Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0376

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-19 ta' Mejju 2011.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika ta' Malta.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Regolament (KE) Nru 2037/2000 - Artikoli 4(4)(v) u 16 - Obbligu ta’ dikommissjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u estingwituri tan-nar li jkun fihom il-halon għal użi mhux kritiċi fuq bastimenti - Eċċezzjonijiet - Użi kritiċi tal-halons 1301 u 2402.
    Kawża C-376/09.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:320

    Kawża C-376/09

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika ta’ Malta

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Regolament (KE) Nru 2037/2000 — Artikoli 4(4)(v) u 16 — Obbligu ta’ dikommissjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u estingwituri tan-nar li jkun fihom il-halon għal użi mhux kritiċi fuq bastimenti — Eċċezzjonijiet — Użi kritiċi tal-halons 1301 u 2402”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni — Preżunzjonijiet — Inammissibbiltà

    (Artikolu 226 KE)

    2.        Ambjent — Protezzjoni tas-saff tal-ożonu — Regolament Nru 2037/2000 dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu — Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq u tal-użu tal-halons — Eċċezzjonijiet

    (Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 2037/2000, Artikoli 4(1)(ċ) u (4)(v), u 5, u l-Anness VII)

    1.        Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-oneru tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr mal-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni.

    (ara l-punt 32)

    2.        Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkonsisti f’allegat ksur minn Stat Membru tar-Regolament Nru 2037/2000, dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu, fir-rigward tal-obbligu ta’ dikommissjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u estingwituri tan-nar li jkun fihom il-halon għal użi mhux kritiċi fuq bastimenti.

    L-interpretazzjoni mressqa mill-Kummissjoni tat-tielet inċiżi li jirrigwardaw l-użu kritiku tal-halon 1301 u tal-halon 2402 rispettivament, li jinsabu fil-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000, hija bbażata fuq żewġ premessi. Minn naħa, is-sistemi tal-halon installati fil-parti l-kbira tal-bastimenti tat-tagħbija huma sistemi ta’ estinzjoni, u mhux ta’ inertizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, hemm biss żewġ każijiet partikolari ta’ użu ta’ sistemi tal-halon għall-finijiet tal-inertizzazzjoni li jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri jew fir-reċipjenti taż-żejt fil-bastimenti, jew f’makkinarju marbut mal-ippumpjar awtomatiku ta’ dqiq fl-istiva tal-bastiment jew ’il barra minnha.

    Madankollu, din l-interpretazzjoni ma tirriżulta la mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi anness u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 2037/2000. Barra minn hekk, il-premessi ta’ dan ir-regolament ma jirreferu għal ebda waħda miż-żewġ possibbiltajiet imsemmija mill-Kummissjoni.

    Min-naħa l-oħra, it-tielet inċiżi li jirrigwardaw l-użu tal-halons 1301 u 2402, rispettivament, li jinsabu fl-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000, huma fformulati b’mod wiesa’, peress li jipprevedu l-użu tagħhom “fis-setturi militari u taż-żejt, tal-gass u petrokemikali, u f’vapuri ta’ tagħbija eżistenti”.

    (ara l-punti 33-35)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    19 ta’ Mejju 2011 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KE) Nru 2037/2000 – Artikoli 4(4)(v) u 16 – Obbligu ta’ dikommissjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u estingwituri tan-nar li jkun fihom il-halon għal użi mhux kritiċi fuq bastimenti – Eċċezzjonijiet – Użi kritiċi tal-halons 1301 u 2402”

    Fil-Kawża C-376/09,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2009,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Alcover San Pedro u E. Depasquale, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika ta’ Malta, irrappreżentata minn S. Camilleri u A. Buhagiar, bħala aġenti,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Rosas, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        B’dan ir-rikors, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ddikommissjonatx sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u estingwituri tan-nar li jkun fihom il-halon għal użi mhux kritiċi fuq bastimenti u billi ma rkupratx dan il-halon, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(4)(v) u 16 tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar sostanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 190), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/232/KE, tat-3 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 210, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2037/2000”).

