Renju ta’ Spanja kien ġie mistieden sabiex jadotta l-miżuri neċessarji sabiex tiġi rkuprata din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji, bil-kundizzjoni li l-ammonti rkuprati kellhom jinkludu l-interessi dovuti b’effett mill-għoti tal-imsemmija għajnuna sad-data effettiva tar-rimbors tagħha.

    19

    Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/509, ir-Renju ta’ Spanja kellu jinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, dwar il-miżuri adottati skont din id-deċiżjoni.

    20

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Diċembru 1998, ir-Renju ta’ Spanja talab l-annullament tad-Deċiżjoni 1999/509 skont l-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 230 KE, li mbagħad sar l-Artikolu 263 TFUE).

    21

    Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-480/98, Ġabra p. I-8717), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat:

    “1)

    Id-deċiżjoni [1999/509] hija annullata sa fejn hija timponi, fl-ammonti ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata, il-ġbir tal-interessi dovuti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment tal-impriżi Indosa u Cunosa fir-rigward tal-għajnuna li dawn irċevew illegalment qabel din id-dikjarazzjoni.

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

    3)

    Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.”

    22

    Fit-22 ta’ Diċembru 1999, il-Kummissjoni ppreżentat, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju ta’ Spanja intiż li jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar ma kienx adotta, fit-termini previsti, il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Deċiżjonijiet 91/1 u 1999/509.

    23

    Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-499/99, Ġabra p. I-6031), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat:

    “1)

    Minn naħa, meta ma adottax il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni [91/1] sa fejn iddikjarat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija lill-impriżi [Indosa], [GURSA], [MIGSA] u [Cunosa], u mad-deċiżjoni [1999/509], sa fejn iddikjarat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija lill-impriżi GURSA, MIGSA u Cunosa, u, min-naħa l-oħra, meta ma informax lill-Kummissjoni fit-termini mogħtija bil-miżuri meħuda għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/509, sa fejn iddikjarat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni l-għanjuna mogħtija lill-impriża Indosa, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, kif ukoll taħt l-Artikoli 2 u 3 tal-imsemmija deċiżjonijiet.

    2)

    Ir-rikors tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej huwa miċħud għall-kumplament.

    3)

    Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.”

    24

    Kif jirriżulta mir-raġunijiet tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors tal-Kummissjoni sa fejn din riedet li jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma kienx adotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Deċiżjoni 1999/509 billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-istralċ ta’ Indosa kien ġie deċiż mill-laqgħa tal-kredituri li saret fl-4 ta’ Lulju 2000.

    Id-diskussjonijiet li saru sal-preżentata ta’ dan ir-rikors

    25

    Wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja għamlu skambju ta’ korrispondenza voluminuża rigward l-irkupru tal-għajnuna msemmija fid-Deċiżjonijiet 91/1 u 1999/509 kif ukoll rigward l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.

    26

    Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm Indosa kienet ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment fl-1994, din tal-aħħar kienet kompliet bl-attivitajiet tagħha.

    27

    Bi tweġiba għat-talbiet għal informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu u tas-27 ta’ Lulju 2004 kif ukoll tal-31 ta’ Jannar 2005, l-awtoritajiet Spanjoli b’mod partikolari indikaw, permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2005, li l-ftehim ta’ stralċ ta’ Indosa kien ġie approvat fid-29 ta’ Settembru 2004, li din l-approvazzjoni kienet ġiet ikkontestata mingħajr ma dan ikkawża effett sospensiv u li, għaldaqstant, il-proċedura ta’ stralċ tal-attiv ta’ Indosa setgħet tinbeda.

    28

    Permezz ta’ ittri tal-5 ta’ Lulju u tas-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni rrilevat li, kważi tliet snin wara l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, Indosa kienet għadha għaddejja bl-attivitajiet tagħha, il-proċedura ta’ stralċ tal-attiv tagħha ma kinitx għadha nbdiet u l-għajnuna illegali kienet għadha ma ġietx irkuprata. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni talbet li l-attivitajiet ta’ Indosa jintemmu u li l-istralċ tal-attiv tagħha jitwettaq sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Jannar 2006.

    29

    Matul l-istess sena 2006, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-Deċiżjonijiet 91/1 u 1999/509 kienu ġew implementati għal dak li jikkonċerna lil GURSA, MIGSA u Cunosa, peress li dawn kienu temmew l-attivitajiet tagħhom u l-attiv tagħhom kien inbiegħ bil-prezz tas-suq. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda lil Indosa, l-iskambju ta’ korrispondenza baqa’ għaddej bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli.

