Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0437

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-3 ta' Marzu 2011.
    AG2R Prévoyance vs Beaudout Père et Fils SARL.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de grande instance de Périgueux - Franza.
    Kompetizzjoni - Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 106 TFUE - Skema ta’ rimbors supplimentari ta’ spejjeż tal-kura tas-saħħa - Ftehim kollettiv - Affiljazzjoni obbligatorja f’organizzazzjoni tal-assigurazzjoni partikolari - Esklużjoni espliċita ta’ kull possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-affiljazzjoni - Kunċett ta’ impriża.
    Kawża C-437/09.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:112

    Kawża C-437/09

    AG2R Prévoyance

    vs

    Beaudout Père et Fils SARL

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

    mit-tribunal de grande instance de Périgueux)

    “Kompetizzjoni – Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 106 TFUE – Skema ta’ rimbors supplimentari ta’ spejjeż tal-kura tas-saħħa – Ftehim kollettiv – Affiljazzjoni obbligatorja f’organizzazzjoni tal-assigurazzjoni partikolari – Esklużjoni espliċita ta’ kull possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-affiljazzjoni – Kunċett ta’ impriża”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Ftehim kollettivi intiżi sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ politika soċjali – Addendum għal ftehim kollettiv li jistabbilixxi skema ta’ rimbors supplimentari ta’ spejjeż tal-kura tas-saħħa – Deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li trendi obbligatorja l-affiljazzjoni f’din l-iskema – Esklużjoni

    (Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 101(1) TFUE)

    2.        Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Impriża – Kunċett – Organizzazzjoni responsabbli għall-amministrazzzjoni ta’ skema ta’ rimbors supplimentari ta’ spejjeż tal-kura tas-saħħa – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

    (Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE)

    3.        Kompetizzjoni – Impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom l-Istati Membri jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi – Impriżi responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Organizzazzjoni responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ skema ta’ rimbors supplimentari ta’ spejjeż tal-kura tas-saħħa – Obbligu ta’ affiljazzjoni għall-impriżi tas-settur tal-attività kkonċernata mingħajr il-possibbiltà ta’ eżenzjoni – Ammissibbiltà

    (Artikoli 102 TFUE u 106 TFUE)

    1.        Ma jaqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE, minħabba n-natura u l-għan tiegħu, ftehim konkluż fl-għamla ta’ addendum għal ftehim kollettiv li konsegwentement jirriżulta minn negozjati kollettivi bejn l-organizzazzjoni li tirrappreżenta lil min jimpjega u dawk li jirrappreżentaw lill-impjegati tas-settur ta’ attività partikolari, li jistabbilixxi, f’dan is-settur, skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa li tikkontribwixxi għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati mhux biss billi dawn jiġu ggarantiti l-mezzi neċessarji sabiex jiffaċċjaw l-ispejjeż marbuta ma’ marda, ma’ inċident tax-xogħol, ma’ marda professjonali jew ukoll mal-maternità, iżda wkoll billi jitnaqqsu l-ispejjeż li, fin-nuqqas ta’ ftehim kollettiv, kien ikollhom jiġu sostnuti mill-impjegati. Din il-konstatazzjoni ma hijiex kkonfutata mill-fatt li l-affiljazzjoni għal tali ftehim hija obbligatorja għall-impriżi kollha tas-settur ta’ attività partikolari ta’ Stat Membru, mingħajr il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-affiljazzjoni.

    Peress li tali kuntratt ma jaqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE, l-awtoritajiet pubbliċi huma liberi li jirrenduh obbligatorju għal persuni li ma humiex formalment marbuta bih.

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 101 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE ma jipprekludix id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li jrendu obbligatorju, fuq talba tal-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lil persuni li jimpjegaw u lill-impjegati ta’ settur ta’ attività partikolari, ftehim milħuq wara negozjati kollettivi li jipprevedi l-affiljazzjoni obbligatorja fi skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa tal-impriżi kollha fis-suq ikkonċernat, mingħajr possibbiltà ta’ eżenzjoni.

    (ara l-punti 31-33, 36, 38, 39 u d-dispożittiv 1)

    2.        Fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull korp li jwettaq attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ dan il-korp u l-mod li bih jiġi ffinanzjat. Kull attività li toffri beni jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika.

    Inkwantu tipprevedi protezzjoni soċjali supplimentari obbligatorja għall-impjegati kollha ta’ settur ekonomiku, skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa għandha għan soċjali. Madankollu, l-għan soċjali ta’ skema tal-assigurazzjoni ma huwiex minnu nnifsu suffiċjenti biex jipprekludi l-attività inkwistjoni milli tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika. Jeħtieġ ukoll, minn naħa, li din l-iskema tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala li timplementa l-prinċipju ta’ solidarjetà u, min-naħa l-oħra, li din tkun suġġetta għall-kontroll tal-Istat li stabbilixxiha.

    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom organizazzjoni hija maħtura sabiex tiżgura l-amministrazzjoni ta’ skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u l-marġni ta’ negozjar li hija għandha fir-rigward tal-modalitajiet tal-impenn tagħha, tali organizzazzjoni, minkejja li ma għandhiex skop ta’ profitt u taġixxi fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà, tista’ tiġi kklassifikata bħala impriża li teżerċita attività ekonomika magħżula mill-imsieħba soċjali, fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi, minn fost impriżi oħra li magħhom hija tikkompeti fis-suq tas-servizzi ta’ assigurazzjoni reċiproka li hija toffri.

    (ara l-punti 41, 42, 44-46, 64 u 65)

    3.        Sa fejn l-attività li tikkonsisti fl-amministrazzjoni ta’ skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa għandha tiġi kklassifikata bħala ekonomika, l-Artikoli 102 TFUE u 106 TFUE ma jipprekludux lill-awtoritajiet pubbliċi milli jagħtu lil organizzazzjoni ta’ assigurazzjoni reċiproka d-dritt esklużiv li tamministra din l-iskema, mingħajr ebda possibbiltà għall-impriżi tas-settur tal-attività kkonċernata li jiġu eżentati milli jaffiljaw f’din l-iskema.

    Fil-fatt, it-tneħħija ta’ tali obbligu ta’ affiljazzjoni mingħajr possibbiltà ta’ eżenzjoni tista’ twassal għal impossibbiltà għall-organizzazzjoni kkonċernata milli twettaq il-funzjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali mogħtija lilha taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli.