     Il-kuntest ġuridiku

     Ir-Regolament Nru 2037/2000

    2        Ir-Regolament Nru 2037/2000 huwa intiż sabiex jimplementa obbligi internazzjonali li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-ħarsien tas-saff tal-ożonu, iffirmata fit-22 ta’ Marzu 1985, u mill-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jdgħajfu s-saff tal-ożonu, adottat f’Montreal fis-16 ta’ Settembru 1987, li l-Komunità Ekonomika Ewropea approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/540/KEE, tal-14 ta’ Ottubru 1988 (ĠU L 297, p. 8).

    3        Skont l-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-regolament huwa applikabbli, inter alia, għall-użu tal-halon.

    4        L-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li, “[s]oġġett għall-paragrafi 4 u 5, it-tqegħid fuq is-suq u l-użu ta’ […] aloni [halon] […] għandu jkun projbit”.

    5        L-Artikolu 4(4)(v) tal-istess regolament jipprovdi:

    “Ħlief għall-użu mniżżla fl-Anness [VII], sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u estingwituri tan-nar li jkun fihom aloni [halons], għandhom ikunu dikommissjonati qabel il-31 ta’ Diċembru 2003, u l-aloni għandhom ikunu rkuprati skond l-Artikolu 16.”

    6        Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 2037/2000:

    “Sostanzi kontrollati li jkunu jinstabu fi:

    […]

    –      sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u estingwituri tan-nar

    għandhom ikunu rkuprati għal distruzzjoni b’teknoloġiji approvati mill-Partijiet jew b’xi teknoloġija ta’ distruzzjoni oħra aċċettabbli ambjentalment, jew għal riċiklaġġ jew reklamazzjoni matul it-tiswija u l-manteniment ta’ tagħmir jew qabel il-ħatt jew it-tneħħija tat-tagħmir.”

    7        L-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[l]-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu iwettqu l-investigazzjonijiet li l-Kummissjoni tikkunsidra meħtieġa taħt dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom ukoll ta’ kull tant iwettqu verifiki fuq l-importazzjoni ta’ sostanzi kontrollati, u jikkomunikaw l‑iskedi u r-riżultati ta’ dawk il-verifiki lill-Kummissjoni.”

    8        L-Anness VII ta’ dan ir-regolament, dwar l-użi kritiċi tal-halon, huwa redatt kif ġej:

    “L-użu tal-halon 1301:

    […]

    –        sabiex jintgħamlu inerti l-ispazji okkupati u/jew meta jiġri l-ħruġ tal-likwidi jew tal-gassijiet fjammabbli fil-militar u fiż-żejt, fis-settur tal-gass u petrokimiku, u fil-bastimenti eżistenti tat-tagħbija,

    […]

    L-użu ta’ halon 2402 fiċ-Ċipru, fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fl-Ungerija, fil-Latvja, fil-Lituwanja, f’Malta, fil-Polonja, fl-Islovakkja u fl-Islovenja biss:

    […]

    –        fl-għamil inert ta’ spazji okkupati fejn jista’ jinħareġ likwidu li jaqbad u/jew xi gass fis-setturi militari u taż-żejt, tal-gass u petrokemikali, u f’vapuri ta’ tagħbija eżistenti,

    […]”

    9        Fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 2037/2000, ma ġiet prevista ebda miżura tranżitorja fir-rigward tar-Repubblika ta’ Malta fl-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r Repubblika tas-Slovakkja u l‑aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”).

    10      Skont l-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni:

    “Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

     Il-proċedura prekontenzjuża

    11      B’ittra tal-11 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni fakkret lill-awtoritajiet Maltin bil-ħtieġa tad-dikommissjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u estingwituri tan-nar li għandhom fihom il-halon li ma huwiex intiż għal użi kritiċi u indikat li l-uniċi użi awtorizzati ta’ din is-sustanza abbord bastimenti tat-tagħbija eżistenti, skont l-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000, kienu l-inertizzazzjoni tar-reċipjenti taż-żejt jew dik tal-makkinarju marbut mal-ippumpjar awtomatiku ta’ dqiq fl-istiva tal-bastiment jew ’il barra minnha. Barra minn hekk, hija stiednet lill-istess awtoritajiet jimlew u jibagħtu sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 2006 formola dwar l-użu kritiku ta’ halon abbord bastimenti li jtajru bandiera Maltija.

