Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0347

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-15 ta' Settembru 2011.
    Proċedura kriminali kontra Jochen Dickinger u Franz Ömer.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bezirksgericht Linz - l-Awstrija.
    Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Libertà ta’ stabbiliment - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi monopolju tal-operat għal-logħob tal-każinò fuq l-Internet - Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà - Politika kummerċjali espansiva - Kontrolli tal-operaturi ta’ logħob tal-ażżard magħmula fi Stati Membri oħra - Għoti tal-monopolju lil kumpannija privata - Possibbiltà għall-akkwist ta’ dan il-monopolju rriżervata biss lil kumpanniji b’kapital azzjonarju li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali - Projbizzjoni għad-detentur tal-monopolju li jistabbilixxi fergħa barra mit-territorju tal-Istat Membru ta’ stabbiliment.
    Kawża C-347/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-08185

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:582

    Kawża C-347/09

    Proċeduri kriminali

    kontra

    Jochen Dickinger

    u

    Franz Ömer

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bezirksgericht Linz)

    “Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi monopolju tal-operat għal-logħob tal-ażżard fuq l-internet — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Politika kummerċjali espansjonista — Kontrolli tal-operaturi ta’ logħob tal-ażżard magħmula fi Stati Membri oħra — Għoti tal-monopolju lil kumpannija rregolata mid-dritt privat — Possibbiltà għall-kisba ta’ dan il-monopolju rriżervata biss lil kumpanniji b’kapital azzjonarju li jkollhom is-sede tagħhom fit-territorju nazzjonali — Projbizzjoni għad-detentur tal-monopolju li jistabbilixxi fergħa barra mit-territorju tal-Istat Membru ta’ stabbiliment”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju tal-operat tal-logħob tal-azzard ikkummerċjalizzat fuq l-internet — Sanzjonijiet kriminali għal min imur kontra dan il-monopolju — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

    (Artikolu 49 KE)

    2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni — Servizzi tal-logħob tal-ażżard ikkummerċjalizzati permezz tal-internet — Użu ta’ intermedjarji stabbiliti fl-istess Stat Membru bħad-destinatarji tas-servizzi ta’ fornitur barrani — Assenza ta’ effett

    (Artikolu 49 KE)

    3.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju tal-operat tal-logħob tal-azzard ikkummerċjalizzat fuq l-internet — Ġustifikazzjoni

    (Artikoli 49 KE u 55 KE)

    4.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju tal-operat tal-logħob tal-azzard ikkummerċjalizzat fuq l-internet — Possibbiltà għad-detentur tal-imsemmi monopolju li jadotta politika ta’ espansjoni — Ġustifikazzjoni

    (Artikolu 49 KE)

    5.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Operatur awtorizzat mill-Istat Membru ta’ stabbiliment biex jipprovdi logħob tal-ażżard — Impossibbiltà għal dan l-operatur li jipprovdi tali servizzi permezz tal-internet fi Stat Membru ieħor minħabba l-monopolju fil-qasam

    (Artikolu 49 KE)

    1.        Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 49 KE, jipprekludi li jiġi ssanzjonat kriminalment il-ksur ta’ monopolju għall-operat tal-logħob tal-ażżard, bħall-monopolju għall-operat tal-logħob tal-ażżard ikkummerċjalizzat fuq l-internet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk din il-leġiżlazzjoni ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt.

    Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni jimponi limiti fuq il-kompetenza tal-Istati Membri f’materji kriminali, peress li leġiżlazzjoni f’dan il-qasam ma tistax, b’mod partikolari, tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, meta monopolju ma jkunx kompatibbli mal-Artikolu 49 KE, il-ksur tiegħu minn operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jkun suġġett għal sanzjonijiet kriminali.

    (ara l-punti 31, 32, 43 u d-dispożittiv 1)

    2.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-servizzi tal-logħob tal-ażżard ikkummerċjalizzati fuq l-internet fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti minn operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor minkejja l-fatt li dan l-operatur:

    a)      ikun stabilixxa fl-Istat Membru ospitanti ċerta infrastruttura ta’ appoġġ informatiku bħal server, u

    b)      ikun inqeda b’servizzi ta’ appoġġ informatiku minn fornitur stabbilit fl-Istat Membru ospitanti sabiex jipprovdi s-servizzi tiegħu lil konsumaturi li wkoll huma stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

    Fil-fatt, l-Artikolu 49 KE japplika għal operatur tal-logħob tal-ażżard stabbilit fi Stat Membru li jipprovdi s-servizzi tiegħu fi Stat Membru ieħor, anki jekk għal dan il-għan jagħmel użu minn intermedjarji stabbiliti fl-istess Stat Membru bħad-destinatarji tal-imsemmija servizzi. A fortiori, l-istess artikolu japplika fejn l-operatur tal-logħob tal-ażżard ma jużax is-servizzi ta’ intermedjarji, iżda ta’ sempliċi fornitur ta’ servizzi ta’ appoġġ informatiku fl-Istat Membru ospitanti.

    (ara l-punti 37, 38 u d-dispożittiv 2)

    3.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jfittex li jiżgura livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi partikolarment għoli fis-settur tal-logħob tal-ażżard jista’ jkun ikkunsidrat li huwa biss l-għoti ta’ monopolju lil organu wieħed li huwa suġġett għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jista’ jippermettilu li jikkontrolla l-kriminalità marbuta mal-qasam tal-logħob tal-ażżard u li jfittex li jikseb l-għan ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob b’mod suffiċjentement effikaċi.

    (ara l-punti 48, 100 u d-dispożittiv 3)

    4.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex tkun konsistenti mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità kif ukoll sabiex jitnaqqsu l-opportunitajiet għal-logħob, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju fir-rigward tal-logħob tal-ażżard li tippermetti lid-detentur tal-monopolju jimplementa politika ta’ espansjoni għandha:

    – tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni li tgħid li l-attivitajiet kriminali u frawdolenti relatati mal-logħob u mal-vizzju tal-logħob jikkostitwixxu problema fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat li fih, espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati tkun ta’ natura li għandha tiġi rrimedjata, u

    – tippermetti biss l-implementazzjoni ta’ reklamar bil-qies u strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ sabiex il-konsumaturi jiġu diretti lejn networks tal-logħob ikkontrollati.

    Sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ direzzjoni lejn networks tal-logħob ikkontrollati, l-operaturi awtorizzati għandhom jipprovdu alternattiva affidabbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għall-attivitajiet mhux irregolati, ħaġa li fiha nnifisha tista’ timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, reklamar ta’ ċertu portata u l-użu ta’ mezzi ta’ distribuzzjoni ġodda.

    Ir-reklamar eventwalment implementat mid-detentur ta’ monopolju pubbliku għandu jkun meqjus u strettament limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex b’hekk il-konsumaturi jiġu diretti lejn l-ambjenti tal-logħob ikkontrollati. Min-naħa l-oħra, tali reklamar ma jistax, b’mod partikolari, ikun intiż sabiex jinkoraġġixxi t-tendenza naturali għal-logħob tal-konsumaturi billi jistimula l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fih, b’mod partikolari billi jibbanalizza l-logħob jew billi jagħtih dehra pożittiva marbuta mal-fatt li d-dħul miġbur ser jintuża għal attivitajiet ta’ interess ġenerali jew inkella billi jżid is-saħħa ta’ attrazzjoni tal-logħob permezz ta’ reklamar attraenti li jwiegħed rebħ kbir.

    (ara l-punti 64, 68, 100 u d-dispożittiv 3)

    5.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati f’dan ir-rigward, li għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li huma maħsuba jiżguraw.

    Minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni tas-settur tal-logħob tal-ażżard u tad-diverġenzi sinjifikattivi bejn l-għanijiet segwiti kif ukoll il-livelli ta’ protezzjoni mfittxija mil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti, is-sempliċi fatt li operatur jipproponi legalment servizzi fi Stat Membru, fejn ikun stabbilit u fejn fil-prinċipju jkun diġà suġġett għal kundizzjonijiet legali u għal kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat tal-aħħar, ma jistax jitqies bħala garanzija suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi nazzjonali kontra r-riskji ta’ frodi u ta’ kriminalità fl-Istat Membru ospitanti.

    (ara l-punti 96, 97, 100 u d-dispożittiv 3)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    15 ta’ Settembru 2011 (*)

    “Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi monopolju tal-operat għal-logħob tal-każinò fuq l-internet – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Politika kummerċjali espansjonista – Kontrolli tal-operaturi ta’ logħob tal-ażżard magħmula fi Stati Membri oħra – Għoti tal-monopolju lil kumpannija rregolata mid-dritt privat – Possibbiltà għall-kisba ta’ dan il-monopolju rriżervata biss lil kumpanniji b’kapital azzjonarju li jkollhom is-sede tagħhom fit-territorju nazzjonali – Projbizzjoni għad-detentur tal-monopolju li jistabbilixxi fergħa barra mit-territorju tal-Istat Membru ta’ stabbiliment”

    Fil-Kawża C-347/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bezirksgericht Linz (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ April 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Awwissu 2009, fil-proċeduri kriminali kontra

    Jochen Dickinger,

    Franz Ömer,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Dickinger u Ömer, minn W. Denkmair u O. Plöckinger, avukati,

    –        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u J. Bauer, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn A. Hubert u P. Vlaemminck, avukati,

    –        għall-Gvern Grieg, minn E.-M. Mamouna, M. Tassopoulou u G. Papadaki, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar u J. Borg, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u A. Barros, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Marzu 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

    2        Din it-talba tressqet bħala parti mill-proċeduri kriminali kontra J. Dickinger u F. Ömer għal nuqqas ta’ konformità mill-kumpannija Awstrijaka bet-at-home.com Entertainment GmbH (iktar ’il quddiem “bet-at-home.com Entertainment”), li tagħha huma l-amministraturi, mal-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar l-operat tal-logħob tal-ażżard, speċifikament fir-rigward tal-provvista ta’ logħob tal-każinò fuq l-internet.