    (ara l-punti 80, 81 u d-dispożittiv 2)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    3 ta’ Marzu 2011 (*)

    “Kompetizzjoni – Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 106 TFUE – Skema ta’ rimbors supplimentari ta’ spejjeż tal-kura tas-saħħa – Ftehim kollettiv – Affiljazzjoni obbligatorja f’organizzazzjoni tal-assigurazzjoni partikolari – Esklużjoni espliċita ta’ kull possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-affiljazzjoni – Kunċett ta’ impriża”

    Fil-Kawża C‑437/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal de grande instance de Périgueux (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

    AG2R Prévoyance

    vs

    Beaudout Père et Fils SARL,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal AG2R Prévoyance, minn J. Barthélémy u O. Barraut, avukati,

    –        għal Beaudout Père et Fils SARL, minn F. Uroz, avukat,

    –        għall-Gvern Franċiż, minn J. Gstalter, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castillo de la Torre u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn AG2R Prévoyance (iktar ’il quddiem “AG2R”), istituzzjoni ta’ assigurazzjoni reċiproka rregolata mill-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Franċiż, u Beaudout Père et Fils SARL (iktar ’il quddiem “Beaudout”), dwar ir-rifjut min-naħa ta’ din tal-aħħar milli taderixxi għall-iskema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa amministrata minn AG2R għas-settur tal-furnara artiġjanali Franċiżi.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    3        Fi Franza, l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa marbuta ma’ marda jew inċident sostnuti mill-impjegati huma parzjalment rimborsabbli taħt l-iskema bażika tas-sigurtà soċjali. Il-parti l-oħra tal-ispejjeż li tibqa’ dovuta mill-assigurat tista’ tkun suġġetta għal rimbors parzjali fl-ambitu ta’ assigurazzjoni supplimentari tas‑saħħa.

    4        L-affiljazzjoni tal-impjegati ta’ settur ta’ attività partikolari għal tali assigurazzjoni tista’ tiġi prevista permezz ta’ akkordju jew ftehim kollettiv konkluż mir-rappreżentanti tal-persuni li jimpjegaw u dawk tal-impjegati.

    5        B’dan il-mod, skont l-Artikolu L 911‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali:

    “Sakemm dawn ma humiex stabbiliti minn liġijiet jew regolamenti, il-garanziji kollettivi li minnhom jibbenefikaw l-impjegati, l-ex impjegati u l-aventi kawża b’żieda ma’ dawk li jirriżultaw mill-organizzazzjoni tas-sigurtà soċjali huma ddeterminati jew permezz ta’ ftehim jew akkordji kollettivi, jew permezz tar‑ratifika mill-parti l-kbira tal-persuni kkonċernati ta’ abbozz ta’ ftehim propost mill-kap tal-impriża, jew permezz ta’ deċiżjoni unilaterali tal-kap tal-impriża kkonstatata f’kitba li huwa jibgħat lil kull persuna kkonċernata.”

    6        L-Artikolu L. 912‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jirregola s-sistema ta’ affiljazzjoni obbligatorja fi skema ta’ rimbors supplimentari għall-kura tas-saħħa. Dan l-artikolu jipprovdi:

    “Meta l-ftehim professjonali jew interprofessjonali msemmijin fl‑Artikolu L. 911‑1 jipprovdu għall-assigurazzjoni reċiproka tar-riskji li huma jkopru permezz ta’ organizzazzjoni jew diversi organizzazzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 1 tal-Liġi Nru 89-1009, tal-31 ta’ Diċembru 1989, illi jsaħħu l‑garanziji mogħtija lill-persuni assigurati fil-konfront ta’ ċerti riskji jew ta’ istituzzjoni jew diversi istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu L. 370-1 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni, li għalihom jaderixxu b’mod obbligatorju l-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-ftehim, dawn għandu jkollhom klawżola illi tistabbilixxi taħt liema kundizzjonijiet u f’liema żmien il-modalitajiet tal‑organizzazzjoni tal-assigurazzjoni reċiproka tar-riskji jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid. Iż-żmien tal-eżami mill-ġdid ma jistax jeċċedi ħames snin.

    Meta l-ftehim hawn fuq imsemmija japplikaw għal impriża li, qabel id-dħul fis‑seħħ tagħhom, tkun aderixxiet jew iffirmat kuntratt ma’ organizzazzjoni differenti minn dik prevista mill-ftehim biex tiggarantixxi kontra l-istess riskji f’livell ekwivalenti, id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 132‑23 tal-Kodiċi tax-Xogħol għandhom japplikaw.”

    7        Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 89‑1009, tal-31 ta’ Diċembru 1989, kif emendata bil-Liġi Nru 94‑678, tat-8 ta’ Awwissu 1994 (JORF Nru 184 tal-10 ta’ Awwissu 1994), l-attivitajiet ta’ assigurazzjoni reċiproka jistgħu jiġu implementati biss mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni, l-istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni reċiproka rregolati mill-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jew il-Kodiċi Rurali, u l‑kumpanniji ta’ assigurazzjoni reċiproka.

    8        F’dan ir-rigward, l-Artikolu L 931‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jispeċifika li l‑istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni reċiproka huma korpi privati mingħajr skop ta’ profitt, amministrati konġuntament minn membri aderenti u minn membri parteċipanti ddefiniti fl-Artikolu L 931‑3 ta’ dan il-kodiċi. Huma għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jkopru r-riskji ta’ danni fiżiċi marbuta mal-inċidenti u l-mard.

    9        Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu L 932‑9 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, l‑istituzzjoni ta’ assigurazzjoni reċiproka fdata bl-amministrazzjoni ta’ skema ta’ assigurazzjoni reċiproka ma għandhiex il-possibbiltà li tissospendi l-garanziji jew li twaqqaf l-adeżjoni ta’ impriża għal din l-iskema minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal‑kontribuzzjonijiet dovuti lil din l-istituzzjoni.

    10      Skont l-Artikolu L 132‑23 tal-Kodiċi tax-Xogħol, fil-każ fejn il-ftehim ta’ settur jew il-ftehim professjonali jew interprofessjonali jiġu applikati fl-impriża wara l‑konklużjoni tal-ftehim innegozjati fis-seħħ, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il‑ftehim għandhom konsegwentement jiġu adattati.

