This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0516
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 10 March 2011.#Tanja Borger v Tiroler Gebietskrankenkasse.#Reference for a preliminary ruling: Oberster Gerichtshof - Austria.#Social security for workers - Regulation (EEC) No 1408/71 - Scope ratione personae - Interpretation of the term ‘employed person’ - Benefits for a dependent child - Extension of unpaid leave.#Case C-516/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-10 ta' Marzu 2011.
Tanja Borger vs Tiroler Gebietskrankenkasse.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
Sigurtà soċjali għall-ħaddiema - Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae - Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘ħaddiem impjegat’ - Benefiċċji għal wild dipendenti - Estensjoni tal-leave mhux imħallas.
Kawża C-516/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-10 ta' Marzu 2011.
Tanja Borger vs Tiroler Gebietskrankenkasse.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
Sigurtà soċjali għall-ħaddiema - Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae - Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘ħaddiem impjegat’ - Benefiċċji għal wild dipendenti - Estensjoni tal-leave mhux imħallas.
Kawża C-516/09.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:136
Kawża C-516/09
Tanja Borger
vs
Tiroler Gebietskrankenkasse
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)
“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘ħaddiem impjegat’ — Benefiċċji għal wild dipendenti — Estensjoni tal-leave mhux imħallas”
Sommarju tas-sentenza
Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Ħaddiem fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 — Kunċett — Persuna li tibbenefika minn estensjoni tal-leave mhux imħallas wara t-twelid tal-wild tagħha — Inklużjoni — Kundizzjonijiet
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 1(a))
1 Il-kwalità ta’ “ħaddiem impjegat”, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1606/98, għandha tiġi attribwita lil persuna li taqa’ taħt skema ta’ sigurtà soċjali indipendenti mill-eżistenza ta’ attività professjonali preċedenti jew preżenti, li matul il-perijodu ta’ estensjoni ta’ sitt xhur tal-leave mhux imħallas tagħha insegwitu għat-twelid tal-wild tagħha, deliberatament estendiet il-leave mhux imħallas bi ftehim ma’ min jimpjegaha biss sabiex tkompli tirċievi l‑allowance għall-wild dipendenti u li l-perijodi ta’ affiljazzjoni mal-iskema ta’ assigurazzjoni għall‑pensjoni fi Stat jistgħu jiġu kontabilizzati fi Stat ieħor fil-mument tal-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-pensjoni, bil-kundizzjoni li matul dak il-perijodu, dik il persuna tkun assigurata, anki jekk biss kontra riskju wieħed, permezz ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew volontarja ma’ skema tas-sigurtà soċjali ġenerali jew speċifika msemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir regolament.
(ara l-punti 27, 30, 33 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
10 ta’ Marzu 2011 (*)
“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘ħaddiem impjegat’ – Benefiċċji għal wild dipendenti – Estensjoni tal-leave mhux imħallas”
Fil-Kawża C‑516/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2009, fil-proċedura
Tanja Borger
vs
Tiroler Gebietskrankenkasse,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn K. Schiemann (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal T. Borger, minn H. Burmann, P. Wallnöfer u R. Bacher, avukati,
– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u M. Van Hoof, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem impjegat”, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-skemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn T. Borger u t-Tiroler Gebietskrankenkasse fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtiha l-allowance għall-wild dipendenti matul is-sitt xhur addizzjonali ta’ leave meħuda insegwitu għall-iskadenza tal-perijodu statutorju li huwa ta’ sentejn mit-twelid tal-wild tagħha.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li, għall-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar:
