Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 62009CJ0440

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tat-3 ta' Marzu 2011.
    Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Nowym Sączu vs Stanisława Tomaszewska.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Sąd Najwyższy - il-Polonja.
    Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti - Artikolu 45(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Perijodu minimu meħtieġ mid-dritt nazzjonali għall-ksib ta’ dritt għal pensjoni ta’ rtirar - Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni mwettaq fi Stat Membru ieħor - Aggregazzjoni - Metodi ta’ kalkolu.
    Kawża C-440/09.

    ECLI-indikator: ECLI:EU:C:2011:114

    Kawża C-440/09

    Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Nowym Sączu

    vs

    Stanisława Tomaszewska

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy)

    “Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Artikolu 45(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Perijodu minimu meħtieġ mid-dritt nazzjonali għall-kisba ta’ dritt għal pensjoni ta’ rtirar — Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni mwettaq fi Stat Membru ieħor — Aggregazzjoni — Metodi ta’ kalkolu”

    Sommarju tas-sentenza

    Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt — Perijodi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 45(1))

    L-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-determinazzjoni tal-perijodu ta’ assigurazzjoni minimu meħtieġ mid-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-kisba tad-dritt għal pensjoni ta’ rtirar minn ħaddiem migrant, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-limitu li l-perijodi mhux kontributorji ma jistgħux jaqbżu meta mqabbla mal-perijodi kontributorji, kif previst mil-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, il-perijodi ta’ assigurazzjoni kollha mwettqa matul il-karriera professjonali tal-ħaddiem migrant, inklużi dawk imwettqa fi Stati Membri oħra.

    (ara l-punt 39 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    3 ta’ Marzu 2011 (*)

    “Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Artikolu 45(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Perijodu minimu meħtieġ mid-dritt nazzjonali għall-kisba ta’ dritt għal pensjoni ta’ rtirar – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni mwettaq fi Stat Membru ieħor – Aggregazzjoni – Metodi ta’ kalkolu”

    Fil-Kawża C‑440/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Novembru 2009, fil‑proċedura

    Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Nowym Sączu

    vs

    Stanisława Tomaszewska,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn J.-J. Kasel (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għaż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Nowym Sączu, minn D. Karwala-Szot u B. Rębilas, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Pollakk, minn J. Faldyga u A. Siwek, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 45 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l‑applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall‑persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall‑membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l‑Komunità fil‑verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir‑Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal‑Parlament u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

    2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, iż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Nowym Sączu (istituzzjoni tas-sigurtà soċjali – fond ta’ Nowy Sącz, iktar ’il quddiem iż-“Zakład Ubezpieczeń Społecznych”) u, min-naħa l-oħra, S. Tomaszewska fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni mwettaq mill‑persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor kif ukoll tal-metodi ta’ determinazzjoni tal‑perijodu minimu meħtieġ mid-dritt Pollakk għall‑kisba ta’ dritt għal pensjoni ta’ rtirar.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    3        Skont l-Artikolu 1(r) tar-Regolament Nru 1408/71, il-frażi “perjodi ta’ assigurazzjoni” tfisser perijodi ta’ kontribuzzjoni jew perijodu ta’ impjieg jew ta’ xogħol għal rasu kif iddefiniti jew magħrufa bħala perijodi ta’ assigurazzjoni bil‑leġiżlazzjoni taħt liema kienu mwettqa jew ikkunsidrati bħala mwettqa, kif ukoll il-perijodi kollha meqjusa bħala tali, fejn huma meqjusa mill-imsemmija leġiżlazzjoni bħala ekwivalenti għall-perijodi ta’ assigurazzjoni.