    30

    Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2006, ir-Renju ta’ Spanja informa lill-Kummissjoni li l-ftehim ta’ stralċ ta’ Indosa kien sar definittiv fit-2 ta’ Mejju 2006.

    31

    Madankollu, il-Kummissjoni sostniet, f’serje ta’ ittri bid-data, fost oħrajn, tat-18 ta’ Ottubru 2006, tas-27 ta’ Jannar 2007 u tas-26 ta’ Settembru 2008, li l-attivitajiet ta’ Indosa ma kinux verament intemmu u li l-attiv tagħha ma kienx ġie llikwidat. Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta mir-Renju ta’ Spanja kienet uriet li l-attivitajiet ta’ Indosa kienu għadhom qed jitwettqu mill-kumpannija 100 % sussidjarja tagħha, jiġifieri minn Compañía de Menaje Doméstico SL (iktar ’il quddiem “CMD”), li kienet inħolqot mill-amministratur tal-proċedura ta’ falliment ta’ Indosa sabiex tiġi kkummerċjalizzata l-produzzjoni ta’ din l-impriża u li lilha ġie ttrasferit l-attiv kollu ta’ din tal-aħħar kif ukoll il-persunal tagħha. Billi qieset li l-attiv ta’ Indosa ma ġiex ittrasferit permezz ta’ proċedura miftuħa u trasparenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li CMD kienet għadha għaddejja bl-attività ssussidjata u li, konsegwentement, l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi rkuprata mingħand CMD.

    32

    Ir-Renju ta’ Spanja wieġeb permezz ta’ serje ta’ ittri fosthom dawk tat-8 ta’ Ottubru u tat-13 ta’ Novembru 2008 kif ukoll tal-24 ta’ Lulju u tal-25 ta’ Awwissu 2009, li minnhom jirriżulta li CMD kienet iddikjarat il-falliment tagħha fit-30 ta’ Ġunju 2008 u li l-amministraturi tagħha maħtura mill-qorti kienu ppreżentaw talba għal rexissjoni kollettiva tal-kuntratti ta’ xogħol tal-persunal kollu, liema talba kienet ġiet aċċettata mill-qorti nazzjonali kompetenti.

    33

    Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Awwissu, tas-7 u tal-21 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni talbet li jiġi kkomunikat lilha pjan iddettaljat li jindika d-data eżatta tat-tmiem tal-attivitajiet ta’ CMD, kif ukoll iktar informazzjoni dwar il-proċedura tat-trasferiment tal-attiv tagħha, inkluż il-prova li dan it-trasferiment kien twettaq skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Din l-istituzzjoni talbet ukoll lir-Renju ta’ Spanja sabiex jipproduċi provi tali li jistabbilixxu li l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni kienet inkluża fil-passiv ta’ CMD bħala dejn kollettiv.

    34

    Permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Settembru, tat-13 u tal-21 ta’ Ottubru 2009, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment wieġeb li CMD kienet temmet l-attivitajiet tagħha fit-30 ta’ Lulju 2009, mingħajr madankollu ma pprovda lill-Kummissjoni l-pjan iddettaljat li hija kienet talbet.

    35

    Fit-3 ta’ Settembru 2009, l-ex impjegati ta’ CMD ħolqu kumpannija b’responsabbiltà limitata li l-ishma tagħha huma miżmuma mill-ħaddiema, imsejħa Euskomenaje 1870 SLL (iktar ’il quddiem “Euskomenaje”), u li l-attività tagħha hija l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġetti tal-kċina u ta’ strumenti elettriċi żgħar. Skont ir-Renju ta’ Spanja, Euskomenaje kienet ġiet awtorizzata teżerċita “attività provviżorja” sabiex tiggarantixxi l-manutenzjoni tal-installazzjonijiet industrijali u sabiex tassumi l-ispejjeż fissi b’tali mod li jitnaqqas id-dejn kollettiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD.

    36

    Wara l-ħolqien tal-imsemmija kumpannija, l-amministraturi tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD awtorizzaw it-trasferiment provviżorju tal-attiv ta’ din tal-aħħar lil Euskomenaje sa tmiem il-proċedura ta’ stralċ ta’ CMD.

    37

    Il-Kummissjoni allura rreaġixxiet bil-mod li ġej.

    38

    Minn naħa, hija ppreżentat dan ir-rikors, li jirrigwarda n-nuqqas ta’ implementazzjoni mir-Renju ta’ Spanja tad-Deċiżjoni 1999/509 għal dak li jirrigwarda lil Indosa.

