Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0422

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-2 ta' Diċembru 2010.
    Vassiliki Stylianou Vandorou (C-422/09), Vassilios Alexandrou Giankoulis (C-425/09) u Ioannis Georgiou Askoxilakis (C-426/09) vs Ypourgos Ethnikis Paideias kai Thriskevmaton.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Symvoulio tis Epikrateias - il-Greċja.
    Artikoli 39 KE u 43 KE - Direttiva 89/48/KE - Rikonoxximent ta’ diplomi - Kunċett ta’ ‘esperjenza professjonali’.
    Każijiet Magħquda C-422/09, C-425/09 u C-426/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-12411

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:732

    Kawżi magħquda C-422/09, C-425/09 u C-426/09

    Vassiliki Stylianou Vandorou et

    vs

    Ypourgos Ethnikis Paideias kai Thriskevmaton

    (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias)

    “Artikoli 39 KE u 43 KE — Direttiva 89/48/KE — Rikonoxximent ta’ diplomi — Kunċett ta’ ‘esperjenza professjonali’”

    Sommarju tas-sentenza

    Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Ħaddiema — Rikonoxximent ta’ diplomi u ta’ titoli — Direttiva 89/48 — Attività professjonali rregolata — Esperjenza professjonali — Kunċett

    (Artikoli 39 KE u 43 KE; Direttiva tal-Kunsill 89/48, Artikoli 1(e), u 4(1)(b))

    Awtorità nazzjonali inkarigata bir‑rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor għandha l‑obbligu, skont l‑Artikoli 39 KE u 43 KE, li tieħu inkunsiderazzjoni, meta tistabbilixxi miżuri ta’ kumpens possibbli, intiżi sabiex ipattu għad‑differenzi sostanzjali bejn it‑taħriġ imwettaq minn applikant u t‑taħriġ meħtieġ fl‑Istat Membru ospitanti, kull esperjenza prattika li tista’ tkopri, kompletament jew parzjalment, l‑imsemmija differenzi.

    Fil-fatt, għalkemm l-esperjenza miksuba mill-applikanti qabel ma jiksbu d-diploma li tagħtihom id-dritt li jipprattikaw il-professjoni tagħhom fi Stat Membru ma tistax tinkludi l-prattika ta’ attivitajiet professjonali rregolati u għalkemm l‑ebda obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni esperjenza prattika, li ma tikkostitwixxix esperjenza professjonali fis‑sens tal‑Artikolu 1(e) tad‑Direttiva 89/48 dwar sistema ġenerali għar rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, ma jirriżulta mit‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 4(1)(b) ta’ din id‑direttiva, madankollu, l-miżuri meħuda skont id-dritt tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, l-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 39 KE u 43 KE jista’ jixxekkel mingħajr ebda ġustifikazzjoni jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti inkarigati bir-rikonoxximent ta’ titoli professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor jinjoraw il-konoxxenzi u l-kwalifiki rilevanti li jkunu diġà inkisbu minn applikant li jkun jixtieq li jipprattika, fit-territorju nazzjonali, professjoni li l-aċċess għaliha huwa, skont leġiżlazzjoni nazzjonali, suġġett għall-pussess ta’ diploma jew kwalifika professjonali. Il‑valur preċiż li jrid jingħata lil din l‑esperjenza prattika utli għall-prattika ta’ professjoni li għaliha jintalab l‑aċċess, għandu jiġi ddeterminat mill‑awtorità kompetenti fid‑dawl tal‑funzjonijiet speċifiċi eżerċitati, tal‑konoxxenzi miksuba u applikati fl‑eżerċizzju ta’ dawn il‑funzjonijiet, kif ukoll tar‑responsabbiltajiet mogħtija u l‑grad ta’ indipendenza mogħti lill‑persuna kkonċernata inkwistjoni.

    (ara l-punti 61, 64‑66, 69, 72 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

    2 ta’ Diċembru 2010 (*)

    “Artikoli 39 KE u 43 KE – Direttiva 89/48/KE – Rikonoxximent ta’ diplomi – Kunċett ta’ ‘esperjenza professjonali’”

    Fil‑Kawżi magħquda C‑422/09, C‑425/09 u C‑426/09,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mis‑Symvoulio tis Epikrateias (il‑Greċja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑12 ta’ Mejju 2009, li waslu fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑28 ta’ Ottubru 2009, fil‑proċeduri

    Vassiliki Stylianou V. S. Vandorou (C‑422/09),

    Vassilios Alexandrou V. A. Giankoulis (C‑425/09),

    Ioannis Georgiou I. G. Askoxilakis (C‑426/09)

    vs

    Ypourgos Ethnikis Paideias kai Thriskevmaton,

    IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

    komposta minn K. Schiemann (Relatur), President tal‑Awla, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tat‑23 ta’ Settembru 2010,

    wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għall‑Gvern Grieg, minn E. Skandalou, bħala aġent,

    –        għall‑Kummissjoni Ewropea, minn G. Zavvos u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

    wara li rat id‑deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l‑Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l‑preżenti

    Sentenza

    1        It‑talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l‑interpretazjoni tal‑Artikoli 1(e) u 4(1)(b) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 89/48/KEE, tal‑21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar‑rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal‑kompletar tal‑edukazzjoni u t‑taħriġ professjonali ta’ mill‑inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), kif emendata bid‑Direttiva 2001/19/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑14 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 138, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 89/48”). 

    2        Dawn it‑talbiet tresqu fil‑kuntest tal‑kawżi bejn V. S. Vandorou, V. A. Giankoulis u I. G. Askoxilakis u l‑Ypourgos Ethnikis Paideias kai Thriskevmaton (Ministru għall‑Edukazzjoni Nazzjonali u l‑Affarijiet Reliġjużi) dwar ċerti deċiżjonijiet tas‑Symvoulio Anagnorisis Epangelmatikis Isotimias Titlon Tritovathmias Ekpaidefsis (Kunsill inkarigat bir‑rikonoxximent tal‑ekwivalenza professjonali tal‑kwalifiki ta’ studji ogħla (iktar ’il quddiem is‑“Saeitte”). Permezz ta’ dawn id‑deċiżjonjiet, is‑Saeitte ssuġġetta d‑dritt tar‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali li jipprattikaw il‑professjoni tagħhom fil‑Greċja, li huma jistgħu jipprattikaw fi Stati Membri oħrajn, għal miżuri ta’ kumpensIl‑kuntest ġuridiku

     Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni

    3        Mit‑tielet u r‑raba’ premessa tad‑Direttiva 89/48 jirriżulta li din għandha l‑għan li timplementa sistema ġenerali għar‑rikonoxximent ta’ diplomi intiżi sabiex jiffaċilitaw il-prattika, min-naħa taċ‑ċittadini Ewropej, tal‑attivitajiet professjonali kollha li, fi Stat Membru ospitanti, jiddependu fuq il‑pussess ta’ taħriġ postsekondarju, sakemm dawn ikollhom dawk id‑diplomi li jippreparawhom għal dawk l‑attivitajiet, mogħtija mat-tmiem ta’ kors ta’ studji li jdum mill‑inqas tliet snin u maħruġa fi Stat Membru ieħor.

    4        L‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 89/48 jipprovdi li:

    “Għall‑iskopijiet ta’ din id‑Direttiva id‑definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (a)      diploma: kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali jew kull sett ta’ dawn id‑diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn:

    –        li ngħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, maħtur skond il‑liġijiet, ir‑regolamenti jew id‑disposizzjonijiet amministrattivi proprji;

    –        li juri li l‑possessur temm b’suċċess kors post‑sekondarju ta’ tul ta’ mill‑anqas tliet snin, jew ta’ tul ekwivalenti part‑time, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni għolja jew stabbiliment ieħor ta’ livell ekwivalenti, fejn xieraq, li hu temm b’suċċess it‑taħriġ professjonali barra l‑kors post‑sekondarju, u

    –        li turi li t‑titolari jkollu l‑kwalifiki professjonali meħtieġa għall‑bidu jew it‑twettiq ta’ professjoni regolata f’dak l‑Istat Membru,

    sakemm l‑edukazzjoni u t‑taħriġ ivverifikati mid‑diploma, iċ‑ċertifikat jew provi oħrajn ta’ kwalifiki formali jkunu ġew irċevuti prinċipalment fil‑Komunità, jew it‑titolari tagħhom ikollu tliet snin esperjenza professjonali iċċertifikata mill‑Istat Membru li rrikonoxxa diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali ta’ pajjiż terz.