    4        L-Artikolu 45 tal-imsemmi Regolament, li jġib l-isem “Konsiderazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza mwettqa taħt il‑leġislazzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha, għall‑akkwist, ir-retenzjoni jew l-irkuprar tad-dritt tal-benefiċċji”, jipprovdi fil‑paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tagħmel l-akkwist, ir-retenzjoni u l‑irkuprar tad-dritt tal-benefiċċji, taħt skema li mhix skema speċjali fl‑ambitu tat‑tifsira tal-paragrafu 2 jew 3, suġġetti għat-twettiq ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, sew jekk taħt skema ġenerali jew taħt skema speċjali u sew jakk bħala persuna impjegata kif ukoll jekk persuna li taħdem għal rasha. Għal dan l-iskop, hija tieħu inkonsiderazzjoni dawn il-perjodi bħallikieku twettqu taħt il‑leġislazzjoni tagħha.”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    5        Fil-Polonja, il-pensjonijiet ta’ rtirar u pensjonijiet oħra huma rregolati permezz tal-liġi dwar il-pensjonijiet ta’ rtirar u pensjonijiet oħra mogħtija mill-fond tas‑sigurtà soċjali (ustawa o emeryturach i rentach z Funduszu Ubezpieczeń Społecznych ), tas‑17 ta’ Diċembru 1998, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal‑2004, Nru 39, entrata 353, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il‑pensjonijiet ta’ rtirar”).

    6        L-Artikolu 5 tal-liġi dwar il-pensjonijiet ta’ rtirar tipprovdi:

    “1.      Sabiex jiġi ddeterminat id-dritt għal pensjoni ta’ rtirar jew għal xi pensjoni oħra, u l-ammont li għandu jingħata għal tali pensjoni, jiġu meħuda inkunsiderazzjoni, bla ħsara għall-paragrafi 2 sa 5:

    1)      il-perijodi ta’ kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6;

    2)      il-perijodi mhux kontributorji msemmija fl-Artikolu 7.

    2.      Sabiex jiġi ddeterminat id-dritt għal pensjoni ta’ rtirar jew għal xi pensjoni oħra, u l-ammont li għandu jingħata għal tali pensjoni, il‑perijodi mhux kontributorji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sa massimu ta’ terz tal-perijodi kontributorji ipprovati.

    […]”

    7        L-Artikolu 10(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

    “Sabiex jiġi ddeterminat id-dritt għal pensjoni ta’ rtirar u l-ammont li għandu jingħata għal tali pensjoni, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala perijodi kontributorji, bla ħsara għall‑Artikolu 56:

    […]

    3)      il-perijodi ta’ impjieg mwettqa f’impriża agrikola minn persuna li kellha iktar minn 16-il sena qabel l-1 ta’ Jannar 1983, meta l‑perijodi kontributorji u mhux kontributorji ddeterminati skont l‑Artikoli 5 sa 7 huma inqas miż‑żmien meħtieġ għall-ksib ta’ dritt għal pensjoni ta’ rtirar, sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan iż-żmien meħtieġ.”

    8        L-Artikolu 29(1)(1) tal-liġi dwar il-pensjonijiet ta’ rtirar huwa redatt kif ġej:

    “Fost l-assigurati li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar 1949 u li għadhom ma laħqux l-età ta’ rtirar stabbilita fl-Artikolu 27(1), jistgħu jirtiraw:

    1)      in-nisa ta’ 55 sena magħluqa, jekk huma wettqu perijodu kontributorju u mhux kontributorju ta’ minn tal-inqas 30 sena, jew ta’ minn tal-inqas 20 sena jekk huma ġew irrikonoxxuti bħala li ġew milquta minn inkapaċità totali li jaħdmu.”

    9        Skont l-Artikolu 46 ta’ din il-liġi:

    “1.      Id-dritt għal pensjoni ta’ rtirar skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikoli 29, 32, 33 u 39 huwa wkoll disponibbli għall-assigurati li twieldu wara l-31 ta’ Diċembru 1948 u qabel l-1 ta’ Jannar 1969 jekk jissodisfaw il‑kundizzjonijiet li ġejjin:

    1)      huma ma jkunux aderixxew għal fond ta’ pensjoni miftuħ, jew għamlu talba sabiex jiġu ttrasferiti fil-baġit tal-Istat, permezz tal‑istituzzjoni tas-sigurtà soċjali, l-ammonti akkumulati fil-kontijiet tagħhom f’fond ta’ pensjoni miftuħ;

    2)      huma jissodisfaw, fil-31 ta’ Diċembru 2008, il-kundizzjonijiet għall-ksib tad-dritt għal pensjoni ta’ rtirar stabbiliti permezz ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet.”

