Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0383

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tad-9 ta' Ġunju 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Franċiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva ‘habitats’ - Miżuri inadegwati meħuda għall-protezzjoni tal-ispeċi Cricetus cricetus (ħamster komuni) - Deterjorament tal-habitats.
Kawża C-383/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:369

Kawża C-383/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Franċiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva ‘habitats’ — Miżuri inadegwati meħuda għall-protezzjoni tal-ispeċi Cricetus cricetus (ħamster komuni) — Deterjorament tal-habitats”

Sommarju tas-sentenza

Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Protezzjoni stretta tal-ispeċi annimali elenkati fil-paragrafu (a) tal-anness IV

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 12(1)(d) u Anness IV(a))

L-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva 2006/105, jimponi fuq l-Istati Membri l-ħtieġa li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ protezzjoni stretta għall-ispeċijiet ta’ annimali li jinsabu fl-Anness IV(a) tal-istess direttiva, fil-firxa naturali tagħhom, billi tipprojbixxi d-deterjorament jew il-qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.

It-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri mhux biss il-ħtieġa li jadottaw kuntest leġiżlattiv komplet, iżda wkoll l-implementazzjoni ta’ miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni. Bl-istess mod, is-sistema ta’ protezzjoni stretta timplika l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva. Għalhekk, tali sistema ta’ protezzjoni stretta tippermetti li jiġi effettivament evitat id-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-ispeċijiet tal-annimali li jinsabu fl-imsemmi Anness IV(a).

Għaldaqstant, billi ma jistabbilixxix programm ta’ miżuri li jippermetti protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-ħamster komuni (Cricetus cricetus) u li jippermetti li jiġi effettivament evitat id-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-imsemmi speċi, Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva 92/43.

(ara l-punti 18-21, 37, 40 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Ġunju 2011(*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva ‘habitats’ – Miżuri inadegwati meħuda għall-protezzjoni tal-ispeċi Cricetus cricetus (ħamster komuni) – Deterjorament tal-habitats”

Fil-Kawża C‑383/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u D. Recchia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Jannar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma stabbilixxitx programm ta’ miżuri li jippermetti l-protezzjoni stretta tal-ispeċi Cricetus cricetus (ħamster komuni), ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M tal-31.12.2008, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitats’”)

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-għan tad-Direttiva “habitats”, kif it-tielet premessa tagħha tindika, huwa li jippromwovi l-manteniment tal-biodiversità.

3        L-Artikolu 1(a) sa (i) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      konservazzjoni tfisser għadd ta’ miżuri meħtieġa biex jiġu mantnuti jew ripristinati l-habitat naturali u l-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa fi stat favorevoli kif imfisser f’(e) u (i);

[…]

g)      l-ispeċi li huma ta’ interess għall-Komunità jfissru dawk l-ispeċi li, fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2, huma:

i)      fil-periklu, ħlief dawk l-ispeċi li l-medda naturali tagħhom hi żgħira f’dak it-territorju u li mhumiex fil-periklu li jinqerdu jew vulnerabbli fir-reġjun paleartiku tal-punent; jew

ii)      vulnerabbli, jiġifieri x’aktarx maħsuba li qed jersqu lejn il-kategorija fil-periklu fil-ġejjieni qrib jekk il-fatturi kawżattivi jibqgħu jaħdmu; jew

iii)      rari, jiġifieri b’popolazzjonijiet żgħar li bħalissa mhumiex fil-periklu jew vulnerabbli, iżda li jinsabu f’riskju. L-ispeċi jinsabu f’żoni ġeografiċi ristretti jew huma mifruxa bil-ftit fuq medda aktar kbira; jew

iv)      endemiċi u jeħtieġu attenzjoni partikolari minħabba n-natura speċifika ta’ l-habitat naturali tagħhom u/jew l-impatt qawwi ta’ l-isfruttament tagħhom fuq l-habitat naturali tagħhom u/jew l-impatt potenzjali ta’ l-isfruttament tagħhom fuq l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom.