     Il-kuntest ġuridiku

    3        Il-liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard (Glücksspielgesetz, BGBl. 620/1989), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GSpG”), tipprovdi fl-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Monopolju tal-logħob tal-ażżard” li d-dritt tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard huwa rriżervat lill-Gvern Federali. L-Artikoli 14 u 21 tal-GSpG jipprevedu b’mod parallel li l-Ministru Federali tal-Finanzi jista’ jagħti konċessjonijiet, min-naħa waħda, għall-organizzazzjoni tal-lotteriji u, min-naħa l-oħra, għall-operat tal-każinòs. L-imħatri sportivi, peress li ma humiex ikkunsidrati bħala logħob tal-ażżard fis-sens strett, ma humiex suġġetti għas-sistema stabbilita mill-GSpG, bl-eċċezzjoni ta’ tip ta’ mħatra reċiproka magħrufa bħala “Toto”.

    4        Il-logħob tal-każinò kkummerċjalizzat permezz tal-internet huma, skont l-Artikolu 12a tal-GSpG, ittrattati bħala lotteriji u għalhekk huma suġġetti għas-sistema ta’ konċessjoni fuq il-lotteriji iktar milli dik li tirregola l-każinò. Dan l-Artikolu 12a, li ddaħħal fil-GSpG fl-1997 (BGBl. I, 69/1997), fih f’dan ir-rigward id-definizzjoni li ġejja ta’ “lotteriji elettroniċi”:

    “lotteriji li fir-rigward tagħhom il-kuntratt tal-logħob huwa konkluż b’mezzi elettroniċi, id-deċiżjoni dwar ir-rebħ u t-telf tingħata jew titqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod ċentrali u l-parteċipant jista’ jsir jaf ir-riżultat immedjatament wara li jkun ipparteċipa fil-logħba”.

    5        Skont l-Artikolu 14(2) tal-GSpG, il-konċessjoni għall-organizzazzjoni ta’ lotteriji tista’ tingħata biss lil operatur li:

    “1.      huwa kumpannija b’kapital azzjonarju li għandu s-sede tiegħu fil-pajjiż;

    2.      ma għandux proprjetarji (soċji) li jiddisponu minn influwenza dominanti li ma tippermettix li tkun garantita l-affidabbiltà mill-perspettiva regolatorja;

    3.      għandu kunsill ta’ sorveljanza u kapital azzjonarju jew nominali liberu mħallas ta’ mhux inqas minn EUR˚109˚miljun, bir-rekwiżit li l-provenjenza legali tal-fondi tiġi pprovata b’mod adegwat;

    4.      jaħtar diretturi li, abbażi tal-formazzjoni tagħhom, huma professjonalment kompetenti, li għandhom il-karatteristiċi u l-esperjenza meħtieġa għall-operat korrett tal-attività u li kontrihom ma hemm l-ebda raġuni għall-esklużjoni, abbażi tal-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-professjonijiet artiġjanali, kummerċjali u industrijali tal-1973 (Gewerbeordnung 1973) […]

    5.      fid-dawl taċ-ċirkustanzi (b’mod partikolari l-esperjenzi, tal-għarfien u l-mezzi tiegħu) wieħed jistenna mingħandu li jrendi l-aqwa dħul għall-Gvern Federali (taxxa ta’ konċessjoni u dħul mill-imħatri);

    6.      għalih l-istruttura eventwali tal-grupp, li għalih jappartjeni l-propjetarju jew il-proprjetarji li għandhom holding ikkwalifikat fl-impriża, ma tfixkilx il-kontroll effettiv tal-konċessjonarju.”

    6        Il-konċessjoni tista’, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3) tal-GSpG, tiġi akkordata għal perijodu massimu ta’ ħmistax-il sena.

    7        Sa kemm konċessjoni għal-lotteriji tkun fis-seħħ, l-ewwel frażi tal-Artikolu 14(5) tal-GSpG tistabbilixxi li ma tistax tiġi attribwita konċessjoni oħra.

    8        Jekk diversi kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(2) tal-GSpG jippruvaw jiksbu konċessjoni, il-Ministru Federali tal-Finanzi, skont it-tieni frażi tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punt 5 tal-imsemmi paragrafu 2, u għalhekk għandu jagħti l-konċessjoni lill-operatur li minnu tkun mistennija r-realizzazzjoni tal-aħjar dħul għall-gvern federali.

    9        Skont l-Artikolu 15(1) tal-GSpG, il-konċessjonarju ma jistax jistabbilixxi fergħat barra mit-territorju Awstrijaku. Barra minn hekk, il-kisba, mill-konċessjonarju, ta’ holdings ikkwalifikati f’kumpanniji oħra, jirrikjedi l-awtorizzazzjoni tal-Ministru Federali tal-Finanzi. Skont l-Artikolu 15a tal-GSpG, din l-awtorizzazzjoni hija meħtieġa wkoll għall-estensjoni tal-attività kummerċjali tal-konċessjonarju, li ma għandhiex tingħata sa kemm ma jkunx hemm ir-riskju ta’ tnaqqis fid-dħul tal-Gvern Federali mit-taxxa ta’ konċessjoni jew mid-dħul fuq l-imħatri.

    10      L-Artikolu 16 tal-GSpG jobbliga lill-konċessjonarju jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-logħob tal-ażżard fejn l-organizzazzjoni tkun ġiet fdata lilu. Dawn il-kundizzjonijiet, li għandhom jiġu approvati mill-Ministru Federali tal-Finanzi, jiġu ppubblikati fl-Amtsblatt zur Wiener Zeitung u mwaħlin għal konsulatzzjoni, fil-postijiet tal-kummerċ tal-konċessjonarju u fil-punti tal-bejgħ tiegħu.

    11      Kull sena, il-konċessjonarju għandu, skont l-Artikolu 18(1) tal-GSpG, jinforma lill-Ministru Federali tal-Finanzi bl-identità tal-persuni parteċipanti fil-kapital azzjonarju tiegħu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19(1) tal-GSpG, huwa suġġett għas-superviżjoni tal-Ministru Federali tal-Finanzi. Għal dan il-għan, dan tal-aħħar għandu b’mod partikolari l-kapaċità li jikkonsulta l-kontijiet u d-dokumenti l-oħra tal-konċessjonarju u jista’ jwettaq verifiki fuq il-post jew jitlob lil kontabbli jew esperti oħra jwettqu verifiki. L-ispejjeż ta’ sorveljanza jitħallsu mill-konċessjonarju u huma fatturati kull sena mill-Ministru Federali tal-Finanzi.

    12      L-Artikolu 19(2) tal-GSpG jipprovdi wkoll għall-ħatra, mill-Ministru Federali tal-Finanzi, ta’ Kummissarju tal-Istat (“Staatskommissär”) li, skont l-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-Kreditu (Kreditwesengesetz, BGBl. 63/1979), għandu d-dritt jattendi l-laqgħat tal-azzjonisti kif ukoll il-laqgħat tal-kunsill ta’ sorveljanza tal-konċessjonarju. Il-Kummissarju tal-Istat għandu jkun jew impjegat ta’ awtorità lokali jew avukat jew awditur, u huwa suġġett għall-awtorità tal-Ministru Federali tal-Finanzi u jista’ jitneħħa mill-kariga f’kull ħin. Il-Kummissarju tal-Istat għandu bħala kompitu prinċipali tiegħu li jopponi ruħu għal kull deċiżjoni mill-organi tal-kumpannija li huwa jikkunsidra bħala illegali. Din l-oppożizzjoni għandha bħala konsegwenza li tissospendi l-effetti tad-deċiżjoni inkwistjoni sal-intervent ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

    13      Skont l-Artikolu 19(3) tal-GSpG, il-Ministru Federali tal-Finanzi u l-Organizzazzjoni Sportiva Federali għandhom kull wieħed id-dritt li jinnominaw membru bħala parti mill-kunsill ta’ sorveljanza tal-konċessjonarju.

    14      L-Artikolu 19(4) tal-GSpG jobbliga lill-konċessjonarju biex jipprovdi lill-Ministru Federali tal-Finanzi r-rapport annwali, ir-rapport ta’ ġestjoni u l-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tal-grupp, kif ukoll ir-rapporti tal-awdituri li jirrigwardaw lil dawn id-dokumenti, fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja kkonċernata.

    15      L-Artikoli 17 u 20 tal-GSpG jirrigwardaw l-allokazzjoni tad-dħul mil-logħob tal-ażżard. Il-paragrafu 6 tal-Artikolu 17(3) jistabbilixxi t-taxxa ta’ konċessjoni għal-lotteriji elettroniċi għal 24 % tad-dħul gross annwali wara t-tnaqqis tal-qligħ imqassam. Skont l-Artikolu 20, 3 % tad-dħul mil-lotteriji, ammont li fl-ebda każ ma għandu jkun inqas minn EUR 40 miljun, jiġu allokati għall-iżvilupp tal-isport.

