Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0484

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-17 ta' Marzu 2011.
    Manuel Carvalho Ferreira Santos vs Companhia Europeia de Seguros SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal da Relação do Porto - il-Portugall.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 72/166/KE - Artikolu 3(1) - Direttiva 84/5/KEE - Artikolu 2(1) - Direttiva 90/232/KEE - Artikolu 1- Dritt għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur - Kundizzjonijiet għal limitazzjoni - Kontribut għad-danni - Nuqqas ta’ tort imputabbli lis-sewwieqa - Responsabbiltà għar-riskju.
    Kawża C-484/09.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:158

    Kawża C-484/09

    Manuel Carvalho Ferreira Santos

    vs

    Companhia Europeia de Seguros SA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação do Porto)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 72/166/KEE — Artikolu 3(1) — Direttiva 84/5/KEE — Artikolu 2(1) — Direttiva 90/232/KEE — Artikolu 1— Dritt għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Kundizzjonijiet għal limitazzjoni — Kontribut għad-danni — Nuqqas ta’ tort imputabbli lis-sewwieqa — Responsabbiltà għar-riskju”

    Sommarju tas-sentenza

    Approssimazzjoni tal-liġijiet — Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza —Direttivi 72/166, 84/5 u 90/232 — Determinazzjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi

    (Direttivi tal-Kunsill 72/166, Artikolu 3(1), 84/5, Artikolu 2(1), u 90/232, Artikolu 1)

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva 84/5, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva 90/232, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, meta ħabta bejn żewġ vetturi tikkawża danni mingħajr ma jkun jista’ jiġi imputat xi tort lis-sewwieqa, taqsam ir-responsabbiltà fir-rigward tal-imsemmija danni proporzjonalment skont il-grad ta’ kontribut ta’ kull waħda mill-vetturi għat-twettiq ta’ dawn id-danni u, fil-każ ta’ dubju dwar dan il-punt, tiffissa l-imsemmi grad ta’ kontribut b’mod ugwali.

    Fil-fatt, peress li hija ma għandhiex l-effett li teskludi awtomatikament jew li tillimita b’mod sproporzjonat, id-dritt tas-sewwieq ta’ vettura bil-mutur li bata danni personali waqt ħabta ma’ vettura bil-mutur oħra, għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, iżda sempliċement tipprevedi li r-responsabbiltà ċivili tinqasam proporzjonalment skont il-kontribut ta’ kull waħda mill-vetturi fit-twettiq tad-danni, u konsegwentement dan għandu impatt fuq l-ammont tal-kumpens, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma taffettwax il-garanzija, prevista mid-dritt tal-Unjoni, li s-sistema ta’ responsabbiltà ċivili, applikabbli skont id-dritt nazzjonali, tiġi koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi msemmija hawn fuq.

    (ara l-punti 43, 44, 46 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    17 ta’ Marzu 2011(*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 72/166/KEE – Artikolu 3(1) – Direttiva 84/5/KEE – Artikolu 2(1) – Direttiva 90/232/KEE – Artikolu 1– Dritt għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Kundizzjonijiet għal limitazzjoni – Kontribut għad-danni – Nuqqas ta’ tort imputabbli lis-sewwieqa – Responsabbiltà għar-riskju”

    Fil-Kawża C-484/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal da Relação do Porto (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

    Manuel Carvalho Ferreira Santos

    vs

    Companhia Europeia de Seguros SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Ventrella, avvocato dello Stato,

    –        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Yerrell u M. Telles Romão, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p 10; iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”), tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3; iktar ’il quddiem: it-“Tieni Direttiva”), kif ukoll tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249, iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Carvalho Ferreira Santos (iktar ’il quddiem “M. Carvalho”) u Companhia Europeia de Seguros SA (iktar ’il quddiem “Europeia de Seguros”) dwar il-kumpens min-naħa ta’ din tal-aħħar, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għad-danni mġarrba minn M. Carvalho waqt ħabta bejn il-vettura tiegħu u vettura li r-responsabbiltà ċivili tagħha hija koperta minn Europeia de Seguros.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

    3        Skont l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva:

    “Kull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

    4        L-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva jipprovdi li:

    “Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull dispożizzjoni statutorja jew kull klawsola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assigurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) ta’ [l-Ewwel Direttiva] li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

    –        persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan,

          jew

    –        persuni li ma jkollhomx liċenzja li tippermettilhom isuqu l-vettura kkonċernata,

          jew

    –        persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura kkonċernata, għandha,

    għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ [l-Ewwel Direttiva], titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident.

    Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fl-ewwel inċiż tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jista’ jipprova li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.

    Stati Membri għandu jkollhom l-għażla — fil-każ ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom — li ma japplikawx id-dispożizzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu jekk u sakemm il-vittma tkun tista’ takkwista kumpens għall-ħsara li saritilha minn korp ta’ sigurtà soċjali.”

    5        L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jipprovdi li:

    “Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tat-[Tieni Direttiva], l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) ta’ [l-Ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura.

    [...]”

    6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, p. 14), intitolat “Emendi għad-Direttiva 90/232/KEE”, jipprovdi li:

    “Id-Direttiva 90/232/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

    [...]

    2)      l-Artikolu li ġej għandu jiġi mdaħħal:

          “Artikolu 1a

    L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva] għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr [vettura bil-]mutur li, bħala konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skond il-liġi ċivili nazzjonali. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ danni.”

    [...]”

    7        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, p. 11), intitolat “Kategoriji speċjali ta’ vittmi” jipprovdi li:

    “1.      Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 għandha tkopri r-responsabbiltà għal danni personali tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura.

    […]

    3.      L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà li jsofru dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur li, b’konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skont il-liġi ċivili nazzjonali.

    Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ kumpens.”

     Id-dritt nazzjonali

    8        Skont l-Artikolu 503(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż:

    “Kull persuna li effettivament issuq vettura bil-mutur u li tużaha għall-interessi tagħha, anki jekk permezz ta’ persuna inkarigata minnha, hija responsabbli għall-ħsara li tirriżulta mir-riskji konnessi mal-vettura nnifisha, kemm jekk tintuża u kemm jekk ma tintużax.”

    9        Skont l-Artikolu 504(1) tal-istess Kodiċi:

    “Ir-responsabbiltà għad-danni kkawżati minn vetturi hija favur terzi, kif ukoll il-persuni passiġġieri.”

    10      L-Artikolu 506 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż jipprovdi li:

    “Jekk mill-ħabta bejn żewġ vetturi jirriżultaw ħsarat għat-tnejn li huma jew għal waħda minnhom, u ma jkunx jista’ jiġi attribwit it-tort lil xi wieħed mis-sewwieqa, ir-responsabbiltà tinqasam proporzjonalment skont kif l-imġiba perikoluża ta’ kull waħda mill-vetturi tkun ikkontribwiet għad-danni; jekk id-danni jkunu ġew ikkawżati minn waħda biss mill-vetturi, mingħajr it-tort ta’ xi wieħed mis-sewwieqa, hija biss il-persuna responsabbli li għandha tħallas il-kumpens.

    2.      Fil-każ ta’ dubju, il-kontribut għall-inċident ta’ kull waħda mill-vetturi u t-tort ta’ kull wieħed mis-sewwieqa jitqiesu li kienu ugwali.”

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    11      Fil-5 ta’ Awwissu 2000, il-mutur żgħir misjuq minn M. Carvalho ħabat ma’ vettura żgħira misjuqa minn Nogueira Teixeira. Peress li M. Carvalho ġarrab trawma fil-kranju, huwa ddaħħal l-isptar u kellu jibqa’ fis-sodda għal diversi xhur. Minn dak iż-żmien huwa ma għadux f’pożizzjoni li jeżerċita professjoni.

    12      Wara dan l-inċident, M. Carvalho ppreżenta kawża kontra Europeia de Seguros bħala l-assiguratriċi ta’ Nogueira Teixeira bbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur. Permezz ta’ din il-kawża, M. Carvalho qed ifittex li jikseb kumpens ta’ EUR 154 456.36 għal danni patrimonjali u dawk mhux materjali li huwa ġarrab minħabba l-imsemmi inċident.

    13      Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li ma jista’ jiġi imputat l-ebda tort lil sewwieq jew lill-ieħor. Peress li għad hemm dubju dwar il-grad ta’ kontribut għad-danni min-naħa tal-vetturi involuti fl-inċident, għandu japplika l-Artikolu 506(2) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż li jiffissa l-parti tar-responsabbiltà ċivili ta’ kull wieħed mis-sewwieqa għal 50 %.

    14      Skont din il-qorti, ir-responsabbiltà tas-sewwieq tal-vettura li kkawżat il-ħsarat huwa limitat proporzjonalment skont il-kontribut tal-vettura tal-vittma fit-twettiq tal-imsemmija danni. Il-limitazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà twassal għal limitazzjoni proporzjonata tal-kumpens dovut lill-vittma minn Europeia de Seguros, ibbażata fuq l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur.