    39

    Min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni bdiet kontra r-Renju ta’ Spanja l-proċedura prevista fl-Artikolu 228 KE (li sar l-Artikolu 260 TFUE), billi bagħtitlu, fit-23 ta’ Novembru 2009, ittra ta’ intimazzjoni li permezz tagħha akkużat lil dan l-Istat Membru li ma kkonformax ruħu mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn din is-sentenza tirrigwarda d-Deċiżjoni 91/1 u tikkonċerna lil Indosa.

    L-iżviluppi wara li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita bil-kawża preżenti

    40

    Il-proċedura għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru skont id-dritt tal-Unjoni, imsemmija fil-punt preċedenti, wasslet għas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-610/10).

    41

    Minn din l-aħħar sentenza jirriżulta li, fis-26 ta’ Jannar 2010, ir-Renju ta’ Spanja informa lill-Kummissjoni li Indosa u CMD kienu għaddejjin minn stralċ u li huma kienu waqfu mill-attivitajiet tagħhom.

    42

    Permezz ta’ ittri tat-2 u tad-9 ta’ Ġunju 2010, ir-Renju ta’ Spanja indika, b’mod partikolari, li l-Komunità awtonoma tal-País Vasco ma tidhirx fuq il-lista tal-kredituri ta’ CMD relatata mal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 91/1, iżda kienet ser tkun parti fil-proċedura ta’ falliment ta’ din il-kumpannija filwaqt li titlob li d-dejn relattiv għall-imsemmija għajnuna jiġi inkluż fil-lista tal-passiv.

    43

    Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2010, ir-Renju ta’ Spanja kkomunika lill-Kummissjoni l-pjan ta’ stralċ ta’ CMD u d-digriet tal-qorti nazzjonali kompetenti tat-22 ta’ Ġunju 2010 li japprova dan il-pjan. Dan il-pjan jipprevedi li l-attiv kollu ta’ CMD għandu jinbiegħ lill-kredituri tagħha, jiġifieri essenzjalment lill-impjegati ta’ CMD, permezz ta’ tpaċija parzjali tad-dejn li kellha magħhom sakemm ma tiġix ippreżentata offerta aħjar f’terminu ta’ ħmistax-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan il-pjan. Madankollu, mill-imsemmi pjan jirriżulta li l-għajnuna illegali inkwistjoni ma tidhirx fost il-krediti rikonoxxuti.

    44

    Fit-3 ta’ Diċembru 2010, il-Komunità awtonoma tal-País Vasco ressqet talba intiża għall-inklużjoni fl-iskeda tal-krediti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD, tal-kreditu rigward il-ħlas lura tal-għajnuna mogħtija lil Indosa u ddikjarata illegali permezz tad-Deċiżjoni 91/1. Peress li l-kreditu ddikjarat f’dan ir-rigward jammonta għal madwar EUR 16.5 miljun, jiġifieri ammont kunsiderevolment inqas mit-total tal-għajnuna kkonċernata, din il-Komunità awtonoma kkoreġiet din is-somma bosta drabi sabiex tgħolliha, skont l-aħħar dikjarazzjoni tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2011, għal EUR 22 683 745, somma li tikkorrispondi għall-evalwazzjoni tal-kreditu inkwistjoni li saret mill-Kummissjoni.

    45

    Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Jannar 2011, il-Juzgado de lo Mercantil no 2 de Bilbao (Spanja) ordnat il-waqfien tal-attività ta’ CMD u l-għeluq tal-istabbilimenti tagħha.

    46

    Fit-3 ta’ Marzu 2011, il-Komunità awtonoma tal-País Vasco ressqet talba quddiem l-imsemmija ġurisdizzjoni intiża sabiex titwaqqaf l-attività ta’ Euskomenaje, li kienet isseħħ fil-bini ta’ CMD.

    47

    Fl-10 ta’ Marzu 2011, l-imsemmija Komunità awtonoma ressqet appell kontra dan id-digriet tat-22 ta’ Ġunju 2010, imsemmi fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li kien approva l-pjan ta’ stralċ ta’ CMD.

    48

    Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Jannar 2012 l-Audiencia Provincial de Bizkaia (Spanja) annullat l-imsemmi digriet u ordnat l-istralċ tal-attiv ta’ CMD f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa, trasparenti u miftuħa għal terzi.

    49

    Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ April 2012 tal-Juzgado de lo Mercantil no 2 de Bilbao, ġie rreġistrat kreditu ta’ EUR 22 683 745 favur il-Komunità awtonoma tal-País Vasco fil-passiv ta’ CMD.

    Fuq ir-rikors

    50

    Permezz ta’ att separat iddepożitat fl-4 ta’ Marzu 2010 fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju ta’ Spanja qajjem, kontra r-rikors tal-Kummissjoni, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 91(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-verżjoni tagħhom applikabbli fl-imsemmija data. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-31 ta’ Awwissu 2010 li tinkludi din l-eċċezzjoni mal-mertu tal-kawża u li teżaminaha fl-istess ħin ma’ dan tal-aħħar.

    Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

    L-argumenti tal-partijiet

    51

    Ir-Renju ta’ Spanja jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors preżenti, minħabba li dan imur kontra l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

    52

    F’dan id-dawl, it-tliet kundizzjonijiet mitluba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi aċċettata l-eċċezzjoni tal-awtorità ta’ res judicata, jiġifieri l-identiċità tal-partijiet, tal-għan u tal-kawża, huma, skont ir-Renju ta’ Spanja, sodisfatti kollha fil-kawża ineżami. Fil-fatt, ir-rikors huwa bejn l-istess partijiet, jiġifieri l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja, is-suġġett huwa identiku fiż-żewġ kawżi, peress li jittrattaw id-Deċiżjoni 1999/509, u l-kawża hija l-istess, peress li r-rikors li ta lok għall-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja kien ibbażat fuq l-Artikolu 88(2) KE, dispożizzjoni li llum tikkorrispondi għall-Artikolu 108(2) TFUE.

    53

    Dejjem skont ir-Renju ta’ Spanja, peress li, fis-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li r-Renju ta’ Spanja kien ikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija deċiżjoni, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli peress li jirrigwarda kwistjoni li diġà ġiet deċiża. Fil-fatt, fil-punt 43 tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet sempliċement ikkonstatat, għal dak li jirrigwarda lil Indosa, ksur minn dan l-Istat Membru biss tal-obbligu li jinforma lill-Kummissjoni rigward il-miżuri li kienu diġà ttieħdu u rigward dawk li kellhom jittieħdu sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna mogħtija lil din l-impriża. Għall-kuntrarju, mill-punti 40, 44 u 46 tal-istess sentenza jirriżulta li r-rikors ippreżentat minn din l-istituzzjoni kien ġie miċħud sa fejn ir-Renju ta’ Spanja ġie kkritikat li ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mogħtija lil Indosa, u dan minħabba li, skont il-punti 33 u 35 tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, il-laqgħa tal-kredituri kienet iddeċidiet li din tal-aħħar kellha titqiegħed taħt stralċ.

    54

    Ir-Renju ta’ Spanja jżid li, għal dak li jirrigwarda l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi informata bil-miżuri adottati għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/509 fit-terminu previst minnha, mill-punt 42 tas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kumissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li, inkonformità mal-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, it-terminu kien skada fid-29 ta’ Diċembru 1998, b’tali mod li llum ikun impossibbli li dan l-obbligu jiġi sodisfatt.

    55

    Il-Kummissjoni ssostni li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda.

    56

    Din l-istituzzjoni tesponi f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-awtorità ta’ res judicata tapplika biss għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-462/05, Ġabra p. I-4183, punt 23, u tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummisjoni vs Il-Lussemburgu, C-526/08, Ġabra p. I-6180, punt 27).

    57

    Iktar preċiżament, inkonformità ma’ din l-istess ġurisprudenza, fil-każ ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina jekk din il-bidla tikkostitwixxix bidla fundamentali tal-premessa li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fis-sentenza preċedenti tagħha u, fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-Kummissjoni tkun tista’ tippreżenta rikors ġdid.

    58

    Issa, skont il-Kummissjoni, dan huwa preċiżament il-każ hawnhekk.

    59

    Fil-fatt, fil-punt 33 tas-sentenza tagħha tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażat ruħha fuq il-premessa li “inżammet laqgħa tal-kredituri fl-4 ta’ Lulju 2000 sabiex jiġi deċiż dwar il-kontinwazzjoni jew il-waqfien tal-attivitajiet ta’ Indosa u ġie deċiż li l-impriża kellha tiġi stralċjata f’terminu ta’ erba’ xhur”.

    60

    Sussegwentement, irriżulta li, kuntrarjament għal dak li kien ġie deċiż waqt l-imsemmija laqgħa tal-kredituri, Indosa ma kinitx ġiet stralċjata iżda, għall-kuntrarju, l-attivitajiet tagħha tkomplew, inizjalment direttament minn Indosa stess u, iktar tard, permezz ta’ CMD, li hija s-sussidjarja ta’ din tal-aħħar.

    61

    Għaldaqstant, il-premessi fattwali essenzjali li fuqhom kienet ibbażata s-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinux seħħew. Il-fatti msemmija fil-punt preċedenti jikkostitwixxu fil-fatt elementi ġodda, li ma kinux ġew deċiżi minn din l-istess sentenza, b’tali mod li s-suġġett ta’ din il-kawża huwa differenti minn dak tal-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza.