    12      Peress li għal din l-ittra ma rċeviet l-ebda tweġiba, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Gvern Malti kien qed jammetti l-użu mhux kritiku ta’ halon abbord bastimenti li jtajru bandiera Maltija. Għalhekk, peress li kkunsidrat li r-Repubblika ta’ Malta naqset mill-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 4(4)(v), 16 u 20(3) tal-istess regolament kif ukoll tal-Artikolu 10 KE, il‑Kummissjoni, b’ittra tal-15 ta’ Diċembru 2006, intimat lil dan l-Istat Membru sabiex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu.

    13      Fit-tweġiba tagħhom għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, tal-14 ta’ Mejju 2007, l‑awtoritajiet Maltin indikaw li 89 bastiment li jtajru bandiera Maltija kienu għadhom mgħammra b’sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u estingwituri tan-nar li għandhom fihom il-halon. Madankollu, filwaqt li kkontestaw l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000, li huma ddeskrivew bħala waħda restrittiva, dawn l-awtoritajiet sostnew li dawn l‑użi kienu “użi kritiċi” fis-sens ta’ dan l-anness.

    14      Peress li din it-tweġiba ma kkonvinċietx lill-Kummissjoni, din tal-aħħar bagħtet, fis-17 ta’ Ottubru 2008, opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru li permezz tagħha stidnitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l‑opinjoni f’terminu ta’ xahrejn dekorribbli minn meta jirċiviha.

    15      L-awtoritajiet Maltin wieġbu b’ittra tas-16 ta’ Lulju 2009, fejn indikaw li l‑bastimenti li jtajru bandiera Maltija li għadhom jużaw il-halon bħala aġent ta’ estinzjoni kienu 41. Filwaqt li kkontestat l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ “użi kritiċi tal-halon” li jinsab fl-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000, ir-Repubblika ta’ Malta ddikjarat li hija kienet intimat lis-sidien kollha ta’ bastimenti li jtajru bandiera Maltija mgħammra b’sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar li għandhom fihom il-halon sabiex jiddikommissjonaw dawn il-bastimenti sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010.

    16      Peress li qieset li din it-tweġiba ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    17      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni, qabelxejn, li l-kunċett ta’ “użi kritiċi” tal-halon li jidher fl-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000 għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni restrittiva peress li dawn l-użi jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-obbligu, stipulat fl-Artikolu 4(4)(v) ta’ dan ir-regolament, ta’ dikommissjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u estingwituri tan-nar li jkun fihom il-halon.

    18      Hija tirrileva li, skont il-kliem tal-imsemmi Anness VII, b’mod partikolari tat-tielet inċiżi li jirrigwardaw l-użi kritiċi tal-halon 1301 u tal-halon 2402 rispettivament, l-uniċi użi kritiċi awtorizzati ta’ dawn il-halons, fuq il-bastimenti tat-tagħbija eżistenti, huma dawk intiżi “sabiex jintgħamlu inerti l-ispazji okkupati u/jew meta jiġri l-ħruġ tal-likwidi jew tal-gassijiet fjammabbli”. Fil-prattika, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu biss żewġ każijiet partikolari, jiġifieri l‑inertizzazzjoni kemm tar-reċipjenti taż-żejt fil-bastimenti, kif ukoll tal-makkinarju marbut mal-ippumpjar awtomatiku ta’ dqiq fl-istiva tal-bastiment jew ’il barra minnha.