    11      L-Artikolu L 133-8 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi:

    “Fuq talba ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 133-1 jew fuq l-inizjattiva tal-Ministru responsabbli mix-xogħol, id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim ta’ settur jew ta’ akkordju professjonali jew interprofessjonali, li jissodisfaw il‑kundizzjonijiet partikolari stabbiliti mit-taqsima preċedenti, jistgħu jiġu reżi obbligatorji għall-impjegati u l-persuni li jimpjegaw kollha li jinsabu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim jew tal-imsemmi akkordju, permezz ta’ ordni tal-Ministru responsabbli mix-xogħol, wara opinjoni mmotivata tal-Kummissjoni nazzjonali tan-negozjati kollettivi previsti fl-Artikolu L. 136-1.

    Kif jirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu preċedenti, il-Ministru responsabbli mix-xogħol għandu, b’mod obbligatorju u mingħajr dewmien, jagħti bidu għall‑proċedura tal-estensjoni.

    L-estensjoni tal-effetti u tas-sanzjonijiet tal-ftehim jew tal-akkordju ssir għaż‑żmien u taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi ftehim jew l-imsemmi akkordju.

    Madankollu, il-Ministru responsabbli mix-xogħol jista’ jeskludi mill-estensjoni, wara opinjoni mmotivata tal-Kummissjoni nazzjonali tan-negozjati kollettivi, il‑klawżoli li jmorru kontra t-testi leġiżlattivi jew regolamentari fis-seħħ u dawk li, filwaqt li jistgħu jitneħħew mill-ftehim jew mill-akkordju mingħajr tibdil strutturali, ma jirriflettux is-sitwazzjoni tas-settur jew tas-setturi fil-kamp ta’ applikazzjoni kkunsidrat. Taħt l-istess kundizzjonijiet, jistgħu jiġu estiżi, mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tat-testi leġiżlattivi u regolamentari fis-seħħ, il-klawżoli li jkunu inkompleti fid-dawl ta’ dawn it-testi.”

    12      Permezz tal-addendum tal-24 ta’ April 2006 għall-Ftehim Kollettiv Nazzjonali tad‑19 ta’ Marzu 1978, dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ “rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa” fis-settur tal-furnara artiġjanali (iktar ’il quddiem l‑“addendum Nru 83”), is-sindakat tal-furnara li jimpjegaw u d-diversi sindakati tal-impjegati ta’ dan is-settur qablu dwar dan li ġej:

    “Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni

    Dan l-addendum huwa applikabbli għall-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Kollettiv tal-impriżi artiġjanali tal-Furnara u tal‑Furnara‑Dolċiera.

    Artikolu 2 – Adeżjoni – Affiljazzjoni

    B’effett mid-data ta’ meta dan l-addendum jidħol fis-seħħ, l-impriżi għandhom jaffiljaw l-impjegati tagħhom f’organizzazzjoni tal-assigurazzjoni bl-iffirmar ta’ dokument ta’ affiljazzjoni speċifiku.

    […]

    Artikolu 3 – Benefiċjarji

    Dan l-addendum jistabbilixxi skema ‘rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura [tas-]saħħa’ obbligatorja għall-benefiċċju tal-impjegati kollha li jaqgħu taħt l‑impriżi previsti fl-Artikolu 1 ta’ dan l-addendum, li jkollhom anzjanità ta’ xahar fl-istess impriża.

    Meta l-impjegat jilħaq l-anzjanità meħtieġa, huwa jkun jista’ jibbenefika mill‑iskema b’mod retroattiv b’effett mid-data tad-dħul tiegħu fl-impriża.

    […]

    Artikolu 4 – Garanziji

    Il-garanziji ta’ din l-iskema huma stabbiliti fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni u r‑regolamenti tal-assigurazzjoni għall-mard fis-seħħ fiż-żmien tal-konklużjoni tagħha. Dawn jiġi riveduti, fejn applikabbli, mingħajr dewmien fil-każ ta’ bdil ta’ dawn it-testi.

    Huma koperti, l-atti u l-ispejjeż kollha illi jsiru waqt il-perijodu tal-garanzija li jkunu ġew suġġetti għal rimbors u skont individwalizzat taħt l-iskema bażika tas‑Sigurtà Soċjali fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni dwar ‘mard’, ‘inċidenti waqt ix‑xogħol/mard relatat max-xogħol’ u ‘maternità’ kif ukoll l-atti u l-ispejjeż illi ma jaqgħux taħt din tal-aħħar, indikati espressament fit-tabella ta’ garanziji li tinsab fl-anness.

    […]

    Artikolu 5 – Kontribuzzjoni u tqassim

    Il-kontribuzzjoni tal-iskema ‘rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa’ hija espressa permezz ta’ perċentwali tal-Massimu ta’ kull Xahar tas-Sigurtà Soċjali (MXSS).

    Għas-sena 2007, il-perċentwali miżmuma mill-MXSS kien jammonta għal kontribuzzjoni ta’ EUR 40 għal kull impjegat u għal kull xahar għall-iskema ġenerali u ta’ EUR 32 għall-iskema Alsace-Moselle.

    Din il-perċentwali ser tinżamm għas-sena 2008.

    Wara t-tieni sena ta’ applikazzjoni tal-iskema, il-kontribuzzjoni għandha tiġi eżaminata mill-ġdid mill-partijiet firmatarji, fid-dawl tar-riżultati tal-iskema u tal‑iżvilupp fl-ispejjeż tas-saħħa u fil-leġiżlazzjonijiet u r-regolamenti fiskali, soċjali, u fl-Assigurazzjoni għall-mard.

    [...]

    Il-kontribuzzjoni għandha tinqasam fuq il-bażi ta’ 50 % għall-persuna li timpjega u 50 % għall-impjegat.

    [...]

    Il-kummissjoni konġunta għandha tiltaqa’ tal-inqas darba fis-sena sabiex teżamina r-riżultati tal-iskema kif ukoll kull statistika jew element dwar din l-iskema li hija tkun teħtieġ.

    [...]

    Artikolu 13 – Ħatra tal-organizzazzjoni tal-assigurazzjoni

    AG2R Prévoyance […] hija maħtura bħala l-organizzazzjoni tal-assigurazzjoni ta’ din l-iskema […]

    Il-modalitajiet tal-organizzazzjoni tal-assigurazzjoni reċiproka tal-iskema għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Kummissjoni Nazzjonali Konġunta tas‑settur […] fi żmien ħames snin dekorribbli mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-addendum.

    […]

    Artikolu 14 – Klawżola ta’ migrazzjoni

    L-adeżjoni tal-impriżi kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Kollettiv Nazzjonali tal-impriżi artiġjanali tal-Furnara u tal-Furnara-Dolċiera għall-iskema ‘rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa’ u l‑affiljazzjoni tal-impjegati ta’ dawn l-impriżi fl-organizzazzjoni tal-assigurazzjoni maħtura huma ta’ natura obbligatorja b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ speċifikata fl-Artikolu 16 ta’ dan l-addendum.