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    10      S. Tomaszewska, li twieldet fl-1 ta’ Marzu 1952, talbet, meta għalqet l‑età ta’ 55 sena, il-benefiċċju tal-pensjoni ta’ rtirar antiċipata.

    11      Hija ma kinitx aderixxiet għall-fond ta’ pensjoni miftuħ u wettqet, fil‑Polonja, bħala kontribuzzjonijiet, perijodi kontributorji li jammontaw għal 181 xahar, perijodi mhux kontributorji li jammontaw għal 77 xahar u 11-il jum kif ukoll perijodi ta’ impjieg fi ħdan impriża agrikola tal‑ġenituri tagħha li jammontaw għal 56 xahar u 25 jum. Barra minn hekk, hija wettqet, fit-territorju tal-ex Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, perijodi kontributorji li jammontaw għal 49 xahar.

    12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2007, iż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych ċaħdet it-talba għal pensjoni ta’ rtirar imressqa minn S. Tomaszewska għar-raġuni li din ma wrietx li wettqet il-perijodu ta’ assigurazzjoni minimu indispensabbli ta’ 30 sena kif previst fl‑Artikolu 29(1)(1) tal-liġi dwar il-pensjonijiet ta’ rtirar. Peress li, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din il-liġi, il-perijodi mhux kontributorji ma jistgħux jaqbżu t-terz tal-perijodi kontributorji mwettqa fil-Polonja, iż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych ħadet inkunsiderazzjoni biss 181 xahar bħala perijodi kontributorji u 60 xahar u 10 ijiem bħala perijodi mhux kontributorji. Peress li S. Tomaszewska lanqas ma kellha ċertifikat ta’ inkapaċità totali li taħdem, iż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych qieset li hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti għall‑irtirar antiċipat tan-nisa.

    13      S. Tomaszewska ressqet azzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem is‑Sąd Okręgowy w Nowym Sączu (Qorti Reġjonali ta’ Nowy Sącz). Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2007, din tal-aħħar laqgħet parzjalment l-azzjoni ta’ S. Tomaszewska meta ddeċidiet li hija kellha dritt għal pensjoni ta’ rtirar proporzjonali sa mill-14 ta’ Mejju 2007.

    14      Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2008, is-Sąd Apelacyjny w Krakowie (Qorti tal-Appell ta’ Krakowie) ċaħdet l-appell imressaq miż‑Zakład Ubezpieczeń Społecznych u kkonfermat id-deċiżjoni meħuda fl‑ewwel istanza.

    15      Skont is-Sąd Apelacyjny w Krakowie, l-aggregazzjoni tal-perijodi tal‑assigurazzjoni mwettqa fil-Polonja u pajjiżi oħra tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi kollha ta’ kontribuzzjoni mwettqa fil-Polonja u f’pajjiżi oħra, b’mod konformi mal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-ħaddiema migranti. Fil-fatt, il-fatt li jiġi kkunsidrat li l‑perijodi mhux kontributorji ma jistgħux jammontaw għal iktar minn terz tal-perijodi kontributorji mwettqa fil‑Polonja twassal għal sitwazzjoni fejn il-perijodi mhux kontributorji jiġu meħuda inkunsiderazzjoni b’mod inqas favorevoli fil-każ ta’ ħaddiema migranti milli fil-każ ta’ persuni li jistgħu jġibu prova ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni relattivament twal fil-Polonja.

    16      Iż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych appellat billi invoka interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 45(1) tar-Regolament 1408/71 u 15(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir‑Regolament Nru 118/97 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”), kif ukoll, tal-Artikolu 5(2) tal-liġi dwar il-pensjonijiet ta’ rtirar. Fil-fatt, is-Sąd Apelacyjny w Krakowie ddeċidiet b’mod żbaljat li l-perijodi mhux kontributorji mwettqa fil-Polonja għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sakemm dawn ma jeċċedux it‑terz tal-perijodi ta’ kontribuzzjoni mwettqa fil-Polonja u f’pajjiżi oħra.