    19      Imbagħad, il-Kummissjoni tqis li għandha ssir distinzjoni bejn is-sistemi ta’ inertizzazzjoni u s-sistemi ta’ estinzjoni, billi s-sistemi tal-halon installati fil-parti l-kbira tal-bastimenti ta’ tagħbija jaqgħu taħt din it-tieni kategorija. Fil-fatt, il‑kelma “inertizzazzjoni” tikkorrispondi għal-“liberazzjoni antiċipata tal-halon minħabba riskju ta’ nirien jew ta’ splużjoni fi spazju okkupat potenzjalment fjammabli u perikoluż, b’konċentrazzjoni tali li l-atmosfera tal-lok ma tkunx għadha tista’ ssostni kombustjoni”.

    20      Għalhekk, fir-rigward tal-bastimenti tat-tagħbija eżistenti, jista’ biss jiġi kkunsidrat bħala kritiku, fis-sens tal-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000, l-użu tal-halons 1301 u 2402 f’sistema ta’ protezzjoni kontra n-nar intiża sabiex tirrendi inerti spazji okkupati fejn likwidu fjammabbli u/jew gass jista’ joħroġ, jiġifieri l-użu tagħhom f’sistema maħsuba sabiex tillibera l-halon qabel ma jkun hemm kombustjoni jew splużjoni f’atmosfera fjammabbli jew esplożiva, sabiex dawn jiġu evitati. Konsegwentement, l-interpretazzjoni sostnuta mir-Repubblika ta’ Malta ta’ dan il-kunċett ta’ użi kritiċi jmur kontra l-kliem tal-imsemmi anness.

    21      Il-Kummissjoni żżid li l-awtoritajiet Maltin stess ammettew, matul il-proċedura prekontenzjuża, li l-bastimenti msemmija jużaw il-halon għall-estinzjoni tan-nar. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika ta’ Malta ma pprovdiet ebda informazzjoni fir-rigward tal-għan tal-użu tal-halon fl-imsemmija bastimenti. Konsegwentement, ladarba l-halon ma huwiex normalment installat fuq bastimenti tat-tagħbija għal għanijiet ta’ inertizzazzjoni, dawn il-bastimenti ma humiex koperti mill-eċċezzjonijiet marbuta mal-bastimenti tat-tagħbija li jinsabu fl-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000.

    22      Fl-aħħar nett, sabiex twaqqa’ l-argument tar-Repubblika ta’ Malta dwar il‑prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi li minnu għandhom jibbenefikaw il-proprjetarji tal-bastimenti inkwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li fil-każ ineżami ma seħħ ebda ksur ta’ dan il-prinċipju, peress li mhux talli din l‑istituzzjoni ma tat ebda assigurazzjoni fis-sens tat-teżi sostnuta mir-Repubblika ta’ Malta, talli hija, barra minn hekk, sostniet regolarment il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata li dan l-anness fir-rigward tal-użi kritiċi tal-halon fil-bastimenti tat-tagħbija. Barra minn hekk, fir-rigward tal-oneru finanzjarju impost fuq il-proprjetarji tal-bastimenti tat-tagħbija u l-operaturi li jikru l-bastimenti inkwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li d-dikommissjoni tal-installazzjonijiet li għandhom fihom il-halon f’dawn il-bastimenti tat-tagħbija kellha ssir qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li d-diffikultajiet ta’ applikazzjoni li jidhru fl-istadju tal-implementazzjoni ta’ att tal-Unjoni ma jistgħux jippermettu lil Stat Membru li b’mod unilaterali jevita l-osservanza ta’ dawn l-obbligi. F’dan ir‑rigward, hija tirreferi għas-sentenza tas-7 ta’ Frar 1979, Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (128/78, Ġabra p. 419).

    23      Qabelxejn, ir-Repubblika ta’ Malta tikkontesta l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ “użi kritiċi tal-halon” fis-sens tal-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000. Hija ssostni li dan l-użu jikkonċerna l-kompartimenti tal-magni li għandhom fihom muturi li jaħdmu bil-kombustjoni, ta’ bojlers taż-żejt u ta’ makkinarju u ġeneraturi li jaħdmu biż-żejt, il-kmamar tal-pompi tat-tagħbija u l-kompartimenti l-oħra simili fuq il-bastimenti mibnija qabel l-1 ta’ Ottubru 1994. Fil-każ ineżami, l-użu tal-halon fi “spazji” bħal dawn abbord il‑bastimenti kkonċernati jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użi kritiċi” fis-sens ta’ dan l‑anness.