“[…]
a) ‘persuna impjegata’ u ‘persuna li taħdem għal rasha’ jfissru rispettivament
i) kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili;
ii) kull persuna li għandha polza ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja għall‑waħda jew iktar mill-kontinġenzi koperti mill-friegħi tas-sigurtà soċjali trattati f’dan ir-Regolament, fuq skema ta’ sigurtà soċjali għar‑residenti kollha jew għall-popolazzjoni kollha tax-xogħol jekk dawn il-persuni:
– jistgħu jiġu identifikati bħala persuni [impjegati jew] qiegħda [jaħdmu għal rashom] bis-saħħa tal-manjiera li fiha hija amministrata jew finanzjata din l-iskema,
jew
– fin-nuqqas ta’ dawn il-kriterji, għandhom polza ta’ l‑assigurazzjoni għal xi kontinġenza oħra speċifikata fl-Anness [I] fuq skema għall-persuni fuq ix-xogħol [impjegati jew li jaħdmu għal rashom], jew bil-fors jew b’għażla fuq bażi kontinwa jew fejn ebda skema ma teżisti fl-Istat Membru konċernat, taqbel mad-definizzjoni mogħtija fl-Anness I;
iii) kull persuna li tkun assikurata fuq bażi obbligatorja għal diversi kontinġenzi koperti mill-fergħat ittrattati f’dan ir-Regolament, taħt skema tas-sigurtà soċjali standard għall-popolazzjoni rurali kollha skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness I;
iv) kwalunkwe persuna li hija volontarjament assigurata għall-kontinġenza waħda jew iktar koperti mill-friegħi li tkellimna dwarhom f’dan ir‑Regolament, taħt skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru għall‑impjegati jew dawk li jaħdmu għal rashom jew għar-residenti kollha inkella għal ċerti kategoriji ta’ residenti:
– jekk tali persuna twettaq xi attività bħala impjegata jew taħdem għal rasha
jew
– jekk tali persuna kienet qabel assigurata bilfors għall-istess kontinġenza taħt skema għall-persuni impjegati jew jaħdmu għal rashom għall-istess Stat Membru;
[…]”
4 Il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l‑Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6), jiddisponi, fl-Artikolu 1 tal-Anness II tiegħu, dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali:
“1. Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-kuntest tal-koordinazzjoni tal‑iskemi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-firma tal-ftehim u kif emendati bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l‑atti.
2. Il-frażi “Stat Membru” jew “Stati Membri” fl-atti li għalihom isir riferiment fis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandha tinftiehem li tinkludi l-Isvizzera, flimkien mal-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 Is-Sezzjoni A ta’ dan l-anness, jirreferi b’mod partikolari għar‑Regolament Nru 1408/71.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 Skont l-Artikolu 15(1) tal-liġi tal-1979 dwar il-protezzjoni tal-maternità (Mutterschutzgesetz 1979, BGBl. 221/1979), fuq talba tal-impjegat, leave mhux imħallas għandu jingħata sakemm il-wild jilħaq l-età ta’ sentejn, jekk dan jgħix fid-dar tal-impjegat.
7 L-Artikolu 15(3) ta’ din l-istess liġi jiddisponi li l-leave mhux imħallas jista’ jiġi estiż bi ftehim f’data lil hinn minn dan il-perijodu. Jekk dan il-leave għandu bħala effett iż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol effettiva, dan madankollu jikkawża s‑sospensjoni tal-obbligi prinċipali tal-liġi tax-xogħol matul il-perijodu ta’ dan il‑leave.
8 Skont il-liġi dwar l-allowance għall-wild dipendenti (Kinderbetreuungsgeldgesetz), ġenitur għandu dritt għal allowance għall-wild dipendenti jekk, b’mod partikolari, dan il-ġenitur u l-wild jgħixu fit-territorju Awstrijak. Jekk ġenitur wieħed biss jibbenefika mill-allowance għall-wild dipendenti, il-ħlas tiegħu għandu jintemm mhux iktar tard minn meta l-wild jilħaq l-età ta’ 30 xahar.