    62

    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, hija ma setgħatx tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors kontra r-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 260(2) TFUE sa fejn, f’dak il-perijodu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma kkonstatatx li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jirkupra l-għajnuna mogħtija illegalment lil Indosa, kif previst fid-Deċiżjoni 1999/509.

    63

    Il-Kummissjoni żżid li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, din l-istituzzjoni tkun imċaħħda mill-istrumenti li t-Trattat FUE jipprovdilha sabiex tobbliga lil Stat Membru jimplementa deċiżjoni meħuda sabiex tiġi rrimedjata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni. L-argument tar-Renju ta’ Spanja jinnega għaldaqstant l-effettività kollha tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u, bl-istess mod, tad-deċiżjoni li kienet ikkonstatat l-illegalità tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawża ineżami.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    64

    Fl-ewwel lok, huwa importanti li titfakkar l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, dan il-prinċipju huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

    66

    Minn ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, madankollu, li l-awtorità ta’ res judicata tapplika biss għall-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jkunu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Sabiex jiġi deċiż jekk il-Kummissjoni osservatx il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata meta ppreżentat dan ir-rikors, huwa xieraq li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-kuntest fattwali u ġuridiku taż-żewġ proċeduri kkonċernati, teżistix essenzjalment identiċità ta’ fatt u ta’ dritt bejn il-kawża preżenti u dik li wasslet għas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

    68

    B’mod iktar partikolari, għandu jiġi evalwat jekk is-suġġett tal-kawża preżenti huwiex l-istess bħal dak li wassal għall-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

    69

    Fit-tieni lok, huwa xieraq li jiġi nnotat li l-possibbiltà ta’ rikors mogħtija mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE tikkostitwixxi biss varjant tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, adattata b’mod speċifiku għall-problemi partikolari li tippreżenta l-għajnuna mill-Istat għall-kompetizzjoni fis-suq intern (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-378/98, Ġabra p. I-5107, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    70

    Fil-kuntest tal-proċeduri mibdija skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddeċidiet li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem it-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

    71

    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-data rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE hija, minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tipprovdix fażi prekontenzjuża, kuntrarjament għall- Artikolu 258 TFUE, u minħabba li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma toħroġx opinjoni motivata li timponi terminu lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni, bħala regola ġenerali, dik li kienet stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ implementazzjoni tagħha jkun qiegħed jiġi kkontestat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-331/09, Ġabra p. I-2933, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-1 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-354/10, punt 61, u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-485/10, punt 31).

    72

    Għal dak li jirrigwarda t-terminu mogħti f’dan il-każ, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/509 jistabbilixxi terminu ta’ xahrejn, li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tagħha, sabiex ir-Renju ta’ Spanja jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri adottati sabiex jikkonforma ruħu ma’ din id-deċiżjoni.

    73

    Peress li l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet innotifikata lir-Renju ta’ Spanja fid-29 ta’ Ottubru 1998, it-terminu ta’ xahrejn imsemmi fl-Artikolu 3 tagħha skada fid-29 ta’ Diċembru ta’ wara.

    74

    Madankollu, fil-kawża inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, kif diġà ntqal fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ diskussjonijiet twal li kienu saru bejn il-partijiet fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet iffissat, fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2005, terminu ġdid li kien jiskadi fil-25 ta’ Jannar 2006 sabiex l-imsemmi Stat Membru jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li joħorġu mid-Deċiżjoni 1999/509.

    75

    Huwa għaldaqstant xieraq li jiġi kkunsidrat li t-terminu ffissat mill-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni kien ġie ssostitwit b’dak li jirriżulta mill-ittra tas-16 ta’ Diċembru 2005, b’tali mod li huwa dan l-aħħar terminu li huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 28; Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, punt 50, u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 31).

    76

    Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-kuntest tal-proċedura preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina s-sitwazzjoni fattwali u legali viġenti fil-25 ta’ Jannar 2006 u li, għaldaqstant, id-data rilevanti fil-kawża inkwistjoni hija ħafna iktar sussegwenti għal dik ta’ meta ngħatat is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

    77

    F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi validament sostnut li l-kawża preżenti u dik li wasslet għall-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja għandhom l-istess suġġett.

    78

    Issa, kif tfakkar fil-punti 67 u 68 tas-sentenza preżenti, identiċità fis-suġġett fiż-żewġ kawżi inkwistjoni, fis-sens li dawn jirrelataw mal-istess sitwazzjoni fil-fatt u fid-dritt, tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikun jista’ jiġi rrikonoxxut li l-ewwel deċiżjoni ġudizzjarja għandha l-awtorità ta’ res judicata fir-rigward ta’ din il-kawża.