    15      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li sewwieq li safa vittma jkun ikkontribwixxa huwa stess għad-danni li jirriżultaw minn ħabta ma jċaħħdux għaldaqshekk mill-kwalità ta’ parti inġurjata, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Ewwel Direttiva. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kumpens tad-danni personali tiegħu, is-sewwieq li safa vittma jibbenefika mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2005, Candolin et (C‑537/03, Ġabra p. I‑5745).

    16      Issa, abbażi ta’ dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jippermettu li jitnaqqas jew li jiġi limitat il-kumpens tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku minħabba li dawn ikkontribwixxew għad-danni li huma ġarrbu imorru kontra d-dritt tal-Unjoni inkwantu huma jċaħħdu lill-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva mill-effettività tagħhom.

    17      Il-qorti tar-rinviju tirrileva b’mod partikolari li filwaqt li tirrikonoxxi li r-responsabbiltà ċivili hija qasam li jibqa’ taħt il-kompeteza tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dawn tal-aħħar għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, liema dritt ma jippermettix li jitnaqqas il-kumpens dovut lill-vittma mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur ħlief f’każijiet eċċezzjonali u abbażi ta’ evalwazzjoni individwali.

    18      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju għandha dubbji dwar il-kompatibbiltà tas-sistema ta’ responsabbiltà ċivili, applikabbli fil-kawża prinċipali, mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq.

    19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Relação do Porto ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “F’inċident tat-traffiku li ma jkun imputabbli għal nuqqas tal-ebda wieħed mis-sewwieqa, u li jikkawża danni personali u materjali lil wieħed mis-sewwieqa (il-parti inġurjata li qed titlob il-kumpens), il-fatt li r-responsabbiltà għar-riskju tista’ tinqasam (Artikolu 506(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili), b’effett dirett fuq l-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas lill-parti inġurjata għad-danni materjali u mhux materjali li jirriżultaw mid-danni personali (fil-fatt dan it-tqassim ta’ responsabbiltà għar-riskju jwassal għal tnaqqis proporzjonali tal-ammont tal-kumpens), huwa kuntrarju għad-dritt Komunitarju, jiġifieri għall-Artikoli 3(1) tal-[Ewwel Direttiva], 2(1) tat-[Tieni Direttiva] u 1 tat-[Tielet Direttiva], kif interpretati mill-[Qorti tal-Ġustizzja]?”

     Fuq id-domanda preliminari

    20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, meta ħabta bejn żewġ vetturi tikkawża danni mingħajr ma jkun jista’ jiġi imputat l-ebda tort lis-sewwieqa, taqsam ir-responsabbiltà fir-rigward tal-imsemmija danni proporzjonalment skont il-grad ta’ kontribut ta’ kull waħda mill-vetturi għat-twettiq ta’ dawn id-danni u, fil-każ ta’ dubju dwar dan il-punt, tiffissa l-imsemmi grad ta’ kontribut b’mod ugwali.

    21      Il-Gvern Portugiż jippreċiża li, bis-saħħa tal-Artikoli 483 u 499 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż, id-dritt għal kumpens tal-vittma huwa direttament u proporzjonalment marbut mal-parti ta’ responsabbiltà ċivili kkonstatata skont l-Artikolu 506 tal-imsemmi kodiċi.

    22      Il-Gvern Ġermaniż, dak Taljan u dak Awstrijak isostnu li kemm mill-għan kif ukoll mill-kliem tal-Ewwel u tat-Tieni Direttiva ma jirriżultax li dawn huma intiżi li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri. L-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni kien dak li jirregola l-portata tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u mhux is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli fil-każ ta’ inċident li jinvolvi l-imsemmija vetturi.

    23      Minn dan isegwi li l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-kriterji għall-imputazzjoni tad-danni ddefiniti mid-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ewwel u tat-Tieni Direttiva. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar tippreżumi li l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-portata tad-danni li jistgħu jiġu kkumpensati tkun diġà ssolviet mid-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili.

    24      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-preambolu tal-Ewwel u tat-Tieni Direttivi juru li dawn jippruvaw, minn naħa, jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li jinsabu abbord dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident (sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, C‑129/94, Ġabra p. I-1829, punt 13, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, C‑348/98, Ġabra p. I-6711, punt 24).