9 Skont il-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tal-liġi ġenerali dwar l-assigurazzjoni soċjali Awstrijaka (Österreichische Allgemeine Sozialversicherungsgesetz, iktar ’il quddiem l-“ASVG”), il-ħaddiema impjegati ma’ wieħed jew iktar huma affiljati ma’ assigurazzjoni għall-mard, għall-inċidenti u għall-pensjoni (kopertura sħiħa).
10 L-Artikoli 7 u 8 tal-ASVG jelenkaw kategoriji ta’ persuni li huma biss affiljati ma’ taqsima waħda jew tnejn tal-assigurazzjoni soċjali. Għalhekk, huma parzjalment affiljati mal-assigurazzjoni għall-pensjoni, skont il-punt 2 tal‑Artikolu 8(1) tal-ASVG, il-persuni li jrabbu l-uliedhom fit-territorju nazzjonali b’mod effettiv matul l-ewwel 48 xhar wara it-twelid, meta skont din il-liġi, huma jkunu affiljati mal-assigurazzjoni għall-pensjoni jew ikunu għadhom ma humiex hekk assigurati.
11 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni, ir‑rekwiżit li jirrigwarda l-fatt li l-wild inkwistjoni jiġi mrobbi fit-territorju nazzjonali huwa wkoll sodisfatt jekk il-wild jitrabba fl‑Isvizzera.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Wara t-twelid ta’ binha fis-7 ta’ Jannar 2006, T. Borger, ċittadina Awstrijaka residenti fl-Awstrija, ibbenefikat minn leave mhux imħallas sas-7 ta’ Jannar, 2008. Sussegwentement, bi ftehim ma’ min jimpjegaha, hija estendiet b’sitt xhur dan il-leave mhux imħallas, sas-6 ta’ Lulju 2008.
13 Matul Marzu 2007, T. Borger marret tgħix flimkien ma’ binha fl-Isvizzera, fejn żewġha kien jaħdem sa mis-sena 2006.
14 Għall-perijodu bejn il-5 ta’ Marzu 2006 u t-28 ta’ Frar 2007, it-Tiroler Gebietskrankenkasse ħallas lil T. Borger allowance għall-wild dipendenti u, għall‑perijodu bejn l-1 ta’ Marzu 2007 u s-6 ta’ Jannar 2008, benefiċċju ta’ kumpens. Madankollu, it-talba ta’ T. Borger għall-ħlas tal-allowance għall-wild dipendenti, u għaż-żamma tal-benefiċċju tas-sigurtà soċjali għal sitt xhur addizjonali ġiet miċħuda.
15 Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2008, it-Tiroler Gebietskrankenkasse irtira l-benefiċċju ta’ kumpens tal-allowance għall-wild dipendenti b’effett mis-7 ta’ Jannar 2008, minħabba li, billi T. Borger ma kinitx qiegħda effettivament taħdem fl-Awstrija, kienet il-Konfederazzjoni Svizzera li kellha r-responsabbiltà tħallas il‑benefiċċji tal-familja, il-post fejn ir-raġel ta’ T. Borger kien jaħdem u fejn kienu jirrisjedu l-membri kollha tal-familja.
16 Il-qorti tar-rinviju osservat li, insegwitu għad-dikjarazzjonijiet tat-Tiroler Gebietskrankenkasse, ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ T. Borger ma’ min kien jimpjegaha fl-Awstrija kienet intemmet minnufih wara s-sitt xhur ta’ leave mhux imħallas addizzjonali.
17 Fl-ilment tagħha tal-15 ta’ Frar 2008, T. Borger sostniet li t-Tiroler Gebietskrankenkasse kellu jħallasha għall-perijodu mis-7 ta’ Jannar sas-6 ta’ Lulju 2008, benefiċċju ta’ kumpens tal-allowance għall-wild dipendenti. Hija esponiet li, minkejja li hija kienet ibbenefikat minn leave mhux imħallas matul dan il-perijodu, hija xorta waħda kellha tkun ikkunsidrata li qiegħda f’relazzjoni ta’ xogħol effettiva u, għalhekk, bħala ħaddiem fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71. Hija tenfasizza li matul il-perijodu kollu ta’ edukazzjoni ta’ binha hija kienet parzjalment affiljata mal-assigurazzjoni għall-pensjoni Awstrijaka.