    79

    Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja u bbażata fuq l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda.

    Fuq il-mertu

    L-argumenti tal-partijiet

    80

    Il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta’ Spanja li ma ħax il-miżuri li timplika l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/509 għal dak li jirrigwarda l-irkupru tal-għajnuna mogħtija illegalment lil Indosa.

    81

    Fil-fatt, għalkemm l-imsemmija impriża kienet ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment sa mis-sena 1994, din l-għajnuna la kienet irkuprata minnha u lanqas ma kienet irreġistrata bħala dejn kollettiv tal-falliment ta’ din l-impriża.

    82

    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-attivitajiet ta’ Indosa kienu baqgħu għaddejjin, minkejja d-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ din tal-aħħar, inizjalment minn Indosa stess u mbagħad, iktar tard, minn kumpannija 100 % sussidjarja tagħha, jiġifieri minn CMD. Barra minn hekk, it-trasferiment tal-attiv ta’ Indosa lil CMD seħħ b’mod li ma kienx trasparenti u mingħajr ebda sejħa għal offerti.

    83

    Għal dak li jirrigwarda lil CMD, kumpannija li, sussegwentement, kienet ukoll iddikjarata fi stat ta’ falliment, il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Spanjoli la pproċedew għall-irkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni mingħand din l-impriża u lanqas ma rreġistraw il-kreditu rigward il-ħlas lura ta’ din l-għajnuna fl-iskeda tal-krediti fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ din tal-aħħar.

    84

    Barra minn hekk, wara l-waqfien tal-attivitajiet ta’ CMD, il-vantaġġ kompetittiv li kien irriżulta mill-benefiċċju tal-għajnuna illegali baqgħet tibbenefika minnu Euskomenaje, impriża maħluqa minn ex impjegati ta’ CMD sabiex titkompla l-attività eżerċitata sa dak iż-żmien minn din tal-aħħar. Dan kollu jwassal, skont il-Kummissjoni, sabiex jiġi kkunsidrat li din it-tranżazzjoni għal darba oħra serviet sabiex jiġu evitati l-obbligi li jirriżultaw mill-istralċ tal-kumpannija li bbenefikat mill-għajnuna illegali, u dan sa fejn it-trasferiment tal-attiv ta’ CMD lil Euskomenaje kien sar mingħajr pubbliċità u mingħajr ebda korrispettiv.

    85

    Ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra, min-naħa l-oħra, li huwa adotta l-miżuri kollha li kienu jaqgħu taħt is-setgħa tiegħu sabiex jiggarantixxi l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/509.

    86

    F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni essenzjalment li, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-inklużjoni tal-kreditu rigward il-ħlas lura tal-għajnuna illegali inkwistjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD, il-Komunità awtonoma tal-País Vasco ħadet serje ta’ passi għal dan il-għan.

    87

    Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-waqfien tal-attività ssussidjata, ir-Renju ta’ Spanja jammetti li din kompliet għaddejja fil-bini ta’ CMD permezz ta’ Euskomenaje. Dan l-Istat Membru jikkunsidra mandakollu li huwa ħa l-passi neċessarji sabiex titwaqqaf din l-attività.

    88

    Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-bejgħ tal-attiv ta’ CMD, ir-Renju ta’ Spanja jqis, filwaqt li jagħmel riferiment għas-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-496/09, Ġabra p. I-11483), li huwa biżżejjed, għall-finijiet tal-implementazzjoni ta’ obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, li jiġi inkluż fl-iskeda tal-krediti l-kreditu li jikkonċerna l-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni, u b’hekk il-bejgħ bil-prezz tas-suq tal-attiv tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna ma kienx għadu meħtieġ.

    89

    Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-kredituri pubbliċi ma setgħux jgħaġġlu l-istralċ ta’ CMD peress li dan kien qed isir taħt is-sorveljanza ta’ qorti u skont il-proċedura prevista mil-liġi nazzjonali applikabbli. Kien hemm diversi diffikultajiet indipendenti mill-volontà tar-Renju ta’ Spanja li kienu wasslu għal dewmien f’din l-operazzjoni ta’ stralċ. In-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija huwa dovut għall-fatt li l-impriżi inkwistjoni jinsabu fi stat ta’ falliment.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    90

    Preliminarjament, huwa xieraq li jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    91

    Għaldaqstant, l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali huwa marbut, skont l-Artikolu 288 TFUE, li jadotta l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dan għandu jwassal għall-irkupru effettiv tas-somom dovuti sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-għajnuna illegali (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 u 56).