    16      L-Artikoli 21 sa 31 tal-GSpG fihom dispożizzjonijiet simili li jirregolaw l-għoti ta’ tnax-il konċessjoni għall-operat tal-każinòs, is-sorveljanza tal-konċessjonarji kif ukoll it-tmexxija tal-logħob tal-każinò.

    17      L-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal finijiet ta’ profitt minn persuna li ma jkollhiex konċessjoni hija suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali fl-Awstrija. L-Artikolu 168(1) tal-Kodiċi Kriminali Awstrijaku (Strafgesetzbuch, iktar ’il quddiem l-“StGB”) jippenalizza lil “kull min jorganizza logħba formalment ipprojbita jew li r-rebħ jew it-telf tagħha jiddependu esklużivament jew prinċipalment mix-xorti, jew lil kull min jikkontribwixxi biex issir laqgħa bil-għan li jiġi organizzat tali logħob sabiex jibbenefika finanzjarjament minn din l-organizzazzjoni jew minn din il-laqgħa jew sabiex jikseb tali benefiċċju lil terz”. Is-sanzjonijiet previsti huma piena ta’ priġunerija li tista’ titla’ sa sitt xhur jew multa kuljum sa massimu ta’ 360 jum.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18      L-Österreichische Lotterien GmbH (iktar ’il quddiem l-“Österreichische Lotterien”) hija kumpannija rregolata mid-dritt privat b’responsabbiltà limitata. Skont id-deċiżjoni tal-Ministru Federali tal-Finanzi tas-16 ta’ Marzu 1995, hija kisbet il-konċessjoni unika għall-organizzazzjoni tal-lotteriji fl-Awstrija għall-perijodu li jibda mill-1 ta’ Diċembru 1994 sal-31 ta’ Diċembru 2004. Wara t-twaqqif tal-“lotteriji elettroniċi” permezz tal-introduzzjoni fl-1997 tal-Artikolu 12a tal-GSpG, il-konċessjoni tal-imsemmija kumpannija ġiet estiża għal din it-tip ta’ lotterija u estiża sal-2012 permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru Federali tal-Finanzi tat-2 ta’ Ottubru 1997. It-tul tal-konċessjoni ġie ffissat, fid-dawl tat-tul massimu ta’ ħmistax-il sena awtorizzati mil-liġi, għall-perijodu li jibda mill-1 ta’ Ottubru 1997 sat-30 ta’ Settembru 2012.

    19      L-azzjonist maġġoritarju tal-Österreichische Lotterien hija Casinos Austria AG (iktar ’il quddiem “Casinos Austria”), kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt privat li għandha t-tnax-il konċessjoni biex tħaddem il-każinòs previsti mill-GSpG (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Engelmann, C-64/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 13 sa 15). Fiż-żmien meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali, terz tal-ishma li jikkostitwixxu l-kapital azzjonarju ta’ Casinos Austria kien miżmum indirettament mill-Istat, fejn il-bqija tal-ishma kienu jinsabu f’idejn investituri privati.

    20      J. Dickinger u F. Ömer, ċittadini Awstrijaċi, huma l-fundaturi tal-grupp multinazzjonali tal-logħob online bet-at-home.com. Il-kumpannija parent ta’ dan il-grupp hija l-kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż bet-at-home.com AG, li għandha s-sede tagħha f’Düsseldorf (il-Ġermanja).

    21      Il-kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijaku bet-at-home.com Entertainment, li għandha s-sede tagħha f’Linz (l-Awstrija), u li hija attiva fil-qasam tas-“servizzi tat-trattament awtomatiku ta’ data u tat-tekniki tal-infomazzjoni”, hija waħda mis-sussidjarji ta’ bet-at-home.com AG. J. Dickinger u F. Ömer huma l-amministraturi ta’ bet-at-home.com Entertainment. Din il-kumpannija għandha liċenzja Awstrijaka li tippermettilha li toffri mħatri sportivi.

    22      Bet-at-home.com Entertainment hija proprjetarja, bħala sussidjarja, tal-kumpannija Maltija bet-at-home.com Holding Ltd, li min-naħa tagħha tippossjedi tliet kumpanniji sussidjarji, jiġifieri l-kumpaniji taħt il-liġi Maltija bet-at-home.com Internet Ltd, bet-at-home.com Entertainment Ltd, kif ukoll bet-at-home.com Internationale Ltd (iktar ’il quddiem, kollettivament, is-“sussidjarji Maltin”).

    23      Tnejn mis-sussidjarji Maltin joffru logħob tal-ażżard u mħatri sportivi permezz tal-internet fuq is-sit www.bet-at-home.com. Huma għandhom, f’dan ir-rigward, liċenzja Maltija (“Class One Remote Gaming License”), valida għal-logħob tal-ażżard online u liċenzja Maltija (“Class Two Remote Gaming License”) valida għall-imħatri sportivi online. Is-sit tal-internet huwa aċċessibbli bil-lingwa Spanjola, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Taljana, Ungeriża, Olandiża, Pollakka, Slovena, Russa u Torka, iżda mhux bil-lingwa Maltija. Fuq dan l-indirizz tal-internet hemm offruti, b’mod partikolari, logħob tal-ażżard bħall-poker, il-black-jack, logħob tal-karti, ir-rulett kif ukoll logħob fuq il-magni bi flus virtwali. Huwa possibbli li wieħed jilgħab dan il-logħob kollu mingħajr limitu fuq il-flus milgħuba.

    24      L-operat tas-sit tal-internet www.bet-at-home.com huwa sostnut esklussivament mis-sussidjarji Maltin li jorganizzaw il-logħob inkwistjoni u li huma l-proprjetarji tal-liċenzji tas-software neċessarju għall-operat tal-pjattaforma tal-logħob.

    25      Is-sussidjarji Maltin kienu jużaw, għall-inqas sa Diċembru 2007, server li kien installat f’Linz, imqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom minn bet-at-home.com Entertainment, li kienet tieħu ħsieb ukoll il-manutenzjoni tas-sit tal-internet, tas-software neċessarju għal-logħob kif ukoll l-assistenza għall-utenti.

    26      Inbdiet proċedura kriminali kontra J. Dickinger u F. Ömer, fil-kwalità tagħhom bħala amministraturi ta’ bet-at-home.com Entertainment, minħabba atti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 168(1) tal-StGB. L-att promotur ġie fformulat kif ġej:

    “Jochen Dickinger u Franz Ömer, bħala persuni responsabbli għal [bet-at-home.com Entertainment], wettqu, mill-1 ta’ Jannar 2006 sa llum, il-ksur li jikkonsisti fl-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard skont l-Artikolu 168(1) tal-[StGB] għal benefiċċju ta’ [bet-at-home.com Entertainment] billi offrew permezz tal-internet logħob li r-rebħ u t-telf minnu jiddependi esklużivament jew prinċipalment mill-ażżard jew li huwa speċifikament ipprojbit, b’mod partikolari tipi differenti ta’ Poker (‘Texas Hold’em’, ‘Seven Card Stud’, eċċ.), il-Blackjack, logħob tal-karti, logħob tal-mejda bħal rulett, kif ukoll logħob virtwali bħal ‘bandits manchots’ flimkien mal-imħatri fejn l-ammonti huma illimitati, u dan biex jiksbu jew biex jipprovdu lil oħrajn, b’mod partikolari lil [bet-at-home.com Entertainment], vantaġġ finanzjarju.”

    27      J. Dickinger u F. Ömer invokaw l-eċċezzjoni tal-illegalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal-logħob tal-ażżard fir-rigward tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

    28      Il-qorti tar-rinviju tiddubita li d-dispożizzjonijiet tal-StGB, moqrija flimkien mal-leġiżlazzjoni Awstrijaka applikabbli għal-logħob tal-ażżard inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, partikolarment fir-rigward dak li hija ssejjaħ “pubbliċità offensiva” magħmula minn Casinos Austria għall-offerta ta’ logħob tal-ażżard tagħha.

    29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bezirksgericht Linz iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      a)     L-Artikoli 43 KE [u] 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-prinċipju, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 3 flimkien mal-Artikoli 14 et seq. u l-Artikolu 21 tal-Liġi Awstrijaka dwar il-logħob tal-ażżard [GSpG], li tipprovdi li:

    –        liċenzja għal-logħob tax-xorti [konċessjoni għal-lotteriji] (eż. lotteriji, lotteriji elettroniċi, eċċ.) tista’ tingħata biss lil konċessjonarju wieħed għal perijodu massimu ta’ 15-il sena, liema konċessjonarju għandu jkun, inter alia, kumpannija b’kapital azzjonarju li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Awstrija, li ma jkollhiex fergħa barra l-Awstrija, li jkollha kapital azzjonarju jew nominali mħallas ta’ mill-inqas EUR109 000 000 u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tista’ titqies li tirrendi l-ikbar qligħ għall-Gvern Federali;

    –        liċenzja għal każinòs tista’ tingħata biss lil mhux iktar minn 12-il konċessjonarju għal perijodu massimu ta’ 15-il sena, liema konċessjonarji għandhom ikunu, inter alia, kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Awstrija, li ma jkollhomx fergħa barra l-Awstrija, li jkollhom kapital azzjonarju mħallas ta’ mill-inqas EUR 22 000 000 u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jistgħu jitqiesu li jirrendu l-ikbar qligħ għall-awtoritajiet reġjonali?