    17      Iż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych tqis li għandha tiġi segwita l-ordni indikata fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1408/71 biex jinżamm kont tal-perijodi differenti ta’ assigurazzjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk il-perijodu ta’ assigurazzjoni mwettaq fi Stat Membru huwiex biżżejjed biex jagħti dritt għal pensjoni ta’ rtirar, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għandha, fl-ewwel lok, tapplika biss il-leġiżlazzjoni ta’ dan l‑Istat Membru u tistabbilixxi jekk il-perijodu ta’ assigurazzjoni mwettaq f’dan tal-aħħar jistax jagħti dritt għal pensjoni ta’ rtirar mħallsa mill-imsemmija istituzzjoni. Jekk il-perijodi ta’ assigurazzjoni iddeterminati ma humiex biżżejjed, ikun hemm lok, fit-tieni lok, li tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stati Membri oħra.

    18      Dan l-approċċ huwa kkonfermat mill-kliem tal-Artikolu 15 tar‑Regolament Nru 574/72. Barra minn hekk, dan jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni il‑perijodi kollha ta’ assigurazzjoni mwettqa f’pajjiżi oħra, kemm dawk kontributorji kif ukoll dawk mhux kontributorji, inkwantu limitazzjoni li jista’ jkun hemm għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti perijodi ta’ kontribuzzjoni ma tapplikax għall-perijodi mwettqa f’pajjiżi oħra, u dan jikseb importanza sinjifikattiva, b’mod partikolari, fil-każ fejn tali perijodi jkunu twettqu taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi meta jikkonstata l-kisba tal-benefiċċju.

    19      Min-naħa l-oħra, skont is-Sąd Apelacyjny w Krakowie, kull Stat Membru għandu jassimila, sabiex jiddetermina d-dritt għall-benefiċċji mogħtija mis-sigurtà soċjali skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1408/71, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fit-territorju tal‑Istati Membri l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropea għall‑perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fit-territorju tiegħu.

    20      Wara li ġie kkonstatat li l-pożizzjoni tas-Sąd Apelacyjny w Krakowie kienet madankollu kkorroborata mill-kliem tal-ewwel sentenza tal‑Artikolu 46(2)(a) tar‑Regolament Nru 1408/71, dwar il-kalkolu tal‑ammont teoretiku tal-benefiċċju, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li t‑tilwima ddur mal-kwistjoni ta’ jekk il-limitu li ma jistax jinqabeż mill‑perijodi mhux kontributorji jammontax għal terz tal‑perijodi ta’ kontribuzzjoni ipprovati li twettqu fil-Polonja jew għal terz tal‑perijodi ta’ assigurazzjoni kollha mwettqa matul il-karriera professjonali tal‑assigurat, inklużi dawk imwettqa fi Stati Membri oħra.

    21      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sad Najwyższy ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “L-Artikolu 45(1) tar-Regolament [Nru 1408/71] flimkien mal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament [Nru 574/72], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru għandha – meta tikkonstata li ħaddiem naqas milli jissodisfa l-kundizzjoni li huwa għandu jkollu perijodu ta’ assigurazzjoni kkompletat f’dak l-Istat Membru suffiċjenti sabiex ikun intitolat għal pensjoni tal‑irtirar – tinkludi perijodu ta’ assigurazzjoni kkompletat fi Stat Membru ieħor b’tali mod li hija għandha tikkalkola mill-ġdid il-perijodu ta’ assigurazzjoni li fuqu jiddependi l-akkwist tad-dritt għall-pensjoni, billi tapplika r-regoli li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali u titratta l-perijodu kkompletat fl-Istat Membru l‑ieħor bħala perijodu kkompletat f’dan l‑Istat, jew iżżid il-perijodu kkompletat fl‑Istat Membru l-ieħor mal-perijodu nazzjonali kkalkolat qabel fuq il-bażi tar‑regoli inkwistjoni?”