18 Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talba ta’ T. Borger u kkundannat lit-Tiroler Gebietskrankenkasse jħallas l-allowance għall-wild dipendenti għall-perijodu mis‑7 ta’ Jannar sas-6 ta’ Lulju 2008.
19 L-appell li sar mit-Tiroler Gebietskrankenkasse ma ntlaqax mill-qorti tal-appell. Din kkunsidrat li persuna li rabbiet lill-wild tagħha matul l-ewwel 48 xahar wara t‑twelid ta’ dan tal-aħħar hija parzjalment affiljata għall-assigurazzjoni għall‑pensjoni obbligatorja. Hija qieset li, fir-rigward ta’ din l-affiljazzjoni parzjali, ir-Repubblika tal-Awstrija kellha tħallas il-benefiċċji tal-familja, irrispettivament minn jekk, wara l-perijodu statutorju ta’ leave mhux imħallas, kien għad hemm relazzjoni ta’ xogħol.
20 It-Tiroler Gebietskrankenkasse appella ulterjorment din id-deċiżjoni, u tenna l‑argument li jgħid, li matul il-perijodu mis-7 ta’ Jannar sas-6 ta’ Lulju 2008, T. Borger ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem impjegat fl-Awstrija. Huwa sostna quddiem il-qorti tar‑rinviju li T. Borger talbet għal leave mhux imħallas addizzjonali wara t-tmiem tal-perijodu statutorju, bl-għan waħdieni li tirċievi l‑benefiċċji tal-familja. Huwa barra minn dan isostni li l-assigurazzjoni parzjali għall-pensjoni ma hijiex parti minn skema ta’ assigurazzjoni soċjali għall‑ħaddiema u li l-kwalità ta’ ħaddiem ma tistax tiġi attribwita lil persuna li tipprovdi l-edukazzjoni ta’ binha mingħajr ma’ jkollha l-ebda relazzjoni ta’ xogħol.
21 T. Borger, min-naħa tagħha, sostniet li l-kwalità ta’ “ħaddiem” fis-sens tar‑Regolament Nru 1408/71 jiddependi biss milli tkun affiljata ma’ taqsima tas‑sigurtà soċjali u, fil-każ tagħha, mal-assigurazzjoni għall-pensjoni jew ukoll mal-assigurazzjoni għall-mard marbuta mal-allowances ta’ maternità.
22 Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof tirreferi għall-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, Ġabra p. I‑2691; tal-4 ta’ Mejju 1999 Sürül, C‑262/96, Ġabra p. I‑2685, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer, C‑543/03, Ġabra p. I‑5049), fejn skontha jirriżulta li sabiex persuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71, il-kriterju determinanti huwa li tkun affiljata fi skema ta’ sigurtà soċjali għall-ħaddiema, filwaqt li l-fatt li din tkun taħdem huwa irrilevanti, u li leave mhux imħallas għall-perijodu speċifiku ma jistax itellef lil persuna l‑istatus tagħha ta’ “ħaddiem” fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.
23 Skont l-Oberster Gerichtshof, ċerti elementi jindikaw favur il-konklużjoni li tgħid li affiljazzjoni parzjali mal-assigurazzjoni tal-pensjoni prevista, f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ T. Borger fil-punt 2(g) tal-Artikolu 8(1) tal-ASVG ma jikkostitwixxux affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali fis-sens tar‑Regolament Nru 1408/71. Hija, fil-fatt tqis, li affiljazzjoni parzjali sseħħ indipendentement mill-eżistenza ta’ attività professjonali preċedenti jew preżenti, eżerċitata għal rasu jew bħala impjegat.