    Dawn il-kwistjonijiet iqumu b’mod partikolari f’dan il-kuntest: […] Casinos Austria AG hija d-detentriċi ta’ 12-il liċenzja għal każinòs, li ngħataw fit-18 ta’ Diċembru 1991 għal perijodu massimu ta’ 15-il sena u li minn dakinhar ġew imġedda mingħajr ma saret sejħa għal offerti jew notifika pubblika.

    b)      Jekk dan ikun il-każ, tali leġiżlazzjoni tista’ tkun iġġustifikata b’raġunijiet marbuta mal-interess ġenerali li jiġu limitati l-attivitajiet marbuta mal-imħatri fil-każ fejn id-detenturi tal-liċenzji li joperaw fi struttura kważi monopolistika jeżerċitaw, min-naħa tagħhom, politika ta’ espansjoni tal-logħob tal-ażżard permezz ta’ attivitajiet ta’ reklamar intensivi?

    c)      Jekk dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha, meta tistħarreġ il-proporzjonalità ta’ tali leġiżlazzjoni, li għandha bħala għan il-prevenzjoni ta’ reati kriminali billi tissuġġetta lill-operaturi attivi f’dan is-settur għal spezzjoni u għaldaqstant tillimita l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard għal sistema li fiha jkunu suġġetti għal spezzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-leġiżlazzjoni tkopri wkoll il-fornituri ta’ servizzi transkonfinali li, fi kwalunkwe każ, huma suġġetti fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom, għal obbligi u għal spezzjonijiet stretti marbuta mal-liċenzja tagħhom?

    2)      Il-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minkejja l-fatt li l-Istati Membri żammew, fil-prinċipju, il-kompetenza li jirregolaw is-sistema legali kriminali tagħhom, dispożizzjoni tad-dritt kriminali nazzjonali għandha madankollu tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt Komunitarju jekk din tista’ tipprekludi jew tfixkel l-eżerċizzju ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali?

    3)      a)     L-Artikolu 49 KE, flimkien mal-Artikolu 10 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ispezzjonijiet li jsiru fl-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ fornitur ta’ servizzi, u l-garanziji pprovduti hemmhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-Istat li fih jiġu pprovduti dawn is-servizzi, abbażi tal-prinċipju tal-fiduċja reċiproka?

    b)      Jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 49 KE għandu, barra minn hekk, jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija ristretta fl-interess ġenerali, għandu jiġi vverifikat jekk dan l-interess ġenerali kienx diġa ttieħed suffiċjentement inkunsiderazzjoni mid-dispożizzjonijiet, mill-ispezzjonijiet u mill-verifiki li huwa suġġett għalihom il-fornitur ta’ servizzi fl-Istat li fih huwa stabbilit?

    c)      Jekk dan ikun il-każ, waqt l-isħarriġ tal-proporzjonalità ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timponi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard mingħajr liċenzja nazzjonali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-interessi regolamentari invokati mill-Istat li fih jiġu pprovduti s-servizzi sabiex jiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà fundamentali jkunu diġà ttieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni fl-Istat ta’ stabbiliment permezz ta’ proċeduri stretti ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza?

    d)      Jekk dan ikun il-każ, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-proporzjonalità ta’ tali restrizzjoni, il-fatt li, fl-Istat li fih huwa stabbilit il-fornitur tas-servizzi, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jmorru lil hinn minn dawk tal-Istat Membru li fih jiġu pprovduti s-servizzi?

    e)      Fil-każ ta’ projbizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, ta’ logħob tal-ażżard, imposta minħabba raġunijiet politiċi relatati mal-protezzjoni ta’ min jilgħab u mal-ġlieda kontra l-kriminalità, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, barra minn hekk, li l-qorti tar-rinviju tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-fornituri li joffru logħob tal-ażżard mingħajr ebda awtorizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, dawk li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-UE, li jkunu kisbu liċenzja hemmhekk u li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?

    f)      Fl-aħħar nett, waqt l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, il-provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard mingħajr liċenzja jew awtorizzazzjoni nazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li fornitur tal-logħob tal-ażżard kiseb liċenzja b’mod legali fi Stat Membru ieħor iżda minħabba ostakoli oġġettivi u indirettament diskriminatorji għad-dħul, ma setax jikseb liċenzja nazzjonali, u l-fatt li l-proċeduri għall-għoti ta’ liċenzja u l-proċeduri ta’ spezzjoni fl-Istat ta’ stabbiliment joffru livell ta’ protezzjoni li huwa minn tal-inqas paragunabbli għal dak żgurat fuq livell nazzjonali?

    4)      a)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li n-natura temporanja tal-provvista ta’ servizzi teskludi l-possibbiltà għall-fornitur li jkollu fl-Istat Membru ospitanti ċerta infrastruttura (bħal server) mingħajr ma jiġi kkunsidrat li huwa stabbilit f’dak l-Istat Membru?

    b)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat, barra minn hekk, fis-sens li dispożizzjoni li tkopri l-fornituri nazzjonali ta’ servizzi ta’ sostenn u li tipprekludihom milli jiffaċilitaw il-provvista ta’ servizzi ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, timplika wkoll restrizzjoni għal-libertà ta’ tali fornitur li jipprovdi servizzi fil-każ fejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ sostenn huma stabbiliti fl-istess Stat Membru bħal uħud mid-destinatarji tas-servizz?”

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq it-tieni domanda

    30      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi sanzjonijiet kriminali kontra min jikser monopolju għall-operat tal-logħob tal-ażżard, bħal dak previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tkun konformi mal-libertajiet fundamentali ggarantiti fit-Trattat u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 49 KE.

    31      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dan ir-rigward jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt tal-Unjoni jimponi limiti fuq il-kompetenza tal-Istati Membri f’materji kriminali, peress li leġiżlazzjoni f’dan il-qasam ma tistax, b’mod partikolari, tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali garantiti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, Ġabra p. 195, punt 19, u tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa, C-348/96, Ġabra p. I-11, punt 17).

    32      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 49 KE, jipprekludi li jiġi ssanzjonat kriminalment il-ksur ta’ monopolju għall-operat tal-logħob tal-ażżard, bħall-monopolju għall-operat tal-logħob ta’ każinò kkummerċjalizzat fuq l-internet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk tali leġiżlazzjoni ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

     Fuq ir-raba’ domanda

    33      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju trid tiddetermina liema libertajiet fundamentali huma applikabbli għar-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għas-sussidjarji Maltin. Hija essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għas-servizzi tal-logħob tal-ażżard ikkummerċjalizzati permezz tal-internet fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti minn operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor minkejja l-fatt li dan l-operatur:

    a)      stabbilixxa fl-Istat Membru ospitanti ċerta infrastruttura ta’ appoġġ informatiku bħal server, li tista’ tirriżulta fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment, u

    b)      jinqeda b’servizzi ta’ appoġġ minn fornitur stabbilit fl-Istat Membru ospitanti biex jipprovdi s-servizzi tiegħu lill-konsumaturi fl-istess Stat Membru, liema ħaġa jista’ jkollha bħala konsegwenza l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 49 KE.

    34      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li fornitur tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet, jirrikorri għal mezzi materjali ta’ komunikazzjoni pprovvduti minn terza impriża stabbilita fl-Istat Membru ospitanti, ma jidhirx li fih innifsu huwa ta’ natura li jikkonferma li dan il-fornitur huwa stabbilit b’mod stabbli f’dak l-Istat Membru, b’mod li jista’ jitqabbel ma’ aġenzija, liema ħaġa tkun tirriżulta fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

    35      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li biex ikun hemm stabbiliment skont it-Trattat, għandu jkun hemm relazzjoni kummerċjali konkluża minn operatur stabbilit fi Stat Membru ma’ operaturi jew intermedjarji stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u għandha tkun tinvolvi l-possibbiltà li dan l-operatur jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika tal-Istat Membru ospitanti u għalhekk tkun tali li tippermetti lill-klijenti li jibbenefikaw mis-servizzi offruti permezz ta’ preżenza permanenti f’dan l-Istat Membru ospitanti, li tista’ tiġi eżerċitata permezz ta’ sempliċi uffiċċju amministrattiv immexxi, jekk ikun il-każ, minn persuna indipendenti, iżda li tingħata mandat sabiex taġixxi b’mod permanenti għan-nom ta’ l-imsemmi operatur, l-istess kif tagħmel aġenzija, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 Settembru, 2010, Stoß et., C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 59 u 60).

    36      Madankollu, huwa stabbilit li, mhux talli ma ngħatatx mandat sabiex taġixxi b’mod permanenti għan-nom tas-sussidjarji Maltin fis-suq tal-logħob tal-ażżard fl-Awstrija, iżda bet-at-home.com Entertainment ma hijiex involuta fir-relazzjoni bejn dawn is-sussidjarji u l-klijenti tagħhom. L-operat tal-pjattaforma tal-internet www.bet-at-home.com hija pprovduta esklużivament mill-kumpanniji sussidjarji Maltin, li huma responsabbli għall-organizzazzjoni tal-logħob u li magħhom il-klijenti jikkonkludu l-kuntratti korrispondenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-servizzi ta’ appoġġ informatiku pprovduti minn bet-at-home.com Entertainment jistgħu jiġu fdati lil operatur ieħor, stabbilit fi Stat Membru ieħor, saħansitra mingħajr ma l-konsumaturi Awstrijaċi jirrealizzaw.