     Fuq id-domanda preliminari

    22      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li t-tilwima ta’ bejn iż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych u S. Tomaszewska tirrigwarda l-kisba ta’ dritt għal pensjoni ta’ rtirar, kwistjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 45(1) tar‑Regolament 1408/71, filwaqt li r-regoli li jikkonċernaw il-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċji huma stabbiliti fl-Artikoli 46 et seq tal‑imsemmi Regolament (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1993, Lepore u Scamuffa, C-45/92 u C-46/92, Ġabra p. I-6497, punt 13, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 1996, Lafuente Nieto, C‑251/94, Ġabra p. I-4187, punt 49).

    23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fid-determinazzjoni tal-perijodu ta’ assigurazzjoni minimu meħtieġ mid-dritt nazzjonali għall-kisba tad-dritt għal pensjoni ta’ rtirar minn ħaddiem migrant, l‑istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat il-limitu li l-perijodi mhux kontributorji ma jistgħux jaqbżu meta mqabbla mal-perijodi kontributorji, kif previst mil‑leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, il-perijodi ta’ kontribuzzjoni mwettqa f’dan l-Istat Membru biss jew il-perijodi ta’ kontribuzzjoni kollha li twettqu matul il-karriera professjonali tal-ħaddiem migrant, inklużi dawk imwettqa fi Stati Membri oħra.

    24      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali, anki jekk jagħmluhom iktar stretti, sakemm il‑kundizzjonijiet adottati ma jkun fihom ebda diskriminazzjoni ċara jew moħbija bejn il-ħaddiema tal-Unjoni (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1994, Drake, C-12/93, Ġabra p. I-4337, punt 27; tal‑20 ta’ Frar 1997, Martínez Losada et, C-88/95, C-102/95 u C-103/95, Ġabra p. I-869, punt 43, kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2005, Salgado Alonso, C-306/03, Ġabra p. I-705, punt 27).

    25      Fil-fatt, is-sistema implementata permezz tar-Regolament 1408/71 hija biss sistema ta’ koordinazzjoni, li tirrigwarda b’mod partikolari d-determinazzjoni tal‑leġiżlazzjoni jew leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li jagħmlu użu, f’sitwazzjonijiet differenti, mid‑dritt tagħhom għall-moviment liberu (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski, C-493/04, Ġabra p. I‑2369, punt 20; tat-18 ta’ Lulju 2006, Nikula, C‑50/05, Ġabra p. I‑7029, punt 20, u tat-3 ta’ April 2008, Derouin, C-103/06, Ġabra p. I-1853, punt 20).

    26      Huwa inerenti għal sistema bħal din li l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-istabbiliment tal-perijodi ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni jvarjaw skont l-Istat Membru fejn il-ħaddiem ikkonċernat eżerċita l-attività tiegħu. Dawn il‑kundizzjonijiet, kif jirriżulta mill‑Artikolu 1(r) tar-Regolament Nru 1408/71, huma ddefiniti esklużivament mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-perijodi inkwistjoni ġew imwettqa.

    27      Madankollu, meta jistabbilixxu l-imsemmija kundizzjonijiet, l-Istati Membri huma marbuta josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-għan tar‑Regolament Nru 1408/71 kif ukoll il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat.

    28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-għan tar-Regolament Nru 1408/71 huwa dak li jiżgura, kif it-tieni u r-raba’ premessi tiegħu jipprovdu, il-moviment liberu ta’ ħaddiema impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom fl-Unjoni, filwaqt li jirrispetta l‑karatteristiċi proprji tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali. Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-ħames, is-sitt u l-għaxar premessi tiegħu, dan ir-regolament iħaddan bħala prinċipju t-trattament ugwali tal-ħaddiema skont id‑diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u għandu l-għan li jiggarantixxi bl-aħjar mod it-trattament ugwali tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll li ma jiġux ippenalizzati dawk fosthom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall‑moviment liberu (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Piatkowski, punt 19; Nikula, punt 20, u Derouin, punt 20).