    Għal dan il-għan, l-impriżi kkonċernati għandhom jirċievu kuntratt ta’ adeżjoni u dokumenti ta’ affiljazzjoni.

    Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-impriżi li jkollhom kuntratt ta’ [kopertura] supplimentari [tal-ispejjeż tal-kura] tas-saħħa ma’ organizzazzjoni tal‑assigurazzjoni oħra b’garanziji identiċi jew aħjar għal dawk iddefiniti f’dan l‑addendum.

    […]”

    13      B’mod konformi mal-Artikolu 16 tiegħu, l-addendum Nru 83 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.

    14      L-addendum Nru 1, tas-6 ta’ Settembru 2006, għall-addendum Nru 83 jipprevedi fl-Artikolu 1 tiegħu, b’mod partikolari, li l-organizzazzjoni tal-assigurazzjoni għandha żżomm kopertura tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa matul perijodu minimu ta’ tnax-il xahar għall-benefiċċju tal-persuni ggarantiti taħt il-polza ta’ assigurat li jmut, dekorribbli mid-data tal-mewt tiegħu, mingħajr il-korrispettiv tal‑kontribuzzjoni.

    15      L-Artikolu 2 tal-addendum Nru 5, tal-21 ta’ Lulju 2009, għall-addendum Nru 83 jintroduċi l-Artikolu 4a intitolat “Trasferibbiltà tad-drittijiet tal-iskema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa”. Dan l-Artikolu 4a huwa redatt kif ġej:

    “Fil-każ ta’ waqfien jew tmiem tal-aħħar kuntratt tax-xogħol li ma jkunx ikkawżat minn nuqqas serju u li jagħti dritt ta’ kumpens mill-iskema obbligatorja tal‑assigurazzjoni għan-nuqqas ta’ xogħol, l-impjegat għandu jibbenefika miż‑żamma tal-garanziji tal-iskema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa prevista mill-addendum Nru 83 […]

    […]

    Iż-żamma tal-garanziji jkollha effett mill-għada tad-data tat-tmiem tal-kuntratt tax-xogħol bil-kundizzjoni li l-impriża tkun iddikjarat dan b’mod regolari lill-organizzazzjoni tal-assigurazzjoni maħtura.

    Iż-żamma tal-garanziji għandha tapplika għal perijodu massimu ugwali għat-tul tal-aħħar kuntratt tax-xogħol tal-impjegat fl-impriża, evalwat f’xhur sħaħ, fil‑limitu ta’ 9 xhur.

    […]

    Iż-żamma tal-garanziji fuq il-bażi tat-trasferibbiltà hija ffinanzjata mill‑kontribuzzjonijiet tal-impriżi u tal-impjegati attivi […]”

    16      Skont l-Artikolu 1 tal-ordni tas-16 ta’ Ottubru 2006 li jestendi addendum għall‑Ftehim Kollettiv Nazzjonali tal-impriżi artiġjanali tal-Furnara u l-Furnara‑Dolċiera:

    “Huma obbligatorji, għal kull persuna li timpjega u għal kull impjegat li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Kollettiv Nazzjonali tal-Furnara-Dolċiera (impriżi artiġjanali) tad-19 ta’ Marzu 1976, id-dispożizzjonijiet tal-addendum Nru 83 […]”

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    17      Għall-finijiet tal-assigurazzjoni supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa, Beaudout hija affiljata, sa mill-10 ta’ Ottubru 2006, ma’ kumpannija tal‑assigurazzjoni li ma hijiex AG2R.

    18      Peress li rrifjutat li taderixxi għall-iskema amministrata minn din tal-aħħar, AG2R ressqet lill-Beaudout quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex din tal-aħħar tiġi ordnata tirregolarizza l-adeżjoni tagħha u tħallas il-kontribuzzjonijiet b’lura.

    19      B’mod inċidentali, il-konvenuta fil-kawża prinċipali kkontestat il-legalità tal‑addendum Nru 83.

    20      Wara li ċaħdet l-argumenti tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ dan l‑addendum mad-dritt domestiku, il-qorti tar-rinviju ġiet kostretta tqabbel il‑kwistjoni li kellha quddiemha mal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany (C‑67/96, Ġabra p. I‑5751).

    21      Għalhekk, din il-qorti kkonstatat li, b’mod kuntrarju għall-fond ta’ pensjoni inkwistjoni f’dik il-kawża, li fih l-affiljazzjoni kienet obbligatorja mingħajr ħsara għal eżenzjonijiet, l-iskema tal-assigurazzjoni supplimentari tal-kura tas-saħħa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprovdi għal ebda eżenzjoni mill‑affiljazzjoni, la fl-addendum Nru 83 u lanqas fl-Artikolu L 912‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali.

    22      Peress li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, qies li s-soluzzjoni tal-kwistjoni li kellu quddiemu kienet teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunal de grande instance de Périgueux iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “[L]-organizzazzjoni ta’ klawżola ta’ affiljazzjoni obbligatorja fi ħdan skema supplimentari tas-saħħa hekk kif prevista mill-Artikolu L 912-1 tal-Kodiċi tas‑sigurtà soċjali, u l-klawżola magħmula obbligatorja mill-awtoritajiet pubbliċi, fuq talba tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema ta’ settur partikolari, li jipprovdu għall-affiljazzjoni fi ħdan organizzazzjoni waħda, magħżula sabiex tamministra skema supplimentari ta’ kura tas-saħħa, mingħajr ebda possibbiltà għall-impriżi tas-settur ikkonċernat li jiġu eżentati mill‑affiljazzjoni, huma konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE u 82 KE jew huma ta’ natura li jagħtu lill-organizzazzjoni magħżula pożizzjoni dominanti li tammonta għal abbuż?”

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    23      B’mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li d-domanda tal-qorti tar‑rinviju hija llimitata għal talba lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tinterpreta fid‑dawl ta’ ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali l-Artikoli 81 KE u 82 KE, li llum huma l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, li jikkonċernaw l-imġiba tal-impriżi, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-qorti qed tistaqsi, essenzjalment, jekk id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li jrendu obbligatorju, fuq it-talba tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni li jimpjegaw u lill-impjegati ta’ settur ta’ attività partikolari, ftehim milħuq wara negozjati kollettivi li jipprevedi l-affiljazzjoni obbligatorja għal skema ta’ rimbors supplementari tal‑ispejjeż tal-kura tas-saħħa amministrata minn organizzazzjoni maħtura, mingħajr possibbiltà ta’ eżenzjoni, huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    24      Issa, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal‑Artikolu 4(3) TUE, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jintroduċux jew ma jżommux fis-seħħ miżuri, ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara b’mod partikolari s-sentenzi Albany, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65; tal-21 ta’ Settembru 1999, Brentjens’, C‑115/97 sa C‑117/97, Ġabra p. I‑6025, punt 65, u Drijvende Bokken, C‑219/97, Ġabra p. I‑6121, punt 55).