    37      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 49 KE japplika għal operatur tal-logħob tal-ażżard stabbilit fi Stat Membru li jipprovdi s-servizzi tiegħu fi Stat Membru ieħor, anki jekk għal dan il-għan jgħamel użu minn intermedjarji stabbiliti fl-istess Stat Membru bħad-destinatarji tal-imsemmija servizzi (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et., C-243/01, Ġabra p. I-13031, punt 58). A fortiori, l-istess artikolu japplika fejn l-operatur tal-logħob tal-ażżard ma jużax is-servizzi ta’ intermedjarji, iżda ta’ sempliċi fornitur ta’ servizzi ta’ appoġġ informatiku fl-Istat Membru ospitanti.

    38      Għalhekk, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-servizzi tal-logħob tal-ażżard ikkummerċjalizzati bl-internet fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti minn operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor minkejja l-fatt li dan l-operatur:

    a)      stabilixxa fl-Istat Membru ospitanti ċerta infrastruttura ta’ appoġġ informatiku bħal server, u

    b)      jinqeda b’servizzi ta’ appoġġ informatiku minn fornitur stabbilit fl-Istat Membru ospitanti biex jipprovdi s-servizzi tiegħu lil konsumaturi li wkoll huma stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

     Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

    39      L-ewwel u t-tielet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 49 KE jipprovdi għall-istabbiliment ta’ monopolju għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-każinò kkummerċjalizzati fuq l-internet għal operatur uniku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    40      Sabiex tingħata risposta effettiva għal dawn il-mistoqsijiet, għandhom, fl-ewwel lok, jitfakkru l-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 49 KE jipprovdi għall-istabbiliment ta’ monopolju dwar il-logħob tal-ażżard, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fit-tieni lok, huwa neċessarju li jiġi aċċertat sa liema punt l-insegwiment ta’ politika kummerċjali espansjonista mill-entità li għandha monopolju fil-qasam tal-logħob tal-ażżard jista’ jkun konsistenti mas-sistema tal-monopolju. Fit-tielet lok, għandhom jiġu pprovduti indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà mal-Artikolu 49 KE ta’ sensiela ta’ restrizzjonijiet speċifiċi imposti fuq id-detentur tal-monopolju mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-forma legali tiegħu, l-ammont tal-kapital azzjonarju tiegħu, il-post tas-sede tiegħu u l-possibbiltà li jiġu stabbiliti friegħi fi Stati Membri oħra. Fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata r-rilevanza tal-kontrolli tal-operaturi tal-logħob tal-ażżard imwettqa fi Stati Membri oħra u l-garanziji magħmula fihom għall-eżami tal-proporzjonalità ta’ miżuri restrittivi imposti minn Stat Membru li għandom l-iskop li jirregolaw il-logħob tal-ażżard fl-eżerċizzju ta’ waħda jew iktar mill-għanijiet rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    41      Jinsab stabbilit li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed u li tipprekludi lil kull operatur ieħor, inkluż lil operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, milli joffri, permezz tal-internet, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, servizzi li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange, C-203/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22 u 24, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42      Madankollu, tali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi aċċettata skont il-miżuri derogatorji espressament previsti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE, applikabbli għal dan il-qasam bis-saħħa tal-Artikolu 55 KE, jew ġustifikata, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra p. I-7633, punti 55 u 56, u tat-30 ta’ Ġunju 2011, Zeturf, C-212/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

    43      Qabel kollox, fil-kuntest tal-kawża prinċipali għandu jiġi enfasizzat li, meta sistema ta’ monopolju tkun ġiet stabbilita fi Stat Membru fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, u meta din is-sistema ma tkunx kompatibbli mal-Artikolu 49 KE, il-ksur tiegħu minn operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jkun suġġett għal sanzjonijiet kriminali (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et., C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punti 63 u 69).

     Fuq il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ monopolju dwar il-logħob tal-ażżard

    44      Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jiġu aċċettati, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fis-settur tal-logħob tal-ażżard u tal-imħatri, ikkunsidrati b’mod sħiħ, huma ta’ spiss relatati mal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi kkonċernati u, b’mod iktar ġenerali, tal-konsumaturi kif ukoll mal-protezzjoni tal-ordni soċjali. Hija enfasizzat ukoll li tali għanijiet jinsabu fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba enfasizzat li l-karatteristiċi ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali, kif ukoll il-konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi għall-individwu u għas-soċjetà li huma relatati mal-logħob tal-ażżard u mal-imħatri jistgħu jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-eżistenza, favur l-awtoritajiet nazzjonali, ta’ setgħa diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiddeterminaw, skont l-iskala tal-valuri tagħhom stess, l-eżiġenzi li timplika l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni soċjali (sentenza Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46      Is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati għal dan il-għan. Tali dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li dawn ikunu jixtiequ jiżguraw (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

    47      Għaldaqstant, l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u, skont il-każ, li jiddefinixxu fid-dettall il-livell ta’ protezzjoni mixtieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

    48      Stat Membru li jfittex li jiżgura livell ta’ protezzjoni partikolarment għoli jista’, konsegwentement, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat fil-ġurisprudenza tagħha, ikun intitolat li jikkunsidra li huwa biss l-għoti tad-drittijiet esklużivi lil organu wieħed li huwa suġġett għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jista’ jippermettilu li jikkontrolla r-riskji marbuta mal-qasam tal-logħob tal-ażżard u li jfittex l-għan ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob b’mod suffiċjentement effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stoß et., punti 81 u 83, u Zeturf, punt 41).

    49      Fil-fatt, huwa mixtieq li l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jikkunsidraw li l-fatt li, fil-kwalità tagħhom bħala kontrollur tal-organu li ngħata l-monopolju, huma jiddisponu minn mezzi addizzjonali li jippermettulhom li jinfluwenzaw l-imġiba ta’ dan l-organu lil hinn mill-mekkaniżmi regolatorji u ta’ sorveljanza legali, jista’ jiżguralhom kontroll aħjar tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard u garanziji aħjar ta’ effettività fl-implementazzjoni tal-politika tagħhom milli fil-każ tal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet minn operaturi privati f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, kieku dawn tal-aħħar kienu suġġetti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni u suġġetti għal sistema ta’ kontroll u ta’ sanzjonijiet (sentenza Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

    50      Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw li r-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, punti 59 u 60, kif ukoll Stoß et., punti 77 u 78).

    51      Għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni ta’ liema għanijiet iridu jintlaħqu b’mod effettiv mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tifforma parti, fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, mill-kompetenza tal-qorti tar-rinviju.

    52      Skont il-Gvern Awstrijak, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi, min-naħa waħda, l-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, b’mod partikolari bil-protezzjoni tal-konsumaturi tal-logħob tal-ażżard kontra l-frodi u ta’ delitti oħra u, min-naħa l-oħra, l-għan tal-prevenzjoni ta’ tħajjir għall-infiq eċċessiv relatat mal-logħob permezz tal-garanzija tal-implementazzjoni ta’ miżuri adegwati ta’ protezzjoni tal-lagħba bħal, b’mod partikolari, l-iffissar ta’ limiti ta’ mħatri personali vinkolanti, u għalhekk tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ordni soċjali b’mod ġenerali.

    53      Min-naħa l-oħra, J. Dickinger u F. Ömer, kif ukoll il-Gvern Malti, isostnu li mill-kliem espliċitu tal-GSpG jirriżulta li l-għan ewlieni tagħha huwa li jiżdied id-dħul fiskali ġġenerat mil-logħob tal-ażżard. B’mod speċifiku, huma jinnotaw li, skont l-Artikolu 14(5) tal-GSpG, il-konċessjoni tingħata b’mod sistematiku lill-operatur li mingħandu jista’ jinkseb l-aħjar dħul għall-Gvern Federali. Barra minn hekk, kull estensjoni territorjali jew materjali tal-attività kummerċjali tal-konċessjonarju tippresupponi l-awtorizzazzjoni mill-Ministru Federali tal-Finanzi, li għandha tingħata biss jekk ma jkunx mistenni tnaqqis fid-dħul tal-Gvern Federali.

    54      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-awtoritajiet nazzjonali, fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kellhomx verament l-intenzjoni li jiżguraw livell ta’ protezzjoni partikolarment għoli fir-rigward tal-għanijiet imfittxija u li, fid-dawl ta’ dan il-livell ta’ protezzjoni mfittex, l-istabbiliment ta’ monopolju setax effettivament jitqies bħala neċessarju (sentenza Zeturf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). F’dan il-kuntest, huwa l-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni li jinvoka għan adattat sabiex jilleġittima ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għandu jipprovdi l-elementi kollha li jistgħu jippermettu lill-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni li tiżgura ruħha li l-miżura msemmija tissodisfa b’mod xieraq ir-rekwiżiti derivanti mill-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

    55      F’dan ir-rigward, waħdu, l-għan ta’ massimizzazzjoni tal-dħul tat-Teżor pubbliku ma jistax jippermetti tali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    56      B’mod partikolari, f’dan il-kuntest għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan invokat ħlief jekk hija tkun verament tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku. Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura, b’mod partikolari, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva kkonċernata, li din tirrispondi realment għar-rieda li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq, punti 88, 97 u 98).

    57      Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tivverifika, partikolarment fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-suq tal-logħob tal-ażżard fl-Awstrija, li l-kontrolli tal-Istat li huma suġġetti għalihom l-attivitajiet tad-detentur tal-monopolju xierqa sabiex jiggarantixxu li dan ser ikun jista’ effettivament isegwi, b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet invokati permezz ta’ offerta mkejla b’mod kwantitattiv u mfassla b’mod kwalitattiv skont l-imsemmija għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2010, Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International, C-258/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37, u Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

    58      Barra minn hekk, il-politika kummerċjali segwita mid-detentur tal-monopolju hija ta’ rilevanza ċerta għall-evalwazzjoni ta’ kif dawn l-għanijiet huma segwiti.