    25      Għal dan il-għan, kif jirriżulta mit-tmien premessa tagħha, l-Ewwel Direttiva stabbilixxiet sistema bbażata fuq il-preżunzjoni li l-vetturi li huma normalment ibbażati fit-terrritorju tal-Unjoni jkunu koperti minn assigurazzjoni. L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi għaldaqstant li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni (sentenza Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

    26      Madankollu, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, dan l-artikolu kien iħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw id-danni koperti kif ukoll il-modalitajiet tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur. Sabiex inaqqas id-diverġenzi li komplew jeżistu fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ assigurazzjoni bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, kif tirrileva t-tielet premessa tat-Tieni Direttiva, l-Artikolu 1 tagħha impona, fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, kopertura obbligatorja ta’ danni materjali u ta’ danni personali sa ammonti ddeterminati, u l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva estenda dan l-obbligu għall-kopertura tad-danni personali kkawżati lill-passiġġieri l-oħra minbarra s-sewwieq (sentenza Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

    27      Għaldaqstant, l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, kif iċċarat u kkompletat mit-Tieni u t-Tielet Direttivi, jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u jippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terzi li jkunu sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (sentenza Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

    28      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan l-obbligu rigward il-kumpens, mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għad-danni kkawżati lil terzi li jkunu sfaw vittmi, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat.

    29      Għaldaqstant fid-dawl tal-għan tal-protezzjoni tal-vittimi, li kienet kontinwament ikkonfermata mill-ġdid fid-direttivi inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jipprekludi li l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur ikun jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet legali jew klawżoli kuntrattwali sabiex jirrifjuta li jikkumpensa lil terzi li sfaw vittmi ta’ inċident ikkawżat mill-vettura assigurata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Ruiz Bernáldez, punt 20, kif ukoll Candolin et, punt 18).

    30      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva sempliċement ifakkar dan l-obbligu għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet jew il-klawżoli ta’ polza ta’ assigurazzjoni li jeskludu, mill-kopertura tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, id-danni kkawżati lil terzi minħabba l-użu jew is-sewqan tal-vettura assigurata minn persuni mhux awtorizzati li jsuqu l-vettura, persuni li ma għandhomx liċenzja tas-sewqan jew persuni li ma jissodisfawx l-obbligi legali ta’ natura teknika li jikkonċernaw il-kundizzjoni u s-sigurtà tal-vettura (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ruiz Bernaldez, punt 21 kif ukoll Candolin et, punt 19).

    31      Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kopertura minn assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ta’ danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn tal-aħħar, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda hija ddefinita u ggarantita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni waħda hija rregolata, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Farrell, C‑356/05, Ġabra p. I-3067, punt 32).

    32      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-għan tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttivi, kif ukoll mill-kliem tagħhom, jirriżulta li huma ma humiex intiżi li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili fl-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Candolin et, punt 24, kif ukoll Farrell, punt 33).

    33      Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jippreċiża t-tip ta’ responsabbiltà ċivili, għal tort jew għal riskju, fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, li għandha tiġi koperta minn assigurazzjoni obbligatorja.

    34      Madankollu, l-Istati Membru huma obbligati jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi msemmija hawn fuq (sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Farrell, punt 33).

    35      Barra minn hekk, fir-rigward tad-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Candolin et, punt 27, kif ukoll Farrell, punt 34).

    36      Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili li jirregolaw il-kumpens għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi ma jistgħux iċaħħdu lil dawn l-artikoli mill-effettività tagħhom (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Candolin et, punt 28, kif ukoll Farrell, punt 34).

    37      Madankollu, dan ikun il-każ jekk ir-responsabbiltà tal-vittma fir-rigward ta’ danni li hija ġarrbet, hekk kif tirriżulta mill-evalwazzjoni skont id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili, mill-kontribut tagħha għat-twettiq tal-imsemmija danni jkollha bħala konsegwenza li teskludi awtomatikament jew li tillimita b’mod sproporzjonat id-dritt tagħha għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur għad-danni li huwa responsabbli għalihom l-assigurat.

    38      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali, iddefinita abbazi ta’ kriterji ġenerali u astratti, ma tistax tirrifjuta jew tillimita b’mod sproporzjonat id-dritt tal-passiġġier li jiġi kkumpensat mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur fuq is-sempliċi bażi tal-kontribut tiegħu għat-twettiq tal-imsemmija danni. Huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali u fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-portata ta’ tali dritt jista’ jiġi llimitat b’mod sproporzjonat (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Candolin et, punt 30, kif ukoll Farrell, punt 35).