    25      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 106(1) TFUE, li qabel kien l‑Artikolu 86(1) KE, l-Istati Membri, fir-rigward tal-impriżi pubbliċi u l-impriżi mogħtija drittijiet speċjali jew esklużivi, la għandhom jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli fit-trattati, b’mod partikolari għal dawk li hemm fl-Artikoli 18 TFUE u 101 TFUE sa 109 TFUE inklużi, mingħajr ħsara għall-Artikolu 106(2) TFUE.

    26      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-funzjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu dwar il-kawża li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C-45/06, Ġabra p. I‑2089, punt 31, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2009, Kattner Stahlbau, C-350/07, Ġabra p. I-1513, punti 25 u 26).

    27      Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li d-domanda mressqa minnha tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 4(3) TUE u 106 TFUE, rispettivament.

     Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE moqri flimkien mal‑Artikolu 4(3) TUE

    28      Sabiex tingħata risposta għal din il-parti tad-domanda preliminari kif ifformulata mill-ġdid, għandu qabelxejn jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tal-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lill-persuni li jimpjegaw u lill-impjegati ta’ settur professjonali li jaħtru organizzazzjoni responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u li jitolbu lill-awtoritajiet pubbliċi li jrendu obbligatorja l-affiljazzjoni f’din l-iskema tal-impjegati kollha ta’ dan is‑settur tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ ftehim bejn impriżi, ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew ta’ prattiki miftiehma li huma pprojbiti mill-Artikolu 101(1) TFUE.

    29      F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehim konklużi fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi bejn l-imsieħba soċjali bl-iskop li l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol jitjiebu għandhom jiġu kkunsidrati, minħabba n-natura u l-għan tagħhom, li ma jaqgħux taħt l‑Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Albany, punt 60; Brentjens’, punt 57; Drijvende Bokken, punt 47, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I‑6451, punt 67, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2000, van der Woude, C‑222/98, Ġabra p. I‑7111, punt 22).

    30      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk in-natura u l-għan ta’ ftehim bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġġustifikawx li dan jitneħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    31      Mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fl-għamla ta’ addendum għal ftehim kollettiv u konsegwentement huwa riżultat ta’ negozjati kollettivi bejn l‑organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-persuni li jimpjegaw u dawk li jirrappreżentaw lill‑impjegati tas-settur tal-furnara artiġjanali Franċiżi.

    32      Fir-rigward tal-għan tiegħu, min-naħa l-oħra, dan il-ftehim jistabbilixxi, f’settur partikolari, skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa li tikkontribwixxi sabiex ikun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal‑impjegati mhux biss billi dawn jiġu ggarantiti l-mezzi neċessarji sabiex jiffaċċjaw l-ispejjeż marbuta ma’ marda, ma’ inċident tax-xogħol, ma’ marda professjonali jew ukoll mal-maternità, iżda wkoll billi jitnaqqsu l-ispejjeż li, fin‑nuqqas ta’ ftehim kollettiv, kien ikollhom jiġu sostnuti mill-impjegati.

    33      Din il-konstatazzjoni ma hijiex kkonfutata mill-fatt li l-affiljazzjoni għal tali ftehim hija obbligatorja għall-impriżi kollha tas-settur ta’ attività partikolari ta’ Stat Membru, mingħajr il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-affiljazzjoni, b’mod kuntrarju għall-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali li wasslet għas-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq.

    34      Fil-fatt, minn naħa, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħadetx inkunsiderazzjoni possibbiltajiet ta’ eżenzjoni mill-affiljazzjoni għall-imsemmi fond ta’ pensjoni inkwistjoni f’dik il-kawża fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 85(1) li llum huwa l-Artikolu 101(1) TFUE.

    35      Min-naħa l-oħra, mill-punti 26 u 27 tas-sentenza van der Woude, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE ftehim kollettiv dwar skema tal-assigurazzjoni għall‑mard li jaħtar organizzazzjoni waħda għall-affiljazzjoni f’din l-iskema, bl‑esklużjoni għalhekk ta’ kull possibbiltà ta’ affiljazzjoni ma’ organizzazzjonijiet kompetituri.

    36      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ftehim bħalma huwa l-addendum Nru 83 ma jaqax, minħabba n-natura u l-għan tiegħu, taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.

    37      Fit-tieni lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għalkemm huwa minnu li, fih innifsu, l-Artikolu 101 TFUE jikkonċerna biss l-imġiba tal-impriżi u ma jirrigwardax miżuri leġiżlattivi jew regolamentari tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l‑fatt li dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, jimponi fuq l-Istati Membri li ma jiħdux jew li ma jżommux fis-seħħ miżuri, ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jkunu jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal‑kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi. Dan ikun il-każ meta Stat Membru jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehim li jmorru kontra l‑Artikolu 101 TFUE jew isaħħaħ l-effetti ta’ tali ftehim, kif ukoll meta jneħħi n‑natura pubblika mir-regolamentazzjoni tiegħu billi jiddelega lill-operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet ta’ intervent fil-qasam ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-35/96, Ġabra p. I-3851, punti 53 u 54; Corsica Ferries France, C-266/96, Ġabra p. I-3949, punti 35, 36 u 49, kif ukoll Albany, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

    38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, sa fejn mill-punt 36 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ftehim bħalma huwa l-addendum Nru 83 ma jaqax taħt l‑Artikolu 101(1) TFUE, l-awtoritajiet pubbliċi huma liberi li jirrenduh obbligatorju għal persuni li ma humiex formalment marbuta bih (ara, bħala analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Albany, punt 66; Brentjens’, punt 66, u Drijvende Bokken, punt 56).

    39      Għalhekk, għall-ewwel parti tad-domanda kif ifformulata mill-ġdid għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 101 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li jrendu obbligatorju, fuq talba tal-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lill-persuni li jimpjegaw u lill-impjegati ta’ settur ta’ attività partikolari, ftehim milħuq wara negozjati kollettivi li jipprevedi l-affiljazzjoni obbligatorja fi skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa tal-impriżi kollha fis-suq ikkonċernat, mingħajr possibbiltà ta’ eżenzjoni.

     Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE moqri flimkien mal‑Artikolu 106 TFUE

     Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE

    40      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jiġi ddeterminat jekk istituzzjoni bħalma hija AG2R hijiex impriża fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni.

    41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni tal‑Unjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u l-mod ta’ finanzjament tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I-10893, punt 38.

    42      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kull attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002, Cisal, C-218/00, Ġabra p. I-691, punt 23).

    43      Fil-każ ineżami, mill-Artikolu L 931‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jirriżulta li AG2R, bħala istituzzjoni ta’ assigurazzjoni reċiproka li taqa’ taħt dan il-kodiċi, hija korp privat li ma għandux l-għan li jagħmel profitti u li l-iskop tiegħu huwa dak li jkopri l-ħsarat fiżiċi marbuta mal-inċidenti u l-mard. B’dan il-mod, minn naħa, skont l-Artikolu L 932‑9 ta’ dan l-istess kodiċi, tali istituzzjoni la tista’ tissospendi l-garanziji u lanqas ma tista’ twaqqaf l-adeżjoni ta’ impriża minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet minn impriża. Min-naħa l-oħra, jekk l‑impriżi li jaqgħu taħt il-Ftehim Kollettiv Nazzjonali tal-impriżi artiġjanali tal‑Furnara u tal-Furnara-Dolċiera huma obbligati jaderixxu għal skema amministrata minn AG2R, minn dan jirriżulta, b’mod korrelattiv, li AG2R hija obbligata, min-naħa tagħha, skont l-addendum Nru 83, tassigura lill-impjegati kollha ta’ dawn l-impriżi, indipendentement mir-riskju li għandu jiġi kopert, u dan inkambju għal rata waħda ta’ kontribuzzjoni, sostnuta b’mod ugwali mill-persuna li timpjega u l-impjegat, indipendentement mid-daqs tal-impriża jew mir‑remunerazzjoni tal-impjegat assigurat.

    44      Għaldaqstant, inkwantu tipprevedi protezzjoni soċjali supplimentari obbligatorja għall-impjegati kollha ta’ settur ekonomiku, skema ta’ rimbors supplimentari tal‑ispejjeż tal-kura tas-saħħa bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għan soċjali.

    45      Madankollu, l-għan soċjali ta’ skema ta’ assigurazzjoni ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jeskludi li l-attività kkonċernata tkun ikklassifikata bħala attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Albany, punt 86; Pavlov et, punt 118; Cisal, punt 37, u Kattner Stahlbau, punt 42).

    46      B’mod partikolari, għandu jiġi eżaminat ukoll, minn naħa, jekk din l-iskema tistax tiġi kkunsidrata bħala li timplementa l-prinċipju ta’ solidarjetà u, min-naħa l-oħra, jekk din hijiex suġġetta għall-kontroll tal-Istat li stabbilixxiha, peress li dawn l‑elementi huma tali li jeskludu n-natura ekonomika ta’ attività partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kattner Stahlbau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    –       Fuq l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà

    47      Fir-rigward tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà, minn evalwazzjoni globali tal-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta, fl-ewwel lok, li din hija ffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet ta’ ammont fiss u li, għaldaqstant, ir-rata tagħhom ma hijiex proporzjonali għar-riskju assigurat.

    48      Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-addendum Nru 83, il‑kontribuzzjoni hija stabbilita fl-ammont uniformi ta’ EUR 40, sostnuta parzjalment mill-persuna li timpjega u parzjalment mill-impjegat.

    49      Għalhekk, din l-iskema ma tiħux inkunsiderazzjoni elementi bħalma huma l-età, l‑istat ta’ saħħa jew ukoll ir-riskji partikolari inerenti għall-post tax-xogħol okkupat mill-impjegat assigurat.

    50      Konsegwentement, in-natura tas-servizzi pprovduti minn AG2R kif ukoll il‑portata tal-kopertura mogħtija ma humiex proporzjonali għall-ammont tal‑kontribuzzjonijiet imħallsa.

    51      Fit-tieni lok, is-servizzi huma, f’ċerti każijiet, mogħtija indipendentement mill‑ħlas tal-kontribuzzjonijiet dovuti. Dan jirriżulta, qabelxejn, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-addendum Nru 83 li jipprovdi li l-benefiċċju tal‑iskema huwa rrikonoxxut b’mod retroattiv meta l-impjegat ikun laħaq l‑anzjanità minima ta’ xahar meħtieġa għall-adeżjoni f’din l-iskema. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4a ta’ dan l-addendum, il-kopertura tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa hija, bħala regola ġenerali, miżmuma għal ċertu perijodu wara t‑twaqqif tal-kuntratt tax-xogħol tal-assigurat. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 1 tal‑addendum Nru 1, tas-6 ta’ Settembru 2006, għall-addendum Nru 83 jipprevedi ż-żamma tal-imsemmija kopertura għall-benefiċċju ta’ persuni li jibbenefikaw mill-polza ta’ assigurat li jmut għal perijodu li jieħu sa mill-inqas tnax-il xahar mill-mewt tiegħu.

    52      Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, jidher li l-iskema ta’ rimbors supplimentari tal‑ispejjeż tal-kura tas-saħħa bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata minn grad għoli ta’ solidarjetà.

    –       Fuq il-kontroll tal-Istat

    53      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-klassifikazzjoni ta’ impriża li teżerċita attività ekonomika tapplikax għal organizzazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi analizzata l-portata tal-kontroll tal-modalitajiet ta’ funzjonament ta’ din l-iskema eżerċitata mill-Istat.

    54      Fil-każ ineżami, fl-ewwel lok, skont l-Artikolu L 911-1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, l-imsieħba soċjali għandhom il-fakultà li jiddeterminaw huma stess, permezz ta’ akkordji jew ftehim kollettivi, il-garanziji kollettivi li minnhom jibbenefikaw l-impjegati, l-ex impjegati u l-aventi kawża b’żieda ma’ dawk li jirriżultaw mill-organizzazzjoni tas-sigurtà soċjali.

    55      Fit-tieni lok, l-Artikolu L 912-1 ta’ dan l-istess kodiċi jindika li dawn il-ftehim jinkludu klawżola li tistabbilixxi taħt liema kundizzjonijiet u kull meta l‑modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-assigurazzjoni reċiproka tar-riskji jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid mill-imsieħba soċjali.