    24      Skont dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni tagħti interpretazzjoni ta’ dan il‑kunċett li jmur kontra l-kliem preċiż tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-imsemmi anness, li huma fformulati f’termini wiesa’, meta jipprevedu l-użu tal-halon “sabiex jintgħamlu inerti l-ispazji okkupati u/jew meta jiġri l-ħruġ tal-likwidi jew tal-gassijiet fjammabbli fil-bastimenti eżistenti tat-tagħbija”, mingħajr riżerva oħra.

    25      Imbagħad, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li d-distinzjoni stabbilita mill-Kummissjoni bejn it-termini “estinzjoni” u “inertizzazzjoni” hija, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2037/2000, infondata u artifiċjali. Il-proċess ta’ estinzjoni huwa essenzjalment inkluż fil-proċess ta’ inertizzazzjoni, b’mod partikolari meta jintuża l-istess aġent. Fil-fatt, il-linja ta’ demarkazzjoni bejn il-proċess ta’ inertizzazzjoni u dak ta’ estinzjoni hija ħafna drabi dubjuża, sa fejn l-użu tal-halons 1301 u 2402 fil-ġlieda kontra kombustjonijiet f’żona speċifika għandu awtomatikament l-effett li jirrendi inerti ż-żoni fil-qrib kontra kombustjonijiet ġodda u/jew splużjonijiet li jista’ jkun hemm. Għalhekk, l-inertizzazzjoni hija l-konsegwenza normali tal-proċess ta’ estinzjoni meta jsir użu minn dawn il-halons. Skont ir-Repubblika ta’ Malta, il-halons 1301 u 2402 huma magħrufa, fis-settur tal-protezzjoni kontra n‑nar, għall-effiċjenza tagħhom fil-qasam tal-estinzjoni kif ukoll f’dak tal‑inertizzazzjoni, u hija proprju din in-natura polivalenti li tirrendihom daqshekk attraenti u relattivament insostitwibbli bħala aġenti tal-protezzjoni kontra n-nar.

    26      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li l-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000 ħoloq aspettattivi leġittimi għall-proprjetarji ta’ bastimenti, li jistgħu jiġu affettwati mill-interpretazzjoni suġġettiva li l-Kummissjoni tagħti lil din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari minħabba li din l-interpretazzjoni tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tmur kontra kemm il-kliem u kif ukoll l-ispirtu tagħha. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    27      Fi kwalunkwe każ, dan l-Istat Membru jiddikjara li n-numru ta’ bastimenti li jtajru bandiera Maltija li għadhom mgħammra b’sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar li għandhom fihom il-halon qed jonqos. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-bastimenti qed joqorbu lejn it-tmiem tal-ħajja operattiva tagħhom, peress li xi wħud minnhom huma tankers taż-żejt b’buq wieħed li għandhom jiġu dikommissjonati sa mhux iktar tard mill-aħħar tas-sena 2010, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, iffirmata Londra fit-2 ta’ Novembru 1973, kif ikkompletata bil-Protokoll tas-17 ta’ Frar 1978, u bir-Regolament (KE) Nru 417/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Frar 2002, dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ ħtiġiet ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 64). Għalhekk, li jintalab lill-proprjetarji ta’ dawn il‑bastimenti sabiex jiddikommissjonaw dawn is-sistemi jwassal għal oneru fuqhom li jkun eċċessivament tqil u sproporzjonat.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    28      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li fi kliem l-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 2037/2000, bla ħsara għall-Artikolu 4(4) u (5) tal-istess regolament, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-halons huma pprojbiti.