    […]

    […]

    (ċ)      professjoni regolata: l‑attività professjonali regolata jew sensiela ta’ attivitajiet li jikkostitwixxu din il‑professjoni fi Stat Membru;

    (d)      attività professjonali regolata: attività professjonali, sa fejn il‑bidu jew it‑twettiq ta’ din l‑attività jew waħda mill‑modi tat‑twettiq tagħha fi Stat Membru hija soġġetta, direttament jew indirettament permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, għall‑pussess ta’ diploma. Dan li ġej, b’mod partikolari għandu jikkostitwixxi mod tat‑twettiq ta’ attività professjonali regolata:

    –        it‑twettiq ta’ attività taħt titolu professjonali, sa fejn l‑użu ta’ dan it‑titolu huwa riservat għat‑titolari ta’ diploma rregolata b’liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi,

    –        it‑twettiq ta’ attività professjonali li tirrigwarda s‑saħħa, sa fejn ir‑remunerazzjoni u/jew ir‑rimbors għal din l‑attività jkunu soġġetti minħabba l‑arranġamenti nazzjonali tas‑sigurtà soċjali għall‑pussess ta’ diploma.

    […]

    (e)      esperjenza professjonali: it‑twettiq fil‑fatt u skond il‑liġi tal‑professjoni kkonċernata fi Stat Membru;

    (f)      perjodu ta’ addattament: it‑twettiq ta’ professjoni regolata fl‑Istat Membru ospitanti taħt ir‑responsabbiltà ta’ membru kwalifikat ta’ dik il‑professjoni, u dan il‑perjodu ta’ prattika sorveljata jkun possibilment akkompanjat b’taħriġ ulterjuri. Dan il‑perjodu ta’ prattika sorveljata għandu jkun is‑suġġett ta’ stima. […]

    (g)      aptitude test: test limitat għat‑tagħrif [konoxxenza] professjonali ta’ l‑applikant, magħmul mill‑awtoritajiet kompetenti ta’ l‑Istat Membru ospitanti bl‑iskop li tiġi stmata l‑abilità ta’ l‑applikant li jwettaq professjoni regolata f’dak l‑Istat Membru.

    Sabiex jiġi permess li dan it‑test jitwettaq, l‑awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu lista ta’ suġġetti li, abbażi ta’ paragun ta’ l‑edukazzjoni u t‑taħriġ meħtieġa fl‑Istat Membru u dak irċevut mill‑applikant, mhumiex koperti mid‑diploma jew prova oħra ta’ kwalifiki formali posseduti mill‑applikant.

    L‑aptitude test għandu jieħu kont tal‑fatt li l‑applikant huwa professjonist kwalifikat fl‑Istat Membru ta’ l‑oriġini jew fl‑Istat Membru minn fejn ikun ġej. Għandu jkopri suġġetti li għandhom jintagħżlu minn dawk fuq il‑lista, li t‑tagħrif tagħhom huwa essenzjali sabiex ikun possibli li wieħed jeżerċita l‑professjoni fl‑Istat Membru ospitanti. It‑test jista’ wkoll jinkludi t‑tagħrif tar‑regoli professjonali applikabbli għall‑attivitajiet inkwistjoni fl‑Istat Membru ospitanti. L‑applikazzjoni dettaljata ta’ l‑aptitude test għandha tiġi determinata mill‑awtoritajiet kompetenti ta’ dak l‑Istat b’konsiderazzjoni xierqa għar‑regoli tal‑liġi Komunitarja.

    […]”

    5        Skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 89/48, din tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq jipprattika professjoni rregolata fi Stat Membru ospitanti bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.

    6        Il‑punt (a) tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 3 tad‑Direttiva 89/48 jipprovdi li:

    “Meta, fi Stat Membru ospitanti, il‑bidu jew it‑twettiq ta’ professjoni regolata huwa soġġett għall‑pussess ta’ diploma, l‑awtorità kompetenti ma tistax, fuq il‑bażi ta’ kwalifiki inadegwati, tirrifjuta li tawtorizza ċittadin ta’ Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il‑professjoni bl‑istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ‑ċittadini proprji stess:

    (a)      jekk l‑applikant għandu d‑diploma meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall‑bidu jew it‑twettiq tal‑professjoni inkwistjoni fit‑territorju tiegħu, u din id‑diploma tkun ingħatat fi Stat Membru; […]”

    7        Skont l‑Artikolu 4 tad‑Direttiva 89/48:

    “1.      Minkejja l‑Artikolu 3, l‑Istat Membru ospitanti jista’ wkoll jitlob lill‑applikant:

    (a)      jipprovdi prova ta’ esperjenza professjonali, meta d‑dewmien ta’ l‑edukazzjoni u t‑taħriġ meħud bħala sostenn għal din l‑applikazzjoni, kif stabbilit fl‑Artikolu 3 (a) u (b), huwa mill‑anqas sena inqas minn dak meħtieġ fl‑Istat Membru ospitanti. […]

    […]

    (b)      jikkompleta perjodu ta’ addattament li ma jaqbiżx it‑tliet snin jew jieħu aptitude test:

    –        meta l‑kwistjonijiet koperti bl‑edukazzjoni u t‑taħriġ li huwa rċieva kif stabbilit fl‑Artikolu 3(a) u (b), jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mid‑diploma meħtieġa fl‑Istat Membru ospitanti, jew

    […]

    Jekk l‑Istat Membru ospitanti għandu l‑intenzjoni li jitlob li l‑applikant iwettaq perjodu ta’ adattament jew jagħmel test għall‑kapaċità, dan irid l‑ewwel jeżamina jekk l‑għarfien miksub mill‑applikant matul l‑esperjenza professjonali tiegħu hux tali li jkopri kompletament jew parzjalment id‑differenza sostanzjali li hemm referenza għaliha fl‑ewwel subparagrafu.

    Jekk l‑Istat Membru ospitanti juża din il‑possibiltà, dan għandu jagħti lill‑applikant id‑dritt li jagħżel bejn il‑perjodu ta’ addattament jew aptitude test. B’deroga minn dan il‑prinċipju, għall‑professjonijiet li l‑prattika tagħhom titlob tagħrif [konoxxenza] preċiż[a] tal‑liġi nazzjonali u li fir‑rigward tagħhom il‑provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l‑liġi nazzjonali hija aspett essenzjali u kostanti ta’ l‑attività professjonali, l‑Istat Membru ospitanti jista’ jistipula jew perjodu ta’ addattament jew aptitude test. […]

    2.      Madanakollu, l‑Istat Membru ospitanti ma jistax japplika d‑dispożizzjonijiet tal‑paragrafu 1 (a) u (b) kumulattivament.”

     Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali

     Il‑miżuri intiżi sabiex jittrasponu d‑Direttiva 89/48 fid‑dritt nazzjonali

    8        Id‑Digriet Presidenzjali 165/2000, tat‑23 ta’ Ġunju 2000 (FEK A’ 149/28.6.2000), kif emendat bid‑Digrieti Presidenzjali 373/2001, tat‑22 ta’ Ottubru 2001 (FEK A’ 251) u 385/2002, tat‑23 ta’ Diċembru 2002 (FEK A’ 334, iktar ’il quddiem id‑“Digriet 165/2000”), huwa intiż għat‑traspożizzjoni tad‑Direttiva 89/48 fis‑sistema legali Ellenika.

    9        Għaldaqstant, l‑Artikoli 2(5) u (7), 3, 4(1)(a) u 5 tad‑Digriet 165/2000 jirripproduċu l‑Artikolu 1(e) u (g), l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 2, il‑punt (a) tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 3 u l‑Artikolu 4 tad‑Direttiva 89/48, kif iċċitati iktar ’il fuq, rispettivament.

    10      Barra minn hekk, l‑Artikolu 10 tad‑Digriet 165/2000 jipprovdi għall‑ħolqien tas‑Saeitte bħala korp kolleġġjali fi ħdan il‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u Affarijiet Reliġjużi li, skont l‑Artikolu 11 ta’ dan l‑istess digriet, ingħata l‑missjoni li jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla li jidħlu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 89/48.