Dawk l-ispeċi huma elenkati jew jistgħu jiġu elenkati fl-Anness II u/jew l-Anness IV jew V;

[…]

i)      l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2;

L-istat ta’ konservazzjoni jitqies ‘favorevoli’ meta:

–        l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni konċernata jindikaw li qed tieħu ħsieb tagħha nnifsha fit-tul bħala komponent vjabbli ta’ l-habitat naturali tagħha, u

–        il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli, u

–        hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il- popolazzjonijiet tagħha fit-tul”.

4        L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva “habitats” jippreċiża li l-miżuri meħuda abbażi ta’ din id-direttiva huma intiżi li jżommu jew li jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

5        Il-ħamster komuni jagħmel parti mill-ispeċijiet inklużi fl-Anness IV(a) tad-Direttiva “habitats”. Dan l-anness jikkonċerna b’mod partikolari l-ispeċijiet ta’ annimali ta’ “interess għall-komunità li għandhom bżonn ħarsien mill-qrib”.

6        L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “habitats” jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

a)      il-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

b)      tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

ċ)      qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

d)      deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

7        Il-Kummissjoni ġiet informata bl-istat ta’ konservazzjoni tal-ħamster komuni fl-Alsace permezz ta’ lment, li dwaru hija informat lill-awtoritajiet Franċiżi matul il-laqgħa li saret fil-15 ta’ Jannar 2007.

8        F’dan ir-rigward, dawn tal-aħħar bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom b’noti fil-15 ta’ Frar u fl-14 ta’ Settembru 2007, li permezz tagħhom huma informaw lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati fil-kuntest ta’ pjan ta’ azzjoni għall-konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata għas-snin 2007 sa 2011.

9        B’ittra ta’ intimazzjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni, minn naħa, indikat li r-riżultat tal-għadd tal-ħamster komuni kien juri li hemm theddida li din l-ispeċi kienet ser tinqered fi żmien qasir ħafna u, min-naħa l-oħra, talbet lir-Repubblika Franċiża tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

10      B’ittri tal-24 ta’ Diċembru 2007 u tal-11 ta’ Marzu 2008, l-awtoritajiet Franċiżi spjegaw il-miżuri ta’ protezzjoni diġà meħuda kif ukoll dawk previsti sabiex l-imsemmija speċi tiġi mħarsa.

11      B’ittra tal-5 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Franċiża, fejn hija sostniet li, billi ma adottatx programm ta’ miżuri li jippermetti l-protezzjoni stretta tal-ħamster komuni, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Franċiża sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija opinjoni motivata fi żmien xahrejn min-notifika tal-imsemmija opinjoni.

12      Ir-Repubblika Franċiża rrispondiet l-opinjoni motivata billi fakkret li hemm restrizzjonijiet ġeografiċi li jillimitaw il-possibbiltajiet ta’ protezzjoni tal-ħamster komuni, iżda indikat ukoll li fl-2008 ġie osservat li t-tnaqqis fl-ammont tal-ispeċi kien twaqqaf f’parti mit-territorju tal-Alsace. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru informa lill-Kummissjoni bl-istadju ta’ progress tal-miżuri implementati fil-kuntest tal-pjan ta’ azzjoni għas-snin 2007 sa 2011 għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi.

13      Peress li qieset il-modalitajiet ta’ konservazzjoni tal-imsemmija speċi implementati mir-Repubblika Franċiża bħala insodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

14      Il-Kummissjoni ssostni li l-ispeċi tal-ħamster komuni fl-Alsace huwa mhedded mill-estinzjoni. Fil-fatt, ir-riżultat tal-għadd juri li kien hemm tnaqqis sinjifikattiv tal-ispeċi bejn is-snin 2001 sa 2007. Il-kawżi ta’ dan id-deterjorament huma l-urbaniżmu u l-iżvilupp ta’ prattiki agrikoli.