    39      F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kumpens, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili, għad-danni subiti mis-sewwieq ta’ vettura bil-mutur waqt ħabta bejn din il-vettura u vettura bil-mutur oħra, iżda fin-nuqqas ta’ tort imputabbli lis-sewwieqa. B’differenza mill-fatti li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Candolin et kif ukoll Farrell, it-tnaqqis tal-kumpens għad-danni subiti mis-sewwieq ma jirriżultax minn limitazzjoni tal-kopertura għar-responsabbiltà ċivili mill-assigurazzjoni, iżda minn limitazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tal-assigurat, skont is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli.

    40      Fil-fatt, skont l-Artikolu 506(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż, meta ħabta bejn żewġ vetturi tipprovoka danni u l-ebda tort ma jista’ jiġi imputat lis-sewwieqa, ir-responsabbiltà ċivili ta’ dawn tal-aħħar hija maqsuma proporzjonalment skont il-kontribut ta’ kull waħda mill-vetturi fit-twettiq tal-imsemmija danni. Fil-każ ta’ dubju dwar il-grad ta’ kontribut tal-vetturi għat-twettiq tad-danni, l-Artikolu 506(2) jipprovdi li dan huwa ffissat f’partijiet ugwali.

    41      Fi kliem ieħor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali hija intiża sabiex taqsam ir-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati matul ħabta bejn żewġ vetturi bil-mutur, fin-nuqqas ta’ tort imputabbli lis-sewwieqa.

    42      Kif ġie rrilevat mill-Gvern Portugiż, dan it-tqassim ta’ responsabbiltà ser jiddetermina l-kumpens dovut minn kull wieħed mis-sewwieqa, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili rispettiva, għad-danni kkawżati fil-ħabta.

    43      Bil-kontra tal-kuntesti ġuridiċi rispettivi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Candolin et kif ukoll Farrell, l-Artikolu 506 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż ma għandux l-effett li jeskludi awtomatikament jew li jillimita b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittmi, li f’dan il-każ huwa dak tas-sewwieq ta’ vettura bil-mutur li ġarrab danni personali waqt ħabta ma’ vettura bil-mutur oħra, għal kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni sempliċement tipprovdi li r-responsabbiltà ċivili tinqasam proprozjonalment skont il-kontribut ta’ kull waħda mill-vetturi fit-twettiq tad-danni, u konsegwentement dan għandu impatt fuq l-ammont tal-kumpens.

    44      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-garanzija, prevista mid-dritt tal-Unjoni, li s-sistema ta’ responsabbiltà ċivili, applikabbli skont id-dritt nazzjonali, tiġi koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi msemmija hawn fuq.

    45      Barra minn hekk din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 1a tat-Tielet Direttiva, miżjud magħha bid-Direttiva 2005/14/KE, li tinkludi riferiment għad-dritt nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-kopertura għad-danni personali u materjali mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur. Peress li din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-imsemmija danni jkunu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur sa fejn il-persuni inġurjati għandhom dritt għal kumpens skont id-dritt nazzjonali, ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward tas-sewwieq ta’ vettura bil-mutur meta huwa vittma u koresponsabbli għad-danni personali li huwa ġarrab wara inċidenti li jinvolvi vettura oħra. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/103/KE jirriżulta, barra minn hekk, li l-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja għad-danni kkawżati lil kategoriji speċifiċi ta’ vittmi, b’mod partikolari, dawk li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur kif ukoll il-passiġġieri, la tippreġudika r-responsabbiltà u lanqas l-ammont tal-kumpens tal-imsemmija danni.

    46      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, meta ħabta bejn żewġ vetturi tikkawża danni mingħajr ma jkun jista’ jiġi imputat xi tort lis-sewwieqa, taqsam ir-responsabbiltà fir-rigward tal-imsemmija danni proporzjonalment skont il-grad ta’ kontribut ta’ kull waħda mill-vetturi għat-twettiq ta’ dawn id-danni u, fil-każ ta’ dubju dwar dan il-punt, tiffissa l-imsemmi grad ta’ kontribut b’mod ugwali.

     Fuq l-ispejjeż

    47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, meta ħabta bejn żewġ vetturi tikkawża danni mingħajr ma jkun jista’ jiġi imputat xi tort lis-sewwieqa, taqsam ir-responsabbiltà fir-rigward tal-imsemmija danni proporzjonalment skont il-grad ta’ kontribut ta’ kull waħda mill-vetturi għat-twettiq ta’ dawn id-danni u, fil-każ ta’ dubju dwar dan il-punt, tiffissa l-imsemmi grad ta’ kontribut b’mod ugwali.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Top