     Il‑professjonijiet ta’ inġinier mekkaniku u ta’ inġinier tat‑telekomunikazzjoni

    11      Fil‑Greċja, il‑professjonijiet ta’ inġinier mekkaniku u ta’ inġinier tat‑telekomunikazzjonijet huma professjonijiet irregolati li jistgħu jiġu pprattikati biss minn membri tat‑Techniko Epimelitirio tis Elladas (Bord Tekniku tal‑Greċja, iktar ’il quddiem it‑“TEE”).

    12      Id‑Digriet Presidenzjali, tas‑27 ta’ Novembru u tal‑14 ta’ Diċembru 1926, li jikkodifika d‑dispożizzjonijiet u t‑testi relatati mal‑kompożizzjoni tat‑TEE (FEK A’ 430), kif emendat bil‑Liġi 1486/1984 (FEK A’ 161) u mid‑Digriet Presidenzjali 512/1991, tat‑30 ta’ Novembru u tat‑12 ta’ Diċembru 1991 (FEK A’ 190, iktar ’il quddiem id‑“Digriet TEE”), jipprovdi fl‑Artikolu 2(1) tiegħu, li ċ‑ċittadini tal‑Istati Membri għandhom jiġu rreġistrati bħala membri tat‑TEE “malli jiggradwaw mill‑iskola nazzjonali politeknika ta’ Metsovo, minn skejjel politekniċi tal‑pajjiż jew minn skejjel barranin ekwivalenti, wara li jingħataw l‑awtorizzazzjoni sabiex tiġi pprattikata l‑professjoni”.

    13      Il‑professjonisti huma kklassifikati f’disa’ speċjalitajiet elenkati fl‑Artikolu 2(5) ta’ dan id‑digriet, fosthom l‑ispeċjalità ta’ inġinier mekkaniku, iżda mhux dik ta’ inġinier tat‑telekomunikazzjoni.

    14      Skont l‑Arikolu 2(6) tad‑Digriet TEE, l‑ispeċjalitajiet li ma jinsabux fost dawk iddefiniti fl‑Artikolu 2(5) ta’ dan id‑digriet, għandhom jiġu kklassifikati fl‑eqreb speċjalità. Indipendentement minn dan, il‑membru tat‑TEE li jkun ġie rreġistrat b’dan il‑mod jibbenefika mid‑drittijiet professjonali marbuta mal‑ispeċjalità jew sempliċement mal‑ispeċjalizzazzjoni msemmija fl‑awtorizzazzjoni tiegħu sabiex tiġi pprattikata l‑professjoni, kif inhuma stabbiliti mil‑leġiżlazzjoni fis‑seħħ.

    15      L‑Artikolu 4(3) tad‑Digriet TEE jipprovdi, b’mod partikolari, li t‑TEE jorganizza l‑eżamijiet, joħroġ l‑awtorizzazzjoni sabiex tiġi pprattikata l‑professjoni ta’ inġinier skont id‑dispożizzjonijiet fis‑seħħ u jżomm ir‑reġistri tal‑inġiniera.

    16      F’dan il‑kuntest, l‑Artikoli 1 u 4 tal‑Liġi 1225/1981, tat‑30 u 31 ta’ Diċembru 1981 (FEK B’ 713) jagħtu lit‑TEE il‑kompetenza li jagħti l‑awtorizzazzjoni sabiex tiġi pprattikata din l‑professjoni fil‑Greċja lill‑inġiniera ggradwati minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni Griegi kif ukoll minn istituzzjonijiet ekwivalenti ta’ edukazzjoni ogħla. Skont l‑Artikolu 1(3) ta’ din il‑liġi, dan japplika wkoll għall‑każ ta’ inġiniera ggradwati minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla li jinsabu barra mill‑pajjiż li joffru l‑ispeċjalizzazzjonijiet li ma jikkorrispondux għal dawk ta’ inġieniera ggradwati minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla nazzjonali.

    17      Abbażi tal‑liġi Nru 1225/1981, Digriet Interministerjali ED 5/4/339, tal‑14 ta’ Settembru u tal‑5 ta’ Ottubru 1984, adottat mill‑Ministru tax‑Xogħolijiet Pubbliċi u l‑Ministru għall‑Edukazzjoni Nazzjonali u l‑Affarijiet Reliġjużi, iddefinixxa l‑proċedura għall‑għoti, mit‑TEE, tal‑awtorizzazzjoni sabiex tiġi pprattikata l‑professjoni ta’ inġinier.

     Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

     Kawża C‑422/09 (V. S. Vandorou)

    18      Wara li għamlet korsijiet u eżamijiet ta’ speċjalizzazzjoni wara l‑lawrija mal‑London Guildhall University (Università ta’ London Guildhall) (ir‑Renju Unit), matul il‑perijodu minn Settembru 1994 sa Frar 1997, V. S. Vandorou kisbet it‑titolu ta’ “Master of Business Administration”. Matul l‑istudji tagħha, hija kienet ħadmet fir‑Renju Unit, b’mod partikolari, fi ħdan il‑kumpannija Elf Oil Ltd (iktar ’il quddiem “Elf Oil”).

    19      Fil‑15 ta’ Awwissu 1997, V. S. Vandorou rreġistrat mal‑Association of Chartered Certified Accountants (Kamra tal‑Kontabilisti bil‑privileġġ tar‑Renju Unit, iktar ’il quddiem l‑“ACCA”). Wara li għaddiet minn serje ta’ eżamijiet u wara li għamlet il‑perijodu ta’ prattika bi prova meħtieġ u approvat fis‑settur tal‑kontabbiltà/tal‑verifika, hija saret uffiċjalment membru ta’ din l‑organizzazzjoni professjonali fis‑17 ta’ April 2000 u kisbet it‑titolu ta’ “Chartered Certified Accountant” (awditur/kontabilista bil‑privileġġ). Bejn dawn iż‑żewġ dati, V. S. Vandorou ħadmet fil‑Greċja fi ħdan il‑kumpannija ta’ verifika b’responsabbiltà limitata Pricewaterhouse Coopers (iktar ’il quddiem “Pricewaterhouse Coopers”).

    20      Fl‑10 ta’ April 2002, V. S. Vandorou ressqet applikazzjoni mas‑Saeitte sabiex jiġi rikonoxxut id‑dritt tagħha li tipprattika l‑professjoni ta’ kontabilista fiskali fil‑Greċja.

    21      Hija pprovdiet ċertifikati li kienu jikkonfermaw li kellha d‑dritt tipprattika l‑professjoni ta’ “Chartered Certified Accountant” fir‑Renju Unit u li kienu jiddeskrivu l‑attivitajiet inklużi f’din il‑professjoni. Barra minn hekk, hija rreferiet għall‑esperjenza professjonali miksuba fi ħdan Elf Oil u Pricewaterhouse Coopers u pprovdiet ċertifikati, maħruġa minn dawn il‑kumpanniji, bħala prova ta’ dan.

    22      Permezz ta’ Att Nru 80, tat‑23 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem l‑“ewwel att ikkontestat” is‑Saeitte ikkonstata, l‑ewwel nett, li l‑professjoni ta’ kontabilista kienet professjoni rregolata kemm fil‑Greċja kif ukoll fir‑Renju Unit u li V. S. Vandorou, fil‑kwalità tad‑detentur tat‑titolu professjonali ta’ “Chartered Certified Accountant”, mogħti mill‑ACCA, organizzazzjoni professjonali fir‑Renju Unit, kellha titqies bħala detentur ta’ diploma fil‑kontabbiltà skont id‑Direttiva 89/48 u d‑Digriet 165/2000. Sussegwentement, is‑Saeitte qies li kien meħtieġ li V. S. Vandorou tkun suġġetta għal miżuri ta’ kumpens “minħabba differenzi sostanzjali fil‑kors li għamlet meta mqabbel mat-taħrig tal‑kontabilisti fil‑Greċja”. Għaldaqstant, huwa ddeċieda li jlaqqa’ kumitat bi tliet membri sabiex jippreċiża l‑kontenut tal‑miżuri msemmija iktar ’il fuq, li kellhom jiġu imposti fuq ir‑rikorrenti.