15      Issa, il-miżuri adottati mir-Repubblika Franċiża huma inadegwati u ma waqfux id-deterjorament tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-imsemmija speċi. Waħda mir-raġunijiet essenzjali għal din l-insuffiċjenza, li tikkonċerna kemm il-miżuri marbuta mal-urbaniżmu kif ukoll il-miżuri agrikoli, hija n-natura wisq ristretta tat-territorju, b’mod partikolari taż-żoni ta’ azzjoni ta’ prijorità (iktar ’il quddiem iż-“ŻAP”) u ż-“żona ta’ ripristinar” li huma s-suġġett ta’ dawn il-miżuri. Għalhekk, l-għan li jkun hemm 22 % tal-uċuħ tar-raba’ li jkunu favorevoli għall-ħamster komuni fiż-ŻAP intlaħaq biss f’waħda mit-tliet ŻAP eżistenti. Barra minn hekk, il-programm ta’ azzjoni dwar it-tnaqqis ta’ tniġġis ikkawżat min-nitrati għas-snin 2008 sa 2011 huwa inadegwat. Fl-aħħar nett, il-possibbiltajiet urbanistiki fiż-“żona ta’ ripristinar” ma huwiex suffiċjentement restrittiv.

16      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-miżuri li hija adottat huma, meta meħuda flimkien, koerenti, proporzjonali u adatti għall-għan tal-protezzjoni stretta tal-ħamster komuni, skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva “habitats”. B’mod partikolari, il-pjan ta’ azzjoni għas-snin 2007 sa 2011 ippermetta li ssir definizzjoni preċiża tal-habitat partikolari ta’ din l-ispeċi u li jiġu ddeterminati tliet territorji ta’ azzjoni distinti, jiġifieri t-tliet ŻAP, fejn kull bdil fl-użu tal-art li ma huwiex marbut mal-agrikoltura ġie abbandunat, iż-“żona ta’ ripristinar”, li fiha, kull proġett li d-daqs tiegħu jkun ta’ ettaru jew iktar għandu juri, permezz ta’ studju xjentifiku, li ma huwiex ser jaffettwa lil din l-ispeċi, u ż-żona tradizzjonali, fejn kull komun għandu jipprovdi, meta jġedded id-dokumenti tal-ippjanar urbanistiku tiegħu, studju speċifiku dwar il-ħamster komuni.

17      Ir-Repubblika Franċiża tindika li, wara l-implementazzjoni tal-imsemmi pjan ta’ azzjoni, l-iżvilupp tal-indiċi tan-numru tal-ispeċi inkwistjoni fiż-“żoni ċentrali” jista’ juri t-tmiem tat-tnaqqis fin-numru tal-ispeċi, jew saħansitra żieda żgħira f’dan in-numru. Madankollu, sabiex l-effett tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-imsemmija speċi jkun jista’ jiġi evalwat b’mod ċert hemm bżonn li jkunu għaddew numru ta’ snin. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix li l-habitat ta’ din l-ispeċi kien baqa’ jiddeterjora ruħu fiż-ŻAP wara l-2007, u lanqas ma turi li t-tniġġis ikkawżat min-nitrati kien ta’ dannu għall-imsemmija speċi. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, fiż-“żona ta’ ripristinar”, l-obbligu li kull proġett għandu jkun is-suġġett ta’ verifika dwar l-effett tiegħu fuq kampjun, fuq is-siti ta’ tgħammir u fuq il-postijiet ta’ mistrieħ tal-ħamster komuni huwa sostnut mill-ħtieġa li jsir studju partikolari, li għandu jitwettaq għal kull proġett li jirrigwarda medda ta’ art li hija ikbar minn ettaru, bil-għan li jiġi vverifikat l-eventwali dannu kkawżat fuq l-imsemmija speċi minn dan il-proġett.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

18      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” jimponi fuq l-Istati Membri l-ħtieġa li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ protezzjoni stretta għall-ispeċijiet ta’ annimali li jinsabu fl-Anness IV(a) tal-istess direttiva, fil-firxa naturali tagħhom, billi tipprojbixxi d-deterjorament jew il-qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.