     Fuq kif tiġi segwita l-politika kummerċjali espansjonista mill-entità li għandha monopolju fir-rigward tal-logħob tal-ażżard

    59      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-monopolju stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jitqies xieraq sabiex jiżgura l-kisba tal-għan ta’ prevenzjoni tat-tħajjir għal infiq eċċessiv relatat mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tiegħu minħabba l-politika kummerċjali espansjonista mmexxija mid-detentur tal-monopolju permezz ta’ attivitajiet ta’ reklamar intensivi.

    60      F’dan ir-rigward, J. Dickinger u F. Ömer, kif ukoll il-Gvern Malti, isostnu li s-sistema Awstrijaka ppermettiet espansjoni kostanti fil-provvista ta’ logħob tal-ażżard kif ukoll żieda kontinwa fl-infiq tar-reklamar orjentat lejn miri dejjem ġodda ta’ reklamar, qabel kollox iż-żgħażagħ, partikolarment fil-kuntest tal-pjattaforma tal-logħob fuq l-internet www.win2day.at mnedija mill-Österreichische Lotterien, fejn id-dħul minnha ssupera b’ħafna lil dak tal-każinòs tradizzjonali kollha flimkien.

    61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li żieda fl-attivitajiet kummerċjali ta’ operatur li ġew konċessi lilu drittijiet esklussivi fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, kif ukoll żieda sinjifikanti fid-dħul li huwa jirċievi minnhom jeħtieġ attenzjoni partikolari meta jitqies il-karattru koerenti u sistematiku tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u għalhekk, l-adegwatezza tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jirriżulta fil-fatt minn din il-ġurisprudenza li l-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ utilità pubblika permezz tad-dħul minn logħob tal-ażżard ma għandux ikunu l-għan reali ta’ politika restrittiva stabbilita f’dan il-qasam, iżda jista’ biss jiġi kkunsidrat bħala konsegwenza benefika inċidentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C-275/92, Ġabra p. I-1039, punti 57 u 60, tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et., C-124/97, Ġabra p.I-6067, punti 32 u 37, tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti C-67/98, Ġabra p. I-7289, punti 35 u 36, kif ukoll Gambelli et., iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 62).

    62      Għalhekk, Stat Membru ma jistax jinvoka raġunijiet ta’ ordni pubbliku dwar il-ħtieġa li jitnaqqsu l-opportunitajiet tal-logħob sa fejn l-awtoritajiet pubbliċi ta’ dan l-Istat iħajru u jinkoraġġixxu lill-konsumaturi sabiex jieħdu sehem fil-logħob tal-ażżard bil-għan li t-Teżor pubbliku jkun jista’ jagħmel profitt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gambelli et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

    63      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li politika ta’ espansjoni kkontrollata tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard tista’ tkun koerenti mal-għan li dan jiġi dirett lejn ambjenti kkontrollati billi jattira lil lagħba li jeżerċitaw attivitajiet ta’ logħob u mħatri klandestini pprojbiti lejn attivitajiet awtorizzati u regolamentati. Fil-fatt, tali politika tista’ tkun koerenti kemm mal-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-operat ta’ attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard bi skopijiet kriminali jew frawdolenti kif ukoll ma’ dak ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, billi tidderiġi lill-konsumaturi lejn l-offerta tad-detentur tal-monopolju pubbliku, offerta li titqies li hija kemm ħielsa minn elementi kriminali u mfassla sabiex il-konsumaturi jkunu protetti aħjar minn infiq eċċessiv u mill-vizzju tal-logħob (sentenza Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq, punti 101 u 102).

    64      Sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ direzzjoni lejn ambjenti kkontrollati, l-operaturi awtorizzati għandhom joffru alternattiva affidabbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għall-attivitajiet mhux regolamentati, liema ħaġa tista’ fiha nnifisha timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, reklamar ta’ ċertu firxa u l-użu ta’ tekniki ġodda ta’ distribuzzjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Placanica et., punt 55, kif ukoll Stoß et., punt 101).

    65      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tressqet quddiemha, jekk il-politika kummerċjali tad-detentur tal-monopolju tistax titqies, kemm fuq il-livell tal-firxa ta’ reklamar li sar kif ukoll tal-ħolqien ta’ logħob ġdid minnu, li tidħol fil-kuntest ta’ tali politika ta’ espansjoni kkontrollata fis-settur tal-logħob tal-ażżard intiża sabiex effettivament tidderiġi l-inklinazzjoni għal-logħob lejn ambjenti kkontrollati (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International, punt 37, kif ukoll Zetruf, punt 69).

    66      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, b’mod partikolari jekk, minn naħa, l-attivitajiet kriminali u frawdolenti marbuta mal-logħob u, min-naħa l-oħra, il-vizzju tal-logħob, setgħux, fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu problema fl-Awstrija u jekk espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati kinitx tkun ta’ natura li tirrimedja għal din il-problema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

    67      L-għan li l-konsumaturi jiġu protetti mid-dipendenza għal-logħob huwa, fil-prinċipju, diffiċilment kompatibbli ma’ politika ta’ espansjoni tal-logħob tal-ażżard, ikkaratterizzata b’mod partikolari mill-ħolqien ta’ logħob ġdid u mir-reklamar tiegħu, peress li tali politika tista’ titqies bħala koerenti biss jekk l-iskala tal-attivitajiet illegali tkun sostanzjali u jekk il-miżuri adottati jkunu intiżi sabiex jiggwidaw l-inklinazzjoni għal-logħob tal-konsumaturi lejn attivitajiet legali (sentenza Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

    68      F’kull każ, ir-reklamar eventwalment implementat mid-detentur ta’ monopolju pubbliku għandu jkun meqjus u strettament limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex b’hekk il-konsumaturi jiġu diretti lejn l-ambjenti tal-logħob ikkontrollati. Min-naħa l-oħra, tali reklamar ma jistax ikun intiż sabiex jinkoraġġixxi t-tendenza naturali tal-konsumaturi għal-logħob billi jħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fih, b’mod partikolari billi jibbanalizza l-logħob jew billi jagħtih dehra pożittiva marbuta mal-fatt li d-dħul miġbur ser jintuża għal attivitajiet ta’ interess ġenerali jew inkella billi jżid is-saħħa ta’ attrazzjoni tal-logħob permezz ta’ reklamar attraenti li jwiegħed rebħ kbir (sentenza Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 103).

    69      Huwa partikolarment importanti li ssir distinzjoni bejn l-istrateġiji tal-benefiċjarju ta’ monopolju li għandhom l-uniku għan li jinformaw lill-klijenti potenzjali dwar l-eżistenza ta’ prodotti u li jservu biex jiġi żgurat aċċess regolari għal-logħob tal-ażżard billi l-lagħba jiġu diretti lejn ambjenti kkontrollati, u dawk li jistiednu l-parteċipazzjoni attiva fil-logħob ta’ dan it-tip u li jistimulawh. B’hekk, għandha ssir distinzjoni bejn politika kummerċjali limitata, li tfittex biss li tikseb jew iżomm is-suq eżistenti għall-benefiċċju tal-organizzazzjoni li tibbenefika minn monopolju, u l-politika kummerċjali espansjonista, li l-għan tagħha huwa t-tkabbir tas-suq globali tal-attivitajiet tal-logħob.

     Fuq il-kompatibbiltà tar-restrizzjonijiet speċifiċi imposti fuq id-detentur tal-monopolju mal-Artikolu 49 KE

    70      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 49 KE ta’ sensiela ta’ restrizzjonijiet speċifiċi imposti fuq id-detentur tal-monopolju mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-forma legali tiegħu, tal-ammont tal-kapital azzjonarju tiegħu, tal-post tal-uffiċċju prinċipali tiegħu u tal-possibbiltà li jistabbilixxi friegħi fi Stati Membri differenti minn dak fejn dan id-detentur huwa stabbilit.

    71      F’dan ir-rigward, għandu preliminarjament jiġi mfakkar, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, li sa fejn monopolju jikkostitwixxi miżura restrittiva biss, dan għandu jkun intiż sabiex jiżgura livell partikolarment għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, u għandu għalhekk ikun akkumpanjat mill-implementazzjoni ta’ kuntest leġiżlattiv xieraq sabiex jiżgura li d-detentur ta’ dan il-monopolju jkun effettivament kapaċi jsegwi, b’mod koerenti u sistematiku, l-għan hekk stabbilit permezz ta’ offerta kwantitattivament imkejla u kwalitattivament imfassla skont l-għanijiet imsemmija u suġġett għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Stoß et., punt 83, u Zeturf, punt 58).

    72      Għalhekk, l-impożizzjoni ta’ ċerti restrizzjonijiet fuq id-detentur ta’ monopolju dwar il-logħob tal-azzard hija, fil-prinċipju, mhux biss kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, iżda meħtieġa minn dan tal-aħħar. Huwa meħtieġ ukoll li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom, b’mod partikolari li jkunu xierqa sabiex jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet segwiti mill-istabbiliment ta’ sistema ta’ monopolju, u li dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dak l-iskop. Għalkemm din il-verifika għandha bħala prinċipju ssir mill-qorti tar-rinviju, l-indikazzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu utli għaliha f’dan ir-rigward.