    23      Sussegwentement, fuq il‑bażi tad‑deċiżjoni ta’ dan il‑kumitat bi tliet membri, is‑Saeitte impona fuq V. S. Vandorou, permezz ta’ Att Nru 89 tal‑25 ta’ Ottubru 2004 (iktar ’il quddiem it‑“tieni att ikkontestat”), bħala miżura ta’ kumpens sabiex jiġi rikonoxxut lilha d‑dritt li tipprattika l‑professjoni ta’ kontabilista fiskali fil‑Greċja, li tkun suġġetta għal aptitude test fid‑dritt nazzjonali u, b’mod paritkolari, fid‑dritt tal‑kumpanniji, fid‑dritt kummerċjali, fid‑dritt tax‑xogħol u fid‑dritt fiskali peress li sabiex tiġi pprattikata l‑professjoni ta’ kontabilista fiskali kienet meħtieġa konoxxenza preċiża tar‑regoli tad‑dritt nazzjonali. Billi bbaża ruħu fuq l‑Artikolu 5 tad‑Digriet 165/2000, intiż sabiex jittrasponi t‑tielet paragrafu tal‑Artikolu 4(1)(b) tad‑Direttiva 89/48, is‑Saeitte ippreċiża, barra minn hekk, li V. S. Vandorou ma setgħatx tagħżel bejn aptitude test jew perijodu ta’ adattament peress li l‑professjoni ta’ kontabilista fiskali kienet professjoni “li l‑prattika tagħh[a] titlob tagħrif [konoxxenza] preċiż[a] tal‑liġi nazzjonali u li fir‑rigward tagħhom il‑provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l‑liġi nazzjonali hija aspett essenzjali u kostanti ta’ l‑attività professjonali”.

    24      Fl‑aħħar nett, is‑Saeitte qies li l‑esperjenza professjonali li V. S. Vandorou kienet kisbet fil‑Greċja mix‑xogħol tagħha mal‑Pricewaterhouse Coopers ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil‑fatt, il‑kundizzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 2(5) tad‑Digriet 165/2000 li, b’rifless tal‑Artikolu 1(e) tad‑Direttiva 89/48, jiddefinixxi l‑kelmiet “esperjenza professjonali” bħala t‑“twettiq fil‑fatt u skond il‑liġi tal‑professjoni kkonċernata fi Stat Membru”, ma humiex sodisfatti peress li V. S. Vandorou ma kellhiex awtorizzazzjoni sabiex tipprattika l‑professjoni ta’ kontabilista fil‑Greċja matul il‑perijodu li fih kisbet l‑esperjenza inkwistjoni.

    25      Sussegwentement, V. S. Vandorou ppreżentat żewġ rikorsi quddiem is‑Symvoulio tis Epikrateias kontra l‑ewwel u t‑tieni att ikkonstestat, rispettivament.

    26      Fir‑rigward tar‑rikors kontra l‑ewwel att ikkontestat, is‑Symvoulio tis Epikrateias tqis li dan l‑att għandu jiġi annullat peress li ma huwiex suffiċjentement immotivat sa fejn jimponi fuq V. S. Vandorou sabiex tissottometti ruħha għal miżuri ta’ kumpens. Fil‑fatt, is‑Saeitte sempliċement irrefera, b’mod ġenerali u vag, għal “differenzi sostanzjali fil‑kors li għamlet”, filwaqt li huwa kellu l‑obbligu jirreferi, b’mod speċifiku u preċiż, għas‑suġġetti koperti mit-taħriġ ta’ V. S. Vandorou u għas‑suġġetti koperti mid‑diploma Griega korripsondenti, li jidentifika d‑differenzi eżistenti bejn dawn is‑suġġetti u li jifformula evalwazzjoni kompleta u mmotivata speċifikament dwar in‑natura sostanzjali tad‑differenzi inkwistjoni.

    27      Fir‑rigward tar‑rikors kontra t‑tieni att ikkontestat, il‑qorti tar‑rinviju tikkonstata li l‑validità ta’ dan hija suġġetta għall‑validità tal‑ewwel att ikkontestat u li, għaldaqstant, l‑annullament tal‑ewwel att għandu jwassal għall‑annullament tat‑tieni wieħed.

    28      Madankollu, is‑Symvoulio tis Epikrateias tqis li, f’dan il‑kuntest, għandu jiġi eżaminat ukoll il‑motiv għall‑annullament li jgħid li l‑motivazzjoni tat‑tieni att hija vvizzjata bi żbaliji ta’ liġi inkwantu, permezz ta’ dan l‑att, is‑Saeitte qies li matul l‑eżami tal‑kwistjoni jekk V. S. Vandorou kellhiex tiġi suġġetta għal miżuri ta’ kumpens, ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l‑esperjenza professjonali li hija kienet kisbet fil‑Greċja. Fil‑fehma tal‑qorti tar‑rinviju, l‑eżami ta’ dan il‑motiv huwa neċessarju sabiex, billi jiġu identifikati l‑kwistjonijiet li l‑awtorità nazzjonali kompetenti għandha tinvestiga wara l‑annullament tal‑atti kkontestati, l‑obbligi ta’ din tal‑aħħar ikunu ddeterminati b’mod preċiż fil‑mument meta din ser ikollha tikkonforma mas‑sentenza ta’ annullament u tagħti lil V. S. Vandorou – fid‑dawl ukoll tal‑prinċipju ta’ ekonomija tal‑ġudizzju – protezzjoni ġudizzjarja sħiħa u effettiva.

    29      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, is‑Symvoulio tis Epikrateias iddeċiediet li tissospendi l‑proċeduri u tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja:

    “Skont l‑Artikolu 4(1)(b) tad‑Direttiva 89/48 [...], b’‘esperjenza professjonali’, li tittieħdet inkunsiderazzjoni mill‑awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tevalwa jekk il‑kompetenzi [konoxxenzi] miksuba mill‑persuna kkonċernata permezz ta’ tali esperjenza jistgħux ikopru, kompletament jew parzjalment, id‑differenza sostanzjali li teżisti bejn is‑suġġetti li kien ibbażat fuqhom it‑taħriġ tal‑persuna kkonċernata fl‑Istat Membru ta’ oriġni u s‑suġġetti li jaqgħu taħt id‑diploma mitluba mill‑Istat Membru ospitanti, għandha tinftiehem li hija wkoll esperjenza li għandha l‑karatteristiċi li ġejjin:

    a)      tkun inkisbet mill‑persuna kkonċernata wara li din tkun kisbet diploma li tiggarantilha l‑aċċess għal professjoni partikolari rregolamentata mill‑Istat Membru ta’ oriġini;

    b)      tkun inkisbet bil‑prattika fl‑Istat Membru ospitanti ta’ attività professjonali li, minkejja li ma taqbilx mal‑professjoni regolamentata, li l‑persuna kkonċernata (li barra minn hekk ma tistax tipprattika legalment tali professjoni fl‑Istat Membru ospitanti qabel ma tintlaqa’ t‑talba li hija s‑suġġett ta’ din id‑domanda) ressqet talba għad‑dritt sabiex tipprattika abbażi tad‑Direttiva 89/48 […] fl‑Istat Membru ospitanti, imma li hija madankollu, skont l‑evalwazzjoni tal‑mertu li ssir mill‑awtorità nazzjonali kompetenti għad‑deċiżjoni dwar it‑talba, attività professjonali li tidher relatata ma’ tali professjoni regolamentata, u

    c)      skont evalwazzjoni tal‑mertu mill‑imsemmija awtorità nazzjonali hija kkunsidrata kapaċi, minħabba r‑rabta msemmija iktar ’il fuq, tkopri, tal‑anqas parzjalment, id‑differenzi sostanzjali bejn is‑suġġetti li tkun tgħallmet il‑persuna kkonċernata matul it‑taħriġ tagħha fl‑Istat Membru ta’ oriġni u s‑suġġetti li jaqgħu taħt id‑diploma tal‑Istat Membru ospitanti?”

     Kawża C‑425/09 (V. A. Giankoulis)

    30      V. A. Giankoulis għandu diploma mid‑Dipartiment tal‑Inġinerija tal‑Iskola tal‑Applikazjonijiet Tekniċi tat‑Technologiko Ekpaideftiko Idryma de Kavala (il‑Greċja) kif ukoll titolu ta’ studji ta’ speċjaliżżazzjoni wara l‑lawrija “Master of Science” mill‑Istitut tat‑Teknoloġija ta’ Cranfield (ir‑Renju Unit) fil‑qasam tal‑mekkanika tas‑sistemi ta’ produzzjoni.