19      It-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri mhux biss il-ħtieġa li jadottaw kuntest leġiżlattiv komplet, iżda wkoll l-implementazzjoni ta’ miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑183/05, Ġabra p. I‑137, punt 29).

20      Bl-istess mod, is-sistema ta’ protezzjoni stretta timplika l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva (sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑518/04, punt 16, u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

21      Għalhekk, tali sistema ta’ protezzjoni stretta tippermetti li jiġi effettivament evitat id-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-ispeċijiet tal-annimali li jinsabu fl-Anness IV(a), tad-Direttiva “habitats” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑103/00, Ġabra p. I‑1147, punt 39).

22      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑103/00, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, u tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑531/06, Ġabra p. I-4103, punt 98)

23      Huwa paċifiku li t-terminu ta’ xahrejn iffissat mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata sabiex jippermetti lir-Repubblika Franċiża li tikkonforma ruħha ma’ din tal-aħħar skada fil-5 ta’ Awwissu 2008.

24      F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, bejn l-2001 u l-2007, in-numru ta’ bejtiet tal-ħamster komuni fiż-“żoni ċentrali”, li servew bħala referenza għall-osservazzjoni tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi, għadda minn iktar minn 1 160 għal inqas minn 180. Barra minn hekk, skont ir-riżultat tal-għadd għas-sena 2009, ippreparat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Kaċċa u tal-Fawna Selvaġġa u li l-kontenut tiegħu ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika Franċiża, l-ebda popolazzjoni tal-imsemmija speċi ma laħqet fl-Alsace l-livell minimu viabbli għaliha, li hija stimata għal 1 500 individwu mifrux fuq żona ta’ art favorevoli ta’ 600 ettaru għal kull okkupant.

25      F’ittra tat-28 ta’ Awwissu 2009, mibgħuta mis-Segretarju għall-Istat responsabbli mill-Ekoloġija lill-Prefett tar-Reġjun ta’ Alsace (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-28 ta’ Awwissu 2009”), huwa jindika li, “[m]inkejja l-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ rkurpru favur il-[ħamster komuni] (2007-2011) u l-impenji rispettivi tal-partijiet ikkonċernati mill-ħarsien tal-ispeċi, ir-riżultati bioloġiċi miksuba sa llum għall-ħarisen ta’ din l-ispeċi fi Franza huma inadegwati” u li, għalhekk, “huwa indispensabbli li d-dispożittiv favur il-ħamster komuni jitjieb malajr u b’mod ċar, b’mod li fi żmien qasir jinkisbu riżultati bioloġiċi li juru li din l-ispeċi qed tirkupra”.

26      Ir-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi li l-iżvilupp ta’ kultivazzjoni tal-qamħirrum, li twettaq bi ħsara għad-diversità tal-kultivazzjonijiet, kien ta’ dannu għall-ħamster komuni li jiddependi mill-mriegħi artifiċjali, b’mod partikolari minn dawk li għandhom l-alfalfa miżrugħa fuqhom, u jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi sinjifikattivi fit-tnaqqis tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi. Huwa paċifiku li, saħansitra matul dawn l-aħħar snin, dan l-iżvilupp ma twaqqafx kompletament fl-Alsace, li huwa, fi Franza, l-uniku reġjun fejn din l-ispeċi hija preżenti.