    29      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-assigurazzjoni għax-xjuħija, l‑Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jitlob li l-istituzzjoni kompetenti tal‑Istat Membru, li l-leġiżlazzjoni tiegħu tissuġġetta l-kisba ta’ dritt għal benefiċċju għat-twettiq ta’ perijodu minimu ta’ assigurazzjoni, għandha tqis, jekk dan huwa neċessarju għall-kisba ta’ dritt għal benefiċċju tal-ħaddiem ikkonċernat, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa skont il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, daqslikieku kienu perijodi mwettqa skont il-leġiżlazzjoni li hija tapplika.

    30      Għaldaqstant, l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71 jimplementa l‑prinċipju tal-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ residenza jew ta’ impjieg kif stipulat fl-Artikolu 42(a) KE. Dan huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi tal‑koordinazzjoni, fuq livell tal-Unjoni, tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, intiż sabiex jiggarantixxi li l‑eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu mogħti mit-Trattat KE ma jkollux l-effett li jċaħħad lil ħaddiem mill-vantaġġi ta’ sigurtà soċjali li minnhom huwa seta’ jibbenefika kieku eżerċita l-karriera tiegħu kollha fi Stat Membru wieħed. Tali konsegwenza tista’, fil-fatt, tiskoraġġixxi lill‑ħaddiem tal-Unjoni milli jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu u tikkostitwixxi, għaldaqstant, xkiel għal din il-libertà (sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1995, Moscato, C-481/93, Ġabra p. I-3525, punt 28, u Salgado Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

    31      Konsegwentement, Stat Membru huwa intitolat jimponi perijodu kontributorju minimu għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt għal pensjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll jistabbilixxi n-natura u l-limitu tal-perijodi ta’ assigurazzjoni li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-iskop, sakemm, skont l‑Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71, il-perijodi mwettqa taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru ieħor huma wkoll meħuda inkunsiderazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet, daqslikieku dawn twettqu taħt il‑leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salgado Alonso, punt 31).

    32      F’dan il-każ, jidher mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l‑perijodi kontributorji mwettqa fi Stat Membru ieħor huma rrikonoxxuti miż‑Zakład Ubezpieczeń Społecznych meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat il‑perijodu meħtieġ għall-kisba tad-dritt għal pensjoni ta’ rtirar u huma miżjuda mal-perijodi ta’ kontribuzzjoni kollha mwettqa fil-Polonja. Madankollu, dawn l‑istess perijodi kontributorji mwettqa fi Stat Membru ieħor ma jittiħdux inkunsiderazzjoni meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat il-limitu tat-terz li ma jistax jinqabeż mill-perijodi mhux kontributorji meta mqabbla mal-perijodi kontributorji.

    33      Issa, huwa minnu li ħaddiem bħal dak involut fil-kawża prinċipali, li wettaq perijodi ta’ kontribuzzjonijiet fil-Polonja kif ukoll fi Stat Membru ieħor, jinsab, minħabba dan il-fatt, f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik tal-ħaddiem li wettaq il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet tiegħu kollha fil-Polonja.

    34      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kalkolu li sar miż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych, S. Tomaszewska tista’ tinvoka biss perijodu mhux kontributorju ta’ 60 xahar li jwassal, għalhekk, għal perijodu totali ta’ kontribuzzjoni ta’ 346 xahar, li ma huwiex biżżejjed sabiex tikkwalifika għal dritt ta’ pensjoni. Min-naħa l-oħra, kieku S. Tomaszewska wettqet il-perijodi ta’ kontribuzzjoni kollha tagħha fil‑Polonja minflok ma għamlet użu mid-dritt tagħha tal-moviment liberu u wettqet xi perijodi ta’ kontribuzzjonijiet fi Stat Membru ieħor, hija kienet tkun tista’ tinvoka perijodu mhux kontributorju ta’ 76 xahar u għalhekk kien ikollha total ta’ 362 xahar ta’ kontribuzzjoni, li jikkorrispondu għall-perijodu minimu ta’ 30 sena meħtieġ sabiex tikkwalifika għall-kisba ta’ dritt għal pensjoni.