    31      Fis‑17 ta’ April 1996, V. A. Giankoulis ġie impjegat mal‑kumpannija Elliniki Viomichania Alouminiou AE (iktar ’il quddiem “Elliniki Viomichania Alouminiou”. Huwa kien jaħdem fid‑Dipartiment tal‑Funderija bħala assistent inġinier tal‑manutenzjoni sal‑31 ta’ Diċembru 1997 u bħala kap tal‑manutenzjoni mekkanika tal‑funderija sal‑31 ta’ Diċembru 2000.

    32      Mit‑12 ta’ Lulju 2000, V. A. Giankoulis sar membru tal‑Institution of mechanical engineers (Istitut tal‑Inġiniera tal-Mekkanika tar‑Renju Unit). Skont ċertifikat, tat‑8 ta’ Novembru 2000, maħruġ minn dan l‑istitut, huwa għandu d‑dritt li juża t‑titolu ta’ “Chartered Engineer”. Ir‑reġistrazzjoni tiegħu fir‑reġistru taċ‑“Chartered Engineers” saret fid‑dawl tal‑kwalifiki akkademiċi tiegħu, kif ukoll tal‑esperjenza professjonali li kien akkwista fil‑Greċja.

    33      V. A. Giankoulis ilu jaħdem fi ħdan id‑Dipartiment Integrat tal-Funderiji u tal-Ikkastjar Kontinwu ta’ Elliniki Viomichania Alouminiou, mill‑1 ta’ Jannar 2002, bħala assistent inġinier tal‑manutenzjoni.

    34      Fid‑9 ta’ Marzu 2001, V. A. Giankoulis ressaq applikazzjoni mas‑Saeitte sabiex jiġi rikonoxxut lilu d‑dritt li jipprattika l‑professjoni ta’ inġinier tal-mekkanika fil‑Greċja. Apparti d‑dokumenti li jikkonfermaw it‑taħriġ akkademiku msemmi iktar ’il fuq, huwa pprovda dokument li jirrigwarda l‑esperjenza professjonali tiegħu fi ħdan Elliniki Viomichania Alouminiou.

    35      Wara diversi laqgħat li wasslu biss għal deċiżjonijiet li l‑eżami tal‑applikazzjoni jiġi sospiż, is‑Saeitte qies, permezz ta’ Att Nru 42, tat‑8 ta’ April 2002 (iktar ’il quddiem it‑“tielet att ikkontestat”, li t-taħriġ ta’ V. A. Giankoulis mat‑Technologiko Ekpedevtiko Idrima in Kavala kien sostanzjalment differenti mit‑taħriġ korrispondenti offrut mid‑dipartimenti politekniċi tal‑istabbilimenti ta’ tagħlim ogħla fil‑Greċja u li l‑esperjenza professjonali tiegħu, li hija llimitata għall‑Greċja, ma kinitx tirrigwarda l‑professjoni ta’ inġinier tal-mekkanika. Is‑Saeitte qies ukoll li, sabiex jikkumpensa d‑differenzi sostanzjali fit‑taħriġ, kien meħtieġ li V. A. Giankoulis ikun suġġett għal miżuri ta’ kumpens u li jlaqqa’ kumitat bi tliet membri sabiex jippreċiża l‑kontenut ta’ dawn il‑miżuri.

    36      Il‑kumitat ikkostitwit b’dan il‑mod issuġġerixxa, fil‑minuti tiegħu tat‑12 ta’ Novembru 2002, li V. A. Giankoulis jiġi suġġett għal eżami jew perijodu ta’ prova ta’ tliet snin f’erba’ suġġetti, sabiex ikopri l‑oqsma li jikkostitwixxu l‑konoxxenza bażika għal inġinier tal-mekkanika u f’seba’ suġġetti oħra sabiex ikopri l‑oqsma ta’ konoxxenza relatati mal‑professjoni ta’ inġinier elettriċist.

    37      Wara żewġ sospensjonijiet oħra tad‑deċiżjoni, is‑Saeitte adotta l‑Att Nru 87, tal‑21 ta’ Settembru 2004 (iktar ’il quddiem ir‑“raba’ att ikkontestat” u ddeċieda li jaċċetta biss ir‑rapport tal‑kumitat imsemmi iktar ’il fuq, għal dak li jirrigwarda l‑miżuri ta’ kumpens li huma relatati mal‑professjoni ta’ inġinier mekkaniku. Għaldaqstant, is‑Saeitte impona fuq V. A. Giankoulis, bħala miżuri ta’ kumpens, li jagħmel eżami jew li jipprattika għal tliet snin taħt superviżjoni, fis‑suġġetti li ġejjin, li jaqggħu fil‑qasam tal‑inġinerija tal-mekkanika: “Teknoloġija termika – Magni termiċi – Stallazzjonijiet termiċi – Stallazzjonijiet tat‑tkessiħ – Kondizzjonar tal‑arja – Stallazzjonijiet għall-irfiegħ – Stallazzjonijiet idrawliċi u stazzjonijiet tal‑ippumpjar”.

    38      Imbagħad, V. A. Giankoulis ippreżenta rikors quddiem is‑Symvoulio tis Epikrateias u talab l‑annullament, b’mod paritkolari, tat‑tielet u r‑raba’ atti kkontestati.

    39      Fir‑rigward tat‑tielet att ikkontestat is‑Symvoulio tis Epikrateias tqis li dan l‑att għandu jiġi annullat peress li ma huwiex suffiċjentement immotivat fir-rigward l‑impożizzjoni fuq V. A. Giankoulis li jissottometti ruħu għal miżuri ta’ kumpens. Fil‑fatt, is‑Saeitte sempliċement irrefera, b’mod ġenerali u vag, għal differenzi sostanzjali fit-taħriġ ta’ V. A. Giankoulis, filwaqt li huwa kellu l‑obbligu jirreferi, b’mod speċifiku u preċiż, għas‑suġġetti koperti mit-taħriġ ta’ V. A. Giankoulis u għas‑suġġetti li jikkostitwixxu l‑kontenut tal‑istudji li, fil‑Greċja, iwasslu għall‑kisba ta’ diploma li tippermetti li jiġu pprattikati, skont il‑liġi, l‑attivitajiet professjonali ta’ inġinier tal-mekkanika li huma rregolati, li jidentifika d‑differenzi eżistenti bejn dawn is‑suġġetti u li jifformula evalwazzjoni kompleta u mmotivata speċifikament dwar in‑natura sostanzjali tad‑differenzi inkwistjoni.

    40      Fir‑rigward tar‑raba’ att ikkontestat, il‑qorti tar‑rinviju tikkonstata li l‑validità ta’ dan hija suġġetta għall‑validità tat‑tielet att ikkontestat u li, għaldaqstant, l‑annullament tat‑tielet att għandu jwassal għall‑annullament tar‑raba’ wieħed.

    41      Madankollu s‑Symvoulio tis Epikrateias hija tal‑fehma li, f’dan il‑kuntest, għandu jiġi eżaminat ukoll il‑motiv għall‑annullament li jgħid li l‑motivazzjoni tar‑raba’ att ikkontestat hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi inkwantu, billi adotta r‑rapport tal‑kumitat bi tliet membri, is‑Saeitte qies, matul l‑impożizzjoni tal‑miżuri ta’ kumpens, li l‑esperjenza professjonali miksuba mir‑rikorrent fil‑Greċja ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil‑fehma tal‑qorti tar‑rinviju, l‑eżami ta’ dan il‑motiv huwa neċessarju sabiex, billi jiġu identifikati l‑kwistjonijiet li l‑awtorità nazzjonali kompetenti għandha tinvestiga wara l‑annullament tal‑atti kkontestati, l‑obbligi ta’ din tal‑aħħar ikunu ddeterminati b’mod preċiż fil‑mument meta din ser ikollha tikkonforma mas‑sentenza ta’ annullament u tagħti lil V. A. Giankoulis – fid‑dawl ukoll tal‑prinċipju ta’ ekonomija tal‑ġudizzju – protezzjoni ġudizzjarja sħiħa u effettiva.