    92

    Skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, l-irkupru ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, isir mingħajr dewmien u inkonformità mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn dawn tal-aħħar jippermettu l-implementazzjoni immedjata u effettiva tal-imsemmija deċiżjoni, tali kundizzjoni tirrifletti l-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ effettività stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-243/10, punt 36).

    93

    Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors, huwa għaldaqstant importanti li jiġi vverifikat jekk l-ammonti tal-għajnuna illegali inkwistjoni kinux ingħataw lura fit-terminu mogħti mill-impriża li bbenefikat minnha.

    94

    Hemm lok li jiġi kkonstatat qabel kollox li l-kawża li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda unikament l-għajnuna mogħtija lil Indosa u li ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 1999/509.

    95

    Huwa xieraq li jitfakkar f’dan ir-rigward li, inkonformità ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-data ta’ referenza għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE hija dik prevista fid-deċiżjoni li n-nuqqas ta’ implementazzjoni tagħha jkun qiegħed jiġi kkontestat jew, jekk ikun il-każ, dik li l-Kummissjoni tkun iffissat suċċessivament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

    96

    Kif diġà ntqal fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza, id-data rilevanti fil-kawża ineżami hija dik tal-iskadenza tat-terminu ffissat mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2005, jiġifieri l-25 ta’ Jannar 2006.

    97

    Issa, fil-każ preżenti, huwa paċifiku li, f’din l-aħħar data, l-għajnuna illegali li minnha bbenefikat Indosa ma kinitx ġiet irkuprata mingħand din l-impriża. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi kkonstatat li, għal dak li jirrigwarda lil Indosa, l-ebda ammont imsemmi fid-Deċiżjoni 1999/509 ma kien is-suġġett ta’ rkupru sad-data tas-seduta f’din il-kawża.

    98

    Sitwazzjoni bħal din hija manifestament inkompatibbli mal-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jasal għal irkupru effettiv tal-ammonti dovuti u tikkostitwixxi manifestament ksur tad-dmir ta’ implementazzjoni immedjata u effettiva tal-imsemmija deċiżjoni.

    99

    Huwa wkoll skont ġurisprudenza stabbilita li l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE hija dik li tirriżulta mill-impossibbiltà assoluta li tiġi implementata korrettament id-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    100

    Issa, fil-kawża preżenti, ir-Renju ta’ Spanja lanqas biss ma allega tali impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni.

    101

    Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li jitfakkar li, minn naħa, il-kundizzjoni rigward l-eżistenza ta’ impossibbiltà assoluta ma tkunx sodisfatta meta l-Istat Membru konvenut sempliċement jinvoka diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi li huwa kellu jħabbat wiċċu magħhom fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata, mingħajr ma jieħu l-passi neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand l-impriżi inkwistjoni u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni metodi alternattivi għall-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li jistgħu jippermettu li jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet, u li, min-naħa l-oħra, allegati problemi interni li wieħed jiltaqa’ magħhom fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza minn dan l-Istat Membru tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 u 72).

    102

    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-imsemmi Stat Membru sabiex jiddefendi ruħu, li huma bbażati fuq allegati diffikultajiet ta’ natura interna, f’ebda każ ma jistgħu jiġu ammessi sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ implementazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/509.

    103

    Għal dak li jirrigwarda l-fatt, invokat mir-Renju ta’ Spanja, li Indosa, kif ukoll CMD, is-suċċessura tagħha, kienu ġew iddikjarati fi stat ta’ falliment u li l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni kien impossibbli minħabba l-assenza ta’ attivi, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta għajnuna mogħtija illegalment għandha tiġi rkuprata minn impriża li tinsab fi stat ta’ falliment jew li tkun suġġetta għal proċedura li l-għan tagħha jkun il-likwidazzjoni tal-attiv u l-clearance tal-passiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-fatt li din l-impriża tinsab f’diffikultà jew fi stat ta’ falliment ma jaffettwax l-obbligu ta’ rkupru (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    104

    Huwa wkoll skont ġurisprudenza stabbilita li l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ qabel u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi l-kreditu relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-krediti (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    105

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fid-data rilevanti tal-25 ta’ Jannar 2006, l-għajnuna illegali inkwistjoni ma kinitx is-suġġett ta’ tali inklużjoni.

    106

    Meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża kif ukoll tal-argumenti sottomessi mill-partijiet, huwa xieraq, barra minn hekk, li jiġi ppreċiżat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, anki li kieku l-inklużjoni tal-kreditu rigward l-għajnuna inkwistjoni fl-iskeda tal-krediti kienet saret fit-terminu previst, it-twettiq ta’ din il-formalità ma kienx ikun biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġi ssodisfat l-obbligu li tiġi implementata d-Deċiżjoni 1999/509 u sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-benefiċċju ta’ din l-għajnuna.