    29      L-Artikolu 4(4)(v) jipprevedi l-obbligu li s-sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nar u l‑estingwituri tan-nar li għandhom fihom il-halon jiġu dikommissjonati qabel il-31 ta’ Diċembru 2003, ħlief għall-użi elenkati fl-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni f’sens kuntrarju fl-Att ta’ Adeżjoni, dan l-obbligu kellu effett fir-rigward tar-Repubblika ta’ Malta mal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea, fl-1 ta’ Mejju 2004, skont l-Artikolu 2 ta’ dan l-att.

    30      Mill-qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li, sa minn din id-data tal-aħħar, għall-bastimenti li jtajru bandiera Maltija, l-użu ta’ dawn is-sistemi u estingwituri ma huwiex permess ħlief jekk dan ikun jista’ jiġi kkunsidrat li huwa “użu kritiku” fis-sens tal-anness imsemmi.

    31      Dan l-Istat Membru ma jikkontestax li ċerti bastimenti li jtajru bandiera Maltija għandhom sistemi ta’ estingwituri tan-nar li jużaw il-halon. Madankollu, huwa jsostni li dawn l-użi jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett ta’ “użu kritiku”, peress li huwa jikkontesta l-interpretazzjoni restrittiva li l-Kummissjoni tagħti lil dan il‑kunċett.

    32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-oneru tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma l-Kummissjoni ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑287/03, Ġabra p. I-3761, punt 27, u tal-10 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑37/09, punt 28).

    33      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni mressqa mill-Kummissjoni tat-tielet inċiżi li jirrigwardaw l-użu kritiku tal-halon 1301 u tal-halon 2402 rispettivament, li jinsabu fil-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000, hija bbażata fuq żewġ premessi. Minn naħa, is-sistemi tal-halon installati fil-parti l‑kbira tal-bastimenti tat-tagħbija huma sistemi ta’ estinzjoni, u mhux ta’ inertizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, hemm biss żewġ każijiet partikolari ta’ użu ta’ sistemi tal-halon għall-finijiet tal-inertizzazzjoni, li jaqgħu taħt dawn id‑dispożizzjonijiet, jiġifieri jew fir-reċipjenti taż-żejt fil-bastimenti, jew f’makkinarju marbut mal-ippumpjar awtomatiku ta’ dqiq fl-istiva tal-bastiment jew ’il barra minnha.

    34      Madankollu, din l-interpretazzjoni ma tirriżulta la mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi anness u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 2037/2000. Barra minn hekk, il-premessi ta’ dan ir-regolament ma jirreferu għal ebda waħda mill-possibbiltajiet imsemmija mill-Kummissjoni.

    35      Min-naħa l-oħra, it-tielet inċiżi li jirrigwardaw l-użu tal-halons 1301 u 2402 rispettivament, li jinsabu fl-Anness VII tar-Regolament Nru 2037/2000, huma fformulati b’mod wiesa’, peress li jipprevedu l-użu tagħhom “fis-setturi militari u taż-żejt, tal-gass u petrokemikali, u f’vapuri ta’ tagħbija eżistenti”.

    36      Barra minn hekk, it-termini “sabiex jintgħamlu inerti l-ispazji okkupati” u “għamil inert ta’ spazji okkupati” li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw li l-użu inkwistjoni ta’ dawn il-halons huwa previst fl-ispazji okkupati minn persuni, u dan jista’ jkopri tipi jew partijiet ta’ bastimenti li ma humiex dawk previsti mill-Kummissjoni.

    37      Għaldaqstant, anki jekk kellu jitqies, skont kif il-Kummissjoni ssostni, li fil-prattika, l-użu tal-halon fuq il-bastimenti huwa limitat għaż-żewġ każijiet partikolari indikati minnha, ma hemm xejn fit-test tar-Regolament Nru 2037/2000 li jippermetti li jiġi konkluż li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet dik li jillimita l-użu tal-halon fuq il-bastimenti għal dawn iż-żewġ każijiet partikolari.

    38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika ta’ Malta.

    39      Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    40      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika ta’ Malta talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet il‑kawża, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top