    42      Fil‑kuntest tal‑eżami ta’ dan il‑motiv, il‑qorti tar‑rinviju għandha dubji dwar il‑kwistjoni ta’ jekk l‑esperjenza professjonali miksuba minn V. A. Giankoulis wara l‑kisba tat‑titolu “Chartered Engineer” tikkostitwixxix “esperjenza professjonali” li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni matul l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 4(1)(b) tad‑Direttiva 89/48.

    43      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, is‑Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja:

    “L‑espressjoni ‘esperjenza professjonali’ li tidher fl‑Artikolu 4(1)(b) tad‑Direttiva 89/48 […], tikkorrispondi mal‑espressjoni ‘esperjenza professjonali’ li d‑definizzjoni tagħha tidher fl‑Artikolu 1(e) ta’ din id‑direttiva, u tista’ din tinftiehem bħala esperjenza li għandha kumulattivament il‑karatteristiċi segwenti:

    a)      din l‑esperjenza inkisbet mill‑persuna kkonċernata wara l‑kisba tad‑diploma li tagħtiha aċċess għal professjoni rregolata speċifika fl‑Istat Membru tal‑oriġini,

    b)      din l‑esperjenza inkisbet fil‑kuntest tal‑eżerċizzju ta’ din il‑professjoni li għaliha l‑persuna kkonċernata ppreżentat talba skont id‑Direttiva 89/48 [...] (ara l‑espressjonijiet ‘the profession concerned’, ‘la profession concernée’, ‘des betreffenden Berufs’ użati fil‑verżjoni Ingliża, Franċiża u Ġermaniża rispettivament) u

    ċ)      l‑imsemmija attività professjonali ġiet eżerċitata legalment, jiġifieri skont it‑termini u l‑kundizzjonijiet tal‑leġiżlazzjoni rilevanti tal‑Istat Membru fejn twettqet, b’mod li huwa eskluż li tittieħed inkunsiderazzjoni l‑esperjenza partikolari miksuba f’din il‑professjoni fl‑Istat Membru ospitanti qabel ma ntlaqgħet it‑talba għaliex, fl‑Istat Membru ospitanti, il‑professjoni inkwistjoni ma tistax tiġi pprattikata b’mod legali qabel ma tintlaqa’ t‑talba [mingħajr ħsara, ċertament, għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 5 tad‑direttiva li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet – sabiex isir taħriġ professjonali li ma jkunx seħħ fl‑Istat Membru tal‑oriġini – l‑eżerċizzju tal‑professjoni fl‑Istat Membru li jospita bl‑assistenza ta’ professjonist ikkwalifikat]?”

     Kawża C‑426/09 (I. G. Askoxilakis)

    44      I. G. Askoxilakis għandu diploma fix‑xjenzi fiżiċi mill‑Fakultà tax‑Xjenzi Fiżiċi tal‑Università ta’ Kreta (il‑Greċja) kif ukoll diploma ta’ speċjalizzazzjoni wara l‑lawrija fl‑inġinerija tal‑komunikazzjoni mill‑Fakultà tal‑Inġinerija tal‑Elettriku u tal‑Informatika tal‑Università ta’ Munich (il‑Ġermanja). Bis‑saħħa ta’ din tal‑aħħar, huwa awtorizzat jipprattika, fil‑Ġermanja, attivitajiet professjonali rregolati fil‑qasam tal‑inġinerija tal‑komunikazzjoni.

    45      Fil‑21 ta’ Ottubru 20003, I. G. Askoxilakis ressaq applikazzjoni mas‑Saeitte sabiex jiġi rikonoxxut lilu d‑dritt li jipprattika l‑professjoni ta’ inġinier tal‑komunikazzjoni fil‑Greċja. Apparti d‑dokumenti li jikkonċernaw it‑taħriġ akkademiku tiegħu, huwa pprovda ċertifikat mill‑Istitut tal‑Informatika tal‑Istabbiliment għat‑Teknoloġija u r‑Riċerka (iktar ’il quddiem l‑“ITR”) li kien jindika li, matul il‑perijodu mill‑1 ta’ Awwissu 2002 sat‑28 ta’ Frar 2003, kien ħadem fil‑programmi ta’ riċerka ta’ dan l‑istitut u, mill‑1 ta’ Marzu 2003 jaħdem bħala xjenzjat tekniku speċjali, b’mod partikolari, fi ħdan il‑laboratorju “telekomunikazzjoni u netwerks”. Fuq talba tas‑Saeitte, I. G. Askoxilakis ipprovda wkoll it‑tieni ċertifikat mill‑ITR li kien jiddeskrivi iktar fid-dettall l‑għan tax‑xogħol tiegħu fi ħdan dan l‑istitut.

    46      Permezz ta’ Att Nru 87, tal‑21 ta’ Settembru 2004 (iktar ’il quddiem il‑“ħames att ikkontestat”), is‑Saeitte ddeċieda li jimponi miżuri ta’ kumpens fuq I. G. Askoxilakis sabiex ikopri d‑differenzi sostanzjali eżistenti bejn it-taħrig li huwa kien ħa u s‑suġġetti koperti mit-taħriġ mogħti minn dawn l‑iskejjel politekniċi Griegi għall‑professjoni ta’ inġinier tal‑informatika, telekomunikazzjoni u netwerks fil‑Greċja. Barra minn hekk, is‑Saeitte ddeċieda li jlaqqa’ kumitat bi tliet membri sabiex jippreċiża l‑kontenut ta’ dawn il‑miżuri ta’ kumpens.

    47      Il‑kumitat ikkostitwit b’dan il‑mod, issuġġerixxa, fir‑rapport tiegħu tal‑10 ta’ Frar 2005, aptitude test jew perijodu ta’ adattament ta’ tliet snin fis‑suġġetti li ġejjin: “A. Disinn taċ‑ċirkuwiti diġitali, elettroniċi u analogi; analiżi tan‑netwerks. B. Settur tal‑kompjuters. Sistemi ta’ mikrokompjuters. Sistemi funzjonali ta’ kompjuters. Disinn u implementazzjoni ta’ lingwi tal‑ipprogrammar. Algoriżmu u Kumplessità. Strutturi u Databases. Teknoloġija tas-sofwares. Ċ. Telekomunikazzjoni u Netwerks. Ifformattjar. Identifikazzjoni. Evalwazzjoni u Tixrid tas-Sinjali. Wireless netwerks u Tixrid. Internet u l‑applikazzjoni tiegħu.”

    48      Permezz ta’ Att Nru 96, tat‑8 ta’ Marzu 2005 (iktar ’il quddiem is‑“sitt att ikkontestat”, is‑Saeitte ddeċieda li jsegwi dan ir‑rapport u jimponi l‑miżuri ta’ kumpens, imsemmija iktar ’il fuq, fuq I. G. Askoxilakis mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l‑esperjenza professjonali miksuba minnu fi ħdan l‑ITR.

    49      Għaldaqstant, I. G. Askoxilakis ippreżenta rikors, b’mod partikolari, kontra l‑ħames u s‑sitt atti kkontestati.

    50      L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l‑ħames att ikkontestat, is‑Symvoulio tis Epikrateias tqis li dan l‑att għandu jiġi annullat peress li ma huwiex suffiċjentement immotivat fir-rigward tal‑impożizzjoni fuq I. G. Askoxilakis li jissottometti ruħu għal miżuri ta’ kumpens. Fil‑fatt, is‑Saeitte sempliċement irrefera, b’mod ġenerali u vag, għal “differenzi sostanzjali”, filwaqt li huwa kellu l‑obbligu jirreferi, b’mod speċifiku u preċiż, għas‑suġġetti koperti mit-taħriġ ta’ I. G. Askoxilakis u għas‑suġġetti li jikkostitwixxu l‑kontenut tal‑istudji, li fil‑Greċja, jwasslu għall‑kisba ta’ diploma li tippermetti li jiġu pprattikati l‑attivitajiet professjonali ta’ inġinier tat‑telekomunikazzjoni, li jidentifika d‑differenzi eżistenti bejn dawn is‑suġġetti u li jifformula evalwazzjoni kompleta u mmotivata speċifikament dwar in‑natura sostanzjali tad‑differenzi inkwistjoni.