27      Numru ta’ miżuri intiżi li jirremedjaw għal din is-sitwazzjoni jinkludu, b’mod partikolari, il-ħolqien ta’ tliet ŻAP, li huma żoni fejn kull bdil fl-użu tal-art li ma huwiex marbut mal-agrikoltura ġie abbandunat u li għaliha ġie stabbilit l-għan li jkun hemm 22 % tal-uċuħ tar-raba’ li jkunu favorevoli għall-ħamster komuni, jiġifieri 2 % bl-alfalfa u 20 % biċ-ċereali, sabiex maż-żmien tintlaħaq il-popolazzjoni viabbli ta’ madwar 1 200 sa 1 500 kampjun f’kull żona.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont id-data xjentifika użata sabiex jiġi ddefinit l-għan tal-22 % tal-uċuħ tar-raba’ fiż-ŻAP u li r-Repubblika Franċiża ssottomettiet fil-proċess, “[m]atul studju li sar fl-1997 mill-[Uffiċċju Nazzjonali tal-Kaċċa u tal-Fawna Selvaġġa], fuq 12-il kwadru kampjun ta’ 25 ettaru ta’ art b’saff ta’ trab fin minfuħ mir-riħ li meta jissaqqa hu fertili ħafna [...], ġie osservat li t-tliet kwadri li fuqhom ġew ikkultivati iktar minn 2 % sa 4 % ta’ alfalfa kif ukoll ta’ 20 sa 30 % ta’ ċereali kellhom l-ikbar popolazzjoni ta’ ħamsters komuni. Bejn ir-rebbiegħa u s-sajf ġie nnotat li kien hemm żieda fin-numru tal-bejtiet, u dan iwassal lil wieħed biex jippreżumi li hemm ambjent favorevoli għaż-żamma u għat-tgħammir tal-ispeċi. Dan ma kienx il-każ għad-disa’ kwadri l-oħra, li fihom l-alfalfa kien insinjifikattiv jew ineżistenti u ċ-ċereali kienu f’numru ħafna inqas.

29      Issa, għalkemm il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-miżuri msejħa agroambjentali adottati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ 22 % tal-uċuħ tar-raba’ li jkunu favorevoli għall-ispeċi inkwistjoni, b’mod partikolari l-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-operaturi agrikoli sabiex jagħżlu l-kultivazzjoni tal-alfalfa u taċ-ċereali matul ix-xitwa, huma ta’ natura li jorjentaw il-prattiki agrikoli f’sens favorevoli għal din l-ispeċi, mill-proċess jirriżulta li, fil-5 ta’ Awwissu 2008, dan l-għan ta’ 22 % tal-uċuħ tar-raba li jkunu favorevoli għall-imsemmija speċi ntlaħaq biss f’waħda mit-tliet ŻAP, li, barra minn hekk, jirrappreżentaw biss 2 % tal-art favorevoli għall-ħamster komuni.

30      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li f’dan ir-rigward l-awtoritajiet Franċiżi kienu jafu bl-insuffiċjenza ta’ dawn il-miżuri meħuda għaliex, minn naħa, fl-ittra tat-28 ta’ Awwissu 2009, is-Segretarju tal-Istat responsabbli mill-Ekoloġija talab lill-Prefett tar-Reġjun tal-Alsace sabiex jabbozza, għax-xahar segwenti ta’ Settembru, proposta li temenda l-parametri taż-ŻAP, b’mod partikolari sabiex jiġu koperti s-setturi li viċin tagħhom jgħixu l-ħamsters.

31      Min-naħa l-oħra, fir-rigward taż-“żona ta’ ripristinar”, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw, fl-ittri mibgħuta lill-Kummissjoni wara n-notifika tal-opinjoni motivata, li d-dinamika fil-bidla tal-prattiki agrikoli, li kkontribwit għall-istabbilizzazzjoni pożittiva tan-numru ta’ ħamsters komuni fil-komuni fejn tradizzjonalment dawn kienu preżenti f’numri sinjifikattivi, kienet ser tinfirex u tiżdied, u dan, b’mod partikolari, permezz tal-implementazzjoni tal-miżuri agroambjentali territorjali intiżi li jiksbu, matul is-sena 2011,  22 % tal-uċuħ tar-raba li jkunu favorevoli għal din l-ispeċi fuq l-art kollha li fuqha huma jgħixu.