    56      Fit-tielet lok, skont l-Artikolu L 133-8 tal-Kodiċi tax-Xogħol, huwa neċessarju li jkun hemm digriet ministerjali sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim isiru obbligatorji għall-impjegati u l-persuni li jimpjegaw li għalihom huma applikabbli.

    57      Huwa f’dan il-kuntest regolatorju li l-funzjoni ta’ kontroll tal-modalitajiet ta’ funzjonament tal-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali waqgħet fuq, taħt ċerti riżervi, ir-rappreżentanti tal-persuni li jimpjegaw u tal-impjegati tas-settur tal-furnara artiġjanali.

    58      F’dan il-kuntest, l-addendum Nru 83 kien jirrikonoxxi rwol prinċipali lil dawn ir‑rappreżentanti, inkwantu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tiegħu, kummissjoni konġunta komposta b’mod ugwali mir-rappreżentanti tal-persuni li jimpjegaw u dawk tal-impjegati għandha l-kompitu li teżamina mill-ġdid, fi żmien ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-addendum, il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-assigurazzjoni reċiproka tal-iskema kkonċernata. Barra minn hekk, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 5 tal-imsemmi addendum jipprevedi li l‑ammont ta’ kontribuzzjoni stabbilit minnu għandu jiġi eżaminat mill-ġdid mill‑partijiet firmatarji wara t-tieni sena ta’ applikazzjoni tal-iskema. Dan l-istess artikolu jispeċifika li l-kummissjoni konġunta għandha, darba fis-sena, teżamina r‑riżultati tagħha.

    59      Madankollu, karatteristiċi oħra marbuta mal-ħatra ta’ AG2R bħala amministratur tal-iskema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa jistgħu jwasslu sabiex jitqies li din l-organizzazzjoni għandha ċerta awtonomija.

    60      Fl-ewwel lok, l-Artikolu L 911‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jipprevedi li l‑garanziji kollettivi supplimentari li minnhom jibbenefikaw l-impjegati jistgħu jiġu stabbiliti b’diversi modi. Il-mod tal-ftehim kollettiv huwa, f’dan il-kuntest, għażla tal-imsieħba soċjali, bl-għarfien li din id-dispożizzjoni tippermetti wkoll l‑organizzazzjoni ta’ tali kopertura fil-livell ta’ impriża, u mhux f’settur professjonali.

    61      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 89-1009, kif emendata bil-Liġi Nru 94-678, l-attivitajiet ta’ assigurazzjoni reċiproka jistgħu jiġu fdati mhux biss lil istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni reċiproka iżda wkoll lil impriżi tal‑assigurazzjoni.

    62      Minn dawn l-elementi jirriżulta li la hemm obbligu legali fuq l-imsieħba soċjali sabiex jaħtru lil AG2R sabiex tiżgura l-amministrazzjoni ta’ skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas ma hemm obbligu legali fuq AG2R li tassumi fil-fatt l‑amministrazzjoni ta’ tali skema.

    63      F’dan il-kuntest, Beaudout issostni fl-osservazzjonijiet tagħha li hemm istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni reċiproka u kumpanniji tal-assigurazzjoni oħra li, qabel il-ħatra ta’ AG2R permezz tal-addendum Nru 83, kienu joffru servizzi essenzjalment identiċi għal dawk ipprovduti minn din l-organizzazzjoni.

    64      Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar, minn naħa, iċ-ċirkustanzi li fihom AG2R inħatret permezz tal-addendum Nru 83 u, min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ negozjar li din l-organizzazzjoni seta’ jkollha fir-rigward tal-modalitajiet tal-impenn tagħha, u r-riperkussjoni ta’ dawn il-fatturi fuq il-mod ta’ funzjonament tal-iskema kkonċernata fl-intier tagħha.

    65      Fil-fatt, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u ta’ dan il-marġni ta’ negozjar, li fil-każ ineżami hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, jista’ jiġi konkluż li, minkejja li ma għandhiex l-għan li tagħmel profitti u taġixxi fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà, AG2R hija impriża li teżerċita attività ekonomika magħżula mill‑imsieħba soċjali, fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi, minn fost impriżi oħra li magħhom hija tikkompeti fis-suq tas-servizzi ta’ assigurazzjoni reċiproka li hija toffri.

     Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 106(2) TFUE

    66      Sa fejn AG2R għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża li teżerċita attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li jrendu l-affiljazzjoni fi skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas‑saħħa obbligatorja għas-settur kollu tal-furnara artiġjanali Franċiżi, mingħajr ebda possibbiltà ta’ eżenzjoni, timplika neċessarjament l-għoti lil din l‑organizzazzjoni tad-dritt esklużiv li tirċievi u tamministra l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni li jimpjegaw u mill-impjegati ta’ dan is-settur fil-kuntest ta’ din l‑iskema. Għaldaqstant, tali organizzazzjoni tista’ tiġi kkunsidrat bħala impriża li għandha drittijiet esklużivi fis-sens tal-Artikolu 106(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Albany, punt 90; Brentjens’, punt 90, u Drijvende Bokken, punt 80).

    67      Peress li, minħabba dawn id-drittijiet esklużivi, l-impriżi tas-settur tal-furnara artiġjanali Franċiżi ma għandhomx il-possibbiltà li jissottoskrivu għal skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa amministrata minn organizzazzjoni oħra, AG2R għandha monopolju legali fuq parti sostanzjali mis‑suq komuni u tista’ tiġi kkunsidrata li tokkupa pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (ara, bħala analoġija, is-sentenza Pavlov et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 126).

    68      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li s-sempliċi fatt li tinħoloq pożizzjoni dominanti permezz tal-għoti ta’ drittijiet esklużivi skont it-tifsira tal‑Artikolu 106(1) TFUE ma huwiex, fih innifsu, inkompatibbli mal‑Artikolu 102 TFUE. Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet ipprovduti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet biss meta l-impriża inkwistjoni tiġi mwassla, bis‑sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi li tkun ingħatat, tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tiġi mwassla twettaq tali abbuż (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Höfner u Elser, punt 29; Albany, punt 93; Brentjens’, punt 93, kif ukoll Drijvende Bokken, punt 83).

    69      B’mod partikolari, ikun hemm prattika abbużiva kuntrarja għall‑Artikolu 106(1) TFUE meta Stat Membru jagħti lil impriża dritt esklużiv li teżerċita ċerti attivitajiet u joħloq sitwazzjoni li fiha din l-impriża ma tkunx manifestament f’pożizzjoni li tissodisfa d-domanda li s-suq għal dan it-tip ta’ attività jippreżenta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Höfner u Elser, punti 31, kif ukoll Pavlov et, punt 127).