    51      It-tieni nett, fir‑rigward tas‑sitt att ikkontestat, is‑Symvoulio tis Epikrateias tikkonstata li l‑validità ta’ dan hija suġġetta għall‑validità tal‑ħames att ikkontestat u li, għaldaqstant, l‑annullament tal‑ħames att għandu jwassal għall‑annullament tas‑sitt wieħed.

    52      Madankollu s‑Symvoulio tis Epikrateias tqis li, f’dan il‑kuntest, għandu jiġi eżaminat ukoll il‑motiv għall‑annullament li jgħid li l‑motivazzjoni tas‑sitt att ikkontestat hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi inkwantu, is‑Saeitte ma qiesx l‑esperjenza professjonali li wera I. G. Askoxilakis. Fil‑fehma tal‑qorti tar‑rinviju, l‑eżami ta’ dan il‑motiv huwa neċessarju sabiex, billi jiġu identifikati l‑kwistjonijiet li l‑awtorità nazzjonali kompetenti għandha tinvestiga wara l‑annullament tal‑atti kkontestati, l‑obbligi ta’ din tal‑aħħar ikunu ddeterminati b’mod preċiż fil‑mument meta din ser ikollha tikkonforma mas‑sentenza ta’ annullament u tagħti lil I. G. Askoxilakis – fid‑dawl ukoll tal‑prinċipju ta’ ekonomija tal‑ġudizzju – protezzjoni ġudizzjarja sħiħa u effettiva.

    53      Fil‑kuntest tal‑eżami ta’ dan il‑motiv, il‑qorti tar‑rinviju għandha dubji dwar il‑kwistjoni ta’ jekk ix‑xogħol ta’ I. G. Askoxilakis fi ħdan l‑ITR jikkostitwixxix “esperjenza professjonali” li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni matul l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 4(1)(b) tad‑Direttiva 89/48.

    54      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, is‑Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja:

    “Il‑frażi ‘esperjenza professjonali’ li tinsab fl‑Artikolu 4(1)(b) tad‑Direttiva 89/48 [...] tikkorrispondi għall‑frażi ‘esperjenza professjonali’ kif imfissra fl‑Artikolu 1(e) tal‑istess direttiva, u għandha tinftiehem li tinkludi esperjenza li għandha, b’mod kumulattiv, il‑karatteristiċi li ġejjin:

    a)      din l‑esperjenza nkisbet mill‑persuna kkonċernata wara li ngħatat diploma li tagħtiha aċċess għal professjoni regolata speċifika fl‑Istat Membru tal‑oriġini,

    b)      din l‑esperjenza nkisbet fil‑kuntest tat‑twettiq ta’ din l‑istess professjoni li l‑persuna kkonċernata applikat għaliha taħt id‑Direttiva 89/48 [...] (ara l‑frażijiet ‘the profession concerned’, ‘la profession concernée’, ‘des betreffenden Berufs’ użati rispettivament fil‑verżjonijiet Ingliżi, Franċizi u Ġermaniżi [tal‑imsemmija] direttiva) u

    ċ)      l‑imsemmija attività professjonali twettqet legalment, jiġifieri li r‑rekwiżiti u l‑kundizzjonijiet tal‑leġiżlazzjoni rilevanti tal‑Istat Membru fejn twettqet ġew osservati, b’tali mod li huwa eskluż li tittieħed inkunsiderazzjoni l‑esperjenza miksuba f’din il‑professjoni speċifika fl‑Istat Membru ospitanti qabel ma l‑applikazjoni tkun intlaqgħet, minħabba li, fl‑Istat Membru ospitanti, il‑professjoni inkwistjoni ma tistax titwettaq legalment qabel ma tintlaqa’ l‑applikazzjoni (naturalment bla ħsara għall‑Artikolu 5 tad‑direttiva li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet – bil‑għan li jsir taħriġ professjonali li ma jkunx sar fl‑Istat Membru tal‑oriġini – li titwettaq professjoni fl‑Istat Membru ospitanti bl‑għajnuna ta’ membru kkwalifikat tal‑professjoni)?”

    55      Permezz tad‑digriet tal‑President tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, tat‑3 ta’ Frar 2009, il‑Kawżi C‑422/09, C‑425/09 u C‑426/09 ġew magħquda flimkien għall‑finijiet tal‑proċedura bil‑miktub u orali, kif ukoll tas‑sentenza.

     Fuq id‑domandi preliminari

    56      Mill‑proċessi mibgħuta lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li kull wieħed mit‑tliet rikorrenti fil‑kawżi prinċipali jixtieq jipprattika professjoni rregolata fil‑Greċja abbażi tal‑awtorizzazzjoni sabiex tiġi pprattikata professjoni rregolata korrispondenti fi Stat Membru ieħor. Fil‑każ ta’ kull wieħed minn dawn ir‑rikorrenti, is‑Saeitte kkonstata differenzi sostanzjali bejn it-taħriġ miksub mir‑rikorrenti fil‑kawżi prinċipali u dak normalment mogħti sabiex jiġu pprattikati l‑professjonijiet korrispondenti fil‑Greċja u, konsegwentement, din l‑awtorità qieset neċessarju li timponi miżuri ta’ kumpens, kif jipprovdi l‑Artikolu 4 tad‑Direttiva 89/48.

    57      Meta kien qiegħed jiddetermina l-portata ta’ dawn il‑miżuri ta’ kumpens, is‑Saeitte qies li l‑esperjenza prattika miksuba mir‑rikorrenti fil‑kawżi prinċipali ma setgħatx tittieħed inkunsiderazzjoni, u dan mingħajr ma eżamina jekk din l‑esperjenża setgħetx tkopri, kompletament jew parzjalment, l‑imsemmija differenzi sostanzjali bejn it‑taħriġ.

    58      Permezz tad‑domandi preliminari tagħha, li hemm bżonn li jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi sa fejn awtorità nazzjonali inkarigata bir‑rikonoxximent tal‑kwalifiki professjonali miksuba fi Stati Membri oħrajn, għandha tieħu inkunsiderazzjoni, meta tistabbilixxi l‑miżuri ta’ kumpensaddizzjonali possibbli intiżi sabiex ipattu għad‑differenzi sostanzjali bejn it-taħriġ imwettaq minn applikant u t‑taħriġ meħtieġ fl‑Istat Membru ospitanti, esperjenza prattika li tista’ tkopri, kompletament jew parzjalment, l‑imsemmija differenzi.

    59      F’dan ir‑rigward, l‑ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l‑esperjenza prattika miskuba mir‑rikorrenti fil‑kawżi prinċipali mix‑xogħol tagħhom ma tistax, skont l‑informazzjoni pprovduta lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, tikkostitwixxi “esperjenza professjonali” fis‑sens tal‑Artikolu 1(e) tad‑Direttiva 89/48.

    60      Fil‑fatt, din l‑espressjoni hija intiża, kif jirriżulta mid‑definizzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni, moqrija flimkien mal‑Artikolu 1(a), (ċ) u (d) tal‑istess direttiva, il-prattika ta’ attivitajiet professjonali rregolati li l‑aċċess għalihom jew il‑prattika tagħhom huwa normalment suġġett, permezz ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi, għall‑pussess ta’ “diploma” fis‑sens tal‑imsemmi Artikolu 1(a).

    61      Issa, l‑esperjenza miksuba mir‑rikorrenti fil‑kawżi prinċipali qabel ma kisbu diploma li tagħtihom id‑dritt li jipprattikaw il‑professjoni inkwistjoni fi Stat Membru ma tistax tinkludi l‑prattika ta’ tali attivitajiet professjonali rregolati. Dan huwa b’mod partikolari, il‑każ tal‑esperjenza miskuba minn V. S. Vandorou fi ħdan Elf Oil u Pricewaterhouse Coopers qabel ma saret membru tal‑ACCA kif ukoll ta’ dik miksuba minn V. A. Giankoulis fi ħdan Elliniki Viomichania Alouminiou qabel ma sar membru tal‑Istitut tal‑Inġinieri tal-Mekkanika tar‑Renju Unit.

    62      Barra minn hekk, lanqas ma jista’, bħala prinċipju, jitqies bħala prattika ta’ attivitajiet professjonali rregolati, anki wara l‑kisba ta’ diploma li tagħti d‑dritt li tiġi pprattikata l‑professjoni inkwistjoni fi Stat Membru, xogħol imwettaq fi Stat Membru fejn l‑awtorizzazzjoni sabiex tiġi pprattikata din il‑professjoni tkun għadha ma nkisbitx.