24 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 1(a) tar-Regolament […] Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis‑sens li huwa jkopri wkoll – għal perijodu ta’ sitt xhur – persuna li, wara l‑perijodu statutorju ta’ sentejn sospensjoni tar-relazzjoni tagħha ta’ xogħol [leave mhux imħallas] wara t-twelid ta’ wild, tiftiehem għal perijodu ulterjuri ta’ sitt xhur ta’ leave mhux imħallas mal-persuna li tħaddimha sabiex tieħu l-benefiċċji għat-tfal dipendenti jew benefiċċju ta’ kumpens korrispondenti għall-perijodu statutorju massimu, u mbagħad twaqqaf ir‑relazzjoni ta’ xogħol?
2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:
L-Artikolu 1(a) tar-Regolament […] Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis‑sens li huwa jkopri wkoll – għal perijodu ta’ sitt xhur – persuna li, wara t‑tmiem tal-perijodu statutorju ta’ sentejn sospensjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha [leave mhux imħallas], tiftiehem għal perijodu ulterjuri ta’ sitt xhur ta’ leave mhux imħallas mal-persuna li tħaddimha, jekk matul dak il‑perijodu hija tirċievi benefiċċji għat-tfal dipendenti jew benefiċċju ta’ kumpens korripsondenti?”
Fuq id-domandi preliminari
25 Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il‑kwalità ta’ “ħaddiem impjegat”, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71, għandhiex tiġi attribwita lil persuna f’sitwazzjoni bħal dik ta’ T. Borger, matul il-perijodu ta’ estensjoni ta’ sitt xhur tal-leave mhux imħallas meħuda wara t-twelid ta’ binha.
26 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, persuna għandha l-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tar‑Regolament Nru 1408/71, jekk hija tkun assigurata, anki jekk biss kontra riskju wieħed, taħt assigurazzjoni obbligatorja jew volontarja ma’ skema ġenerali jew sepċifika tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dan l-istess regolament, u dan irrispettivament mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol (sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).
27 Madankollu, il-qorti tar-rinviju l-ewwel nett tosserva, li T. Borger taqa’ taħt skema ta’ sigurtà soċjali indipendenti mill-eżistenza ta’ attività professjonali preċedenti jew preżenti. It-tieni nett, T. Borger deliberatament estendiet il-leave mhux imħallas bi ftehim ma’ min jimpjegaha biss sabiex tkompli tirċievi l‑allowance għall-wild dipendenti. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l‑affiljazzjoni ta’ T. Borger ma’ skema ta’ assigurazzjon għall-pensjoni fl-Awstrija hijiex effettivament rilevanti, billi l-perijodu ta’ edukazzjoni tal-wild li jagħti lok għall-affiljazzjoni parzjali ta’ T. Borger ma’ din is-sistema qiegħda fir-riskju li qatt ma tkun tista’ tiġi kontabilizzata fis-sistema ta’ sigurtà soċjali Awstrijaka, fil‑każ fejn il-ħlas tal-pensjoni ta’ T. Borger tkun ta’ kompetenza tal-Istat ta’ residenza, f’dan il-każ il-Konfederazzjoni Svizzera.
28 Fir-rigward tal-ewwel fost dawn l-elementi, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mis‑sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata iktar ’il fuq, li f’dak li jirrigwarda l‑kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol hija irrilevanti, bl-element determinanti f’dan ir-rigward huwa l-fatt li persuna hija assigurata, b’mod obbligatorju jew volontarju, kontra wieħed jew iktar mir-riskji fil-kuntest tal-iskema ġenerali jew speċifika tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament (sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).
29 Fir-rigward tat-tieni element imsemmi mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi personali tal-estensjoni ta’ leave mhux imħallas ma għandhom l-ebda rwol, billi l-kwalifika ta’ ħaddiem impjegat fis-sens tal‑Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71 tiddependi fuq kriterju oġġettiv, jiġifieri l-fatt li wieħed ikun assigurat, anki jekk biss kontra riskju wieħed, taħt assigurazzjoni obbligatorja jew volontarja ma’ skema ġenerali jew speċifika tas‑sigurtà soċjali msemmija f’din id-dispożizzjoni.