    107

    Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, l-inklużjoni fl-iskeda tal-krediti tal-kreditu li jirrigwarda l-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata tippermetti li jiġi sodisfatt l-obbligu tal-irkupru biss jekk, fil-każ li l-awtoritajiet tal-Istat ma jkunux jistgħu jirkupraw it-totalità tal-għajnuna, il-proċedura ta’ falliment twassal għall-istralċ tal-impriża li tkun ibbenefikat mill-għajnuna illegali, jiġifieri għall-waqfien definittiv tal-attività tagħha (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    108

    F’dan il-każ, madankollu, jirriżulta li mhux biss Indosa ma kinitx għadha s-suġġett ta’ stralċ fil-25 ta’ Jannar 2006, iżda li, barra minn hekk, l-attivitajiet tagħha baqgħu għaddejjin permezz ta’ CMD, u mbagħad permezz ta’ Euskomenaje.

    109

    Issa, meta l-impriża li tkun ibbenefikat mill-għajnuna illegali tkun tinsab fi stat ta’ falliment u meta tkun inħolqot kumpannija ġdida sabiex tkompli bl-attivitajiet ta’ din l-impriża fi stat ta’ falliment, it-tkomplija ta’ din l-attività, mingħajr ma tkun ġiet irkuprata kompletament l-għajnuna inkwistjoni, tista’ ttawwal id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv li bbenefikat minnu din l-impriża fis-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Għaldaqstant, tali kumpannija ġdida tista’, jekk tibqa’ tibbenefika minn dan il-vantaġġ, tkun obbligata tirrimborsa l-għajnuna inkwistjoni. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta jiġi stabbilit li din il-kumpannija tkun għadha effettivament tibbenefika mill-vantaġġ kompettitiv marbut mal-benefiċċju tal-imsemmija għajnuna, b’mod partikolari, meta hija tipproċedi għall-akkwist tal-attivi tal-impriża fi stralċ mingħajr ma tħallas bħala korrispettiv prezz skont il-kundizzjonijiet tas-suq jew meta l-ħolqien ta’ tali kumpannija kellu l-effett li jiġi evitat l-obbligu li titħallas lura l-imsemmija għajnuna. Dan japplika, b’mod partikolari, fil-każ fejn il-ħlas ta’ prezz skont il-kundizzjonijiet tas-suq ma jkunx biżżejjed sabiex jinnewtralizza l-vantaġġ kompetittiv li jikkorrispondi għall-ġbir tal-għajnuna illegali. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti b’ebda mod ma huma invalidati mis-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mir-Renju ta’ Spanja (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 106 u 108).

    110

    F’dan id-dawl, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, fil-każ inkwistjoni, ir-Renju ta’ Spanja ma adotta, fit-terminu mogħti, ebda miżura ta’ natura li tiżgura l-irkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni.

    111

    F’dan is-sens, minn naħa, kien biss fit-3 ta’ Diċembru 2010 li l-Komunità awtonoma tal-País Vasco ressqet talba intiża għall-inklużjoni ta’ parti mill-kreditu dwar il-ħlas lura tal-għajnuna illegali fl-iskeda tal-krediti fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 23 u 73 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-kreditu ddikjarat f’dan ir-rigward kien dwar l-għajnuna ddikjarata illegali permezz tad-Deċiżjoni 91/1, filwaqt li din il-kawża tirrigwarda l-għajnuna msemmija fid-Deċiżjoni 1999/509.

    112

    Min-naħa l-oħra, kien biss fit-3 ta’ Marzu 2011 li l-imsemmija Komunità awtonoma ressqet talba quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 2 de Bilbao li kienet intiża sabiex titwaqqaf l-attività ta’ Euskomenaje, li kienet isseħħ fil-bini ta’ CMD.

    113

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti kollha, hemm lok għaldaqstant li jiġi konkluż li r-Renju ta’ Spanja ma jistax jippretendi b’mod validu li implementa d-Deċiżjoni 1999/509, b’tali mod li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jitqies bħala fondat kollu kemm hu.

    114

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, peress li ma adottax, fit-terminu previst, il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Deċiżjoni 1999/509 għal dak li jirrigwarda lil Indosa, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll taħt l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    115

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Peress li ma adottax, fit-terminu previst, il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/509/KE, tal-14 ta’ Ottubru 1998, dwar għajnuna mogħtija minn Spanja lill-impriżi tal-grupp Magefesa u lis-suċċessuri tiegħu, għal dak li jirrigwarda l-impriża Industrias Domésticas SA, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll taħt l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni.

     

    2)

    Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top