Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0518

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tal-21 ta' Lulju 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Libertà ta' stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi - Eżerċizzju tal-attivitajiet ta' tranżazzjoni fuq il-proprjetà immobbli.
Kawża C-518/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:501





Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Lulju 2011 – Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall

(Kawża C-518/09)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ tranżazzjoni fuq il-proprjetà immobbli”

1.                     Libertà ta’ stabbiliment - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Restrizzjonijiet - Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħmilx distinzjoni bejn il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-impriżi li jipprovdu senserija fuq il-proprjetà immobbli u l-aġenti ta’ proprjetà immobbli - Obbligu impost fuq impriżi li jipprovdu senserija fuq il-proprjetà immobbli u fuq l-aġenti tal-proprjetà immobbli stabbiliti fi Stat Membru ieħor li joħolqu aġenzija immobiljari fl-Istat Membru kkonċernat sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attività tagħhom hemmhekk - Inammissibbiltà - Ġustifikazzjoni - Assenza (Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE) (ara l-punti 61-75, 87 u d-dispożittiv)

2.                     Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Restrizzjonijiet - Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, minn naħa, fuq impriżi li jipprovdu senserija fuq il-proprjetà immobbli u fuq l-aġenti tal-proprjetà immobbli l-obbligu li jissottoskrivu f’assigurazzjoni konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u li jiddisponu minn kapital tagħhom stess li jkollu bilanċ pożittiv u, min-naħa l-oħra, li jissuġġettaw impriżi bħal dawn għall-kontroll dixxiplinari sħiħ tal-organu nazzjonali responsabbli mis-settur tal-kostruzzjoni - Inammissibbiltà - Ġustifikazzjoni - Assenza (Artikolu 56 TFUE) (ara l-punti 76-84, 87 u d-dispożittiv)

3.                     Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Restrizzjonijiet - Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-impriżi li jipprovdu senserija fuq il-proprjetà immobbli l-obbligu li jeżerċitaw l-attività tagħhom b’mod esklużiv bl-eċċezzjoni tal-amministrazzjoni ta’ beni f’isem terz, u għall-aġenti tal-proprjetà immobbli l-obbligu li jeżerċitaw l-attività tagħhom b’mod esklużiv - Inammissibbiltà - Ġustifikazzjoni - Assenza (Artikolu 56 TFUE) (ara l-punti 64-66, 85-87 u d-dispożittiv)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE -Eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ tranżazzjoni fuq proprjetà immobbli.

Dispożittiv

1)

Ir-Repubblika Portugiża,

–        billi ppermettiet l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ senserija fuq il-proprjetà immobbli biss fil-kuntest ta’ aġenzija tal-proprjetà immobbli;

–        billi imponiet fuq impriżi li jipprovdu senserija fuq il-proprjetà immobbli u fuq l-aġenti tal-proprjetà immobbli stabbiliti fi Stati Membri oħra l-obbligu li jkopru r-responsabbiltà professjonali tagħhom permezz tas-sottoskrizzjoni f’assigurazzjoni konformi mal-leġiżlazzjoni Portugiża;

–        billi imponiet fuq impriżi li jipprovdu senserija fuq il-proprjetà immobbli stabbiliti fi Stati Membri oħra l-obbligu li jiddisponu minn kapital tagħhom stess li jkollu bilanċ pożittiv fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, u

–        billi ssuġġettat lill-impriżi li jipprovdu senserija fuq il-proprjetà immobbli u fuq l-aġenti tal-proprjetà immobbli stabbiliti fi Stati Membri oħra għal kontroll dixxiplinari sħiħ tal-Instituto de Construção e do Imobiliário IP,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 TFUE, u

–        billi imponiet fuq impriżi li jipprovdu senserija fuq il-proprjetà immobbli l-obbligu li jeżerċitaw b’mod esklużiv l-attività ta’ senserija fuq il-proprjetà immobbli, ħlief fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ beni immobbli f’isem terzi, u

–        billi imponiet fuq aġenti tal-proprjetà immobbli l-obbligu li jeżerċitaw b’mod esklużiv l-attività ta’ aġent tal-proprjetà immobbli,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

2)

Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Top