30 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li fil-mument tal-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-pensjoni, il-perijodi ta’ affiljazzjoni mal-iskema ta’ assigurazzjoni għall‑pensjoni fl-Awstrija jistgħu jiġu rikonoxxuti mhux f’dan l-istat, iżda fl-Isvizzera, għandu jiġi osservat li, kif sostnut mill-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix rikonoxximent tal-kwalità ta’ ħaddiem. Fil-fatt, il-possibbiltà li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71 ma tiddependix fuq it-twettiq tar-riskju kopert, u għalhekk il-kwistjoni ta’ f’liema wieħed minn fost iz-żewġ Stati se jkunu kontabilizzati dawn il-perijodi fl-eventwalità tal-irtirar, iżda mill‑fatt li effettivament wieħed ikun assigurat, anki jekk biss kontra riskju wieħed, taħt assigurazzjoni obbligatorja jew volontarja ma’ skema tas-sigurtà soċjali ġenerali jew speċifika msemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament.
31 Għalhekk, it-tliet elementi identifikati mill-qorti tar-rinviju, bħala tali, ma humiex ta’ natura li tista’ titneħħa l-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.
32 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li huma parzjalment affiljati mal‑assigurazzjoni għall-pensjoni, skont il-punt 2 tal-Artikolu 8(1) tal-ASVG, il‑persuni li jrabbu lill-uliedhom fit-territorju nazzjonali b’mod effettiv matul l‑ewwel 48 xhar wara it-twelid. Fi kwalunkwe każ, hija għandha teffettwa l‑verifiki kollha meħtieġa sabiex tiżgura li, fis-sistema legali Awstrijaka, persuna li tkun qegħda f’perijodu estiż ta’ leave mhux imħallas, bħal dik inkwistjon fil‑kawża prinċipali, tibqa’ affiljata ma’ tali skema tal-assigurazzjoni għall‑pensjoni u li tali affiljazzjoni tippermetti li din il-persuna tkun ikkunsidrata bħala assigurata, anki jekk biss kontra riskju wieħed, taħt assigurazzjoni obbligatorja jew volontarja, skont skema ġenerali jew speċifika tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71.
33 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li d-domandi magħmula jingħataw ir-risposta li l-kwalità ta’ “ħaddiem impjegat”, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar‑Regolament Nru 1408/71, għandha tiġi attribwita lil persuna fis-sitwazzjoni tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, matul il-perijodu ta’ estensjoni ta’ sitt xhur tal‑leave mhux imħallas tagħha insegwitu għat-twelid tal-wild tagħha, sakemm matul dak il-perijodu dik il-persuna tkun assigurata, anki jekk biss kontra riskju wieħed, permezz ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew volontarja ma’ skema tas‑sigurtà soċjali ġenerali jew speċifika msemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir‑regolament. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta fil-kawża li għandha quddiemha.
Fuq l-ispejjeż
34 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-kwalità ta’ “ħaddiem impjegat”, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l‑applikazzjoni tal-skemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal‑familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il‑Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 118/97, tat‑2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998, għandha tiġi attribwita lil persuna fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, matul il-perijodu ta’ estensjoni ta’ sitt xhur tal-leave mhux imħallas tagħha insegwitu għat‑twelid tal-wild tagħha, sakemm matul dak il-perijodu dik il‑persuna tkun assigurata, anki jekk biss kontra riskju wieħed, permezz ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew volontarja ma’ skema tas‑sigurtà soċjali ġenerali jew speċifika msemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir‑regolament. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk din il‑kundizzjoni hijiex sodisfatta fil-kawża li għandha quddiemha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.