    –       Fuq il-formola legali u l-ammont tal-kapital azzjonarju tad-detentur tal-monopolju

    73      Mill-punti 1 u 3 tal-Artikolu 14(2) tal-GSpG jirriżulta li d-detentur tal-monopolju tal-operat tal-lotteriji elettroniċi għandu, min-naħa waħda, ikun kumpannija b’kapital azzjonarju u, min-naħa l-oħra, ikollu kapital azzjonarju nominali jew imħallas ta’ mhux anqas minn EUR 109 miljun.

    74      Skont il-Gvern Awstrijak, il-kundizzjoni relatata mal-forma ġuridika twieġeb għar-rieda li tiġi imposta fuq id-detentur tal-monopolju struttura ta’ impriża trasparenti sabiex ikun hemm prevenzjoni mill-ħasil tal-flus u mill-frodi. Dan jenfasizza li d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-istess rekwiżit tal-forma ġuridika f’dak li jirrigwarda l-kamp tal-assigurazzjoni. Fir-rigward tal-ammont tal-kapital azzjonarju, dan il-gvern isostni li huwa proporzjonat mal-ammont ta’ qligħ li d-detentur tal-monopolju jista’ jdaħħal fil-kuntest tal-logħob differenti li huwa awtorizzat li jipproponi fuq l-internet, peress li dawn jistgħu jinkludu jackpots ta’ diversi miljuni ta’ Euro.

    75      Min-naħa l-oħra, J. Dickinger u F. Ömer isostnu li l-ammont tal-kapital azzjonarju meħtieġ ta’ EUR 109 miljun huwa sproporzjonat fid-dawl tal-fatt li l-kapital meħtieġ għal istituzzjoni ta’ kreditu fl-Awstrija huwa biss EUR 5 miljun.

    76      Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tas-sentenza Engelmann, iċċitata iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ forma legali partikolari għall-operaturi fil-qasam tal-logħob tal-ażżard jista’, taħt l-obbligi li huma suġġetti għalihom ċerti tipi ta’ kumpanniji, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni interna tagħhom, iż-żamma tal-kontijiet tagħhom, il-kontrolli li jistgħu jsirulhom u r-relazzjonijiet ma’ partijiet terzi, ikun ġustifikat mill-għan ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-frodi, li huwa invokat mill-Gvern Awstrijak f’dan il-każ.

    77      Bl-istess mod, il-ħtieġa li jiġi ddepożitat kapital azzjonarju ta’ ċertu daqs tista’ tkun utli biex tiġi żgurata ċerta kapaċità finanzjarja min-naħa tal-operatur u li jiġi żgurat li huwa jkun kapaċi li jissodisfa l-obbligi li jista’ jkollu fir-rigward tal-lagħba rebbieħa. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi b’mod partikolari li r-restrizzjoni imposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan mixtieq. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fir-rigward tal-possibbilitajiet l-oħra biex jiġi żgurat li l-krediti tal-lagħba rebbieħa jiġu onorati mill-operatur, il-karattru proporzjonat tar-rekwiżit inkwistjoni.

    –       Fuq il-post tas-sede tad-detentur tal-monopolju

    78      Il-punt 1 tal-Artikolu 14(2) tal-GSpG jipprovdi li d-detentur tal-monopolju għall-operat tal-lotteriji għandu jkollu s-sede tiegħu fit-territorju nazzjonali.

    79      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 120 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-obbligu jikkostitwixxi restrizzjoni diskriminatorja li tista’ tiġi ġġustifikata biss abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 KE, jiġifieri l-protezzjoni tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika jew tas-saħħa pubblika.

    80      Il-gvern Awstrijaku jsostni li l-preżenza tas-sede fit-territorju nazzjonali hija meħtieġa sabiex tippermetti l-kontroll effettiv tal-logħob online u li l-awtoritajiet Awstrijaċi ma għandhomx l-istess possibbilitajiet ta’ kontroll fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra. Dan josserva wkoll li l-preżenza ta’ Kummissarju tal-Istat fl-organi ta’ sorveljanza tad-detentur tal-monopolju, b’mod konformi mal-Artikolu 19(2) tal-GSpG tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jissorveljaw effettivament id-deċiżjonijiet u l-amministrazzjoni tad-detentur tal-monopolju. B’hekk, dawn l-awtoritajiet ikunu f’qagħda li jkollhom konoxxenza tad-deċiżjonijiet ta’ dan id-detentur qabel ma jiġu implementati u li jopponuhom jekk jiksru l-għanijiet tal-politka nazzjonali fil-qasam tal-logħob. Skont dan il-gvern, l-awtoritajiet imsemmija ma jkollhomx l-istess possibbilitajiet fir-rigward ta’ operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

    81      Madankollu, hekk kif ġie osservat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, J. Dickinger u F. Ömer kif ukoll il-Gvern Malti, li b’mod partikolari jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 14(5) tal-GSpG, argumentaw li l-għan ewlieni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa dak li jiżdied id-dħul mit-taxxa ġġenerat mil-logħob tal-ażżard. Għalkemm l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tinsab fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, għandu fi kwalunkwe każ jiġi kkonstatat li sistema għall-allokazzjoni ta’ konċessjonijiet ibbażata fuq il-kriterju tal-massimizzazzjoni tad-dħul għat-Teżor pubbliku, li sistematikament tiżvantaġġa lill-operaturi stabbiliti fi Stati Membri barra mir-Repubblika tal-Awstrija minħabba l-fatt li operatur li jkollu s-sede tiegħu fit-territorju Awstrijaku x’aktarx ikollu jħallas iktar taxxi fl-Awstrija minn operatur li jistabilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor, ma tistax jitqies bħala kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    82      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, l-għan ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tad-detentur tal-monopolju u l-argument ibbażat fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat kontroll effettiv tal-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari bil-preżenza ta’ kummissarji tal-Istat invokat mill-Gvern Awstrijak, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ ordni pubbliku, min-naħa waħda, jippreżumi theddida reali u suffiċjentement gravi li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà u, min-naħa l-oħra, għandu, bħala ġustifikazzjoni għal deroga minn prinċipju fundamentali tat-Trattat, jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1982, Adoui u Cornuaille, 115/81 u 116/81, Ġabra p. 1665, punt 8, Calfa, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 23; tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et., C-268/99, Ġabra p. I-8615, punt 59, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-161/07, Ġabra p. I-10671, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    83      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, l-ewwel nett, jekk l-għanijiet invokati mill-Gvern Awstrijak jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett u, it-tieni nett, jekk ikun il-każ, jekk l-obbligu fir-rigward tas-sede inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax il-kriterji ta’ neċessità u proporzjonalità skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    84      Il-qorti tar-rinviju għandha, b’mod partikolari, tiddetermina jekk jeżistux mezzi oħra inqas restrittivi biex jiġi żgurat livell ta’ kontroll tal-attivitajiet tal-operaturi stabbiliti fit-territorju ta’ Stati Membri oħra bara r-Repubblika tal-Awstrija ekwivalenti dak li jista’ jsir fir-rigward tal-operaturi fejn għandhom is-sede fit-territorju tal-Awstrija.

    –       Fuq il-projbizzjoni li jiġu stabbiliti friegħi fi Stati Membri oħra

    85      Skont l-Artikolu 15(1) tal-GSpG, il-konċessjonarju ma għandu l-ebda dritt li jistabbilixxi friegħi barra mit-territorju Awstrijaku.

    86      Skont il-Gvern Awstrijak, din il-projbizzjoni ma tagħmel xejn ħlief li tikkonkretizza l-idea li tgħid li huwa kull Stat Membru li għandu jirregola l-operat tal-logħob tal-ażżard fit-territorju tiegħu.

    87      Madankollu, il-libertà ta’ kull Stat Membru li jirregola l-operat tal-logħob tal-ażżard fit-territorju tiegħu ma hijiex, minnha nnifisha, għan leġittimu ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat.

    88      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiet invokata l-ebda ġustifikazzjoni valida għall-projbizzjoni imposta fuq id-detentur tal-monopolju inkwistjoni fil-kawża prinċipali milli jistabbilixxi friegħi barra mit-territorju Awstrijaku.

     Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontrolli fuq l-operaturi tal-logħob tal-ażżard imwettqa fi Stati Membri oħra

    89      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kontrolli fuq l-operaturi tal-logħob tal-ażżard imwettqa fi Stati Membri oħra humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li joħloq monopolju f’dak li jrrigwarda l-logħob tal-każinò fuq l-internet.

    90      Mill-formulazzjoni tat-tielet domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tidher li titlaq mill-premessa li, min-naħa waħda, l-interessi regolatorji invokati mill-Istat Membru ospitanti, jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija, biex jiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni biżżejjed fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, f’dan il-każ ir-Repubblika ta’ Malta, u min-naħa l-oħra, fl-intensità tagħhom, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dan l-Istat imorru anki lil hinn minn dawk applikabbli fl-Istat Membru ospitanti.

    91      F’dan il-kuntest, il-Gvern Malti sostna li l-Istat Malti kien l-ewwel li żviluppa sistema regolatorja maħsuba b’mod speċifiku biex tikkontrolla u tissorvelja l-logħob tal-ażżard fuq l-internet li, filwaqt li hija bbażata fuq l-istess prinċipji u għanijiet bħal dawk li jikkaratterizzaw il-leġiżlazzjoni dwar il-kanali tradizzjonali ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi, ġiet imfassla bil-għan li twieġeb għar-riskji inerenti marbuta ma’ dawn is-sistemi ta’ operat moderni. B’mod partikolari, il-kontrolli stabbiliti fit-territorju Malti jmorru lil hinn mill-eżami superfiċjali stabbilit fit-territorju ta’ Ġibiltà fil-kawża li wasslet għas-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq.