32      Ir-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi wkoll li l-iżvilupp urbanistiku u infrastrutturali inerenti għalih, billi kkawża l-qerda u l-qsim tal-art agrikola, ikkostitwixxa fattur ieħor fit-tnaqqis tal-popolazzjoni tal-ħamster komuni.

33      Fir-rigward tal-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru fil-qasam urbanistiku sabiex itemm id-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-imsemmija speċi, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-projbizzjoni ta’ kull bini ġdid fiż-ŻAP, anki jekk jiġi preżunt li din hija ta’ natura realment vinkolanti, tikkonċerna, kif intqal fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, biss 2 % tal-art favorevoli għall-ħamster komuni.

34      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, għalkemm, fiż-“żona ta’ ripristinar”, li skont ir-Repubblika Franċiża tkopri 49 % tal-art favorevoli għall-imsemmija speċi, kull proġett urbanistiku daqs jew iktar minn ettaru għandu juri, permezz ta’ studju xjentifiku, li ma huwiex ser jaffettwa lil din l-ispeċi, u jista’ biss jitwettaq, fil-każ li din il-prova ma hijiex prodotta, bil-kundizzjoni li jkun kiseb deroga ministerjali, l-atti tal-proċess ma ppermettewx li jiġu kontradetti d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li jipprovdu li, minn naħa, il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ deroga ma humiex iddeterminati b’mod preċiż u, min-naħa l-oħra, li ma hemm l-ebda miżura ta’ kumpens imposta meta tingħata din id-deroga.

35      It-tielet nett, huwa paċifiku li l-proġetti urbanistiki b’daqs li jkun inqas minn ettaru ma kienu suġġetti, fil-5 ta’ Awwissu 2008, għall-ebda formalità li tippermetti li jiġi vverifikat in-nuqqas ta’ effett fuq il-konservazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni. Barra minn hekk, mill-ittra tat-28 ta’ Awwissu 2009 jirriżulta li s-Segretarju tal-Istat responsabbli mill-Ekoloġija talab lill-Prefett tar-Reġjun ta’ Alsace sabiex jimplementa dispożittiv li jippermetti l-kontroll eżawrijenti ta’ dawn il-proġetti u l-analiżi tagħhom sabiex jiġi kkonfermat li dawn ma għandhomx dawn l-effetti. Huwa stabbilixxa wkoll li għandu jitfakkar li l-preżenza tal-imsemmija ħamsters fiż-żoni koperti minn dawn il-proġetti “tiġġustifika li jiġu evitati jew li ssir talba għal deroga”, ikun kemm ikun id-daqs tal-proġett.

36      Barra minn hekk, fl-imsemmija ittra, ġie indikat li digriet addizzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ preżentazzjoni ta’ talba għal deroga għall-protezzjoni stretta tal-ħamster komuni u li tirrepeti l-kliem tal-ftehim qafas dwar l-amministrazzjoni tal-habitat partikolari tal-ispeċi kien qed jiġi ffinalizzat u kellu jiġi ppubblikat matul ix-xahar ta’ Settembru 2009.

37      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-miżuri implementati fid-data li t-terminu tal-opinjoni motivata kien skada kienu inadegwati sabiex jippermettu li effettivament jiġi evitat id-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-ħamster komuni.

38      Madankollu, fir-rigward tal-allegata natura inadegwata tal-programm ta’ azzjoni dwar it-tnaqqis ta’ tniġġis ikkawżat min-nitrati għas-snin 2008 sa 2011, il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma writx legalment li hemm rabta bejn l-użu tan-nitrati fl-agrikoltura u d-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-imsemmija speċi.

39      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ, bla ħsara għal dak li ntqal fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

40      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma stabbilixxitx programm ta’ miżuri li jippermetti protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-ħamster komuni, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”.

 Fuq l-ispejjeż

41      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet essenzjalment fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma stabbilixxitx programm ta’ miżuri li jippermetti protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-ħamster komuni (Cricetus cricetus), ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top