    35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik adottata miż‑Zakład Ubezpieczeń Społecznych fil-kawża prinċipali, li, fid-determinazzjoni tal-limitu tat-terz li ma jistax jinqabeż mill-perijodi mhux kontributorji meta mqabbla mal‑perijodi kontributorji, tiżgura lill-ħaddiema tal‑Unjoni li għamlu użu mid-dritt tagħhom tal-moviment ħieles trattament iktar sfavorevoli minn dak mogħti lil dawk li ma għamlux użu minn dan id-dritt hija ta’ natura li tostakola l‑moviment liberu tal-ħaddiema u xxekkel l-applikazzjoni tar-regoli tal‑aggregazzjoni stabbiliti fl‑Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71.

    36      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 tas-sentenza preżenti jirriżulta li d‑dritt Pollakk jista’ ċertament jimponi perijodu ta’ kontribuzzjoni minimu sabiex jingħata dritt għal pensjoni ta’ rtirar u jiddefinixxi n-natura u l-limitu tal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda dan jista’ jagħmlu biss bil‑kundizzjoni li, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71, il‑perijodi ta’ kontribuzzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ dawk li twettqu fil‑Polonja.

    37      Konsegwentement, il-perijodi kontributorji mwettqa minn S. Tomaszewska f’kull Stat Membru ieħor għandhom jiġu assimilati għall‑perijodi kontributorji mwettqa fil-Polonja u, għaldaqstant, inklużi fil-kalkolu li jwassal għad-determinazzjoni tal‑limitu tat-terz li ma jistax jinqabeż mill-perijodi mhux kontributorji meta mqabbla mal-perijodi kontributorji.

    38      Għal dak li jikkonċerna l-argument invokat mill-Gvern Pollakk, li l-fatt li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ kontribuzzjoni mwettqa fi Stati Membri oħra sabiex jiġi ddeterminat il-limitu tat-terz li ma jistax jinqabeż mill-perijodi mhux kontributorji meta mqabbla mal-perijodi kontributorji huwa ġġustifikat mid‑diffikultajiet amministrattivi u problemi prattiċi oħra, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li għall-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema, l‑Artikolu 39(3) KE ma jippermetti ebda limitazzjonijiet oħra għajr dawk li jistgħu jiġu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ dawn il-każijiet previsti espressament fit‑Trattat, l-ebda xkiel għall‑moviment liberu tal-ħaddiema ma jista’ jiġi ġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1991, Masgio, C-10/90, Ġabra p. I‑1119, punt 24, u tas-16 ta’ Settemrbu 2004, Merida, C-400/02, Ġabra p. I-8471, punt 30).

    39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għad-domanda li saret għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-determinazzjoni tal-perijodu ta’ assigurazzjoni minimu meħtieġ mid-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-kisba tad-dritt għal pensjoni ta’ rtirar minn ħaddiem migrant, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-limitu li l‑perijodi mhux kontributorji ma jistgħux jaqbżu meta mqabbla mal-perijodi kontributorji, kif previst mil‑leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, il-perijodi ta’ assigurazzjoni kollha mwettqa matul il-karriera professjonali tal-ħaddiem migrant, inklużi dawk imwettqa fi Stati Membri oħra.

     Fuq l-ispejjeż

    40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 45(1), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l‑Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid‑determinazzjoni tal‑perijodu ta’ assigurazzjoni minimu meħtieġ mid-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-kisba tad-dritt għal pensjoni ta’ rtirar minn ħaddiem migrant, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-limitu li ma jistax jinqabeż mill-perijodi mhux kontributorji meta mqabbla mal-perijodi kontributorji, kif previst mil-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, il-perijodi ta’ assigurazzjoni kollha mwettqa matul il-karriera professjonali tal-ħaddiem migrant, inklużi dawk imwettqa fi Stati Membri oħra.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Op