    63      Għaldaqstant, l‑esperjenza miksuba minn V. S. Vandorou fi ħdan Pricewaterhouse Coopers, wara li kisbet l‑istatus ta’ membru tal‑ACCA, billi ħadmet fil‑Greċja, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “esperjenza professjonali” fis‑sens tal‑Artikolu 1(e) tad‑Direttiva 89/48. L‑istess japplika għal dak li jikkonċerna l‑esperjenza miksuba minn V. A. Giankoulis fi ħdan Elliniki Viomichania Alouminiou, wara li sar membru tal‑Istitut tal‑Inġiniera tal-Mekkanika tar‑Renju Unit u l‑esperjenza miksuba minn I. G. Askoxilakis mill‑ITR.

    64      Konsegwentement, l‑ebda obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni esperjenza prattika, bħal dik tar‑rikorrenti fil‑kawżi prinċipali, li ma tikkostitwixxix “esperjenza professjonali” fis‑sens tal‑Artikolu 1(e) tad‑Direttiva 89/48, ma jirriżulta mit‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 4(1)(b) ta’ din id‑direttiva.

    65      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l‑miżuri meħuda skont id‑dritt tal‑Unjoni għandhom jikkonformaw mal‑prinċipji ġenerali ta’ dan id‑dritt, b’mod partikolari mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir‑rigward, mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li l‑portata tal‑Artikolu 4 tad‑Direttiva 89/48, li jawtorizza espressament miżuri ta’ kumpens, għandha tiġi limitata għall‑każijiet fejn dawn ikunu proporzjonati għall‑għan li jrid jintlaħaq (ara s‑sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 2006, Colegio, C‑330/03, Ġabra p. I‑801, punt 24, u tas‑17 ta’ April 2008, Van Leuken, C‑197/06, Ġabra p. I‑2627, punt 39).

    66      Barra minn hekk, kif il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ppreċiżat, l‑eżerċizzju effettiv tal‑libertajiet fundamentali ggarantiti mill‑Artikoli 39 KE u 43 KE jista’ jixxekkel mingħajr ebda ġustifikazzjoni jekk l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti inkarigati bir‑rikonoxximent tat‑titoli professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor jinjoraw il‑konoxxenzi u l‑kwalifiki rilevanti li jkunu diġà inkisbu minn applikant li jkun jixtieq li jipprattika, fit‑territorju nazzjonali, professjoni li l‑aċċess għaliha huwa, skont leġiżlazzjoni nazzjonali, suġġett għall‑pussess ta’ diploma jew kwalifika professjonali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou, C‑340/89, Ġabra p. I‑2357, punt 15, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Fernández de Bobadilla, C‑234/97, Ġabra p. I‑4773, punt 33).

    67      Qabel ma jimponu miżuri ta’ kumpens intiżi sabiex ikopru d‑differenzi eżistenti bejn it‑taħriġ mogħti fl‑Istat Membru tal-oriġini u dawk mogħtija fl‑Istat Membru ospitanti tal‑applikant, l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom konsegwentement l‑obbligu li jevalwaw jekk il‑konoxxenzi miksuba mill‑applikant, inklużi l‑konoxxenzi miksuba fl‑Istat Membru ospitanti, fil‑kuntest ta’ esperjenza prattika, jistgħux iservu sabiex jiġi stabbilit il‑pussess tal‑konoxxenzi meħtieġa minn dan tal‑aħħar (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; Fernández de Bobadilla, C‑234/97, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; tat‑13 ta’ Novembru 2003, Morgenbesser, C‑313/01, Ġabra p. I‑13467, punt 62, u tal‑10 ta’ Diċembru 2009, Peśla, C‑345/08, Ġabra p. I-11677, punt 41).

    68      Huwa minnu li l‑esperjenza miksuba matul il‑prattika tal‑professjoni rregolata inkwistjoni fl‑Istat Membru tal‑oriġini hija, ħafna drabi, l-iktar waħda rilevanti fil‑kuntest ta’ din l‑evalwazzjoni, u dan jiġġustifika bis‑sħih l‑impożizzjoni b’mod espress tal‑obbligu, li jinsab fit‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 4(1)(b) tad‑Direttiva 89/48, għall‑awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti, li jieħdu inkunsiderazzjoni tali esperjenza.

    69      Madankollu, sa fejn kull esperjenza prattika fl-eżerċizzju ta’ attivatijiet konnessi tista’ żżid il‑konoxxenzi ta’ applikant, hija l‑awtorità kompetenti li għandha l‑obbligu tieħu inkunsiderazzjoni kull esperjenza prattika utli għall‑prattika tal‑professjoni li għaliha jintalab l‑aċċess. Il‑valur preċiż li jrid jingħata lil din l‑esperjenza għandu jiġi ddeterminat mill‑awtorità kompetenti fid‑dawl tal‑funzjonijiet speċifiċi eżerċitati, tal‑konoxxenzi miksuba u applikati fl‑eżerċizzju ta’ dawn il‑funzjonijiet, kif ukoll tar‑responsabbiltajiet mogħtija u l‑grad ta’ indipendenza mogħti lill‑persuna kkonċernata inkwistjoni.

    70      F’dan il‑kuntest għandu jiġi rrilevat li, ħafna drabi, l‑eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma relatati ma’ professjoni rregolata taħt il‑kontroll u r‑responsabbiltà ta’ professjonist ikkwalifikat kif xieraq fl‑Istat Membru ospitanti, filwaqt li fih innifsu ma jikkostitwixxix il‑prattika tal‑professjoni rregolata inkwistjoni fl‑imsemmi Stat Membru, jagħti lill‑persuna kkonċernata konoxxenzi rilevanti ta’ valur ċert. Għalkemm, bħalma ssostni wkoll il‑Kummissjoni Ewropea, esperjenza legali u esperjenza illegali ma jistgħux jitpoġġew fuq l‑istess livell, xorta jibqa’ l‑fatt li, għall‑kuntrarju tal‑biża’ li esprima l‑Gvern Grieg matul is‑seduta, il‑prattika ta’ attività professjonali sorveljata b’tali mod ma tistax, barra minn hekk, titqies bħala illegali peress li l‑persuna kkonċernata ma tipprattikax hija stess il‑professjoni rregolata taħt tali kundizzjonijiet.

    71      Għandu jingħad ukoll li l‑obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l‑esperjenza kollha rilevanti tal‑applikant ma jieqafx jeżisti bħala riżultat tal‑adozzjoni ta’ direttivi relatati mar‑rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2000, Hocsman, C‑238/98, Ġabra p. I‑6623, punti 23 u 31; tas‑16 ta’ Mejju 2002, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑232/99, Ġabra p. I‑4235, punt 22, kif ukoll Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

    72      Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet kollha, ir‑risposti għad‑domandi magħmula għandha tkun li awtorità nazzjonali inkarigata bir‑rikonoxximent tal‑kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor għandha l‑obbligu, skont l‑Artikoli 39 KE u 43 KE, li tieħu inkunsiderazzjoni, meta tistabbilixxi miżuri ta’ kumpens possibbli intiżi sabiex ipattu għad‑differenzi sostanzjali bejn it‑taħriġ imwettaq minn applikant u t‑taħriġ meħtieġ fl‑Istat Membru ospitanti, kull esperjenza prattika li tista’ tkopri, kompletament jew parzjalment, l‑imsemmija diffrenzi.

     Fuq l‑ispejjeż

    73      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    Awtorità nazzjonali inkarigata bir‑rikonoxximent tal‑kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor għandha l‑obbligu, skont l‑Artikoli 39 KE u 43 KE, li tieħu inkunsiderazzjoni, meta tistabbilixxi miżuri ta’ kumpens possibbli, intiżi sabiex ipattu għad‑differenzi sostanzjali bejn it‑taħriġ imwettaq minn applikant u t‑taħriġ meħtieġ fl‑Istat Membru ospitanti, kull esperjenza prattika li tista’ tkopri, kompletament jew parzjalment, l‑imsemmija differenzi.

    Firem


    * Lingwa tal‑kawża: il‑Grieg.

    Top