    92      Barra minn hekk, J. Dickinger u F. Ömer, kif ukoll il-Gvern Malti, isostnu li l-logħob tal-ażżard ikkummerċjalizzat permezz tal-internet jista’ jiġi kkontrollat b’mod iktar effettiv minn dak ikkumerċjalizzat permezz ta’ kanali tradizzjonali minħabba t-traċċabbilità tat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa b’mod informatiku, liema ħaġa tippermetti b’mod partikolari li jiġu skoperti faċilment operazzjonijiet problematiċi jew suspettużi. Barra minn hekk, minħabba l-ħtieġa għall-konsumaturi li jkollhom kont bankarju għall-ħlas tar-rebħ, huwa possibbli li tiġi żgurata trasparenza ikbar meta mqabbla mal-kanali tal-logħob tradizzjonali.

    93      L-operaturi Maltin tal-grupp bet-at-home.com kienu suġġetti għal kontrolli stretti ta’ aċċess li jinvolvu eżami tal-kwalitajiet professjonali u tal-integrità tagħhom. Dawn l-operaturi għadhom suġġetti għall-kontroll u għas-sorveljenza kontinwa tal-awtoritajiet kompetenti Maltin biex jirregolaw lil dan is-settur, b’mod partikolari l-Lotteries and Gaming Authority. Din tal-aħħar dejjem implementat sistemi regolatorji avvanzati u b’saħħithom, li jinkludu kontrolli fuq il-persuni involuti, kif ukoll fuq is-sistemi u l-proċessi użati mill-operatur.

    94      J. Dickinger u F. Ömer, kif ukoll il-Gvern Malti, jinvokaw il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li ma huwiex konformi mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li fornitur jiġi ssuġġettat għal restrizzjonijiet għall-fini li jiġu mħarsa interessi ġenerali sa fejn dawn l-interessi huma diġà mħarsa mir-regoli li l-fornitur huwa suġġett għalihom fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1981, Webb, 279/80, Ġabra p. 3305, punt 17, tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et., C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punti 34 u 35, kif ukoll tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 38).

    95      Konsegwentement, dawn josservaw li, peress li l-kwalitajiet u l-integrità professjonali tas-sussidjarji Maltin huma diġà ggarantiti mill-kontrolli li huma applikati fuqhom f’Malta, huwa bi ksur tal-Artikolu 49 KE li l-awtoritajiet Awstrijaċi jeskluduhom mis-suq Awstrijaku minħabba l-allegat tiftix tal-għan ta’ protezzjoni tal-lagħba mill-frodi mwettqa minn operaturi tal-logħob tal-ażżard.

    96      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li l-ebda obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa mid-diversi Stati Membri ma jista’ jeżisti fid-dawl tal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 112). Fil-fatt, fid-dawl tan-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unioni tal-leġiżlazzjoni tas-settur tal-logħob tal-ażżard u tad-diverġenzi sinjifikattivi bejn l-għanijiet segwiti kif ukoll il-livelli ta’ protezzjoni mfittxija mil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti, is-sempliċi fatt li operatur jipproponi legalment servizzi fi Stat Membru, fejn ikun stabbilit u fejn fil-prinċipju jkun diġà suġġett għal kundizzjonijiet legali u għal kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat tal-aħħar, ma jistax jitqies bħala garanzija suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi nazzjonali kontra r-riskji ta’ frodi u ta’ kriminalità, fid-dawl tad-diffikultajiet li jistgħu jsibu, f’tali kuntest, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwalitajiet u tal-onestà professjonali tal-operaturi (ara s-sentenza ċcitata iktar ’il fuq Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, punt 69).

    97      Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, is-sempliċi fatt li Stat Membru għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ma jista jkollu ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati f’dan il-qasam, li għandhom jiġu evalwati biss fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li dawn jixtiequ jiżguraw.

    98      Fil-fatt, l-Istati Membri differenti mhux neċċessarjament għandhom l-istess mezzi tekniċi biex jikkontrollaw il-logħob tal-ażżard online li ma jagħmlux bilfors l-istess għażla f’dan ir-rigward. Għalkemm il-Gvern Malti stess sostna li r-Repubblika ta’ Malta hija l-ewwel Stat Membru li żviluppa sistema regolatorja maħsuba b’mod speċifiku sabiex tikkontrolla u tissorvelja l-logħob tal-ażżard fuq l-internet, il-fatt li livell partikolari ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kontra frodi minn operatur fi Stat Membru partikolari jista’ jinkiseb bl-applikazzjoni ta’ tekniki sofistikati ta’ kontroll u ta’ sorveljanza ma jippermettix li jiġi konkluż li l-istess livell ta’ protezzjoni jista’ jinkiseb minn Stati Membri oħra li ma għandhomx dawn il-mezzi tekniċi jew li ma għamlux l-istess għażliet. Stat Membru jista’, barra minn hekk, ikun jixtieq li leġittimament jissorvelja attività ekonomika li sseħħ fit-territorju tiegħu, liema ħaġa tkun impossibbli għalih jekk ikollu jibbaża ruħu fuq kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor permezz ta’ sistemi regolatorji li ma jikkontrollax huwa nnifsu.

    99      Konsegwentement, il-ġurisprudenza invokata minn J. Dickinger u F. Ömer, kif ukoll mill-Gvern Malti, li tgħid li ma huwiex konformi mal-Artikolu 49 KE li fornitur jiġi suġġett għal restrizzjonijiet sabiex jiġu salvagwardjati interessi ġenerali safejn dawn l-interessi huma diġà salvagwardjati fl-Istat Membru ta’ stabbiliment ma hijiex, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, applikabbli f’qasam bħalma huwa dak tal-logħob tal-ażżard, li ma huwiex armonizzat fuq livell tal-Unjoni u li fih l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-għanijiet li huma bi ħsiebhom isegwu u l-livell ta’ protezzjoni li jridu jilħqu.

    100    Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel u t-tielet domanda għandha tkun li:

    L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    a)      Stat Membru li jfittex li jiżgura livell ta’ protezzjoni partikolarment għoli tal-konsumaturi fis-settur tal-logħob tal-ażżard jista’ jkun intitolat li jikkunsidra li huwa biss l-għoti ta’ monopolju favur organu uniku suġġett għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jista’ jippermettilu jikkontrolla l-kriminalità marbuta ma’ dan is-settur u jfittex l-għan ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u mal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob b’mod suffiċjentement effettiv;

    b)      biex tkun konsistenti mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità kif ukoll biex jitnaqqsu l-opportunitajiet għal-logħob, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju fir-rigward tal-logħob tal-ażżard li tippermetti lid-detentur tal-monopolju jimplementa politika ta’ espansjoni għandha:

    –        tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni li tgħid li l-attivitajiet kriminali u frawdolenti relatati mal-logħob u mal-vizzju tal-logħob jikkostitwixxu problema fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat li fih, espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati, tkun ta’ natura li tindirizza, u

    –        tippermetti biss l-implementazzjoni ta’ reklamar bil-qies u strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ sabiex il-konsumaturi jiġu diretti lejn networks tal-logħob ikkontrollati;

    ċ)      il-fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati fir-rigward, li għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li huma maħsuba jiżguraw.

     Fuq l-ispejjeż

    101    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 49 KE, jipprekludi li jiġi ssanzjonat kriminalment il-ksur ta’ monopolju għall-operat tal-logħob tal-ażżard, bħall-monopolju għall-operat tal-logħob ta’ każinò kkummerċjalizzat fuq l-internet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk tali leġiżlazzjoni ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

    2)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-servizzi tal-logħob tal-ażżard ikkummerċjalizzati bl-internet fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti minn operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor minkejja l-fatt li dan l-operatur:

          stabilixxa fl-Istat Membru ospitanti ċerta infrastruttura bħal server, u

          jinqeda b’servizzi ta’ appoġġ minn fornitur stabbilit fl-Istat Membru ospitanti biex jipprovdi s-servizzi tiegħu lil konsumaturi li wkoll huma stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

    3)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    a)      Stat Membru li jfittex li jiżgura livell ta’ protezzjoni partikolarment għoli tal-konsumaturi fis-settur tal-logħob tal-ażżard jista’ jkun intitolat li jikkunsidra li huwa biss l-għoti ta’ monopolju favur organu uniku suġġett għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jista’ jippermettilu jikkontrolla l-kriminalità marbuta ma’ dan is-settur u jfittex l-għan ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u mal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob b’mod suffiċjentement effettiv;

    b)      biex tkun konsistenti mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità kif ukoll biex jitnaqqsu l-opportunitajiet għal-logħob, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju fir-rigward tal-logħob tal ażżard li tippermetti lid-detentur tal-monopolju jimplementa politika ta’ espansjoni għandha:

    –         tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni li tgħid li l-attivitajiet kriminali u frawdolenti relatati mal-logħob u mal-vizzju tal-logħob jikkostitwixxu problema fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat li fih, espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati, tkun ta’ natura li tindirizza, u

    –         tippermetti biss l-implementazzjoni ta’ reklamar bil-qies u strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ sabiex il-konsumaturi jiġu diretti lejn networks tal-logħob ikkontrollati;

    ċ)      il-fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati fir-rigward, li għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal għanijiet segwiti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li huma maħsuba jiżguraw.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top