    70      F’dan ir-rigward, ir-rifjut ta’ Beaudout li taderixxi għall-iskema amministrata minn AG2R huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li impriżi tal-assigurazzjoni joffru garanziji superjuri għas-servizzi pprovduti minn AG2R.

    71      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-impossibbiltà għall-impriżi tas-settur tal-furnara artiġjanali Franċiżi li jirrikorru għand organizzazzjonijiet oħra sabiex jiksbu kopertura fil-qasam tar-rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal‑kura tas-saħħa għall-benefiċċju tal-impjegati tagħhom kif ukoll ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta huma konsegwenza diretta tad-dritt esklużiv mogħti lil AG2R (ara, bħala analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Albany, punt 97; Brentjens’, punt 97, u Drijvende Bokken, punt 87).

    72      Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jirriżultax la mill-proċess mibgħut mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill‑osservazzjonijiet mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li s-servizzi pprovduti minn AG2R ma jikkorrispondux għall-ħtiġijiet tal-impriżi kkonċernati.

    73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk AG2R hijiex responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sens tal‑Artikolu 106(2) TFUE.

    74      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 47 sa 52 ta’ din is-sentenza, skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa bħalma hija dik amministrata minn AG2R hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ solidarjetà. Fl-aħħar nett, l‑addendum Nru 83 jimponi fuq AG2R restrizzjonijiet partikolari, b’mod partikolari finanzjarji, sabiex tiżgura l-perennità tal-kopertura mogħtija lill‑assigurati.

    75      Madankollu Beaudout issostni li l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu li jawtorizza eżenzjonijiet mill-affiljazzjoni ma jqegħidx f’periklu l-bilanċ finanzjarju tal‑organizzazzjoni li tamministra l-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma huwiex neċessarju, sabiex il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE jkunu sodisfatti, li l-bilanċ finanzjarju jew il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali tkun mhedda. Huwa suffiċjenti li, fin-nuqqas tad-drittijiet esklużivi inkwistjoni, ikun hemm ostaklu għat-twettiq tal-funzjonijiet partikolari mogħtija lil din l‑impriża, kif speċifikati mill-obbligi u r-restrizzjonijiet li jaqgħu fuqha, jew li ż‑żamma ta’ dawn id-drittijiet tkun neċessarja sabiex id-detentur tagħhom ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali mogħtija lilu taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Albany, punt 107; Brentjens’, punt 107, u Drijvende Bokken, punt 97).

    77      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ li titneħħa l-klawżola ta’ migrazzjoni u, bl‑istess mod, id-dritt esklużiv ta’ AG2R li tamministra l-iskema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa għall-impriżi kollha tas-settur tal‑furnara artiġjanali Franċiżi, din l-organizzazzjoni, filwaqt li hija obbligata, skont l-addendum Nru 83, li toffri kopertura lill-impjegati ta’ dawn l-impriżi taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mill-imsemmi addendum, tirriskja li tiġi kkonfrontata minn telf ta’ assigurati li jkollhom riskji limitati, billi dawn jirrikorru għand impriżi li joffru, fir-rigward tagħhom, garanziji komparabbli, jew aħjar, għal kontribuzzjonijiet inqas għolja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-parti ta’ “riskji ħżiena” li dejjem tikber u li hija l-kompitu ta’ AG2R li tkopri, twassal għal żieda fl-ispiża tal-garanziji, b’tali mod li din l-organizzazzjoni ma tkunx tista’ tibqa’ tipproponi kopertura tal-istess kwalità bi prezz aċċettabbli.

    78      Dan ikun iktar il-każ meta jkun hemm skema li, bħalma hija dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, tkun ikkaratterizzata minn livell għoli ta’ solidarjetà minħabba, b’mod partikolari, in-natura fissa tal-kontribuzzjonijiet u l-obbligu li taċċetta r-riskji kollha.

    79      Fil-fatt, tali restrizzjonijiet, li jrendu s-servizz mogħti mill-organizzazzjoni kkonċernata inqas kompetittiv minn servizz komparabbli pprovdut minn kumpanniji tal-assigurazzjoni li ma humiex suġġetti għal dawn ir-restrizzjonijiet, jikkontribwixxu għall-ġustifikazzjoni tad-dritt esklużiv ta’ din l-organizzazzjoni li tamministra tali skema, mingħajr il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-affiljazzjoni.

    80      Għaldaqstant, it-tneħħija ta’ klawżola ta’ migrazzjoni bħalma hija dik prevista mill-addendum Nru 83 tista’ twassal għal impossibbilità għall-organizzazzjoni kkonċernata milli twettaq il-funzjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali mogħtija lilha taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli.

    81      Għalhekk, għat-tieni parti tad-domanda kif ifformulata mill-ġdid, għandha tingħata r-risposta li sa fejn l-attività li tikkonsisti fl-amministrazzjoni ta’ skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala ekonomika, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, l-Artikoli 102 TFUE u 106 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fiċ‑ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, lill-awtoritajiet pubbliċi milli jagħtu lil organizzazzjoni ta’ assigurazzjoni reċiproka d-dritt esklużiv li tamministra din l-iskema, mingħajr ebda possibbilità għall-impriżi tas-settur ta’ attività kkonċernat li jiġu eżentati milli jaffiljaw f’din l-iskema.

     Fuq l-ispejjeż

    82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 101 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li jrendu obbligatorju, fuq talba tal-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lill-persuni li jimpjegaw u lill-impjegati ta’ settur ta’ attività partikolari, ftehim milħuq wara negozjati kollettivi li jipprevedi l-affiljazzjoni obbligatorja fi skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa tal-impriżi kollha fis‑suq ikkonċernat, mingħajr possibbiltà ta’ eżenzjoni.

    2)      Sa fejn l-attività li tikkonsisti fl-amministrazzjoni ta’ skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa bħalma hija dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala ekonomika, li huwa l‑kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, l-Artikoli 102 TFUE u 106 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, lill-awtoritajiet pubbliċi milli jagħtu lil organizzazzjoni ta’ assigurazzjoni reċiproka d-dritt esklużiv li tamministra din l-iskema, mingħajr ebda possibbiltà għall-impriżi tas-settur ta’ attività kkonċernat li jiġu eżentati milli jaffiljaw f’din l-iskema.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top